RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Witold Tomczak
27.6.2008 - (2008/2078(IMM))
Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Witold Tomczak
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta’ Witold Tomczak b'rabta mal-proċeduri kriminali li saru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja (Warszawa Śródmieście Północ), il-Polonja, talba li saret fl-14 ta' Diċembru 2007, tressqet mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk fil-31 ta' Jannar 2008, u tħabbret fis-seduta plenarja fl-10 ta' Marzu 2008,
– wara li sema' lil Witold Tomczak fit-28 ta' Mejju 2008 bi qbil ma' l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) ta' l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, ta' l-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u ta' l-10 ta' Lulju 1986[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Pollakka,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0277/2008),
A. billi Witold Tomczak kien elett fis-Sejm Pollakk (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) fil-21 ta’ Settembru 1997 u fit-23 ta’ Settembru 2001; billi sar Osservatur wara li kien iffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni fis-16 ta’ April 2003; billi kien Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Mejju 2004 sad-19 ta’ Lulju 2004; billi huwa kien elett fil-Parlament Eweropew fit-13 ta’ Ġunju 2004 u t-terminu tiegħu fil-kariga fil-Parlament Pollakk skada fis-16 ta’ Ġunju 2004,
B. billi Witold Tomczak huwa akkużat li għamel il-ħsara, b’valur ta’ 39 669 PLN (madwar 11 500 EUR) lil skultura intitolata “Id-Disa’ Siegħa” – li turi lill-Papa Ġwanni Pawlu II mgħaffeġ taħt meteorita – fil-Gallerija Zachęta f’Varsavja fil-21 ta’ Diċembru 2000 u li għalhekk kiser l-Artikolu 288(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk[2],
C. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja ġabar evidenza kontra Witold Tomczak, iżda li dan ta’ l-aħħar irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-każ fil-Gallerija Zachęta,
D. billi Witold Tomczak jiddikjara li bl-azzjoni tiegħu lejn l-istatwa pprova jiddefendi s-sentimenti reliġjużi tiegħu u ta’ nies oħra, kif ukoll jipproteġi d-dinjità tal-Papa; billi jikkontesta l-ammont ta’ ħsara li ntqal li għamel u f’kull kuż iqis li l-għan ta’ l-imġiba tiegħu kien li jipproteġi valur ogħla – dak ta’ l-unur tal-Papa f’għajnejn il-Kattoliċi Pollakki,
E. billi, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miksuba, Witold Tomczak m’huwiex protett mill-immunità parlamentari fir-rigward ta’ kull allegazzjoni li tressqet quddiem il-President tal-Parlament Ewropew,
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Witold Tomczak;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli, lill-awtorità xierqa tar-Repubblika tal-Polonja.
- [1] Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u Kawża 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391.
- [2] Id-dispo¿izzjonijiet ta’ dak l-Artikolu jgħidu li: “Kulmin jeqred, jagħmel il-ħsara jew irendi inutli l-proprjetà ta’ persuna oħra għandu jingħata sentenza ta’ ħabs li tvarja minn 3 xhur sa 5 snin.” (Oriġinal Pollakk: "Kto cudzą rzecz niszczy, uszkadza lub czyni niezdatną do użytku, podlega karze pozbawienia wolności od 3 miesięcy do lat 5)."
NOTA SPJEGATTIVA
I. Il-fatti tal-każ
1. Witold Tomczak kien elett Membru tal-Parlament Pollakk (Sejm) fil-21 ta’ Settembru 1997 mil-lista Akcja Wyborcza Solidarność (Azzjoni ta' Solidarjetà għall-Elezzjonijiet – AWS) u fit-23 ta’ Settembru 2001 mil-lista Liga Polskich Rodzin (Lega tal-Familji Pollakki – LPR). Wara li nħatar mis-Sejm bħala Osservatur fil-Parlament Ewropew meta kien iffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni fis-16 ta’ April 2003, is-Sur Tomczak sar Membru tal-PE għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju sad-19 ta’ Lulju 2004, meta saret l-ewwel seduta tal-Parlament li ġie elett f’Ġunju 2004. Billi kien elett fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet li saru l-Polonja fit-13 ta’ Ġunju 2004, sar MPE u l-mandat tiegħu fis-Sejm intemm b'effett mis-16 ta' Ġunju 2004, meta tħabbru r-riżultati ta' l-elezzjonijiet.
2.1. F’Diċembru ta’ l-2000, l-iskultura ta’ Maurizio Cattelan intitolata “Id-Disa’ Siegħa”, li turi l-Papa Ġwanni Pawlu II mgħaffeġ taħt meteorita, u li hija l-proprjetà tal-Gallerija Emanuel Perrotion f’Pariġi, kienet għall-wiri fil-Gallerija Zachęta f’Varsavja. L-iskultura wasslet għal protesti mis-Sur Tomczak u minn nies oħra għar-raġuni li toffendi t-twemmin reliġjuż tagħhom u d-dinjità tal-Papa.
2.2. Fil-21 ta’ Diċembru 2000, il-gazzetta “Super Express” irċeviet informazzjoni li kellha ssir protesta fil-Gallerija Zachęta kontra l-iskultura. Żewġ ġurnalisti marru l-Gallerija, fejn raw il-wasla tas-Sur Tomczak u ta’ Membru ieħor tas-Sejm, Halina Nowina-Konopka. Filwaqt li s-Sa Nowina Konopka poġġiet f’post riservat għall-persunal tal-Gallerija qrib l-iskultura, is-Sur Tomczak qasam il-linja li tillimita l-aċċess għall-iskultura u waqqagħha billi mbotta parti minnha (li turi l-meteorita). Minħabba f’hekk saret il-ħsara f’għadd ta’ partijiet ta’ l-iskultura.
2.3. Minħabba l-ħsara li saritilha, l-iskultura kellha tissewwa Pariġi bi spiża ta’ madwar 70 000 frank Franċiż, jew 39 669 złoty Pollakk fl-20 ta’ Marzu 2001, jiġifieri fil-ġurnata meta l-kumpanija ta' l-assikurazzjoni li assikurat l-iskultura (Gerling Polska) ħallset il-klejm. Sussegwentement, Gerling Polska ressqet talba lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja biex jinbdew proċeduri kriminali kontra s-Sur Tomczak skond l-Artikolu 288(4) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk[1].
Bħala konklużjoni, il-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja jitlob li titneħħa l-immunità parlamentari tas-Sur Tomczak sabiex ikun jista’ jinfurmah bl-akkużi fil-proċeduri msemmija hawn fuq u jinterrogah bħala suspettat.
II. Proċedura
1. Id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regoli ta’ Proċedura huma l-Artikoli 6 u 7, b’mod partikulari l-Artikolu 6(1) u (2):
'1. Fl-eżerċitar tal-poteri tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli. '
2. Billi l-President tal-Parlament ikkunsidra li l-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja kien beda l-proċedura biex titneħħa l-immunità ta’ Witold Tomczak, kif stipulat fl-Artikoli mesemmija hawn fuq, it-talba tħabbret fil-Parlament.
3. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti formali ġew issodisfati u l-kwistjoni tista’ tkun referuta lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.
III. Dispożizzjonijiet applikabbli
1. L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (PPI)[2]
Dawk l-artikoli jgħidu dan li ġej:
Artikolu 9
Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.
Artikolu 10
Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom:
a) igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;
b) jiġu meqjusa immuni kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor.
L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tiġi invokata la meta membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u lanqas ma żżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-membri tiegħu.
2. Sabiex ikun evalwat jekk kienx hemm ksur tal-PPI, huwa utli li wieħed jiftakar il-fatti pertinenti li ġejjin:
a) L-akkużi li saru kontra s-Sur Tomczak ma jirreferux għall-opinjonijiet imfissra jew għall-voti mitfugħa waqt il-qadi ta' dmirijietu bħala MPE, billi ma kienx Membru tal-Parlament f'dak iż-żmien.
b) Attwalment is-Sur Tomczak huwa Membru tal-Parlament Ewropew, u l-każ li jikkostitwixxi l-bażi għall-proċeduri legali kontrieh seħħ fil-Polonja, jiġifieri fl-Istat li tiegħu huwa ċittadin.
3. Huwa xieraq li jitqies kif il-fatti u l-allegazzjonijiet imsemmija hawn fuq huma marbuta mal-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija mill-Kapitolu III, Artikoli 9 sa 10 a) tal-PPI:
1) L-Artikolu 9 jagħti l-invjolabilità lill-Membri fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom. Din il-protezzjoni tibqa’ valida wara li jintemm il-mandat iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ristrett mil-lingwaġġ ċar ta’ l-artikolu. Huma l-opinjonijiet tal-Membri jew il-voti fil-Parlament li huma protetti, anke meta ma jkunux fiżikament fil-bini tal-Parlament, iżda dan jgħodd biss meta jkunu qed jaġixxu għalkollox bħala membri parlamentari. Is-Sur Tomczak ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew f’Diċembru 2000 u għalhekk l-Artikolu 9 ma japplikax.
3) L-Artikolu 10 jiddikjara li matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom: a) igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom…
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-immunità parlamentari fil-Polonja huwa simili ħafna għal dak ta' l-immunità stipulata fil-PPI. L-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Pollakka jgħid hekk:
Art. 105.
1. Deputat m’għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skond il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta’ Deputat matul il-mandat tiegħu u lanqas wara li jintemm il-mandat. Rigward attivitajiet bħal dawn, Deputat jista’ jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f'każ li jkun kiser id-drittijiet ta' partijiet terzi, jistgħu jinbdew proċeduri kontrieh quddiem qorti bil-kunsens tas-Sejm biss.
2. Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati ta’ l-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.
3. Proċeduri kriminali mibdija kontra persuna qabel il-ġurnata li jkun elett bħala Deputat, għandhom ikunu sospiżi fuq talba tas-Sejm sakemm jintemm il-mandat. F’każ bħal dan, l-istatut ta’ limitazzjoni fir-rigward tal-proċeduri kriminali għandu jkun estiż għaż-żmien ekwivalenti.
4. Deputat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu li jkollu responsabiltà kriminali. F’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 m’għandhomx japplikaw.
5. Deputat m’għandux jinżamm jew ikun arrestat mingħajr il-kunsens tas-Sejm, ħlief għal każijiet in flagrante delicto u li fihom id-detenzjoni tiegħu hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-proċeduri jimxu kif suppost. Il-Marixxall tas-Sejm għandu jkun mgħarraf minnufih dwar kull detenzjoni bħal din, u jista' jordna li d-Deputat jinħeles minnufih.
6. Il-prinċipji dettaljati u l-proċeduri biex jitħarrku d-Deputati għandhom ikunu speċifikati mill-istatut.
Għaldaqstant, it-talba tal-Prosekutur Distrettwali ta' Varsavja għandha tiġi ttrattata bħala talba għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew biex titneħħa l-immunità tas-Sur Tomczak sabiex ikun jista’ jkun suġġett għar-responsabiltà kriminali, kif inhu possibbli skond l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka. Għalhekk il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jneħħi jew li ma jneħħix l-immunità tas-Sur Tomczak.
Skond il-prattika stabbilita tiegħu, il-Parlament Ewropew jista’ jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu jekk ikun hemm suspett li l-prosekuzzjoni kienet ibbażata fuq l-intenzjoni li jiddgħajfu l-attivitajiet politiċi tal-Membru (fumus persecutionis). M’hemmx evidenza dwar dan f’dan il-każ.
Il-fatt baziku li s-Sur Tomczak għamel il-ħsara fuq l-iskultura intitolata "Id-Disa' Siegħa", li turi lill-Papa Ġwanni Pawlu II mgħaffeġ taħt meteorita, m'huwiex ikkontestat. Minkejja l-motivazzjonijiet tas-Sur Tomczak, il-ħsara li ssir lill-proprjetà ta’ ħaddieħor hija reat li l-prosekuzzjoni tiegħu ssir permezz ta’ att ta’ akkuża u l-parti offiża, f’dan il-każ il-kumpanija ta’ l-assikurazzjoni Gerling Polska, talbet il-prosekuzzjoni skond il-liġi Pollakka. Il-valur tal-ħsara li għamel is-Sur Tomczak, kif ukoll il-kwistjonijiet l-oħra proċedurali u sostantivi li tqajmu f’dan il-każ, għandhom ikunu solvuti b’mod oġġettiv mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi relevanti kollha.
IV. Konklużjoni
Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u skond l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija ta’ l-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta’ Witold Tomczak.
- [1] Dan l-Artikolu jgħid li: Il-prosekuzzjoni tar-reati deskritti fil-paragrafi 1 u 2 tibda fuq il-bażi ta' talba mill-parti offiża (Oriġinal Pollakk: Ściganie przestępstwa określonego w § 1 lub 2 następuje na wniosek pokrzywdzonego).
- [2] Il-protokolli annessi mat-Trattati oriġinali jiffurmaw parti mil-liġi primarja tal-Komunità u għandhom l-istess stejtus legali bħat-Trattati nfushom. Sentenza f’kawża li tikkonċerna r-responsabiltà ta’ l-uffiċjali Komunitarji għat-taxxa fuq il-proprjetà tagħmilha ċara li ksur tad-dispożizzjonijiet tal-PPI jikkostitwixxi ksur ta’ l-obbligi li joriġinaw mit-Trattati (sentenza ta’ l-24 ta’ Frar 1988 fil-Kawża 260/86 Il-Kummissjoni v Il-Belġju [1988] ECR 966).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
25.6.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
12 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Carlo Casini, Titus Corlăţean, Marek Aleksander Czarnecki, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Mario Borghezio |
|||||