RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) fir-rigward ta' l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

2.6.2008 - (COM(2008)0101 – C6‑0086/2008 – 2008/0041(COD)) - ***I

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Mihael Brejc

Proċedura : 2008/0041(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0208/2008

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) fir-rigward ta' l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

(COM(2008)0101 – C6‑0086/2008 – 2008/0041(COD))

(Proċedura ta’ kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0101),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 251(2) u u 62(2)(a) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0086/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6 0208/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 - punt 1

Regolament (KE) Nru 562/2006

Artikolu 7 - paragrafu 3 – punt a a – subparagrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

 

Permezz ta' deroga, il-VIS tista' tkun ikkonsultata billi jintuża n-numru ta' l-istiker tal-viża biss, jew, fuq għażla każwali, in-numru ta' l-istiker tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba'.

 

Għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex tapplika din id-deroga:

 

i) meta jkun hemm traffiku tant intens li l-ħin ta' stennija fil-fruntieri jsir eċċessiv,

 

ii) ir-riżorsi kollha f'termini ta' staff, faċilitajiet u organizzazzjoni jkunu ġew eżawriti,

 

iii) tkun saret evalwazzjoni li turi li m'hemm l-ebda periklu relatat mas-sigurtá interna u ma' l-immigrazzjoni illegali,

 

Madankollu, fil-każi kollha fejn hemm dubju dwar l-identitá tad-detentur tal-viża u/jew ta' l-awtentiċitá tal-viża, il-VIS għandha tkun ikkonsultata billi jintuża n-numru ta' l-istiker tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba'.

 

Id-deċiżjoni li tkun ikkonsultata l-VIS bi qbil mas-subparagrafu 1 għandha tkun meħuda għall-inqas fil-livell tal-gwardjan tal-fruntiera responsabbli mill-punt ta' qsim tal-fruntiera.

 

Kull Stat Membru għandu, darba fis-sena, jgħaddi rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, u fih għandu jinkludi n-numru ta' ċittadini ta' pajjiż terz, li sarilhom kontroll fil-VIS billi ntuża n-numru ta' l-istiker tal-viża biss.

 

Tliet snin wara d-data ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu. Fuq il-bażi ta' dik l-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tipproponi, jekk meħtieġ, emendi xierqa għal dan ir-Regolament.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament Ewropew huwa involut fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) taħt il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. L-emendi proposti mill-Kummissjoni għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen rigward l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża jipprevedu li l-verifiki bir-reqqa fil-fruntieri fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża jkunu jinkludu wkoll il-konsultazzjoni tal-VIS skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-VIS (il-verifika tan-numru tal-viża u t-teħid tal-marki tas-swaba’ miċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi kull darba li jaqsmu l-fruntiera). L-għan tal-proposta huwa li jiġi kkumplimentat ir-Regolament tal-VIS billi jiġu stabbiliti regoli komuni f'dan is-sens permezz ta' l-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jiġi żgurat li l-VIS tiġi użata b'mod effiċjenti u armonizzat fil-fruntieri esterni.

Ir-Regolament tal-VIS jiddefinixxi l-għan u l-funzjonalitajiet u r-responsabilitajiet tal-VIS, filwaqt li l-emenda għall-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni se toħloq il-bażi legali għall-Istati Membri sabiex jieħdu identifikaturi bijometriċi mandatorji mingħand persuni li japplikaw għall-viża. Skond ir-Regolament tal-VIS, il-gwardjani tal-fruntieri għandhom aċċess biex ifittxu fil-VIS għall-iskop ta' verifika billi jużaw in-numru ta' l-istiker tal-viża flimkien mal-marki tas-swaba' tad-detentur tal-viża. Għal massimu ta' tliet snin wara l-bidu ta' l-operazzjonijiet, it-tfittxija tista' ssir billi jintuża n-numru ta' l-istiker tal-viża biss. Il-perjodu ta' tliet snin jista' jiġi mqassar fil-każ tal-fruntieri ta' l-ajru.

Il-verifiki sistematiċi permezz ta’ konsultazzjoni tal-VIS għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża kull darba li jaqsmu fruntiera esterna jżidu l-ħin ta’ stennija fil-fruntieri, b’mod partikulari fl-istaġun tat-turiżmu u fil-bidu u fit-tmiem tal-festi pubbliċi. Billi f’dawn l-aħħar snin l-Ewropa saret destinazzjoni attraenti għat-turisti, anke għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jidħlu fl-UE, kwalunkwe konsegwenza ta’ l-introduzzjoni tal-VIS fil-fruntieri esterni trid tittaffa b’mod xieraq. Għalhekk ir-rapporteur jipproponi li l-gwardjan tal-fruntiera responsabbli jkun jista’ jiddeċiedi li jikkonsulta l-VIS fuq bażi mhux sistematika. Dan l-arranġament ikun ta’ għajnuna għaċ-ċittadini ta’ l-UE u għaċ-ċittadini tal-pajjiż terzi li ma jeħtiġux viża biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea, billi jnaqqas l-istennija fil-fruntieri.

Il-gwardjani tal-fruntiera se jibqgħu jivverifikaw jekk iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha biex jidħlu fl-UE (kif stipulati fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u se jikkonsultaw il-VIS fuq il-bażi ta’ l-esperjenza u ta’ l-informazzjoni tagħhom stess, u b’hekk jgħinu b’mod adegwat sabiex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà fl-UE.

PROĊEDURA

Titolu

Ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) fir-rigward ta' l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Referenzi

COM(2008)0101 – C6-0086/2008 – 2008/0041(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

22.2.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

11.3.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

11.3.2008

DEVE

11.3.2008

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

7.5.2008

DEVE

11.3.2008

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Mihael Brejc

8.4.2008

 

 

Konsultazzjoni mal-Kumitat

6.5.2008

29.5.2008

 

 

Data ta' l-adozzjoni

29.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Viktória Mohácsi, Claude Moraes, Martine Roure, Csaba Sógor, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Frieda Brepoels, Simon Busuttil, Evelyne Gebhardt, Genowefa Grabowska, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Marian-Jean Marinescu, Marianne Mikko, Bill Newton Dunn, Nicolae Vlad Popa, Johannes Voggenhuber

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis