RAPPORT dwar l-istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE 2007-2013

16.4.2008 - (2007/2189(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Lasse Lehtinen

Proċedura : 2007/2189(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0155/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE 2007-2013

(2007/2189(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata "L-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 - Responsabiltajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom" (COM(2007)0099),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-Polikta tal-Konsumatur ta' l-UE (2007-2013), adottata fil-laqgħa tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-obbligi tal-fornituri transkonfinali ta' servizzi[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis dwar il-Konsumatur[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2007 dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali[4],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21(COM(2007)0724),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, anċillari mal-Komunikazzjoni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 dwar servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid (COM(2007)0725),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21(COM(2007)0726),

 wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni intitolat "Inizjattivi fil-Qasam tas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur" (SEC(2007)1520), dokument mehmuż mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0155/2008),

Introduzzjoni

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE u anki japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkorpora l-kultura tal-konsumatur stabbilita fuq livell ogħla ta' l-għarfien tal-konsumatur, li jifforma l-bażi għal traspożizzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-qafas legali eżistenti;

2.   Hu tal-fehma li huwa meħtieġ approċċ orizzontali lejn il-politika tal-konsumatur u li huwa vitali li jitqiesu l-interessi tal-konsumatur fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi kollha ta' l-UE jgawdu minn livell għoli ta' ħarsien; għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat il-bżonn li jiġi żgurat li s-suq intern jirreaġixxi aktar għall-aspettattivi u għat-tħassib taċ-ċittadini; jenfasizza li l-ħarsien tal-konsumatur u t-twettiq tas-suq intern mhumiex għanijiet li jmorru kontra xulxin iżda jmorru id f'id; ifakkar lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, li l-politika tal-konsumatur għandha tkun preżenti fl-oqsma kollha tal-politika sa mill-istadju ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt;

3.   Iqis li l-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur jistgħu jiġu sodisfatti permezz tal-leġiżlazzjoni biss jekk tkun aħjar, aktar sempliċi u mħejjija bl-involviment tad-Direttorati Ġenerali kollha kompetenti tal-Kummissjoni - Saħħa u Ħarsien tal-Konsumatur; Ġustizzja, Libertà u Sigurtà; Suq Intern u Servizzi; Kompetizzjoni;

4.   Jenfasizza l-fatt li r-reviżjoni ta' l-acquis tal-konsumatur għandha twassal għal qafas legali aktar koerenti għad-drittijiet tal-konsumaturi; ifakkar fil-preferenza tiegħu għall-adozzjoni ta' approċċ imħallat, jiġifieri strument orizzontali bl-għan ewlieni li jiżgura l-koerenza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u li jagħmilha possibbli li l-lakuni jingħalqu billi jinġabru flimkien, f'liġi konsistenti, kwistjonijiet ġenerali li huma komuni għad-direttivi kollha; iqis li kwistjonijiet speċifiċi għandhom ikomplu jiġu kkunsidrati separatament fid-direttivi settorjali; il-prinċipji stabbiliti tad-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu applikati wkoll fil-qasam diġitali; fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-aquis, iħeġġeġ sabiex isiru aktar passi biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-konsumaturi, inkluża l-privatezza u s-sigurtà, fil-qasam diġitali, mingħajr ma jitpoġġa piż żejjed u mhux ġustifikat fuq l-industrija;

5.   Jiddeplora l-enfasi dgħajjef fuq il-liġi tal-kuntratti fil-ħarsien tal-konsumatur u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu spunt mill-ħidma fil-proġett dwar il-liġi tal-kuntratti, u fejn meħtieġ terġa' tiffokalizzaha;

6.   Ladarba l-akbar xkiel għall-iżvilupp tas-suq intern fil-bejgħ bl-imnut jinkludi inċertezzi rigward il-kuntratti tal-konsumatur, jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tintroduċi kuntratti standard u kundizzjonijiet għal kuntratti li jiġu ffirmati online li jkollhom l-istess saħħa fl-Istati Membri kollha ta' l-UE;

7.   Jenfasizza l-irwol importanti ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fit-titjib tal-kultura tal-konsumatur; iqis li organizzazzjonijiet tal-konsumatur b'saħħithom u indipendenti huma l-bażi ta' politika effettiva tal-konsumatur; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu fondi xierqa għal organizzazzjonijiet bħal dawn; jagħti parir lill-Kummissjoni biex meta tfassal proposti leġiżlattivi marbuta mal-ħarsien tal-konsumatur, iżżid il-kuntatt ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi, li huma f'pożizzjoni tajba li jidentifikaw il-ħtiġijiet veri tal-konsumaturi;

8.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal uffiċjali għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi li għandhom jinħatru fi ħdan il-Kummissjoni; iħeġġeġ lil kull Direttorat-Ġenerali partikulari biex jippubblika rapport annwali dwar kif il-politika tal-konsumatur hija integrata fil-qasam tar-responsabilità tiegħu;

9.   Hu tal-fehma li ħarsien b'saħħtu tal-konsumatur u sistema effettiva fl-Ewropa kollha se jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi u għall-bejjiegħa kompetittivi; jenfasizza l-fatt li dan se joħloq inċentivi għan-negozji biex jipproduċu u jbigħu aktar oġġetti li jservu fit-tul u li dan min-naħa tiegħu se jirriżulta għal tkabbir aktar sostenibbli; jenfasizza l-fatt li huwa meħtieġ ħarsien tal-konsumatur aktar effettiv u mtejjeb sabiex jintlaħaq suq intern li jopera aħjar;

10. Jitlob miżuri biex ikun żgurat li s-27 suq żgħir nazzjonali fl-UE fil-fatt jinbidlu fl-akbar suq tal-bejgħ bl-imnut fid-dinja; huwa tal-fehma li dan jeħtieġ li ċ-ċittadini jħossuhom ugwalment sikuri meta jixtru permezz ta' l-internet u kif ukoll mill-ħanut lokali tal-kantuniera, u li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) ikunu jistgħu joqogħdu fuq l-istess regoli sempliċi kullimkien fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis modi kif ittejjeb il-ħarsien għall-SMEs, b'mod partikolari permezz ta' l-Att dwar in-Negozji Żgħar;

