RAPPORT dwar l-Istabbilizzazzjoni ta’ l-Afganistan: sfidi għall-UE u għall-komunità internazzjonali

26.6.2008 - (2007/2208(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: André Brie
Rapporteur għal opinjoni (*):Jürgen Schröder, Kumitat għall-Iżvilupp
(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0269/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Istabbilizzazzjoni ta’ l-Afganistan: l-isfidi għall-UE u għall-komunità internazzjonali

(2007/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-għadd ta' riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan u, l-aktar riċenti, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006[1],

–   wara li kkunsidra l-Patt ta’ l-Afganistan li ġie konkluż fil-Konferenza ta' Londra ta' l-1 ta' Frar 2006 u l-għarfien tal-Gvern Afgan u tal-komunità internazzjonali li s-suċċess tal-Ftehim jeħtieġ impenn politiku, ta' sigurtà u finanzjarju qawwi sabiex jintlaħqu l-punti ta' riferenza fl-iskadenzi ta' żmien miftehma, u jiddependi minn mekkaniżmu effettiv ta' koordinazzjoni u monitoraġġ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kapijiet ta’ l-Istat tan-Nazzjonijiet li tat kontribut lill-ISAF fl-Afganistan, ippubblikata fis-summit tan-NATO f’Bukarest fit-3 ta’ April 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, ippreżentat fil-21 ta' Settembru 2007, dwar 'Is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà',

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Kontroll tad-Droga tal-Gvern ta’ l-Afganistan imnedija fil-Konferenza ta’ Londra f’Jannar 2006,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-produzzjoni ta' l-oppju għal skopijiet mediċi fl-Afganistan[2],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet relevanti kollha tal-Kunsill, u b’mod partikulari dawk ta’ l-10 ta’ Marzu 2008, id-29 ta’ April 2008 u s-26-27 ta’ Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/CFSP tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)[3] and l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/733/CFSP tat-13 ta’ Novembru 2007 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/369/CFSP[4],

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea għall-2008,

–   wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Kummissjoni, li ddedika 610 miljun Euro għar-Repubblika Islamika ta' l-Afganistan għas-snin ta' baġit 2007-2010,

–   wara li kkunsidra ż-żjara li għamlet id-delegazzjoni mill-Parlament Afgan (Wolesi Jirga) lill-Parlament Ewropew bejn is-26 u t-30 ta’ Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0269/2008),

A. billi l-Afganistan jinsab f’salib it-toroq, kif jixhed il-fatt li żdiedu l-atti terroristiċi u l-insurġenza vjolenti, sitwazzjnoi tas-sigurtà li qed tiddeterjora u produzzjoni ta’ l-oppju li qed tiżdied, u billi minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali u s-suċċess parzjali fir-rigward tar-rikostruzzjoni ċivili, il-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni Afgana ma tjibux; billi t-theddida attwali li qed jiffaċċja l-Afganistan tirrikjedi azzjoni fuq medda qasira ta’ żmien iżda s-soluzzjonijiet fit-tul jistgħu jinkisbu biss bis-saħħa ta' titjib fil-governanza u l-ħolqien ta' stat aktar b'saħħtu,

B.  billi l-gvern tal-President Hamid Karzai jikkontrolla terz ta’ l-Afganistan, li jirrappreżenta zona tliet darbiet ikbar mit-territorju kkontrollat mit-Taliban,

C. billi l-Istati Uniti – bl-appoġġ tar-Renju Unit – nidiet l-Operazzjoni "Enduring Freedom" fis-7 ta' Ottubru 2001; billi erba' Stat Membri oħra ta' l-UE – ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Polonja u r-Rumanija – huma fost il-forzi ta' koalizzjoni li qed jipparteċipaw fl-operazzjoni; billi apparti Ċipru u Malta, l-Istati Membri kollha ta' l-UE jikkontribwixxu b'total ta' truppi ta’ aktar minn 21,500 ruħ lill-missjoni ISAF immexxija min-NATO; billi l-ewwel timijiet ta' rikostruzzjoni provinċjali (PRTs) bdew ħidmiethom tard fl-2001 u bħalissa hemm madwar 25 PRTs li qed joperaw madwar il-pajjiż kollu,

D. billi l-attivitajiet militari tat-Taliban ma joħolqu ebda theddida diretta għas-sovranità ta’ l-Afganistan u l-mira ewlenija tagħhom hija li jiżirgħu nuqqas ta’ ftehim bejn l-alleati tan-NATO u li joħolqu l-impressjoni li l-paċi fir-reġjun hija impossibbli, bil-konsegwenza li d-dispaċċ ta’ forzi ġodda tan-NATO lejn l-Afganistan ġie sospiż,

E.  billi hemm diskrepanza kbira bejn l-ammont ta' flus li qed tonfoq il-komunità internazzjonali fuq operazzjonijiet militari fuq naħa, u l-flus għar-rikostruzzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja fuq in-naħa l-oħra,

