RAPPORT dwar il-futur tas-settur tan-nagħaġ/ħaruf u mogħoż fl-Ewropa
29.5.2008 - (2007/2192(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Liam Aylward
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tas-settur tan-nagħaġ/ħaruf u mogħoż fl-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istudju li huwa wettaq, bit-titolu "il-futur tas-settur tan-nagħaġ/ħaruf u mogħoż fl-Ewropa”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proposta tar-regolament tal-Kunsill li timmodifika r-regolament (KE) Nru 21/2004 dwar id-data ta' introduzzjoni ta' l-identifikazzjoni elettronika ta' annimali ta' l-ispeċi tan-nagħaġ u l-mogħoż[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0196/2008),
A. billi s-setturi tan-nagħaġ u l-mogħoż fl-UE jirrapreżentaw intrapriżi agrikoli tradizzjonali importanti, li jappoġġjaw l-għajxien ta’ eluf ta’ produtturi, u li jipprovdu prodotti ta’ kwalità għolja ħafna, karatterizzati b’karatteristiċi speċifiċi, kif ukoll il-prodotti ġejjin minnhom, b’hekk tkun enfasizzata l-kontribuzzjoni soċjoekonomika tagħhom f’zoni rurali fl-UE,
B. billi t-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż, tinkludi t-trobbija ta’ razez tradizzjonali, għandha rwol ambjentali essenzjali li tinkludi b’mod partikulari ż-żamma naturali ta' zoni inqas fertili u l-preservazzjoni ta' ekosistemi sensittivi; li z-zoni naturali, bħal Dehesa, kienu preservati tul is-sekli grazzi għat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż; minbarra dan, minħabba l-użanzi alimentari tagħhom, li fihom id-daqs huwa importanti, in-nagħaġ u l-mogħoż jippreservaw il-bijodiversità tal-flora, jipproteġu l-fawna selvaġġa u jnaddfu l-ispazji naturali minn sustanza veġetali xotta li, fil-pajjiżi tal-Mediterran dan huwa essenzjali għall-prevenzjoni tal-ħruq,
C. billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż Ewropej, li jikkonċentraw fir-reġjuni l-inqas vantaġġati, urew tnaqqis kritiku fil-produzzjoni tagħhom u qed isofru minn esodu tal-produtturi u nuqqas totali ta’ attrazzjoni għall-ragħaja żgħażagħ tan-nagħaġ u l-mogħoż,
D. billi t-tifrix tal-marda ta' l-ilsien ikħal li bħalissa qed tinfirex fl-Ewropa hija serja minħabba t-tul ta' żmien tagħha, it-tifrix tagħha, tifrix ta' serotipi differenti tal-marda fiz-zoni li s'issa kienu ħielsa minnha u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi gravi ġejjin mil-limitazzjonijiet fuq il-moviment ta’ l-annimali u l-kummerċ,
E. billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE huma karatterizzati bi dħul baxx għal produttur, produzzjoni domestika li qed tonqos u tnaqqis fil-konsum, fuq kollox fost iż-żgħażagħ, u huma esposti għal żieda fil-kompetizzjoni tas-suq internazzjonali miżjuda fis-suq intern,
F. billi ż-żieda fil-prezz ta’ l-ikel għall-annimali u, b’mod aktar ġenerali, id-dħul agrikolu jhedded b’mod partikulari s-settur tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż biż-żieda fl-ispejjeż u bl-eżerċitar ta’ pressjoni supplimentari fuq dan is-settur, li diġà jinsab f’sitwazzjoni kritika f'termini tal-kompetittività,
G. billi s-sitwazzjoni attwali kif ukoll l-evoluzzjoni prevista tad-domanda mondjali u tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti alimentari jimponu lill-Unjoni li tevita kemm jista’ jkun li tiddependi fuq prodotti tat-trobbija u ta’ ikel għall-annimali impurtati u tiżgura bilanċ aħjar ta’ dawn il-prodotti, b’mod partikulari għall-prodotti tradizzjonali u tipproteġi t-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż li għalihom is-suq Ewropew kien awtosuffiċjenti,
H. billi l-iskala ta’ produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta’ l-Ewropa hija differenti b’mod konsiderevoli,
I. billi l-qobla tan-nagħaġ, esposti minn dejjem għal ħafna mard magħruf, huma wkoll milquta b’mod partikulari minn ċertu mard ġdid, bħal marda ta’ l-ilsien ikħal,
J. billi s-settur tal-ħaruf fl-Unjoni ma għandux aċċess li jagħmel sens għal fondi Ewropej għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u huwa fi ħtieġa ta’ kampanja promozzjonali sostnuta biex tiżviluppa l-preferenzi tal-konsumaturi,
K. billi l-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) li jmiss jipprovdi l-opportunità li jkunu indirizzati l-istrumenti ta’ politika relevanti u l-appoġġ tal-CAP għas-setturi tal-mogħoż u tan-nagħaġ,
1. Jagħraf il-ħtieġa urġenti għal azzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura biex ikun żgurat futur bi qligħ u sostenibbli għal produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE, biex ikun inkoraġġut il-konsum ta' prodotti bħal dawn għal darb'oħra, biex jinżammu u jkunu atratti bdiewa żgħażagħ tan-nagħaġ u tal-mogħoż lejn is-settur, u jappoġġja ż-żamma ta’ dawn l-intrapriżi tradizzjonali u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bir-rwol tagħhom li jipprovdu s-suq tal-Komunità u li jipprovdu bażi ta’ provvista lill-Komunità ta’ prodotti tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż;
2. jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi strumenti ta’ politika tagħha fejn intwera li l-effetti negattivi kellhom impatt; jilqa’ aktar referenza għal din il-kwistjoni speċifika fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea pubblikata reċentement bit-titolu “Preparazzjoni għall-‘Kontroll tas-Saħħa’ tar-riforma tal-CAP (COM(2007)0722);
3. ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura biex jallokaw b’urġenza sħiħa appoġġ finanzjarju supplimentari għal produtturi Ewropej tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż bil-ħsieb li huma jkunu jistgħu jiżviluppaw produzzjoni dinamika tan-nagħaġ u tal-mogħoż, awtosuffiċjenti, gwidata mis-suq u orjentata lejn il-konsumatur fi ħdan l-Unjoni; ifakkar mill-ġdid lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura biex iqisu l-futur ta' dawn is-setturi fil-qafas tal-kontroll tas-saħħa tal-CAP, permezz ta’ l-implimentazzjoni ta' miżuri differenti li joffru lill-Istati Membri, mingħajr ma tkun traskurata l-ħtieġa li jkun evitat kull tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq intern, ċerta flessibilità fl-għażla tal-possibilitajiet ta’ finanzjar li ġejjin:
· Introduzzjoni ta’ pjan ambjentali ġdid tat-trobbija tan-nagħaġ kull ras li jkun a) finanzjat direttament bi krediti komunitarji jew b) kofinanzjat mill-Unjoni u mill-gvernijiet nazzjonali, bil-għan li jitwaqqaf in-nuqqas tal-produzzjoni; finanzjament bħal dan għandu jkun magħqud ma’ vantaġġi ambjentali assoċjati mal-produzzjoni tan-nagħaġ, kif ukoll mal-progress imwettaq fir-rigward tal-kwalità u tat-teknika taz-zoni ta’ produzzjoni,
· analiżi tad-disponibilità u l-użu ta’ fondi mhux użati skond il-pilastru 2 tal-Politika Agrikola Komuni, bil-ħsieb li dan l-appoġġ ikun dirett mill-ġdid għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż,
· modifika ta’ l-Artikolu 69 emendat tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni u li jistabilixxi ċertu skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u jemenda Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 and (KE) Nru 2529/2001, fil-qafas tal-kontroll tas-saħħa tal-CAP bil-ħsieb li l-Istati Membri jkunu jistgħu jallokaw 12% tal-pagamenti nazzjonali tagħhom għall-miżuri ta’ appoġġ setturi f'diffikultà u għaż-żamma ta' l-attività agrikola fiz-zoni inqas vantaġġati,
· inklużjoni tal-miżuri għall-produtturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fi ħdan l-isfidi ġodda li jippreżenta l-kontroll tas-saħħa tal-CAP fil-qafas tat-tieni pilastru, li għalihom se jkun possibbli li jiżdiedu l-fondi ġejjin mill-modulazzjoni;
4. jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi krediti ta’ pagament supplimentari għat-trobbija tradizzjonali u reġjonali rari tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bil-ħsieb li tinżamm id-diversità bijoloġika fl-agrikoltura u n-nagħaġ f’ċerti reġjuni sensittivi,
5. jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-proċess ta’ simplifikazzjoni fir-reviżjoni tal-kontroll tas-saħħa tal-CAP, biex tippermetti avviż ta’ 14-il ġurnata lil bdiewa ta’ bhejjem għal spezzjonijiet ta’ karatteristika ta’ konformità ambjentali in situ fil-farm stess;