11. Jenfasizza li l-tlestija tas-suq intern għandha tkun prijorità; jirrikonoxxi l-irwol pożittiv li kellu l-euro fit-tnaqqis ta' l-ispejjeż tat-transazzjonijiet, fl-iffaċilitar għall-konsumatur tal-paragun tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi, u fiż-żieda tal-potenzjali tas-suq intern bl-imnut; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-ġodda biex ikomplu r-riformi sabiex ikun possibbli li jadottaw l-euro eżatt kif jilħqu l-kriterji ta' Maastricht, u b'hekk jibbenefikaw bis-sħiħ mill-impatt pożittiv tal-munita unika fis-suq intern; jistieden sabiex jitneħħew il-barrieri u l-ostakli kollha li baqa' sabiex tkun assigurata l-fiduċja tal-konsumaturi f'xiri u kuntratti transkonfinali, partikularment f'dak li jirrigwarda s-servizzi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-ħtieġa ta' metodu speċifiku f'dak li jirrigwarda l-lingwa, il-kultura u l-preferenzi tal-konsumaturi;

12. Jenfasizza li r-regoli Ewropej fil-politika tal-konsumatur u l-inizjattivi għal awto-regolazzjoni għandhom iservu bħala referenza għal standards globali jew l-aħjar prattiki u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ewropa tagħti direzzjonijiet ġodda, filwaqt li tuża l-influwenza tagħha mingħajr ma timponi biex ittejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi madwar id-dinja;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jappoġġjaw bis-saħħa d-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti billi jiżguraw l-integrità tal-marka CE u t-titjib fis-sorveljanza tas-suq, bl-użu tas-sistema RAPEX (Sistema ta' Twissija Rapida għal prodotti tal-konsum li mhumiex ta' l-ikel), permezz ta' l-iskambju ta' soluzzjonijiet ta' l-aħjar prattiki għas-sorveljanza tas-suq fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem ma' l-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti tkun implimentata kif xieraq u infurzata bis-sħiħ mill-Istati Membri u tkun evalwata l-possibilità li tiġi riveduta d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti[5] ("Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti"); ifakkar li l-marka CE tista' tkun interpretata ħażin bħala indikazzjoni ġenerali ta' testijiet magħmula minn terzi persuni jew bħala marka ta' oriġini, imma wkoll li l-Kummissjoni ntalbet[6] li tressaq analiżi fil-fond fil-qasam tal-marki ta' sikurezza għall-konsumatur, u jekk ikun meħtieġ, wara din l-analiżi jsiru proposti leġiżlattivi;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti fil-livell Internazzjonali, b'mod partikolari ma' l-awtoritajiet Ċiniżi, ta' l-Istati Uniti u dawk Ġappuniżi; jinnota li d-djalogu kontinwu u t-tpartit tat-tagħrif dwar is-sigurtà tal-prodotti huma fl-interess tal-partijiet kollha u huma fundamentali għall-bini tal-kunfidenza tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew b'mod regolari;

Bażi ta' għarfien imtejba

15. Huwa ta' l-opinjoni li, bħala regola, il-konsumaturi jistgħu jitqiesu li ġabu ruħhom b'mod razzjonali qabel ix-xiri, imma ma jkunux konxji mid-drittijiet tagħhom kollha fil-każ ta' problemi; għalhekk jistieden sabiex ikun hemm iffukar fuq imġiba ġenwina tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-persuni anzjani u l-persuni b'ċerti diżabilitajiet; ifakkar fil-linja baġitarja li għadha kif ġiet adottata u li kienet proposta mill-Parlament Ewropew għal proġett pilota inter alia biex tiġi żviluppata 'database' tal-konsumaturi u biex isir stħarriġ u jsiru intervisti u jitqabblu l-kisbiet fl-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni għall-politika tal-konsumatur li se twassal għal ftehim aħjar inter alia ta' l-istrutturi tal-prezzijiet u ta' l-imġieba u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li kull miżura ta' armonizzazzjoni tkun maħsuba bir-reqqa biex jiġu solvuti l-problemi veri li jiffaċċjaw il-konsumaturi fis-suq intern: iqis li, fejn ikun hemm ħtieġa ġenwina ta' armonizzazzjoni, din għandha tkun kompleta sabiex tevita nuqqasijiet fil-ħarsien tal-konsumatur fl-Ewropa u tevita li tkun diffiċli għall-intrapriżi li jikkunsidrawha fil-marketing transkonfinali; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali hija diżinċentiv għall-SMEs li qed ifittxu l-kummerċ madwar l-Ewropa kollha u hija ta' konfużjoni għall-konsumatur;

17. Hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-konsumaturi biex dawn ikunu mogħnija bil-ħiliet u bl-għodda meħtieġa biex iżidu l-fiduċja tagħhom fl-ambjent diġitali; jinnota li d-dejta personali saret prodott kummerċjali kif ukoll ingredjent ta' metodi kummerċjali, eżempju l-identifikazzjoni ta' l-imġiba; għalhekk, huwa ta' l-opinjoni li l-protezzjoni tad-dejta u r-regoli tal-privatezza għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe strateġija tal-konsumatur; jenfasizza l-fatt li d-dejta hija disponibbli għall-użu fi kwalunkwe ħin, f'kull parti tad-dinja; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal standards globali għall-protezzjoni tad-dejta fil-qasam kummerċjali, li għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt bejn min ifassal il-liġi u l-organizzazzjonijiet ta' l-industrija u tal-konsumaturi;

18. Jenfasizza l-irwol importanti ta' metodi ta' bejgħ ġodda u li qed jintużaw dejjem aktar, bħall-kummerċ elettroniku, fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-suq intern u, bħala konsegwenza, il-kapaċità ta' konsum; huwa ta' l-opinjoni li s-swieq finanzjarji, tal-banek u ta' l-assikurazzjonijiet huwa miftuħa b'mod partikulari għall-kummerċ elettroniku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassiguraw li jkun hemm kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-iżvilupp ta' xiri elettroniku transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni biex tmexxi studju dwar il-mekkaniżmi differenti għas-soluzzjoni ta' nuqqas ta' ftehim bejn il-konsumaturi u l-intrapriżi użati fl-Istati Membri, bil-għan li jiġi identifikat u promoss l-użu ta' dawk li huma effettivi; iħeġġeġ sabiex ikun hemm il-ħolqien ta' bażi soda ta' ħarsien għall-konsumaturi, xi ħaġa essenzjali, b'mod partikulari fis-servizzi finanzjarji;

19. Jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u t-Teknoloġija bħala għodda biex jiżdied aktar il-ftehim analitiku u empiriku ta' l-imġiba tal-konsumaturi;

20. Huwa ta' l-opinjoni li l-ħarsien tal-konsumaturi għandu jkun parti integrali mill-proċess ta' pjanifikar u tfassil tal-prodotti u s-servizzi min-naħa ta' l-intrapriżi, u li l-eżami tat-tibdil fis-suq huwa vitali;

21. Jistieden sabiex ikun hemm miżuri li jtejbu d-djalogu fil-livell ta' l-UE bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-industrija, biex jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur; huwa ta' l-opinjoni li djalogu tajjeb, inkluż l-iskambju ta' l-aħjar prattiki, jista' jnaqqas il-problemi fis-suq intern: jappoġġja inizjattivi mfassla biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam tal-konsumatur fil-konsultazzjonijiet u l-iżvilupp ta' politiki; jilqa' sforzi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumatur u ta' l-għarfien tal-konsumatur fl-Istati Membri l-aktar ġodda; jenfasizza l-importanza li jkompli jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fl-UE, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-aktar ġodda;

22. Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp ta' kultura għall-konsumatur hu megħjun mill-edukazzjoni sistematika tal-konsumatur fir-rigward tad-drittijiet tiegħu u l-asserzjoni tagħhom; għal din ir-raġuni, l-UE u l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fl-informazzjoni għall-konsumaturi u fil-kampanji edukattivi li jindirizzaw il-messaġġi t-tajba lill-oqsma t-tajba ta' konsumaturi; jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni tal-konsumatur trid tifforma parti minn edukazzjoni tul il-ħajja, u jirrakkomanda li jintużaw it-teknoloġiji ġodda (b'mod partikulari l-internet) bħala mezz biex il-konsumatur jiġi infurmat;

23. Huwa ta' l-opinjoni li għandha tiżdied l-enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta' gruppi vulnerabbli, bħax-xjuħ, it-tfal u l-persuni b'ċerti diżabilitajiet, meta titfassal il-politika tal-konsumatur, u li għandu jitqies l-iżvilupp demografiku;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm id-dimensjoni tad-differenza bejn is-sessi, ta' l-età u ta' l-etniċità, li għandha titqies meta jiġu żviluppati indikaturi u l-istatistika, bil-għan li jiġu identifikati oqsma problematiċi li jiffaċċjaw gruppi ta' konsumaturi differenti;

Enfasi akbar fuq is-servizzi

25. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali; jistenna bil-ħerqa l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tikkjarifika l-intenzjonijiet tagħha dwar aktar inizjattivi f'dan il-qasam, jekk jeżistu intenzjonijiet bħal dawn;

26. Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi t-transazzjonijiet transkonfinali sabiex tiżdied il-libertà ta' l-għażla u l-irwol tal-politika dwar il-kompetizzjoni u l-edukazzjoni fir-rigward ta' konsum responsabbli biex ikun żgurat li l-konsumaturi jkollhom l-aħjar għażliet f'termini ta' prezz, kwalità u varjetà, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-affarijiet u s-servizzi bażiċi bħall-ikel, id-djar, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza li b'mod partikulari tinħtieġ il-liberalizzazzjoni mtejba tas-suq tas-servizzi sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni, u b'hekk il-konsumatur jiġi offrut prezzijiet aktar baxxi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji bil-għan li jitwasslu għażliet aħjar lill-konsumaturi;

27. Jenfasizza l-ħtieġa, flimkien ma' miżuri xierqa u effettivi biex jitħares il-konsumatur, biex tiġi żgurata komunikazzjoni tajba dwar is-suġġett, sabiex isir ċar lill-konsumaturi kif jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom taħt il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern u leġiżlazzjoni oħra li huma jistgħu jgawdu minnha;

28. Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex ikunu żgurati l-ħarsien tal-konsumaturi u l-għażla fit-tlestija tas-suq intern tas-servizzi finanzjarji; jenfasizza li l-prodotti finanzjarji, bankarji u ta' l-assikurazzjonijiet huma kumplessi ħafna, u li biex iċ-ċittadini jiġu mħajra jużaw aktar dawn il-prodotti, speċjalment fir-rigward tal-pensjonijiet futuri tagħhom, tal-politiki li jorbtu favur l-informazzjoni u l-pariri għall-konsumatur, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu konxji mill-għażliet kollha disponibbli; madankollu, jenfasizza li l-protezzjoni tal-konsumatur ma tistax tkun skuża għall-protezzjoniżmu; jenfasizzai li s-servizzi finanzjarji bl-imnut integrati bis-sħiħ iridu jitmexxew mill-forzi tas-suq;

29. Jemmen li, fir-rigward tas-swieq finanzjarji, il-kwistjoni prinċipali hija t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, kif ukoll l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri; jirrakkomanda li jissaħħaħ l-infurzar uniformi ta' leġiżlazzjoni attwali qabel jiġu proposti regoli oħra; f'dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni l-ġdida, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkonforma mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar, billi tevita piżijiet oħra bla bżonn fuq il-konsumatur u fuq l-industrija;

Aċċess aqwa għal rimedju

30. Jilqa' l-enfasi ta' l-istrateġija fuq infurzar aħjar u kumpens, li huma fatturi importanti fil-ħolqien tal-fiduċja tal-konsumaturi; huwa tal-fehma li l-ħolqien tal-fiduċja min-naħa tal-konsumaturi huwa l-aktar fattur importanti fit-tlestija tas-suq intern tal-prodotti u s-servizzi għall-konsumatur; jippromwovi aktar ħidma fuq din il-kwistjoni;

31. Huwa tal-fehma li t-tilwimiet bejn konsumaturi u operaturi ekonomiċi għandhom primarjament jiġu solvuti barra mill-qrati, minħabba li soluzzjonijiet milħuqa permezz ta' mezzi ta' kumpens mhux ġudizzjarji jistgħu jinkisbu aktar malajr u jintlaħqu b'anqas spiża; dan jitlob li ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-SOLVIT jissaħħu u jingħataw aktar riżorsi finanzjarji għan-netwerk tagħhom; ifakkar li l-Istati Membri huma ħielsa li jitolbu li ssir konsultazzjoni minn qabel mill-parti li għandha l-ħsieb li tieħu azzjoni, sabiex il-konvenut ikollu l-opportunità li jtemm il-ksur tal-liġi kkontestat;

32. Ifakkar li sistemi ta' Soluzzjoni Alternattiva ta' Tilwim (ADR) huma, min-natura tagħhom, soluzzjoni alternattiva għall-mekkaniżmi tradizzjonali tal-liġi bil-miktub; għakhekk, l-inċentiva għall-użu ta' l-ADR hija dipendenti mill-eżistenza ta' liġijiet alternattivi li jorbtu u li jipprovdu rimedju effettiv, aċċessibbli malajr u mhux diskriminatorju għall-konsumatur;

