RAPPORT dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija

13.6.2008 - (2008/2005(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Jerzy Buzek

Proċedura : 2008/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0255/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija

(2008/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ''Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-Plan): Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju'' (COM(2007)0723),

–   wara li kkunsidra l-evalwazzjoni sħiħa ta' l-impatt mehmuża mal-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq (SEC(2007)1508),

–   wara li kkunsidra l-'Mappa Teknoloġika' (SEC(2007) 1510) u l-'Mappa tal-Kapaċitajiet' (SEC(2007)1511) li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq,

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ''20 għal darbtejn sa l-2020: L-opportunità dwar il-bidla fil-klima għall-Ewropa'' (COM(2008)0030),

- wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-Pakkett ta' miżuri ta' implimentazzjoni għall-objettivi ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima u s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu għall-2020 (SEC(2008)0085),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ''L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili'' (COM(2008)0013),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni bl-isem "L-appoġġ tal-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu" (SEC(2008)0057),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ''Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa'' (COM(2007)0001),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem "Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006" (COM(2006)(0697),

- wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ l-użu ta’ l-enerġija minn sorsi rinnovabbli'' (COM(2008)0019),

- wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (COM(2008)0016),

- wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (COM(2008)0018),

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)[1],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/976/Euratom tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li jimplimenta s-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011)[2],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)[3],

- wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (COM(2007)0571),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar il-Pjan Direzzjonali għal sorsi ta' enerġija li jiġġeddu fl-Ewropa[4],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal[5],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Effiċjenza Globali ta' l-Enerġija u l-Fond għas-Sorsi ta' l-Enerġija li Jiġġeddu[6],

- wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2008 dwar l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija[7],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija tat-28 ta' Frar 2008 dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0255/2008),

A. billi avviżi suċċessivi min-naħa tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni enfasizzaw li l-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-klima huma s-soluzzjoni għall-problema tal-bidla fil-klima, it-titjib tas-sigurtà ta' l-enerġija u t-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea,

B.   billi t-theddida kkawżata mill-bidla fil-klima qiegħda tkompli tikber u d-diskussjonijiet tal-COP14 f'Poznan u tal-COP15 f'Kopenħagen se jkunu ta' importanza kbira biex tintlaħaq ftehima internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li tissostitwixxi l-iskema tal-protokoll ta' Kyoto,

C. billi l-Analiżi Stern dwar l-Ekonomija tal-Bidla fil-Klima tirrikonoxxi li l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni biex jittaffa l-effett tal-bidla fil-klima hi ħafna ikbar mill-ispiża biex tittieħed azzjoni,

D.  billi d-dipendenza ta' l-UE mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili tista' tiżdied għal 65% tal-konsum totali sa l-2030,

E.   billi l-Kummissjoni qieset li se jkun jiswa lill-UE EUR 70 biljun kull sena sa l-2020 biex jintlaħqu l-objettivi tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u fir-rigward tas-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu,

F.  billi t-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija huwa fost l-orħos mezzi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra,

G. billi r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-enerġija,

H. billi sinerġija aħjar fir-riċerka Ewropea tal-ġejjieni dwar it-teknoloġija ta' l-enerġija ma tagħmilx għajr tistimula t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, tagħti kontribut għall-vantaġġi komparattivi ta' l-ekonomija Ewropea, ittejjeb l-impjiegi biex b'hekk tgħin ħalli jintlaħqu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Liżbona kif ukoll tikkumbatti l-bidla fil-klima,

I.    billi s-Seba' Programm ta' Qafas (FP7) jalloka biss EUR 2.3 biljun għar-riċerka fl-enerġija tul il-perjodu ta' programmar ta' seba' snin,

J.   billi l-investiment tas-settur privat fir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' l-enerġija hu limitat ħafna fl-Unjoni Ewropea meta jitqabbel ma' l-isforzi li qegħdin isiru mill-kompetituri tagħna, kif ukoll minn industriji Ewropej oħra,

K. billi l-baġits pubbliċi u privati għar-riċerka fl-enerġija fl-UE ilhom jonqsu b'mod sostanzjali sa mis-snin 80, u l-Ewropa ma taqtax figura tajba meta jitqabblu l-indikaturi ta' l-innovazzjoni bbażati fuq il-livelli ta' l-infiq għar-riċerka dwar it-teknoloġika mal-bqija tad-dinja,

L.  billi l-intervent pubbliku għall-appoġġ ta' teknoloġiji ta' l-enerġija ġodda u li jniġġsu anqas hu meħtieġ u ġustifikat minħabba li inizjalment dawn jiġu jiswew aktar mit-teknoloġiji li jissostitwixxu, kif ukoll, fl-istadju inizjali tal-penetrazzjoni fis-suq, jistgħu ma jġibux profitti kummerċjali immedjati jew prezzijiet aħjar għall-konsumaturi,

Bżonn ta' Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET); iqis li l-politika Ewropea għat-teknoloġija ta' l-enerġija b'appoġġ finanzjarju adegwat hija fundamentali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' l-UE għall-2020 fir-rigward ta' l-enerġija u tal-bidla fil-klima;

2.  Jenfasizza li l-UE għandha tilħaq l-objettivi tagħha rigward it-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija kif ukoll tas-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu sa l-2020 filwaqt li żżomm ekonomija kompetittiva u sostenibbli; jemmen li l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija innovattivi, irħas u b'karbonju baxx, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu huma essenzjali biex titnaqqas l-ispiża għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, biex jinħolqu swieq ġodda għall-industrija ta' l-UE kif ukoll biex ikun żgurat impenn dinji biex jinstab tarf tal-bidla fil-klima;

