RAPPORT dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
21.4.2008 - (2008/2009(INI))
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Willi Piecyk
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (COM(2007)0575, SEC(2007)1283),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea" (COM(2007)0574),
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjonigħal dikjarazzjoni konġunta bejn tliet partijiet li tistabbilixxi "Jum Marittimu Ewropew",
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata "Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra" (COM(2006)0275) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Lulju 2007[1],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8/9 ta' Marzu 2007 fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-dokument "Pjan ta' azzjoni (2007–2009) tal-Kunsill Ewropew – Politika ta' l-enerġija għall-Ewropa" mill-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "20 għal darbtejn sa l-2020 - L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa" (COM(2008)0030),
– - wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006, adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) fit-23 ta’ Frar 2006, strument uniku li jħaddan u jadatta l-konvenzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu adottati mill-ILO mill-1919,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-sajd (A6-0163/2008),
A. billi l-oċeani u l-ibħra huma fatturi ekonomiċi u ambjentali essenzjali għall-UE; billi l-UE, permezz tar-reġjuni kostali u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, toffri 320,000 km ta' kosta li fiha jgħixu terz tal-popolazzjoni Ewropea,
B. billi industriji u servizzi tal-baħar kif ukoll ir-reġjuni tal-kosta b'kollox jikkontribwixxu 40 % tal-GDP ta' l-UE,
C. billi l-bidla fil-klima hija l-akbar sfida mill-politiki kollha fis-seklu 21; billi ż-żieda fil-livell tal-baħar ikkawżata mill-bidla fil-klima hija theddida għar-reġjuni kostali, li tista’ tkun fuq skala kbira ħafna, b’konsegwenzi drastiċi għar-residenti,
D. billi r-reġjuni marittimi ta’ l-UE, u b’mod partikulari r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, jwettqu rwol importanti ħafna fir-rigward tas-sigurtà kontra l-atti kriminali bħal ma huma l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu u l-kuntrabandu u minkejja dan huma esposti għal diżastri ambjentali speċifiċi,
1. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjonijiet u l-Pjan ta' Azzjoni msemmija hawn fuq fid-dokumnet ta' ħidma ta' l-istaff imsemmi hawn fuq;
2. Isostni r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni laqgħet parti sewwa mit-talbiet tal-Parlament, almenu parzjalment;
3. Jenfasizza li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali konferita fuq l-UE mill-kosta u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward ta’ l-innovazzjoni, l-ambjent, u l-bijodiversità, li għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika marittima integrata għall-UE, u li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, barra minn hekk, jipprovdu bażijiet tal-komunikazzjoni eċċellenti għall-għanijiet ta’ trasport u siġurtà fil-livell ta’ l-UE u livell globali;
4. Jenfasizza bil-qawwa l-idea tal-Kummissjoni li tisfrutta aħjar il-potenzjal tat-trasport marittimu u fuq l-ilmijiet interni fuq distanza qasira bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u li tintegra dan is-settur malajr kemm jista’ jkun fis-suq intern u jilqa’ b’sodisfazzjoni il-ħsieb tal-Kummissjoni li tħaffef il-proposti tagħha dwar żona ta’ trasport marittimu komuni bi strateġija komprensiva għat-trasport marittimu 2008-2018;
5. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni bejniethom u mal-pajjiżi ġirien għall-użu adattat tat-TEN-T u mekkaniżmi ta’ ffinanzjar Ewropew oħra (bħal Marco Polo) biex iwettqu l-proġetti tat-Toroq tal-Baħar u Netwerks ta’ Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira;
6. Jilqa b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej li jieħdu ħsieb il-kontroll tal-baħar b’enfażi fuq il-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali (it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, l-immigrazzjoni illegali u t-theddidiet terroristiċi) b’enfasi speċjali fuq l-ibħra internazzjonali;
7. Jilqa b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u tippromwovi koperazzjoni aħjar fost il-gwardji tal-kosta ta’ l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ ir-riżultati ta’ l-istudji dwar il-vijabilità ta’ gwardja tal-kosta Ewropea, li kellu jkun ippubblikat u ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill sa l-aħħar ta’ l-2006;