33. Ifakkar li t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku jeħtieġ l-armonizzazzjoni fl-UE kollha ta' l-ADR li jissodisfa r-rekwiżiti tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji li japplikaw għall-proċeduri barra mill-Qrati[7]; jeħtieġ li jsir aktar xogħol dwar is-soluzzjoni ta' tilwim on-line, u l-Parlament ilu jistieden sabiex dan isir sa mill-anqas l-1999;

34. Ifakkar li s-salvagwardja ta' drittijiet ta' infurzar effettivi li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja hija obbligu prinċipali ta' l-Istati Membri; huma responsabbli li jadattaw il-liġi ta' proċedura nazzjonali tagħhom b'mod li dawn id-drittijiet ikun jistgħu jiġu infurzati malajr, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ta' l-operaturi ekonomiċi; l-ewwel ħaġa, mhix kompetenza tal-Komunità li tagħmel regoli għal-liġi ta' proċedura nazzjonali, u barra minn hekk, l-Artikolu 5 tat-Trattat KE jitlob li l-Komunità ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tikseb l-objettivi tat-Trattat; bħala konsegwenza, skond dak l-Artikolu, il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali jridu jitqiesu kemm jista' jkun billi l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jagħżlu bejn l-għażliet differenti li għandhom effett ekwivalenti;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-vantaġġi li jinkisbu kieku kellu jitwaqqaf Ombudsman Ewropew speċjali għall-Konsumatur fl-uffiċċju ta' l-Ombudsman Ewropew; jinnota li għadd ta' Stati Membri għandhom ombudsmen tal-konsumatur f'diversi oqsma, li jgħinu lill-konsumaturi jittrattaw ma' l-operaturi ekonomiċi; jemmen li dan il-metodu jista' jkun eżaminat mill-Kummissjoni skond il-pajjiżi individwali;

36. Jinnota li f'xi wħud mill-Istati Membri, iżda mhux f'kollha, diġà jeżistu elementi ta' sistema speċifika ta' rimedju għall-konsumatur, bħal azzjonijiet konġunti, azzjonijiet ta' rappreżentanza, każijiet bi prova u proċeduri biex jingħażlu l-aħjar (skimming-off procedures); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba f'hekk, il-konsumaturi jistgħu jiffaċċjaw dispożizzjonijiet legali differenti f'każijiet transkonfinali f'dan ir-rigward;

37. Ifakkar li d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar l-inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi[8] diġà għandha l-għan li jitħarsu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi; jenfasizza li din id-direttiva tagħti inter alia lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi d-dritt li jibdew proċeduri ta' inġunzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament u l-Kunsill, rapport ta' evalwazzjoni dwar sa fejn u għalfejn din id-Direttiva ġabet jew ma ġabitx it-titjib mistenni f'dak li jirrigwarda l-ħarsien ta' l-interessi kollettivi tal-konsumaturi;

38. Iqis li, qabel ma ssir riflessjoni dwar il-leġiżlazzjoni f'livell Ewropew, għandu jsir eżami bir-reqqa tal-problemi eżistenti, jekk hemm problemi, u tal-benefiċċji mistennija għall-konsumaturi;

39. Iqis li f'għadd ta' Stati Membri hemm restrizzjonijiet kostituzzjonali li jridu jitqiesu meta jitfassal mudell Ewropew ta' rimedju għall-konsumatur; iqis ukoll li jeħtieġ li l-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikun irrispettat għal kollox; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar kif, f'dan ir-rigward, jista' jinkiseb il-bilanċ meħtieġ bejn id-drittijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-kwistjoni ta' rimedju għall-konsumaturi, billi żżomm preżenti l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

- li kull proposta ġdida min-naħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta' rimedju għall-konsumatur għandha tkun imsejsa fuq evalwazzjoni bir-reqqa tal-problemi eżistenti, jekk ikun hemm, u l-benefiċċji maħsuba għall-konsumatur;

- li fir-rigward ta' proċeduri transkonfinali u ta' sistemi possibbli ta' rimedju kollettiv, trid issir riċerka estensiva dwar is-sistemi ta' rimedju kollettiv, imsejsa fuq l-esperjenza wiesgħa fid-dinja, b'attenzjoni speċjali għall-possibilità ta' nuqqas ta' bażi legali għal tali strument fuq il-livell ta' l-UE;

o

o       o

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P6_TA(2007)0421.
  • [2]  Testi adottati, P6_TA(2007)0383.
  • [3]  Testi adottati, P6_TA(2007)0367.
  • [4]  Testi adottati, P6_TA(2007)0287.
  • [5]  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.
  • [6]  [Deċiżjoni Nru .../2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar qafas komuni għall-marketing tal-prodotti, premessa 52]
  • [7]  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998 (ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31); Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE ta' l-4 ta' April 2001 (ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56).
  • [8]  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-ħarsien tal-konsumatur għandu jiġi kkunsidrat f'kull liġi ta' l-UE u m'għandux jitqies bħala qasam ta' politika speċifiku. Dan mhux xi ħaġa miżjuda fis-suq intern, u lanqas m'hu xi ħaġa attraenti biex iġġiegħel lin-nies iħossuhom aktar komdi. Huwa biċċa essenzjali minn 'puzzle', li mingħajrha s-suq intern ma jkunx komplet. Ir-rapporteur qed jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE 2007-2013, iżda huwa tal-fehma wkoll li l-istrateġija teħtieġ segwitu attiv u kontinwu sabiex realment tiżviluppa għall-konsumaturi.

Is-suq intern Ewropew għandu l-potenzjal li jkun l-ikbar suq uniku tal-bejgħ bl-imnut fid-dinja, iżda s'issa dan l-għan għadu ma ntlaħaqx. Biċċa waħda li għadha nieqsa minn din il-'puzzle' li għadha ma tlestietx hija n-nuqqas ta' fiduċja min-naħa tal-konsumaturi fl-UE, il-fiduċja assoluta li dak li jkun jista' jikkonsma kull fejn u kull meta jrid fi Stat Membru ieħor u jħossu assolutament sikur. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li dan l-għan se jintlaħaq sas-sena 2013. Ir-rapporteur jittama li dan jirriżulta li hu minnu, iżda huwa tal-fehma li dan se jiġri biss jekk inkunu kapaċi nimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi.

It-tisħiħ tan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi huwa milqugħ b'sodisfazzjon. Iċ-ċentri, fil-ġejjieni, għandhom jingħataw riżorsi adegwati li jippermettulhom li joperaw b'mod effettiv u jirrispondu malajr għax-xejriet u għall-iżviluppi li jkunu qed jitfaċċaw.

