RAPPORT dwar il-progress li sar fl-opportunitajiet ugwali u fin-non-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)

17.4.2008 - (2007/2202(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Liz Lynne

Proċedura : 2007/2202(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0159/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-progress li sar fl-opportunitajiet ugwali u fin-non-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)

(2007/2202(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar in-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet ugwali għal kulħadd – Qafas ta’ Strateġija (COM(2005)0224),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika[1],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (COM(2006)0643),

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2007 dwar l-Iżvilupp ta’ Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni fl-Ewropa: Il-25 Stat Membru ta’ l-UE mqabbla,

–   wara li kkunsidra r-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u r-rapporti tematiċi maħruġa min-netwerk ta’ esperti legali fil-qasam ta’ kontra d-diskriminazzjoni sabiex tkun appoġġjata l-ħidma mwaqqfa mill-Kummissjoni biex jingħataw informazzjoni u pariri indipendenti dwar żviluppi rilevanti fl-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokoll Nru 12 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-istħarriġ speċjali ta’ l-Eurobarometer tal-Kummissjoni dwar id-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea, li nħareġ f’Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra l-għażla ta’ l-2007 bħala s-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kullħadd u ta’ l-2008 bħala s-Sena Ewropea ta’ Djalogu Interkulturali,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0159/2008),

A.  billi l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u ta’ l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri u billi huwa importanti li wara d-dikjarazzjonijiet politiċi dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jkun hemm żvilupp progressiv u implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki, b’mod partikulari fir-rigward tad-direttivi li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni u tal-proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza,

B.   billi l-Artikolu 6 tat-Trattat UE jistipula wkoll li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u billi l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni bi qbil ma’ l-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandha tkun prijorità tal-liġijiet u tal-politiki ta’ l-Unjoni Ewropea,

C. billi l-impjieg huwa wieħed mir-rekwiżiti bażiċi għall-inklużjoni soċjali iżda billi l-livelli tal-qgħad fost ħafna gruppi, b’mod partikulari n-nisa, il-migranti, il-persuni b’diżabilità, il-minoritajiet etniċi, persuni akbar u iżgħar fl-età u dawk b’ħiliet iżolati jew mhux magħrufa, jibqgħu għoljin b’mod mhux aċċettabbli; billi l-qgħad fost il-persuni li jbatu mid-diskriminazzjoni multipla huwa aktar għoli,

D. billi l-liġi Komunitarja bħalissa ma tkoprix id-diskriminazzjoni fil-biċċa l-kbira ta’ l-oqsma tal-kompetenza tal-Komunità u billi d-Direttiva 2000/78/KE u d-Direttiva 2000/43/KE jipprovdu livelli differenti ta’ protezzjoni, li joħolqu lakuni fil-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni li jħallu impatt fuq l-impjieg,

E.   billi l-istħarriġ komparattiv tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni fl-Ewropa tikkonferma li fil-livell ta’ Stat Membru hemm traqqigħ ta’ leġiżlazzjoni madwar l-Istati Membri li tħares mid-diskriminazzjoni b’modi differenti u spiss mingħajr metodu komuni ta’ implimentazzjoni, u billi dan wassal għal nuqqas ta’ armonija fl-implimentazzjoni ta’ direttivi eżistenti u għal sitwazzjoni fejn in-nies m’humiex konxji biżżejjed tad-drittijiet tagħhom;

F.  billi l-applikazzjoni inkonsistenti tal-politiki tan-non-diskriminazzjoni fl-Istati Membri tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-prattika tad-direttivi Komunitarji li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, kif jidher fir-rapporti bħal dak tal-Grupp Ewropew ta’ Esperti għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ Tendenzi Sesswali dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ tendenzi sesswali fl-impjiegi: leġiżlazzjoni fi ħmistax-il Stat Membru ta’ l-UE,

G. billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Segwitu għas-Sena Ewropea ta' l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) tas-26 ta’ Novembru 2007[3], il-Kunsill stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, bi qbil mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex iżommu u jsaħħu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-diżabilità fil-politiki kollha rilevanti,

