RAPPORT dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali

4.6.2008 - (2007/2205(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Giuseppe Gargani
Rapporteur għal opinjoni (*):
Jo Leinen, Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
(*)Proċedura b'kumitat assoċjat – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2205(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0222/2008
Testi mressqa :
A6-0222/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali

(2007/2205(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6‑0222/2008),

A. billi l-Parlament Ewropew m'għandux personalità legali; billi, bħala riżultat ta' dan, il-Parlament Ewropew spiss jiġi mxekkel milli jħares il-prerogattivi tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali minħabba problemi li huma partikulari għan-natura speċifika tiegħu,

B.   billi l-Parlament jirrispetta d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni iżda jirriserva d-dritt tiegħu skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE li jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi,

C.  billi, f’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew għandu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa ta’ rimedji skond it-Trattat li jiżguraw li l-prerogattivi msemmija hawn fuq jitħarsu quddiem l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità, bħal azzjonijiet għan-nuqqas ta’ aġir (Artikolu 232 tat-Trattat KE) u azzjonijiet għall-annullament ta’ l-atti Komunitarji (Artikolu 230 tat-Trattat KE),

D.  billi, skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jrid jieħu r-responsabilità jekk jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skond it-Trattati, hi liema hi l-aġenzija ta’ dak l-Istat li l-aġir jew in-nuqqas ta’ aġir tagħha wassal għal dan in-nuqqas, anke fil-każ ta’ istituzzjoni li hija indipendenti mill-aspett kostituzzjonali[1],

E.  billi, madankollu, il-Parlament Ewropew m'għandux strumenti diretti bħal dawn għad-difiża tal-prerogattivi tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali, fuq kollox f'każ fejn sentenza nazzjonali tmur kontrihom, ladarba ma jistax jipparteċipa fi proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali u lanqas m'għandu rikors dirett għall-Qorti tal-Ġustizzja bix jiddefendi d-deċiżjonijiet tiegħu,

F.  billi l-Parlament Ewropew ma jistax jiftaħ, lanqas bħala extrema ratio , proċedura ta' ksur (skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE) kontra Stat Membru, minħabba li din hija setgħa esklussiva għall-Kummissjoni,

G.  billi n-nuqqas ta’ strumenti xierqa biex bihom jiddefendi d-deċiżjonijiet tiegħu jista’ fil-fatt ixekkel l-effettività tal-Parlament Ewropew bħala entità politika u leġiżlattiva,

H. billi l-prinċipji ta' koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u dawk ta' l-amministrazzjoni tajba jirrikjedu li l-attività ta' l-organi Komunitarji titmexxa skond regoli ta' trasparenza u ta' l-intelliġibilità sabiex jiġu ċċarati r-raġunijiet għal ċertu aġir, jew nuqqas ta' aġir,

I.   billi, biex jinstab rimedju għall-problemi msemmija hawn fuq, huwa opportun li jissaħħu l-mezzi tal-ħarsien tal-prerogattivi parlamentari, mhux permezz ta' modifika tat-Trattat KE, iżda billi jkunu estrapolati mill-esperjenza tal-parlamenti nazzjonali rimedji xierqa għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Parlament Ewropew,

J.   billi r-riżultati ta' studju li sar għal dan il-għan fuq kampjun wiesa' ta' Stati Membri juru biċ-ċar li l-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali jagħtu lill-parlament nazzjonali tagħhom rimedji legali intiżi biex jiggarantixxu mhux biss id-difiża ta' l-interessi tal-parlament bħala entità, iżda wkoll ta' kull membru individwali,

K. billi l-Istati Membri huma suġġetti għall-prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera u leali mħaddan fl-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u billi fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawk l-istess Stati Membri huma obbligati li 'jipprovdu sistema kompleta ta' rimedji u ta' proċeduri li jiggarantixxu li d-dritt għall-protezzjoni effettiva mill-qrati'[2],

L.  billi jkun opportun li jingħataw lill-Parlament Ewropew strumenti, jekk mhux identiċi, ta' lanqas simili, ta' ħarsien tal-prerogattivi tiegħu stess quddiem il-poter ġudizzjarju, kemm jekk dan ikun irrapreżentat mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm jekk mill-qrati nazzjonali, b'analoġija ma' l-istrumenti ta' ħarsien li hemm dispożizzjoni għalihom fis-sistemi nazzjonali, għall-benefiċċju tal-parlamenti nazzjonali;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-rikjesti mill-Parlament Ewropew biex tattiva l-proċedura ta' ksur kontra kwalunkwe Stat akkużat bi ksur ta' prerogattivi parlamentari, u jitlob li jingħata dikjarazzjoni komprensiva ta' raġunijiet mill-Kummissarju kompetenti jekk il-Kulleġġ tal-Kummissarji jiddeċiedi li ma jiħux l-azzjoni mitluba;

2.  Jissuġġerixxi li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun immodifikat sabiex il-Parlament Ewropew jingħata d-dritt li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti fil-każijiet kollha fejn direttament jew indirettament, jintefa dubju fuq il-prerogattivi tiegħu, sabiex l-involviment tal-Parlament Ewropew, fejn dan ma jkunx formalment parti mill-proċedimenti, ma jitħalliex għad-diskrezjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif bħalissa hu previst fl-Artikolu 24(2) ta' l-Istatut;

3.  Jissuġġerixxi li jsir eżami fid-dettall dwar jekk il-kunċett legali stipulat fl-Artikolu 300(6) tat-Trattat KE jistax jiġi applikat għall-każijiet fejn il-prerogattivi tal-Parlament Ewropew jkunu mhedda serjament, sabiex il-Parlament ikun jista' jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal opinjoni dwar il-kompatibilità ta' att ta' liġi nazzjonali mal-liġi Komunitarja primarja, mingħajr preġudizzju għas-setgħa esklussiva tal-Kummissjoni li tiddeċiedi jekk tibdiex jew le proċedura ta' ksur kontra l-Istat li seta' kkommetta vjolazzjoni;

4.  Jitlob lill-kumitat responsabbli biex jipprepara emenda għall-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura sabiex dan ikopri l-proċedimenti legali kollha quddiem kwalunkwe qorti u biex jipprovdi għall-proċedura simplifikata biex tintuża meta l-proċedimenti jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura aċċellerata jew t'urġenza.

5.  Iqis li huwa opportun li jinkoraġġixxi politika ta' koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-qrati nazzjonali, simili għal dik li diġà qed tagħti riżultati tajbin f'numru ta' Stati Membri, permezz ta' l-iżvilupp ta' proċeduri fil-qrati li jippermettu lill-Parlament Ewropew li jipparteċipa fi proċedimenti legali quddiem qrati nazzjonali li jirrigwardaw il-prerogattivi tiegħu;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi xierqa sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-difiża legali mill-Parlament tal-prerogattivi tiegħu;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

  • [1]  Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1970 fil-Kawża 8/70 Il-Kummissjoni v l-Italja [1970] ECR 961.
  • [2]  Kawża C-50/00P, Unión de Pequenos Agricultores v. Kunsill ECR [2002] I-6677.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament Ewropew ġieli sab ruħu - u għadu jsib ruħu - f'pożizzjoni impossibbli rigward il-ħarsien effettiv tal-prerogattivi, li t-Trattati u l-istess Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem espressament jirrikonoxxulu. Ir-riskju huwa għalhekk li d-drittijiet u s-setgħat rikonoxxuti fil-livell Komunitarju u Ewropew jibqgħu biss fuq il-karta, mingħajr ħarsien effettiv. Fuq il-bażi tat-Trattati fis-seħħ, huwa meħtieġ, għalhekk, li jinstabu u jkunu valorizzati l-mezzi li l-Parlament jista' jisfrutta biex iħares b'mod ġenwin il-prerogattivi tiegħu, li kienu stabbiliti bħala garanzija ta' l-indipendenza u l-funzjonalità ta' l-organu.

Fuq livell astratt, wieħed mill-istrumenti li jista' juża l-Parlament Ewropew f'każ ta' ksur tal-prerogattivi tiegħu huwa proċediment minħabba nuqqas li tittieħed azzjoni skond l-Artikolu 227 KE.

F'każ ta' ksur ta' wieħed mid-drittijiet tiegħu mħares mil-liġi Komunitarja, il-Parlament jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tibda proċedura ta' vjolazzjoni skond l-Artikolu 226 KE. Fil-prattika, madankollu, dan ma jistax jiggarantixxi l-ħarsien sħiħ tal-prerogattivi tal-Parlament, ladarba l-bidu tal-proċedura hija deċiżjoni għad-diskrezjoni tal-Kummissjoni

Fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tieħu l-ebda azzjoni, skond prinċipji bħal dawk ta' l-amministrazzjoni tajba, it-trasparenza u l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, il-Parlament irid jitlob li r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni jkunu magħrufa. Il-Parlament għandu d-dritt, jekk mhux għall-azzjoni tal-Kummissjoni, li ta' l-inqas ikun jaf ir-raġunijiet għalfejn hija ddeċidiet li ma tiħux azzjoni sabiex ikun f'pożizzjoni li jevalwa jekk il-Kummissjoni hix teżerċita d-diskrezżjoni tagħha b'mod korrett u biex jifhem il-kriterji li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha.

F'dak li għandu x'jaqsam mar-rappreżentanza tal-Parlament Ewropew fil-qrati, ikun xieraq li tingħata uffiċjalment lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali il-kapaċità legali biex jipparteċipa fil-proċedimenti quddiem il-qrati meta dan ikunu jinvolvu l-prerogattivi tal-Parlament, bħala rappreżentant tal-Parlament bħala entità. Għal dan il-għan, huwa mixtieq li ssir emenda għall-Artikolu19 tar-Regolament tal-Parlament, sabiex il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkun espressament maħtur biex jirrapreżenta l-Parlament Ewropew fil-qrati fil-proċedimenti legali kollha li fihom hemm kwistjoni dwar il-prerogattivi tiegħu.

B'riferenza, b'mod partikulari għall-parteċipazzjoni fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropeh, l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti jipprevedi li l-Parlament ikun jista' jressaq osservazzjonijiet f'każ ta' rikorsi preliminari li jikkonċernaw il-validità jew l-interpretazzjoni ta' atti adottati skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni. Madankollu, ladarba r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew m'humiex inklużi f'dawn l-atti, huwa mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tinkoraġixxi l-involviment tal-Parlament Ewropew fejn hemm kwistjonijiet dwar il-prerogattivi tiegħu, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 24(2), li jgħid: "Il-Qorti tista’ wkoll teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li ma jkunux parti fil-kawża jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess".

Ikun opportun, madankollu, li ssir emenda għal dan l-Istatut sabiex is-setgħa tal-Parlament Ewropew li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu tkun estiża għall-kawżi kollha fejn, direttament jew indirettament, jiġu diskussi l-prerogattivi parlamentari.

Madankollu, huwa fil-qrati nazzjonali fejn, mingħajr dubju, hemm ħtieġa urġenti ta' preżenza b'saħħitha tal-Parlament Ewropew. Parteċipazzjoni diretta tal-Parlament Ewropew fi proċedimenti quddiem l-imħallfin nazzjonali li jittrattaw il-prerogattivi tiegħu toffri diversi vantaġġi. Parteċipazzjoni bħal din tippermetti, fil-fatt, li jkunu limitati l-każi ta' proċeduri ta' ksur jew ta' talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, li jkun hemm iktar effiċjenza fil-qrati u, fl-aħħarnett, li jkunu evitati forom ta' diskriminazzjoni bejn il-parlamentari nazzjonali u l-parlamentari Ewropej.

Qabel kollox, huwa essenzjali li titrawwem politika ta' koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-imħallfin nazzjonali. Prattiki tajbin f'dan ir-rigward diġà ġew żviluppati ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' diversi Stati Membri. L-għan huwa li tali prattiki jkunu implimentati u li jiġu mnedija b'suċċess fil-pajjiżi li s'issa ma wrewx l-istess sensittività għall-kwistjoni.

F'dan ir-rigward jista' jkun utli li wieħed jinnota l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond liema: "Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi fuq ksur tal-prinċipji tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv, li jitressqu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew li jiġu notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem parlament nazzjonali jew kamra minnu."

Ladarba l-ordni legali Komunitarju jirrikonoxxi d-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jieħdu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f'każ ta' ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ma jkunx loġiku li ma tirrikonoxxix, minn naħa l-oħra, id-dritt tal-Parlament Ewropew li jieħu azzjoni legali jew fi kwalunkwe każ jipparteċipa fil-proċessi rigward il-prerogattivi tiegħu stess quddiem il-qrati nazzjonali.

Fejn il-liġi nazzjonali ma tirrikonoxxix dan id-dritt tal-Parlament Ewropew ikun hemm lok għal dubji serji rigward il-konformità ma' u l-infurzar tal-"prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera u leali" imħaddan fl-Artikolu10 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi kompetenza impliċita rigward dawk il-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli stipulati fil-qasam li jaqa' taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju (pereżempju l-penali kriminali fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ksur ta' regoli għall-ħarsien ta' l-ambjent)[1]; ir-rapporteur tagħkom iqis li r-regoli rigward l-aspetti relatati mal-qrati tal-prerogattivi parlamentari jistgħu jaqgħu taħt din il-kompetenza impliċita, ladarba huma meħtieġa biex jiżguraw l-effettività sħiħa tal-liġijiet li jagħtu ċerti prerogattivi lill-Parlament Ewropew (ara, pereżempju, il-liġijiet fil-Protokoll Nru 36 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej).

