Proċedura : 2008/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0263/2008

Testi mressqa :

A6-0263/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/09/2008 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0456

RAPPORT     
PDF 166kWORD 115k
24.6.2008
PE 402.919v01-00 A6-0263/2008

dwar il-Midja Komunitarja fl-Ewropa

(2008/2011(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Karin Resetarits

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Midja Komunitarja fl-Ewropa

(2008/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 150 u 151 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam li jemenda t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċertu atti relatati, ffirmati fit-2 ta' Ottubru, Protokoll Nru 9 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, C340/109,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-diversità kulturali li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-politiki pubbliċi għar-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-pluraliżmu,

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għal netwerks u servizzi elettroniċi tal-komunikazzjonijiet (Direttiva Qafas)(1),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess)(2),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)(3),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tas-Servizz Universali)(4),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televixin(5),

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju)(6),

–    wara li kkunsidra l-'White Paper' ippreżentata mill-Kummissjoni dwar politika tal-komunikazzjoni Ewropea (COM(2006)0035),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu tal-midja fl-ambjent diġitali (COM(2007)0833),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Lulju 1995 dwar il-possibilitajiet ta' l-istrateġija tal-Green Paper biex tissaħħaħ l-industrija tal-programm Ewropew fil-kuntest tal-politika awdjoviżiva ta' l-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni dwar il-Pluraliżmu tal-Midja fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (SEC(2007)0032),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-riskji tal-vjolazzjoni, fl-UE u speċjalment fl-Italja, tal-libertà ta' l-espressjoni u l-informazzjoni (l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(7),

    wara li kkunsidra l-istudju 'L-Istat tal-Midja Komunitarja fl-Unjoni Ewropea', ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Midja tal-Komunità/ir-Rakkomandazzjoni (2007)2 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u d-diversità tal-kontenut tal-midja,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa (Dik-31.01.2007E) tal-Kumitat tal-Ministri dwar il-ħarsien ta' l-irwol tal-midja fid-demokrazija fil-kuntest tal-konċentrazzjoni tal-midja,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar id-Diversità fix-Xandir abbozzata mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' l-Opinjoni u ta' l-Espressjoni, ir-Rappreżentattiv ta' l-OSCE tal-Libertà tal-Midja, ir-Rapporteur Speċjali ta' l-OAS dwar il-Libertà ta' l-Espressjoni u r-Rapporteur Speċjali ta' l-ACHPR (Kumitat Afrikan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Popli) dwar il-Libertà ta' l-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, (adottata fit-12 ta' Diċembru 2007),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0263/2008),

A.  billi l-Midja Komunitarja hija magħmula minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u jridu jagħtu kont lill-istess Komunità li jfittxu li jaqdu,

B.  billi "li ma jagħmlux profitt" ifisser li l-objettiv primarju ta' midja bħal din hija li tidħol f'attivitajiet ta' interess pubbliku u/jew privat mingħajr xi profitt kummerċjali jew monetarju,

C.  billi "jridu jagħtu kont lill-Komunità" jfisser li l-Midja Komunitarja trid tinforma lill-istess Komunità dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha, tiġġustifikahom, u tiġi ppenalizzata fil-każ ta' xi mġiba ħażina,

D. billi hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri rigward it-tixrid u l-impatt tal-Midja Komunitarja, li huma l-ikbar f'dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu b'mod ċar l-istatut legali tagħhom u huma konxji tal-valur miżjud tagħhom,

E.   billi l-Midja Komunitarja għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni fil-ħolqien tal-kontenut mill-membri tal-Komunità, u b'hekk titrawwem il-parteċipazzjoni volontarja attiva fil-produzzjoni tal-midja iżjed milli l-konsum passiv tal-midja,

F.   billi ħafna drabi l-Midja Komunitarja ma tirrappreżentax maġġoranza minn dawk il-kategoriji fis-soċjetà imma taqdi minflok varjetà ta' gruppi ta' mira speċifiċi iżgħar li jkunu injorati minn midja oħra, li f'ħafna każijiet huma bbażati lokalment jew reġjonalment,

G.  billi l-Midja Komunitarja tissodisfa rwol wiesa' imma s'issa mhux rikonoxxut fil-qasam tal-midja, partikolarment bħala sors ta' kontenut lokali, u tħeġġeġ l-innovazzjoni, il-kreattività u d-diversità tal-kontenut,

H.  billi l-Midja Komunitarja hija obbligata li tippreżenta mandat definit b'mod ċar, per eżempju li tipprovdi gwadann soċjali, li wkoll irid jiġi rifless fil-kontenut li tipproduċi,

I.    billi wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tal-Midja Komunitarja fl-Unjoni Ewropea huwa n-nuqqas tagħha ta' rikonoxximent legali minn ħafna sistemi legali nazzjonali, u billi barra minn hekk, s'issa, l-ebda mit-testi legali relevanti ta' l-Unjoni Ewropea ma indirizza l-kwistjoni tal-Midja Komunitarja,

J.    billi l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' prattika, flimkien mar-rikonoxximent legali, jiċċaraw l-istatus tas-settur, il-proċeduri u l-irwol, billi jikkontribwixxu għaċ-ċertezza tas-settur filwaqt ukoll li tiġi żgurata l-indipendenza u tiġi evitata l-kondotta ħażina,

K. billi l-Internet mexxa lis-settur f'perjodu ġdid b'possibilitajiet u sfidi ġodda, u billi l-ispejjeż ta' tranżizzjoni mill-analogu għat-trażmissjoni diġitali poġġew piż kbir fuq il-Midja Komunitarja,

L.  billi l-2008 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali, li jfisser li l-midja fl-UE għandha rwol partikolarment importanti x'tilgħab li tipprovdi mezzi ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni xierqa b'mod eminenti għal entitajiet kulturali iżgħar fis-soċjetà kollha u għall-kontinwazzjoni tad-djalogu interkulturali matul l-2008 u wara,

M. billi l-midja kulturali hija mezz importanti li bih tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u tħeġġiġhom ikunu involuti b'mod attiv fis-soċjetà ċivika, billi jsaħħu d-dibattitu soċjali, li jirrappreżenta mezz ta' pluraliżmu intern (ta' l-ideat), u billi l-konċentrazzjoni tas-sjieda toħloq theddida għall-midja biex tkopri fid-dettall il-kwistjonijiet ta' l-interessi lokali għall-gruppi kollha fil-Komunità,

1.   Jisħaq li l-Midja Komunitarja hija mezz effettiv biex jissaħħu d-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali u l-identità lokali, li tfisser id-diversità tas-settur;

2.   Jinnota li l-Midja Komunitarja tgħin biex jissaħħu l-identitajiet ta' komunitajiet speċifiċi ta' interess, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-membri ta' dawk il-komunitajiet biex jaħdmu ma' gruppi oħra fis-soċjetà, u għalhekk tilgħab rwol importanti biex trawwem it-tolleranza u l-pluraliżmu fis-soċjetà u tikkontribwixxi għal djalogu interkulturali;

3.  Jisħaq ukoll li l-Midja Komunitarja tħeġġeġ djalogu interkulturali billi jiġi edukat il-pubbliku, billi jkun hemm ġlieda kontra l-isterjotipi negattivi u jitranġaw l-ideat imressqa mill-mass midja fir-rigward tal-kategoriji soċjali mhedda mill-esklużjoni, bħal ma huma r-refuġjati, il-migranti, ir-Roma u minoritajiet etniċi u reliġjużi oħra; jisħaq li l-Midja Komunitarja hija għodda biex tiħfief l-integrazzjoni ta' l-immigranti u wkoll tippermetti lil membri żvantaġġati tas-soċjetà biex isiru parteċipanti attivi billi jieħdu sehem f'dibattiti li huma importanti għalihom;

4.   Jinnota li l-Midja Komunitarja tista' tilgħab rwol sinifikanti fil-programmi tat-taħriġ li jinvolvu organizzazzjonijiet esterni, inklużi universitajiet, u membri tal-komunità mhux tas-sengħa u taġixxi bħala 'hub' siewi għall-esperjenza tax-xogħol; jinnota li t-taħriġ ta' nies għall-ħiliet diġitali, web u editorjali permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Midja Komunitarja jipprovdi ħiliet utli u trasferibbli;

5.   Jinnota li l-Midja Komunitarja taħdem bħala katalist għall-kreattività lokali, li tipprovdi lill-artisti u l-intraprendituri kreattivi bi pjattaforma pubblika għall-ittestjar ta' ideat u kunċetti ġodda;

6.   Iqis li l-Midja Komunitarja tikkontribwixxi għall-għan li jitjieb il-litteriżmu taċ-ċittadini fil-midja permezz ta' l-indħil dirett tagħhom fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut u jitħeġġu żbokki tal-komunità bbażati fuq l-iskola biex tiġi żviluppata attitudni ċivika fiż-żgħar, jiżdied il-litteriżmu fil-midja, kif ukoll jinbena set ta' ħiliet li jista' jintuża wkoll għall-parteċipazzjoni tal-Midja Komunitarja;

7.   Jisħaq li l-Midja Komunitarja tgħin biex issaħħaħ il-pluraliżmu tal-midja, għax din tipprovdi perspettivi addizzjonali dwar kwistjonijiet li jinsabu fil-qalba tal-komunità speċifika;

8.  Jinnota li, fid-dawl ta' l-irtirar jew in-nuqqas ta' eżistenza ta' midja pubblika u kummerċjali f'ċertu oqsma, inklużi oqsma remoti, u t-tendenza mill-midja kummerċjali biex jitnaqqas il-kontenut lokali, il-Midja Komunitarja taf tkun l-uniku sors ta' aħbarijiet lokali u ta' l-informazzjoni u l-vuċi waħdanija tal-komunitajiet lokali;

9.   Jilqa' l-fatt li l-Midja Komunitarja tista' tagħmel liċ-ċittadini iżjed konxji tas-servizzi pubbliċi eżistenti u tista' tgħin biex trawwem il-parteċipazzjoni ċivili fid-diskors pubbliku;

10. Iqis li l-Midja Komunitarja tista' sservi ta' mod effettiv li bih l-Unjoni tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha billi tindirizza udjenzi mmirati b'mod speċjali; u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkollaboraw b'mod iżjed attiv mal-Midja Komunitarja ħalli jidħlu fi djalogu eqreb maċ-ċittadini;

11. Jinnota li l-Midja Komunitarja ta' kwalità tajba hija essenzjali sabiex tkun tista' twettaq il-potenzjal tagħha u jisħaq fuq il-fatt li mingħajr riżorsi finanzjarji proprji ma jistax ikun hemm din il-kwalità; Jinnota li r-riżorsi finanzjarji tal-Midja Komunitarja jvarjaw ħafna imma huma in ġenerali pjuttost skarsi, u jirrikonoxxi li ffinanzjar addizzjonali u adattament diġitali jippermettu lis-settur tal-Midja Komunitarja li jestendi l-profil innovattiv tiegħu u li jipprovdi servizzi ġodda u vitali li jġibu valur miżjud għal dak li qed jiġi offrut bħalissa f'forma analoga;

12. Jinnota li s-settur huwa nieqes mill-appoġġ li huwa bżonnjuż biex jagħmel sforzi kbar ħalli jtejjeb ir-rappreżentazzjoni tiegħu u jkollu kuntatt ma' l-Unjoni Ewropea u l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali;

13. Jisħaq fuq il-bżonn għall-Midja Komunitarja biex tkun politikament indipendenti.

14. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-elementi msemmija fir-riżoluzzjoni li tiddefinixxi l-Midja Komunitarja bħala midja li:

a)   ma tagħmilx profitt u tkun indipendenti, mhux biss mis-setgħa nazzjonali, imma wkoll mis-setgħa lokali, billi primarjament tidħol f'attivitajiet ta' interess pubbliku u ċivili, li taqdi objettivi definiti b'mod ċar li dejjem jinkludu l-gwadann soċjali u jikkontribwixxu għal djalogu interkulturali;

b)   trid tagħti kont lill-Komunità li tfittex li taqdi, u dan ifisser li għandha tinforma lill-Komunità dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha, li tiġġustifikahom, u li tiġi ppenalizzata fil-każ ta' mġiba ħażina, sabiex is-servizz jibqa' kkontrollat mill-interessi tal-Komunità u jiġi evitat il-ħolqien ta' netwerks minn fuq għal isfel ("top-down"-networks);

c)   tkun favur il-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta' kontenut mill-membri tal-komunità, li jistgħu jipparteċipaw fl-aspetti kollha ta' l-operazzjoni u ta' l-immaniġġjar imma fejn dawk responsabbli mill-kontenut editorjali jrid ikollhom status professjonali;

15. Jagħti parir lill-Istati Membri biex jagħtu rikonoxximent legali lill-Midja Komunitarja bħala grupp distint flimkien mal-midja kummerċjali u pubblika fejn rikonoxximent bħal dan għadu nieqes mingħajr ma jkun ta' detriment għall-midja tradizzjonali;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-Midja Komunitarja bħala soluzzjoni alternattiva u minn isfel għal fuq (bottom-up) biex jiżdied il-pluraliżmu tal-midja meta jitfasslu l-indikaturi għall-pluraliżmu tal-midja;

17. Jitlob lill-Istati Membri għal appoġġ iżjed attiv tal-Midja Komunitarja biex jiġi żgurat il-pluraliżmu fil-midja, sakemm dan l-appoġġ ma jkunx detrimentali għall-midja pubblika;

18. Jisħaq fuq l-irwol li jista' jkollhom l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jappoġġjaw u jħeġġu l-Midja Komunitarja billi jipprovdu infrastruttura xierqa, flimkien ma' appoġġ fil-kuntest ta' programmi li jħeġġu l-iskambji ta' l-aħjar prattiki, bħal ma hu l-programm tal-Komunità 'Reġjuni għall-Bidla Ekonomika' (magħrufa qabel bħala Interreg);

19. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu l-ispettru tat-televixin u tal-frekwenza tar-radju disponibbli, kemm l-analogu u d-diġitali, filwaqt li jżommu f'moħħhom li s-servizz provdut mill-Midja Komunitarja ma jridx jiġi assessjat f'termini ta' spejjeż ta' l-opportunità jew ġustifikazzjoni ta' l-ispiża ta' l-allokazzjoni ta' l-ispettru imma iżjed f'termini tal-valur soċjali li jirrappreżenta;

20. Jirrikonoxxi li, min-naħa l-waħda, hemm biss proporzjon żgħir mis-settur li għandu l-għarfien u l-esperjenza biex japplika għall-appoġġ ta' l-UE u biex igawdi minnha, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-uffiċjali li jiffinanzjaw mhumiex konxji tal-potenzjal tal-Midja Komunitarja;

21. Jirrikonoxxi li s-settur jista' jagħmel iżjed użu mill-iskemi ta' ffinanzjar ta' l-UE sakemm jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Midja Komunitarja, permezz ta' l-implimentazzjoni ta' numru ta' programmi speċifiċi, bħal ma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll il-possibilità għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ġurnalisti permezz tal-Programmi għat-Tagħlim Matul il-Ħajja u oħrajn; madankollu jisħaq li l-iffinanzjar irid jasal b'mod prinċipali mis-sorsi nazzjonali, lokali u/jew oħrajn;

22. Iħeġġeġ lill-Midja Komunitarja biex tistabbilixxi pjattaforma Ewropea ta' l-Internet li permezz tagħha tkun tista' tinxtered informazzjoni utli u relevanti għas-settur, u biex jiġu faċilitati l-ħidma tan-netwerks (networking) u l-iskambju ta' l-aħjar prattiki;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1)

ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(2)

ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(3)

ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(4)

ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(5)

ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.

(6)

ĠU L 108, 24.4.2002, p.1.

(7)

Testi Adottati, P5_TA(2004)0373.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Id-definizzjoni ta' Midja Komunitarja

Dan ir-rapport ifittex għal miżuri biex jappoġġjaw Midja Komunitarja jew alternattiva fl-Ewropa sabiex jiġu garantiti ambjent iżjed favur il-midja pluralistika, id-diversità kulturali u biex jiġi definit b'mod ċar is-settur bħala grupp distint fis-settur tal-midja. Midja Komunitarja jew alternattiva ('MK') tista' tiġi definita bħala:

midja li ma tagħmilx profitt u li trid tagħti kont lill-komunità li tfittex li taqdi, Tkun favur il-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta' kontenut mill-membri tal-komunità. Minħabba f'hekk, hija grupp distint fis-settur tal-midja fuq l-istess livell tal-midja kummerċjali u pubblika.

Il-Midja Komunitarja hija indirizzata għal gruppi ta' mira speċifiċi. Din għandha ħidma definita b'mod ċar, li ssir bi qbil mal-kontenut tagħha. Il-benefiċċju soċjali għal komunità hija ta' interess primarju.

Il-Midja Komunitarja toħloq il-koeżjoni, tagħti identità, tħeġġeġ l-interessi u tippreserva d-diversità kulturali u lingwistika.

Il-Midja Komunitarja hija ġeneralment immexxija minn ċittadini dedikati, kreattivi, b'kuxjenza soċjali b'saħħitha.

Il-Midja Komunitarja tikkontribwixxi għall-għan li jitjieb il-litteriżmu tal-midja taċ-ċittadini permezz ta' l-involviment dirett tagħhom fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut;

2. Il-Kuntest storiku u l-istatus quo

L-attività tal-Midja Komunitarja dehret l-ewwel darba fl-Amerika Latina fl-1940ijiet bħala moviment ta' prostesta f'minjiera ta' l-istann u mbagħad żviluppat iżjed fl-Amerika ta' Fuq fil-1950ijiet.

Fl-Ewropa tal-Punent, il-Midja Komunitarja żviluppat fis-1960ijiet u fis-1970ijiet u fittxet li tipprovdi kontenut alternattiv imqabbel mas-stazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku, li kellu jaderixxi ma' regolamenti tal-kontenut stretti u imposti mill-istat. Bil-liberalizzazzjoni tat-1980ijiet, ċertu inizjattivi tal-Midja Komunitarja ngħataw status legali. Minn dak iż-żmien, is-settur esperjenza, bil-mod imma dejjem jikber, iżjed rikonoxximent ma' l-Ewropa tal-Punent.

Madankollu, f'ħafna mill-pajjiżi li ssieħbu ma' l-Unjoni Ewropea fl-2004 u fl-2007, is-settur esperjenza storja kemmxejn differenti. Xandir illegali kien qed jintuża bħala strument minn movimenti għad-drittijiet ċivili biex jipprotestaw kontra l-gvernijiet awtoritarji. Eżempji huma r-"Radio Student" Sloven li twaqqaf fl-1969. Barra minn hekk, il-Knisja kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-movimenti tal-midja alternattiva f'ċertu pajjiżi oħra ta' l-Ewropa Ċentrali. Fil-Polonja, per eżempju, ir-radju Kattoliku tal-Midja Komunitarja kien marbut mill-viċin ma' l-oppożizzjoni Pollakka li wassal għat-tibdiliet ta' l-1989.

Il-ħolqien tal-World Wide Web mexxa, f'dawn l-aħħar snin, lis-settur f'dik li xi wħud isejħulha t-Tielet Era tal-Midja Komunitarja. Il-Midja Komunitarja taqsam ukoll din l-isfida mal-midja l-oħra kollha.

3. Gwadann soċjali u kulturali

Il-Midja Komunitarja tista' tilħaq varjetà ta' objettivi soċjali u kulturali.

L-irwol tal-Midja Komunitarja fid-djalogu kulturali, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni tal-Komunità

Il-Midja Komunitarja tgħin biex issaħħaħ l-identitajiet ta' komunitajiet ta' interess speċifiċi filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-membri ta' dawk il-komunitajiet li jidħlu ma' gruppi oħra tas-soċjetà. Għalhekk huma jista' jkollhom rwol ewlieni biex irawmu t-tolleranza u l-pluraliżmu fis-soċjetà.

Eżempju: F'Londra, żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni u sapporters tal-futbol qed imexxu proġett tar-radju bl-Internet li jittratta aspetti varji ta' x'inhu sapporter. Iż-żgħażagħ jipprovdu kummentarji dwar il-logħob, jagħmlu intervisti lill-idoli tagħhom, jiddiskutu r-razziżmu, l-omofobija u l-vjolenza, u jressqu l-aggressuri wiċċ imb'wiċċ mal-vittmi tagħhom. Dawn huma megħjuna minn xandara professjonali mill-università ta' Londra. Il-proġett jirċievi appoġġ governattiv u ffinanzjar minn klabb tal-futbol ewlieni f'Londra li jippubblika dan il-proġett fuq il-'homepage' tiegħu.

Il-Midja Komunitarja hija mezz effettiv biex jissaħħu l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-emanċipazzjoni lokali. Il-Midja Komunitarja tista' tippermetti lil membri żvantaġġati ta' komunità biex isiru parteċipanti attivi fis-soċjetà billi jidħlu f'dibattiti li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma importanti għalihom.

Eżempju: "Angel Radio" (UK) huwa mmirat għaċ-ċittadini anzjani u huwa magħmul mill-istess anzjani li jfittxu li jkollhom rwol iżjed attiv fil-ħajja komunitarja. L-istazzjon joħloq ħafna kontenut li jittratta b'mod speċifiku l-kwistjonijiet relatati ma' l-anzjani. L-istazzjon tar-radju jfittex li jibda dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet li huma importanti għall-kostitwenza. Dan ħareġ CDs għall-iskejjel lokali li jfittxu li jtejbu l-kuxjenza dwar kwistjonijiet bħal ma huma n-negliġenza ta' l-anzjani kif ukoll l-abbuż fiżiku u mentali ta' ċittadini anzjani.

Il-Midja Komunitarja tgħin lin-nies jegħlbu sfidi ġodda li jkunu qed jaffaċċjaw, peress li bil-Midja Komunitarja huma jkunu jistgħu iżjed faċilment isibu oħrajn li jkunu qed jaffaċċjaw l-istess sfidi.

Eżempju: Bidu ġdid f'pajjiż li jkollu kultura u lingwa mhux familjari huwa xi ħaġa ta' kuljum għal Ewropej mobbli. Kwalunkwe bidu ġdid huwa iżjed faċli jekk wieħed ikun jista' jaqsam l-esperjenzi tiegħu minn daru ma' nies oħra li jkunu qed jagħmlu l-istess. Il-pjattaformi ta' l-internet li jagħmlu dan possibbli huma eżempji ta' Midja Komunitarja li tkun qed taħdem sew.

Il-Midja Komunitarja u l-litteriżmu dwar il-midja

Il-Midja Komunitarja għandha l-potenzjal li sservi ta' għodda biex issaħħaħ il-ħiliet individwali fil-professjonijiet fl-ambjent tal-midja. Taħriġ fil-ħiliet diġitali u fil-ħiliet ta' l-internet jipprovdi, fil-kuntest ta' attività tal-Midja Komunitarja, ħiliet verament utli u trasferibbli. Dan jgħin lin-nies mhux biss biex isibu xogħol fis-settur tal-midja imma wkoll biex ikollhom opinjoni tajba tagħhom infushom u kunfidenza fihom infushom. Huma jibdew iġibu lura l-motivazzjoni tagħhom biex jitgħallmu.

Il-Midja Komunitarja bħala rabta bejn il-komunitajiet lokali u s-servizzi pubbliċi lokali

Il-Midja Komunitarja tista' tagħmel liċ-ċittadini iżjed konxji ta' servizzi pubbliċi eżistenti u tħeġġiġhom biex min-naħa tagħhom jgħinu lis-servizzi pubbliċi ħalli jaqdu aħjar il-bżonnijiet tal-komunità. L-istituzzjonijiet tas-servizzi pubbliċi lokali jistgħu jaħdmu flimkien mal-Midja Komunitarja ħalli jaħdmu mal-komunità lokali.

It-tħeġġiġ tal-potenzjal kreattiv lokali

Il-Midja Komunitarja taġixxi ta' katalista għall-kreattività lokali u toffri pjattaforma biex l-artisti u l-intraprendituri kreattivi jittestjaw ideat u kunċetti ġodda fil-pubbliku.

Eżempju: L-"Amsterdam Open Channel" hija inizjattiva komunitarja tat-televixin. Programmi tat-televixin bħal "Hoekstreen Live" joffru programmi kreattivi avant-garde. "Hoekstreen Live" huwa programm ta' tnax-il siegħa li jadotta approċċ partiċipattiv għat-"talk shows" billi l-kamera tgħaddi minn id għal oħra ta' kull min ikun jixtieq jiffilmja. Nies li jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jidħlu fl-istudjo u jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-programm b'mod 'live'. Dan qed jesperimenta wkoll bil-konverġenza tal-midja ta' l-Internet u tax-xandir. Dan għandu staff tat-televixin virtwali li jiffilmja u jxandar avvenimenti li jseħħu f'"Second Life", dinja virtwali bbażata fuq l-internet.

Il-pluraliżmu tal-midja u l-Midja Komunitarja

Il-pluraliżmu tal-midja huwa kunċett li jinvolvi l-aċċess taċ-ċittadini għal varjetà ta' sorsi ta' l-informazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' kontenut li tħallihom jifformaw l-opinjoni tagħhom mingħajr influwenza mhux meħtieġa ta' qawwa dominanti u li tbiddel l-opinjonijiet. Minħabba f'hekk hija kkunsidrata element importanti fis-soċjetà demokratika u hija għalhekk ukoll mdaħħla fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Midja Komunitarja tgħin biex issaħħaħ il-pluraliżmu tal-midja, għax din tipprovdi perspettivi addizzjonali dwar kwistjonijiet li jinsabu fil-qalba ta' komunità partikolari.

Eżempju: "La Maison des Media Libres " hija inizjattiva Franċiża li tgħaqqad flimkien erba' inizjattivi tat-televixin tal-Midja Komunitarja taħt organizzazzjoni umbrella waħda sabiex tipprovdi perspettiva alternattiva dwar affarijiet attwali kif ukoll kwistjonijiet soċjali u kulturali. L-objettiv huwa li jiġi stabbilit ċentru tal-midja alternattiva li jinkludi l-produzzjoni fil-qasam tat-televixin u tar-radju, il-pubblikazzjoni tal-kotba, id-distribuzzjoni tal-films u l-attivitajiet marbuta maċ-ċinema.

4. L-UE u l-Midja Komunitarja

Il-politika tal-komunikazzjoni

Il-'White Paper' dwar il-politika tal-komunikazzjoni Ewropea tagħmel referenza ċara għad-dritt ta' l-informazzjoni, il-libertà ta' l-espressjoni, l-inklużività, id-diversità u l-parteċipazzjoni li għandhom jiggwidaw it-tfassil tal-politika ta' l-UE f'dan il-qasam. Wieħed mill-prinċipji ewlenin imħeġġa fil-'White Paper' huwa li jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini b'mod dirett billi 'tmur lokali'. L-inizjattivi tal-politika ta' l-UE u l-effetti tagħhom għandhom jiġu diskussi fil-kuntest lokali tal-ħajja ta' kuljum tan-nies. Il-Midja Komunitarja tista' tgħin biex trawwem il-parteċipazzjoni ċivili fid-diskors pubbliku u biex tgħin lill-Kummissjoni toħloq rabtiet bejn it-tħassib taċ-ċittadini u l-politiki ta' l-UE. Kollaborazzjoni iżjed attiva mal-Midja Komunitarja bbażata b'mod lokali tista' tkun mezz għall-Kummissjoni biex tidħol fi djalogu eqreb maċ-ċittadini.

L-edukazzjoni u l-litteriżmu fil-midja

Il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-litteriżmu fil-midja tgħid li 'huwa wkoll importanti li ċ-ċittadini jifhmu aħjar id-dimensjoni ekonomika u kulturali tal-midja u li ssir diskussjoni dwar l-importanza għall-ekonomija ta' l-Ewropa li jkollha midja b'saħħitha u kompetittiva fil-livell globali, li twassal għall-pluraliżmu u d-diversità kulturali'. Il-Midja Komunitarja tikkontribwixxi b'mod ċar għall-għan li ċ-ċittadini jifhmu aħjar l-industrija tal-midja, speċjalment permezz ta' l-involviment dirett taċ-ċittadini fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut.

Il-pluraliżmu tal-midja

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika, fil-bidu ta' l-2009, Komunikazzjoni dwar l-Indikaturi għall-Pluraliżmu tal-Midja li tirrifletti tħassib kbir fost l-istituzzjonijiet ta' l-UE li l-pluraliżmu u d-diversità tal-midja huma mfixkla mill-konċentrazzjoni tal-midja. Dan suppost jiġi akkumpanjat minn konsultazzjoni pubblika. Din il-konsultazzjoni għandha tqis il-Midja Komunitarja bħala soluzzjoni alternattiva, minn isfel għal fuq (bottom-up) għall-pluraliżmu tal-midja li dejjem qed jiżdied. Flimkien ma' dan, l-appoġġ iżjed attiv ta' l-Istati Membri għall-Midja Komunitarja jista' jkun mezz li bih jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-midja.

5. Il-bżonnijiet tas-settur

Wieħed mill-iktar punti dgħajfin rigward il-pożizzjoni tal-Midja Komunitarja fl-Ewropa huwa n-nuqqas ta' rikonoxximent legali fil-ħafna liġijiet nazzjonali. Wieħed mill-eżempji pożittivi huwa r-Renju Unit fejn il-Midja Komunitarja hija legalment rikonoxxuta flimkien mal-midja privata u kummerċjali. B'kuntrast, s'issa, l-UE ma tagħmilx referenza għall-Midja Komunitarja bħala forma distinta tal-midja, imma topera biss fil-qafas tal-fornituri tas-servizz tal-midja pubblika u kummerċjali.

L-ebda mit-testi legali relevanti ma jittratta l-idea ta' Midja Komunitarja.

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-Midja Komunitarja taffaċċja sitwazzjoni diffiċli.

Għall-iżvilupp tal-Midja Komunitarja, huwa importanti li jkollha status legali li jkun rikonoxxut legalment. Dan jippermetti lis-settur li jgħolli l-profil fost dawk li jagħmlu l-politiki kif ukoll li jaħdem flimkien ma' pubbliċitarji jew korpi li jiffinanzjaw possibbli.

Ibbażati fuq ir-regolamenti preżentament fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-possibilità li jiddefinixxu obbligi tat-tixrid (must carry) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jinkludu l-Midja Komunitarja. Obbligi tat-tixrid għandhom bżonn ikunu raġonevoli fid-dawl ta' objettivi ta' interess ġenerali li jkunu definiti b'mod ċar. Objettivi bħal dawn jinkludu fost oħrajn il-libertà ta' l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali u lingwistika u l-inklużjoni soċjali.

Id-diversità kulturali u l-pluraliżmu tal-midja jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali biex jevalwaw il-bżonn għall-operaturi li jinkludu servizzi tax-xandir speċifiċi fin-netwerks tagħhom. Fl-ambjent diġitali, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-għodod bħall-gwidi għal programmi elettroniċi jinkludu l-Midja Komunitarja disponibbli fil-listi tagħhom. Għalhekk, l-UE u l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu dawn l-ideat biex jiġġustifikaw l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għall-Midja Komunitarja u biex jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fl-ambjent diġitali, inkluż l-osservazzjoni tal-bidla diġitali.

B'dan il-mod għandu jiġi osservat li l-ispejjeż tat-tranżizzjoni mit-trażmissjoni analoga għal dik diġitali tpoġġi piż kbir fuq l-attivitajiet tal-Midja Komunitarja.

6. L-iffinanzjar tal-Midja Komunitarja

Ir-riżorsi finanzjarji tal-Midja Komunitarja jistgħu jvarjaw ħafna imma huma b'mod ġenerali pjuttost skarsi. L-iffinanzjar ta' l-UE jista' jkun sors importanti ta' dħul. Minħabba l-fatt li s-settur huwa eteroġenu u l-benefiċċji tal-Midja Komunitarja huma ħafna, is-settur jista' jgawdi minn firxa ta' ffinanzjar ta' l-UE bħal ma huma l-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Programm ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja u oħrajn.

Madankollu, parti żgħira biss mis-settur għandha l-għarfien u l-esperjenza biex tapplika għall-appoġġ ta' l-UE u biex tgawdi minn dan. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali li jiffinanzjaw huma wkoll mhux konxji tal-firxa tal-potenzjal tal-Midja Komunitarja.

Għalhekk, l-iskop jeżisti biex jiġi integrat iżjed il-kunċett tal-Midja Komunitarja fl-azzjonijiet ta' l-appoġġ ta' l-UE. Informazzjoni dwar l-applikazzjoni għal iffinanzjar ta' l-UE eżistenti għandha tinxtered permezz ta' sors Ewropew ibbażat fuq l-internet iddedikat għall-Midja Komunitarja.

7. L-organizzazzjoni u r-rappreżentazzjoni tas-settur fil-livell ta' l-UE

In-nuqqas ta' kwalunkwe tip ta' referenza għall-Midja Komunitarja fid-dokumenti ta' l-UE huwa sinjal ċar li s-settur huwa nieqes mir-rabtiet mal-leġiżlaturi u l-amministrazzjoni fil-livell Ewropej.

Ir-reviżjoni dejjem għaddejja tar-regoli tat-telekomunikazzjoni Ewropea tkun okkażjoni importanti għas-settur biex jgħolli leħnu u biex jipparteċipa fid-dibattitu. L-istess imur għall-konsultazzjoni pubblika ppjanata dwar l-indikaturi għall-pluraliżmu tal-midja. Il-valur miżjud tal-Midja Komunitarja għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-UE huwa argument tajjeb għall-Kummissjoni biex tikkunsidra li tappoġġja l-parteċipazzjoni tas-settur fid-diskussjonijiet fil-livell Ewropew.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

2.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Ivo Belet, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Doris Pack, Christa Prets, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Helga Trüpel, Thomas Wise

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Victor Boştinaru, Gyula Hegyi, Elisabeth Morin, Ewa Tomaszewska

Avviż legali - Politika tal-privatezza