6. jinnota li l-perċentaġġ tal-prezz bl-imnut akkwistat mill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ mhux biżżejjed u jiġbed l-attenzjoni għad-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu għall-ħtieġa li ssir inkjesta dwar l-abbuż tas-setgħa ta' supermarkets kbar stabbiliti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u biex tkun rimedjata s-sitwazzjoni[2]; jifraħ bil-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta’ livell għoli dwar il-kompetittività ta’ l-industrija agroalimentari maħtur biex janalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tal-poter tas-suq fid-distribuzzjoni, u jistenna li r-rappreżentanti tal-Parlament ikunu assoċjati b’mod sħiħ ma’ dan ix-xogħol;
7. jinnota li l-perċentaġġ tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut akkwistat mill-produtturi fuq il-laħam tan-nagħaġ mhux biżżejjed u jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga dwar il-katina ta’ provvista ta’ laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż bil-ħsieb li tiggarantixxi li l-bdiewa jirċievu ammont ġust fis-suq;
8. jistieden lill-Kummissjoni biex tiffavorixxi t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ta’ bejgħ diretti mill-produtturi u mill-assoċjazzjonijiet ta' produtturi, bil-ħsieb li tillimita ż-żidiet artifiċjali tal-prezz;
9. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura biex jirrevedu l-introduzzjoni ta' sistema ta' identifikazzjoni elettronika għan-nagħaġ intenzjonata għall-31 ta’ Diċembru 2009 minħabba d-diffikultà fl-implimentazzjoni, spejjeż għolja u benefiċċji mhux pruvati; jitlob biex kull Stat Membru jkun permess id-diskrezzjoni li jintroduċi din is-sistema fuq bażi volontarja;
10. jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kapaċità tagħha ta’ reazzjoni għat-tifrix tal-marda ta’ l-ilsien ikħal li bħalissa qed tolqot lis-settur, permezz ta’ strateġija ġdida tas-saħħa ta’ l-annimali għall-Unjoni, finanzjar għar-riċerka, kumpens għall-nuqqasijiet, avvanzi fuq pagamenti, eċċ.;
11. jistieden lit-tim tiegħu li jinnegozja fit-taħdidiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex inaqqsu l-iskala ta’ tnaqqis ta’ drittijiet tad-dwana fuq il-laħam tan-nagħaġ u biex ikun garantit li l-Unjoni tista' tgħaddi għall-aletrnattiva ta' “stat ta’ prodott sensittiv” għall-prodotti tal-laħam tan-nagħaġ;
12. jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi fir-reviżjoni tar-reġimi attwali ta' mmaniġġjar ta' kwoti ta' importazzjoni biex tiżgura li ħaruf prodott fl-Unjoni ma jkunx espost għal kompetizzjoni mhux ġusta;
13. jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi sistema obbligatorja ta’ regolamentazzjoni ta’ tikkettar ta’ l-Unjoni għal prodotti tal-laħam tan-nagħaġ, li għandu jkollu lowgo għall-UE kollha biex jippermetti lil konsumaturi biex jiddistingwu bejn prodotti ta’ l-UE u dawk minn pajjiżi terzi, li għandhom ikunu garantiti b’numru ta’ kriterji inkluża skema ta’ assigurazzjoni tal-farm u indikazzjoni tal-pajjiż ta' l-oriġini, bl-iżgurar li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa bi sħiħ dwar il-punt ta' oriġini tal-prodott; jistima li s-sistema għandha tkun imfassla b’mod li tippermetti li jkun evitat kull ksur ta' sistemi ta' tikkettar promozzjonali attwali fil-livelli reġjonali u ta' l-Istati Membri;
14. jenfasizza li l-mezzi l-aktar effiċjenti u l-aktar dejjiema li jgħinu lis-settur jinsabu fl-iżvilupp tas-suq, fil-komunikazzjoni fost il-konsumaturi, li tinsisti dwar il-benefiċċji nutrittivi u s-saħħa tal-prodotti konċernati, u biex jinkoraġġixxu l-konsum;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-Baġit annwali għall-Promozzjoni ta’ l-Ikel ta’ l-UE attwali, li huwa stmat għal €45 miljun fl-2008, biex ikun garantit il-finanzjar favur il-laħam tan-nagħaġ Ewropew, u biex tibdel u tissimplifika r-regoli prattiċi li jirregolaw l-operazzjoni tal-baġit biex prodotti tal-laħam tal-ħaruf jingħataw aċċess li jagħmel sens għall-baġit;
16. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalorizzaw ir-rwol essenzjali li għandha t-trobbija tan-nagħaġ fl-iżvilupp ekonomiku u dejjiemi taz-zoni l-aktar f'diffikultà u fl-ippjanar tat-territorju u biex jiffavorixxu l-istallazzjoni ta' bdiewa ġodda f'dan il-qasam b'mod prijoritarju;
17. jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina kampanji promozzjonali favur prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż b’tikketta ta’ PGI (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) u PDO (Tfassil ta’ Oriġini Protett) u timmira l-Istati Membri relevanti biex timmassimizza l-konsum;
18. jitlob lill-Kummissjoni biex, b'mod ġenerali, tmexxi fil-livell Ewropew kampanja ta' komunikazzjoni destinata għall-konsumaturi kollha u bbażata fuq azzjonijiet innovattivi, li jistgħu jwasslu fil-punti tal-bejgħ, preparamenti differenti għal konsum, f’kampanji li jiffukaw fuq koki maġġuri Ewropej li jinsistu fuq il-kwalità tal-prodott u jippreżentaw riċetti ta’ l-ikel;
19. jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu programmi li jinkoraġġixxu lill-produtturi biex joħolqu assoċjazzjonijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, biex jipprattikaw il-kummerċjalizzazzjoni diretta u biex jipproduċu u jistabbilixxu tikketti ta' kwalitajiet pa’tikulari ta’ prodotti bbażati fuq il-laħam u fuq il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż (pereżempju prodotti bijoloġiċi jew speċjalitajiet reġjonali);
20. jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-assistenza tagħha fil-ftuħ ta’ swieq ta’ l-esportazzjoni għall-prodotti tal-laħam tan-nagħaġ u l-ġewwieni ta’ l-annimal fl-Unjoni f’pajjiżi fejn bħalissa japplikaw restrizzjonijiet bla bżonn;
21. jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi s-settur tan-nagħaġ u tal-mogħoż fit-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarju fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[3] bil-ħsieb li tikkonvinċi lill-konsumaturi, b’mod partikulari liż-żgħażagħ, lill-konsumaturi dgħajfa ta’ prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bil-benefiċċji għas-saħħa u bil-kontenut ta’ proteini li joffru dawn il-prodotti, u biex torganizza kampanja ta' informazzjoni attiva fl-Istati Membri dwar il-prodotti ġejjin mis-settur tan-nagħaġ u tal-mogħoż;
22. jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp fl-industrija “żgħira ta’ l-ixtarr”, li tikkonċentra fuq kemm innovazzjoni teknika għal farms u innovazzjoni tal-prodott fir-rigward tal-ħaruf, ġobon u prodotti sekondarji bħal suf u ġlud, magħrufa bħala l-“ħames kwart”, fejn ir-ritorn finanzjarju huwa kważi negliġibbli fil-preżent;
23. jimmarka l-ħtieġa li titejjeb id-disponibilità ta’ prodotti mediċinali u veterinarji għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-livell Ewropew grazzi għal appoġġ għar-riċerka farmaċewtika u għas-simplifikazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ kumerċjalizzar;
24. jitlob lill-Kummissjoni, b’mod partikulari fir-rigward tal-marda ta' l-ilsien ikħal, biex tistimula fil-każ li tfeġġ il-marda, ir-riċerka tal-kawża tagħha u l-possibilitajiet biex tkun miġġielda, biex tfassal strateġija ta' ġlieda effettiva, li tikkoordina l-isforzi ta' l-Istati Membri, li tiffavorixxi l-elaborazzjoni ta’ titqib, li tistabbilixxi strateġija ta' titqib effiċjenti u biex tappoġġja b'mod finanzjarju t-titqib ta' l-annimali; jitlob li l-miżuri li jkunu stabbiliti b’mod legali waqt il-ġlieda kontra l-marda ta’ l-ilsien ikħal, iżda li biż-żmien, ikun pruvat li m’humiex effettivi jitneħħew immedjatament kemm jista’ jkun mil-lista;
25. jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha dwar it-trasparenza tal-prezz fis-settur bil-ħsieb li tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi u lill-produtturi dwar il-prezz tal-prodotti;
26. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenza tal-Kunsill biex iwaqqfu task force ta' implimentazzjoni li tikkontrolla r-riforma prattika tas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Unjoni u biex jiżguraw li din it-task force ta' implimentazzjoni tirrapporta lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura kull sitt xhur għas-sentejn li ġejjin dwar tibdil fil-politika li hija tkun qed timplimenta; jinnota li task force bħal din għandha tinkludi uffiċjali importanti mill-Kummissjoni u mill-erba’ Stati Membri li jmiss qabel ma jassumu l-presidenza ta’ l-Unjoni;
27. jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] Testi adottati ta’ din id-data, P6_TA(2007)0619.
- [2] P6_TA(2008)0054.
- [3] Deċiżjoni no 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (ĠU L 301 20.11.2007, p. 3).
NOTA SPJEGATTIVA
Daħla
Is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Ewropa huma fi stadju kritiku. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti fil-livell ta’ l-UE biex jippreservaw it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż fuq bażi sostenibbli ekonomikament. It-tnaqqis strutturali fil-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż aċċellera b’mod sinifikattiv mir-riforma tal-CAP fl-2003. It-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż hija attività ta’ ħidma intensiva li teħtieġ ħiliet speċifiċi. Sfortunatament, jeżisti nuqqas ta’ servizzi tekniċi u taħriġ fis-setturi. Id-dħul huwa baxx ħafna meta mqabbel ma’ intrapriżi tal-farm oħra u jiddependu b’mod konsiderevoli mill-appoġġ tal-pubbliku.
Dawn is-setturi qed jiffaċċjaw spejjeż dejjem jiżdiedu, b’mod partikulari rigward il-fjuwil, l-elettriku u l-għalf, li se jiżdiedu aktar bl-introduzzjoni proposta ta’ identifikazzjoni elettronika fl-2010. Il-profil ta’ età tal-bdiewa tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa ħafna aktar avanzat minn dak ta’ setturi agrikoli oħrajn u huwa dejjem aktar diffiċli li bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu dan in-negozju. Teżisti kompetizzjoni għolja għall-art, b’mod partikulari fil-kuntest tal-prezzijiet għoljin għal ċereali. Intrapriżi ta’ l-ipproċessar huma sfidati b’mod speċjali, b’diffkultajiet fir-rigward ta’ investiment u n-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati. Il-pressjoni kompetittiva minn importazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi żdiedet.
Huwa stmat li nuqqas ta’ azzjoni se tirriżulta f’nuqqas fil-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż ta’ mill-inqas 8% sa 10% sas-sena 2015. Bl-isfond ta’ prezzijiet ta’ l-ikel dejjem jiżdiedu aħna ma nistgħux nippermettu tnaqqis bħal dan biex iseħħ u aħna rridu nżommu sigurtà tal-provvista fi ħdan l-UE. Il-'Kontroll tas-Saħħa’ imminenti tal-CAP jipprovdi opportunità fil-waqt biex ikunu riveduti s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż u biex ikunu implimentati proposti qabel ma jkun tard wisq.
Kwistjonijiet ewlenin imressqa mir-Rapportuer
Ambjent
It-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandha rwol ambjentali ewlenija li tinkludi ż-żamma naturali ta’ zoni inqas fertili, iż-żamma ta’ bijodiversità, ekosistemi sensittivi u kwalità ta’ l-ilma, il-ġlieda kontra l-erożjoni, l-għarar, il-valangi u n-nirien. B’mod tradizzjonali, trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż isseħħ f’zoni inqas preferuti, fejn trobbija bħal din hija spiss l-unika alternattiva agrikola. Hija għandha kontribuzzjoni kruċjali għall-ekonomija f’zoni rurali Ewropej.
Appoġġ għal dħul tal-produttur
Dħul mill-farm għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa fost l-iktar baxxi fl-industrija ta' l-agrikoltura u l-appoġġ finanzjarju akkwistat huwa ħafna inqas minn dak ta' setturi agrikoli b'aktar profitt.
Il-Politika Agrikola Komuni ma servietx għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż u dan wassal għal nuqqas sostanzjali fil-produzzjoni. Il-pakkett ta’ ‘separazzjoni’ introdott fir-Riforma tal-CAP fl-2003 ikkontribwixxa għal dan it-tnaqqis fil-produzzjoni. Il-Kontroll tas-Saħħa tal-CAP li jmiss irid jalloka appoġġ finanzjarju addizzjonali għal produzzjoni ta’ laħam tan-nagħaġ u laħam tal-mogħoż li jqis il-mudelli differenti li jeżistu fl-Istati Membri. Għandu jkun innutat li soluzzjoni ‘no-one-fits-all’ f’termini ta’ l-iffinanzjar fil-futur tas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż tista’ tapplika b’mod ugwali f’kull Stat Membru fl-UE.
Tagging’ elettroniku
Il-Kummissjoni Ewropea hija intenzjonata li tintroduċi implimentazzjoni obbligatorja ta’ sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għan-nagħaġ fil-31/12/2009. Din hija kwistjoni maġġuri għas-settur kollu tan-nagħaġ. Fi żmien meta s-settur jinsab fi kriżi ekonomika, din il-proposta se tkun ta’ piż għal produtturi bi spejjeż addizzjonali. Minbarra dan, il-benefiċċji ta’ tikkettar elettroniku għadhom ma humiex pruvati.
Ir-rapportuer għalhekk, jipproponi li kull Stat Membru jkun permess il-flessibilità li jintroduċi sistema ta' identifikazzjoni fuq bażi volontarja, minħabba l-fatt li f’bosta pajjiżi fl-UE diġà jeżistu sistemi ta’ identifikazzjoni xierqa fis-seħħ biex jipprovdu r-rekwiżiti għal intraċċar u s-saħħa ta’ l-annimali.