Jekk, madankollu, il-leġiżlatur Komunitarju ma jqisx li hemm bżonn jadotta miżuri leġiżlattivi f'dan ir-rigward, ma jistax jinjora d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat li "huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema kompleta ta' rimedji u ta' proċeduri li jiggarantixxu li d-dritt għall-protezzjoni effettiva mill-qrati jiġi osservat"[2].

Fid-dawl ta' din is-sentenza, u b'mod iktar ġenerali, tal-prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera u leali imħaddan fl-Artikolu 10 tat-Trattat KE, ir-rapporteur tagħkom iqis li l-ordnijiet legali nazzjonali b'mod ġenerali, u l-imħallfin nazzjonali b'mod partikulari, iridu jaċċettaw il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċedimenti kollha li jittrattaw il-prerogattivi legalment rikonoxxuti tal-Parlament.

  • [1]  CGCE C-176/03, Kummissjoni v. Kunsill, 2005.
  • [2]  CGCE C-50/00P, Unión de Pequenos Agricultores v. Kunsill, 2002.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI(*) (28.5.2008)

           għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew quddiem il-qrati nazzjonali
(2007/2205(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Jo Leinen(*) Proċedura ma' kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

A. billi, b’konformità ma’ l-Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura, ġie assoċjat mar-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar id-difiża tal-prerogattivi tal-Parlament quddiem il-qrati nazzjonali,

B.  billi l-ambitu ta' din l-assoċjazzjoni huwa wieħed li jkopri kwistjonijiet marbuta mar-relazzjonijiet interistituzzjonali u mar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, sa fejn dawn il-kwistjonijiet huma fir-responsabilità tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skond it-Taqsima XVII ta’ l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura,

jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex, b’konformità mar-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura, mingħajr votazzjoni, jinkorpora l-emendi li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Il-Paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-rikjesti possibbli mill-Parlament Ewropew biex tħaddem il-proċedura ta' vjolazzjoni kontra Stat akkużat bi ksur ta' waħda mill-prerogattivi parlamentari u jitlob li jkun infurmat mill-Kummissjoni, bil-miktub u fid-dettall, dwar ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni mill-Kummissjoni li ma tiħux l-azzjoni mitluba;”

2.       Il-Paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Jissuġġerixxi li jsir eżami fil-fond dwar jekk mekkaniżmu legali li jixbah lil dak stipulat fl-Artikolu 300(6) tat-Trattat KE jistax jiġi żviluppat biex jiġi applikat għall-każijiet fejn il-prerogattivi tal-Parlament Ewropew ikunu mhedda serjament, u li jkun permess lill-Parlament li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal opinjoni dwar il-kompatibilità ta' att partikolari tal-liġi nazzjonali mal-liġi Komunitarja primarja, mingħajr preġudizzju għas-setgħa esklussiva tal-Kummissjoni li tibda jew le proċedura ta' vjolazzjoni kontra Stat li seta' kkommetta vjolazzjoni;”

3.  Il-Paragrafu 4 għandu jitħassar;

4.   Il-Paragrafu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi xierqa bil-għan li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-difiża legali mill-Parlament tal-prerogattivi tiegħu;”

5.  Il-Premessa A għandha tiġi emendata kif ġej:

“A. billi l-Parlament Ewropew spiss jiġi mxekkel milli jħares il-prerogattivi tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali minnħabba problemi li huma partikulari għan-natura speċifika tiegħu;”

6.   Għandha tiddaħħal premessa ġdida Aa kif ġej:

“Aa. billi l-Parlament jirrispetta d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni iżda jżomm id-dritt tiegħu stess skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE biex jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi,”

7.   Il-Premessa B għandha tiġi emendata kif ġej:

“B. billi, f’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew għandu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa ta’ rimedji skond it-Trattat li jiżguraw li l-prerogattivi msemmija hawn fuq jitħarsu quddiem l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità, bħal azzjonijiet għan-nuqqas ta’ aġir (Artikolu 232 tat-Trattat KE) u azzjonijiet għall-annullament ta’ l-atti Komunitarji (Artikolu 230 tat-Trattat KE),”

8.   Għandha tiddaħħal premessa ġdida Ba kif ġej:

“Ba. billi, skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jkollu r-responsabilità jekk jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-Trattati, hi liema hi l-aġenzija ta’ dak l-Istat li l-aġir jew in-nuqqas ta’ aġir tagħha wassal għall-falliment, anke fil-każ ta’ istituzzjoni li hija indipendenti mill-aspett kostituzzjonali1,

1 Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1970 fil-Każ 8/70 Il-Kummissjoni v l-Italja [1970] ECR 961.”

