RAPPORT dwar emenda għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fid-dawl tal-proposti mill-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari dwar il-ħidma tar-rapporti Plenarji u r-rapporti ta' inizjattiva
29.5.2008 - (2007/2272(REG))
Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Richard Corbett
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-emenda ta' l-Artikolu 2 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tal-25 ta' Ottubru u tat-12 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mill-President tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 u tal-31 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport Interim tal-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari rigward 'Il-plenarja u l-kalendarju ta' l-attivitajiet' ippreżentat lill-Konferenza tal-Presidenti fis-6 ta' Settembru 2007 (PE 392.600/CPG) u l-konklużjonijiet tiegħu rigward ir-rapporti ta' inizjattiva,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 199 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6–0197/2008),
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;
2. Jinnota li l-emendi se jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sessjoni parzjali li ġejja, barra l-punti 2 u 3 ta' l-Anness IIa l-ġdid, li se jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tal-leġiżlatura parlamentari tiegħu li tibda f'Lulju 2008; jinnota li l-Artikolu 45(1a) għandu japplika b'mod ugwali għar-rapporti awtorizzati qabel ma tidħol fis-seħħ din id-dispożizzjoni;
3. Jiddeċiedi li l-Emenda 5 rigward l-Artikolu 39(2) fid-deċiżjoni tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-emenda għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fid-dawl ta' l-Istatut għall-Membri[1] se tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sessjoni parzjali li ġejja;
4. Jiddeċiedi, skond l-Artikolu 204(c), li jippubblika d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti dwar ir-Regoli u l-Prattiki dwar rapporti fuq inizjattiva tagħhom kif modifikati mid-deċiżjonijiet tagħha tat-12 ta' Diċembru 2007 u ta' l-14 Frar 2008 bħala anness għar-Regoli tal-Proċedura; Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jaġġorna dan l-anness bi qbil ma' deċiżjonijiet futuri mill-Konferenza tal-Presidenti rigward din il-kwistjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Emenda 1 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 38 a (ġdid) | |
Test Preżenti |
Emenda |
|
Artikolu 38a |
|
Id-drittijiet ta' inizjattiva mogħtija mit-Trattati lill-Parlament |
|
F'każijiet fejn it-Trattati jagħtu dritt ta' inizjattiva lill-Parlament, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi jfassal rapport fuq inizjattiva tiegħu |
|
Ir-rapport għandu jinkludi: |
|
a) mozzjoni għal riżoluzzjoni; |
|
b) fejn hu xieraq, abbozz ta' deċiżjoni jew abbozz ta' proposta; |
|
c) dikjarazzjoni spjegattiva inkluż, fejn hu xieraq, dikjarazzjoni finanzjarja. |
|
Fejn l-adozzjoni ta' att mill-Parlament jeħtieġ l-approvazzjoni jew il-kunsens tal-Kunsill u l-opinjoni jew il-kunsens tal-Kummissjoni, il-Parlament jista', wara l-votazzjoni għall-att propost, u bi proposta mir-rapporteur, jiddeċiedi li jippostponi l-votazzjoni tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni sakemm il-Kunsill jew il-Kummissjoni jkunu ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom. |
Emenda 2 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 45 – paragrafu 1 a (ġdid) | |
Test Preżenti |
Emenda |
|
1a. Ir-rapporti fuq inizjattiva tagħhom għandhom jiġu eżaminati mill-Parlament skond il-proċedura bi preżentazzjoni qasira stipulata fl-Artikolu 131a. Emendi għal testi bħal dawn m'humiex ammissibbli biex jitqiesu fil-plenarja sakemm ma jkunux imressqa mir-rapporteur biex titqies informazzjoni ġdida, imma mozzjonijiet għal riżoluzzjoni alternattivi jistgħu jitressqu bi qbil ma' l-Artikolu 151(4). Dan il-paragrafu m'għandux japplika fejn is-suġġett tar-rapport jikkwalifika għal dibattitu ta' prijorità fil-plenarja, fejn ir-rapport jitfassal skond dritt ta' inizzjattiva msemmi fl-Artikoli 38a jew 39, jew fejn ir-rapport jista' jitqies bħala rapport strateġiku skond il-kriterji stipulati mill-Konferenza tal-Presidenti1. |
|
______________ |
|
