RAPPORT dwar il-futur tal-bdiewa żgħażagħ fil-kuntest tar-riforma attwali tal-CAP
13.5.2008 - (2007/2194(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Donato Tommaso Veraldi
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tal-bdiewa żgħażagħ fil-kuntest tar-riforma attwali tal-CAP
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2000 dwar is-sitwazzjoni u l-perspettivi tal-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Settembru 2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEASR)[2],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta’ Liżbona, li hija maħsuba biex tagħmel lill-Ewropa l-iżjed ekonomika kompettittiva u l-iżjed waħda dinamika u bbażata fuq l-għarfien fid-dinja sa l-2010,
– wara li kkunsidra r-riżultati tas-sessjoni pubblika ta' smigħ tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0182/2008),
A. billi l-Istrateġija ta’ Gothenburg tistabbilixxi prijoritajiet rigward il-kompetittività u s-sostenibilità ta’ l-ekonomija Ewropea, u l-bdiewa żgħażagħ jistgħu jkollhom irwol essenzjali fil-kisba ta' dawk l-objettivi,
B. billi l-mudell multifunzjonali ta' l-agrikoltura Ewropea jista' jkun mezz li jwassal għall-iżvilupp sostenibbli f'zoni rurali, bis-saħħa tal-preżenza wiesgħa ta' intrapriżi agrikoli,
C. billi l-progress fir-riforma tal-CAP fetaħ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ fir-rigward ta' bosta aspetti tal-proċess li jwassalhom biex jwaqqfu u jiżviluppaw l-intrapriżi, iżda dawk l-opportunitajiet m’humiex mifruxa b’mod indaqs fl-Ewropa kollha, u billi dan qed jagħmilha diffiċli biex ikun approċċ strateġiku Komunitarju,
D. billi, skond id-dejta ta' l-Eurostat, mill-2003 l-persentaġġ ta’ bdiewa fl-Unjoni Ewropea li huma taħt il-35 huwa biss ta’ 7% u qiegħed ukoll jinżel, filwaqt li fil-ġejjieni l-produzzjoni ta’ l-ikel se tkompli togħla; jiddeplora n-nuqqas ta’ statistika sħiħa u riċenti dwar in-numru ta’ bdiewa żgħażagħ u dwar il-pożizzjoni tagħhom fl-agrikoltura Ewropea,
E. billi r-riviżjoni li ġejja tal-politika agrikola komuni (CAP) ('health check') hija opportunità biex isir titjib fl-ikkanalizzar tal-bdiewa żgħażagħ li għandha tittieħed,
F. billi, bil-ħsieb li jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà ta’ l-ikel u ta’ l-enerġija ta’ l-UE, tat-tkabbir u l-impjiegi fiz-zoni rurali kollha fl-Ewropa u fl-immaniġġjar sostenibbli għal tul ta’ żmien ta’ zoni rurali, il-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu li jkollhom intrapriżi vijabbli f’ambjent li tista’ tgħix fih,
G. billi ġiet ikkunsidrata l-ħtieġa ta' approċċ multifunzjonali, u ta' l-opportunità li tiġi garantita, b'mod partikulari, politika ta' appoġġ favur il-bdiewa żgħażagħ,
H. billi l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-sjieda ta' l-irziezat hija ta' importanza vitali għaz-zoni rurali, ladarba f'bosta zoni rurali l-attività ekonomika u t-tessut soċjali għadhom ibbażati fuq l-agrikoltura,
I. billi strateġija Ewropea li tippromwovi t-taħriġ kummerċjali għall-bdiewa żgħażagħ tidher imperattiva,
J. billi l-imprendituri żgħażagħ għandhom dinamika qawwija fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, huma lesti li jieħdu riskji, għandhom il-ħila jfittxu s-sinerġiji u l-komplimentarjetà, u li jimplimentaw għażliet ta' ppjanar ta’ livell għoli li jmorru lil hinn mill-prattika agrikola normali,
K. billi, minkejja l-politiki differenti favur l-imprendituri żgħażagħ qed jgħinu lill-agrikultura Ewropea, l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet fis-settur tal-biedja għadu sfida għall-UE,
L. billi l-bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw problemi addizzjonali fis-settur ta' l-agrikoltura, bħal spejjeż kbar ta' stallazzjoni, piż kbir ta’ dejn, nuqqas ta' intrapriżi disponibbli u nuqqas ta' taħriġ speċifiku; billi, barra minn dan, il-politika agrikola qiegħda toħloq iżjed u iżjed responsabilitajiet għall-imprendituri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-konformità reċiproka konnessi ma' kwistjonijiet bħall-ambjent, is-saħħa ta' l-annimali, il-benessri ta' l-annimali, is-sikurezza ta' l-ikel u l-ġestjoni tal-pajsaġġi,
M. billi industrija agrikola żgħażugħa u dinamika hija meħtieġa bħala element essenzjali għall-kisba ta' l-objettivi stipulati mill-istrateġija ta' Liżbona,
N. billi, permezz tar-regolament il-ġdid dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rural, se jkun possibbli li tiġi effettwata programmazzjoni li tkopri perjodu ta' żmien sal-31 ta' Diċembru 2013,
O. billi z-zoni rurali jgħoddu mat-92% tat-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li 50% tal-popolazzjoni llum jgħixu f’zoni urbani u 50% f’zoni rurali,
P. billi l-iskambju tal-ġenerazzjonijiet huwa meħtieġ biex fil-ġejjieni jinżammu livell għoli ta' kwalità għall-ikel Ewropew, is-sikurezza fl-ikel u l-awto-suffiċjenza ta’ l-Unjoni Ewropea,
1. Iqis li wieħed mill-objettivi tal-CAP riformata għandu jkun li jiġi żgurat skambju aħjar bejn il-ġenerazzjonijiet fil-biedja u li, bil-ħsieb li dan jinkiseb, l-ewwel strument u t-tieni strument tal-pilastri li jappoġġjaw il-biedja sostenibbli u l-komunitajiet rurali żviluppati rispettivament huma kumplimentari b'mod speċjali;
2. Isostni li t-teħid ta’ azzjoni biex jitrawwem l-iskambju ta’ bejn il-ġenerazzjonijiet huwa essenzjali sabiex jiġu ttrattati l-isfidi alimentari, enerġetiċi u territorjali li qed tiffaċċja l-biedja Ewropea llum u fil-ġejjieni; iqis li jekk iridu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà, tali sfidi ma jistgħux jiġu ttrattati bla ma jkun hemm settur tal-biedja sod u numru kbir ta’ bdiewa fl-Unjoni;
