dwar l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar netwerk ta' punti ta' kuntatt kontra l-korruzzjoni
(11231/2007 – C6‑0240/2007 – 2007/0809(CNS))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar netwerk ta' punti ta' kuntatt kontra l-korruzzjoni
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (11231/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat ta' l-UE,
– wara li kkunsidra Artikolu 39(1)(a) tat-Trattat ta' l-UE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0240/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 51 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0174/2008),
1. Japprova l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif emendata;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jemenda t-test kif xieraq;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jistieden lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill- Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Test propost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Emendi tal-Parlament
Emenda 1
Artikolu 1
Sabiex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa tittejjeb, għandu jiġi stabbilit netwerk ta' punti ta' kuntatt ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ in-"netwerk"). Il-Kummissjoni Ewropea, l-Europol u l-Eurojust għandhom ikunu assoċjati b'mod sħiħ ma' l-attivitajiet tan-Netwerk.
Sabiex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa tittejjeb, għandu jiġi stabbilit netwerk ta' punti ta' kuntatt ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ in-"netwerk"). Il-Kummissjoni (OLAF), l-Europol u l-Eurojust għandhom ikunu assoċjati b'mod sħiħ ma' l-attivitajiet tan-Netwerk.
Ġustifikazzjoni
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' l-OLAF hu li tiġġieled kontra l-korruzzjoni skond il-linja tal-baġit Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-OLAF għandha tkun parti integrali minn dan in-netwerk.
Emenda 2
Artikolu 2
In-netwerk għandu jikkonsisti f'awtoritajiet u aġenziji ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea bil-kompitu tal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-membri għandhom jinħatru mill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas organizzazzjoni waħda, iżda mhux aktar minn tliet organizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħtar ir-rappreżentanti tagħha. Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Europol u l-Eurojust jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet tan-Netwerk.
In-netwerk għandu jikkonsisti f'awtoritajiet u aġenziji ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea bil-kompitu tal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-membri għandhom jinħatru mill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas organizzazzjoni waħda, iżda mhux aktar minn tliet organizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni (OLAF) għandha taħtar ir-rappreżentanti tagħha. Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-OLAF, l-Europol u l-Eurojust għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet tan-Netwerk.
Ġustifikazzjoni
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' l-OLAF hu li tiġġieled kontra l-korruzzjoni skond il-linja tal-baġit Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-OLAF għandha tkun parti integrali minn dan in-netwerk. L-esperjenza u t-teknika ta' l-Europol u ta' l-Eurojust huma indispensabbli sabiex jiġi mwaqqaf netwerk fuq bażi soda. Għalhekk, dawn it-tnejn għandhom ikunu wkoll parti integrali minn dan in-netwerk, u għalhekk ir-rapporteur qed jitlob sabiex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun mandatorja.
Emenda 3
Artikolu 3, paragrafu 1, punt 1 a (ġdid)
(1a) għandu kull sena jgħaddi lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew rapport dwar is-sejbiet tiegħu skond l-Artikolu (3)(1)(1), kif ukoll proposti konkreti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
Ġustifikazzjoni
Minħabba li għad m'hemm l-ebda mekkaniżmu ta' reviżjoni f'din il-proposta, huwa xieraq li n-netwerk għall-inqas jagħti rapport dwar l-attivitajiet tiegħu u jissuġġerixxi proposti konkreti dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni.
Emenda 4
Artikolu 3, paragrafu 2
2. Il-membri tan-netwerk għandhom, biex iwettqu l-kompiti tagħhom, jiltaqgħu kemm ikun meħtieġ, iżda ta' l-inqas darba fis-sena.
2. Il-membri tan-netwerk għandhom, biex iwettqu l-kompiti tagħhom, jiltaqgħu ta' l-inqas darba fis-sena.
Ġustifikazzjoni
Il-kliem użat hawn hu superfluwu.