H. billi għaldaqstant il-Kummissjoni b’mod xieraq bdiet il-proċeduri kontra diversi Stati Membri, u għandha tkompli tagħmel dan meta jkun hemm bżonn,

1.   Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu b’mod xieraq fil-prattika leġiżlattiva tagħhom il-bażijiet varji għad-diskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea;

2.  Ifakkar li d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE jipprovdu rekwiżiti minimi u għandhom ikunu l-bażi li fuqha tinbena politika Komunitarja aktar komprensiva kontra d-diskriminazzjoni;

3.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE u tad-Direttiva 2000/78/KE minn xi Stati Membri u n-nuqqas ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini ta’ l-UE dwar rimedji possibbli f’każijiet ta’ diskriminazzjoni;

4.   Jiddispjaċih li d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE ma jkoprux differenzi fit-trattament li jkunu ta’ natura diskriminatorja bbażati fuq kriterji fiżiċi bħal ma huma t-tul jew il-karnaġġjon, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieġi fejn ma hemm l-ebda konnessjoni diretta bejn dawk il-karatteristiċi fiżiċi u l-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu x-xogħlijiet ikkonċernati;

5.   Jistieden lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li, wara t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tagħhom, id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE, ikunu trasposti b’mod sħiħ, korrett, u effettiv u implimentati b’mod adegwat, u li, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tagħhom, kwalunkwe eżenzjoni tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-UE, dawk nazzjonali u dawk lokali sabiex itejbu l-koordinazzjoni ta’ l-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni; jitlob strateġija unifikata biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni li tinkludi, u tqis, il-bażijiet kollha għad-diskriminazzjoni fl-istess ħin;

7.  Jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza u fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, permezz tal-politiki tagħhom, ta’ l-għoti tas-servizzi u tal-prattiki tagħhom ta’ l-impjieg;

8.   Jitlob impenn min-naħa tal-Kummissjoni sabiex titwettaq reviżjoni sostanzjali ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE kif ukoll biex jinħarġu linji gwida interpretattivi għall-implimentazzjoni sabiex tkun assigurata l-implimentazzjoni sħiħa u korretta mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, b’mod partikulari, biex tevalwa l-mod li bih l-Istati Membri interpretaw l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 8 meta d-Direttiva 2000/78/KE ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi teħtieġ firxa ta’ mekkaniżmi u strateġiji inklużi l-konformità, l-azzjoni proattiva u l-infurzar kif ukoll skambji effettivi ta’ l-aħjar prattiki;

9.   Iħeġġeġ li sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tosserva bir-reqqa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/43/KE kif ukoll konformità mal-leġiżlazzjoni li tirriżulta mit-traspożizzjoni tagħhom, u biex tkompli tpoġġi pressjoni fuq l-Istati Membri biex, permezz ta’ proċeduri ta’ ksur u ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ konformità, jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom billi jittrasponu b’mod sħiħ dawk id-Direttivi mill-aktar fis; jemmen li l-Kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkollu rwol fil-monitoraġġ kontinwu ta’ l-obbligi ta’ l-Istati Membri skond dawk id-Direttivi;

11.  Jitlob evalwazzjoni annwali ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istati Membri bħala parti mill-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u reviżjoni estiża ta’ l-implimentazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni kull ħames snin bħala parti mill-Aġenda Soċjali; jemmen li entitajiet indipendenti li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' non-diskriminazzjoni inkluż in-netwerk ta' esperti legali tal-Kummissjoni, u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jirrappreżentaw vittmi potenzjali ta’ diskriminazzjoni għandhom ikunu involuti f’dik l-evalwazzjoni annwali u li għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex tinbena l-kapaċità ta’ l-NGOs biex ikunu jistgħu jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-vittmi u jagħtu kontribut b’mod kostruttiv lill-evalwazzjoni annwali;

12. Jemmen li n-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-Direttiva 2000/78/KE li jindika l-ħtieġa ta’ definizzjonijiet wiesgħa ta’ diżabilità eskludiet xi kategoriji ta’ persuni b’diżabilità mill-protezzjoni legali tad-Direttiva; għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaqblu dwar id-definizzjonijiet wiesgħa ta’ diżabilità b’mod urġenti, sabiex iħaffu l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, li tista' tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità;

13. Jemmen li, l-iskadenza indefinita ta’ żmien għall-applikazzjoni għal rikors kontra d-diskriminazzjoni wasslet għal skadenzi ta' żmien qosra ħafna f'xi Stati Membri, li jistgħu jtellfu lill-vittmi milli japplikaw għall-azzjoni;

14. Jemmen li eċċezzjonijiet marbuta ma’ l-istat ċivili fid-Direttiva 2000/78/KE llimitaw il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tendenzi sesswali li toffri d-Direttiva;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu b’mod aktar effettiv l-applikazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni skond id-Direttiva 2000/78/KE u 2000/78/KE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lit-trejdjunjins u lil kull min iħaddem kif ukoll lill-partijiet interessati governattivi u mhux governattivi sabiex jagħmlu kull ma jistgħu sabiex itejbu l-għarfien dwar id-drittijiet skond dawk id-Direttivi u sabiex jassiguraw li l-vittmi tad-diskriminazzjoni jkollhom aċċess għal firxa ta’ appoġġ ta’ avukatura sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv skond id-Direttivi; jinnota li l-piż ikun spiss fuq l-individwu biex jisfida lil min ikun qiegħed jiddiskrimina, spiss kemm mingħajr appoġġ minn kwalunkwe awtorità pubblika kif ukoll mingħajr aċċess għall-għajnuna legali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu s-setgħa lill-entitajiet indipendenti kkonċernati sabiex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jingħataw għajnuna effettiva;

16.  Huwa mħasseb dwar il-livell baxx ta’ kuxjenza tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li għandhom iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lit-trejdjunjins u lil kull min iħaddem sabiex jagħmlu kull ma jistgħu sabiex itejbu dak il-livell ta’ kuxjenza; ifakkar li d-Direttivi jimponu obbligu fuq l-Istati Membri sabiex iqassmu informazzjoni lill-pubbliku dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi b'kull mezz xieraq;

17. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu reviżjonijiet indipendenti tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni li jkunu preventivi u ta’ riżarċiment u ta’ l-effettikaċja ta' protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni u jassiguraw li l-entitajiet statutorji u mhux statutorji li jieħdu sehem fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u li jappoġġjaw il-vittmi tad-diskriminazzjoni jkollhom riżorsi xierqa; jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tinkludi reviżjoni ta' bejn il-pari fl-eżerċizzju ta' monitoraġġ kontinwu tiegħu;

18.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfornu b’riżorsi u b’setgħat xierqa lill-entitajiet indipendenti li jippromwovu l-ugwaljanza sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-irwol tagħhom b’mod effettiv u indipendenti, inluż l-għoti ta’ kompetenza ta’ min joqgħod fuqha dwar il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u ta’ assistenza xierqa għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-kompitu ta’ dawn l-entitajiet ikopri l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi standards li skond dawn ikunu osservati bir-reqqa u assigurati l-effikaċja u l-indipendenza ta' dawk l-entitajiet;

19.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jfornu b’riżorsi u b’setgħat xierqa lill-NGOs li huma rappreżentattivi tal-gruppi li qed ikunu ddiskriminati u dawk li huma attivi fl-infurmar taċ-ċittadini u li jagħtu għajnuna legali f’ċirkustanzi ta’ diskriminazzjoni;

20. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien ma’ l-imsieħba soċjali rilevanti biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità;

21. Jenfasizza li fi kwalunkwe każ l-Istati Membri għandhom jassiguraw li vittmi ta’ diskriminazzjoni għandhom awtomatikament jingħataw assistenza fi proċeduri legali, jekk ikun il-każ permezz ta’ finanzjament pubbliku minn skemi ta’ għajnuna legali nazzjonali;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod prattiku u effettiv tappoġġja l-adozzjoni ta’ miżuri mill-Istati Membri permezz tal-programm Progress u tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex ikunu appoġġjati programmi li jippromwovu l-opportunitajiet ugwali u l-qerda tad-diskriminazzjoni;