3. Jirrimarka li t-tkabbir ta’ l-UE biex iddaħħal magħha Stati Membri ġodda żied id-diversità kulturali u ppermetta li jkun hemm iżjed diversità fil-prodotti, u li dan jipprovdi opportunità ideali biex l-agrikoltura Ewropea ssir iżjed kompetittiva billi jiffoka fuq l-innovazzjoni kontinwa u l-kwalità ta' prodotti Komunitarji u billi juri l-kisbiet tal-produtturi fil-qasam importanti tas-sikurezza fl-ikel;
4. Iqis li, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn għall-bdiewa żgħażagħ, għandha titqies b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ fl-Istati l-Membri l-ġodda;
5. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-introduzzjoni ta’ tikketta Ewropea ta’ kwalità, li għandha tippermetti lill-konsumaturi li jidentifikaw b’mod faċli l-prodotti li jkunu nħadmu skond l-istandards stretti ta’ l-Ewropea fir-rigward tas-saħħa, il-benessri ta’ l-annimali u s-sikurezza fl-ikel;
6. Jinnota li, fil-kuntest tal-kwalità, id-diversità fil-produzzjoni u fil-prodotti għandha tkun objettiv;
7. Jinnota li l-fattur ewlieni fit-tiġdid tal-profil ta’ l-età ta’ l-industrija agrikola huwa l-aċċess għall-art, minħabba l-prezz għoli tagħha;
8. Huwa tal-fehma li, fil-ġejjieni, il-CAP għandha tipprova tneħħi l-barrieri li qed jiffaċċjaw bħalissa dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fil-biedja, billi l-iskambju ta’ bejn il-ġenerazzjonijiet isir wieħed mill-prijoritajiet tagħha;
9. Barra minn dan, jitlob biex isiru iżjed sforzi fit-tifsir lill-pubbliku tal-mudell agrikolu Ewropew, bl-istandards għoljin tiegħu fil-qasam ta’ l-ambjent, tal-benessri ta’ l-annimali u s-sikurezza ta’ l-ikel;
10. Iqis li t-twaqqif jew it-teħid ta’ intrapriżi agrikoli minn żgħażagħ huwa rikkezza ewlenija għall-Unjoni mkabbra;
11. Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet kontinwi li jirriżultaw mill-ispejjeż tat-twaqqif ta’ attività agrikola, inklużi l-prezzijiet tal-bejgħ jew il-kiri tal-proprjetà, u dwar il-ħtieġa li jsir investiment kontinwu fil-kapital tanġibbli u fil-potenzjal uman sabiex isiru progressi teknoloġiċi u loġistiċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-titjib teknoloġiku u loġistiku jinvolvi iżjed mix-xiri ta' apparat u ta’ magni u li, sabiex isir progress, ir-riċerka u l-aċċess għas-sejbiet tar-riċerka huma essenzjali;
12. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri billi toħloq bank ta' l-artijiet abbażi ta’ art li tkun saret battala minħabba rtirar kmieni mix-xogħol; huwa tal-fehma li għandha jiddaħħal sostenn għall-kisba konġunta ta’ makkinarju u apparat għoli li ma jkunx jintuża spiss minn kull bidwi individwali;
13. Jitlob għal riviżjoni ta’ l-appoġġ għat-twaqqif ta’ intrapriżi, li minn mindu ddaħħal baqa’ fuq l-istess livell u li ma jidhirx li għadu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa;
14. Jenfasizza l-kontribut li taw il-prezzijiet ta’ l-art għall-problemi taż-żgħażagħ li jridu jaħdmu fil-biedja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tistħarreġ iż-żieda kunsiderevoli fil-prezzijiet ta' l-art, li fost affarijiet oħra, hi kaġun ta’ pressjonijiet u spekulazzjonijiet urbani;
15. Jirrakomanda l-introduzzjoni ta’ strumenti li fir-rigward tat-trasferimenti ta’ l-art agrikola jippermettu l-għoti ta’ prijorità lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu jixtiequ jinvolvu ruħhom fin-negozji iżjed milli lil dawk il-bdiewa diġà attivi li jkunu jridu jkabbru d-daqs ta’ l-intrapriżi tagħhom, inklużi mekkaniżmu ta’ rtirar kmieni, għajnuna deferita għax-xiri, arranġamenti gradwali tat-twaqqif ta’ l-attività u l-kiri ta’ parti mill-art;
16. Jinnota l-ħtieġa li l-politiki ta’ sostenn għat-twaqqif ta’ intrapriżi miż-żgħażagħ isiru iżjed effettivi kif ukoll l-importanza li jiġu stipulati iżjed kriterji għall-ikklassifikar tal-benefiċjarji skond il-prijorità, billi jitqiesu fatturi objettivi;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar il-‘health check’, tipproponi li s-sostenn għall-bdiewa ż-żgħar previst fil-leġiżlazzjoni dwar l-iżvilupp rurali għandu jidher fost il-miżuri obligatorji inklużi fil-pjanijiet mfassla mill-Istati Membri, li għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b'żieda fl-ammont ta' sostenn għat-twaqqif ta' attività agrikola;
18. Iqis li l-miżuri ta’ sostenn għall-bdiewa żgħażagħ għandhom jgħinu wkoll lill-bdiewa l-ġodda, għax dawn jistgħu jġeddu u joffru xi ħaġa ġdida ta’ valur għall-biedja Ewropea; għalhekk jinnota li l-appoġġ għandu jkun ikkanaliżżat l-iżjed lejn l-imprendituri l-ġodda iżjed milli fuq dawk li jkunu qed iħallu l-biedja; jenfasizza li l-miżuri ta’ sostenn għat-teħid ta' rziezet m’għandux ixekkel il-kompetizzjoni bejn il-bdiewa l-ġodda fuq naħa u l-ulied tal-bdiewa fuq l-oħra;
19. Jinnota li huwa partikularment importanti li tiġi evitata d-deforestazzoni ta' zoni ta' biedja żvantaġġjati b'konformità ma' l-objettiv ta' koeżjoni territorjali ta' l-Unjoni, biex għall-bdiewa żgħażagħ tkun iżjed faċli li jwaqqfu negozju f’zoni b’xi nuqqas naturali permanenti, bħall-gżejjer u z-zoni muntanjużi, fejn l-ispejjeż għall-iżvilupp, il-bini u l-aċess huma ogħla u fejn spiss ikun meħtieġ li wieħed jiddiversifika sabiex jikseb livell suffiċjenti ta' vijabilità;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-effettività u l-valur miżjud tad-diversi miżuri nazzjonali u Ewropej li jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ, u biex tagħmel rapport dwar dan is-suġġett sa Lulju 2009;