F.  billi aktar minn nofs l-abitanti ta’ l-Afganistan illum qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-povertà u l-ekonomija tal-pajjiż hija waħda mill-aktar dgħajfa fid-dinja, bil-qgħad jilħaq 40%,

G. billi s-settur tas-saħħa ta’ l-Afganistan beda jagħti l-ewwel riżultati promettenti, bħalma huma t-tnaqqis ta' 24% fir-rata ta' mortalità tat-tfal mill-waqgħa tat-Taliban, numru akbar ta' trabi li jibqgħu ħajjin wara l-ewwel sena tagħhom, u perċentwali aktar għoli ta' Afgani b'aċċess dirett għal-kura primarja tas-saħħa,

H. billi s-sistema edukattiva Afgana qed turi l-ewwel sinjali ta' żviluppi pożittivi bħalma huwa n-numru li qed jikber ta' tfal u partikularment bniet, studenti u għalliema li reġgħu lura lejn l-iskejjel, ir-riabilitazzjoni ta' l-iskejjel primarji li qed issir u t-taħriġ għall-għalliema,

I    billi għalkemm m'hemm l-ebda figuri uffiċjali dwar l-imwiet fost iċ-ċivili fl-Afganistan, ir-rapport tas-6 ta’ Marzu 2008 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan jindika li "fl-2007, il-livell ta’ attività insurġenti u terroristika żdied sewwa meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Fl-2007 ġiet reġistrata medja ta’ 566 inċident fix-xahar, meta mqabbla ma’ 425 fix-xahar fis-sena ta’ qabel. Mit-8,000 mewt relatata mal-kunflitt fl-2007, aktar minn 1,500 kien persuni ċivili – l-ogħla figura ta’ mwiet sa minn meta tneħħa t-Taliban fl-2001,

J.   billi l-Kostituzzjoni Afgana l-ġdida ma tiggarantixxix libertà reliġjuża sħiħa, minħabba li l-abbandun ta’ l-Iżlam jibqa’ reat punibbli,

K. billi l-Bord Konġunt ta’ Koordinazzjoni u Monitoraġġ għall-Afganistan li ltaqa’ bejn il-5 u s-6 ta’ Frar 2008 f’Tokjo beda jħejji konferenza internazzjonali biex janalizza l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan adottat mill-Konferenza ta’ Londra ta’ l-2006 (il-Patt ta’ l-Afganistan),

L.  billi l-Istħarriġ ta’ Valutazzjoni Rapida tax-Xitwa ta’ l-Opju ta’ l-Afganistan ta’ l-2008 (li sar mill-Uffiċċju għad-Drogi u l-Kriminalità tan-Nazzjonijiet Uniti) jikkonferma t-tendenzi ta’ l-istħarriġ ta’ l-2007, skond liema in-numru ta’ provinċji mingħajr oppju fit-tramuntana u ċ-ċentru jista’ jiżdied iżda l-livell ta’ kultivazzjoni fin-nofsinhar u fil-punent probabbli li tikber; billi r-rapport ta’ l-2007 minn naħa jirrepeti l-fehma żbaljata li provinċji mingħajr ebda kultivazzjoni jew bi ftit kultivazzjoni ta’ pepprin huma “ħielsa mill-oppju” iżda jagħmel enfasi min-naħa l-oħra fuq ir-rabta bejn in-nuqqas ta' sigurtà u l-produzzjoni ta' narkotiċi; billi l-għodod prinċipali ta' politika kontra n-narkotiċi huma l-qerda tal-kultivazzjoni, il-projbizzjoni (li hija aktar kumplessa mill-arrest tat-traffikanti), u l-żvilupp (għajxien alternattiv) segwiti flimkien,

1.  Hu tal-fehma li b’riżultat ta’ l-aħħar 30 sena fil-ġrajja ta’ l-Afganistan, li kienu kkaratterizzata mill-okkupazzjoni Sovjetika, il-ġlied bejn id-diversi fazzjonijiet ta’ Mujahideen u r-ripressjoni tar-reġim tat-Taliban, il-pajjiż beda proċess ta’ rikostruzzjoni importanti u kumplessa tas-soċjetà tiegħu u jeħtieġ ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu u biex jipprovdi aħjar għall-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tiegħu f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, in-nutriment u s-sikurezza pubblika; jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi u l-progress li sar mill-poplu Afgan u mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż sa mill-2002 lejn l-istabbiliment ta’ l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-proċess lejn l-istabilità;