23. Jirrakkomanda li, sabiex jingħata livell ta’ protezzjoni aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-assoċjazzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet legali oħra biex jieħdu sehem fi proċeduri legali, anke f’isem vittma jew bħala appoġġ lil vittma;

24. Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jassiguraw trattament u opportunitajiet ugwali skond politiki ta’ l-impjieg u ta’ l-inklużjoni soċjali u, b’mod partikulari, li jindirizzaw l-ostakoli serji li jitqajmu mid-diskriminazzjoni fil-proċeduri tar-reklutaġġ;

25. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jassiguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra jistgħu jieħdu sehem f’isem persuna jew persuni li qed jagħmlu lment fi kwalunkwe proċedura ġuridika għall-infurzar tad-Direttivi;

26. Jistieden lill-Istati Membri sabiex, f’koperazzjoni ma’ l-Aġenzija ta' l-UE għad-Drittijiet Fundamentali u mal-Kummissjoni, jiġbru, jikkompilaw u jippubblikaw statistiki dwar diskriminazzjoni li jkunu komprensivi, eżatti, ta’ min joqgħod fuqhom u separati f'intervalli regolari u sabiex jippubblikawhom b’mod li l-pubbliku jista’ jifhimhom malajr u f’mod li jippermetti skambji aktar effettivi ta' l-aħjar prattiki; jenfasizza l-ħtieġa għad-disponibiltà ta' fondi suffiċjenti biex dan jintlaħaq u l-importanza li jiġu żviluppati metodi biex tinġabar dejta dwar id-diskriminazzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta;

27. Jitlob li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali integrati kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni;

28.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni fil-ġbir tad-dejta dwar l-ugwaljanza, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ manwal Ewropew għal dan it-tip ta’ dejta; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistudja sew il-kwistjonijiet legali varji u l-parametri dwar il-kwistjoni tal-ġbir tad-dejta u sabiex jitressqu proposti biex titjieb ir-reġistrazzjoni ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u biex ikunu osservati standards komuni għall-ġbir tad-dejta; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tagħti taħriġ legali għall-imħallfin, l-avukati, it-trejdjunjins u l-NGOs sabiex jitjieb l-impatt fuq żmien twil tad-Direttivi, kif ukoll biex titwettaq aktar riċerka u analiżi ta’ l-impatt tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttivi;

29.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni fid-diskriminazzjoni multipla, inkluża t-tnedija ta’ studju dwar dan is-suġġett; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta kunċett wiesa’ ta' diskriminazzjoni multipla u sabiex teżamina u tforni dejta dwar id-diskriminazzjoni multipla u reati ta’ mibegħda; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dispożizzjonijiet imfassla espliċitament biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni multipla fi kwalunkwe leġiżlazzjoni futura adottata skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jista’ jkun applikat fuq bażi waħda jew taħlita ta’ aktar minn bażi waħda;

30. Jisħaq l-importanza tan-netwerking bejn gruppi li jkunu attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

31.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u biex jikkunsidraw li jirrevokaw atti li ma jkunux kompatibbli ma’ l-Artikolu 13 tat-Trattat KE;

32. Iqis id-Direttiva 2000/43/KE bħala l-bażi li fuqha jista' jinbena qafas komprensiv ta' kontra d-diskriminazzjoni għal miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika; jenfasizza, madankollu, li għandhom jitqiesu l-aspetti problematiċi li diġà ġew identifikati u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva;

33. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha toħroġ definizzjoni komuni li jkollha għarfien ma’ l-UE kollha, jew talanqas għandha taħdem għal kunsens dwar it-tifsira ta’ azzjoni pożittiva, biex b’hekk jitkissru l-ħrejjef madwar it-tifsira u l-applikazzjoni tagħha f’xi Stati Membri, b’mod partikulari minħabba l-effikaċja tagħha biex tiġi miġġielda b’suċċess id-diskriminazzjoni u biex tinħoloq l-ugwaljanza ta’ riżultati f’xi Stati Membri;