21. Jinnota li bosta bdiewa żgħażagħ iqisu s-sostenn għall-investiment u s-sussidji għall-imgħax bħala l-iżjed mezz effettiv biex jingħata kuraġġ għall-intrapriża tagħhom u biex titjieb il-qagħda kompettittiva tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni xierqa lis-sostenn u lis-sussidji;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar l-effett li għandhom id-drittijiet tal-produzzjoni, id-drittijiet ta' pagament waħdieni u d-drittijiet tal-premjum fuq t-twaqqif ta' intrapriżi minn bdiewa żgħażagħ, minħabba li dawn l-istrumenti kollha huma kawża frekwenti tal-kunflitt bejn il-ġenerazzjonijiet, u jagħmluha iżjed diffiċli għaż-żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fil-biedja biex jiksbu aċċess għal dawk id-drittijiet stess; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiġbed il-konklużjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni tal-CAP, biex iż-żgħażagħ jitpoġġew f’pożizzjoni aħjar biex iwaqqfu xi attività fis-settur tal-biedja;
23. Jinnota li biex titqies aħjar iż-żieda fl-ispejjeż tat-teħid ta' rziezet u d-diffikultajiet involuti fl-isettiljar f’zoni agrikoli problematiċi, il-limitu ta’ għajnuna Komunitarja għandu jitla’ minn EUR 55 000, u l-iskadenza biex ikun hemm konformità mar-regoli għandha titwal minn tliet snin sa ħames snin wara l-issetiljar;
24. Jinnota li fiz-zoni rurali l-biedja spiss hija l-aħħar attività li tibqa’ ħajja, u li għalhekk għandhom jiddaħħlu inċentivi għaż-żgħażagħ biex jaħdmu f'dan il-qasam; jirrimarka, madankollu, apparti l-ħtieġa li l-intrapriżi jkunu vijabbli, li jeħtieġ li jsiru sforzi biex l-ambjent rurali jsir post fejn in-nies jixtiequ jgħixu, billi jitrawwem aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi (uffiċji tal-posta, l-iskejjel, it-trasport pubbliku, is-servizzi tas-saħħa, eċċ) u billi jinżamm provediment tas-servizz normali (ħwienet u snajja', faċilitajiet għall-kura tat-tfal u ta’ l-anzjani, akkomodazzjoni soċjali, akkomodazzjoni bil-kera, eċċ) u kumditajiet soċjali oħrajn biex in-nies ma jħossuhomx iżolati (ħwienet tal-kafè, ċentri komunitarji, ċentri sportivi, eċċ);
25. Jenfasizza li jeħtieġ jiddaħħlu l-arranġamenti li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ li jħallu l-intrapriżi tagħhom minħabba taħriġ, twelid, btajjel u l-bqija;
26. Jilqa' d-dispożizzjoni magħmula għall-għoti ta' sostenn lill-bdiewa żgħażagħ għat-twaqqif sħiħ jew parzjali ta' impriżi, li tgħid li s-sostenn għandu jkun ikkundizzjonat, fuq bażi volontarja, fuq it-tressiq ta’ pjan kummerċjali dwar l-irziezet il-ġodda tagħhom, bħala strument li maż-żmien għandu jippermetti l-iżvilupp ta' l-attivitajiet agrikoli u mhux agrikoli tagħhom;
27. Jirrakomanda li, bħala parti mill-iskema ta’ inċentivi għat-twaqqif inizjali, għandha ssir dispożizzjoni dwar inċentivi għal sidien li jikru l-irziezet lill-bdiewa żgħażagħ u/jew għas-sostenn fil-kera sa l-għaxar sena minn wara t-twaqqif;
28. Jiġbed l-attenzjoni dwar id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ li jixtiequ jwaqqfu intrapriża agrikola meta jfittxu l-aċċess għall-finanzjament, u dwar l-irwol utli ta’ l-arranġamenti għal self issusidjat biex il-bdiewa żgħażagħ iwaqqfu l-impriżi tagħhom u jibqgħu jaħdmu fil-biedja mingħajr ma jidħlu għal ammont eċċessiv ta' dejn;
29. Jinnota li l-livell għoli ta’ dejn u l-ispejjeż għolja ta' stallazzjoni jagħmluha diffiċli ħafna biex il-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu pożizzjoni kompetittiva tajba; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu soluzzjonijiet speċjali għal dawn il-problemi speċifiċi;
30. Huwa tal-fehma li l-interprenditorija tal-bdiewa żgħażagħ għandha tiġi appoġġjata permezz ta’ regoli trasparenti, eħfef u inqas ingombranti, u permezz ta’ l-ispejjeż orħos li dan kollu jkun jinvolvi;
31. Għalhekk, jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jeżaminaw l-possibilitajiet li jdaħħlu jew itejbu skemi li jipprovdu kapital b’rati preferenzjali għall-bdiewa żgħażagħ biex ikunu jistgħu jibdew l-attività tagħhom;
32. Jikkundanna l-influwenza, fl-istess waqt, ta' fatturi spekulattivi u strutturali li jfixklu l-qligħ ta’ profitt xieraq mill-art, mix-xogħol u mill-kapital, bħas-sigurtà meħtieġa fuq is-self, rati ta' mgħax għoljin, l-ostakoli ta' natura legali u fiskali, l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u l-ispejjeż amministrattivi, u jqis li hemm bżonn ta’ miżuri politiċi adegwati biex jitnaqqsu l-eċċessi u t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni;
33. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri (fiskali) ġodda biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ ikampaw ma’ l-ispejjeż għoljin ta’ l-interessi li jifaċċjaw wara li jiksbu l-irziezet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti speċifiċi dwar dan fil-qafas tar-riforma tal-CAP;
34. Jitlob biex tali miżuri favur il-bdiewa żgħażagħ jsiru obbligatorji bħala parti mill-azzjoni maħsuba mill-Assi 1 fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 bil-ħsieb li jsir titjib fil-kompetittività tas-settur agrikolu;
35. Jerġa’ jafferma l-għażla tiegħu li l-miżuri għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu maħsuba b'mod dirett għall-bdiewa;
36. Iqis li l-Kummissjoni għandha teżamina finanzjament speċifiku għall-bdiewa żgħażagħ fl-Assi II u III tal-politika għall-iżvilupp rurali, pereżempju fir-rigward ta’ l-infrastruttura soċjali u fit-titjib tar-rata ta’ l-impjiegi fost il-bdiewa żgħażagħ f’zoni rurali;