2.  Hu konvint li l-pajjiż sar każ li jintuża bħala test għall-għajnuna internazzjonali għall-iżvilupp u l-koperazzjoni bilaterali u multilaterali; jenfasizza l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tkompli taħdem mal-Gvern Afgan u man-nies ta’ l-Afganistan sabiex turi l-abilità tagħha li ġġib fit-tmiem iċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza u l-faqar u li tagħti lill-pajjiż il-prospett ta' paċi u żvilupp sostenibbli; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipproponu inizjattiva għal Kunsill internazzjonali li fih id-donaturi ewlenin, il-kontributuri militari u l-organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti possibbilment immexxi mill-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan u bbażat fuq il-kunċett tal-Kummissjoni għall-Bini tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, jarmonizza l-isforzi differenti ta’ rikostruzzjoni fl-Afganistan;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-effetti dewwiema tal-gwerer li seħħew fil-pajjiż, il-miljuni ta’ vittmi, persuni b’disabilità, refuġjati, persuni spostati u l-ispejjeż materjali li jirriżultaw mill-qerda ta’ l-infrastruttura prinċipali kważi kollha kemm hi;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi u l-progress li sar mill-poplu Afgan u mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż sa mill-2002 lejn l-istabbiliment ta’ l-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tat-tiftix għall-istabbiltà; u jikkunsidra dawn il-kisbiet bħala estremament importanti meta mqabbla mal-problemi strutturali ta’ nuqqas ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ rispett tad-dinjità tal-bniedem li kkaratterizzaw l-Afganistan taħt ir-reġim Sovjetiku u taħt dak tat-Taliban;

5.  Jikkunsidra b’mod partikolari li l-parteċipazzjoni massiva tal-popolazzjoni fil-fażijiet elettorali differenti tal-pajjiż tafferma l-volontà tan-nisa u ta’ l-irġiel ta’ l-Afganistan li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ pajjiż ibbażat fuq il-prinċipji tad-demokrazija attiva u parteċipattiva; jenfasizza li dawn l-elezzjonijiet ikkostitwixxew referenza fil-kuntest reġjonali u fil-pajjiżi fi transizzjoni li jkunu għaddejjin minn kunflitti kbar bl-armi;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Afgani jkomplu fil-ġlieda tagħhom kontra kull forma ta’ korruzzjoni, li jimplimentaw linji politiċi effikaċji ta’ titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tal-popolazzjoni;

7.  Jinnota li fl-Afganistan, l-UE hija primarjament magħrufa bħala organizzazzjoni umanitarja, iżda jikkunsidra li hemm ukoll ħtieġa sabiex l-UE tidher bħala dik li għandha infuwenza politika aktar qawwija u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi strateġiji li permezz tagħhom, waqt li tqis is-sovranità naturali tal-poplu Afgan, l-UE tista’ ssaħħaħ il-viżibilità tagħha billi tagħti s-setgħa lill-magna burokratika, politika u ċivili sakemm l-infrastruttura governattiva tasal fi żmien ta’ aktar stabilità u permanenza;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha sabiex tipprovdi għajnuna ċivili effiċjenti u sostenibbli; għalhekk jitlob ukoll għal baġit ibbilanċjat li jalloka biżżejjed fondi għar-rikostruzzjoni ċivili u għall-assistenza umanitarja, minħabba li l-ħolqien tas-sigurtà u r-rispett għall-istat tad-dritt huma kwistjonijiet ta’ importanza ewlenija;

9.  Jenfasizza li t-tisħiħ kbir tar-rieda u l-impenn politiku huwa neċessarju, u li dan għandu jiġi segwit mhux biss bir-rieda li jiġu pprovduti truppi addizzjonali għall-ġlied fl-aktar zoni diffiċi, mhux ristretti minn twissijiet nazzjonali, iżda wkoll minn sforzi urġenti u intensifikati ta' rikostruzzjoni ċivili, sabiex jiġu kkonsolidati l-kisbiet u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-poplu Afgan fuq bażi fit-tul u sostenibbli; b'mod partikulari jqis li l-Operazzjoni "Enduring Freedom" tista’ titqies bħala kontroproduttiva jekk il-pressjoni militari fuq l-insurġenti ma tiġix kumplimentata bi proċess politiku li permezz tiegħu l-awtoritajiet Afgani jkunu jistgħu jilħqu lill-partijiet kollha tal-populazzjoni li jirrikonoxxu l-Kostituzzjoni u li jċedu l-armi tagħhom; f’dan ir-rigward, huwa jinnota wkoll li l-komunità umanitarja – in-NU u l-NGOs – jeħtieġ li ttejjeb il-koordinazzjoni, tevita inizjattivi ad hoc u tiżviluppa l-istat ta’ tħejjija u l-ippjanar tal-kontingenzi;

10. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-esperjenza u l-kompetenza tal-missjonijiet tagħha u ta’ dawk ta’ l-Istati Membri li diġà għandhom preżenza militari jew ċivili fit-territorju Afgan, fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ rikostruzzjoni ta’ l-Afganistan;

11. Jappoġġja l-isforzi tan-NATO sabiex itejbu s-sigurtà tal-pajjiż, kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu lokali u internazzjonali, u jqis li l-preżenza ta’ dawn il-forzi hija indispensabbli sabiex ikun żgurat il-futur tal-pajjiż;

12. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-isforzi sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu, l-estremiżmu reliġjuż, l-estremiżmu etniku, is-separatiżmu etniku u l-azzjonijiet kollha mmirati sabiex ifixklu l-integrità territorjali, l-unità ta’ l-istat u s-sovranità nazzjonali ta’ l-Afganistan;