1Ara d-deċiżjoni relevanti tal-Konferenza tal-Presidenti, riprodotta fl-Anness… tar-Regoli ta' Proċedura |
Emenda 3 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 45 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 | |
Test Preżenti |
Emenda |
2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw 'mutatis mutandis' f'każi fejn it-Trattati jagħtu d-dritt ta' inizjattiva lill-Parlament. |
2. Fejn is-suġġett tar-rapport jaqa' taħt id-dritt ta' inizjattiva msemmi fl-Artikolu 38a., l-awtorizzazzjoni tista' tinżamm fuq il-bażi li l-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattati ma ġewx sodisfatti. |
Emenda 4 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 45 – paragrafu 2 – subparagrafu 2 | |
Test Preżenti |
Emenda |
F'dawn il-każi, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn. |
2a. Fiż-żewġ każijiet, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn. |
Emenda 5 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 110 – paragrafu 1 | |
Test Preżenti |
Emenda |
1. Mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni jistgħu jsiru minn kull Membru. L-interpellanti jkunu esklussivament responsabbli esklussiva tal-kontenut tal-mistoqsija. |
1. Mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni jistgħu jsiru minn kull Membru bi qbil mal-linji gwida1. L-interpellanti jkunu esklussivament responsabbli esklussiva tal-kontenut tal-mistoqsija. |
|
______________ |
|
1Ara l-Anness IIa |
Emenda 6 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 110 – paragrafu 2 | |
Test Preżenti |
Emenda |
2. Il-mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-President li għandu jgħaddihom lill-istituzzjoni konċernata. |
2. Il-mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-President li għandu jgħaddihom lill-istituzzjoni konċernata. Dubji rigward l-inammissibilità ta' mistoqsija għandha tittieħed deċiżjoni dwarhom mill-President. Id-Deċiżjoni tiegħu għandha tkun innotifikata lill-persuna lil tagħmel il-mistoqsija. |
Emenda 7 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 111 – paragrafu 1 | |
Test Preżenti |
Emenda |
1. Kull Membru jista' jagħmel mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-Bank Ċentrali Ewropew. |
1. Kull Membru jista' jagħmel mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-Bank Ċentrali Ewropew bi qbil mal-linji gwida1. |
|
______________ |
|
1Ara l-Anness IIa |
Emenda 8 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 131 a (ġdid) | |
Test Preżenti |
Emenda |
|
Artikolu 131a |
|
Preżentazzjoni qasira |
|
Mat-talba tar-rapporteur jew fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, il-Parlament jista' wkoll jiddeċiedi li kwistjoni li ma jkollhiex bżonn dibattitu sħiħ trid tiġi trattata permezz ta' preżentazzjoni qasira fil-plenarja mir-rapporteur. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandu jkollha l-opportunità li tindaħal u kwalunkwe Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jirreaġixxi billi jippreżenta dikjarazzjoni miktuba addizzjonali skond l-Artikolu 142(7). |
Emenda 9 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 142 – paragrafu 5 | |
Test Preżenti |
Emenda |
5. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom, bħala regola, jingħataw l-attenzjoni fid-dibattitu dwar rapport preċiż wara l-preżentazzjoni tiegħu mir-rapporteur. Madankollu, f'dibattitu dwar xi proposta tal-Kummissjoni, il-President għandu jistieden lill-Kummissjoni sabiex titkellem l-ewwel biex tippreżenta l-proposta tagħha fil-qosor, u meta d-dibattitu jkun dwar test li joriġina mill-Kunsill, il-President jista' jistieden lill-Kunsill sabiex jitkellem l-ewwel, u f'kull każ ir-rapporteur għandu jieħu l-kelma wara. Il-Kummissjoni u l-Kunsill u r-rapporteur jistgħu jiġu mismugħa mill-ġdid, b'mod partikolari biex jirrispondu għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Membri. |
5. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom, bħala regola, jingħataw l-attenzjoni fid-dibattitu dwar rapport preċiż wara l-preżentazzjoni tiegħu mir-rapporteur. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-rapporteur jistgħu jiġu mismugħa mill-ġdid, b'mod partikolari biex jirrispondu għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Membri. |
Emenda 10 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 151 – paragrafu 4 | |
Test Preżenti |
Emenda |
4. Grupp politiku jista' jqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li tkun tfittex li tissostitwixxi riżoluzzjoni għal mozzjoni mhux leġiżlattiva li tkun tinsab f'xi rapport ta' kumitat. |
4. Grupp politiku jew għall-inqas erbgħin Membru jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni alternattiva għal mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva mniżżla fir-rapport tal-kumitat. |
F'każ bħal dan, il-grupp ma jistax iqiegħed fuq il-Mejda emendi għal mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-kumitat responsabbli. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-grupp ma tistax tkun itwal mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-kumitat. Fuq din għandu jittieħed vot uniku mingħajr emendi fil-Parlament. |
F'każ bħal dan, il-grupp jew il-Membri kkonċernati ma jistgħux iressqu emendi għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-kumitat responsabbli. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni alternattiva ma tistax tkun itwal mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-kumitat. Fuq din għandu jittieħed vot uniku mingħajr emendi fil-Parlament. |
|
L-Artikolu 103(4) għandu japplika skond il-każ. |
Emenda 11 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Anness II a (ġdid) | |
Test Preżenti |
Emenda |
|
ANNESS II a |
|
Linji gwida għal mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub skond l-Artikoli 110 u 111 |
|
1. Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub għandhom: |
|
- jaqgħu taħt il-kompetenza u r-responsabilità ta' l-istituzzjoni kkonċernata u jkunu ta' interess ġenerali; |
|
- ikunu konċiżi u jkollhom interrogazzjoni li tinftiehem sew; |
|
- jevitaw lingwaġġ offensiv; |
|
- jevitaw milli jsemmu kwistjonijiet strettament personali; |
|
2. Jekk mistoqsija ma tikkonformax ma' dawn il-linji gwida, is-Segretarjat għandu jipprovdi lill-awtur b'parir dwar kif tista' titfassal il-mistoqsija sabiex tkun ammissibbli. |
|
3. Jekk mistoqsija identika jew simili tkun tressqet u twieġbet matul is-sitt xhur ta' qabel, is-Segretarjat għandu jibgħat kopja tal-mistoqsija u tat-tweġiba ta' qabel lill-kittieb. Il-mistoqsija ripetuta m'għandhiex titressaq sakemm il-kittieb ma jsemmix żviluppi sinifikanti ġodda jew sakemm ma jkunx qed ifittex informazzjoni ulterjuri. |
|
4. Jekk mistoqsija tfittex informazzjoni fattwali jew statistika li diġà tkun disponibbli fil-librerija tal-Parlament, dan ta' l-aħħar għandu jinforma lill-Membru, li jista' jirtira l-mistoqsija. |
|
5. Mistoqsijiet dwar kwistjonijiet relatati jistgħu jitwieġbu flimkien. |
- [1] Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2007)0500.
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond għall-inizjattiva tar-riforma
L-aġenda ta' riforma interna tal-Parlament ħadet importanza ġdida minħabba l-ftehima b'suċċess dwar it-Trattat ta' Riforma, li taġġorna u tkabbar bil-kbir l-irwol tal-Parlament Ewropew bħala attur primarju fil-proċess leġiżlattiv. L-objettiv ewlieni tal-proċess tar-riforma li beda fil-preżent huwa li jitjiebu l-proċeduri ta' ħidma, biex isiru iżjed trasparenti u biex l-istituzzjonijiet tagħna jersqu iżjed viċin lejn dak li jistennew iċ-ċittadini llum il-ġurnata mill-Parlament Ewropew. It-tibdiliet proposti huma l-prodott ta' proċess ta' riflessjoni fil-fond, li r-riżultati tagħhom ġew ikkonkretizzati f'passi sussegwenti.
Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew iddeċidiet fil-laqgħa tagħha tal-15 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma għar-Riformi Parlamentari ppresedut mis-Sra Dagmar Roth-Behrendt. Bi qbil mal-mandat ikkonferut, is-Sra Roth-Behrendt ippreżentat l-Ewwel Rapport Interim, li jittratta dwar 'il-Plenarja u l-Kalendarju ta' l-Attivitajiet', fis-6 ta' Settembru 2007.
Il-Konferenza tal-Presidenti, fil-laqgħa tagħha tal-25 ta' Ottubru 2007, laqgħat ir-rapport u adottat kważi l-proposti kollha għal riforma li jidhru f'dak id-dokument. Ħafna minn dawn it-tibdiliet jistgħu jsiru taħt l-awtorità tal-Konferenza nnifisha, imma numru partikolari minnhom jeħtieġ modifiki fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.
Għalhekk f'dik l-okkażjoni, il-Konferenza ddeċidiet li tippreżenta quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali l-punti li ġejjin:
– It-tfassil tal-linji gwida għall-proċedura għal mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u l-Kunsill.
– L-introduzzjoni ta' proċedura li tippermetti li r-rapporti li jikkwalifikaw għall-Artikolu 131(2) jibbenefikaw mill-opportunità li jiġu ppreżentati fil-plenarja mir-rapporteur segwiti minn reazzjoni mill-Kummissjoni u mill-fakultà għal Membri oħra biex iressqu kontribut bil-miktub.
– Il-possibilità għall-introduzzjoni u l-konklużjoni ta' dibattiti fil-plenarja dwar testi leġiżlattivi mir-rapporteur.
Filwaqt li jitqiesu d-deliberazzjonijiet ulterjuri tal-Grupp ta' Ħidma għar-riformi parlamentari, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet fit-12 ta' Diċembru 2007 dwar ir-referenza lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar punti addizzjonali rigward l-introduzzjoni ta' proċedura simplifikata għal rapporti mhux leġiżlattivi u r-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi ffaċilitat it-tfassil tar-Rapporti ta' Inizjattiva Leġiżlattiva.
B'konformità ma' din id-deċiżjoni u skond l-Artikolu 202 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali kkunsidra t-tibdiliet li ġew issuġġeriti.
II. Il-kontenut u l-ispjegazzjoni tal-miżuri ta' riforma li ġew adottati
Il-paragrafi li ġejjin jipprovdu spjegazzjoni tar-raġuni li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri ta' riforma proposti mir-rapporteur. Ir-referenzi sistematiċi għas-suġġeriment konkret li ġie fformulat mill-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari huma wkoll inklużi f'din id-dikjarazzjoni. L-emendi għar-Regoli ta' Proċedura mdaħħla fid-deċiżjoni tal-Parlament huma miġbura mill-ġdid fi gruppi u illustrati f'erba' taqsimiet li jirreferu għall-punti differenti li tqajmu mill-Konferenza tal-Presidenti.
1. Ir-riforma tal-proċeduri rigward il-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 110 (emendi 5, 6 u 11)
Il-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari osserva fil-konklużjonijiet tiegħu li l-prattika attwali rigward il-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 110 jidhru b'mod ċar li mhumiex sodisfaċenti. Il-Kummissjoni lmentat ukoll b'mod qawwi dwar in-numru ta' mistoqsijiet bħal dawn u dwar kif l-ammont ta' xogħol amministrattiv li jsir biex jitwieġbu jitfa' xogħol fuq is-servizzi tagħha.
Fil-qafas ta' l-isforzi mmirati biex jintroduċu struttura iżjed ċara u programmar strateġiku ġdid għas-sessjonijiet parzjali, l-Ewwel Rapport Interim ressaq l-idea li jiġu fformulati kriterji u linji gwida ta' l-ammissibilità għal dawn il-mistoqsijiet simili għal dawk li jinsabu attwalment għall-mistoqsijiet orali skond l-Artikolu 109. Kif issemma' hawn fuq, il-Konferenza tal-Presidenti laqgħet dan is-suġġeriment.
Ir-rapporteur tiegħek għalhekk qies kif se tiġi implimentata din il-proposta u wasal għall-konklużjoni li s-soluzzjoni x-xierqa għandha tkun dik li tiġi adottata modifika parzjali ta' l-Artikolu 110 flimkien mad-dħul ta' Anness II a ġdid għar-Regoli ta' Proċedura. Paragrafu 1 ta' l-Artikolu huwa emendat sabiex ikun hemm referenza għall-Anness, li huwa inkluż fl-Emenda 11 u fih jinsabu l-linji gwida meħtieġa għall-ammissibilità tal-mistoqsijiet bil-miktub.
Il-modifika għall-Artikolu 110(2) tistabbilixxi li l-President jiggverna dwar l-ammissibilità tal-mistoqsijiet bil-miktub. Madankollu, sabiex ikun hemm risposta għall-biżgħat li ammont ta' xogħol eċċessiv jista' jfixkel l-attività tiegħu/tagħha, irid jiġi nnutat li, skond l-Artikolu 20(3), il-President jista' dejjem jibbenefika mill-possibilità li jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Viċi President skond l-Artikolu 110(2).