37. Jitlob biex jitwaqqaf sostenn għall-bdiewa li jagħmlu attivitajiet multifunzjonali (ta' biedja jew oħrajn) u biex dan jiġi estiż ħalli jippermetti l-aċċess għal sostenn bikri għat-twaqqif ta' l-intrapriżi mill-bdiewa żgħażagħ li jkunu involuti f'attivitajiet agrikoli biss, jew li jikkumplimentawhom bi dħul ieħor miksub f'zoni rurali;
38. Jitlob lill-Istati Membri biex iħallu aċċess għas-sostenn bikri għaż-żgħażagħ għat-twaqqif ta’ impriżi, kemm irġiel u kemm nisa, li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni prekarja fir-rigward tas-sjieda ta’ proprjetà u li jkunu jeħtieġu sostenn bħal dan biex jirranġaw l-irziezet tagħhom, jew billi jagħmlu attivitajiet agrikoli jew billi jikkumplimentawhom bi dħul ieħor, ħalli jipprovdulhom għixien li jitkejjel f'termini ta' dħul u xogħol disponibbli;
39. Jemmen li l-bdiewa żgħażagħ ta’ l-UE għandhom ikunu kapaċi jikkompetu bl-istess kundizzjonijiet fi ħdan l-UE; jitlob, għalhekk, għal riviżjoni kawta u għall-implimentazzjoni sussegwenti, ta’ l-Artikolu 69 kurrenti tar-Regolament tal-Kunsill 1782/2003, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tgħawwiġ fil-kompetizzjoni tas-suq intern Ewropew;
40. Jitlob biex il-politiki għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali jsiru koerenti bis-sħiħ ma’ l-objettivi li ffissat l-UE bħala parti mill-Istrateġija ta’ Liżbona, sabiex il-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent ekonomiku dinamiku;
41. Huwa tal-fehma li, bħala parti mill-‘health check’ tal-CAP, għandha tittieħed azzjoni biex jitrawwem iżjed dħul sikur mill-irziezet – kundizzjoni fundamentali essenzjali għall-iskambju ta’ bejn il-ġenerazzjonijiet fil-biedja – permezz ta’ l-introduzzjoni fuq livell Ewropew ta’ għodod tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet biex jiġu ttrattati ossilazzjonijiet tas-suq u żidiet fil-volatilità tal-prezzijiet;
42. Jemmen li għandha tingħata prijorità biex jiġu żgurati s-simplifikazzjoni ġenwina u iżjed trasparenza fl-implimentazzjoni ta’ strumenti u miżuri għal bdiewa żgħażagħ li jkunu involuti f’attivitajiet agrikoli, anke meta dawn ikunu kkumplimentati b’attivitajiet mhux agrikoli oħrajn konnessi maz-zoni rurali li jkunu meħtieġa għall-vijabilità tar-razzett;
43. Jirrimarka li l-bdiewa li ma jkunux ikklassifikati iżjed bħala bdiewa żgħażagħ iżjed li se jibqgħu fil-biedja għal medda ta' żmien medju u li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi ġodda, m'għandhomx ikunu żvantaġġjati;
44. Jirrimarka li, minħabba d-domandi kbar fuq 'il-maniġers t’għada', it-taħriġ kurrikulari għandu jiżdied b’mod gradwali sabiex ikun żgurat li trasferiment ġenwin t’għerf mir-riċerka agrarja sal-biedja;
45. Huwa tal-fehma li ta' min wieħed jikkunsidra, b'riferiment għal wirt ereditarju, leġiżlazzjoni aħjar maħsuba biex tiġi preservata l-għaqda ta' l-ażjenda, bil-għan li jinkisbu kemm ekonomiji ta' skala kif ukoll ekonomiji ta' skop; l-arranġamenti ta’ suċċessjoni li jinvolvu partijiet li ma jkunux membri tal-familja għandhom ikunu ffaċilitati sabiex jiġu ppriservati l-irziezet u biex l-imprendituri żgħażagħ b’edukazzjoni fil-biedja jkunu jistgħu jsiru bdiewa;
46. Huwa tal-fehma li l-arranġamenti nazzjonali ta’ l-irtirar kmieni għandhom japplikaw biss fejn l-intrapriża tal-bidwi li jkun se jirtira tittieħed minn bidwi żgħażagħ, jew, minflok dan, li meta jiġri dan il-bidwi li jkun se jirtira għandu jkun intitolat għal pensjoni aħjar;
47. Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ġenerali tat-twaqqif ta' l-impriża u ta' l-iżvilupp tagħha għandhom jinkludu miżuri speċjali konnessi mar-rikonoxximent statutorju tal-bdiewa żgħażagħ, biex b'hekk jiġi żgurat li jkun hemm drittijiet soċjali ugwali għan-nisa u l-irġiel; f’dan ir-rigward, iqis li huwa vitali li jinżammu ċerti servizzi essenzjali fiz-zoni rurali, bħall-iskejjel materni, kindergartens u l-għajnuniet għall-ommijiet;
48. Jirrimarka li l-ispeċifiċità soċjali u kulturali u d-diversità huma fatturi ewlenin fil-politika tal-promozzjoni tal-prodotti, bħalma huma l-identifikazzjoni ta' zona ġeografika speċifika u l-eċċellenza fil-metodi ta' produzzjoni, kif muri mir-reputazzjoni u s-suċċess ta' prodotti agrikoli li għandhom marki protetti ta' l-oriġini jew huma ttikkettati;
49. Jirrimarka li l-edukazzjoni alimentari, li tista’ titwassal mill-bdiewa, trawwem drawwiet alimentari tajbin għall-benefiċċju tas-saħħa tan-nies u tas-soċjetà inġenerali, u jilqa' b'sodisfazzjon attivitajiet bħall-programm 'Tellus' tal-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ (CEJA) u l-proġetti tal-mudell transnazzjonali bħas-'Schüler auf dem Bauernhof' ('Pupils on farms');
50. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ informazzjoni minn esperti għall-istudji tax-xjenza alimentari u tad-dieta fil-forom kollha ta’ l-edukazzjoni;
51. Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi promossa l-professjoni tal-biedja u tas-servizzi tagħha fis-soċjetà, flimkien ma’ l-attivitajiet produttivi tagħha, bil-ħsieb li iżjed żgħażagħ jinġibdu lejn din il-professjoni, b'mod speċjali dawk li ġejjin minn ambjent mhux agrikolu;
52. Jemmen li l-promozzjoni tal-professjoni agrikola għandha tinvolvi wkoll komunikazzjoni mtejba mal-pubbliku inġenerali (il-konsumaturi) dwar il-kontenut tal-CAP, fir-rigward tas-saħħa, ir-rekwiżiti ta' l-ambjent u tal-benessri ta' l-annimali, il-kundizzjonijiet ta' l-għajnuna, il-multifunzjonalità, il-kwalità tal-prodott Ewropew, il-kontribut fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, l-awto-suffiċjenza alimentari u l-isfidi alimentari għall-popolazzjoni dinjija li sa l-2050 għandha tilħaq id-disa’ biljun;
53. Jitlob biex tiżdied il-preferenza Komunitarja sabiex il-konsumaturi Ewropej ikollhom garanziji fir-rigward ta’ l-istandards sanitarji u ambjentali tal-prodotti li jixtru, u biex tipprovdi kumpens għall-bdiewa Ewropej li jiffaċċjaw kompetizzjoni minn pajjiżi terzi li ma jkollhomx l-istess standards sanitarji, ambjentali u soċjali;
54. Juri li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jitqiegħdu fl-aħjar kundizzjonijiet biex jieħdu l-vantaġġi li ġejjin minn flessibbilità akbar fid-domanda għal prodotti u servizzi ta' l-attivita agrikola, kif ukoll għal ftuħ akbar ta' swieq emerġenti fuq livell internazzjonali, minħabba l-konklużjoni ta' negozjati multi-laterali; għalhekk iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tinnegozja ftehima mad-WTO li tagħti lill-bdiewa skop suffiċjenti biex ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu ma' pajjiżi terzi u li tiggarantixxi futur għall-bdiewa żgħażagħ; iqis li f’dan is-sens l-inklużjoni ta' bżonnijiet li m’humiex relatati mal-kummerċ hija kruċjali;
55. Jemmen li l-bdiewa żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jikkompetu ma’ kompetituri barranin bl-istess kundizzjonijiet; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tingħata prijorità lir-rikonoxximent tal-bżonnijiet li m'humiex relatati mal-kummerċ (NTC) bħall-kriterji ta' l-importazzjoni fin-negozjati kummerċjali, kemm multilaterali u kemm bilaterali;
56. Jinnota li, bħala parti mill-arranġamenti ta' l-iġġjanar għal żmien qasir jew żmien medju, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' bdiewa qiegħda ġġorr ir-responsabilità fir-rigward tal-ġlieda fil-klima, qiegħda taħdem fi sħubija ma' l-ambjent u, billi tipprovdi sorsi ta' enerġija li jkunu favur l-ambjent, partikularment billi tipproduċi l-bijomassa u tħaddem l-impjanti tal-bijogass, qiegħda tagħi kontribut b'mod attiv għall-ħarsien ta' l-ambjent u għat-tnaqqis tas-CO2;
57. Jinnota li l-bdiewa jiffaċċjaw l-isfida doppja li jimplimentaw miżuri biex itejbu l-prattiki tal-biedja u biex jagħmluwhom kemm sostenibbli u kemm vijabbli, filwaqt li fl-istess ħin iġibu lura l-irwol kruċjali ta’ l-agrikoltura fil-ġestjoni ta’ l-aspetti ambjentali u b’hekk qed isiru parteċipanti ewlenin fl-ittrattar tal-bidla fil-klima; jenfasizza li, għal dan il-għan, il-politiki u l-miżuri għandhom joffru lill-bdiewa żgħażagħ prospetti sostenibbli u għat-tul, u li għandu jingħatalhom appoġġ finanzjarju għall-isforzi tagħhom fil-ħarsien ta’ l-ambjent;
58. Jinnota li l-biedja u l-forestrija huma l-uniċi attivitajiet ekonomiċi li jiksbu d-dijossidu tal-karbonju permezz tal-fotosinteżi, u dan jagħmilha iżjed neċessarja li tinżamm l-attività tal-biedja;
59. Jenfasizza l-importanza li l-attenzjoni tiddawwar fuq ir-riċerka agrikola b'mod konformi mar-riforma fil-CAP, billi ssir promozzjoni tat-trasferimenti tat-teknoloġija u billi jsir titjib fl-aċess tal-bdiewa għas-sejbiet tar-riċerka u fl-iżjed innovazzjonijiet riċenti konnessi ma’ l-għodod u l-metodi tal-produzzjoni; iqis li jeħtieġ li l-bdiewa Ewropej ikollhom aċċess aħjar għar-riżultati tar-riċerka permezz tal-ħolqien ta' netwerks għall-iskambju tad-dejta li tkun inkisbet mir-riċerka, u li r-riċerka tkun ikkoordinata fuq il-livell nazzjonali u l-livell Ewropew;
60. Jinnota li l-iskambju bejn ix-xjenza u dawk li japplikawha huwa essenzjali sabiex is-sejbiet tar-riċerka jitpoġġew fil-prattika u biex ir-riċerka tkun tista' tilħaq il-bżonnijiet tas-settur agrikolu;
61. Jenfasizza li huwa fl-interess ta' l-UE, kemm f'sens ekonomiku u kemm f'sens ambjentali (l-aġġornament tal-prattiki ‘ħodor’), li jkun hemm iżjed sostenn għat-taħriġ tul il-ħajja kollha għall-bdiewa; jinkuraġġixxi, b’mod partikulari, programmi li jippromwovu l-mobilità fost il-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni (inkluż l-programm Leonardo); jenfasizza, b’mod iżjed speċjali, il-ħtieġa li jitfasslu strumenti li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu assenti mill-irziezat tagħhom sakemm idum it-taħriġ;
62. Jipproponi li jitwaqqaf programm ta' skambju fl-aqwa prattiki agrikoli għall-bdiewa żgħażagħ;
63. Iqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm ta’ skambju għall-bdiewa żgħażagħ biex titħaffef il-ġabra ta’ l-aqwa prattiki;
64. Jissuġġerixxi l-konservazzjoni, it-titjib u t-tixrid tal-prattiki ta' produzzjoni marbuta ma' l-ispeċifiċità tat-territorju u ta' l-eredità kulturali tal-bdiewa Ewropej;
65. Jemmen li s-suġġett taż-żamma tal-proprjetà agrikola hija marbuta mill-qrib ma’ dik ta’ l-arranġamenti ta’ twaqqif ta’ intrapriżi minn bdiewa żgħażagħ, u li għandha tiddaħħal ukoll politika li tiżgura li l-prijorità fl-allokazzjoni ta’ l-art tingħata lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel rapport dwar il-kwistjoni tal-proprjetà agrikola fir-rigward taż-żgħażagħ li jieħdu f’idejhom l-irziezet;
66. Huwa tal-fehma li għandu jingħata sostenn iżjed effettiv għat-twaqqif ta' strutturi bbażati fuq il-kumpaniji billi jiddaħħlu miżuri speċifiċi għal dan it-tip ta' arranġament ta' twaqqif ta' intrapriżi li mhux biss inaqqsu l-isp”jjeż għaż-żgħażagħ involuti iżda wkoll jippermettulhom li jorganizzaw xogħlhom b’tali mod li jkabbru l-vijabilità ta’ l-irziezet;
67. Jitlob li jitwaqqaf ċentru ta' monitoraġġ Ewropew fuq it-twaqqif u t-trasferiment ta' rziezet u fuq iz-zoni rurali;
68. Jirrakomanda li tiddaħħal iżjed flessibilità fit-twaqqif ta’ l-irziezet u fil-proċeduri ta’ trasferiment permezz ta’ li ġej: twaqqif gradwali, kunsiderazzjoni ta' l-ivvalidar ta' l-esperjenza professjonali preċedenti meta l-persuna li tkun trid twaqqaf razzett ma jkollhiex il-kwalifiki meħtieġa, tneħħija tar-rekwiżit ta’ l-età meta l-applikant iressaq proġett vijabbli ta' twaqqif, b'mod partikulari fiz-zoni agrikoli żvantaġġjati, eċċ;
69. Iqis li għandhom jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jappoġġjaw, jakkumpanjaw u jagħtu pariri lil bdiewa żgħażagħ taħt l-iskema inizjali ta’ twaqqif bil-għan li tiżdied ir-rata ta’ suċċess u fl-istess ħin li tnaqqas kemm jista' jkun jew itemm għal kollox sitwazzjonijiet fejn jaqtgħu qalbhom jew saħansitra jfallu;
70. Jipproponi l-għażla ta’ sena Ewropea għad-djalogu urban-rurali;
71. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ wiesa’ għal żgħażagħ li jkunu jridu jidħlu fil-qasam tal-biedja billi ssegwi politika affidabbli, billi tagħmel arranġamenti amministrattivi li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali u billi żżid kemm tista' l-appoġġ għall-immaniġġjar;
72. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport intermedju dwar is-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ, u biex fil-frattemp tikkonsulta ma' l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħażagħ;
73. Jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jingħataw appoġġ fis-snin ta' wara t-twaqqif ta' l-attività tagħhom, u li għandu jiġi stabbilit fond ta’ riżerva biex jgħinhom jittrattaw ċirkustanzi imprevedibbli waqt li jkunu għadhom qed jibdew, bħall-ħsarat fl-uċuħ tar-raba' kaġun ta' temp ħażin jew ta' xi żieda kbira fl-ispejjeż;
74. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja metodi ta' skambju ta' l-aqwa prattiki fit-tekniki tal-biedja innovattiva u fil-ġestjoni ta' l-irziezet fost il-bdiewa l-ġodda ma' l-Ewropa kollha;
75. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Bil-konklużjoni tar-riforma tal-CAP, il-possibilitajiet għal agrikultura Ewropea bbażata fuq mudell multi-funzjonali u fuq kompetittivita aqwa huma s-sitwazzjoni ta' tluq li għaliha wera interess partikulari l-Parlament Ewropew, b'riferenza għall-bdiewa żgħażagħ.
Fuq proposta tar-rapporteur saret riflessjoni li biha kien hemm il-ħsieb li jkun hemm evidenza ta' l-isfidi li l-bdiewa żgħażagħ se jkollhom jaffaċċjaw. F'dan il-kuntest, il-Parlament organizza seduta pubblika bil-għan li jiffoka fuq il-problemi u l-opportunitajiet li l-bdiewa żgħażagħ iridu jaffrontaw fil-kuntest tar-riforma tal-CAP.
L-iskop tar-rapport
L-objettiv huwa li l-partijiet interessati jiġu sensibilizzati dwar l-importanza li tingħata prijorita lill-inizjattivi favur l-impriżi taż-żgħażagħ, bl-intenzjoni doppja li jiġu solvuti l-problemi ta' natura strutturali u regolatorja; ir-riżultati miksuba mil-leġiżlazzjoni attwali, fuq livell Komunitarju u nazzjonali, juru li hemm il-ħtieġa li jitkomplew l-inizjattivi favur l-impriżi taż-żgħażagħ u ta' l-imprendituri żgħażagħ. B'mod konkret, l-iskop prinċipali hu li jiġi favorit l-aċċess taż-żgħażagħ fis-settur agro-alimentari, u fl-istess ħin jitwettaq skambju bejn il-ġenerazzjonijiet li jiżgura dinamika kbira fis-settur.
Is-sitwazzjoni attwali
L-agrikoltura Ewropea llum qed tiġi mistennija li tikseb bosta funzjonijiet: tipproduċi ikel ta' kwalità, tiggarantixxi s-sikurezza ta' l-ikel, tieħu ħsieb l-ambjent (art u ilma), il-pajsaġġ, u tippreserva u xxerred it-tradizzjonijiet kulturali lokali. Għal dawn ir-raġunijiet, dawn l-aħħar snin, l-attenzjoni ta' l-operaturi fis-settur, ta' l-istudjużi u ta' dawk li jfasslu l-politiki, qed tiffoka mhux biss fuq il-kwistjonijiet marbuta ma' l-effiċjenza u l-kapaċità kompetittiva tal-varji gruppi agro-alimentari, iżda wkoll fuq il-bosta funzjonijiet ta' l-agrikultura u fuq l-riwol li s-settur primarju jiżvolġi bħala element prinċipali ta' l-iżvilupp rurali, b'mod kompletament sostenibbli. F'dan il-kuntest, l-impriżi taż-żgħażagħ iridu jaffaċċjaw l-isfidi li ġejjin minn ftuħ akbar tas-suq fuq livell internazzjonali u jridu jkunu responsabbli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li l-effetti tagħhom dejjem qed isiru aktar evidenti fuq il-livell ambjentali.
Madankollu, minħabba d-dinamiki strutturali fiz-zoni ruruali, is-settur primarju jaffaċċja diffikultajiet fit-twettiq tal-funzjonijiet hawn fuq imsemmija. B'mod partikulari, fl-Unjoni Ewropea għal bosta snin kien hemm tendenza li zoni rurali jiġu mitluqa, u dan huwa aktar evidenti fil-kuntesti marġinali, kif ukoll proċess kontinwu ta' xejħien tal-popolazzjoni rurali. Aktar minn 50% ta' l-azjendi Komunitarji huma mmexxija minn bdiewa li għandhom aktar minn 55 sena, filwaqt li 25% ta' maniġers għandhom aktar minn 65 sena.
L-aktar sitwazzjonijiet kritiċi jidhru, b'mod partikulari, fil-pajjiżi t'isfel ta' l-Unjoni. Il-bdiewa Komunitarji li jaqgħu fil-grupp ta' età ta' anqas minn 35 sena jirrappreżentaw biss is-7.6% tal-maniġers. B'mod partikulari, fl-Awstrija u fil-Ġermanja, il-bdiewa żgħażagħ jirrappreżentaw madwar 17% tat-total, fil-Finlandja u l-Belġju aktar minn 14%, u fi Franza u fl-Irlanda madwar 12%. Il-pajjiżi Mediterranji huma dawk li jixhdu l-livell l-aktar baxx ta' presenza taż-żgħażagħ, l-aktar il-Portugall (3.7%) u l-Italja (5.2%).