13. Jiġbed attenzjoni għall-idea li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġaw lill-Afganistan fil-kostruzzjoni ta’ l-istat tiegħu stess, b’istituzzjonijiet demokratiċi aktar b’saħħithom li huma kapaċi jassiguraw is-sovranità nazzjonali, l-unità ta’ l-istat, l-integrità territorjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-prosperità tan-nies ta’ l-Afganistan u jirrispettaw it-tradizzjonijiet storiċi, reliġjużi, spiritwali u kulturali tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha li jinsabu fit-territorju Afgan;

14. Jinnota li l-bżonnijiet ta’ riorganizzazzjoni huma importanti ma’ l-Afganistan kollu, iżda li d-distribuzzjoni ta’ l-għajnuna u s-sigurtà huma problemi partikulari fiz-zona ddominata mill-Pashtun, u għalhekk, jitlob li jitħaffef il-pass ta’ l-attivitajiet ta’ rikostruzzjoni fin-nofsinhar ta’ l-Afganistan;

15. Jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-UE għandha tħeġġeġ u tgħin lill-investituri Ewropej sabiex jinvolvu rwieħhom fir-rikostruzzjoni ta’ l-Afganistan, sabiex ikunu preżenti fil-post u jiżviluppaw negozji hemmhekk;

16. Jirrimarka li l-problemi ewlenin li qed jiffaċċja l-pajjiż huma l-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà u l-istabbiliment ta’ stat li jiffunzjona; jinnota li l-problemi ta' sigurtà fl-Afganistan huma aktar kumplessi minn sempliċi ġlieda kontra t-terroriżmu, u għaldaqstant jirrikjedu aktar minn soluzzjoni militari; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà u l-istat tad-dritt huma interdipendenti, u li dan joħloq atmosfera tajba għall-iżvilupp uman, u li t-tisħiħ ta’ l-istat tad-dritt hu meħtieġ sabiex ikun possibbli li ċ-ċittadini tal-pajjiż jagħmlu għażliet ekonomiċi u soċjali li jippermettulhom jgħixu ħajja ta’ valur u ta’ saħħa, meta jkun akkumpanjat minn miżuri maħsuba biex jerġa’ jkun stabbilit stat li jiffunzjona sabiex jitħares l-istat tad-dritt, ikun żgurat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi u jkunu żgurati opportunitajiet indaqs għall-poplu;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn mistqarr fil-Patt miftiehem dwar l-Afganistan "sabiex issir ħidma favur Afganistan stabbli u prosperu, bi tmexxija tajba u ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd skond l-istat tad-dritt"; huwa ta' l-opinjoni li fin-nuqqas ta' prijoritajiet ċari jew ta' kalendarju ċar, il-Patt għandu jkollu linji gwida definiti dwar kif jistgħu jintlaħqu dawn l-objettivi ambizzjużi, u għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li d-donaturi jiżguraw li l-programmi tagħhom ikunu adattati għal dan it-tip ta’ prijoritajiet fil-livelli ċentrali u provinċjali, u li r-riżorsi allokati jintużaw b’mod xieraq u effettiv;

18. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tkun żviluppata strateġija bilanċjata u sostenibbli għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, strateġija li tipprovdi għal armata nazzjonali u forza tal-pulizija li jkunu professjonali; jenfasizza li s-sistema ġudizzjara Afgana hija fi bżonn estrem ta’ investiment u li hemm bżonn urġenti li tingħata attenzjoni għaż-żieda fil-kapaċità u l-abbiltà tagħha;

19. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja xi kisbiet li saru s'issa, ir-riżultati ġenerali ta' l-isforzi għal riforma fil-pulizija matul l-aħħar ħames snin kien ta’ diżappunt, u juru d-diffikultajiet serji li qegħda tiffaċċja l-komunità internazzjonali fil-post fejn jidħol it-twaqqif ta' istituzzjonijiet; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali b’mod ġenerali, u l-missjoni tal-pulizija ta’ l-UE b’mod partikolari, sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-forza tal-pulizija ta’ l-Afganistan stess, ikkaratterizzata mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

20. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mandat tal-EUPOL jipprovdi għal xogħliijiet sabiex “jappoġġa konnessjonijiet bejn il-pulizija u l-istat tad-dritt f’sens aktar wiesa’ ”, u għaldaqstant jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet rispettivi tagħhom sabiex jassiguraw li l-politiki ta' l-UE huma aktar koerenti u effiċjenti; iqis li huwa daqstant importanti li l-UE iżżid ir-riżorsi maħsuba għall-EUPOL konsiderevolment, kemm f'dak li huma ħaddiema kif ukoll finanzi; jenfasizza l-fatt li riforma komprensiva tal-Ministeru ta’ l-Intern hija indispensabbli u li din hija ħidma l-ewwel u qabel kollox politika, u problema teknika sa ċertu punt, fis-sens li mingħajrha, l-isforzi għar-riforma tal-pulizija ma jirnexxux, u għaldaqstant jagħti importanza kbira lil għan ieħor ta’ l-EUROPOL, jiġifieri l-għan li “jagħmel monitoraġġ, iservi ta’ gwida, jagħti pariri u jagħmel taħriġ fil-livell tal-Ministeru Afgan ta’ l-Intern, ir-reġjuni u l-provinċji”; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-programm ta’ EUR 2.5 miljun taħt l-Istrument ta’ Stabbilità dwar il-miżuri sabiex issir riforma għall-ħatra ta’ l-imħalfin u tal-prosekuturi, u jistenna li din l-iskema pilota sservi sabiex jiġi żviluppat programm ta’ riforma fit-tul għas-settur tal-ġustizzja għall-2009;

21. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-missjoni tal-EUPOL għad trid tilħaq is-saħħa kollha tagħha minkejja li għaddew għaxar xhur minn meta tnediet fil-15 ta’ Ġunju 2007, u jinnota li anke meta tkun qed taħdem b’mod sħiħ, din tikkonsisti biss f’195 persuna li jissorveljaw deċiżjonijiet ta’ livell għoli f’Kabul u fiċ-ċentri provinċjali; iqis li d-dikjarazzjoni riċenti tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Afgani li mill-anqas 700 ħarrieġ ieħor huma meħtieġa b’mod urġenti fil-pajjiż, u tal-kontribut li dan in-nuqqas għamel għas-sitwazzjoni li fiha r-rati ta’ mortalità huma ferm ogħla għall-pulizija milli għall-armata; jindika li l-gvern Ġermaniż offra li jżid il-kontribut tiegħu stess minn 60 għal 120 ħarrieġ jekk isiru impenni simili minn pajjiżi oħra ta’ l-UE; jitlob li jkun hemm aktar koordinazzjoni ta’ l-isforzi ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti għat-taħriġ tal-pulizija ċivili ta’ l-Afganistan;

22. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw irwieħhom, fil-kuntest tal-programm ta’ għajnuna għall-Afganistan, biex jirrifurmaw is-sistema legali, bil-għan li jagħmlu s-sistema ġudizzjarja Afgana professjonali permezz ta’ l-istituzzjonijiet ewlenin tiegħu, jikkonċentraw fuq il-Qorti Suprema, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-Ministeru tal-Ġustizzja, bil-għan li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-parti tad-difiża, billi tkun provduta l-għajnuna legali meħtieġa lil gruppi vulnerabbli, u jkunu garantiti d-drittijiet tad-difiża; jitlob li l-konformità mar-riżoluzzjoni tan-NU li titlob għal moratorju fuq il-piena kapitali tkun waħda mill-prijoritajiet ta’ l-isforzi Ewropej għal riforma fis-sistema tal-ġustizzja fl-Afganistan;

23. Jemmen bil-qawwa li l-PRTs għandhom jikkonċentraw fuq objettivi speċifiċi li jikkonċernaw is-sigurtà, it-taħriġ u l-ħidma mal-pulizija u mal-militar Afgani, u l-appoġġ għall-konsolidazzjoni tal-pożizzjoni tal-gvern ċentrali f’zoni mhux sikuri; jenfasizza l-ħtieġa li jerġa’ jkun definit is-sehem tal-PRTs, b’mod partikulri rigward il-kooordinazzjoni u l-iskambju ta’ l-aħjar prattiki bejniethom; hu konvint li minkejja li s-sigurtà u l-iżvilupp huma interdipendenti fl-Afganistan, hemm linja ċara bejn l-azzjoni militarji u umanitarja li jeħtieġ tinżamm, u li l-professjonisti tas-sigurtà u l-iżvilupp għandhom għaldaqstant jagħmlu l-aħjar użu mill-elementi b’saħħithom u mill-għarfien professjonali tagħhom; jemmen li n-numru ta’ Afgani li jaħdmu fil-PRTs għandu jiżdied u li l-proprjetà lokali għandha tiġi mtejba kemm jista’ jkun;

24. Jappoġġa bil-qawwa l-fehma li hemm ħtieġa urġenti li tkun żviluppata u msaħħa s-soċjetà ċivili li qed titwieled fl-Afganistan, u li se jinħtieġu ħafna żmien u sforzi sabiex b’mod gradwali tiżviluppa kuxjenza ġenerali dwar l-importanza tad-drittijiet tal-binedem, id-demokrazija u l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikulari l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-minoranzi; jenfasizza li soċjetà ċivili b’saħħitha tista’ tiżviluppa biss f’ambjent politiku li huwa karatterizzat minn istituzzjonijiet stabbli u effiċjenti u minn partiti politiċi organizzati sew; iqis li sabiex tingħeleb il-kultura ta' vjolenza li tiddomina s-soċjetà Afgana, il-komunità internazzjonali tad-donaturi għandha tagħti l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-proġetti lokali maħsuba għar-rikonċiljazzjoni; iqis li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol dejjem aktar importanti fl-appoġġ għas-soċjetà ċivili Afgana; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament u s-soċjetà ċivili Afgani jkollhom sehem sħiħ fl-ipprogrammar tal-koperazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ l-UE; u b’mod partikulari fl-abbozzar ta’ Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiżi u Pjanijiet ta’ Azzjoni Annwali;

25. Jemmen li t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili Afgana jkollu suċċess biss jekk il-gruppi etniċi u reliġjużi kollha jkunu rappreżentati u jinstemgħu, u jinkludi wkoll il-kooperazzjoni mal-kapijiet tribali tradizzjonali(kif diġà sar fl-hekk imsejjaħ “Uffiċjali ta’ Kollegament Tribali");

26. Jenfasizza li l-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni hija essenzjali sabiex tinħoloq soċjetà demokratika; huwa mħasseb ħafna dwar in-numru dejjem jikber ta’ attakki fuq ġurnalisti u jitlob lill-awotritajiet Afgani sabiex jinvestigaw b’mod serju dawn il-vjolazzjonijiet; Jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol tal-midja indipendenti fl-Afganistan, li stabbilixxiet mill-ġdid livell ta’ pluraliżmu ta’ l-informazzjoni fil-pajjiż wara deċennji ta’ nuqqas ta’ kwalunkwe libertà ta’ espressjoni; iqis li l-libertà ta’ l-istampa u ta’ l-espressjoni huma kundizzjonijiet indispensabbli għall-iżvilupp soċjali tal-pajjiż u tar-relazzjonijiet bejn l-Afganistan u l-Unjoni Ewropea; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-President Karzai irrifjuta li jiffirma l-abbozz tal-liġi dwar il-midja fil-15 ta' Diċembru 2007, wara li dan kien ġie approvat miż-żewġ kmamar tal-parlament; jistieden lill-President sabiex jiċċara l-istejtus ta' l-abbozz ta' liġi dwar il-midja u jfakkar fl-impenn tal-gvern fil-Patt dwar l-Afganistan li jiżviluppa midja "indipendenti u pluralistika"; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-libertà ta’ l-espressjoni, ipperikolata permezz tas-sentenzi mogħtija kontra bloggers u ġurnalisti indipendenti, u jitlob lill-gvern Afgan biex jimpenja ruħu li jiggarantixxi libertà effettiva tal-kelma għaċ-ċittadini kollha tiegħu, u dan jibda mid-difiża tal-libertà ta’ l-Internet;

27. Jenfasizza l-importanza ta’ liġi dwar il-mezzi tax-xandir li tħares ’il quddiem għall-iżvilupp ta’ soċjetà aktar inklużiva, tolleranti u demokratika li tibża’ għall-valuri reliġjużi u kulturali tal-pajjiż mingħajr ma trażżan l-attivitajiet u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir bl-iskuża tas-sigurtà nazzjonali jew ir-reliġjon u l-kultura;

28. Ifisser it-tħassib tiegħu għall-integrità fiżika tas-Sra Malalai Joya, Membru tal-Wolesi Jirga, u jitlob lill-awtoritajiet Afgani biex jiggarantixxu l-protezzjoni tagħha; jitlob lill-awtoritajiet Afgani sabiex jeħilsu lil Latif Pedram, fundatur tal-Partit tal-Kungress Nazzjonali ta' l-Afganistan mill-arrest fid-domiċilju, iwaqqgħu l-akkużi kontrih u jagħtu assikurazzjonijiet dwar is-sigurtà tiegħu;

29. Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Afgani sabiex jintroduċu moratorju fuq il-piena tal-mewt; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-ħajja ta’ Pervez Kambash u għexieren ta’ individwi oħrajn li qegħdin jiffaċċjaw is-sentenza tal-mewt f’sistema ġudizzjarja li għadha mhux kapaċi tiżgura li jsir ġuri ġust, u jitlob lill-President Karzai biex jibdel is-sentenzi tagħhom;

30. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress ta' l-Afganistan sabiex tjiebet ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-politika; jesprimi s-solidarjetà tiegħu lejn in-nisa kollha li jiġġieldu fil-pajjiż biex jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tagħhom; għadu mħasseb dwar id-differenzi kbar fid-dħul li jaqilgħu l-irġiel u n-nisa, ir-rata baxxa ħafna ta' litteriżmu fost in-nisa, l-inġustizzji li jbatu n-nisa u l-bniet – ikkaġunat minn prattiċi kulturali – kemm billi l-membri tal-familja u tal-komunita jiċħdulhom l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni u kemm n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjegar, kif ukoll il-livelli għolja ta' vjolenza domestika u diskriminazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-miżuri maħsuba għall-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa jiddaħħlu fir-riforma legali u politika; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex b'mod attiv jappoġġjaw din l-inizjattiva u sabiex jiddedikaw fondi għal miżuri bħal passi attivi biex iżidu n-numru ta’ bniet li jinkitbu biex imorru l-iskola u għar-reklutaġġ ta’ għalliema nisa, li se jgħinu biex tiżviluppa l-kapaċità tal-pajjiż li jħares id-drittijiet tan-nisa, bniet u tfal, minħabba li dawn ta’ l-aħħar huma wkoll vittmi ta’ vjolenza domestika u sfruttament sesswali ikkaġunati minn prattiki kulturali u x-xogħol li jisfrutta u t-traffikar; aktar minn hekk, jappella għal miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-problemi li qed isibu ma’ wiċċhom in-nisa Afgani fis-setturi tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni;

31. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sa minn Marzu 2002, l-UNHCR għenet 3.69 miljun rifuġjat Afgan sabiex jirritornaw lura fl-Afganistan, u b'hekk wettqet l-akbar operazzjoni ta' ritorn megħjun fl-istorja tagħha, iżda li, minkejja dan, għad hemm madwar 3.5 miljun Afgan, reġistrati jew mhumiex, fil-Pakistan u fl-Iran; huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fil-fondi għar-rifuġjati Afgani u jenfasizza li ż-żamma ta' programm effiċjenti ta' ripatrijazzjoni aktarx se jinvolvi aktar spejjeż, billi r-rifuġjati li baqa' fil-Pakistan u fl-Iran għandhom anqas riżorsi u rabtiet aktar dgħajfa ma' l-Afganistan minn dawk li diġa marru lura; jenfasizza li l-mawra lura sikura u volontarja tar-rifuġjati Afgani u ta' persuni li kienu mġegħla jħallu djarhom, għandha tkun prijorità għolja għall-Afganistan u għall-komunità internazzjonali;

32. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tkabbir u t-traffiku dejjem jikbru ta' l-oppju, li jwasslu għal implikazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà nazzjonali serji fl-Afganistan u fil-pajjiżi ġirien; jenfasizza li l-ekonomija bbażata fuq l-oppju għadha għajn ta' korruzzjoni u tikkomprometti l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-aktar dawk fl-oqsma tas-sigurtà u tal-ġustizzja; billi m'hemm l-ebda soluzzjoni ‘ta’ malajr’, u peress li l-miżuri ħarxa maħsuba sabiex jeqirdu l-uċuħ ta' l-oppju weħidhom ma jistgħux jagħtu r-riżultati mistennija, jistieden lill-komunità internazzjonali immexxija mill-gvern Afgan sabiex tiżviluppa strateġija fit-tul li tkun immirata b’mod ewlieni lejn l-iżvilupp rurali komprensiv, inkluż il-ħolqien ta' l-infrastruttura meħtieġa u ta' istituzzjonijiet amministrattivi li jaħdmu; jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu li qiegħed jiżided bejn l-Afganistan, l-Iran u l-komunità internazzjonali dwar modi ta’ kif jistgħu jitrażżnu l-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ l-oppju;

33. Huwa mħasseb dwar il-problemi soċjali u ta’ saħħa maġġuri kkawżati mill-vizzju tad-droga b’mod ġenerali, u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għal nisa Afgani b’mod partikolari, li għandhom dan il-vizzju; jirreferi għal stħarriġ ta’ l-Uffiċċju tan-NU dwar id-Droga u l-Kriminalità ta’ l-2005 skond liema, kien hemm 920 000 persuna li tagħmel użu mid-droga fl-Afganistan, li minnhom 120 000 kienu nisa; jenfasizza d-dikjarazzjoni li hemm fl-istħarriġ li, minflok tara l-vizzju tad-droga bħala problema soċjali, is-soċjetà Afgana taraha bħala problema individwali, u ħafna nisa jużaw id-drogi għal għanijiet mediċi biex itaffu u jagħmlu tajjeb għal firxa ta’ problemi fiżiċi u psikoloġiċi; jinnota li, minkejja li hemm pieni ħorox għal min ikabbar, jittraffika u juża d-droga, il-gvern ta’ l-Afganistan bħalissa mhuwiex kapaċi jinforza l-liġijiet f’dak ir-rigward; iħeġġeġ lill-gvern Afgan u lill-komunità internazzjonali sabiex ifasslu, jiffinanzjaw u jimplimentaw programmi, attivitajiet u kampanji ta’ tqajjim ta’ għarfien addattati li jkollhom fil-mira lin-nisa u lill-familji tagħhom;

34. Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni indirizzati biex jgħinu lill-Afganistan u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevalwa b'mod regolari l-effettività ta' l-għajnuna finanzjarja ta’ l-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-kontribut tal-Kummissjoni lill-Fondi Fiduċjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lill-Parlament Ewropew infurmat kif xieraq dwar ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni;

35. Ifakkar fl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, fil-baġit ta’ l-2008 tiegħu, li jappoġġja l-bini tad-demokrazija mal-parlamenti f’pajjiżi terzi, u jiddeċiedi li jużaha għall-bini tal-kapaċità u għajnuna teknika mmirata għat-titjib tal-ħila tal-Parlament Ewropew li jsawwar liġijiet u jimmonitorja l-lat eżekuttiv, b’mod speċjali billi jipproteġi l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u tad-drittijiet tan-nisa b’mod partikolari;

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika Islamika ta' l-Afganistan.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (*) (10.3.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-Istabbilizzazzjoni ta’ l-Afganistan: sfidi għall-UE u għall-komunità internazzjonali
(2007/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Jürgen Schröder

(*) Proċedura ma’ kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jenfasizza l-ħtieġa għar-ristrutturazzjoni u għall-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-komunità ta’ l-NGOs li qed taħdem f’dan il-qasam; jiddispjaċih li r-relazzjonijiet bejn il-gvern ta’ l-Afganistan u l-NGOs kultant ma jkunux mill-aħjar, u jappella sabiex ilkoll jimpenjaw ruħhom fi djalogu sabiex itejbu r-relazzjonijiet; jissuġġerixxi li jsir servej fost l-NGOs li jaħdmu fuq il-post sabiex jiġu evalwati l-problemi li qed jiffaċċjaw u biex jiġu studjati soluzzjonijiet possibbli;

2.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evalwat mill-ġdid l-użu ta’ “Timijiet Provinċjali għar-Rikostruzzjoni” (PRTs) ta’ natura militari sabiex jieħdu f’idejhom ix-xogħol ta’ rikostruzzjoni u/jew ta’ iżvilupp f’xi wħud mill-provinċji ta’ l-Afganistan; jinnota li mekkaniżmi bħal dawn għandhom tendenza li jkollhom prestazzjoni baxxa u ftit li xejn ikollhom effettività fejn jidħlu spejjeż u li jtellfu s-sens ta’ distinzjoni bejn il-ħaddiema ċivili għall-iżvilupp u l-militar u jistgħu jpoġġu f'riskju persuni ċivili newtrali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li distinzjoni mċajpra bħal din tmur kontra l-prinċipji tan-newtralità, ta’ l-umanità, ta’ l-imparzjalità u ta’ l-indipendenza li għandhom imexxu kwalunkwe intervent umanitarju;

3.   Jenfasizza l-bżonn li jingħata appoġġ lill-Parlament Afgan, b’mod partikulari permezz ta’ assistenza teknika u bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Parlament huwa l-aktar istituzzjoni ta’ l-UE li hi adattata biex tagħmel dan, b'mod partikulari permezz ta' koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u d-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet ma' l-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament Afgan u s-soċjetà ċivili jkunu involuti bis-sħiħ fl-ipprogrammar tal-koperazzjoni ta’ żvilupp tal-KE u b’mod partikulari fit-tfassil tad-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż (Country Strategy Papers – CSPs) u tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Annwali (Annual Action Plans – AAPs);

4.   Jenfasizza l-importanza ta' xi oqsma kruċjali li m’humiex meqjusa fis-CSP iżda li għandhom jiġu indirizzati permezz tal-koperazzjoni Ewropea, bħall-enerġija, l-infrastruttura u l-appoġġ għall-Parlament Afgan, kif ukoll l-importanza li jiġu allokati riżorsi biex in-nisa fl-Afganistan jingħataw aktar saħħa u setgħa;

5.   Jenfasizza l-importanza li jiġu mseddqa s-servizzi tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni; jappella sabiex ikun hemm programmi ta’ bini ta’ kapaċità għall-Ministeru Afgan tas-Saħħa Pubblika sabiex tittejjeb l-abilità tiegħu fit-tmexxija tas-settur tas-saħħa kif ukoll biex ikun hemm żieda fir-riżorsi għall-edukazzjoni; aktar minn hekk, jappella għal miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-problemi li qed isibu ma’ wiċċhom in-nisa Afgani fis-setturi tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni;

6.   Jinnota li n-nuqqas ta’ sigurtà huwa ta’ theddida serja għall-implimentazzjoni u l-effikaċja ta’ l-għajnuna kif ukoll għad-distribuzzjoni ġeografikament omoġenja tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sitwazzjoni tas-sigurtà kif ukoll id-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-għajnuna peress li ż-żewġ fatturi jirrinfurzaw lil xulxin;

7. Jitlob li jkun hemm livell aqwa ta’ moniteraġġ u ta’ kontabilità ta’ l-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

27.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Nirj Deva, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Hélène Goudin, Alain Hutchinson, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Ralf Walter, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Maria Gomes, Fiona Hall, Manolis Mavrommatis, Linda McAvan, Gabriele Zimmer

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

24.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Christopher Beazley, Bastiaan Belder, André Brie, Elmar Brok, Colm Burke, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Ioan Mircea Paşcu, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Samuli Pohjamo, Michel Rocard, Libor Rouček, Christian Rovsing, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Luis Yañez-Barnuevo García, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Cristian Silviu Buşoi, Giulietto Chiesa, Árpád Duka-Zólyomi, James Elles, Carlo Fatuzzo, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Jaromír Kohlíček, Nickolay Mladenov, Aloyzas Sakalas, Antolín Sánchez Presedo

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Foglietta, Lambert van Nistelrooij