34. Itenni x-xewqa politika, soċjali u legali li titwaqqaf il-ġerarkija ta’ ħarsien kontra l-bażi differenti ta’ diskriminazzjoni; jemmen b’mod qawwi li ma jagħmilx sens li d-diskriminazzjoni tiġi ddikjarata illegali f’qasam wieħed filwaqt li tkun permessa f’qasam ieħor u għalhekk jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva komprensiva biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE fil-programm ta’ ħidma ta’ l-2008;

35.  Jemmen li kwalunkwe direttiva ġdida proposta biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE jkollha tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni, inklużi d-diskriminazzjoni diretta u indrietta fl-oqsma kollha diġà koperti mid-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE, id-diskriminazzjoni permezz ta’ l-assoċjazzjoni, id-diskriminazzjoni marbuta ma’ sħubija maħsuba fi grupp protett u l-fastidju; jemmen li istruzzjoni biex wieħed jiddiskrimina għandha titqies bħala diskriminazzjoni, u li falliment mhux ġustifikat biex issir akkomodazzjoni raġonevoli għandha titqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni; jemmen li dawn id-Direttivi għandhom jagħmluha ċara li ma hemm l-ebda ġerarkija fost il-forom differenti ta’ diskriminazzjoni u li kollha jridu jkunu miġġielda bl-istess mod qawwi; jinsisti li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida proposta tirrifletti kif jixraq l-ispeċifiċitajiet kollha tal-bażijiet differenti rispettivi;

36.  Jemmen b’mod qawwi li l-iskop materjali tal-proposta l-ġdida għal direttiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandu jkun wiesa’, li jkopri l-oqsma kollha li huma tal-kompetenza tal-Komunità kif ukoll l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, il-ħarsien soċjali inkluża s-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, xbihat ta’ gruppi ddiskriminati fil-midja u fir-riklamar, aċċess fiżiku għall-informazzjoni għall-persuni b’diżabilità, telekomunikazzjoni, komunikazzjoni elettronika, modi tat-trasport u postijiet pubbliċi, vantaġġi soċjali u aċċess għal u forniment ta’ prodotti u servizzi li jkunu disponibbli għall-pubbliku; barra minn hekk jemmen li d-Direttiva l-ġdida għandha wkoll tiżviluppa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u tan-nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol[4] sabiex ikun konsistenti mal-ħarsien tad-diskriminazzjoni kontra l-gruppi l-oħra;

37. Huwa konvint b’mod qawwi li fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għandu jiġi żviluppat metodu olistiku biex titqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku, li jibda mill-programmi ta' l-iskola;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga kif leġiżlazzjoni futura bbażata fuq l-Artikolu 13 tista’ tinkorpora aktar dispożizzjonijiet li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u ta’ l-ugwaljanza li m’humiex dipendenti fuq ilmenti dwar vittmi individwali; jemmen li l-investigazzjoni għandha tqis kif leġiżlazzjoni futura tista' toħloq obbligi biex tkun introdotta azzjoni pożittiva u/jew dmirijiet pożittivi biex tkun miġġielda l-ugwaljanza, u torbot obbligi li għandhom x'jaqsmu man-non-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza mal-politika nazzjonali ta' l-appalt pubbliku;

39. Huwa tal-fehma li differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità jew il-lingwa li la huma ġġustifikati b’mod oġġettiv u raġonevoli minn mira leġittima u l-anqas m’huma miksuba bil-mezzi xierqa u meħtieġa, jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika u dan bil-kuntrarju tad-Direttiva 2000/43/KE;

40. Jidhirlu li d-diskriminazzjoni għandha titqies ukoll li tinterferixxi fl-erba’ libertajiet fundamentali - b’mod partikulari l-ħelsien tal-moviment tal-persuni - u bħala tali tikkostitwixxi ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom li jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex jiġi eliminat d-divrenzjar bejn iċ-ċittadini Ewropej f’dan ir-rigward;