Ir-rapporteur jenfasizza li l-ħarsien tal-konsumaturi fl-UE għandu wkoll dimensjoni esterna kif urew b'mod ċar l-inċidenti ta' dan l-aħħar rigward l-importazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri. Iż-żieda kbira fl-għadd ta' lmenti fis-sistema ta' twissija rapida ta' l-UE għal prodotti perikolużi tal-konsumaturi, ir-RAPEX, turi li għad fadal ħafna xi jsir f'dan ir-rigward ukoll. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jafdaw il-prodotti kollha li jkunu qed jiċċirkolaw fis-Suq Intern - kemm il-prodotti li joriġinaw mill-UE u anke dawk li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

Enfasi speċjali għandha ssir fuq il-protezzjoni ta' konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli bħat-tfal u l-anzjani. In-numru ta' anzjani fl-Ewropa se jiżdied b'mod sinifikattiv u fi żmien qasir fis-snin li ġejjin. L-Istati Membri u l-għaqdiet tal-konsumaturi għandhom jiffokaw fuq l-edukazzjoni tal-konsumaturi. Din għandha tibda diġà fl-iskejjel u tiġi meqjusa bħala parti integrali mit-tagħlim tul il-ħajja. Il-kampanji ta' informazzjoni huma essenzjali biex iqajmu l-kuxjenza tal-konsumatur, b'mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda.

Sistema għall-Ewropa kollha ta' rimedji kollettivi hija indispensabbli. Suq intern ġenwin b'konsumaturi li jiċċaqalqu għandu jagħtihom ukoll l-għodod biex ifittxu kumpens jekk tiġri xi ħaġa ħażina. Filwaqt li t-tilwimiet primarjament għandhom jiġu solvuti barra mill-qrati, għandu jkun hemm ukoll il-possibilità li l-kwistjoni tiġi indirizzata permezz ta' mezzi ġudizzjarji.

Huwa importanti li wieħed jitgħallem mis-sistema mhux sodisfaċenti tal-kawża kollettiva fl-Istati Uniti. M'għandhiex issir bażi għal sistema Ewropea possibbli. Ir-rimedju kollettiv m'għandux jagħti drittijiet ġodda lill-konsumaturi iżda sempliċement jassistihom biex jeżerċitaw drittijiet eżistenti b'mod sħiħ. It-talba għandha dejjem tkun marbuta mad-dannu reali li jkun sar.

Xi Stati Membri diġà għandhom sistema li qiegħda taħdem, iżda s-sistemi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Il-Kummissjoni attwalment qed teżamina diversi sistemi nazzjonali li qiegħdin jaħdmu tajjeb. Proposta li saret mir-rapporteur f'dan ir-rigward tistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-vantaġġi involuti fit-twaqqif ta' Ombudsman speċjali Ewropew għall-Konsumatur fl-uffiċċju ta' l-Ombudsman Ewropew, li jkun inter alia qed jikkoordina l-ilmenti li jinvolvu rimedju kollettiv fl-UE.

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-interessi tal-konsumaturi dan l-aħħar ġew integrati aħjar f'oqsma oħra ta' politika. Huwa importanti li dan l-iżvilupp jissaħħaħ aktar. L-interessi tal-konsumaturi dejjem għandhom jitqiesu waqt li jkunu qed jiġu żviluppati politiki ġodda. Dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-Suq Intern fl-UE.

1.2.2008

OPNJONI TAL-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar Strateġija ta’ l-UE għall-Politika tal-Konsumaturi 2007-2013

(2007/2189(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristobal Montoro Romero

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni tal-konsumatur fis-suq intern u sabiex jiġi komplut is-suq Ewropew tal-bejgħ bl-imnut u sabiex il-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiġu provduti bil-ħiliet u bl-għodod biex jespandu l-opportunitajiet tagħhom u biex jissodisfaw l-irwol tagħhom fl-ekonomija moderna sabiex ikun żgurat li s-suq intern jagħti benefiċċji tanġibbli liċ-ċittatidini ta' l-UE;

2.  Jemmen li l-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji huma prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi fl-UE; jirrimarka li waħda mill-problemi fundamentali li l-ekonomija Ewropea iffaċċjat fis-snin reċenti kienet domanda domestika insuffiċjenti minħabba nuqqas ta' fiduċja min-naħa tal-konsumaturi u l-investituri; iqis li konsum responsabbli fil-kuntest tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli jrid jiġi mill-promozzjoni ta' politiki xierqa li jerġgħu jagħtu l-fiduċja, konsum li għandu jitħeġġeġ permezz ta’ żidiet fid-dħul marbuta maż-żidiet fil-produttività u fl-impiegi; hu tal-fehma li l-politika ta' l-UE dwar il-konsumatur għandha tibbilanċja l-bżonn permanenti għall-ħarsien tal-konsumatur, filwaqt li b'mod simultanju tagħti l-poter lill-konsumaturi bħala mexxejja dinamiċi ta' l-ekonomija tas-suq;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-riżors finanzjarju għall-politika tal-konsumatur jibqa’ limitat u b’konsegwenza t’hekk jista’ jipperikola t-twettiq ta’ approċċ Ewropew għall-konsumatur; għalhekk jikkunsidra li l-istrateġija Ewropea għall-konsumatur għandha tiffoka b’mod partikolari fuq it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-kuxjenza tal-konsumatur fi kwistjonijiet sensittivi, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-aktar ġodda u fost gruppi vulnerabbli fl-Ewropa;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-istat tal-litteriżmu finanzjarju tal-konsumaturi Ewropej u biex jieħu nota tal-programmi eżistenti li jqajmu kuxjenza dwar is-settur tal-prodotti finanzjarji bl-għan li jipprovdu valur miżjud b'attivitajiet addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika u tippubblika l-aħjar prattiċi ta' l-Istati Membri fil-programmi ta' litteriżmu finanzjarju;

5.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi tranżazzjonijiet transkonfinali sabiex tiżdied il-libertà ta' l-għażla u ta' l-irwol tal-politika tal-kompetizzjoni u l-edukazzjoni dwar il-konsum responsabbli sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom l-aħjar għażliet f’termini ta’ prezz, kwalità u varjetà, partikolarment fir-rigward ta' prodotti u servizzi bażiċi: l-ikel, l-akkomodazzjoni u s-servizzi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jisħaq li l-liberazzjoni mtejba tas-suq tas-servizzi b'mod partikulari hija meħtieġa biex tippromwovi l-kompetizzjoni, u b'hekk toffri prezzijiet irħas għall-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji bl-għan li jiġu provduti għażliet aħjar għall-konsumaturi;