Il-kriterji huma fformulati b'tali mod li dejjem jirrispettaw id-dritt tal-Membri li jindirizzaw il-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u li jistennew tweġiba f'qasir żmien. Min-naħa l-oħra dispożizzjonijiiet ċari huma introdotti biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż ta' dan id-dritt, il-bżonn li jitwarrbu mistoqsijiet identiċi jew simili (punt 3 ta' l-Anness il-ġdid), kif ukoll in-nuqqas ta' ammissibilità ta' mistoqsijiet li jagħmlu użu minn lingwaġġ offensiv (punt 1 ta' l-Anness il-ġdid). Dan il-punt, b'mod partikulari, għandu jevita kwalunkwe offiża possibbli għall-valuri fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarjat tal-Presidenza se jkun responsabbli li jressaq suġġerimenti xierqa lil dawk il-Membri li l-mistoqsijiet tagħhom ma jissodisfawx il-linji gwida msemmija fl-Anness IIa. Sabiex is-Segretarjat jiġi provdut b'ammont ta' żmien ħalli jadatta l-istruttura interna tiegħu biex tlaħħaq ma' dawn il-ħidmiet, punti 2 u 3 ta' l-Anness IIa se jidħlu fis-seħħ fi stadju iktar tard.
2. L-introduzzjoni ta' l-Artikolu 131a l-ġdid dwar il-preżentazzjoni qasira ta' rapport li ma jkollux bżonn dibattitu sħiħ (emenda 8)
Il-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari osserva li, sabiex titjieb il-kwalità ta' kif tiġi ppjanata l-aġenda għas-sessjonijiet parzjali, ir-rapporteurs u r-rapporteurs ta' l-oppożizzjoni għandhom jingħataw iżjed inċentivi għall-applikazzjoni aħjar ta' l-Artikolu 131 dwar il-proċedura fil-plenarja mingħajr emendi u dibattiti. L-Ewwel Rapport Interim dwar "il-Plenarja u l-Kalendarju ta' l-Attivitajiet" ippropona l-introduzzjoni ta' inċentiva għar-rapporteurs biex jiġi evitat milli jagħmlu dibattitu sħiħ billi jippjanaw ħin allokat li fih ir-rapporteurs ikunu jistgħu jippreżentaw ir-rapporti tagħhom fil-plenarja mingħajr diskussjonijiet sussegwenti.
Filwaqt li tqies dan is-suġġeriment, ir-rapporteur tiegħek għażel l-introduzzjoni ta' l-Artikolu 131a l-ġdid. Din l-emenda ttejjeb il-prattika attwali. Fil-futur il-Parlament jista' jagħżel, mat-talba tar-rapporteur u fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti li rapport, li ma jkollux bżonn ta' dibattitu sħiħ, jiġi ppreżentat fil-plenarja mir-rapporteur waqt ħin allokat speċifiku. Il-preżentazzjoni mir-rapporteur tkun segwita biss minn reazzjoni mill-Kummissjoni, u l-ebda intervent ieħor mill-Membri ma jkun possibbli. Il-Membri, madankollu, għandhom l-opportunità li jippreżentaw interventi bil-miktub skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 142(7).
Barra minn hekk, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija f'Kapitlu 4 ta' l-Ewwel Rapport Interim dwar ir-riforma parlamentari u għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Konferenza tal-Presidenti fit-12 ta' Diċembru 2007, dan l-artikolu l-ġdid jipprovdi l-proċedura ġenerali għall-eżami fil-plenarja ta' rapporti fuq inizjattiva tagħhom bi ftit eċċezzjonijiet (ara taqsima 4 t'hawn taħt).
3. Iż-żieda fil-viżibilità tal-Parlament fid-dibattiti billi jiġi mmodifikat l-Artikolu 142 dwar l-allokazzjoni tal-ħin tad-diskors (emenda 9)
Rigward il-prijoritajiet tal-Parlament għall-organizzazzjoni ta' dibattiti annwali, il-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari nnota l-bżonn li tiżdied il-viżibilità tal-Parlament u li tikber il-ħeġġa matul id-diskussjonijiet.
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Ewwel Rapport Interim magħmul minn dak il-Grupp ta' Ħidma rrakkomanda l-indħil fl-organizzazzjoni tad-dibattiti billi jiġu implimentati numru ta' miżuri. Fost dawn dehret b'mod partikolari d-dispożizzjoni bħala regola ġenerali li diskussjonijiet dwar testi leġiżlattivi għandhom jiġu introdotti u konklużi mir-rapporteur.
Il-modifika sempliċi tal-Pargrafu 5 ta' l-Artikolu 142 li tidher f'din id-deċiżjoni sservi l-għan ta' dik ir-rakkomandazzjoni. Mill-bidu nett, il-preżentazzjoni tar-rapport parlamentari mir-rapporteur tikkontribwixxi bil-kbir biex tingħata pożizzjoni predominanti lill-Parlament Ewropew għall-punt relevanti diskuss fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv.
Min-naħa l-oħra, jekk dan l-arranġament jikkostitwixxi regola ġenerali għall-kondotta normali tad-dibattitu, id-dispożizzjoni minnha nnifisha ma żżommx lill-President tal-Parlament milli jiddeċiedi, f'ċirkustanzi speċifiċi, li għal raġunijiet partikolari r-rappreżentant tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentant tal-Kunsill għandu jitħalla jitkellem l-ewwel.
Il-formulazzjoni proposta mir-rapporteur tiegħek, finalment tiżgura wkoll li, wara d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kunsill u/jew il-Kummissjoni u mill-Kelliema li huma uffiċjalment magħżula mill-Gruppi Politiċi tagħhom, it-tieni parti tad-dibattitu tista' tkun irriservata għal interventi u mistoqsijiet minn dawk il-Membri li jkunu qed jattendu u jipparteċipaw fl-assemblea. Il-proċedura hija għalhekk magħmula b'tali mod li toffri l-possibilità li jkun hemm diskussjoni komprensiva dwar il-proposti tal-Kummissjoni kif ukoll dwar testi li joriġinaw mill-Kunsill.
4. Il-modifiki tar-Regoli fir-rigward tar-rapporti fuq inizjattiva tagħhom (emendi 1, 2, 3, 4 u 10)
Fit-12 ta' Diċembru 2007, il-Konferenza tal-Presidenti approvat iżjed miżuri ta' riforma li jfittxu li jagħmlu differenza bejn it-tipi varji ta' rapporti fuq inizjattiva tagħhom u bbażati fuq il-proposti tal-Grupp ta' Ħidma għar-Riforma Parlamentari. Se jkun hemm ħames kategoriji ta' rapporti fuq inizjattiva, kull wieħed bi proċedura distinta għall-awtorizzazzjoni u t-trattament fil-plenarja: Rapporti ta' Inizjattiva Leġiżlattiva; Rapporti Strateġiċi (li jirreaġixxu għal inizjattivi strateġiċi u ta' prijorità inklużi fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni); Rapporti ta' Inizjattiva Mhux Leġiżlattiva; Rapporti ta' Ħidma u ta' Mmoniterjar Annwali; Rapporti ta’ Implimentazzjoni;
Skond din id-differenza, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċiediet ukoll li tressaq quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali punti ġodda li jeħtieġu xi tibdiliet fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament. Il-Kumitat kien ukoll meħtieġ li jipproċedi għall-konsolidazzjoni teknika koerenti tar-Regoli fir-rigward ta' rapporti mhux leġiżlattivi in ġenerali u ta' rapporti fuq inizjattiva b'mod partikolari. Bi qbil ma' din it-talba r-rapporteur tiegħek qed jipproponi sett koerenti ta' emendi.