Għalhekk jidher li hemm bżonn ta' politiki li jippromwovu, b'mod prijoritarju, l-inserimemnt taż-żgħażagħ f'agrikultura multi-funzjonali. Iż-żgħażagħ imexxu azjendi li, fil-medja, jirriżulta li għandhom l-aktar dħul meta juru sensibbilità akbar lejn l-adozzjoni ta' għażliet innovattivi, ta' prattiki agrikoli eko-kompatibbli u ta' ftuħ akbar lejn id-domandi tas-suq.
L-interess Komunitarju lejn il-bdiewa żgħażagħ jirreferi kemm għall-qasam, b'mod ġenerali tal-promozzjoni ta' impriżi żgħar u medji (SMEs), kemm għall-qasam, b'mod aktar settorjali, tar-rikonoxximent ta' l-irwol multi-funzjonali ta' l-agrikultura. Fl-Unjoni Ewropea, l-istallazzjoni u l-permanenza taż-żgħażagħ fis-settur agrikolu jista' jiġi faċilitat kemm permezz ta' l-użu ta' strumenti ta' appoġġ "orizzontali" (jiġifieri fir-rigward tal-bdiewa kollha, bħal pereżempju, l-għajnuniet mogħtija għat-twettiq ta' investimenti fl-azjendi), kemm permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi, immirati lejn benefiċjarji potenzjali ta' età anqas minn 40 sena.
L-istrumenti Komunitarji maħsuba speċifikament favur bdiewa imprendituri żgħażagħ jaqgħu f'żewġ kategoriji:
1. 1) miżuri ta' appoġġ ko-finanzjati mill-FEASR;
2. 2) miżuri maħsuba mill-programmi Komunitarji ta' formazzjoni u riċerka u interventi oħra, immaniġġjati direttament mill-Unjoni Ewropea, li jirrigwardaw ukoll il-bdiewa żgħażagħ, bħalma huma l-politiki ta' rtirar bikri.
L-ewwel kategorija ta' miżuri hija aktar marbuta direttament ma' l-agrikoltura, iżda ma toffrix regolament speċifiku għaż-żgħażagħ u fuq kollox ma tagħmilx obbligatorja l-applikazzjoni tal-miżuri favur iż-żgħażagħ.
Il-Kapitolu I, Artikolu 20 tar-Regolament (KE) 1698/2005 jaħseb għal għajnuniet biex tiġi faċilitata l-ewwel stallazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ bħala kap ta' l-azjenda. F'dan il-kuntest importanza kbira tingħata fuq il-livelli ta' żvilupp (ta' l-investimenti u ta' l-attivita maħsuba) li permezz ta' l-użu ta' indikaturi speċifiċi tista' turi l-fattibbilità u l-vantaġġi ta' l-azzjonijiet finanzjabbli.
L-għajnuna għall-istallazzjoni tista' tkun tikkonsisti f':
- - bonus uniku, li ma jaqbiżx il-25,000 euro;
- - skont ta' interessi fuq is-self mogħti biex ikopri l-ispejjeż ġejjin mill-istallazzjoni (l-ammont ekwivalenti għall-valur kapitalizzat ta' dan l-iskont ma jistax ikun ogħla mill-valur tal-bonus uniku).
Fir-rigward ta' l-appoġġ għall-formazzjoni professjonali u għall-informazzjoni, l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) 1698/2005 joffri l-promozzjoni ta' inizjattivi finalizzati għall-promozzjoni ta' l-għarfien u t-tixrid ta' prattiki innovattivi; b'mod partikulari, huwa meħtieġ li l-bdiewa jiġu mħejjija għal orjentament kwalitttiv ġdid tal-produzzjoni, għall-applikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni aħjar kompatibbli mal-preservazzjoni u t-titjib ta' l-art, li jirrispondi għat-talbiet tal-konsumatur, kif ukoll li tingħatalhom il-formazzjoni meħtieġa biex imexxu azjenda agrikola ekonomikament vantaġġuża.
Skond kif hemm prevedut fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) 1698/2005, l-għajnuniet għal irtirar bikri jistgħu jikkonsistu f':
- - appoġġ massimu ta' 180,000 Euro għal bdiewa li jiddeċiedu li jabbandunaw l-attivita agrikola u jċedu l-azjenda lil bidwi ieħor;
- - appoġġ massimu ta' 40,000 Euro lil ħaddiema bdiewa li jiddeċiedu li jabbandunaw darba għal dejjem l-attivita agrikola mal-mument tat-trasferiment.
L-appoġġ jista' jingħata għal mhux aktar minn 15-il sena.
Problemi u possibbilitajiet
Fid-dawl ta' l-elementi li ġew analizzati, il-punti kritiċi jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-problemi marbuta ma' l-ispiża ta' stallazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ. B'mod partikulari, jippersistu l-ostakoli għall-aċċess għall-kreditu u d-diffikulta fil-provvediment tal-garanziji mitluba mill-istituti finanzjarji, b'riferiment partikulari għall-garanziji ta' sigurta. Id-diffikultajiet huma enfasizzati mill-possibbilitajiet diversi offruti mis-sistema ta' kreditu għall-bdiewa fl-Istati Membri varji. Għalhekk, ir-rata għolja ta' debiti tal-bdiewa żgħażagħ ħafna drabi xxejjen l-isforzi mwettqa bl-għoti tal-bonus ta' stallazzjoni kif ukoll tnaqqas l-effetti li jistgħu jinkisbu fuq il-bażi tar-regolamentazzjoni dwar l-Għajnuna Statali, li ħafna Stati Membri jirrikorru għaliha.
Fir-rigward tal-problema marbuta ma' l-għoti tal-bonus għall-istallazzjoni u l-frammentazzjoni konsegwenti li jista' jkun hemm fl-għaqda produttiva fil-każ ta' suċċessjoni ta' eredita, huwa possibbli li jintlaħqu ekonomiji ta' skop minflok ekonomiji ta' skala. Dan huwa t-tip ta' azjenda fejn id-dimensjoni ekonomika ma taffettwax id-dħul u li f'ħafna każi jirrappreżentaw rikkezza f'termini ta' varjabbilità u speċifiċità. Fuq il-bażi tad-direzzjonijiet ġodda tal-CAP, opportunitajiet ta' dan it-tip għandhom jiġu mħeġġa, sabiex jiġu valorizzati l-fatturi kwalifikattivi ta' l-agrikoltura Ewropea. F'dan il-kuntest, wieħed jista' jipprevedi inċentivi ta' natura varja mħejja favur il-ġestjoni tal-fondi agrikoli f'forma ta' korporazzjonijiet:
- - sħubijiet ġenerali;
- - sħubijiet sempliċi;
- - sħubijiet limitati;
- - sħubijiet b'ishma konġunti;
- - kumpaniji limitati privati;
- - kumpanija b'responsabbilità limitata (Ltd.);
- - kooperattiva (b'mod partikulari dik ta' dimensjoni żgħira, minn 5 sa 8 soċji).
Barra minn hekk, fil-maġġoranza tal-każi, it-trasferiment ta' beni fis-suċċessjoni lejn l-eredi ma jwassalx għal frammentazzjoni ta' l-unità produttiva.
F'dan il-każ, huwa maħsub li fit-tfassil tal-programmi ta' żvilupp rurali, l-għoti ta' inċentivi għall-ewwel stallazzjoni għandu jkun miżura obbligatorja, bl-iskop li tingħata prijorita konkreta lill-inizjattivi favur l-impriżi taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, b'riferenza għall-attivitajiet ta' imprenditorjat femminili, il-formazzjoni u l-iżvilupp maniġerjali femminili u l-kwalifikazzjoni tal-professjonalità ta' l-imprendituri nisa għandhom, b'mod preferenzjali, jiġu indirizzati lejn impriżi ġodda mmexxija l-aktar minn nisa:
- - bħala ditti individwali jew soċjetajiet immexxija minn nisa (għall-inqas 60%);
- - kumpaniji ta' persuni jew koperattivi magħmula minn nisa;
- - kumpaniji ta' kapital li l-kwota ta' parteċipazzjoni tkun mill-inqas ta' 2/3 nisa.
Fir-rigward tal-possibbilità li jiġu valorizzati l-produzzjoni u s-servizzi li jistgħu joffru l-attivita agrikola u b'mod partikulari l-impriżi taż-żgħażagħ, jidher li l-politiki ta' kwalit jistgħu jikkatalizzaw id-dħul tal-prodotti ta' speċifiċità għolja fis-swieq preċedenti u jiffavorixxu l-approċċ ta' swieq ġodda. Rabta akbar u konnotazzjoni aħjar tal-prodotti agrikoli mat-territorju jippermettu t-twettiq ta' valur miżjud ieħor, bħala riżultat ta' rikkezza kulturali u agrikola tal-bdiewa żgħażagħ Ewropej; Opportunità bħal din għandha tikseb ukoll ir-rikonoxximent ta' kapital ta' investiment għall-benefiċċju tas-soċjetà. Il-bdiewa żgħażagħ karatterizzati minn dinamika qawwija u tendenza għal innovazzjoni jistgħu jilħqu kompetittivita għolja u jiksbu prijorita fl-aċċess għall-programmi ta' promozzjoni u tixrid. B'mod partikulari, il-programmi ta' promozzjoni ta' natura multi-Statali u multi-prodott, li għalihom jipparteċipaw l-aktar impriżi taż-żgħażagħ, jistgħu jipparteċipaw f'għajnuna kbira fuq livell Komunitarju, u l-kontribuzzjoni togħla minn 50% għal 60%, kif previst bħalissa għall-prodotti ta' frott u ħxejjex. Fis-suq intern l-azzjonijiet ta' informazzjoni relatati mal-prodotti agrikoli u agro-alimentari jistgħu jiġu indirizzati b'mod speċifiku liż-żgħażagħ ta' età? ta' skola, li jixhdu mhux biss il-parametri konvenzjonali bħalma huma s-sikurezza ta' l-ikel, il-metodoloġiji ta' prodozzjoni li jirispettaw l-ambjent, iżda wkoll it-tradizzjoni, il-benefiċċji marbuta mal-konsum ta' prodott speċifiku u l-informazzjoni dwar id-dieta. F'dan il-kuntest jista' jinkiseb riżultat doppju: preferenza għall-konsum ta' prodotti tajbin għas-saħħa u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja bbilanċjat.
Fir-rigward tan-negozjati multilaterali u fid-dawl ta' ftuħ akbar ta' swieq terzi, il-bdiewa żgħażagħ għandhom jiksbu informazzjoni u strumenti ta' valutazzjoni biex janalizzaw it-tendenzi tas-swieq. Ir-riferiment lill-osservaturi dwar l-imprenditorija taż-żgħażagħ jista' jikkostitwixxi mezz biex jintlaħaq dan l-objettiv.
Fir-rigward tat-tema ta' l-edukazzjoni alimentari (mhux dik sanitarja), jidher li l-għarfien speċifiku li għandhom il-bdiewa, bħalma huwa dak dwar it-teknoloġiji ta' produzzjoni, il-karatteristiċi kwalitttivi u ta' prodotti tal-beni mwettqa, l-għarfien dwar l-habitat naturali u l-kultura marbuta ma' qasam ta' produzzjoni speċifiku, jirrappreżentaw kapital li jista' jiġi valorizzat u mxerred. L-iskop huwa li jiġu promossi karatteristiċi speċifiċi dwar prodott agrikolu partikulari sabiex tiġi faċilitata edukazzjoni alimentari u ambjentali korretta, f'kunċett waħdieni: il-kultura li tgħajjex. F'dan il-kuntest, l-agrikultura Ewropea tirrappreżenta mudell uniku li t-tixrid tiegħu jista' jitħalla f'idejn il-bdiewa żgħażagħ.
Is-settur agrikolu u forestali jikkontribwixxi għall-qbid mill-art tad-dijossidu tal-karbonju permezz tal-proċess ta' fotosintesti klorofiljana u jippermetti li jitwettaq iċ-ċiklu tal-karbonju bejn bijosfera u ġeosfera. Il-bdiewa żgħażagħ, bħala definizzjoni, se jkunu l-atturi responsabbli tal-futur ta' l-agrikultura Ewropea u għandhom jaffaċċjaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima. Ir-rikonoxximent tal-potenzjalità ta' difiża ambjentali attribwita lis-settur agrikolu għandu, bil-mezzi meħtieġa, jiġi tradott f'azzjonijiet konkreti ta' preservazzjoni u espansjoni ta' l-uċuh rurali.
L-appoġġ tar-riċerka applikata għas-settur agrikolu għandu jiġi mmirat, dejjem aħjar, lejn l-eżiġenzi mibdula, sabiex jiġi kkunsidrat l-approċċ multi-settorjali ta' l-attivita agrikola.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
6.5.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
33 - - |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Vincenzo Aita, Peter Baco, Bernadette Bourzai, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Giovanna Corda, Joseph Daul, Albert Deß, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Véronique Mathieu, Rosa Miguélez Ramos, James Nicholson, Neil Parish, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Donato Tommaso Veraldi, Janusz Wojciechowski, Andrzej Tomasz Zapałowski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Liam Aylward, Esther De Lange, Ilda Figueiredo, Gábor Harangozó, Wiesław Stefan Kuc, Astrid Lulling, Kyösti Virrankoski
|
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
- |
|||||