6.  Jenfasizza li t-tlestija tas-suq intern ta' l-UE għandha tkun prijorità; jirrikonoxxi l-irwol pożittiv li kellu l-euro għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, għall-iffaċilitar tat-tqabbil transkonfinali tal-prezzijiet mill-konsumaturi, u għaż-żieda tal-potenzjal tas-suq intern għall-bejgħ bl-imnut; jinkoraġġixxi lill-Istati l-Membri l-ġodda biex ikomplu bir-riformi sabiex ikunu jistgħu jadottaw l-Euro malli jissodisfaw il-kriterja ta' Maastricht u, b'hekk, jibbenefikaw bis-sħiħ mill-impatt pożittiv tal-munita unika fis-suq intern; jitlob it-tneħħija tal-barrieri u ta' l-ostakli kollha li għad baqa' sabiex tiġi assigurata l-fiduċja tal-konsumaturi f'xiri jew kuntratti transkonfinali, partikolarment fir-rigward tas-servizzi, imma filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu n-neċessità għal approċċ speċifiku fir-rigward ta' ostakoli tal-lingwa, tal-kultura u tal-preferenzi tal-konsumaturi;

7.  Iqis li hija meħtieġa attenzjoni speċjali biex jiġu żgurati l-ħarsien tal-konsumatur u l-għażla fit-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji; jenfasizza li l-prodotti finanzjarji, bankarji u ta' l-assigurazzjoni huma kumplessi ħafna u li jekk iċ-ċittadini għandhom jiġu inkoraġġati jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom f'dawk il-prodotti, speċjalment f'dak li jirrigwardja l-pensjonijiet futuri tagħhom, politiki li jorbtu l-informazzjoni u l-parir lill-konsumatur għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkunu konxji mill-għażliet kollha li huma disponibbli; jenfasizza, madankollu, li l-ħarsien tal-konsumatur ma jistgħax ikun skuża għall-protezzjoniżmu; jenfasizza li suq tas-servizzi finanzjarji personalizzati (retail financial services) li jkun integrat b'mod sħiħ għandu jkun immexxi mill-forzi tas-suq;

8.  Jenfasizza l-irwol importanti ta' metodi ta' bejgħ ġodda u li qegħdin dejjem aktar jintużaw, bħall-kummerċ elettroniku, għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-suq intern u konsegwentement għall-kapaċità tal-konsum; huwa tal-fehma li s-swieq finanzjarji, bankarji u ta' l-assigurazzjoni huma partikolarment miftuħa għall-kummerċ elettroniku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-iżvilupp tax-xiri elettroniku transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-mekkaniżmi differenti li jsolvu n-nuqqas ta' qbil bejn il-konsumaturi u l-intrapriżi użati fl-Istati Membri bl-għan li tidentifika u tippromvowi l-użu ta' dawk minnhom effettivi; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' bażi solida għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li hija essenzjali b'mod partikulari fis-servizzi finanzjarji;

9.  Jemmen li, fir-rigward tas-swieq finanzjarji, il-kwistjoni ewlenija hija t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kollha ta' l-UE li ġiet adottata u li għadha qed tiġi żviluppata, kif ukoll l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri; jirrakkomanda li jissaħħaħ l-infurzar uniformi tal-leġiżlazzjoni eżistenti qabel ma jiġu proposti regoli oħra; fid-dawl ta' leġiżlazzjoni ġdida, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tosserva l-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar billi tevita piż addizzjonali mhux ġustifikat fuq il-konsumaturi u l-industrija;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni li tikseb tagħrif aħjar dwar is-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa ta' statistika aħjar u aktar dettaljata sabiex jittejbu l-ftehim u l-għarfien rigward il-prodotti u s-swieq u l-ħtieġa li l-għaqdiet tal-konsumaturi jiġu appoġġjati, speċjalment f'oqsma kumplessi, mingħajr ma jitpoġġa piż addizzjonali mhux ġustifikat fuq is-settur privat; iqis li l-istrateġija tal-politika tal-konsumatur ta' l-UE għandha tagħmel l-isforzi kollha biex tikkunsidra l-bżonnijiet tan-nisa, taż-żgħażagħ u ta' l-anzjani u ta’ konsumaturi vulnerabbli;

11. Hu tal-fehma li hija meħtieġa iktar azzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji personalizzati; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi inizjattivi biex ittejjeb l-għażla u l-mobilità transkonfinali tal-konsumatur fis-suq intern; jenfasizza, barra minn hekk, li hemm bżonn superviżjoni u trasparenza li jkunu effettivi fis-settur bankarju u ta' l-assikurazzjoni jekk għandu jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur;

12. Jenfasizza li ħarsien qawwi tal-konsumatur u sistema effettiva u bbilanċjata ta' rimedju madwar l-Ewropa kollha kkombinata ma' produtturi u bejjiegħa kompetittivi jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli;

13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-importanza kbira ta' assoċjazzjonijiet bejn il-konsumaturi u l-intraprenditorjat li jkunu effettivi u rappreżentattivi sabiex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur u dawk intraprenditorjali b'mod indipendenti fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; jenfasizza li tmexxija tajba teħtieġ konsultazzjoni tal-partijiet kollha interessati fid-definizzjoni u fl-iżvilupp ta' l-istrateġija tal-politika tal-konsumatur ta' l-UE; itenni l-importanza li jitħejja rapport annwali dwar l-ilmenti tal-konsumaturi, bħala riżultat tal-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet relevanti ta’ l-UE u l-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

29.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, Christian Ehler, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in 't Veld, Piia-Noora Kauppi, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Manuel António dos Santos, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dăianu, Harald Ettl, Ján Hudacký, Vladimír Maňka, Thomas Mann, Bilyana Ilieva Raeva, Margaritis Schinas

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Metin Kazak

31.3.2008

OPINJONI TAL-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar l-istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE 2007-2013

(2007/2189(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Diana Wallis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur jistgħu jintlaħqu b'leġiżlazzjoni biss jekk tkun aħjar, aktar sempliċi u preparata bl-inklużjoni tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kompetenti – Affarijiet tal-Konsumatur, Ġustizzja, Libertà u Sigurtà; Suq Intern; Kompetizzjoni;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kull miżura ta’ armonizzazzjoni biex tkun immirata b'mod attent biex tindirizza l-problemi reali ffaċċjati minn konsumaturi fis-suq intern; iqis li, fejn ikun hemm il-ħtieġa ġenwina ta’ l-armonizzazzjoni, hija għandha tkun b’mod sħiħ biex il-ħarsien tal-konsumatur ma’ l-UE ma jkunx ta’ kafkaf u diffiċli għal kumpaniji biex iqisuh fil-kummerċjalizzar lil hinn mill-konfini; jinnota li s-sitwazzjoni preżenti tikkostitwixxi f’nuqqas ta’ inċentiv pożittiv għal kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju li jfittxu l-kummerċ ma' l-Ewropa kollha u hija ta' konfużjoni għal konsumaturi;

3.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kwistjoni ta' riżarċiment tal-konsumatur b'mod serju ħafna bil-ħsieb tal-kunsiderazzjonijiet li jmiss:

- il-leġiżlazzjoni hija inutli sakemm din tista’ tkun infurzata;

- it-tkabbir ta' l-e-commerce jinneċessita universalizzazzjoni fi ħdan l-UE ta' Riżoluzzjoni ta' Konflitt Alternattiva (ADR) li tilħaq ir-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji li japplikaw għal proċeduri ta’ barra l-qorti[1]; teħtieġ aktar ħidma dwar riżoluzzjoni tal-konflitt online, li għaliha l-Parlament ilu jinsisti mill-inqas mill-1999;

- is-salvagwardja ta’ infurzar effettiv ta’ drittijiet li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja hija obbligu b’mod prinċipali ta’ l-Istati Membri; huma għandhom ir-responsabilità li jadattaw il-liġi (proċedurali) nazzjonali b’mod li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu infurzati malajr, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi; l-ewwelnett, il-Komunità mhix kompetenti biex jippreskrivu regoli għal liġi proċedurali nazzjonali. Minbarra dan, l-Artikolu 5 tat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tikseb l-objettivi tat-Trattat; b’konsegwenza, skond dan l-Artikolu, il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali jridu jitqiesu kemm jista' jkun billi l-Istati Membri jitħallew ħielsa sabiex jagħżlu bejn l-għażliet differenti li għandhom effett ekwivalenti;

- għandu jkun imfakkar li s-sistemi ADR huma, bil-karatteristika tagħhom, soluzzjoni alternattiva għal mekkaniżmi tal-liġi bil-miktub tradizzjonali; l-inċentiv li jintuża l-ADR għalhekk huwa dipendenti fuq l-eżistenza ta’ alternattivi ta’ liġijiet li jorbtu li jipprovdu rimedju effettiv, aċċessibbli malajr u mhux diskriminatorju għall-konsumatur;

- kull proposta ġdida mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ rimedju tal-konsumatur għandha tkun ibbażata fuq eżami strett ta’ problemi attwali, jekk ikun il-każ, u l-benefiċċji maħsuba ta’ kull proposta ġdida għal konsumaturi;

- fir-rigward tal-proċedimenti transkonfinali u ta’ sistemi possibbli ta’ rimedju kollettiv, għandha titwettaq riċerka estensiva ta’ sistemi ta’ rimedju kollettiv, imfassla fuq l-esperjenza madwar id-dinja, b’attenzjoni speċjali għat-tħassib preżentat fl-eċċessi u fin-nuqqasijiet tal-mudell Amerikan u għan-nuqqqas possibbli ta' bażi legali għal strument bħal dan fil-livell ta' l-UE;

4. Jiddeplora l-enfasi dgħajfa fuq il-liġi tal-kuntratt fil-ħarsien tal-konsumatur u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal fuq il-ħidma mwettqa fil-proġett tal-liġi tal-kuntratt, u fejn ikun meħtieġ isir iffukar mill-ġdid;

5.  Jistieden għal darb'oħra biex il-ħidma tibda fuq l-abbozz ta’ kliem u kundizzjonijiet standard kuntrattwali għal kuntratti konklużi online.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

27.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-vot finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Sharon Bowles, Mogens Camre, Janelly Fourtou, Jean-Paul Gauzès, Sajjad Karim, Kurt Lechner, Georgios Papastamkos, Michel Rocard, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Gabriela Creţu

31.1.2008

OPINJONI TAL-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar l-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE 2007-2013

(2007/2189(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anna Hedh

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

-     wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[2],

-     wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[3],

-     wara li kkunsidra Artikolu 13 tat-Trattat KE,

-     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti, u b'mod partikolari tal-ġugarelli[4],

A.  billi l-politika tal-konsumaturi hi trattata b’mod newtrali mill-ġeneru, iżda l-konsumaturi mhumiex esseri ‘newtrali’ u ma jikkostitwixxux grupp omoġeniku, kemm mil-lat ta' ġeneru kif ukoll mil-lat ta' età, livelli ta' salarji, livelli ta' edukazzjoni, sfond etniku, xejriet ta' konsum, eċċ. Dan għandu jitqies fil-politiki nazzjonali u Komunitarji tal-konsumatur,

B.   billi strateġija moderna ta' politika tal-konsumatur trid tqis il-bidliet soċjali, bħall-istruttura l-ġdida ta' l-età, l-irwol dejjem aktar importanti tan-nisa u l-involviment li dejjem qed jikber tat-tfal fis-soċjetà tal-konsum, l-integrazzjoni ta' minoranzi etniċi, kif ukoll il-bidliet fl-istandards ta’ l-għajxien kif ukoll il-bidliet ekonomiċi, ambjentali u tekniċi tas-soċjetà,

C.  billi parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa u l-irġiel, taż-żgħażagħ u l-anzjani, u l-minoranzi kulturali/etniċi għandha tkun ankrata aktar fl-iżvilupp u fil-kontinwità tal-politika tal-konsumatur, bil-għan li jiġi żgurat li jittieħdu l-passi xierqa biex jiġu mħarsa dawn il- gruppi,

D.  billi, rigward is-sikurezza u l-ħarsien tal-konsumatur, in-nisa, l-irġiel u t-tfal huma esposti u suxxettibbli għal ċerti prodotti bħall-kimiki jew prodotti mediċinali, u billi jeħtieġ li jsir aktar xogħol ta' riċerka sabiex tinkiseb stampa aktar ċara tal-prodott li joħolqu riskju; billi, madakollu, il-fatturi bijoloġiċi mhumiex l-unika raġuni għall-vulnerabilità differenti tan-nisa b’relazzjoni ma’ xi tipi ta’ prodotti, minħabba li l-fatturi soċjali, bħat-tip ta’ impjieg li huma jkollhom, ukoll għandhom parti,

E.   billi l-politika tal-konsumatur għandha tkopri ix-xiri u l-bejgħ mhux biss tal-prodotti imma wkoll tas-servizzi offruti mis-settur pubbliku u minn dak privat, u billi konsumaturi vulnerabbli bħan-nisa, l-anzjani u gruppi soċjali żvantaġġati, li aktar sikwit jisfgħu vittma ta' fornituri ta' servizzi bla skruplu, għandhom ikunu mħarsa kif jixraq,

