RAPPORT dwar Persuni Nieqsa f'Ċipru − Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2007
9.4.2008 - (2007/2280(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Ewa Klamt
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Persuni Nieqsa f'Ċipru − Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar persuni nieqsa f'Ċipru[1],
– wara li kkunsidra r-rapporti rilevanti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[2], ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti[3] u l-inizjattivi internazzjonali meħuda biex jiġi investigat x'sar minnhom il-persuni nieqsa f'Ċipru[4],
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) ta' l-10 ta' Mejju 2001[5] u ta' l-10 ta' Jannar 2008[6] rigward persuni nieqsa f'Ċipru,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0139/2008),
A. billi ż-żjara li għamlet ir-rapporteur lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa (CMP), lill-postijiet ta' eżumazzjoni, lil-laboratorju antropoloġiku taż-żewġ komunitajiet u lill-familji ta' persuni nieqsa f'Ċipru kienet maħsuba esklussivament biex teżamina l-problema umanitarja tal-persuni nieqsa (Griegi Ċiprijotti u Torok Ċiprijotti) li toħroġ mid-dritt tal-familjari tagħhom li jkunu jafu x'sar minnhom,
B. billi l-aġunija kbira u t-tbatija tal-familji tal-persuni nieqsa, li ilhom jistennew risposta għal deċenji dwar x'sar mill-maħbubin tagħhom, għadhom għaddejjin u billi għandhom għalhekk isiru l-isforzi kollha biex jitħaffu l-investigazzjonijiet meta l-persuni li setgħu raw xi ħaġa għadhom jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom,
C. billi s-CMP f'Ċipru wettaq progress mill-2004 'l hawn bl-eżumazzjoni u l-identifikazzjoni ta' fdalijiet umani u wera determinazzjoni biex jimxi 'l quddiem bil-għan li jikseb riżultati li jistgħu jinkisbu biss jekk il-kapaċità tiżdied, b'mod partikolari fuq il-post,
D. billi l-Proġett tas-CMP dwar l-Eżumazzjoni, l-Identifikazzjoni u r-Ritorn tal-Fdalijiet Umani ilu sejjer minn Awwissu 2006 u sal-lum ġew eżumati 373 sett ta' fdalijiet uman, li 262 minnhom ġew analizzati fil-laboratorju antropoloġiku tas-CMP sabiex isiru identifikazzjonijiet preżuntivi,
E. billi l-Laboratorju tal-Ġenetika Forensika ta' l-Istitut Ċiprijott tan-Newroloġija u l-Ġenetika ġie mogħti r-responsabilità sabiex jidentifika bl-użu ta' DNA l-fdalijiet ta' l-iskeletri eżumati, bl-ewwel kampjuni sottomessi fil-bidu ta' April 2007,
F. billi l-ewwel identifikazzjonijiet pożittivi saru lejn tmiem Ġunju 2007 u billi sal-lum il-fdalijiet ta' 83 persuna li ġew eżumati fi ħdan il-qafas tal-Proġett tas-CMP ġew identifikati permezz ta' dan il-proċess,
G. billi l-ikbar kontribuzzjoni għas-CMP, EUR 1,5 miljun, tkopri biss il-perjodu sa tmiem l-2008 u saret fi ħdan il-qafas ta' l-appoġġ finanzjarju ta' l-UE għall-Komunità Torka-Ċiprijota.
H. billi għandha tiġi nnotata b'mod speċjali l-koperazzjoni kostruttiva bejn il-membri Griegi-Ċiprijotti u Torok-Ċiprijotti tas-CMP, kif ukoll il-koperazzjoni tajba bejn timijiet taż-żewġ komunitajiet Griegi Ċiprijotti u Torok Ċiprijotti, kemm fil-laboratorju kif ukoll fuq il-post,
1. Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex ikomplu fil-koperazzjoni sinċiera u onesta tagħhom bil-għan li jiġu finalizzati malajr l-investigazzjonijiet xierqa rigward id-destin tal-persuni kollha nieqsa f'Ċipru u biex jingħata effett sħiħ lis-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-10 ta' Mejju 2001;
2. Jistieden lill-partijiet konċernati u lil dawk kollha li għandhom, jew huma fil-pożizzjoni li jkollhom, kwalunkwe tagħrif jew evidenza li tkun ġejja minn għarfien personali, minn arkivji, jew minn rapporti mill-kamp tal-battalja jew dokumentazzjoni ta' siti ta' detenzjoni sabiex jgħaddu din l-informazzjoni jew din l-evidenza lis-CMP biex ikun megħjun iħaffef xogħlu;
3. Jappoġġja l-allokazzjoni ta' għajnuna finanzjarja ulterjuri għas-CMP għas-snin 2009 u 'l quddiem u jqis essenzjali li jkunu previsti EUR 2 miljun ulterjuri fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-2009;
4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu dwar din l-għajnuna finanzjarja ulterjuri għall-2009, mhux biss sabiex jitkompla x-xogħol, iżda anki biex tiżdied il-kapaċità, b'mod partikolari fuq il-post, sabiex jitqabbdu aktar xjentisti u jiġi ffinanzjat aktar tagħmir;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom;
6. Jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex ikompli jsegwi l-kwistjoni tal-persuni nieqsa f'Ċipru u jressaq rapport annwali;
7. Jawtorizza lir-rapporteur u lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonvinċu lill-partijiet kollha kkonċernati biex jikkontribwixxu b'mod sinċier u attiv fl-attivitajiet ta' investigazzjoni li għandhom l-għan li jiskopri x'ġara minn kull persuna nieqsa;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' Ċipru, tat-Turkija, tal-Greċja u tar-Renju Unit kif ukoll lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru.
- [1] ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 243.
- [2] Partikolarment l-aħħar wieħed dwar l-azzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ċipru (S/2007/699), Kapitolu IV.
- [3] Partikolarment ir-riżoluzzjoni 1789 (2007) ta' l-14 ta' Diċembru 2007.
- [4] Il-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru: http://www.cmp-cyprus.org
- [5] Ċipru vs. it-Turkija (GC), nru. 25781/94, ECHR 2001-IV.
- [6] Varnava u Oħrajn v. it-Turkija , numri16064/90, 16065/90,16066/90, 16068/90, 16069/90, 16070/90, 16071/90, 16072/90 u 16073/90; jistenna appell għad-deċiżjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
27.3.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Carlos Coelho, Esther De Lange, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Sarah Ludford, Rareş-Lucian Niculescu, Athanasios Pafilis, Martine Roure, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Sophia in ‘t Veld, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Bill Newton Dunn, Nicolae Vlad Popa, Herbert Reul |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ilda Figueiredo, Manolis Mavrommatis |
|||||