RAPPORT dwar ir-''reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-pjan ta' azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010''
17.6.2008 - (2007/2252(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Rapporteur: Frédérique Ries
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-''Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010''
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rigward "Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu ta' l-Ambjent Ewropew u tal-Pjan ta' Ħidma dwar is-Saħħa 2004-2010" (COM(2007)0314),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew favur l-ambjent u s-saħħa 2004-2010[1],
– wara li kkunsidra r-rapport ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-27 ta' Lulju 2007 bl-isem ta' "Principles for evaluating health risks in children associated with exposure to chemicals" (Il-prinċipji għall-evalwazzjoni tar-riskji tas-saħħa fit-tfal assoċjata ma' espożizzjoni għall-prodotti kimiċi"),
- wara li kkunsidra l-Artikoli 152 u 174 tat-Trattat KE mmirati lejn livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent;
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil- qasam tas-saħħa (2008-2013)[2]
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0260/2008),
A. billi jinnota b'interess li mill-2003 'l hawn, l-Unjoni Ewropea bbażat l-politika tagħha dwar il-ħarsien tas-saħħa fuq koperazzjoni aktar stretta bejn is-setturi tas-saħħa, ta' l-ambjent u tar-riċerka, ħaġa li twassal biex wieħed jispera li eventwalment tiġi introdotta strateġija Ewropea koerenti u integrata fil-qasam tas-saħħa ambjentali,
B. billi l-assi maħluqa attwalment mill-Unjoni fil-kuntest ta' l-ewwel pjan ta' azzjoni tagħha favur l-ambjent u s-saħħa (20042010) (COM(2004)0416), jiġifieri l-preparazzjoni ta' l-indikaturi, l-iżvilupp tas-sorveljanza integrata, il-ġbir u l-evalwazzjoni ta' dejta relevanti, kif ukoll il-multiplikazzjoni tar-riċerki, x'aktarx se jippermettu fehim aħjar ta' l-interazzjonijiet bejn is-sorsi ta' tniġġis u l-effett sanitarji, għalkemm dan mhux biżżejjed biex jitnaqqas in-numru li dejjem qed jikber tal-mard marbut ma' fatturi ambjentali,
C. billi huwa kważi impossibbli li jiġi stabbilit il-bilanċ f'nofs il-perjodu ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni peress li dan ma jsegwi l-ebda objettiv preċiż kwantifikat, u huwa diffiċli li jiġi determinat il-baġit totali allokat għalih li żgur mhux biżżejjed għall-promozzjoni effiċjenti tiegħu;
D. billi, filwaqt li l-programm dwar is-saħħa (2008-2013) għandu bħala objettiv partikulari li jkun hemm azzjoni fuq il-fatturi determinanti tradizzjonali tas-saħħa li huma l-alimentazzjoni li huma l-alimentazzjoni, it-tipjip, il-konsum ta' l-alkoħol u d-drogi; billi dan il-Pjan ta' Azzjoni attwali (2004-2010) għandu jikkonċentra fuq ċerti sfidi sanitarji ġodda u wkoll jindirizza l-fatturi ambjentali determinanti li jaffettwaw s-saħħa tal-bniedem, bħalma huma l-kwalita ta' l-arja esterna u interna, il-mewġ elettromanjetiku, in-nanopartiċelli u s-sustanzi kimiċi li hemm tħassib kbir dwarhom (sustanzi klassifikati bħala kanċeroġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), u perturbaturi endokrini), kif ukoll ir-riskji għas-saħħa dovuti għat-tibdil fil-klima,
E. billi l-mard respiratorju qiegħed fit-tieni post fost il-mard li jwassal għal mewt, inċidenza, prevalenza u spejjeż fl-Unjoni, u billi dan huwa l-kawża prinċipali tal-mewt fost it-tfal ta' inqas minn 5 snin, u li dan jibqa' jiżviluppa, b'mod partikulari, minħabba t-tniġġis ta' l-arja esterna u interna;
F. billi t-tniġġis atmosferiku, li huwa kkawżat b'mod partikulari minn partiċelli żgħar u ozonu fil-livell ta' l-art, huwa theddida sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u qiegħed jeffettwa l-iżvilupp kif xieraq tat-tfal u qiegħed inaqqas it-tul mistenni ta' ħajja fl-UE[3];
G. billi rigward il-kwistjoni tas-saħħa ambjentali urbana, b'mod partikulari rigward il-kwalità ta' l-arja interna, il-Komunità, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, trid tagħmel aktar sabiex tiġġieled kontra t-tniġġis domestiku peress li kull ċittadin Ewropew iqatta' medja ta' 90% tal-ħin tiegħu ġewwa,
H. billi l-Konferenzi tal-Ministri tad-WHO ta' l-2004 u l-2007 dwar l-ambjent u s-saħħa enfasizzaw ir-rabtiet bejn l-influwenza mħallta u kumplessa ta' tniġġis kimiku u ċertu numru ta' problemi u mard kroniku, b'mod partikulari fost it-tfal, u billi dan it-tħassib jinsab ukoll fid-dokumenti uffiċjali tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (PUNE) u tal-Forum Intergovernattiv dwar is-sigurtà kimika (IFCS),