F.   billi m’hemm ebda dispożizzjoni speċifika għal farmakoloġija bbażata fuq il-ġeneru fil-preparazzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi; billi 20% biss tal-pazjenti ttestjati waqt l-iżvilupp ta’ prodotti farmaċewtiċi ġodda huma nisa; billi prodott farmaċewtiku li ma jkunx ġie ttestjat speċifikament fuq in-nisa jista’ ma jkunx effikaċi għalihom, u jista’ jkun li l-effetti laterali tiegħu fuqhom ma jkunux magħrufa,

1.   Itenni l-importanza tad-dimensjoni tal-ġeneru bħala parti integrali tal-politika tal-konsumatur, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi rapporti regolari dwar il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward;

2.   Jenfasizza l-ħtieġa li d-dimensjoni tal-ġeneru, kif ukoll dik ta’ l-età u ta’ l-etniċità jitqiesu waqt l-iżvilupp ta’ indikaturi u statistiċi sabiex jiġu identifkati oqsma problematiċi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi ta’ konsumaturi differenti;

3.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lin-Network Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumaturi (ECC-Net) sabiex iqisu dejjem il-perspettiva tal-ġeneru, kif ukoll dawk ta’ l-età u ta’ l-etniċità fix-xogħol tagħhom sabiex jinformaw u jedukaw il-konsumaturi;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji kollha biex jiżguraw li l-prodotti li jkunu kummerċjalizzati ma joħolqux sogru għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, u speċjalment tan-nisa u t-tfal;

5.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem lejn parteċipazzjoni bilanċjata mil-lat ta' ġeneru fil-konsultazzjonijiet kollha mal-konsumaturi u mal-gruppi tal-konsumaturi;

6.   Jerġa’ jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil gruppi fil-mira bħan-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni anzjani, minoranzi etniċi u b’mod partikulari, in-nisa immigranti, fit-tiswir tal-politika tal-konsumaturi;

7.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu bidu għal koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, sabiex jiġi promoss involviment akbar tan-nisa f’dan it-tip ta’ organizzazzjonijiet u sabiex jappoġġjaw proġetti mfassla biex ikabbru l-kuxjenza tal-konsumaturi (b’enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi) sabiex jinkiseb bilanċ aħjar fit-tiswir tal-politika tal-konsumatur;

8.   Jitlob li jsiru kampaniji ta’ informazzjoni sabiex itejbu l-kuxjenza tal-konsumaturi dwar prodotti u prattiki li jagħmlu ħsara waqt it-tqala, b’mod partikulari t-tipjip, inkluż it-tipjip passiv, u l-xorb ta’ l-alkoħol, iżda wkoll prodotti oħra tal-konsumatur bħal prodotti mediċinali u l-kimiċi, li joħolqu riskji għas-saħħa meta jittieħdu jew jintużaw waqt it-tqala; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-manifatturi sabiex b’mod ċar jgħidu fuq il-pakkett li jkun jeżisti riskju, sabiex jiżguraw li n-nisa tqal ikun infurmati b’mod xieraq; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikulari lill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, lill-istituzzjonijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur sabiex ikellmu lill-industrija farmaċewtika u lill-entitajiet li jirrappreżentawhomttivi tagħhom bl-għan li jiżguraw li tiġi meqjusa d-diversità tal-konsumaturi, b’referenza speċifika għad-differenzi bbażati fuq il-ġeneru, fit-tħejjija tal-prodotti farmaċewtiċi, kemm dawk antiki kif ukoll dawk ġodda;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-użu min-negozji, fuq bażi voluntarja, ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikulari l-internet, bħal mezz biex jiġu nfurmati l-konsumaturi -b’mod partikulari n-nisa, it-tfal u l-persuni anzjani, li huma partikularment vulnerabbli - dwar in-natura u r-riskji potenzjali ta’ ċerti prodotti;

10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja aktar mill-qrib il-politiki tal-konsumatur ta’ l-Istati Membri, sabiex tiżgura li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru minn kullimkien fl-UE u li jkunu jistgħu igawdu wkoll ħarsien effettiv fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE;

11. Minħabba li l-akbar ostakoli għall-iżvilupp ta’ suq intern tal-bejgħ bl-imnut jinkludu n-nuqqas ta’ ċarezza fil-qasam ta’ ftehimiet u ta’ kumpens tal-konsumatur, jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintroduċi ftehimiet standard li jkun validi fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE;

12. Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kummerċjalizzazzjoni u lid-dħul fis-suq ta’ prodotti alkoħoliċi, inklużi dawk b’kontenut baxx ta’ alkoħol immirati lejn, inter alia, nisa u rġiel żgħażagħ, bil-għan li jiġi indirizzat aħjar l-użu ta’ l-alkoħol u t-tnaqqis fil-konsum ta’ l-alkoħol kif ukoll kwistjonijiet ta’ saħħa u sikurezza tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi valutazzjoni kritika tal-mod ta’ kif jiġu kummerċjalizzati l-prodotti alkoħoliċi u tipprovdi miżuri mmirati sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn is-saħħa u s-sikurezza u l-imġiba tal-konsumaturi, b'mod partikulari fir-rigward taż-żgħażagħ;

13. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li l-ġuġarelli komposti minn kwalunkwe prodott ikunu sikuri għat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli tipproponi projbizzjoni mingħajr kundizzjonijiet fuq l-użu ta’ kwalunkwe fwieħa, sensitizzaturi, sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, sustanzi karċinogeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni kif ukoll komposti tossiċi ħafna.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

28.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Lívia Járóka, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Esther De Lange, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Doris Pack, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Teresa Riera Madurell, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Hedh, Elisabeth Jeggle, Christa Klaß, Marusya Ivanova Lyubcheva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petru Filip, Eva Lichtenberger, José Ribeiro e Castro, María Sornosa Martínez

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

8.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

13

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Pierre Jonckheer, Graf Alexander Lambsdorff, Kurt Lechner, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Arlene McCarthy, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Bill Newton Dunn, Zita Pleštinská, Giovanni Rivera, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler, Nicola Zingaretti, Marian Zlotea

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Colm Burke, Giovanna Corda, Bert Doorn, Brigitte Fouré, Olle Schmidt, Gary Titley

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bilyana Ilieva Raeva, Bogusław Sonik, Janusz Wojciechowski

  • [1]  ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31; ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56.
  • [2]  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
  • [3]  ĠU L 180, 19.7.2000, p.22.
  • [4]  Testi adottati, P6_TA(2007)0412.