41. Iqis li l-komunitajiet tal-minoranzi, u b’mod partikulari l-komunità tar-Roma, jeħtieġu ħarsien soċjali speċifiku, peress li l-problemi li għandhom ta’ sfruttament, ta’ diskriminazzjoni u ta’ esklużjoni saru aktar intensi wara t-tkabbir fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, tas-saħħa, ta’ l-akkomodazzjoni, ta’ l-impjieg u tad-drittijiet tan-nisa;

42. Jirrakkomanda li, fir-rigward ta’ l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal tfal żvantaġġjati u tar-Roma u l-klassifikazzjoni mhux ġustifikata tagħhom bħala diżabbli, tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni li wieħed jiltaqa’ magħha fil-qasam ta’ l-edukazzjoni;

43.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni hija effettiva biss meta ċ-ċittadini jkunu aktar konxji tad-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess faċli għall-qrati; għalhekk jemmen li l-proposta l-ġdida għal direttiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandha tindirizza wkoll rimedji u infurzar u jirrakkomanda t-twaqqif mill-Istati Membri ta’ entità indipendenti u effettiva jew aktar minn waħda għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali u biex jiġu miġġielda l-forom varji tad-diskriminazzjoni, bil-kompitu li jkunu koperti l-bażijiet kollha għad-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13, u l-oqsma kollha koperti mid-Direttiva 76/207/KEE; jemmen li l-kompetenza ta’ dawk l-entitajiet għandha tinkludi l-forniment ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-ilmenti tagħhom dwar id-diskriminazzjoni, jamministraw stħarriġ indipendenti dwar l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni non-diskriminatorja u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni li jkollha x'taqsam mat-tali diskriminazzjoni;

44.  Jitlob li fi kwalunkwe leġiżlazzjoni futura permezz ta' l-Artikolu 13 tat-Trattat KE jkun inkluż l-obbligu li jiġu kkonsultati u inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, entitajiet indipendenti speċjalizzati fl-ugwaljanza u organizzazzjonijiet rappreżentattivi fir-rigward ta’ l-abbozzar, il-proċess ta’ traspożizzjoni u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħha;

45.  Jemmen li d-direttiva l-ġdida għandha tinkludi rekwiżit li l-Istati Membri l-integrazzjoni ta’ l-ugwaljanza f’kull ippjanar, tfassil ta’ politika u żvilupp ta’ programmi fl-oqsma koperti mid-direttiva, li fornituri tas-servizz ikunu organizzati u sistematiċi fl-approċċ tagħhom għall-ugwaljanza, u li l-fornituri tas-servizz jagħmlu aġġustamenti u jipprovdu trattament speċjali sabiex jassiguraw li membri ta’ gruppi f’minoranza li jkunu qed ibatu min-nuqqas ta’ ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw u jibbenefikaw mis-servizzi provduti;

46. Jinnota bi tħassib li waqt li 19-il Stat Membru ffirmaw il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u għal-Libertajiet Fundamentali, 5 biss irratifikaw dak il-Protokoll;

47.  Jitlob li jitkompla l-proċess ta’ ffirmar, konklużjoni u ratifika tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, inkluż il-Protokoll Mhux Obbligatorju tiegħu, u jfakkar li, wara r-ratifika tal-Konvenzjoni mill-Komunità, kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni għandha tikkonforma kompletament mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni; ifakkar lill-Kunsill dwar is-sejħa li għamlet il-Kummissjoni fil-konferenza ministerjali informali dwar id-diżabilità f'Ġunju ta' l-2007, sabiex tiġi imnedija strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan dak il-qafas, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tiġi emendata leġiżlazzjoni Komunitarja sussidjarja jew li jiġu adattati l-politiki rilevanti;

48.  Jisħaq fuq l-importanza ta’ l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni orizzontali tal-klawżola tan-non-diskriminazzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona wara li tidħol fis-seħħ, li timpenja l-Unjoni Ewropea li tipprova tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u ta’ l-attivitajiet tagħha;

49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex l-opportunitajiet ugwali u n-non-diskriminazzjoni jiddaħħlu b'mod ġeneralizzat fl-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u għall-impjieg, fil-linji gwida għall-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar l-inklużjoni soċjali u fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-regolamenti li jmexxu l-fondi strutturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jirrevedu l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi u, b’mod partikulari, l-Linji Gwida dwar l-Impjieg sabiex tkun assigurata u mtejba l-integrazzjoni u l-viżibilità tad-dimensjoni soċjali fiċ-ċiklu li jmiss ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jenfasizza li sabiex ikunu effettivi, il-politiki ta’ l-ugwaljanza u tan-non-diskriminazzjoni jridu jkunu marbuta bis-sħiħ mal-politiki soċjali bi rwol importanti għall-imsieħba soċjali;

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-kuntratt ta’ impjieg billi jkun assigurat it-trattament ugwali għall-ħaddiema kollha, il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà, dispożizzjonijiet għall-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' rappreżentazzjoni, il-ħarsien kontra t-tkeċċija inġusta, l-innegozjar kollettiv, l-azzjoni kollettiva; jenfasizza l-importanza ta’ l-aċċess għat-taħriġ kif ukoll għall-ħarsien kontinwu ta’ drittijiet miksuba billi jkunu koperti perjodi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, opportunitajiet aħjar ta' kura, iż-żamma ta' drittijiet soċjali essenzjali bħad-drittijiet għall-pensjoni, drittijiet għat-taħriġ u d-dritt għall-benefiċċju tal-qgħad waqt tibdil fis-sitwazzjoni tax-xogħol ta’ persuna, bejn kuntratti ta' impjieg u minn impjieg dipendenti għal wieħed awtonomu;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

  • [1]  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
  • [2]  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
  • [3]       15383/07.
  • [4]  ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40.

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (28.3.2008)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-progress li sar fl-opportunitajiet ugwali u fin-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)
(007/2202(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tatjana Ždanoka

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu b’mod xieraq fil-prattika leġiżlattiva tagħhom il-bażijiet varji għad-diskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea;

2.   Jiddispjaċih li l-Kummissjoni, sabiex tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw b’mod xieraq u bis-sħiħ mad-Direttiva 2000/78/KE, kellha tibgħat opinjonijiet motivati fil-31 ta’ Jannar 2008 minħabba li naqset li tiġi implimenta d-Direttiva lil għaxar Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, il-Finlandja u l-Iżvezja), kif ukoll ittra ta’ intimazzjoni lill-Ġermanja u żewġ ittri ta’ intimazzjoni kumplimentari lil-Latvja u lil-Litwanja; jinnota wkoll li ttieħdu l-ewwel passi ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Belġju u l-Islovakkja, id-Danimarka, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit, filwaqt li qed tiġi analizzata t-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Awstrija, fil-Lussemburgu, fil-Bulgarija u fir-Rumanija; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’mod sħiħ u mingħajr dewmien;

3.   Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti kollha disponibbli, inkluża l-azzjoni pożittiva, bil-għan li jiżguraw l-ugwaljanza fil-prattika u biex jagħtu aktar piż lill-evidenza ta’ diskriminazzjoni;

4.   Jitlob li jsir immonitorjar strett ta’ l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-piż tal-prova u dwar it-tressiq ta’ talbiet fl-interess pubbliku;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ aktar proattiv, pereżempju billi toħroġ komunikazzjonijiet interpretattivi u linji gwida għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta’ azzjoni speċifiku dwar il-mekkaniżmi u l-metodi ta’ osservazzjoni u ta’ deskrizzjoni ta’ l-impatt ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali;

7.   Huwa tal-fehma li differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità jew il-lingwa li la huma ġġustifikati b’mod oġġettiv u raġonevoli minn mira leġittima u l-anqas m’huma miksuba bil-mezzi xierqa u meħtieġa, jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika;

8.   Jidhirlu li d-diskriminazzjoni għandha titqies ukoll li tinterferixxi fl-erba’ libertajiet fundamentali - b’mod partikulari l-ħelsien tal-moviment tal-persuni - u bħala tali tikkostitwixxi ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom li jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex jiġu eliminati d-differenzi bejn iċ-ċittadini Ewropej f’dan ir-rigward;