I. billi hemm dejjem aktar provi xjentifiċi li ċerti kankri, bħal ma huma l-kankru tal-bużżieqa tal-marrara, il-kankru ta' l-għadam, il-kankru tal-pulmun, il-kankru tal-ġilda, il-kankru tas-sider u kankri oħrajn huma kkawżati mhux biss mill-effetti tas-sustanzi kimiċi, tar-radjazzjoni u ta' partiċelli fl-arja iżda wkoll minn fatturi ambjentali oħrajn,
J. billi flimkien ma' dawn l-iżvilupp problemtaċi fil-qasam tas-saħħa ambjentali, dan l-aħħar snin kien hawn manifestazzjoni ta' mard gdid jew sindromi ta' mard, bħalma huma l-ipersensibilita kimika multipla, is-sindromu ta' l-amalgama dentali, l-ipersensibilita għar-raġġi elettromanjetiċi, is-sindromu tal-bini li jagħmel ħsara lis-saħħa jew is-sindromu ta' defiċit ta' l-attenzjoni u l-iperattività (ADHD) fost it-tfal,
K. billi l-prinċipju ta' prekawzjoni huwa speċifikament stipulat fit-Trattat mill-1992, billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ippreċiżat bosta drabi il-kontenut u l-iskop ta' dan il-prinċipju fil-liġi Komunitarja bħala wieħed mill-pedamenti tal-politika ta' protezzjoni fil-mira tal-Komunita fil-qasam ta' l-ambjent u tas-saħħa[4],
L. billi n-natura tal-kriterji adottati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Frar 2000 dwar ir-rikors għall-prinċipju ta' prekawzjoni (COM(2000)0001) hija waħda li torbot ħafna, u x'aktarx lanqas m'hi prattikabbli,
M. billi kkunsidra l-importanza tas-sorveljanza bijoloġika umana bħala strument ta' evalwazzjoni tal-livell ta' espożizzjoni tal-popolazzjoni Ewropea għall-effetti ta' tniġġis u l-volonta, li ġiet repetuta ħafna drabi mill-Parlament Ewropew, għall-punt 3 ta' din ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Frar 2005, u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill "Ambjent" ta' l-20 ta' Diċembru 2007 biex jiġi mgħaġġel it-twaqqif ta' programm ta' sorveljanza bijoloġika fil-livell ta' l-Unjoni,
N. billi ġeneralment huwa rikonoxxut li t-tibdil fil-klima jista' jkollu sehem importanti fiż-żieda ta' inċidenza u severità ta' ċertu mard, u b'mod partikulari, li l-frekwenza ta' sħana kbira, għargħar u n-nirien fl-art mhux ikkultivata - bħala l-aktar diżastri naturali frekwenti fl-Unjoni - tista' twassal għal aktar mard, kundizzjonijiet ħżiena ta' l-iġjene u mwiet, filwaqt li fl-istess waqt huma rikonoxxuti l-effetti tajbin għas-saħħa ta' miżuri li jnaqqsu t-tibdil fil-klima;
O. billi t-tibdil fil-klima se jħalli effetti sinifikkanti fuq is-saħħa tal-bniedem li fosthom insibu li twassal għall-iżvilupp ta' ċerti infezzjonijiet u mard parassitiku, l-aktar minħabba bidliet fit-temperaturi u fl-umdità u l-impatt ta' dawn fuq l-ekosistemi, l-annimali,il-pjanti, l-insetti, il-parassiti, il-protozoa, il-mikrobi u l-virus,
P. billi d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma[5] u d-direttivi sussidjarji tagħha għandhom dispożizzjonijiet ċari dwar il-preservazzjoni u r-restawrazzjoni ta' ilma tajjeb għas-saħħa,
Q. billi l-mediċina tas-saħħa ta' l-ambjent hija dixxiplina medika ġdida bbażata fuq tagħlim universitarju li għadu wisq ifframmentat u mhux l-istess madwar l-Istati Membri kollha, u li jistħoqqlu għalhekk li jingħata appoġġ u li jiġi promoss fi ħdan l-Unjoni,
R. billi n-numru ta' persuni li qegħdin ibatu minħabba fatturi ambjentali qiegħed jiżdied u billi għandhom jiġu żviluppati epimedjoloġiji sabiex tinkiseb stampa ċara ta' dak il-mard li huwa kkawżat, sa ċertu punt jew totalment, minn fatturi ambjentali,
1. Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni mit-tnedija tal-pjan ta' azzjoni fl-2004, prinċipalment fil-qasam tat-titjib tal-katina ta' informazzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa, ta' l-integrazzjoni u tat-tisħiħ tar-riċerka Ewropea f'dan il-qasam u ta' koperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati bħad-WHO,
2. Huwa madankollu tal-fehma li dan it-tip ta' pjan ta' azzjoni jinkludi fih il-bidu ta' nofs falliment minħabba li jimmira biss li jakkumpanja l-politiki Komunitarji li diġa jeżistu, ma jibbażax fuq politika ta' prevenzjoni mmirata lejn tnaqqis ta' mard marbut mal-fatturi ambjentali u ma jsegwi l-ebda objettiv preċiż u ma jindika l-ebda valur,
3. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li diġà twettaq programm taħt l-awspiċju tad-WHO li bħala parti minnu l-Istati Membri tad-WHO stabbilixxew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u lokali tagħhom għas-saħħa ta' l-ambjent li fihom objettivi u pjanijiet ta' implimentazzjoni speċifiċi; jirrakkomanda għalhekk lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilità li tieħu dan il-programm tad-WHO bħala mudell, li jkun jista' jservi wkoll bħala eżempju utli għall-Unjoni fil-futur;
4. Jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni, u b'mod aktar speċifiku d-direzzjoni ġenerali tar-Riċerka tagħha, ma żguratx finanzjament xieraq fil-qasam tas-sorveljanza bijoloġika umana għas-sena 2008, sabiex, b'konformita ma' l-impenn li ħadet hi stess ma' l-Istati Membri u l-Parlament, twaqqaf approċċ koerenti tas-sorveljanza bijoloġika fl-Unjoni;
5. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex twieġeb sa l-2010 għal żewġ objettivi essenzjali li stabbilit hi stess fl-2004 u sabiex tistabbilixxi u timplimenta strateġija ta' komunikazzjoni prattika għal dawn l-objettivi, jiġifieri, fuq naħa, is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar it-tniġġis ambjentali u l-impatt ta' dan fuq saħħithom, u fuq oħra, l-analiżi mill-ġdid u l-adattament tal-politika Ewropea għat-tnaqqis ta' riskji;
6. Jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;
7. Jenfasizza l-fatt li fl-evalwazzjoni ta' l-impatt fuq is-saħħa ta' fatturi ambjentali trid tingħata kunsiderazzjoni l-ewwel u qabel kollox lill-gruppi vulnerabbli bħalma huma nisa tqal, trabi li għadhom jitwieldu, tfal u anzjan;
8. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali biex tingħata lil gruppi vulnerabbli, li huma l-aktar suxxettibbli għal elementi li jniġġsu, bl-introduzzjoni ta’ miżuri li jnaqqsu l-espożizzjoni għal elementi li jniġġsu ambjentali f’ambjent magħluq f’faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u fi skejjel permezz ta’ l-adozzjoni ta’ prattiki xierqa ta’ mmaniġġjar tal-kwalità ta’ l-arja ta’ ambjent magħluq;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex meta tfassal proposti għar-reviżjoni ta' liġijiet eżistenti ma ddgħajjifx dawn il-liġijiet minħabba pressjoni minn lobbies jew organizzazzjonijiet reġjunali jew internazzjonali;
10. Ifakkar fin-neċessità li l-Unjoni tadotta approċċ kontinwu, dinamiku u flessibbli rigward il-Pjan ta' Azzjoni; iqis li huwa għalhekk essenzjali li l-Unjoni jkollha kompetenza speċifika fil-qasam tas-saħħa ambjentali li sserraħ fuq in-natura trasparenti, multidixxiplinari u kontradittorja tagħha u tippermetti wkoll li tingħata tweġiba għan-nuqqas ta' fiduċja tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' l-aġenziji u l-kumitati ta' esperti uffiċjali; jindika l-importanza li jitjieb it-taħriġ ta' esperti tas-saħħa, partikolarment permezz ta' skambji ta' l-aħjar prattiki fil-livell Komunitarju;
11. Jenfasizza li dawn l-aħħar snin kienu mmarkati minn progress reali fil-qasam tal-politika ambjentali, b'mod partikolari fil-livell tat-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ajru, tat-titjib tal-kwalità ta' l-ilma, tal-politika tal-ġbir u r-riċiklaġġ ta' l-iskart, tal-kontroll tal-prodotti kimiċi u tal-projbizzjoni tal-petrol biċ-ċomb, imma jirrimarka, fl-istess ħin, li l-politika Ewropea għadha mmarkata bin-nuqqas ta' strateġija globali u preventiva u n-nuqqas ta' użu tal-prinċipju ta' prekawzjoni;
12. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-kriterji mħaddna fil-komunikazzjoni tagħha li diġà ssemmiet dwar l-użu tal-prinċipju ta' prekawzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u sabiex il-prinċipju ta' azzjoni u ta' sigurtà, imsejjes fuq l-adozzjoni ta' miżuri proviżorji u proporzjonati, ikun fil-qalba tal-politiki Komunitarji fil-qasam tas-saħħa u l-ambjent;
13. Iqis li jekk il-piż tal-prova li prodott ma jagħmilx ħsara titqiegħed fuq il-produttur jew l-importatur, tkun tista' tiġi promossa politika msejsa fuq il-prevenzjoni, kif, barra minn hekk, jipprevedi r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi[6], u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi dan l-obbligu għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-prodotti kollha; iqis li kull żieda fl-ittestjar ta’ l-annimali skond il-Pjan ta’ Azzjoni għandha tkun evitata u għandu jitqies b’mod sħiħ l-iżvilupp u l-użu ta’ metodi alternattivi;
14. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq mill-aktar fis miżuri konkreti dwar il-kwalità ta' l-arja fuq ġewwa, li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ta' siġurtà u ta' saħħa tal-postijiet fuq ġewwa, b’mod partikulari matul ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini[7], u li jipproponi miżuri li jżidu l-effikaċja ta' l-enerġija tal-bini, kif ukoll is-sigurtà ta' l-elementi kimiċi inklużi fil-kompożizzjoni ta' tgħamir u għamara u jekk jagħmlux ħsara jew le;
15. Jirrakkomanda li, biex jitnaqqsu effetti li jagħmlu ħsara lill-ambjent fuq is-saħħa, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri, permezz ta' konċessjonijiet tat-taxxa u/jew inċentivi ekonomiċi oħra, biex ikunu interessati operaturi tas-suq biex itejbu l-kwalità ta’ l-arja f’ambjent magħluq u jnaqqsu espożizzjoni għal radjazzjoni elettromanjetika fil-binjiet, stabbilimenti u uffiċċji tal-fergħat tagħhom;
16. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq abbozz ta’ rekwiżiti minimi xierqa li jiggarantixxu l-kwalità ta’ l-arja ta' ġewwa bini li għadu se jinbena;
17. Jirrakkomanda li, fl-għoti ta’ appoġġ individwali ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni taħseb fl-impatt tiegħu fuq il-kwalità ta’ l-arja f’ambjent magħluq, espożizzjoni għal radjazzjoni elettromanjetika u s-saħħa ta’ sezzjonijiet tal-popolazzjoni partikolarment fil-periklu fil-proġetti kkonċernati b’mod simili għal dak li l-attenzjoni hija dedikata għal kriterji ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent;
18. Jistieden li jkun hemm standards ta’ kwalità ambjentali għal sustanzi ta’ prijorità fl-ilma biex ikunu stabbiliti bi qbil ma’ l-aħħar tagħrif xjentifiku u mressqa b’mod regolari bi qbil ma’ l-aħħar ħsieb xjentifiku;
19. Jenfasizza li ċerti Stati Membri implimentaw b'suċċess laboratorji ta' analiżi mobbli jew "ambulanzi ħodor" sabiex tkun tista' ssir djanjożi ta' malajr u affidabbli ta' l-ambjent fil-postijiet pubbliċi u privati; iqis li l-Kummissjoni tkun tista' tippromwovi din il-prattika ma' l-Istati Membri li għad m'għandhomx dan il-mudell ta' intervenzjoni diretta fis-sit imniġġes;
20. Huwa kkonċernat bin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jiżguraw is-sikurezza ta’ prodotti tal-konsumatur li fihom nanopartiċelli u bl-attitudni rilassata tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jkun rivedut il-qafas regolatorju għall-użu ta’ nanopartiċelli fi prodotti tal-konsumatur fir-rigward tan-numru jiżdied ta’ prodotti tal-konsumatur li fihom nanopartiċelli li jitpoġġew fis-suq;
21. Huwa mħasseb ħafna bir-rapport internazzjonali Bio-Initiative[8]dwar il-kampijiet elettromanjetiċi, li jissintesizza aktar minn 1,500 studju dedikat għall-kwistjoni, u li, fil-konklużjonijiet tiegħu, jenfasizza l-perikli għas-saħħa minn emissjoni tat-tip ta' telefonija mobbli bħat-telefown mobajl, l-emissjonijiet UMTS-Wifi-Wimax-Bluetooth u t-telefown fuq bażi fissa "DECT";
22. Jirrimarka li l-limiti ta' espożizzjoni għall-kampijiet elettromanjetiċi stabbiliti għall-pubbliku għadda żmienhom peress li ma ġewx adattati minn meta ħarġet ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-espożizzjoni tal-pubbliku għall-kampijiet elettromanjetiċi (0Hz sa 300 GHz)[9], evidentement ma jqisux l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni u, barra minn hekk, la ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u lanqas ir-regoli dwar emissjonijiet l-aktar eżiġenti li saru, pereżempju, mill-Belġju, l-Italja jew l-Awstrija u ma tkunx indirizzata l-kwistjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħal nisa tqal, trabi li għadhom jitwieldu u tfal;
23. Qed jieħu bis-serjetà ħafna d-diversi theddid ikkawżat mit-tisħin tal-klima fit-territorju ta' l-Unjoni u jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn id-WHO, l-awtoritajiet ta' kontroll nazzjonali, il-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard sabiex tissaħħaħ is-sistema ta' allert minn qabel u sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi tat-tibdil tal-klima fuq is-saħħa;
24. Jimmarka li dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jibbenefika minn estensjoni ta’ azzjonijiet dwar impatti negattivi mill-bidla fil-klima sas-saħħa tal-bniedem bl-elaborazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament effettivi meħtieġa fil-livell tal-Komunità, bħal:
- programmi ta’ edukazzjoni pubbliċi u ta’ żieda fit-tagħrif sistematiċi;
- integrazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament tal-bidla fil-klima fi strateġiji u programmi tas-saħħa pubblika, bħal mard li jista’ jkun u li ma jistax ikun komunikat, is-saħħa tal-ħaddiema u mard ta’ l-annimali perikoluż għas-saħħa;
- sorveljanza xierqa li timmira lejn l-identifikazzjoni minn kmieni ta’ mard li jitfaċċa f’daqqa;
- sistemi u reazzjoni ta’ avviż minn kmieni relatati mas-saħħa;
- koordinament ta’ netwerks ta’ mmonitorjar tad-dejta ambjentali attwali ma’ netwerks ta’ mard li jitfaċċa f’daqqa;
25. Jiddispjaċih li l-evalwazzjoni attwali tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċji ta' l-''20 għal darbtejn sa l-2020 - L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa'' (COM(2008)0030) tqis biss il-benefiċċji tas-saħħa tat-tniġġis imnaqqas ta’ l-arja bi tnaqqis ta’ emissjonijiet minn gass bl-effett serra sa l-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kobenefiċċji (anċillari) għas-saħħa ta’ diversi livelli ta’ ambizzjoni, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' esperti intergovernattiv dwar il-bidla fil-klima ta’ tnaqqis domestiku ta’ 25% sa 40% jew possibilment 50% jew aktar sa l-2020, huma investigati b’mod urġenti u mfassla f'analiżi ta' impatt mill-Kummissjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni lill-problema serja tas-saħħa mentali, meta jitqies in-numru ta’ suwiċidji fl-Unjoni, u biex talloka aktar riżorsi għall-iżvilupp ta’ strateġiji u terapiji ta’ prevenzjoni xierqa;
27. Itenni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Ambjent u s-Saħħa tat-Tfal tal-WHO fl-Ewropa, biex jinkoraġġixxu l-Pjan kemm permezz ta’ politiki ta’ l-Unjoni kif ukoll permezz tal-politika ta' l-iżvilupp bilaterali, u biex jinkoraġġixxu proċessi simili barra r-Reġjun ta’ l-Ewropa tal-WHO;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora mill-ġdid fit-tieni pjan ta’ azzjoni tagħha l-inizjattiva SCALE (Xjenza, Tfal, Kuxjenza, Strument Legali, Evalwazzjoni), rigward it-tnaqqis ta' espożizzjoni għal tniġġis, kif stipulat fl-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa (COM(2003)0338);
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem u tipprovdi strumenti li għandhom irawmu l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi, kif enfasizzat fi ħdan il-qafas ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona, biex ikunu minimizzati riskji maġġuri għas-saħħa minn fatturi ambjentali li joħolqu pressjoni;
30. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu deċiżjoni mingħajr dewmien dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi Fond ta’ solidarjetà ta’ l-Unjoni, peress li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu mit-18 ta’ Mejju 2006[10]; iqis li r-regolament il-ġdid, li, flimkien ma’ miżuri oħra, se jbaxxi l-limiti massimi għad-dħul fis-seħħ tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni, se jippermetti li jtaffi ħsara b’mod effettiv, flessibbli u malajr ikkawżata b’diżastri naturali jew mill-bniedem stess; jenfasizza li strument finanzjarju bħal dan huwa importanti ħafna, b’mod partikulari minħabba li huwa maħsub li diżastri naturali se jseħħu b’mod aktar regolari fil-futur, parzjalment minħabba l-bidla fil-klima;
31. Jirrakkomanda li, peress li l-SMEs huma ta’ importanza ekonomika deċiżiva fl-Ewropa, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ tekniku għal SMEs biex tippermettilhom, u tgħinhom, li jikkonformaw ma’ regolamenti tas-saħħa ambjentali li jorbtu u tinkoraġġihom biex iwettqu tibdil ieħor li huwa pożittiv fir-rigward tas-saħħa ambjentali u jaffettwa l-operazzjoni ta’ l-intrapriżi;
32. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, għall-2010 u t-"tieni ċiklu" tal-pjan ta' azzjoni għall-ambjent u s-saħħa, tipprevedi l-allinjament mill-ġdid ta' l-inizjattivi tagħha dwar il-popolazzjonijiet vulnerabbli u biex tfassal metodi ġodda għall-evalwazzjoni tar-riskji filwaqt li jitqies il-punt fundamentali li jikkostitwixxi l-vulnerabilità partikulari tat-tfal, in-nisa tqal u l-persuni anzjani;
33. Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħrfu l-vantaġġi tal-prevenzjoni u l-prinċipji ta' prekawzjoni u biex jiżviluppaw u jimplimentaw għodod li jippermettu li thedid potenzjali ambjentali u tas-saħħa jkun antiċipat u affrontat; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa t-‘tieni ċiklu' ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u tfassal dispożizzjoni għal iffinanzjar xieraq li jkopri numru akbar ta’ miżuri prattiċi li jnaqqsu l-impatt ambjentali fuq is-saħħa u biex timplimenta miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ prekawzjoni;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lid-WHO.
- [1] ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 264.
- [2] ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
- [3] Rapport ''L-ambjent fl-Ewropa - Ir-raba' Evalwazzjoni. Sinteżi'', Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (10.10.2007).
- [4] Sentenza tat-23 ta' Settembru 2003 fil-każ C-192/01, Kummissjoni vs Danimarka, ECR 2003, p. I- 9693; sentenza tas-7 ta' Settembru 2004 fil-każ C-127/02, Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee u Nederlandse Vereniging tot Bescherming van Vogels, ECR 2004, p. I-7405.
- [5] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1Direttiva modifikata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p.60)
- [6] ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1; verżjoni rrettifikata fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.
- [7] ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12. Direttiva emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
- [8] Grupp ta' xjenzjati indipendenti ppublikaw dan ir-rapport fil-31 ta' Awissu 2007. Ara fid-dettall fuq: www.bioinitiative.org
- [9] ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.
- [10] ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond storiku
Nhar it-23 ta' Frar 2005, il-Parlament Ewropew adotta b'maġġoranza irreżistibbli (576 vot favur u 48 kontra) riżoluzzjoni dwar it-tnedija tal-Pjan ta' Azzjoni għall-ambjent u s-saħħa għas-snin 2004 sa l-2010.
Kienet riżoluzzjoni b'tonalità li l-inqas li jista' jissejjaħ huwa kritiku fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea u li jitlaq minn kostatazzjoni sempliċi: Pjan ta' Azzjoni fl-essenza tiegħu ma jistax jistipula bħala l-uniku objettiv li ssir iktar riċerka u li jkun hemm aktar dejta!
Il-seduta plenarja tal-Parlament, waqt li f'dan segwiet il-pożizzjoni tar-rapporteur tagħha, qieset li l-objettiv prijoritarju stabbilit mill-Kummissjoni għall-"ewwel ċiklu" 2004-2010, hu t-titjib ta' l-għarfien ta' l-impatt tat-tniġġis ambjentali fuq is-saħħa, li ċertament ta' min ifaħħru imma hu magħruf li mhux biżżejjed. Hu għalhekk li l-ġabriet, l-istudji, is-sinteżijiet ta' xogħlijiet xjentifiċi qed jitkattru u qed ipoġġu enfasi dejjem akbar fuq il-korrelazzjoni li teżisti bejn l-espożizzjoni għall-fatturi ambjentali u l-erba' mardiet ta' prijorità li qed jitqiesu f'din il-komunikazzjoni: l-ażma u l-allerġiji tat-trabi, il-problema ta' l-iżvilupp newroloġiku, it-tipi differenti ta' kanser u l-elementi li jiddisturbaw is-sistema endokrinali.
Minħabba kumbinazzjoni fil-kalendarju, dan il-pjan ta' azzjoni ġie preżentat xi xhur wara d-dikjarazzjoni ambizzjuża tat-52 Ministru ta' l-ambjent u tas-saħħa tar-reġjun Ewropew waqt il-Konferenza ta' Budapest organizzata mid-WHO f'Ġunju 2004.
Ma' dan għandhom jiżdiedu il-pjanijiet ta' azzjoni (bil-għanijiet ta' riżultat ċari u biċ-ċifri) li diġà ġew stabbiliti f'ċerti Stati Membri (Benelux; Franza, landers Ġermaniżi...) u b'hekk wieħed ikun jista' jifhem faċilment ir-riżervi espressi mill-Parlament Ewropew.
Parlament li, min-naħa tiegħu, xtaq jagħti spinta ta' vera lil dan il-pjan ta' azzjoni u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet prinċipalment dwar:
1. il-prinċipju ta' prekawzjoni - bħala mezz ta' azzjoni politika - peress li hu obbligat li jirrimarka li dan il-prinċipju ta' sigurtà jiġi ta' spiss proklamat u rarament applikat fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea;
2. l-implimentazzjoni ta' sistema ta' biosorveljanza fil-livell ta' l-Unjoni sabiex ikun iktar faċli biex titkejjel l-interazzjoni tas-sustanzi li jniġġsu/l-impatt fuq is-saħħa;
3. il-ġlieda kontra t-tniġġis domestiku, b'mod partikulari, permezz ta' l-ikklassifikar mill-Kummissjoni tat-tipjip tat-tabakk bħala aġent karċinoġenu tal-Klassi 1, imma anke permezz tat-talba li għamel lill-Kummissjoni biex tippubblika Green Paper dedikata għall-kwalità ta' l-arja fuq ġewwa;
4. finanzjament għoli daqs il-livell tar-riskju, fil-kuntest tas-7 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp (issemmiet iċ-ċifra ta' aktar minn € 300 miljun) waqt li hu mixtieq li jiġi kkoordinat mal-programm ta' saħħa pubblika (2003-2008).
Tliet snin wara, il-parti l-kbira ta' dawn il-prijoritajiet għadhom attwali.
U konsegwentement, il-Kummissjoni Ewropea kompliet bis-sod bl-aġenda tagħha stess u xtaqet, l-ewwel u qabel kollox, li tikseb riżultati proprju fejn hi kienet iffissat il-prijoritajiet tagħha: prinċipalment fil-qasam tat-titjib tal-katina ta' informazzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa, ta' l-integrazzjoni u tat-tisħiħ tar-riċerka Ewropea f'dan il-qasam u ta' kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati bħad-WHO.
Ir-rapporteur, madankollu, tinnota b'sodisfazzjon li iktar minn 38 proġett iddedikat għall-ambjent u għas-saħħa ġew iffinanzjati fil-qasam tas-sitt Programm ta' Riċerka għal ammont globali stmat għal iktar minn EUR 200 miljun.
Dwar il-mod diffiċli kif jiġi analizzat pjan ta' azzjoni li ħa fama ħażina
Fost it-tlettax-il azzjoni li kienu previsti inizjalment mill-Kummissjoni, erbgħa biss kellhom l-objettiv li jieħdu miżuri speċifiċi:
Azzjoni 10: Li jiġu promossi t-taħriġ għall-professjonisti u t-titjib tal-kapaċità organizzattiva fl-ambjent u fis-saħħa.
Azzjoni 11: Li jiġu kkoordinati miżuri li jnaqqsu r-riskji fis-seħħ u li jiġi previst mard prijoritarju.
Azzjoni 12: Li titjieb il-kwalità ta' l-arja fl-intern tal-bini.
Azzjoni 13: Li tiġi ssorveljata l-evoluzzjoni f'dak li jikkonċerna l-kampijiet elettromanjetiċi.
Ir-rapporteur fl-2005 kienet diġà wriet is-sodisfazzjon tagħha fir-rigward tar-reazzjoni xierqa magħmula mill-Kummissjoni fil-problema mqajma mit-tipjip passiv fl-ambjent fil-qafas ta' l-azzjoni 12.
Mill-bqija u b'kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta' preċiżjoni ta' l-azzjonijiet imwettqa, jaqbel li l-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu ssir fil-forma ta' interrogazzjoni b'konoxximent tal-fatt li l-azzjonijiet 12 u 13 huma suġġetti għal rimarki speċifiċi min-naħa tar-rapporteur:
Hemm azzjonijiet li għandhom l-objettiv li jippromwovu l-formazzjoni tal-mediċina ambjentali u li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tad-diplomi ta' din l-ispeċjalità fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea?
Meta d-disturbi endokrinali ma jiddaħħlux fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni tar-REACH, liema huma l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni, barra l-proġett pilota, biex iżżomm sorveljanza reali fuq dawn is-sustanzi?
Ovvjament, l-imparzjalità fil-ġudizzju twassalna biex nirrikonoxxu li matul dawn it-tliet snin u nofs l-Unjoni ġabret riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-forom differenti ta' tniġġis, li fosthom hemm: il-kontroll ta' iktar minn 10,000 sustanza kimika bir-regolamentazzjoni REACH, il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kwalità ta' l-arja ambjentali kif ukoll il-pakkett leġiżlattiv u strateġiku dwar il-pestiċidi.
Madankollu, hija din l-istess imparzjalità li twassalna li fl-istess ħin ninnotaw li l-politika Ewropea tibqa' minkejja kollox immarkata min-nuqqas ta' strateġija globali u preventiva u min-nuqqas ta' rikors għall-prinċipju ta' prekawzjoni;
Il-prinċipju ta' prekawzjoni: la tolleranza zero u lanqas applikazzjoni zero
Sfortunatament, ir-rapporteur tinnota li dan il-prinċipju ta' prekawzjoni, għalkemm ilu mniżżel fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea mill-1992, spiss jiġi proklamat, xi kultant imżeblah, imma kważi qatt ma jiġi applikat.
Bl-eċċezzjoni magħrufa tal-projbizzjoni ta' sitt sustanzi tal-familja tal-ftalati fil-ġugarelli tat-tfal mill-Kunsill u l-Parlament, f'Ġunju 2005, il-prinċipju ta' prekawzjoni ma ġiex implimentat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja riċenti. U xorta kien hemm bżonn ġlieda Omerika ta' iktar minn għaxar snin biex wieħed wasal għall-projbizzjoni definittiva ta' dawn is-sustanzi CMR għal din l-applikazzjoni preċiża.
Din hi r-raġuni għaliex ir-rapporteur għandha d-dubji dwar ir-relevanza ta' kriterji tant kontraenti bħal dawk mħaddna mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Frar 2000 biex wieħed jirrikorri għall-prinċipju ta' prekawzjoni.
Mid-dipendenza ta' l-analiżi u l-ġestjoni tar-riskju, għall-istudju tad-diversi azzjonijiet immaġinabbli, id-determinazzjoni f'kull stadju tal-grad ta' inċertezza xjentifika u t-tħejjija ta' rapport dwar l-ispiża u l-benefiċċji, kollox jidher magħmul biex il-prinċipju ta' prekawzjoni jsir inapplikabbli għal proċedura kumplessa, organizzata f'ġerarkija u mingħajr tmiem.
Dan il-fatt iwassal lir-rapporteur biex fil-punt 7 tar-riżoluzzjoni tipproponi reviżjoni kompluta tal-Komunikazzjoni tat-2 ta' Frar 2000 biex tgħejjex il-prinċipju ta' prekawzjoni. Din il-proposta, barra minn dan, tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li ħafna drabi preċiżat il-kontenut u l-applikazzjoni tal-prinċipju fid-dritt Komunitarju bħala wieħed mill-pedamenti tal-politika ta' protezzjoni mfittex mill-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent u tas-saħħa[1]
It-tniġġis ta' l-ambjent: theddida partikolarment insidjuża għas-saħħa
Iffaċċjata b'din it-theddida għas-saħħa, li ftit ċittadini jistgħu jipproteġu ruħhom minnha peress li jqattgħu medja ta' 90 % tal-ħin tagħhom f'post konfinat (il-kindergarten, l-iskola, l-uffiċċju, id-dar, il-post industrijali eċċ.), il-Kummissjoni ma baqgħetx b'idejha fuq żaqqha.
Hi mmultiplikat l-azzjonijiet bħat-twaqqif ta' grupp ta' ħidma fejn jiltaqgħu l-atturi industrijali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ħarsien ta' l-ambjent, jew inkella l-iffinanzjar ta' mill-inqas 17-il proġett Ewropew f'oqsma tant varjati bħall-immoniterjar tal-kwalità ta' l-arja ta' barra/ġewwa u l-istudju tal-materjal tal-bini bħala sors ta' tniġġis.
Madankollu, ir-rapporteur tfakkar li ż-żieda ta' dawn l-inizjattivi mhux ekwivalenti għal politika globali u integrata fil-qasam tal-kwalità ta' l-arja ta' ġewwa.
Ir-rapporteur, barra minn hekk, kienet sorpriża meta saret taf permezz ta' exposé ta' espert tal-London School of Hygiene li pereżempju fil-belt sabiħa ta' Praga, l-arja ġewwa l-bini fejn jgħixu n-nies hija iktar mniġġsa mill-arja ħafifa ta' barra li jieħdu dawk li jħobbu lil Kundera.
Il-Kummissjoni, għalhekk, hija ispirata tajjeb biex tippubblika green paper dwar il-problema speċifika tat-tniġġis ta' l-ambjent bħal ma kien diġà talab il-Parlament fil-punt 21 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni adottata fil-21 ta' Frar 2005.
Infatti, tidher ħaġa urġenti li l-Unjoni toħloq strateġija vera f'dan il-qasam, li tippermetti li jiġu ffissati linji gwida maħsuba għall-Istati Membri, u li fl-aħħar mill-aħħar tipproteġi liċ-ċittadini esposti għal diversi sorsi ta' tniġġis bijoloġiku u kimiku, mill-kindergarten għall-uffiċċju.
Ir-rapporteur tfakkar, barra minn dan, li jkun utli li l-awtoritajiet Ewropej fit-totalità tagħhom jevalwaw l-ispiża finanzjarja globali tat-tniġġis intern bħala spejjeż mediċi, inkapaċità għax-xogħol jew sempliċiment spejjeż ta' fejqan ta' l-ambjent ikkontaminat.
It-theddida li qed tinqala' tal-kampijiet elettromanjetiċi
L-aħħar darba li l-Parlament ġie riferut b'din il-kwistjoni fl-1999[2], in-netwerk lokali mingħajr wajer ta' veloċità għolja, bħall-Wifi u l-Wimax, bilkemm kien qed jitfaċċja fl-Ewropal. U d-djar Ewropej kien għadhom mhumiex imdawrin kompletament bi pletora ta' apparati elettroniċi u sistemi differenti ta' telefonija mingħajr wajer.
Bħal ma jiġri xi kultant, il-progress tekniku, meta ma jkunx maħkum tajjeb, jista' wkoll jippreżenta ċerti riskji għas-saħħa. Dan hu eżattament x'qed jiġri bil-mewġ elettromanjetiku li l-limitu ta' espożizzjoni tiegħu għall-pubbliku jmur lura għall-1999 u allura iktar u iktar ma segwiex l-evoluzzjonijiet teknoloġiċi.
Ir-rapporteur taf bix-xieraq li l-emissjonijiet radjoloġiċi ilhom fiċ-ċentru tad-dibattiti kontroversjali għal iktar minn 20 sena u għad hemm ċertu grad ta' inċertezza xjentifika dwar is-suġġett.
Għalhekk, tqis importanti li jitqies id-dokument l-iktar komplut li tħejja s'issa: ir-rapport Inizjattiva Bijoloġika, li sar minn xi xjentisti Amerikani u Ewropej renomati, li jagħmel is-sintesi ta' iktar minn 1,500 studju dwar l-impatt tal-kampijiet elettromanjetiċi fuq is-saħħa fuq il-bniedem. Dan hu dokument li fil-konklużjonijiet tiegħu joħroġ li espożizzjoni kronika u/jew kbira ħafna għall-mewġ elettromanjetiku tista' ġġib riskji ta' kanċer (b'mod partikolari l-lewkimja fit-tfal), il-marda ta' l-Alzheimer, problemi nervużi u problemi ta' l-irqad.
Fuq il-bażi ta' dan id-dokument f'Settembru 2007 l-Aġenzija Ambjentali Ewropea rrakkomandat lis-27 Stat Membru biex jieħdu miżuri biex jipproteġu aħjar lill-pubbliku. Dan hu avviż li taqbel miegħu r-rapporteur li tqis li fil-qasam tas-saħħa ambjentali, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħafna iktar!
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
27.5.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
57 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Martin Callanan, Dorette Corbey, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Jill Evans, Anne Ferreira, Karl-Heinz Florenz, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Marie Anne Isler Béguin, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Aldis Kušķis, Marie-Noëlle Lienemann, Peter Liese, Linda McAvan, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Guido Sacconi, Carl Schlyter, Richard Seeber, Kathy Sinnott, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Antonios Trakatellis, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Marcello Vernola, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Philip Bushill-Matthews, Milan Gaľa, Umberto Guidoni, Erna Hennicot-Schoepges, Johannes Lebech, Miroslav Mikolášik, Bart Staes, Lambert van Nistelrooij |
|||||