Sabiex jiġu ċċarati u kkonsolidati r-Regoli fir-rigward ta' rapporti li jkollhom x'jaqsmu mad-drittijiet ta' inizjattiva konferuti lill-Parlament mit-Trattati, jidher xieraq li jiġi introdott l-Artikolu 38a il-ġdid (emenda 1). Il-kumitat responsabbli jkun intitolat li jieħu d-deċiżjoni li jfassal rapport bħal dan li jkun suġġett għal awtorizzazzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti skond l-Artikolu 45. L-Artikolu 38a sar simili għall-Artikolu 39 eżistenti dwar inizjattivi leġiżlattivi. Minħabba aspetti proċedurali differenti, kien preferibbli li tiġi proposta Regola ġdida li tipprovdi ċertu linji gwida għat-tfassil ta' dawn ir-rapporti. Din ir-Regola l-ġdida tintroduċi wkoll il-possibilità li tissospendi, b'mod simili għall-proċedura skond l-Artikolu 53, il-votazzjoni finali dwar rapporti bħal dawn fil-plenarja, sabiex fejn hu xieraq tinstab ftehima mal-Kunsill u l-Kummissjoni. Sospensjoni bħal din tippermetti wkoll l-adozzjoni ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni fejn hu xieraq, mingħajr ma jsir neċessarju li jitressaq it-tieni rapport fil-Plenarja. Il-kliem il-ġdid propost użat fl-Artikolu 45(2) jissuġġerixxi li l-awtorizzazzjoni għal inizjattivi msemmija fl-Artikolu 38a tista' tinżamm biss f'każijiet li fihom ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati mit-Trattati (emenda 3) u li deċiżjoni trid tingħata fi żmien xahrejn (emenda 4), kif huwa attwalment il-każ għall-inizjattivi skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE (Artikolu 39.)
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45 huwa modifikat iżjed u b'dan jintroduċi proċedura simplifikata għall-kategoriji l-oħra tar-Rapporti fuq Inizjattiva Tagħhom bl-eċċezzjoni ta' dawk l-inizjattivi kwalifikati bħala rapporti strateġiċi mill-Konferenza tal-Presidenti (emenda 2). Il-Paragrafu 1a l-ġdid propost ta' l-Artikolu 45 jipprovdi għal dawn ir-rapporti li jridu jiġu ppreżentati fil-plenarja mir-rapporteur, b'reazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 131a (ara emenda 8).
Barra minn hekk, fil-każ ta' dawk ir-rapporti fuq inizjattiva tagħhom li mhumiex ibbażati fuq test tal-Kummissjoni u li ma jistgħux jitqiesu bħala rapport pre-leġiżlattiv, il-Grupp ta' Ħidma ppreżenta l-possibilità għall-Gruppi li jressqu riżoluzzjoni alternattiva jew possibilment riżoluzzjonijiet ta' kompromess. Għalhekk, il-Paragrafu 1 a l-ġdid ta' l-Artikolu 45 jgħid li emendi għal rapporti bħal dawn mhumiex ammissibbli sakemm ma jitressqux bi qbil ma' l-Artikolu 151(4).
Sabiex ma jiġux preklużi Membri individwali minn kwalunkwe possibilità li jiġi emendat test propost, l-Artikolu 151(4) huwa emendat biex jestendi d-dritt li tiġi ppreżentata wkoll riżoluzzjoni alternattiva għal grupp ta' erbgħin Membru (emenda 10). Fl-opinjoni tar-rapporteur tiegħek, proċedura bħal din tippermetti Membri individwali li juru r-rieda politika tagħhom b'mod koerenti, li jista' jinqara u trasparenti. Dan jevita wkoll milli jkun hemm kontradizzjoni għad-dispożizzjonijiet li jkunu qed jiġu adottati fl-istess test u għalhekk titjieb il-kwalità tat-test imsemmi. Jekk ikun tressaq numru ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni alternattivi, huwa xieraq li jitressaq kompromess f'forma ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta, bl-istess mod skond l-Artikolu 103(4).
L-għan ta' l-emenda proposta hija wkoll li tingħata l-flessibilità neċessarja fl-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. F'każi speċifiċi (per eżempju, rapporti mmirati għal dibattiti ewlenin) l-Artikolu 45(1a) jagħti l-opportunità lill-Konferenza tal-Presidenti li tiddeċiedi, fuq il-bażi ta' raġunijiet ġustifikati, li rapport jiġi eżaminat b'mod eċċezzjonali bi qbil mar-regoli proċedurali ġenerali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
27.5.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
17 8 1 |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Jim Allister, Richard Corbett, Brian Crowley, Hanne Dahl, Andrew Duff, Ingo Friedrich, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Ashley Mote, Borut Pahor, Rihards Pīks, József Szájer, Johannes Voggenhuber |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Graham Booth, Costas Botopoulos, Klaus Hänsch, György Schöpflin, Mauro Zani |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali |
Philip Claeys, Ingeborg Gräßle, Sepp Kusstatscher, Michael Henry Nattrass, Renate Weber, Jan Marinus Wiersma |
|||||