3.  Iqis li sabiex jintlaħqu dawn il-miri hu importanti ħafna li titnaqqas l-ispiża ta' l-enerġija ħadra u li l-innovazzjoni tingħata spinta fis-settur ta' l-enerġija; jemmen li dan jesiġi li jittejjeb il-proċess tat-trasferiment tat-teknoloġija miċ-ċentri ta' riċerka għall-impriżi, li jitnaqqas iż-żmien ta' penetrazzjoni fis-swieq, li tintemm l-inerzja teknoloġika u regolatorja attwali u li tissaħħaħ l-interkonnettività tan-netwerks;

4.  Jemmen li teknoloġiji ġodda, b'mod speċjali s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u t-teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, huma wkoll meħtieġa biex titħaffef id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija, biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u biex jiġu provduti metodi li jniġġsu inqas u li jkunu aktar sikuri għall-użu ta' riżorsi indiġeni, b'riżq is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni tar-riżorsi ta' l-enerġija ta' l-UE;

5.  Jemmen li l-Pjan SET għandu jkun ta' appoġġ għal għadd kbir ta' attivitajiet li jistimulaw id-dibattitu pubbliku dwar il-merti ta' teknoliġiji ta' l-enerġija ġodda differenti, jiġifieri permezz ta' l-edukazzjoni tal-konsumaturi u l-kampanji ta' informazzjoni;

6.  Jemmen li teknoloġiji orħos, iktar effikaċi u b'karbonju baxx jistgħu jgħinu biex tintlaħaq ftehima internazzjonali ġdida dwar il-bidla fil-klima li tissostitwixxi l-iskema tal-protokoll ta' Kyoto;

Koordinazzjoni u Ppjanar Strateġiku

7.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-koordinazzjoni tat-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija f'bosta livelli u bejn is-sieħba differenti; jenfasizza wkoll il-bżonn li tiġi evitata burokrazija eċċessiva, li jiġu żgurati s-sempliċità u ċ-ċarezza kif ukoll li tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa tas-sieħba potenzjali kollha meta tittejjeb il-koordinazzjoni, pereżempju permezz tal-Grupp ta' Tmexxija tal-Komunità Ewropea u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija, li għandha tkun miftuħa għaċ-ċentri ta' riċerka Ewropej kollha irrispettivament mid-dimensjoni jew mir-riżorsi tagħhom;

8.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli u ta' sistema ta' informazzjoni dwar it-teknoloġija ta' l-enerġija li tkun trasparenti u aċċessibbli b'mod faċli, u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament mgħarraf dwar it-twaqqif ta' dan il-grupp u l-ħidma tiegħu kif ukoll dwar l-istrateġija ta' l-informazzjoni;

9.   Jinnota li l-istrumenti żviluppati skond il-Programmi ta' Qafas (ERA-NETs, NoEs, ETPs) jistgħu jintużaw bħala appoġġ għas-Sistema Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija;

10. Jenfasizza li koperazzjoni koordinata ma' l-Istati Membri hi importanti ħafna sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti, jiġu mmassimizzati l-benefiċċji u jitnaqqsu l-ispejjeż; jemmen li l-istrumenti Komunitarji fil-livell nazzjonali, bħal ma huma l-Fondi Strutturali, jistgħu jsostnu l-kapaċitajiet tar-riċerka, ta' l-iżvilupp u ta' l-innovazzjoni f'dawn l-oqsma;

11. Jenfasizza l-importanza fundamentali li tittejjeb ukoll il-koordinazzjoni mal-pajjiżi terzi, fosthom dawk b'ekonomiji żviluppati, ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw u ekonomiji emerġenti;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi implimentata strateġija koerenti u differenzjata b'relazzjoni ma' ekonomiji żviluppati, ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw u ekonomiji emerġenti;

13. Jisħaq fuq il-ħtieġa li titkabbar il-kapaċità tal-bażi ta' riċerka ta' l-UE u fuq il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ aktar avvanzati huma essenzjali biex ikun hemm il-kwantità u l-kwalità ta' riżorsi umani meħtieġa biex jittieħed il-vantaġġ kollu mill-opportunitajiet tat-teknoloġiji l-ġodda li qegħdin jitwieldu; jemmen li approċċ integrat fil-Programmi Speċifiċi tal-FP7 jista' jkun ta' benefiċċju f'dan ir-rigward;

14. Jiġbed l-attenzjoni għar-riskju potenzjali ta' duplikazzjoni u ta' multiplikazzjoni ta' inizjattivi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kif l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) ġodda se jsibu posthom mal-programmi eżistenti, inkluż l-FP7, u b'mod iktar speċifiku mal-Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropea u l-Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija li ġew deċiżi taħt l-FP7, mal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u b'mod partikulari ma' l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u mal-Komunitajiet tat-Tagħrif u l-Informazzjoni (KIC) tiegħu rigward il-bidla fil-klima u l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega kif l-EIIs se jgħinu s-sinerġiji bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew;

15. Itenni li l-pjan SET jeħtieġ li jibni kapaċità ta' riċerka fl-enerġija u fl-innovazzjoni fuq skala Ewropea; jaqbel mal-Kummissjoni li l-infrastrutturi tar-riċerka panewropej jiffurmaw parti mis-soluzzjoni; jitlob għalhekk lill-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi ta' Riċerka (ESFRI) sabiex jidentifika l-ħtieġa ta' infrastrutturi ta' riċerka Ewropej fil-qasam tat-teknoloġiji ta' l-enerġija innovattiva, bħat-teknoloġiji ta' l-enerġija li tiġġedded;

16. Jemmen li n-netwerks ta' l-enerġija transewropej kif ukoll il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni simplifikati f'dan is-settur għandhom sehem fundamentali fil-politika strateġika ta' l-enerġija ta' l-UE;

Trasferiment ta' riċerka u teknoloġija

17. Jenfasizza li l-koordinazzjoni meħtieġa għandha testendi għall-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi varji li, minħabba n-natura multidixxiplinari tagħhom, għandhom sehem fir-riċerka u fl-iżvilupp tat-teknoloġija ta' l-enerġija; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-riċerka fix-xjenzi bażiċi bħall-bijoloġija, it-teknoloġija ta' l-informazzjoni, ix-xjenza tal-materjali u l-makroteknoloġiji;

18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-potenzjal għall-użu tat-teknoloġiji ta' l-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda u biex iddaħħal mekkaniżmi ta' appoġġ ibbażati fuq il-politiki ta' l-UE;

19. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb it-trasferiment ta' teknoloġiji miċ-ċentri ta' riċerka għall-impriżi; iħeġġeġ sabiex l-Istitut Ewropew il-ġdid dwar l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għandu jkollu rwol f'dan il-qasam;

20. Jinsisti li s-settur privat għandu jinvesti aktar fir-riċerka u jassumi aktar riskji, u dawn għandhom ikunu prerekwiżiti biex l-UE tkun minn ta' quddiem f'dan is-settur;

Inizjattivi Industrijali Ewropej

21. Jemmen bil-qawwa li tinħtieġ żieda fl-appoġġ għal teknoloġiji b'karbonju baxx fil-fażi tad-dimostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni għal teknoloġiji ġodda deċentralizzati li jiġġeddu; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-EIIs proposti; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jiżdied ukoll l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji li jkunu meħtieġa għal żmien fit-tul, b'enfasi partikolari fuq teknoloġiji li jkunu importanti b'mod strateġiku bħat-teknoloġiji ta' l-enerġija solari li jistgħu jwasslu biex l-Ewropa fil-ġejjieni ssir indipendenti fis-settur ta' l-enerġija;

22. Iqis li l-EIIs għandhom jiffukaw fuq oqsma li għandhom l-ikbar potenzjal li jgħinu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' l-UE fuq bażi sostenibbli fir-rigward tal-bidla fil-klima, ta' l-effiċjenza fl-enerġija u tas-sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu u għal tnaqqis fl-ispejjeż u fir-repliki għal żmien fit-tul;

23. Jitlob biex jitqiesu ċ-ċiklu tal-ħajja ta' kull teknoloġija u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħha f'kull fażi tal-proċessi tal-produzzjoni meta jiġu pprijoritizzati l-EIIs; jitlob biex titqies il-possibilità li dawn it-teknoloġiji jkunu trasferiti għal ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw sabiex tonqos id-differenza teknoloġika ma' dawn il-pajjiżi;

24. Jitlob għal titjib fit-trasferiment tat-teknoloġija mal-pajjiżi żviluppati u għat-twaqqif tal-koperazzjoni xjentifika ma' dawk il-pajjiżi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija;

25. Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta li l-EIIs għandhom ikunu żviluppati b'mod differenti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet għal teknoloġiji speċifiċi; jemmen li din il-flessibilità tippermetti l-iżvilupp ta' alleanzi strateġiċi bejn l-Istati Membri, il-gvernijiet lokali u reġjonali, iċ-ċentri ta' riċerka u s-settur privat għall-iżvilupp ta' teknoloġiji partikulari; jitlob lil dawn l-entitajiet biex jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw proposti dettaljati ta' EIIs b'mod urġenti;

26. Jagħti l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposti ta' l-EIIs dwar l-enerġija tar-riħ, l-enerġija solari, il-bijoenerġija, il-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, in-netwerks ta' l-elettriku u l-fissjoni nukleari;

27. Jitlob, b'mod partikulari, sabiex ir-riċerka fuq il-bijofjuwils tkun intensifikata ħalli tiżgura li l-impatt ambjentali ġenerali tal-produzzjoni ta' dawn il-fjuwils ikun ta' benefiċċju mingħajr l-ebda ekwivoku;

28. Jinnota l-importanza li tkun żviluppata fuq skala kbira l-bidla tal-bijomassa f'gass biex jiġu prodotti l-idroġenu u fjuwils likwidi sintetiċi għat-teknoloġiji sostenibbli tat-trasport;

29. Jenfasizza li l-EII dwar il-fissjoni nukleari għandha tippermetti kontinwità u tinkludi l-ħidma dwar ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni;

30. Jiddispjaċih li l-Pjan SET jiffoka l-aktar fuq il-miżuri marbuta mal-provvista u jħalli barra l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda ta' l-enerġija, bħall-iffrankar u l-effiċjenza ta' l-enerġija;

31. Jinsisti li l-effiċjenza ta' l-enerġija għandha tkun minn ta' quddiem nett fil-Pjan SET, billi hija l-qasam bl-ikbar potenzjal għal tnaqqis ta' l-emissjonijiet bi spiża żgħira għal żmien medju, b'mod speċjali fis-settur tal-bini, li jlaħħaq għal 40% tal-konsum totali ta' l-enerġija ta' l-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex iżżid it-teknoloġiji ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, inklużi l-koġenerazzjoni u l-poliġenerazzjoni, fost l-oqsma koperti mill-EIIs; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija bħala waħda mill-prijoritajiet koperti mill-EIIs;

32. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilità li jkunu estiżi l-EIIs proposti għal setturi oħra b'potenzjal sinifikanti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet bħall-koġenerazzjoni, l-idroġenu, is-settur tal-kostruzzjoni u d-djar, is-sistema tat-tisħin u t-tkessiħ, infrastrutturi aħjar għall-ħżin u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija kif ukoll l-interkonnessjoni tan-netwerks;

33. Jemmen li l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jista' jkollu sehem fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, sakemm ikunu żgurati l-effiċjenza u s-sikurezza tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef it-twettiq ta' sa 12-il proġett komplet ta' dimostrazzjoni tas-CCS proposti fi ħdan l-EIIs; jinnota li l-appoġġ għal teknoloġiji tal-faħam li ma jniġġsux, bħall-bidla mill-faħam għall-gass, jagħmilha eħfef biex jintuża s-CCS bil-possibilità li jsir obbligatorju għall-ġejjieni;

Finanzjament

34. Jistenna bil-ħerqa l-Komunikazzjoni proposta mill-Kummissjoni dwar il-finanzjament għal teknoloġiji ġodda b'karbonju baxx u s-CCS; jiddispjaċih li din il-Komunikazzjoni ma ġietx ippubblikata flimkien mal-Pjan SET;

35. Jenfasizza li l-Pjan SET m'għandux jiġi ffinanzjat permezz ta' l-allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi li jkunu ġew allokati għall-enerġija fl-FP7 u s-CIP;

36. Jemmen li, minħabba l-prijorità marbuta ma' kwistjonijiet ta' bidla fil-klima u ma' l-enerġija, hemm il-ħtieġa ta' iktar riżorsi ta' l-UE għal teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija u b'sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u li dawn għandhom jintużaw sabiex jgħinu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha sa l-2020;

37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura b'mod urġenti finanzjament u appoġġ adegwati għal riċerka u żvilupp, dimostrazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ġodda ta' teknoloġiji b'karbonju baxx u mingħajr karbonju, biex mill-2009 'l quddiem, mill-inqas EUR 2 biljun tal-baġit ta' l-UE jintefqu kull sena fuq appoġġ għal dawn it-teknoloġiji, indipendentement mill-FP7 u mis-CIP, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal riżorsi addizzjonali fir-reviżjoni interim tal-qafas finanzjarju 2007-2013;

38. Iqis li għandu jsir użu aħjar u aktar wiesa' mir-riżorsi finanzjarji u umani sabiex għall-ġejjieni jitħaffef l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jiniġġsux;

39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità ta' l-UE fir-riċerka; jitlob għalhekk biex ikun hemm aktar finanzjament għar-riżorsi umani u għat-taħriġ fis-settur tat-teknoloġija ta' l-enerġija; jitlob ukoll li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn il-Komunità u l-istrumenti finanzjarji nazzjonali għall-appoġġ tat-taħriġ u r-riċerka, b'mod partikulari s-Seba' Programm ta' Qafas;

40. Jagħti l-appoġġ tiegħu, fid-dawl tal-ħtieġa ta' aktar komplementarjetà bejn il-fondi ta' l-UE, għall-proposti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Reġjuni Ewropej kompetittivi bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni"; jilqa' b'sodisfazjon f'dan ir-rigward il-gwida prattika tal-Kummissjoni għall-koordinazzjoni tal-fondi ta' l-UE minn sorsi reġjonali, nazzjonali, ta' l-UE u tal-BEI fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll ta' l-innovazzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li hemm il-ħtieġa li ssir komunikazzjoni aħjar mal-partijiet interessati dwar l-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 fuq l-użu ta' fondi minn żewġ sorsi differenti tal-Komunità għall-istess sett ta' spejjeż eliġibbli;

41 Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tippreżenta l-pjan finanzjarju, tispjega fejn azzjoni Ewropea konġunta tipprovdi valur miżjud fis-setturi varji tat-teknoloġija u sabiex tagħti r-riżultati marbuta mas-sostenibilità ta' l-iżviluppi varji teknoloġiċi;

42. Jinnota l-bżonn biex ir-riżorsi jintużaw fi sħubija ma' l-industrija, biex jinfluwenzaw l-investimenti tas-settur privat f'teknoloġiji ġodda b'karbonju baxx; jenfasizza l-bżonn għal viżjoni ċara u fit-tul u għal qafas finanzjarju, bl-appoġġ ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-BEI, sabiex is-sieħba barranin tas-settur privat jingħataw biżżejjed ċertezza biex jinvestu; jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti l-SMEs, b'mod partikulari fit-teknoloġiji għal sistemi ta' provvista ta' enerġija mxerrda;

43. Jinnota li, skond ir-reviżjoni proposta ta' l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet (ETS) ta' l-UE, id-dħul mis-subbasti jista' jipprovdi sors sinifikanti ta' finanzjament sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija Ewropea filwaqt li jintlaħqu l-miri tagħha dwar il-klima, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

°

° °

44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Hemm bżonn ta' teknoloġiji ġodda

Fit-23 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea nediet pakkett ta' proposti bil-għan li jintlaħqu żewġ objettivi prinċpali li sar ftehim dwarhom fil-Kunsill Ewropew fl-2007, jiġifieri:

· Tnaqqis b'mill-inqas 20% ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta' l-UE sa l-2020.

· Perċentwali ta' 20% tas-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu fil-konsum ta' l-enerġija ta' l-UE sa l-2020.

Dawn l-objettivi jirrappreżentaw kontribut fundamentali għall-isforzi mad-dinja kollha biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Wara l-2020, jekk irridu li jirnexxilna nilħqu l-objettiv ta' l-UE li nillimitaw il-bidla fil-klima globali għal 2oC, jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta' l-emissjonijiet fl-UE ta' bejn 60 u 80% sa l-2050. Element prinċipali sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis huwa l-introduzzjoni tal-prezz tal-karbonju permezz ta' l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet ta' l-UE, li tikkostitwixxi kunċett innovattiv reali għall-ekonomija tagħna.

L-UE għandha tilħaq dawn l-objettivi b'mod li jiżgura li l-ekonomija tagħha tibqa' kompetittiva. Il-Kummissjoni tqis li l-ispiża biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha se tkun ta' 0.45% tal-PGD, jew ta' madwar EUR 70 biljun kull sena, sa l-2020.

Flimkien ma' l-isfida tal-bidla fil-klima hemm ukoll l-isfida li tinżamm is-sigurtà ta' l-enerġija ta' l-UE minkejja d-dipendenza li dejjem qiegħda tikber mill-importazzjonijiet ta' l-enerġija, li mistennija li tiżdied għal 65% sa l-2030. Id-dipendenza mill-gass importat waħedha hija mistennija li tiżdied għal 84% tal-provvista sa l-2030.

Sabiex jintrebħu ż-żewġ sfidi, ta' l-ambjent u tas-sigurtà tal-provvista, u biex l-ekonomija ta' l-UE tibqa' kompetittiva fid-dinja, l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija ġodda għandu jkollhom rwol fundamentali:

· L-ewwelnett, se jkunu meħtieġa teknoloġiji ġodda sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tilħaq l-objettivi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet tagħha bl-inqas spiża possibbli. Minbarra dan, peress li l-UE tinsab minn ta' quddiem biex tieħu azzjoni dwar il-bidla fil-klima, hija għandha timmira li tisfrutta l-pożizzjoni tagħha billi tiżgura li l-kumpaniji tagħha qed imexxu l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi tal-karbonju ġodda bi prezz baxx. Dawk li jinsabu fuq quddiem jeħtieġu inċentivi b'saħħithom sabiex jegħlbu l-istat attwali tat-teknoloġija użata.

· It-tieninett, teknoloġiji ġodda huma meħtieġa b'mod globali. L-UE, li hija responsabbli għal madwar 14% ta' l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, ma tistax tiffaċċja l-bidla fil-klima waħedha. Żidiet ipproġettati fl-emissjonijiet dovuti għal tkabbir f'pajjiżi kbar li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina u l-Indja huma sors ta' tħassib. L-Indja pereżempju hija mistennija li tirdoppja t-talba tagħha għall-enerġija sa l-2020. Jeħtieġ li naħdmu mill-qrib ma' dawn il-pajjiżi sabiex ngħinuhom jużaw teknoloġiji li jilħqu l-aspettattivi tagħhom għat-tkabbir filwaqt li jnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet.

· Fl-aħħarnett, teknoloġiji ġodda, bħal Sorsi ta' Enerġija li Jiġġeddu u l-Ġbir u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS), kif ukoll l-effiċjenza tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija u tifdil fuq l-effiċjenza ta' l-użu finali (speċifikament tifdil fl-industrija tal-konsum ta' l-enerġija) se jkunu importanti għas-sigurtà ta' l-enerġija - eż. billi l-UE tingħata mezzi ġodda biex tisfrutta riżorsi ta' enerġija indiġeni mingħajr ma żżid l-emissjonijiet. Jeħtieġ li niżviluppaw idea ħafna iktar ċara ta' x'inhuma s-sorsi ta' l-enerġija indiġeni ta' l-UE, u ta' kif jistgħu jiġu sfruttati aħjar permezz ta' l-użu ta' teknoloġiji ġodda.

Il-livell attwali ta' l-investiment f'teknoloġiji ta' l-enerġija mhuwiex għoli biżżejjed

Wara ħarsa ġenerali, kif jidher ċar mill-Pjan SET, l-UE bħalissa m'għandhiex biżżejjed investimenti fit-teknoloġiji ta' l-enerġija ġodda, la fis-settur pubbliku u lanqas f'dak privat. Il-baġits għar-riċerka ilhom jonqsu sa mis-snin 80. Il-baġits ta' riċerka ta' l-UE għadhom ma qisux sewwa l-isfidi li joffru l-miri tagħna għal żmien medju u fit-tul, u ma jirriflettux il-prijorità tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament f'dikjarazzjonijiet ripetuti dwar il-linja politika sabiex tkun indirizzata l-bidla fil-klima.

Bħalissa, bl-FP7, l-UE qiegħda tonfoq biss parti żgħira mill-ispiża finali ta' l-objettivi għall-2020 fuq ir-riċerka fl-enerġija (EUR 2.3 biljun, meta jitqabbel ma' l-ispiża finali potenzjali ta' EUR 700 biljun). Il-Pjan SET ma jistax jiġi implimentat bl-użu ta' l-ammont żgħir ta' finanzjament disponibbli fl-FP7, jew sempliċement billi jiġu mħeġġa impenji volontarji ta' riżorsi mill-industrija, mill-Istati Membri, mill-gvern lokali u reġjonali u mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Jekk nixtiequ li dawn l-entitajiet jimpenjaw iktar riżorsi, għandna nibdew billi nimpenjaw iktar riżorsi fil-livell ta' l-UE.

Għalhekk, hemm bżonn ċar ta' żieda sostanzjali fl-appoġġ għat-teknoloġiji ta' l-enerġija fil-livell ta' l-UE. Jidher li żieda fil-baġit għar-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-enerġija b'EUR 10 biljun oħra sa tmiem il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013 tikkostitwixxi kontribuzzjoni żgħira ħafna f'dawn iċ-ċirkostanzi.

Hemm nuqqas partikolari ta' finanzjament fil-fażi tad-dimostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Dawn huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp ta' teknoloġiji li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-UE għall-2020. Iżda huwa possibbli wkoll li jkun jeħtieġ investiment fir-riċerka, li hija element prinċipali fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-2030 u anke wara. Huwa għalhekk importanti li jiżdied ukoll il-finanzjament tal-prijoritajiet ta' l-enerġija fil-Programmi ta' Qafas.

Din hija kwistjoni urġenti. Meta nħarsu lejha mil-lat tad-dimostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, is-sena 2020 ma tidhirx daqshekk 'il bogħod. Jeħtieġ li jkun hemm investimenti ġodda immedjati sabiex ikollhom impatt f'dan il-perjodu ta' żmien, u jekk nixtiequ verament li ngħinu lill-industrija ta' l-enerġija tagħna u lill-ekonomija kollha ta' l-UE.

Hija ħasra li l-proċess tat-tfassil tal-baġit ta' l-UE mhuwiex koerenti mal-Pjan SET. Iżda l-Kummissjoni għandha tesplora opportunitajiet oħra biex jintużaw risorsi addizzjonali. Ir-reviżjoni interim tipprovdi wkoll opportunità importanti biex jitressqu proposti għal finanzjamenti ġodda, u l-Kummissjoni għandha tagħmel dan.

Iż-żieda fil-finanzjamenti fil-livell ta' l-UE ma tistax tissostitwixxi l-finanzjament l-ieħor tas-settur pubbliku u ta' dak privat. Għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta' finanzjament li jinfluwenzaw u jgħaqqdu l-finanzjament privat u forom oħra ta' finanzjament. Il-finanzjament ta' l-UE għandu wkoll jimxi id f'id ma' l-istrumenti tal-''ġibda mis-suq'', bħall-istandards tal-prodotti u l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet. Iżda ż-żieda fil-finanzjament fil-livell ta' l-UE se ġġib magħha żieda fil-fiduċja ta' l-awtoritajiet pubbliċi kollha u tas-settur privat biex jaħdmu id f'id u jinvestu.

L-Inizjattivi Industrijali Ewropej li ġew proposti jikkostitwixxu proposta importanti f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni pproponiet li dawn l-Inizjattivi għandhom ikunu f'forom differenti skond il-bżonnijiet tat-teknoloġija/tas-settur partikolari tagħhom. Dan għandu jkun proċess li jibda minn isfel u jkompli tiela', immexxi minn proposti min-naħa ta' l-industrija, mill-Istati Membri interessati, mill-gvern reġjonali u lokali, u/jew miċ-ċentri ta' riċerka, filwaqt li l-potenzjal tal-finanzjament ta' l-UE jkollu rwol ta' katalizzatur importanti. B'dan il-mod, huma jipprovdu l-bażi għall-alleanzi strateġiċi bejn dawn l-entitajiet, kif ukoll mekkaniżmu li fih jistgħu jingħaqdu u jiġu fokalizzati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

L-appoġġ eżistenti huwa frammentat u jeħtieġ koordinazzjoni aħjar

Il-Pjan SET jindika wkoll li l-appoġġ eżistenti huwa frammentat, u jeħtieġ li jiġi koordinat aħjar. Nilqgħu b'hekk il-Grupp ta' Tmexxija l-ġdid tal-Komunità Ewropea ta' l-Istati Membri u l-Alleanza Ewropea l-ġdida għar-Riċerka fl-Enerġija ta' l-Istituti Nazzjonali ta' Riċerka. Hija wkoll ta' importanza fundamentali l-provvista ta' informazzjoni ġdida dwar l-iżvilupp u l-kapaċitajiet tat-teknoloġija, għaliex dan jiżgura li s-sieħba kollha jaħdmu bl-istess informazzjoni u bi prijoritajiet simili. Dan huwa l-ewwel qasam ta' l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fejn l-informazzjoni u l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp, dimostrazzjoni u kummerċjalizzazzjoni se jiġu koordinati fil-livell ta' l-UE. Is-suċċess ta' din il-koordinazzjoni huwa marbut fundamentalment ma' l-iżvilupp ta' suq ta' l-enerġija komuni ta' l-UE u ma' politika komuni ta' l-enerġija ta' l-UE.

Huwa ta' importanza fundamentali li l-inizjattivi l-ġodda li se jitnedew mill-Pjan SET inaqqsu, u mhux iżidu, l-ammont ta' frammentazzjoni. Dawn l-inizjattivi ġodda, bħall-Inizjattivi Industrijali Ewropej, għandhom jibnu konnessjoni mill-qrib kemm jista' jkun ma' dawk eżistenti (eż. fl-FP7) u jevitaw id-duplikazzjoni u l-multiplikazzjoni.

Huwa wkoll importanti ħafna li l-Pjan SET itejjeb il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mhux biss bejn l-Istati Membri. Il-bidla fil-klima hija kwistjoni globali, u l-Ewropa tista' tieħu l-benefiċċji billi tingħaqad ma' l-isforzi sinifikanti ta' riċerka li qed jitwettqu minn pajjiżi oħra, inklużi l-Istati Uniti. Iktar minn hekk, jekk il-bidla fil-klima għandha tiġi ffaċċjata, jeħtieġ li t-teknoloġiji jintużaw fejn jista' jkollhom l-iktar impatt bl-inqas spejjeż - pereżempju, jista' jkun li s-CCS ikollha tintuża fiċ-Ċina u fl-Indja.

Il-bżonn għal żvilupp ta' netwerks ta' enerġija transewropej huwa ċar u ovvju, u ma jeħtieġx diskussjonijiet ulterjuri.

Jeħtieġ li l-prijoritajiet teknoloġiċi jiġu kkunsidrati bir-reqqa

Meta identifikat il-prijoritajiet teknoloġiċi għall-Pjan SET u għall-Inizjattivi Industrijali Ewropej, il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod ġust l-aġenda strateġika mfassla skond il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija. Ir-rapporteur jaqbel fil-biċċa l-kbira ma' l-għażla tal-prijoritajiet teknoloġiċi. Madankollu hemm xi oqsma prinċipali li fuqhom il-Pjan SET għandu jqiegħed iktar enfasi:

· L-ewwel, kien hemm ħafna diskussjonijiet fuq in-nuqqas ta' ffukar fuq l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni ta' l-enerġija, flimkien mal-koġenerazzjoni u mal-poliġenerazzjoni, it-tifdil fl-użu finali ta' l-enerġija u l-effiċjenza ta' l-enerġija industrijali. Jidher li huwa stramb li l-qasam bl-iktar potenzjal ta' effiċjenza fl-ispejjeż ma ġiex inkluż fil-lista ta' l-Inizjattivi Industrijali Ewropej.

· It-tieninett, ir-rabta bejn il-Pjan SET u l-impenn importanti ta' l-UE li twettaq 12-il proġett bħala eżempju tad-dimostrazzjoni tas-CCS mhijiex ċara. Is-CCS hija potenzjalment kritika kemm tal-bidla fil-klima globali kif ukoll ta' l-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija indiġeni ta' l-UE. Huwa għalhekk urġenti ħafna li dawn il-proġetti ta' dimostrazzjoni jiġu faċilitati. Jidher li huwa loġiku li dawn il-proġetti ta' dimostrazzjoni jsiru l-mira speċifika ta' Inizjattiva Industrijali Ewropea, speċjalment fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'karbonju baxx fl-użu tal-fjuwils fossili.

· It-tielet, għandha titqiegħed iktar enfasi fuq l-aċċettazzjoni pubblika fi ħdan il-Pjan SET. Jekk għandhom jintużaw it-teknoloġiji, dawn għandhom ikunu aċċettabbli għall-pubbliku. Din hija kwistjoni li taffettwa lit-teknoloġiji kollha ta' provvista prinċipali - iżda partikolarment dik nukleari. Jeħtieġ li l-bżonn għal provvista mtejba ta' informazzjoni u għal impenn pubbliku jiġu kkunsidrati kemm fil-kuntest tal-Grupp ta' Tmexxija ġdid tal-Komunità Ewropea u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija, kif ukoll fil-kuntest ta' l-Inizjattivi Industrijali Ewropej.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TA' L-IKEL (3.6.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija
(2008/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Inés Ayala Sender

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. Billi qabel nofs is-seklu 21 l-Unjoni Ewropea se tara taqliba radikali fir-rapport taghha ma' l-energiji, fid-disponibilità taghhom u fil-mod kif jintużaw; billi, jekk din il-bidla trid tirnexxi bi spejjeż aċċettabbli għas-soċjeta, huma meħtieġa riċerka ddedikata, investiment u żvilupp ta' prodotti fil-qasam tas-sorsi u t-teknoloġiji l-ġodda ta' l-enerġija, u jrid isir sforz ukoll sabiex it-teknoloġiji l-ġodda u l-possibilitajiet tagħhom ikunu aktar faċli li jinftiehmu miċ-ċittadini,

B.  Billi t-teknoloġija ta' l-enerġija hija pilastru fundamentali tal-politiki ta' l-Ewropa għall-enerġija u l-bidla fil-klima u tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' suq komuni ta' l-enerġija,

C. billi t-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija huwa wieħed mill-aktar mezzi ta' nfiq effikaċi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra,

D. Billi sinerġija aħjar fir-riċerka Ewropea tal-ġejjieni dwar it-teknoloġija ta' l-enerġija ma tagħmilx għajr tistimula t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, tagħti kontribut għall-vantaġġi komparattivi ta' l-ekonomija Ewropea, ittejjeb l-impjiegi biex b'hekk tgħin ħalli jinkisbu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Liżbona kif ukoll tikkumbatti kontra l-bidla fil-klima,

E.  Billi l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-ħidma ta' l-iżvilupp fuq teknoloġiji ta' l-enerġija huma ta' importanza kruċjali; billi, madankollu, il-finanzi pubbliċi u privati ddedikati lir-riċerka dwar l-enerġija fl-UE naqsu sostanzjalment mill-aħħar kriżi taż-żejt,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jħeġġiġha tintensifika l-isforzi tagħha maħsuba biex ir-riċerka fit-teknoloġiji enerġetiċi tiġi kkoordinata aħjar fl-Ewropa, u f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (Pjan SET) li l-Kummissjoni qed tippreżenta, kif ukoll il-proċess ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati differenti;

2.  Jiddispjaċih li l-Pjan SET jiffoka l-aktar fuq il-miżuri marbuta mal-provvista u jħalli barra l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda ta' l-enerġija, bħat-tifdil u l-effiċjenza ta' l-enerġija;

3.  Jilqa' b'mod favorevoli t-tnedija ta' inizjattivi industrijali Ewropej iżda jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tistabbilix prijorita ċara bejniethom; jistenna b'ħeġġa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-Pjan SET, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li din il-Komunikazzjoni tkun iffukata b'mod ċar fuq il-garanzija ta' ffinanzjar adegwat, u li tifforma parti integrali mid-diskussjonijiet biex jiġi rivedut il-finanzjament tal-politiki Ewropej, li jkun jinkludi sehem mid-dħul li jkun ġej mill-konċessjonijiet ta' l-emissjonijiet;

4.  Iqis li jinħtieġ li dawn l-inizjattivi jitqiegħdu f'ġerarkija biex l-isforzi jkunu konċentrati fuq dawk li jridu juru potenzjal għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet f'qasir żmien, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta' tnaqqis ta' mill-inqas 20% minn issa sa l-2020, izda minghajr ma jigu traskurati mizuri eventwali ta' appogg favur teknologiji ohra li jkollhom dan il-potenzjal fuq medda twila ta' zmien, sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti għall-2050;

5.  Jitlob biex iċ-ċiklu tal-ħajja ta' kull teknoloġija u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħha f'kull fażi tal-proċessi tal-produzzjoni jitqiesu meta jiġu pprijoritizzati l-EIIs; jitlob biex titqies il-possibilità li dawn it-teknoloġiji jkunu trasferiti għal ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw sabiex tonqos id-differenza teknoloġika ma' dawn il-pajjiżi;

6.  Jitlob għal titjib fit-trasferiment tat-teknoloġija mal-pajjiżi żviluppati kif ukoll għat-twaqqif tal-koperazzjoni xjentifika ma' dawk il-pajjiżi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija;

7.  Huwa ta' l-opinjoni li l-effiċjenza ta' l-enerġija mhijiex trattata b'mod speċjali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jemmen li għandu jkollha rwol aktar prominenti f'din il-Komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex l-effiċjenza ta' l-enerġija ssir EII;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilità li jkunu estiżi l-EIIs proposti għal setturi oħra b'potenzjal sinifikanti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet bħall koġenerazzjoni, l-idroġenu, is-settur tal-kostruzzjoni u d-djar, is-sistema tat-tisħin u t-tkessiħ, infrastrutturi aħjar għall-ħżin u t-tqassim ta' l-enerġija kif ukoll l-interkonnessjoni tan-netwerks;

9.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli u ta' sistema ta' informazzjoni dwar it-teknoloġija ta' l-enerġija li tkun trasparenti u aċċessibbli b'mod faċli, u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament mgħarraf dwar it-twaqqif ta' dan il-grupp u l-ħidma tiegħu kif ukoll dwar l-istrateġija ta' l-informazzjoni;

10. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-inizjattivi filwaqt li tqis ir-riskji fil-qasam tat-tniġġis ta' l-ambjent u s-saħħa pubblika li jirriżultaw minn l-użu ta' ċerti teknoloġiji, b'mod partikulari f'dak li għandu x’jaqsam ma’ l-emissjonijiet ta' partikuli, ħruġ possibbli ta' karbonju u r-rimi ta' skart radjuattiv; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni lill-parteċipanti soċjali sabiex is-soċjeta taċċetta b'mod favorevoli t-teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija;

11. Iqis li għandu jsir użu aħjar u aktar wiesa' mir-riżorsi finanzjarji u umani sabiex għall-ġejjieni jitħaffef l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jiniġġsux; jemmen li l-Istati Membri għandhom jippermettu sforzi ta' l-inqas ekwivalenti għal dawk li diġà saru bħala rispons għall-kriżijiet fl-enerġija fis-snin 80;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità ta' l-UE fir-riċerka; jitlob għalhekk biex ikun hemm aktar finanzjament għar-riżorsi umani u għat-taħriġ fis-settur tat-teknoloġija ta' l-enerġija; jitlob ukoll li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn il-Komunità u l-istrumenti finanzjarji nazzjonali għall-appoġġ tat-taħriġ u r-riċerka, b'mod partikulari s-Seba' Programm ta' Qafas;

13. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-potenzjal għall-użu tat-teknoloġiji ta' l-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda u biex iddaħħal mekkaniżmi ta' appoġġ ibbażati fuq il-politiki ta' l-UE;

14. Jisħqu fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzonali sabiex tiġi implimentata strateġija koerenti u differenzjata b'relazzjoni ma' ekonomiji żviluppati, ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw u ekonomiji emerġenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

3.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Irena Belohorská, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Martin Callanan, Dorette Corbey, Magor Imre Csibi, Chris Davies, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Anne Ferreira, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Marie Anne Isler Béguin, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Peter Liese, Jules Maaten, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Guido Sacconi, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Kathy Sinnott, María Sornosa Martínez, Antonios Trakatellis, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Anders Wijkman, Glenis Willmott

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Bairbre de Brún, Genowefa Grabowska, Henrik Lax, Johannes Lebech, Miroslav Mikolášik, Hartmut Nassauer, Alojz Peterle

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

5.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Dragoş Florin David, Den Dover, Lena Ek, Norbert Glante, Fiona Hall, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Anne Laperrouze, Romano Maria La Russa, Eluned Morgan, Angelika Niebler, Atanas Paparizov, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Göran Färm, Juan Fraile Cantón, Robert Goebbels, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Gunnar Hökmark, Mieczysław Edmund Janowski, Eija-Riitta Korhola, Esko Seppänen, Peter Skinner, Hannes Swoboda, Silvia-Adriana Ţicău, Lambert van Nistelrooij

Sostituti (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giovanna Corda, Catherine Neris, Antolín Sánchez Presedo