Emenda 5
Artikolu 5, paragrafu 1
1. In-netwerk għandu jorganizza lilu nnifsu, filwaqt li jibni fuq il-kollaborazzjoni informali eżistenti bejn l-EPAC.
1. In-netwerk għandu jorganizza lilu nnifsu taħt it-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill rilevanti, u jibni fuq il-kollaborazzjoni informali eżistenti bejn l-EPAC.
Ġustifikazzjoni
Fin-nuqqas ta' segretarjat tiegħu, hu xieraq li jkun hemm punt ta' kuntatt fi ħdan il-Kunsill sabiex jassigura l-iffunzjonar tan-netwerk b'mod effettiv kif ukoll il-koordinazzjoni tiegħu.
Emenda 6
Artikolu 5, paragrafu 2
2. L-Istati Membriu l-Kummissjoni Ewropea għandhom iħallsu l-ispejjeż kollha tal-membri jew tar-rappreżentanti maħtura minnhom. L-istess regola għandha tapplika għall-Europol u għall-Eurojust.
2. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħallas l-ispejjeż kollha tal-membri jew tar-rappreżentanti tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-membri jew tar-rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri. L-istess regola għandha tapplika għall-Europol u għall-Eurojust.
Ġustifikazzjoni
Sabiex jiġi assigurat l-ispirtu Ewropew u l-indipendenza tan-netwerk u sabiex ir-rappreżentanti ta' kull Stat Membru ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-netwerk, il-piż ta' l-ispejjeż ta' kull wieħed mill-membri tiegħu għandu jintrefa' mill-baġit tal-Komunità, per eżempju permezz tal-programm HERCULE II.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rapporteur hu ta' l-opinjoni li l-idea li jitwaqqaf netwerk ta' punti ta' kuntatt kontra l-korruzzjoni hi tajba fil-prinċipju. Din taqbel ma' l-għan prinċipali ta' żvilupp ta' zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif stipulat fil-programm ta' l-Aja ta' l-2005.
Jilqa' l-fatt li din l-inizjattiva għandha l-għan li jitwaqqaf netwerk flimkien ma' l-aġenziji u l-korpi li diġà jeżistu fl-Istati Membri.
Madankollu, il-proposta attwali tal-Kunsill tista' tiġi kkunsidrata biss bħala mudell minimu ta' koperazzjoni. Fil-fatt, jekk din hi biss kwistjoni organizzattiva tista' tiġi ttrattata minn grupp ta' ħidma fil-Kunsill jew fil-Kummissjoni kif jiġri fil-każ ta' gruppi ta' ħidma oħra bi strutturi u għanijiet simili. Fil-forma attwali tagħha, din il-proposta ma jistħoqqilhiex l-approvazzjoni.
Sabiex tiġi msaħħa din l-idea ta' koperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni hemm bżonn isiru numru ta' emendi lit-test tal-Kunsill.
Minħabba li n-natura ta' l-istrutturi nazzjonali ta' l-aġenziji u l-korpi ta' kontra l-korruzzjoni ivarjaw, bħalma tvarja l-indipendenza tagħhom mill-istrutturi governattivi rispettivi, ir-rapporteur hu ta' l-opinjoni li l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta' dawk l-aġenziji għandhom jaqgħu fuq il-baġit Komunitarju. Ir-rapporteur hu konvint li l-parteċipazzjoni sħiħa ta' l-OLAF fin-netwerk hi kruċjali.
Hu importanti ħafna li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jirċievu rapporti annwali sabiex ikollhom informazzjoni dwar l-attivitajiet u s-suġġerimenti li bihom jissaħħu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan għandu jkun organizzat mill-Presidenza tal-Kunsill.
Jekk dawn l-emendi ma jiġux inklużi fir-rapport, ir-rapporteur ma jħossx li għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal din il-proposta kif preżentata mill-Kunsill.
PROĊEDURA
Titolu
Netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni
Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Elly de Groen-Kouwenhoven, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Claude Moraes, Martine Roure, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Sylvia-Yvonne Kaufmann, Marianne Mikko, Bill Newton Dunn, Nicolae Vlad Popa, Stefano Zappalà
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali