RAPPORT dwar l-estimi tal-Parlament tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja 2009
7.5.2008 - (2008/2022(BUD))
Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Janusz Lewandowski
PR_BUD_EstimEP
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-estimi tal-Parlament tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272(2) tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u tmexxija finanzjarja solida[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-10 ta' April 2008 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2009 – Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX[3],
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar it-tfassil ta' l-abbozz preliminari ta' l-estimi tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009,
– wara li kkunsidra l-abbozz preliminari ta' l-estimi mfassla mill-Bureau fil-21 ta' April 2008 skond l-Artikoli 22(6) u 73 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 73 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0181/2008),
A. billi ġie miftiehem proċess pilota li fih il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, u l-koperazzjoni reċiproka bikrija għall-punti kollha b'implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti, iridu jiġu applikati fil-proċedura 2009,
B. billi l-prerogattivi tal-plenarja biex jiġi adottat il-baġit iridu jinżammu għal kollox bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mar-Regoli ta' Proċedura,
C. billi saret laqgħa tal-prekonċiljazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fis-16 ta' April 2008, li matulha ġew diskussi numru ta' kwistjonijiet ewlenin bejn iż-żewġ delegazzjonijiet,
1. Ifakkar li l-baġit 2009 għandu jirreaġixxi għal numru ta' sfidi ewlenin, kif ġie identifikat fir-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq ta' l-10 ta' April 2008 dwar il-linji gwida baġitarji, filwaqt li jsir kull sforz biex jiġi żgurat l-użu l-iżjed effiċjenti tar-riżorsi u biex jiġu eżaminati n-nefqiet kollha bil-għan li jiġi identifikat it-tfaddil kull fejn hu possibbli; jisħaq fuq il-livell għoli ta' qbil f'dawn l-oqsma:
- L-isfidi relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona,
- L-isfidi relatati ma' l-2009 bħala sena elettorali għall-Parlament,
- L-isfidi relatati ma' l-Istatut il-ġdid għall-Membri u mal-bidla tal-leġiżlatura;
2. Jinnota d-djalogu mtawwal li jwassal għall-istadju ta' l-estimi għall-2009 u, b'mod partikolari, jilqa' l-proċess pilota dwar il-koperazzjoni interna msaħħa, inkluża l-laqgħa tal-prekonċiljazzjoni bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits, li fiha ġew diskussi l-kwistjonijiet baġitarji relatati mal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq qabel l-adozzjoni mill-Bureau ta' l-abbozz preliminari ta' l-estimi tiegħu;
3. Jinnota li l-livell globali tal-baġit 2009, kif ġie ssuġġerit mill-Bureau, se jibqa' taħt is-sehem volontarju tradizzjonali ta' 20% ta' l-intestatura 5 (nefqa amministrattiva) tal-qafas finanzjarju multiannwali;
4. Jisħaq dwar il-fatt li r-riżorsi umani, u r-riżorsi globali għall-kwistjonijiet relatati ma' Liżbona, kienu l-mistqosijiet predominanti waqt il-prekonċiljazzjoni; jilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li l-Bureau ħa azzjoni fuq it-tħassib li rriżulta billi integra l-65 post ġdid fl-estimi (li jikkorrispondu għal EUR 2,020,023 għall-2009) imma, fl-istess ħin, billi qiegħed 15% ta' dawk l-approprjazzjonijiet fir-riżerva sakemm sa l-aħħar ta’ Ġunju 2008 tingħata l-informazzjoni kumplimentarja, bħal pjan ta’ stabbiliment analitiku, dettaljat u faċli, biex jintuża li jevalwa t-tqassim mill-ġdid u l-użu tar-riżorsi umani fis-segretarjat tal-PE, inkluż rapport dettaljat dwar operazzjonijiet ta’ rijorganizzazzjoni fl-2008 u dwar l-operazzjonijiet ippjanati għall-2009, li juri l-prijoritajiet pożittivi u negattivi; iqis li dan għandu jinkludi bidliet fid-Direttorati Ġenerali kif ukoll bejniethom u attitudni bil-għan li jissaħħu l-attivitajiet leġiżlattivi bażiċi u s-servizzi għall-Membri; huwa tal-fehma li għandha tingħata informazzjoni dwar persuni li m’humiex uffiċjali sabiex wieħed ikun jista’ jifhem sew il-ħtiġijiet fir-rigward ta’ staff;
5. Jenfasizza li l-koperazzjoni bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits, biex flimkien ifittxu kjarifika addizzjonali bħal din, tikkostitwixxi żvilupp ġdid u pożittiv; jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni ex-ante u fil-ħin tal-Kumitat għall-Baġits dwar kwistjonijiet b'implikazzjonijiet finanzjarji importanti;
6. Jaqbel mal-prinċipju li jiġu bbaġitjati l-bżonnijiet prevedibbli kollha fl-abbozz preliminari ta' l-estimi tal-Bureau, inkluża "riżerva ta' Liżbona" ta' EUR 2 miljun li qed jistennew evalwazzjoni ulterjuri, u proposta mill-Bureau li għandha tqis ir-riżultati tal-grupp ta' ħidma attwali li jrid janalizza l-impatt dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji; itenni l-opinjoni tiegħu li l-ħidmiet u r-responsabilitajiet li jistgħu ġenwinament jitqiesu bħala ġodda li jsegwu t-Trattat il-ġdid, kif ukoll l-attivitajiet li jistgħu ma jitkomplux jew li jiġu prijoritizzati mill-ġdid, huma speċjalment importanti li jiġu identifikati;
7. Jenfasizza l-fatt li t-Trattat il-ġdid ta’ Liżbona jipprovdi wkoll sfida għall-gruppi politiċi; jirrikonoxxi li, skond it-tisħiħ ta’ l-attivitajiet ewlenin ta’ l-amministrazzjoni parlamentari, il-gruppi politiċi jkollhom jissaħħu wkoll fir-rigward ta’ staff filwaqt li jirrispettaw il-prudenza baġitarja;
8. Madankollu jinnota li l-Bureau indika li jista' jkun hemm bżonn addizzjonali, mhux attwalment ibbaġitjat, ta' Ċentru għall-Viżitaturi; jinnota li dan ġie identifikat tard u jifhem li l-ammont ikun ta' natura multiannwali; ifakkar fix-xewqa tiegħu, kif ġie miftiehem fil-proċess pilota, li jkun hemm konsultazzjoni fil-ħin tal-Kumitat għall-Baġits dwar kwistjonijiet b'konsegwenzi finanzjarji sinifikanti;
9. Jinnota l-proposta li jitkompla pjan ta' tliet snin biex jintalab għarfien espert fil-qasam ta' l-IT, filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq il-konsulenti esterni f'ċertu oqsma ewlenin, u l-proposta għal żieda fil-postijiet f'dan il-qasam; jaqbel li dan l-approċċ jitqies, imma huwa ta' l-opinjoni li, sabiex jinżammu dawn iż-żidiet għall-baġit finali, it-tfaddil relatat fl-ispiża tal-konsulenti attwali għandu jidher; jistieden lill-amministrazzjoni biex tressaq qabel Settembru evalwazzjoni kompluta tas-sitwazzjoni inkluża strateġija ta' l-IT koerenti;
10. Jinnota li pjan strateġiku għall-futur imbiegħed dwar il-politika tal-bini inklużi l-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-kwistjonijiet ambjentali se jiġi ppreżentat qabel it-tmiem ta' Mejju 2008; jisħaq fuq l-importanza ta' dibattitu dettaljat dwar din il-kwistjoni bil-għan li jintlaħqu deċiżjonijiet relevanti dwar it-triq 'il quddiem u d-destinazzjoni ta' dawn l-approprjazzjonijiet kemm jista' jkun malajr; jixtieq li jkun infurmat dwar il-ħidma tal-Bureau mal-Kummissjoni fir-rigward ta' qbil dwar ix-xiri ta' bini u l-ispejjeż; filwaqt li jistenna din l-informazzjoni, jinnota l-fatt li r-riżerva tal-bini inkluża fl-abbozz ta' l-estimi tammonta għal EUR 30 miljun, żieda ta' EUR 10 miljun meta mqabbla ma' l-2008;
11. Jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli l-iffinanzjar tal-prjoritajiet stabbiliti fil-baġit ta' l-2008, b'mod partikolari biex jitjiebu s-servizzi għall-Membri f'konnessjoni ma' l-interpretazzjoni u mas-servizz analitiku tal-librerija;
12. Jinsab sodisfatt li saru estimi raġonevoli fir-rigward tan-nefqa relatata ma' l-Istatut tal-Membri l-ġdid; jinsisti li kwalunkwe figura aġġornata għandha tiġi kkomunikata kemm jista' jkun malajr u jenfasizza l-possibiltà li jkun hemm tibdil żgħir ħafna fl-approprjazzjonijiet assoċjati fi stadju iktar avvanzat; jilqa' l-impenn tas-Segretarju Ġenerali biex jaġġorna immedjatament lill-Bureau tiegħu u lill-Kumitat għall-Baġits dwar kwalunkwe informazzjoni ġdida mill-Istati Membri fir-rigward tal-parteċipazzjoni ppjanata tagħhom u/jew opt-outs kif u meta dawn isiru disponibbli;
13. Jinsab imħeġġeġ ukoll mill-informazzjoni li saru kuntatti ma' l-Istati Membri, il-Kunsill u mal-Presidenzi tal-Kunsill preżenti u li ġejjin rigward ir-reġim il-ġdid għall-assistenti parlamentari; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-linji gwida tiegħu u jisħaq għal darb'oħra fuq l-importanza li huwa jorbot mal-fatt li tissolva din il-kwistjoni;
14. Jistenna bil-ħerqa l-proposta dwar Sistema ta' l-Immaniġġjar ta' l-Għarfien li trid tiġi ppreżentata lill-Bureau fil-ftit xhur li ġejjin; jerġa' jisħaq fuq l-intenzjoni tiegħu li jsegwi din il-kwistjoni mill-qrib u fuq ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Bureau biex dan jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji qabel nofs ix-xahar ta’ Lulju 2008;
15. Minkejja r-riżultat pożittiv tal-koperazzjoni msaħħa s'issa, u r-riżultati tal-laqgħa tal-prekonċiljazzjoni b'mod partikolari, jenfasizza li eżami iżjed dettaljat tal-punti individwali tal-baġit għandu jsir qabel l-ewwel qari tal-baġit fil-ħarifa; għalhekk se jeżamina u se jieħu d-deċiżjonijiet baġitarji finali dak iż-żmien;
16. Japprova l-abbozz ta' l-estimi għas-sena finanzjarja 2009 kif ġie adottat mill-Bureau fil-21 ta' April 2008; ifakkar li l-adozzjoni ta' l-abbozz tal-baġit se ssir waqt l-ewwel qari f'Ottubru 2008, skond il-proċedura tal-votazzjoni stipulata fit-Trattat;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
PROĊEDURA
Titolu |
dwar l-estimi tal-Parlament tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja 2009 |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
BUDG |
||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Janusz Lewandowski24.1.2008
|
||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
Ville Itälä |
||||||
Eżami fil-kumitat |
1.4.2008 |
8.4.2008 |
6.5.2008 |
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
6.5.2008 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Daniel Dăianu, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, Hynek Fajmon, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Francesco Musotto, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Data tat-tressiq |
13.5.2008 |
||||||
Kummenti(informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)
|
... |
||||||
- [1] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).
- [2] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).
- [3] Testi Adottati, P6_TA(2008)0115.