Importazzjonijiet ta' laħam tan-nagħaġ
Importazzjonijiet b’eċċess ta’ 20% ta’ konsum ta’ ħaruf ta’ l-UE għandhom stat sinifikattiv fi ħdan is-suq ta’ l-UE. Huwa magħruf li importazzjonijiet ta’ ħaruf minn pajjiżi terzi għandhom rwol ta’ aġġustament, minħabba d-defiċit attwali ta’ l-UE. Iżda, minħabba li importazzjonijiet ta’ ħaruf se jkomplu jikkontribwixxu parti maġġuri mill-provvista ġenerali ta’ l-UE, iridu jsiru sforzi li jiżguraw li importazzjonijiet ta’ ħaruf jissuplimentaw il-provvista ta’ l-UE mingħajr ma’ jostakolaw l-abilità tal-provvista ta' l-UE biex tiżviluppa. Huwa ċar li l-ispejjeż aktar għoljin tal-produzzjoni tal-ħaruf ta’ l-UE jippreżentaw il-prodott domestiku fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbel mal-prodott impurtat. Dan l-iżbilanċ huwa aktar ovvju minħabba li importazzjonijiet huma konċentrati prinċipalment f'żewġ perjodi sensittivi fil-kalendarju Ewropew i.e. l-Għid u l-Milied.
Tnaqqis fil-konsum ta’ laħam tan-nagħaġ
Il-konsum naqas b'riżultat ta’ disponibilità aktar baxxa u l-prezz relativament għoli ta’ laħam tan-nagħaġ. Il-konsumaturi ta’ laħam tan-nagħaġ essenzjalment jappartjenu għal gruppi ta’ età aktar għoljin, bi dħul ta’ ‘il fuq mill-medja. B’kuntrast, ir-rata ta’ penetrazzjoni tal-prodott u n-numru ta’ konsumaturi ta’ taħt il-35 sena huwa iżgħar b'mod konsiderevoli. Fatturi bħal profil ta’ l-età tal-konsumatur, perċezzjoni tal-konsumatur u prezz relattivi ma’ proteini oħrajn jaffettwaw b’mod sinifikattiv il-livelli potenzjali ta’ konsum tal-ħaruf. Il-fattur ewlieni biex ikun żgurat futur sostenibbli għas-settur tal-laħam tan-nagħaġ se jkun strateġiji mmirati lejn irkupru ta' livelli ta' konsum fi ħdan il-Komunità.
Kummerċjalizzar tal-ħaruf
Biex ikun iġġenerat il-konsum tal-ħaruf, jeħtieġ li jkunu adottati numru ta' miżuri. Huwa rikonoxxut li hemm ħtieġa għal innovazzjoni fil-komunikazzjoni tal-messaġġ lil konsumaturi. Konsumaturi ta’ età żgħira, li jikkunsmaw ammont baxx ta’ ħaruf, jeħtieġ li jkunu mira b’enfasi fuq il-konvenjenza, il-kwalità u l-aspetti tas-saħħa tal-prodott, bl-objettiv prinċipali li jiżdied il-konsum iżda billi jiżdied il-valur tal-ħaruf ta’ l-UE. L-aġenziji ta’ promozzjoni ta’ ikel Franċiżi, Irlandiżi u Ingliżi bħalissa qed iwettqu kampanja promozzjonali ġenerika konġunta biex jiżdied il-konsum tal-ħaruf fi Franza. Dan jista’ jistabbilixi l-bażi għal kampanji ta’ kummerċjalizzar fil-futur fi Stati Membri oħrajn ta’ l-UE.
Ħaruf prodott b’mod domestiku irid ikollu aċċess għall-fond ta’ l-UE għall-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli, li huwa valutat għal €45 miljun għas-sena 2008, iżda fil-maġġoranza ta’ pajjiżi ta’ l-UE, is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż mhuz qed jutilizzaw programmi ta' Promozzjoni Ewropej skond ir-Regolament ta’ l-UE 1257/1999 (prodotti ta’ kwalità superjuri tikkettati fil-livell nazzjonali) u r-Regolament ta’ l-UE 1171/2005 (prodotti li għandhom marki Ewropej ta’ kwalità uffiċjali). Ir-raġuni għal dan hija li r-regoli li jirregolaw dawn ir-regolamenti huma restrittivi wisq u jrid ikollhom tikketta ta’ kwalità nazzjonali jew marka ta’ kwalità Ewropea, bħal PDO (Marka ta' Oriġini Protetta), PGI (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) u TSG (Speċjalità Tradizzjonali Garantita).
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tissimplifika dawn ir-regolamenti billi tagħti aċċess reali għal dan il-baġit lis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Il-fond ta’ l-UE attwali għall-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli jeħtieġ li jiżdied u proporzjon ta’ dan il-fond allokat lis-settur tal-laħam tan-nagħaġ. Huwa jirrakkomanda wkoll li kampanji tal-PGI/PDO jkunu koordinati għal prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż li jimmiraw ċerti pajjiżi ta’ l-UE biex iżidu l-konsum.
It-tikkettar
Fil-preżent ma hemm ebda leġiżlazzjoni ta’ l-UE li tindirizza l-kwistjoni ta’ tikkettar ta’ l-oriġini għas-settur tal-laħam tan-nagħaġ. B’riżultat hemm bosta tekniki ta’ tikkettar differenti fis-seħħ fi ħdan l-UE għal prodotti tan-nagħaġ. Biex tkun promossa l-preferenza ta' l-UE fost il-konsumaturi u wkoll biex l-appoġġ tal-promozzjoni/kummerċjalizzar tal-laħam tan-nagħaġ ikun ġustifikat, il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu konvinti fuq il-bażi tas-sigurtà ta' l-ikel, produzzjoni ta' l-UE indiġena u metodi tradizzjonali ta' produzzjoni.
Ir-rapporteur jemmen li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni massima dwar l-oriġini tal-prodott li huma jixtru biex ikunu jistgħu jwettqu xirjiet infurmati. F’dan ir-rigward huwa jipproponi li lowgo ta’ l-UE jkun żviluppat għal prodotti tal-laħam tan-nagħaġ, li jkun stabbilit b’numru ta’ kriterji inklużi skema ta’ assigurazzjoni tal-farm u indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini, b’hekk ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa bi sħiħ dwar il-punt ta' oriġini tal-prodott.
Appoġġ għal innovazzjoni
Innovazzjoni fi żvilupp ta’ prodott għandha l-potenzjal li tkun element ewlieni biex il-laħam tan-nagħaġ ikun aktar attraenti għal ġenerazzjonijiet żgħażagħ ta’ konsumaturi. Innovazzjoni bħal din għandha tiffoka fuq l-iżbilanċi bejn il-qtugħ mitlub bħalissa mill-konsumatur u l-qtugħ ġej mill-karkassa sħiħa. Sal-lum kien hemm xi suċċess biex il-konsumaturi żgħażagħ ikunu inkkoraġġuti jikkunsmaw dan il-laħam permezz ta’ l-offerta ta’ firxa versatili ta’ qtugħ, firxa aktar wiesgħa ta’ daqsijiet tal-porzjon, pakkettar u prodott ta’ kwalità konsistenti, li jindika li l-ħaruf ma għandux ikun abbandunat bħala kawża mitlufa fir-rigward tas-suq iżda li jista’ jitkattar b’appoġġ bi żvilupp ta’ innovazzjoni fi prodotti, pakkettar u proċessi.
Fil-preżent, l-ammont ta’ ritorn finanzjarju fuq suf u ġlud (‘l hekk imsejjaħ ħames kwart) mhux sinifikanti. Il-valur jista’ jiżdied bl-iżvilupp ta’ użi ġodda bħal materjal ta’ insulazzjoni termali effiċjenti ħafna u ekoloġiku.
Aċċess għas-suq
Fil-preżent, jeżistu restrizzjonijiet li jirregolaw l-esportazzjonijiet ta’ l-UE ta’ prodotti tal-laħam tan-nagħaġ f'pajjiżi bħall-Afrika tan-Nofsinhar, l-Għarabja Sawdita, iċ-Ċina, u l-Messiku. Tkun ta' sinifikat pożittiv għall-industrija jekk il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi assistenza fil-ftuħ ta' swieq ta' l-esportazzjoni mhux ta' l-UE għal prodotti tal-laħam tan-nagħaġ f'pajjiżi fejn restrizzjonijiet bla bżonn japplikaw fil-preżent.
Konsultazzjoni
Is-servizzi Ernst & Young Government flimkien ma’ l-Istitut tal-Bhejjem Franċiż, wettqu studju intitolat ‘Il-futur tas-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Ewropa’, li kien kummissjonat mill-Parlament Ewropew. Dan l-istudju analizza l-karatteristiċi ta’ dawn is-setturi u wettaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Ernst & Young preżentaw is-sejbiet tagħhom f'laqgħa tal-Kumitat għall-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew fis-26 ta’ Frar 2008.