8. Huwa tal-fehma li l-gruppi marittimi qegħdin f’qagħda partikolarment tajba biex jagħmlu kontribuzzjoni għall-ksib ta’ politika marittima integrata; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda bla telf ta’ żmien il-proġett ta’ netwerk Ewropew tal-gruppi marittimi;
9. Jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit "Jum Marittimu Ewropew" annwali; huwa tal-fehma li jum ta’ azzjoni bħal dan għandu jintuża biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika marittima barra l-ambjent speċjalizzat bil-parteċipazzjoni ta’ ċittadini komuni, l-iskejjel, l-universitajiet u l-NGOs; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li jingħata premju lir-reġjuni marittimi eżemplari bħala mezz biex tippromwovi l-aħjar prattika;
10. Huwa ta' l-opinjoni, ġeneralment, li l-pjan ta' azzjoni fih ftit wisq miżuri konkreti u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tuża l-istrument li għandha disponibbli skond it-Trattati b'aktar ambizzjoni;
11. Jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-isfidi tal-bidla fil-klima biss b'mod li xejn mhuwa obbligatorju; jirrijafferma l-fehma tiegħu li politika marittima Ewropea għandha tkun imħejjija għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u taddatta ruħha għalihom, u, b’urġenza, tistipula l-miżuri ta’ aġġustament rekwiżiti, b’mod speċjali minħabba l-fatt li qed idubu l-glaċieri li jwassal għal żieda fil-livell tal-baħar u riskji akbar ta’ għargħar fil-portijiet u fir-reġjuni kostali, u f’dan il-kuntest, jitlob il-kontribut tas-setturi relevanti kollha tal-politika, partikolarment dik tar-riċerka;
12. Ifakkar fil-fatt li kif il-meded tas-silġ jinħallu dawn jikkawżaw mhux biss żieda fil-livell tal-baħar imma wkoll ħsara li ma tissewwiex lill-ħajja tal-bnedmin, ta’ l-annimali u l-pjanti, u għaldaqstant jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq Inizjattiva Artika u jistieden lill-komunità xjentifika u lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet biex jesploraw aktar possibiltajiet għall-ħarsien taż-żoni tas-silġ polari;
13. Isostni li l-ġestjoni tajba ta’ l-ibħra tirrikjedi l-ġestjoni tajba taż-żoni kostali u li proġetti ta’ bini matul il-kosta ta’ l-UE għandhom f’kull każ jaħsbu għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u, minħabba fiha, iż-żieda fil-livell tal-baħar, l-erożjoni tar-ramel, u ż-żieda fil-frekwenza u l-qilla tal-maltemp;
14. Jappoġġja l-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 li sa l-2050 l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta' serra jonqsu bin-nofs u jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-politika marittima tagħti kontribut importanti għat-tnaqqis ta' dawn l-emissjonijiet; dan għandu jinkludi trasport bil-baħar fil-kwoti ta’ emissjonijiet u t-tisħiħ ta’ l-isforzi tar-riċerka kemm għall-użu ta’ l-ibħra bħala sors ta’ enerġija li tiġġedded kif ukoll bil-ħsieb li jkunu żviluppati teknoloġiji ġodda aktar nodfa ta’ propulsjoni tal-vapuri; huwa tal-fehma li rwol ewlieni ta’ l-Ewropa fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jista’ jsaħħaħ u jikkonsolida l-irwol ta’ l-Ewropa bħala mexxejja fit-teknoloġija ambjentali u r-riċerka;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti prova ta' ambizzjoni akbar fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-kubrit u ta' l-ossidu tan-nitroġenu, kif ukoll skart solidu mill-bastimenti; f’dan il-kuntest, itenni l-ħtieġa ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib ma’ l-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) u b’mod partikulari, it-talba tiegħu:
· għat-tfassil ta' normi dwar l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu għall-bastimenti li joperaw fil-portijiet ta' l-UE;
· għal dikjarazzjoni tal-Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-grigal ta’ l-Atlantiku bħala reġjuni ta’ sorveljanza għall-emissjonijiet ta’ kubrit (SECA) skond il-Konvenzjoni MARPOL;
· għat-tnaqqis minn 1.5 % għal 0.5 % fil-kontenut massimu ta' kubrit permess fil-fjuwils tal-vapuri għall-bastimenti tal-passiġġieri li joperaw fir-reġjuni SECA;
· għall-introduzzjoni ta’ miżuri fiskali, bħal taxxi jew kontribuzzjonijiet għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu mill-bastimenti u l-identifikazzjoni ta’ modi kif ikunu imposti miżuri u kontribuzzjonijiet bħal dawn fuq il-vapuri kollha, tkun xi tkun il-bandiera tagħhom, li jidħlu fil-portijiet Komunitarji jew li jbaħħru fl-ibħra ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE;
· għall-introduzzjoni ta' kontribuzzjonijiet tal-portijiet u l-ilmijiet navigabbli differenzjati li jiffavorixxu l-vapuri b'emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu;
· l-introduzzjoni b’mod gradwali ta’ rekwiżit għall-vapuri fil-portijiet li jużaw l-elettriku minn fuq l-art
· għal-proposta ta' direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità ta' fjuwils tal-bastimenti;
16. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, minħabba t-tniġġis ta’ l-arja li jaffettwa ħafna bliet li huma portijiet u reġjuni, biex jipprovdu inċentivi li huma aħjar b’mod sinifikanti għall-provvediment ta’ l-elettriku mill-art għall-vapuri fil-port; jitlob, għaldaqstant. għal proposta ta’ emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku[2], li permezz tagħha dawk l-Istati Membri li jieħdu vantaġġ mill-eżenzjoni tat-taxxa miż-żejt tal-banker skond l-Artikolu 14 ta’ dik id-direttiva jkunu rekwiżiti li jeżentaw mit-taxxa l-elettriku mill-art għall-istess ammont; it-trattament indaqs għall-finijiet tat-taxxa ta’ l-elettriku u ż-żejt tal-banker se jkun inċentiv kbir għall-portijiet u s-sidien tal-vapuri biex jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja fl-ibliet li huma portijiet billi jinvestu fil-forniment ta’ l-elettriku għall-vapuri li jkunu fil-port;
17. Jerġa' jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-tniġġis ta' l-ibħra mill-art għandu parti sostansjali mit-tniġġis ġenerali ta' l-ibħra u li l-Kummissjoni għadha ma bdietx tittratta dan is-suġġett; jirrepeti, għaldaqstant, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni għat-tnaqqis fit-tniġġis u jenfasizza t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw mingħajr dewmien l-atti legali relattivi bħad-direttiva qafas dwar l-ilma; jenfasizza li pjan ta' azzjoni għall-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' tagħmir tal-gwerra tal-gwerer tal-passat fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku jifforma parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jniedu pjan għall-istudju u l-intraċċar ta’ vapuri mgħarrqa u siti arkeoloġiċi mgħarrqa – minħabba li dawn jiffurmaw parti mill-wirt storiku u kulturali tal-Komunità – u b’hekk tħaffef l-għarfien u l-istudju ta’ siti bħal dawn u tgħin biex tkun evitata l-ħsara li qed iġarrbu, biex ikunu jistgħu jitħarsu b’mod adattat;
19. Iħeġġeġ l-istituzzjonijiet involuti biex jadottaw il-pakkett marittimu Erika III malajr kemm jista’ jkun u jistieden lill-Istati Membri biex jibdew jimplimentaw il-pakkett mingħajr dewmien, bil-għan li jipprovdu l-mezzi legali meħtieġa biex ikunu evitati jew irrimedjati l-aċċidenti jew l-inċidenti b’konsegwenzi diżastrużi għall-iżvilupp tar-reġjuni marittimi, bl-inċidenti ta’ l-Erika u l-Prestige ikunu żewġ eżempji ta’ dan;
20. Jikkunsidra li d-Direttiva qafas dwar strateġija għall-ambjent ta’ l-ibħra għandha tikkostitwixxi l-bażi ambjentali tal-politika marittima integrata għall-UE; jinnota li dik id-direttiva tiddikjara li r-reġjuni fejn l-istat tal-baħar huwa kruċjali għandhom ifasslu u jimplimentaw miżuri aktar mgħaġġla biex jiksbu status ambjentali tajjeb; jenfasizza li f’reġjuni bħal dawn huwa importanti b’mod partikulari li l-Kummissjoni tikkordina setturi, programmi u strateġiji differenti u tipprovdi appoġġ finanzjarju adattat; jinnota li biex tinkiseb politika marittima integrata bħal din, huwa meħtieġ li jkunu inklużi attivitajiet fuq l-art bħall-agrikoltura, l-immaniġġar tad-dranaġġ, it-trasport u l-produzzjoni ta’ l-enerġija; jemmen li reġjuni bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu żoni bi prova għal politika marittima integrata b’mod sħiħ;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-baħħara minn partijiet differenti ta' normattivi Ewropej dwar il-ħarsien soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema (pereżempju, id-Direttiva 98/59/KE[3] dwar tkeċċijiet kollettivi, id-Direttiva 2001/23/KE[4] dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, id-Direttiva 2002/14/KE[5] dwar tagħrif u konsultazzjoni għall-impjegati, kif ukoll id-direttiva 96/71/KE[6] dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi); jipproponi r-reviżjoni ta' dawn id-direttivi b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali;
22. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m’għamlux hekk, biex jirratifikaw, kemm jista’ jkun malajr, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, ta’ l-2006, adottata bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara u biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fl-industrija tal-vapuri billi jkun aġġornat u kkodifikat il-korp kollu ta’ standards internazzjonali dwar ix-xogħol li huma fis-seħħ;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġġorna d-Direttiva 1999/95/KE[7] dwar is-sigħat tax-xogħol tal-baħħara, u l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet li huma taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni imma m’humiex koperti, jew huma koperti b’mod parzjali biss, fil-livell Komunitarju, per eżempju r-regoli li jirregolaw l-aġenziji tar-reklutaġġ temporanju jew id-dritt ta’ ħaddiem li jkollu kuntratt ta’ l-impjieg iffirmat;
24. Iqis li l-involviment ta' msieħba reġjonali u lokali huwa essenzjali sabiex il-politika marittima tkun ta' suċċess; isostni, għalhekk, li għandu jkun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib u rabta akbar bejn ir-reġjuni kostali Ewropej, u li dan jista' jinkiseb bil-promozzjoni ta' strateġiji koordinati li jkattru l-iżvilupp u l-kompetittività u billi jkun hemm rabta aktar effettiva bejn il-livelli differenti ta' governanza;
25. Iġedded it-talba tiegħu biex fil-futur jiġi segwit approċċ integrat tal-politika marittima għall-UE u jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas politiku tagħha kif ukoll il-koeżjoni territorjali, soċjali, u ekonomika li tipprovdi r-rabta m’' l-intern ta’ l-Ewropa u l-politiki kostitwenti tagħha; jipproponi li jiġi pubblikat rapport dwar il-politika marittima Ewropea kull sentejn kif ukoll skambju pubbliku ta’ opinjonijiet b’mod regolari li jieħdu sehem fih dawk kollha interessati; jitlob il-presidenzi futuri tal-Kunsill biex fil-qafas tal-programmi ta’ ħidma tagħhom jittrattaw il-politika marittima; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kull sena tindika b'mod ċar il-proġetti kollha relatati mal-baħar, li jgawdu l-għajnuna ta’ fondi ta’ l-UE;
26. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi negozjati għal ġestjoni aħjar ta’ l-iskambji marittimi ma’ pajjiżi terzi u jappoġġja b’mod qawwi koperazzjoni akbar ma’ pajjiżi ġirien għall-ħarsien ta’ l-ibħra lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali;
27. Jikkunsidra li Strateġija komprensiva Ewropea għar-riċerka dwar il-Baħar u r-riċerka Marittima hija ta’ importanza kbira u għandha tkun iffinanzjata b’mod adattat, anki fis-7 programm qafas tar-riċerka u fi programmi tal-ġejjieni;
28. Jesprimi ruħu favur il-kunsiderazzjoni xierqa tal-politika marittima fil-baġit ta’ l-UE u l-istrumenti wara l-2013 u jistieden li dan ikun rifless fis-sommarji fir-rapporti li jsiru b’mod regolari dwar il-politika marittima Ewropea;
29. Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 bil-għan li l-politika marittima tkun adattata għal fatturi speċifiċi varji ta' l-Istati Membri u r-reġjuni marittimi, inklużi r-reġjuni ta' mal-kosta, il-gżejjer, u r-reġjuni l-iktar imbiegħda;
30. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni ta' pjan ta' azzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ppjanar spazjali marittimu mill-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinżamm bilanċ xieraq bejn il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali;
31. Jinnota li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali, li jġibu fl-UE r-reġjuni kostali, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar 'il barra, toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, il-bijodiversità, u oqsma oħra, u li l-politika marittima Ewropea integrata trid tikkapitalizza fuq dawn; jirrikonoxxi x-xewqa li jinħolqu ċentri ta' eċċellenza u jirrakkomanda li ċ-ċentri universitarji ta' riċerka li diġà huma preżenti fiż-żoni kostali jingħataw inkoraġġiment u appoġġ;
32. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-qawwa tal-mewġ bħala sors nadif ta' enerġija alternattiva u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis din il-forma ta' enerġija fil-pjanijiet ta' azzjoni futuri;
33. Iqis li l-objettiv essenzjali tal-"Politika Marittima Integrata Ewropea " (IEMP) fil-qasam tas-sajd għandu jinkoraġġixxi l-immodernizzar u l-iżvilupp sostenibbli, ibbilanċjat u ekwitabbli tal-qasam fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jiżgura il-vijabilità soċjo-ekonomika tiegħu u s-sostenibilità tar-riżorsi u jiggarantixxi s-sovranità u s-sigurtà ta’ l-ikel, il-provvista tal-ħut, il-preservazzjoni ta' l-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għejxien tas-sajjieda;
34. Iqis li, sa issa, la n-natura sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u lanqas il-vijabilità ekonomika tal-flotot tas-sajd u tal-komunitajiet tal-kosta ta’ l-Ewropa ma ġew moqdija kif xieraq mill-politika komuni għas-sajd (CFP,) u li għalhekk jaqbel li tiġi żviluppata politika Ewropea integrata ta’ l-UE dwar il-baħar b’mod li jiġi evitat li fil-politika komuni għas-sajd jitfaċċaw nuqqasijiet bħaċ-ċentralizzazzjoni żejda u l-inkapaċità li titqies id-diversità reġjonali ta’ l-ibħra ta’ l-Unjoni Ewropea;
35. Huwa ta' l-opinjoni li żieda fl-att u fil-kwalità ta' l-impjiegi "marbuta mal-baħar, speċjalment ma’ l-industrija tas-sajd" tiddependi wkoll fuq garanzija ta' dħul ġust u xieraq u fuq kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti (speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa u s-sigurtà) u fuq aċċess għat-taħriġ għas-sajjieda professjonali;
36. Jitlob li jkun hemm rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tad-diplomi ta’ livell intermedju għall-impjieg ta’ kaptani/mekkaniks għall-bastimenti tas-sajd;
37. Ifakkar fil-bżonn ta' mekkaniżmi għal għotjiet ta' għajnuna jew ta' kumpens għas-sajjieda milquta mill-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tal-miżuri adottati għar-rikostruzzjoni ta' stokks tal-ħut jew għall-ħarsien ta' ekosistemi, b'mod partikolari fir-reġjuni u fil-komunitajiet l-iktar żvantaġġjati u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda;
38. Jikkonferma l-ħtieġa li tissaħħaħ l-għajnuna għar-riċerka xjentifika dwar is-sajd fl-Istati Membri differenti, b’mod partikulari fi ħdan is-7 programm qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni;
39. Jitlob li tingħata għajnuna Komunitarja għall-adozzjoni ta’ miżuri effettivi neċessarji biex jiżguraw mezzi adegwati ta’ evakwazzjoni, ta’ assistenza u ta’ salvataġġ għall-ekwipaġġi;
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
NOTA SPJEGATTIVA
Bil-preżentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Pjan ta' azzjoni "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" f'Ottubru 2007, wara li tressqet Green Paper dwar il-politika marittima f'Ġunju 2006 u perjodu ta' konsultazzjoni ta' sena, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal stadju ieħor biex tiddetermina x'tip ta' politika prattika u x'miżuri għandhom jittieħdu għal politika marittima komuni Ewropea fil-ġejjieni. Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li parti kbira mit-talbiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' Lulju 2007 ġew milqugħa. Ir-rapport preżenti huwa għalhekk kontinwazzjoni ta' dan il-proċess.
Ir-rapporteur, madankollu, jinnota li d-dokumenti ġodda juru dak li diġà kien suspettat fil-passat: ġeneralment jidher li jeżisti kunsens wiesa' fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi konċernati dwar l-approċċ lejn il-politika marittima integrata ta' l-Unjoni Ewropea, iżda fil-formulazzjoni ta' partijiet mill-politika fil-prattika rriżulta kemm din l-approvazzjoni kienet serja u impenjata, għaliex hemm nuqqas ta' proposti, azzjonijiet u politiki li huma verament konkreti.
Ir-rapporteur għalhekk jipproponi konċentrazzjoni fuq it-talbiet l-aktar importanti li saru fir-rapport tal-Parlament f'Lulju 2007 u li issa jiġu determinati politiki prattiċi. B'mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rapport ma jinkludix proposti ġodda; anzi, it-talbiet kollha magħżula kienu diġà inklużi fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament ta' Lulju 2007.
Ir-rapporteur huwa konvint li l-formula li ġejja hija l-qofol ta' l-isforzi kollha: L-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa huma l-aktar nodfa fid-dinja, bl-aktar bijodiversità stabbli, bl-ekonomija bl-ogħla profitti, bl-aħjar riċerka u teknoloġija, bl-industrija tal-baħar l-aktar moderna u nadifa, bl-aħjar taħriġ bażiku u avvanzat u bl-ideat l-aktar innovattivi.
Mill-preżentazzjoni tar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni mill-Kunsill tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) fl-2007 kien hemm kunsens xjentifiku mad-dinja kollha dwar l-isfidi tal-bidla fil-klima. M'hemmx argumenti li l-politika marittima Ewropea tal-futur għandha tindirizza parti sostanzjali minn dawn l-isfidi. It-tisħin ta' l-oċeani qed jikkawża żieda fil-livell tal-baħar. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li dan il-fatt għandu jiġi rifless fl-oqsma tal-politika dwar il-ħarsien tax-xtut, l-ippjanar ta' l-ispazju marittimu, it-turiżmu u l-portijiet.
L-objettivi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007, li l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra jitnaqqsu bin-nofs sa l-2050, għandhom ikunu l-ispirtu tal-politika marittima; dan jgħodd partikolarment sabiex l-industrija tat-tbaħħir tiġi inkluża fil-politika dwar l-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet.
Barra minn hekk, ix-xjenza mhux illum bdiet titlob għal sforzi akbar f'inizjattivi bil-ħsieb li jintużaw enerġiji li jiġġeddu, b'mod partikolari, l-użu ta' l-enerġija mix-xemx u r-riħ. Dan ma jkunx biss kontribut kbir ħafna fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, iżda fl-istess ħin jista' jsaħħaħ u jgħin fl-iżvilupp ta' l-irwol ta' l-Ewropa li tinsab fuq quddiem fit-teknoloġija u r-riċerka ambjentali.
Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li l-appoġġ integrat tal-politika marittima għandu japplika għall-ġejjieni wkoll. Proprju fil-politika marittima jidher ċar kemm l-oqsma tal-politika individwali huma minsuġa flimkien, u kemm huwa importanti li s-setturi kollha jitqiesu li qed jgħinu lill-xulxin f'sistema ċirkolari. Dan ifisser li: ambjent marittimu nadif jinfluwenza fl-istess mod l-ekonomija marittima, lit-turiżmu, lill-bijodiversità, lis-sitwazzjoni ta' l-impjiegi u lill-portijiet. Ir-rieda ta' l-Istati Membri għandha tkun fil-bażi ta' din is-sistema ta' ċirkolazzjoni, speċi ta' solidarjetà marittima Ewropea.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (2.4.2008)
għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
(2008/2009(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sérgio Marques
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiżviluppa politika marittima integrata ħalli taffaċċja l-isfidi tal-bidla fil-klima, (inter alia bl-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-enerġija marittima), il-globalizzazzjoni, l-iżvilupp reġjonali, il-kompetittività, il-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar u s-sikurezza u s-sigurtà, u waħda li tinkorpora ħafna mill-ideat mogħtija mill-Parlament;
2. Jilqa' wkoll ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 bil-għan li l-politika marittima tkun adattata għal fatturi speċifiċi varji ta' l-Istati Membri u r-reġjuni marittimi, inklużi r-reġjuni ta' mal-kosta, il-gżejjer, u r-reġjuni l-iktar imbiegħda;
3. Iqis li l-involviment ta' msieħba reġjonali u lokali huwa essenzjali sabiex il-politika marittima tkun ta' suċċess; isostni, għalhekk, li għandu jkun hemm koperazzjoni u rabta akbar bejn ir-reġjuni kostali Ewropej, u li dan jista' jinkiseb bil-promozzjoni ta' strateġiji koordinati li jkattru l-iżvilupp u l-kompetittività u billi jkun hemm rabta aktar effettiva bejn il-livelli differenti ta' governanza;
4. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-komunikazzjoni tagħha dwar Politika Marittima Integrata (COM(2007)0575) u fid-dokumenti li jakkumpanjawha (SEC(2007)1278), (SEC(2007)1279) u (SEC(2007)1280) u b'mod partikolari fl-istrateġija tal-Kummissjoni biex ittaffi l-effetti tal-bidla tal-klima fuq reġjuni marittimi u l-effetti konkomitanti fuq it-turiżmu; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' adattament ulterjuri għal din l-istrateġija li jippermettu l-fatturi speċifiċi ta' reġjuni marittimi;
5. Jinnota li l-politika marittima futura hija ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp pożittiv fil-ġejjieni tar-reġjuni ta' mal-kosta, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda ta' l-UE; jinnota li t-twessigħ ta' l-ambitu tal-politika marittima biex tinkludi t-turiżmu fiż-żoni kostali tkun innovazzjoni ċentrali għall-iżvilupp u l-koeżjoni ta' dawn ir-reġjuni;
6. Jenfasizza l-irwol prinċipali li l-awtoritajiet reġjonali u l-komunitajiet kostali se jkollhom fl-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata l-ġdida u fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew li ġej min-naħa tal-Kummissjoni, dwar l-attività ekonomika li għandha x'taqsam mal-baħar; jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura tat-trasport ta' kwalità tajba u jenfasizza l-effetti pożittivi tagħha fuq il-kwalità tal-ħajja u l-industrija tat-turiżmu; f'dan ir-rigward, jistieden lil dawk kollha kkonċernati biex jaħdmu b'mod effiċjenti sabiex jiżguraw l-użu ottimali tal-fondi ta' żvilupp;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-effett fuq l-ekosistemi lokali taż-żieda fl-attività ekonomika u tat-turiżmu fir-reġjuni kostali flimkien ma' żieda fil-forom kollha ta' trasport; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk l-iżvilupp ta' politika marittima integrata li tindirizza dawn il-problemi; jistieden ulterjorment għal ġbir aħjar tad-dejta fir-rigward tas-settur marittimu u r-reġjuni kostali;
8. Jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni ta' ġabra ta' linji gwida għall-Istati Membri dwar it-tfassil ta' politiki marittimi integrati nazzjonali u r-rapporti annwali dwar l-UE u l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jirrakkomanda li l-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni kostali, li għandhom għarfien essenzjali u rwol ewlieni f'dan il-qasam, jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom b'mod effettiv u għall-benefiċċju ta' kulħadd;
9. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni ta' pjan ta' azzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ppjanar spazjali marittimu mill-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali jkunu evalwati u bbilanċjati sew;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex toħloq spazju ta' trasport marittimu Ewropew mingħajr fruntieri, flimkien ma' strateġija għat-trasport marittimu komprensiv għall-2008-2018;
11. Isostni li spazju ġenwin għat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakoli jeħtieġ li r-reġjuni kostali, il-gżejjer, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda ta' l-UE jkunu aktar sikuri mil-lat tas-sostenibilità ta' l-iżvilupp u ta' l-ambjent;
12. Jinnota li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali, li jġibu fl-UE r-reġjuni kostali, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda, toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, il-bijodiversità, l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi li għandhom x'jaqsmu mal-baħar u oqsma oħra, u li l-politika marittima integrata futura trid tikkapitalizza fuq dawn l-opportunitajiet; jirrikonoxxi x-xewqa li jinħolqu ċentri ta' eċċellenza u jirrakkomanda li ċ-ċentri universitarji ta' riċerka li diġà jeżistu fiż-żoni kostali jingħataw inkoraġġiment u appoġġ;
13. Fid-dawl ta' l-aċċidenti reċenti rigward it-tankers taż-żejt, u l-ħsara ambjentali li kkawżaw, jenfasizza l-bżonn ta' linji gwida ċari dwar it-tbaħħir u ta' koperazzjoni internazzjonali mmirata lejn it-tħeġġiġ ta' pajjiżi terzi biex japplikaw l-istess regoli jew simili;
14. Isostni li l-politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-fondi tagħha stess, filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi attwali tar-reġjuni varji involuti;
15. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-Ewropa marittima, filwaqt li toħloq l-immaġni ta' Ewropa responsabbli u dinamika impenjata fil-ħarsien u l-promozzjoni ta' l-ibħra mhux biss fir-rigward tal-barranin, iżda anki fi ħdan l-UE nnifisha;
16. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-qawwa tal-mewġ bħala sors nadif ta' enerġija alternattiva u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis din il-forma ta' enerġija fil-pjanijiet ta' azzjoni futuri;
17. Jiddispjaċih u huwa sorpriż li fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-'Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2008' – COM (2007)0640 – il-Kummissjoni injorat li tkopri l-miżuri tal-politika marittima li jridu jittieħdu fl-2008, nuqqas li jmur kontra l-fatt li l-Kummissjoni issa għandha Pjan ta' Azzjoni għall-politika marittima.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
27.3.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alfonso Andria, Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Victor Boştinaru, Wolfgang Bulfon, Antonio De Blasio, Bairbre de Brún, Petru Filip, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Sérgio Marques, Miguel Angel Martínez Martínez, James Nicholson, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Dimitar Stoyanov, Margie Sudre, Andrzej Jan Szejna, Kyriacos Triantaphyllides, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Bernadette Bourzai, Jan Březina, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Zita Pleštinská, Samuli Pohjamo, Christa Prets, Richard Seeber |
|||||
OPINIJONI tal-Kumitat għas-Sajd (3.4.2008)
għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
Rapporteur għal opinjoni: Pedro Guerreiro
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li "biex ikun kkunsidrat aħjar il-benesseri tal-komunitajiet kostali" u biex jitjieb il-"benesseri tal-ħaddiema" ta' l-industrija tas-sajd, wieħed ma jistax jinjora s-sitwazzjoni ta’ tħassib tas-settur, speċjalment minħabba n-nuqqas ta' adozzjoni ta' miżuri xierqa biex jippromwovu l-qligħ ta’ l-attività u b’hekk jiggarantixxu livell ta' għejxien diċenti għas-sajjieda professjonali;
2. Iqis li Politika Marittima Integrata Ewropea ma għandhiex tinjora l-fatt li l-provvista ta' l-enerġija u ta’ l-ikel jikkostitwixxu bżonnijiet u għanijiet strateġiċi li għandhom ikunu ssodisfati mingħajr ma jinqabeż il-livell ta’ sigurtà rigward id-dipendenza esterna u li s-sajd u l-agrikolutura sostenibbli , sorsi essenzjali ta’ l-ikel tagħna, għandhom ikunu mħarsa fl-interess ġenerali ta’ l-Unjoni;
3. Iqis li l-objettiv essenzjali tal-"Politika Marittima Integrata Ewropea " (IEMP) fil-qasam tas-sajd għandu jinkoraġġixxi l-immodernizzar u l-iżvilupp sostenibbli, ibbilanċjat u ekwitabbli tal-qasam fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jiżgura il-vijabilità soċjo-ekonomika tiegħu u s-sostenibilità tar-riżorsi u jiggarantixxi s-sovranità u s-sigurtà ta’ l-ikel, il-provvista tal-ħut, il-preservazzjoni ta' l-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għejxien tas-sajjieda;
4. Iqis li, sa issa, la n-natura sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u lanqas il-vijabilità ekonomika tal-flotot tas-sajd u tal-komunitajiet tal-kosta ta’ l-Ewropa ma ġew moqdija kif xieraq mill-politika komuni għas-sajd (CFP,) u li għalhekk jaqbel li tiġi żviluppata politika Ewropea integrata ta’ l-UE dwar il-baħar b’mod li jiġi evitat li fil-politika komuni għas-sajd jitfaċċaw nuqqasijiet bħaċ-ċentralizzazzjoni żejda u l-inkapaċità li titqies id-diversità reġjonali ta’ l-ibħra ta’ l-Unjoni Ewropea;
5. Jitlob li jiġi adottat approċċ komuni mill-Istati Membri lejn it-tneħħija ta’ materjal splussiv li jittella’ fil-wiċċ mill-bastimenti tas-sajd u jintefa’ lura fil-baħar wara li jiġi mmarkat;
6. Huwa ta' l-opinjoni li żieda fl-att u fil-kwalità ta' l-impjiegi "marbuta mal-baħar, speċjalment ma’ l-industrija tas-sajd" tiddependi wkoll fuq garanzija ta' dħul ġust u xieraq u fuq kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti (speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa u s-sigurtà) u fuq aċċess għat-taħriġ għas-sajjieda professjonali;
7. Jitlob li jsir studju dwar il-mekkaniżmi attwali li bihom jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ l-ewwel bejgħ u l-mod li bih dawn jistgħu jagħtu kontribut biex jiggarantixxu ħlas bilanċjat lill-persuni li jaħdmu f’dan il-qasam, mingħajr ma jiżdied il-prezz għall-konsumatur;
8. Jitlob li jkun hemm rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tad-diplomi ta’ livell intermedju ta’ kaptani/mekkaniks għall-bastimenti tas-sajd;
9. Ifakkar fil-bżonn ta' mekkaniżmi għal għotjiet ta' għajnuna jew ta' kumpens għas-sajjieda milquta mill-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tal-miżuri adottati għar-rikostruzzjoni ta' stokks tal-ħut jew għall-ħarsien ta' ekosistemi, b'mod partikolari fir-reġjuni u fil-komunitajiet l-iktar żvantaġġjati u fir-reġjuni ultraperiferiċi;
10. Jitlob lill-Kummissjoni, fl-isfond il-ħtieġa li jiġu definiti l-mezzi finanzjarji xierqa biex tkun imwettqa l-Politika Marittima Integrata Ewropea, biex tiddefinixxi x’tifhem b’”bażi finanzjarja soda”; filwaqt li tibbaża fuq il-prinċipju skond liema, il-prijoritajiet il-ġodda jesiġu mezzi finanzjarji ġodda, tirrifjuta l-finanzjament ta’ din il-politika mill-Politika Komuni tas-Sajd;
11. Jikkonferma l-ħtieġa li tissaħħaħ l-għajnuna għar-riċerka xjentifika dwar is-sajd fl-Istati Membri differenti, b’mod partikulari fi ħdan is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri;
12. 5 b. Jitlob li tingħata għajnuna Komunitarja għall-adozzjoni ta’ miżuri effettivi neċessarji biex jiżguraw mezzi adegwati favur miżuri ta’ evakwazzjoni, ta’ appoġġ u ta’ salvataġġ għall-ekwipaġġi;
13. Jitlob li jingħata appoġġ għall-installazzjoni u l-immodernizzar mill-Istati Membri stess tal-mezzi tagħhom ta’ sorveljanza, monitoraġġ u kontroll taz-zoni ekonomiċi esklussivi;
14. Jenfasizza li l-Politika Marittima Integrata Ewropea tiddependi fuq qafas ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri u li l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' politiki marittimi nazzjonali, fil-livelli differenti tagħhom, huma kompetenzi ta' l-Istati Membri, kif tirrimarka l-istess Kummissjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
3.4.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
25 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Pedro Guerreiro, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Willi Piecyk, Catherine Stihler, Margie Sudre, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Cornelis Visser |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Ole Christensen, Josu Ortuondo Larrea, Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali |
Ilda Figueiredo, Willem Schuth |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
8.4.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Brigitte Fouré, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Timothy Kirkhope, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Sepp Kusstatscher, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Erik Meijer, Robert Navarro, Seán Ó Neachtain, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Reinhard Rack, Gilles Savary, Brian Simpson, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Yannick Vaugrenard, Lars Wohlin, Roberts Zīle |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Philip Bradbourn, Pedro Guerreiro, Zita Gurmai, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Anne E. Jensen, Jelko Kacin, Corien Wortmann-Kool |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-vot finali |
Samuli Pohjamo |
|||||