9.   Jiddispjaċih li d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE ma jkoprux differenzi fit-trattament li jkunu ta’ natura diskriminatorja bbażati fuq kriterji fiżiċi bħal ma huma t-tul jew il-karnaġġjon, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieġi fejn ma hemm l-ebda konnessjoni diretta bejn dawk il-karatteristiċi fiżiċi u l-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu x-xogħlijiet ikkonċernati;

10. Jitlob li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali integrati għal kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni;

11. Jistieden lill-Istati Membri biex iħarrġu uffiċjali dwar kwistjonijiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tad-Direttivi u lill-Kummissjoni biex twaqqaf programmi Ewropej għal skambji bejn id-diversi korpi amministrattivi nazzjonali;

12. Jidhirlu li l-komunitajiet tal-minoranzi, u b’mod partikulari l-komunità tar-Roma, jeħtieġu ħarsien soċjali speċifiku, peress li l-problemi li għandhom ta’ sfruttament, ta’ diskriminazzjoni u ta’ esklużjoni saru aktar intensi wara t-tkabbir fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, tas-saħħa, ta’ l-akkomodazzjoni, ta’ l-impjieg u tad-drittijiet tan-nisa;

13. Jirrakkomanda li, fir-rigward ta’ l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal tfal żvantaġġjati u tar-Roma u l-klassifikazzjoni mhux ġustifikata tagħhom bħala diżabbli, tingħata attenzjoni speċjali li tiġi miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni li wieħed jiltaqa’ magħha fil-qasam ta’ l-edukazzjoni;

14. Jirrakkomanda li d-dejta dwar ilmenti u dwar ir-riżultat ta’ proċeduri relatati għandha tiġi mqassma skond il-bażi tad-diskriminazzjoni, u dan għandu jtejjeb l-analiżi ta' l-effikaċja ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

15. Jirrakkomanda li bil-ġbir ta’ dejta ta’ statistika, l-Istati Membri jużaw salvagwardji xierqa għall-ħarsien ta’ dejta personali, jiffukaw fuq ir-rappreżentanza ta’ gruppi differenti f’oqsma varji tas-soċjetà u jiżviluppaw politiki li jimmiraw li jiżguraw aċċess ugwali għad-drittijiet bażiċi kif ukoll għall-parteċipazzjoni ċivika u politika;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju li jeżamina liema Stati Membri jkunu ppromulgaw dispożizzjonijiet ta' azzjoni pożittiva u kif ikunu applikawhom;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħroġ malajr kemm jista’ jkun proposta għal direttiva orizzontali li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali barra mill-ambitu ta’ l-impjiegi, inkluż l-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u l-akkomodazzjoni, għall-edukazzjoni, għall-ħarsien soċjali u l-vantaġġi soċjali, għall-immigrazzjoni u l-ażil, u li tkopri kull bażi ta’ diskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE; jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu li l-Kummissjoni indikat li m’għandhiex il-ħsieb li tressaq proposti biex tlesti għal kollox il-pakkett ta' kontra d-diskriminazzjoni, kif kien mitlub ripetutament mill-Parlament u kif ġie mħabbar fl-Istrateġija ta’ Politika Annwali għall-2008, iżda minflok tidher li għandha l-ħsieb li tillimita aktar proposti lil hinn minn dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità;

18. Jinnota bi tħassib li waqt li 19-il Stat Membru ffirmaw il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u għal-Libertajiet Fundamentali, 5 biss irratifikaw dak il-Protokoll.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

27.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

15

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Carlos Coelho, Esther De Lange, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Sarah Ludford, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Athanasios Pafilis, Martine Roure, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Sophia in ‘t Veld, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Antonio Masip Hidalgo, Bill Newton Dunn, Nicolae Vlad Popa

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

2.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

19

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Jan Tadeusz Masiel, Jiří Maštálka, Elisabeth Morin, Csaba Őry, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Jacek Protasiewicz, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Marie Beaupuy, Beniamino Donnici, Donata Gottardi, Richard Howitt, Magda Kósáné Kovács, Sepp Kusstatscher, Jamila Madeira, Ria Oomen-Ruijten, Kyriacos Triantaphyllides, Anja Weisgerber, Tatjana Ždanoka