Ir-rapporteur wettaq konsultazzjoni wiesgħa fil-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport inklużi laqgħat mal-Kummissarju ta’ l-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, mal-Ministru ta’ l-Agrikoltura Sloven, mal-Ministru ta’ l-Agrikoltura Franċiż flimkien mal-Ministri ta' l-Agrikoltura mill-Polonja, mil-Litwanja, mill-Irlanda u rappreżentanti tal-Kunsill mir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, Franza, il-Latvja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Ġermanja. Huwa kkonsulta b’mod estensiv ma’ gruppi agrikoli ta’ l-UE, gruppi ta’ negozju ta’ l-UE, gruppi ta’ konsumaturi ta’ l-UE u ma’ rappreżentanti mis-settur tal-proċessar tal-ħaruf ta’ l-UE kif ukoll ma’ rappreżentanti tas-settur tal-laħam tan-nagħaġ fl-Awstralja u fin-New Zealand. Huwa kkonsulta wkoll ma’ l-uffiċjali relevanti mid-Direttorati tal-Kummissjoni Ewropea, li huma responsabbli minn kwistjonijiet ta’ l-Iżvilupp Rurali u mill-Agrikoltura u s-Saħħa Pubblika.
Ir-Rapporteur ospita serata ta’ promozzjoni tal-ħaruf fil-Parlament Ewropew fl-4 ta' Diċembru 2007 sponsorjata mill-Eblex (English Beef and Lamb Executive), Bord Bia (Irish Food Agency) u Interbev (French Livestock Association) li laqqgħu 200 rappreżentant minn gruppi agrikoli ta’ l-UE, proċessuri ta’ ħaruf ta’ l-UE, rappreżentanti tal-konsumatur mis-27 Stat Membru ta’ l-UE, il-Kummissarju ta’ l-Agrikoltura ta’ l-UE, il-President tal-Parlament Ewropew, iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew, MEPs u rappreżentanti minn taqsimiet ta’ politika ta’ l-Agrikoltura u mir-Rappreżentazzjonijiet Permanenti Ewropej.
Konklużjoni
Is-sostenibilità fuq perjodu ta’ żmien fit-tul ta’ produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE fi skala professjonali hija dejjem aktar mhedda. Minkejja defiċit fil-produzzjoni ta’ laħam tan-nagħaġ fl-UE, il-merħla nagħaġ tibqa’ tonqos u d-domanda hija baxxa. L-aħħar Riforma tal-CAP fl-2003, bl-introduzzjoni ta’ separazzjoni ta’ pagamenti diretti aċċellerat it-tnaqqis tas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż. In-nagħaġ u l-mogħoż jinsabu primarjament f’zoni inqas preferuti u għandhom rwol ambjentali kritiku fiż-żamma naturali ta’ dawn ir-reġjuni. Il-kontribuzzjoni tagħhom hija essenzjali fuq il-bażi soċjoekonomika kbira għal dawn ir-reġjuni.
Ħafna produtturi qed jabbandunaw is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi, rekwiżiti tax-xogħol għoljin u l-profil ta’ età avvanzata. Teżisti pressjoni miżjuda minn importazzjonijiet minn pajjjiżi terzi. Dan flimkien ma’ restrizzjonijiet bla bżonn li japplikaw għal esportazzjonijiet ta’ laħam tan-nagħaġ ta’ l-UE f’ċerti pajjiżi terzi.
Ir-rapporteur jitlob għal azzjoni urġenti li trid tittieħed fil-livell ta’ l-UE biex ikunu salvagwardjati is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, inklużi appoġġ għad-dħul tal-produttur, identifikazzjoni elettronika li sseħħ biss fuq bażi volontarja, miżuri ta' kummerċjalizzar biex jiġġeneraw konsum, skema ta' tikkettar ta' l-UE biex tagħti lill-konsumaturi ta' l-UE informazzjoni massima dwar l-oriġini tax-xirjiet tagħhom u appoġġ għal innovazzjoni. Huwa stieden għat-twaqqif ta’ task force ta’ implimentazzjoni ta’ l-UE biex tiżgura li l-miżuri speċifiċi rakkomandati f’dan ir-rapport ikunu attwati tul is-sentejn li ġejjin, b’hekk jiżguraw il-futur tas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Ewropa.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
27.5.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Vincenzo Aita, Peter Baco, Bernadette Bourzai, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Giovanna Corda, Joseph Daul, Albert Deß, Michl Ebner, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Vincenzo Lavarra, Stéphane Le Foll, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, James Nicholson, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Petya Stavreva, Witold Tomczak, Donato Tommaso Veraldi, Janusz Wojciechowski, Andrzej Tomasz Zapałowski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Liam Aylward, Esther De Lange, Hans-Peter Mayer, Brian Simpson, Struan Stevenson, Kyösti Virrankoski |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali |
Seán Ó Neachtain |
|||||