9.   Il-Premessa C għandha tiġi emendata kif ġej:

“C. billi, madankollu, il-Parlament Ewropew m’għandux l-istess strumenti diretti li bihom jiddefendi l-prerogattivi tiegħu b’mod effettiv f’każ ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali fil-qasam tal-liġi Komunitarja li tmur kontra dawk il-prerogattivi, billi ma jistax itella’ azzjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizza biex jiddefendi d-deċiżjonijiet tiegħu,”

10. Il-Premessa D għandha tiġi emendata kif ġej:

“D. billi l-Parlament Ewropew m'għandux is-setgħa li direttament jibda proċeduri ta’ vjolazzjoni kontra Stat Membru skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE, billi dan jista’ jagħmlu biss permezz tal-Kummissjoni,”

11. Il-Premessa E għandha tiġi emendata kif ġej:

“E. billi n-nuqqas ta’ strumenti xierqa li bihom jiddefendi d-deċiżjonijiet proprji tiegħu jista’ jxekkel l-effettività tal-Parlament Ewropew bħala entità politika u leġiżlattiva,”

12. Il-Premessa G għandha tiġi emendata kif ġej:

“G. billi, sabiex jiġu evitati l-problemi msemmija hawn fuq, il-miżuri biex iħarsu l-prerogattivi parlamentari fi ħdan il-qafas legali Ewropew għandhom jissaħħu, mhux billi jiġi emendat it-Trattat KE iżda bit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u/jew bil-għan li, kull meta dan ikun meħtieġ, iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq azzjonijiet skond l-Artikolu 226 tal-Trattat, jew bl-użu ta’ mekkaniżmi u prattiki ta’ evalwazzjoni ġuridika stabbiliti mill-Qorti tal-Ġusitzzja,”;

jopponi l-Emenda 4 mressqa għar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, minħabba li din l-emenda tindirizza kwistjoni li diġà qed titqies f’rapport li se jitfassal mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali bħala tweġiba għal talba formali mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

1.  Il-prinċipju tal-koperazzjoni legali bejn il-Kummissjoni u l-Parlament jirrikjedi li kwalunkwe deċiżjoni li għandha x’taqsam ma’ talba tal-Parlament tittieħed mill-kulleġġ. Ladarba din id-deċiżjoni tkun ittieħdet, il-kulleġġ, fi ħdan is-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna, jista’ jiddelega l-ħidma li jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Parlament.

2.  Bħalissa l-Parlament għandu jevita kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim possibbli rigward l-intenzjoni tiegħu dwar talbiet ġodda biex tiġi emendata l-liġi primarja ta’ l-UE.

3.  Id-diffikultajiet deskritti fl-abbozz ta’ rapport ma jiġġustifikawx li wieħed jiddubita mill-prerogattiva tal-President tal-Parlament Ewropew biex jirrappreżenta l-Parlament fi kwistjonijiet legali.

4.  Il-Kummissjoni ma tistax tadotta miżuri leġiżlattivi; tista’ biss tipproponihom jekk tqis li huma xierqa.

5.  Il-Parlament ma jistax jitqies bħala “l-istituzzjoni leġiżlattiva tranżnazzjonali ewlenija fl-Ewropa” billi huwa jaqsam din il-kwalità mal-Kunsill. In-natura speċifika tal-Parlament hija ostakolu biss fir-rigward tal-possibilità tiegħu li jaġixxi quddiem il-qrati nazzjonali. Fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-limiti ta’ dawn il-possibilitajiet huma konsegwenza tal-bilanċ istituzzjonali preżenti.

RIŻOLUTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni final

Jim Allister, Richard Corbett, Brian Crowley, Hanne Dahl, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Ingo Friedrich, Anneli Jäätteenmäki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Ashley Mote, Rihards Pīks, Adrian Severin, József Szájer, Johannes Voggenhuber, Dushana Zdravkova

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni final

Graham Booth, Costas Botopoulos, Klaus Hänsch, György Schöpflin, Mauro Zani

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni final

Philip Claeys, Glyn Ford, Sepp Kusstatscher, Michael Henry Nattrass, Renate Weber

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

29.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Piia-Noora Kauppi, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Luis de Grandes Pascual, Sajjad Karim, Georgios Papastamkos, Jacques Toubon

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mario Mauro