RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-investituri istituzzjonali

9.7.2008 - (2007/2239(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura)
Rapporteur (*):
Sharon Bowles, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2239(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0296/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-investituri istituzzjonali

(2007/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE tal-31 ta' Jannar 1977 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-ħarsien tal-interessi tal-membri u ta' oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpaniji fi ħdan it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, fir-rigward tal-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti[1],

–   wara li kkunsidra r-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji[2],

–   wara li kkunsidra s-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet ikkonsolidati[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern[5] (id-'Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku'),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE fir-rigward tar-regoli ta' valutazzjoni għall-kontijiet annwali u kkonsolidati ta' ċerti tipi ta' kumpaniji kif ukoll ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra[6],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-kordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) bl-iskop li jiġu rregolati kumpanniji ta' amministrazzjoni u prospectuses simplifikati[7],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-kordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi għal investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), b'rigward għal investimenti ta' UCITS[8],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi[9],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar 'insider dealing' u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)[10],

   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax [11],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2003 li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE u 91/674/KEE fuq il-bilanċ ta’ kontijiet annwali u konsolidati ta’ ċertu kumpaniji, banek u istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi tal-assigurazzjoni[12],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/71 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ[13],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri[14],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[15],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat[16] (id-'Direttiva dwar it-Trasparenza'),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tad-9 ta' Marzu 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 85/611/KEE, 91/675/KEE, 92/49/KEE u 93/6/KEE u d-Direttivi 94/19/KE, 98/78/KE, 2000/12/KE, 2001/34/KE, 2002/83/KE u 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex tiġi stabbilita struttura organizzattiva ġdida għall-kumitati dwar is-servizzi finanzjarji[17],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[18],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju tal-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu[19],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u istituzzjonijiet tal-kreditu[20],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta' Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti għall-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet operattivi għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-iskopijiet ta' dik id-Direttiva[21] (Direttiva Implimentattiva tal-MiFID),

   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/16/KE tad-19 ta' Marzu 2007 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-kjarifika ta' ċerti definizzjonijiet [22],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati [23],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi għall-investiment u s-swieq regolati[24],

   wara li kkunsidra l-Istudju dwar il-Fondi Protetti: It-Trasparenza u l-Kunflitti ta' Interess, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu[25],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijier Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0296/2008),

A. billi huwa rikonoxxut li mezzi ta' investiment alternattivi bħall-fondi spekulattivi u l-kapital privat jistgħu joffru benefiċċji ġodda ta' diversifikazzjoni lill-amministraturi tal-assi, iżidu l-likwidità tas-suq u l-prospetti ta' redditu għoli għall-investituri, jikkontribwixxu għall-proċess biex jinstabu l-aħjar prezzijiet għall-integrazzjoni finanzjarja, u jtejbu l-effiċenza tas-suq,

B.  billi l-fondi spekulattivi u l-kapital privat huma mezzi ta' investiment distinti li jvarjaw fir-rigward tan-natura tal-investiment u l-istrateġija tal-investiment,

C. billi l-fondi spekulattivi u l-kapital privat ibbażati fl-UE jeħtieġu ambjent regolatorju li jirrispetta l-istrateġiji ta' innovazzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fuq livell internazzjonali filwaqt li jtaffi l-effetti tad-dinamika potenzjali negattiva tas-suq; billi hemm riskju li leġiżlazzjoni speċifika skont il-prodott tkun inflessibbli u toħnoq l-innovazzjoni,

D. billi l-fondi spekulattivi u l-kapital privat li l-kumpanija amministrattiva tagħhom hija domiċiljata fl-UE għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti u futura; billi l-entitajiet li mhumiex ibbażati fl-UE wkoll għandhom jikkonformaw ma' din il-leġiżlazzjoni fil-kuntest ta' ċerta attività,

E.  billi l-fondi spekulattivi fit-territorju tal-UE, il-maniġers tal-fondi spekulattivi fl-UE u d-ditti ta' kapital privat fl-UE huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna l-abbuż tas-suq, u billi huma suġġetti għal regolazzjoni indirettament permezz ta' kontropartijiet u kif ukoll meta jinbiegħu investimenti relatati fi prodotti regolati,

F.  billi f'ċerti Stati Membri l-fondi spekulattivi u l-kapital privat huma suġġetti għal sistemi regolatorji nazzjonali u għal implimentazzjoni differenti tad-Direttivi eżistenti tal-UE; billi dawn ir-regoli nazzjonali diverġenti jwasslu għal riskju ta' frammentazzjoni regolatorja fis-suq intern, li jista' jkollu l-effett li jostakola l-iżvilupp transkonfinali ta' dan in-negozju fl-Ewropa,

G. billi d-direttivi jidhru li huma l-istrumenti legali xierqa li bihom għandha tiġi indirizzata kwalunkwe kwistjoni li jeħtieġ li tiġi trattata fir-rigward tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat; billi l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-impatt fuq il-fondi spekulattivi u l-kapital privat tal-leġiżlazzjoni diġà fis-seħħ fl-Istati Membri u fl-UE għandhom jippreċedu kwalunkwe direttiva dwar it-trasparenza tagħhom; billi din il-leġiżlazzjoni għandha tkun il-punt tat-tluq lejn l-armonizzazzjoni; u billi jista' jkun hemm bżonn li r-regolamenti eżistenti jiġu aġġustati iżda għandhom jiġu evitati bidliet li jintroduċu diverġenzi bla ġustifikazzjoni,

H. billi huwa rikonoxxut li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin hija l-bżonn tat-trasparenza u l-analiżi tagħha u kif ukoll il-każijiet fejn din it-trasparenza tista' tiżdied; billi t-trasparenza għandha diversi aspetti, bħal pereżempju t-trasparenza tal-fondi spekulattivi u -skont kif ikun il-każ - il-kapital privat fil-konfront tal-kumpaniji li l-ishma tagħhom huma jakkwistaw jew jippossjedu, u kif ukoll fil-konfront ta' 'prime brokers', investituri istituzzjonali bħall-fondi tal-pensjonijiet jew il-banek, l-investituri bl-imnut, l-imsieħba fin-negozju, ir-regolaturi u l-awtoritajiet; billi waħda mill-problemi ewlenin tat-trasparenza tinsab fir-relazzjoni bejn fond protett u - skont kif ikun il-każ - kapital privat fuq naħa u l-kumpaniji li l-ishma tagħhom huma jakkwistaw jew jippossjedu fuq in-naħa l-oħra,

I.   billi l-esperjenza tal-Istati Uniti, fejn il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-informazzjoni ntużat minn kompetituri biex jiksbu dettalji dwar fondi ta' investiment f'livell intenzjonat għall-investituri, uriet li dan ikkomprometta kemm lill-investituri u kif ukoll lill-fond,

J.   billi l-implimentazzjoni inkonsistenti tad-Direttiva dwar it-Trasparenza wasslet għal livelli diverġenti ta' trasparenza madwar l-UE u għal prezzijiet għoljin għall-investituri,

K. billi t-trasparenza hija kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja tal-investituri u għall-fehim ta' prodotti finanzjarji kumplessi, u għalhekk tikkontribwixxi għall-aqwa tħaddim u stabbilità tas-swieq finanzjarji; billi t-trasparenza hija ta' għajnuna għad-diliġenza dovuta u mhux sostituzzjoni tagħha,

L.  billi r-raġuni prinċipali għall-kriżi tal-krediti 'sub-prime' ma tistax tiġi attribwita lil settur wieħed - filwaqt li wieħed irid iżomm f'moħħu li se jkun hemm bżonn ta' ħafna żmien biex nifhmu l-kawżi u l-effetti kollha ta' din il-kriżi, u billi r-raġunijiet varji tal-kriżi jinkludu inter alia:

–   l-aġenziji li jikklasifikaw id-debituri (rating agencies), speċjalment il-konflitti ta' interess u l-kunċett żbaljat tat-tifsira tal-kassifika,

–   prattiki ta' self negliġenti fis-suq tad-djar tal-Istati Uniti,

–   innovazzjoni rapida fil-qasam ta' prodotti bi struttura kumplessa,

–   il-mudell 'originate-to-distribute' u l-katina ta' intermedjazzjoni twila,

–   ir-regħba tal-investituri li jfittxu redditi dejjem ogħla u struttura ta' inċentivi li ma tħarisx 'il quddiem fir-rigward tar-remunerazzjoni,

–   in-nuqqas li jitħares il-proċess tad-diliġenza dovuta,

–   il-proċess ta' kklassifikar u ta' titolizzazzjoni tal-aġenziji fil-kuntest ta' prodotti bi strutturi kumplessi, li wassal għal prezzijiet għoljin wisq ta' dawn il-prodotti fir-rigward tal-assi bażi,

–   konflitti ta' interessi fi ħdan il-banek tal-Investiment Amerikani, u n-nuqqas tar-regolazzjoni tagħhom,

M.  billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi mekkaniżmi bħal pereżempju l-proċedura ta' komitoloġija jew il-proċedura Lamfalussy li jippermettu, permezz ta' miżuri ta' implimentazzjoni, flessibilità fir-reazzjoni għall-ambjent tan-negozju li dejjem jinbidel ; billi din is-sistema se titjieb bl-istrument ta' atti ddelegati skont it-Trattat ta' Liżbona,

N. billi bosta fondi spekulattivi u inizjattivi ta' kapital privat u organizzazzjonijiet differenti bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku u korpi industrijali, inklużi dawk relatati mal-fondi spekulattivi u l-kapital privat, waqqfu prinċipji u kodiċi tal-aħjar prattika li jistgħu jikkomplementaw u jservu bħala mudell għal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi, minbarra milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju għandhom jitħeġġu sabiex jaderixxu ma' dawn il-kodiċi fuq il-prinċipju fejn, f'każ ta' nuqqas ta' konformità, huma jispjegaw l-azzjonijiet tagħhom ('comply-or-explain') filwaqt li dawn id-dettalji u spjegazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli pubblikament u evalwati kif xieraq,

O.  billi xi prodotti mhux regolamentati (over-the-counter - (OTC)) jistgħu jużaw sistemi kummerċjali aktar trasparenti jew viżibbli sabiex, fejn hu possibbli, tiżdied il-valutazzjoni skont il-valur attwali fis-suq (market-to-market) u tingħata indikazzjoni ta' bidliet ta' sjieda potenzjali; billi sistema għall-approvazzjoni (clearing) ta' prodotti mhux regolamentati hi attraenti għall-iskopijiet ta' sorveljanza superviżorja u ta' evalwazzjoni tar-riskji, iżda, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-kuntest globali, hemm bżonn li kwalunkwe sistema ġdida tiġi introdotta fuq bażi internazzjonali;

P.  billi l-monitoraġġ u l-irraportar mifruxin mal-industrija għandhom irwol fl-indirizzar tat-tħassib pubbliku u biex jiġi mifhum l-impatt ekonomiku tal-kapital privat, u billi diġà hemm obbligu fuq il-kumpaniji privati u pubbliċi biex jikkonsultaw lill-impjegati tagħhom dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom; billi m'għandux jinħoloq żbilanċ bejn l-iżvelar ta' tagħrif kummerċjali rikjest minn kumpaniji b'portafoll ta' kapital privat u dak rikjest minn kumpaniji privati oħrajn,

Q. billi leġiżlazzjoni relatata mal-prodott ma tidhirx li hija t-tip ta' regolament xieraq biex jiġi indirizzat dan is-settur innovattiv,

R.  billi websajt li sservi għal kollox (one-stop-shop) tkun ta' għajnuna u għandha titwaqqaf għall-Unjoni Ewropea u għandha tiġi promossa fuq livell internazzjonali; billi din il-websajt għandha tinkludi reġistru ta’ dawk il-parteċipanti tas-suq li jikkonformaw mal-kodiċi ta’ imġiba, l-iżvelar tagħhom u r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ konformità; billi r-raġunijiet għal nuqqas ta' konformità jistgħu jkunu wkoll għodda ta' tagħlim,

S.  billi qed tinġibed l-attenzjoni għall-bżonn li jingħelbu l-ostakli għad-distribuzzjoni transkonfinali ta' investimenti alternattivi billi titwaqqaf sistema Ewropea ta' pjazzament privat għall-investituri istituzzjonali,

T.  billi, fil-kuntest ta' kapital privat, l-ispejjeż ta' kwalunkwe rekwiżit addizzjonali ta' rrapurtar, b'mod partikulari meta dawn ir-rekwiżiti jkunu frekwenti, għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati għall-benefiċċji li joħorġu minnhom; billi, fil-kuntesti kollha, hemm bżonn ta' rabta aħjar bejn il-pakketti ta' remunerazzjoni u r-rendiment fit-tul,

U. billi l-kundizzjoni fl-Artikolu 39(2), li l-ebda proposta m'għandha tkun fi tħejjija, hija rispettata kif jixraq,

1.  Jitlob lill-Kummisjoni biex tippreżenta lill-Parlament, fuq il-bażi tal-Artikoli 44,47(2) jew 95 tat-Trattat KE, skont il-materja tas-suġġett, proposta leġiżlattiva jew proposti leġiżlattivi dwar it-trasparenza tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat; jitlob li tali proposta/i titfassal/jitfasslu fid-dawl ta' diskussjonijiet interistituzzjonali, u li ssegwi/jsegwu r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmuża;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Iqis li l-proposti mitluba m'għandhom l-ebda implikazzjonji finanzjarja;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.
  • [2]  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.
  • [3]  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.
  • [4]  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.
  • [5]  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
  • [6]  ĠU L 283, 27.10.2001, p. 28.
  • [7]  ĠU L 41, 13.2.2002, p. 20.
  • [8]  ĠU L 41, 13.2.2002, p.35.
  • [9]  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.
  • [10]  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.
  • [11]  ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.
  • [12]  ĠU L 178, 17.7.2003, p. 16.
  • [13]  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.
  • [14]  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.
  • [15]  ĠU L 145, 30.4.2004, p.1.
  • [16]  ĠU L 390, 31.12.2004, p.38.
  • [17]  ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9.
  • [18]  ĠU L 309, 25.11.2005, p.15.
  • [19]  ĠU L 177, 30.6.2006, p.1.
  • [20]  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.
  • [21]  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.
  • [22]  ĠU L 79, 20.3.2007, p. 11.
  • [23]  ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.
  • [24]  ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 329.
  • [25]  IP/A/ECON/IC/2007-24.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi direttiva jew direttivi li tiggarantixxi/jiggarantixxu standard komuni ta' trasparenza u biex tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn taħt li jkopru l-fondi spekulattivi u l-kapital privat, fuq il-bażi li d-direttiva/direttivi għandha tagħti/għandhom jagħtu lill-Istati Membri, fejn ikun neċessarju, biżżejjed flessibilità biex jittrasponu r-regoli tal-UE fis-sistemi eżistenti tagħhom tal-liġi dwar il-kumpaniji; fuq l-istess binarju, jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ titjib fit-trasparenza billi tappoġġja u tissorvelja l-evoluzzjoni tal-awtoregolazzjoni diġà introdotta mill-maniġers tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat u l-kontropartijiet tagħhom, u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw dawn l-isforzi permezz ta' djalogu u skambju tal-aħjar prattika.

Filwaqt li jqis il-fatt li ma hemm l-ebda żvelar pubbliku uniformi dwar fondi sovrani (SWFs), il-Parlament Ewropew jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jitwaqqaf grupp ta' ħidma biex ifassal kodiċi ta' kondotta internazzjonali għall-fondi sovrani, u jemmen li din il-kodiċi ta' kondotta tista' tikkontribwixxi biex tneħħi l-ambigwità li hemm madwar l-attivitajiet tal-fondi sovrani; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu sehem f'dan il-proċess;

Dwar il-fondi spekulattivi u l-kapital privat

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi xierqa permezz tar-reviżjoni tal-acquis communautaire eżistenti li jeffettwa tipi varji ta' investituri u kontropartijiet, flimkien ma' evalwazzjoni tal-impatt u bl-involviment tal-industriji kkonċernati, biex tiġi esplorata l-possibilità li ssir distinzjoni bejn il-fondi spekulattivi, il-kapital privat u investituri oħrajn u biex taddatta jew tistabilixxi regoli li jipprovdu sabiex tingħata informazzjoni relevanti u materjali, ċara u fil-ħin sabiex jiġi ffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-komunikazzjoni trasparenti bejn l-investituri u l-amministrazzjoni tal-kumpaniji u kif ukoll bejn l-investituri u kontropartijiet oħrajn; fejn diġà jeżistu l-proposti dawn għandhom jiġu implimentati kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora modijiet varji kif jisgħu jitjiebu l-viżibilità u l-fehim tar-riskju, b'mod distint mill-affidabilità ta' kreditu; għandha tingħata attenzjoni għall-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta' trasparenza u d-direttivi eżistenti u futuri humiex imdgħajfa minħabba dikjarazzjonijiet ta' ċaħda eċċessivi fil-kuntratti.

Il-leġiżlazzjoni ġdida għandha tesiġi li l-azzjonisti jinnotifikaw lill-emittenti dwar il-proporzjon tad-drittijiet tal-votazzjoni tagħhom bħala riżultat tal-akkwist jew il-bejgħ ta' ishma meta dan il-proporzjon jilħaq, jaqbeż jew jinżel taħt il-limiti speċifiċi, li jibdew minn 3% minflok 5%, kif spjegat fid-Direttiva 2004/109/KE; għandha wkoll tobbliga l-fondi spekulattivi u l-kapital privat, sa fejn dawn il-kategoriji ta' investituri jistgħu jiġu distinti minn oħrajn, biex jiżvelaw u jispjegaw – fil-konfront tal-kumpaniji li minnhom jakkwistaw ishma jew li jippossjedu ishma tagħhom, fil-konfront tal-investituri bl-imnut jew istituzzjonali, u fil-konfront tal-intermedjarji ewlenin u l-kontrolluri – il-politika ta' investiment tagħhom u r-riskji assoċjati;

Dawn il-proposti għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, li ssir bil-ħsieb li jiġi stabbilit sa liema punt ir-regoli eżistenti dwar it-trasparenza jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni speċifika tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat.

Bil-ħsieb tal-proposti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari:

–   tesplora l-possibilità ta' termini kontrattwali, li għandhom jiġu applikati għal investimenti alternattivi, li jipprovdu għal żvelar u mmaniġġjar tar-riskju mingħajr ambigwitajiet, għal miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li jinqabżu l-limiti, għal deskrizzjoni ċara ta' perjodi ta' 'lock-up', u għal kundizzjonijiet espliċiti li jirregolaw il-kanċellament u t-terminazzjoni tal-kuntratt;

–   tinvestiga l-kwistjoni ta' ħasil ta' flus fil-kuntest tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat;

–   tesplora l-possibilitajiet ta' armonizzazzjoni tar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet għall-fondi spekulattivivi u - skont kif ikun il-każ - għall-kapital privat biex jiġu rreġistrati u identifikati l-azzjonisti lil hinn minn ċerta proporzjon, u kif ukoll biex jiżvelaw l-istrateġiji u l-intenzjonijiet tagħhom - filwaqt li żżomm f'moħħha li għandu jiġi evitat eċċess ta' informazzjoni;

–   tesplora l-bżonn u l-modijiet kif l-intermedjarji jiġu obbligati li jippermettu lill-azzjonisti oriġinali li jipparteċipaw b'mod attiv fil-votazzjoni waqt il-laqgħat ġenerali u biex jiżguraw li l-istruzzjonijiet tagħhom dwar il-votazzjoni jiġu rrispettati minn dawk li jkollhom il-prokura, u kif ukoll biex jiġi żgurat li jiġu żvelati l-politiki ta' votazzjoni tal-azzjonijisti identifikati;

–   tistabbilixxi, flimkien mal-industrija, kodiċi tal-aħjar prattika dwar kif jerġa' jinstab il-bilanċ tal-istruttura attwali tal-governanza korporattiva bil-għan li tissaħħaħ l-orjentazzjoni fit-tul u biex jiġu skuraġġuti inċentivi finanzjarji u inċentivi oħrajn għal teħid ta' riskju eċċessiv fi żmien qasir u aġir irresponsabbli;

–   tistabbilixxi regoli li jipprovdu trasparenza sħiħa tas-sistema ta' remunerazzjoni tal-maniġers, inklużi drittijiet għal stokks, permezz ta' approvazzjoni formali mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-kumpanija.

Speċifikament dwar il-fondi spekulattivi

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli li jsaħħu t-trasparenza tal-politika ta' votazzjoni tal-fondi spekulattivi, fuq il-bażi li dawk indirizzati mir-regoli tal-Komunità għandhom ikunu l-amministraturi ta' dawn il-fondi; tali regoli jistgħu jinkludu wkoll sistema ta' identifikazzjoni tal-azzjonisti madwar l-UE kollha; fejn diġà jeżistu l-proposti dawn għandhom jiġu implimentati kif xieraq.

Bil-ħsieb tal-proposta/i leġiżlattiva/i msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari:

–   tinvestiga l-effetti tas-self ta' titoli u l-votazzjoni fuq ishma mislufa, filwaqt li tikkunsidra l-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar;

–   teżamina jekk ir-rekwiżiti tar-rappurtaġġ japplikawx ukoll għall-ftehimiet ta' koperazzjoni bejn bosta azzjonisti u għall-akkwisti indiretti tad-drittijiet ta' votazzjoni permezz ta' arranġamenti alternattivi.

Speċifikament dwar il-kapitali privat

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli li jipprojbixxu lill-investituri milli "jisirqu" kumpaniji (l-hekk imsejħa "asset stripping") u għalhekk jużaw ħażin il-poter finanzjarju tagħhom b'mod li fuq perjodu ta' żmien fit-tul sempliċement jiżvantaġġja lill-kumpanija akkwistata, u dan mingħajr l-ebda impatt pożittiv fuq il-futur tal-kumpanija u fuq l-interess tal-impjegati, il-kredituri u l-imsieħba fin-negozju tagħha; barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tesplora regoli komuni biex tiġi garantita ż-żamma tal-kapital tal-kumpaniji; fuq l-istess binarji, il-Parlament Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-Istati Membri implimentawx jew le miżuri kontra l-bejgħ tal-assi għal qliegħ (asset stripping).

Bil-ħsieb tal-proposta/proposti leġiżlattiva/i msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha teżamina modijiet kif tindirizza kwistjonijiet li jqumu meta l-banek jisilfu ammonti ta' flus lill-akkwirenti, inkluż il-kapital privat, imbagħad jiċħdu kull responsabilità fir-rigward tal-iskop li għalih jintużaw dawn il-flus jew dwar minn fejn ikunu ġejjin il-flus użati biex jitħallas lura s-self, filwaqt li żżom f'moħħha li dawn il-punti fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu r-responsabilità tad-debitur u li r-rekwiżiti ta' kapital għal riskji komparabbli għandhom ikunu l-istess għas-sistema finanzjarja kollha.

Il-Parlament Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina jekk hemmx bżonn li d-Direttiva dwar it-Trasferiment ta' Intrapriżi1 tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni speċifika tax-xiri bi spekulazzjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew fuq inizjattiva tiegħu stess dwar it-trasparenza ta' fondi li jużaw opportunitajiet ta' investiment alternattivi jimmarka l-bidu ta' dibattitu leġiżlattiv dwar dan is-suġġett fl-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li l-problemi fir-rigward tal-fondi spekulattivi u l-kapital privat ġew diskussi fl-ogħla livell politiku, bħas-Samit tal-Ġ8 u fil-Kunsill tal-ECOFIN, il-Kummissjoni inizjalment irrifjutat kull skrutinju mill-qrib ta' din il-kwistjoni kumplessa bil-possibilità ta' implikazzjonijiet regolatorji.

Fil-25 ta' Frar 2008 l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament għamel laqgħa intitolata 'It-Trasparenza tal-Investituri Istituzzjonali'. Essenzjalment, ġie konkluż li ċ-ċrieki effetwati żgur li jaraw il-bżonn ta' żieda fit-trasparenza ta' mezzi ta' investiment alternattivi. Anki dawk li huma kontra l-miżuri leġiżlattivi ammettew li r-regoli ġenerali jkunu utli, sakemm ma jkunux ristrettivi wisq f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertà operattiva tal-intrapriżi finanzjarji.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-istrumenti tal-liġi tal-kumpaniji tista' tintuża biex tiżdied it-trasparenza, b'mod partikulari fir-relazzjoni bejn il-fondi spekulattivi u l-kapital privat u l-intrapriżi li l-fondi jkollhom ishma tagħhom, mingħajr ma jiġu affettwati ħażin il-proċess tas-suq u l-iżvilupp tas-suq, u għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Il-Kumitat huwa konxju li l-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet wettqu studji dwar imġiba intraprenditorjali tajba u ħolqu kodiċi ta' kondotta volontarji. Dawn jindirizzaw proporzjon sostanzjali tal-problemi eżistenti. Pereżempju r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Fondi Protetti[1] u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Assoċjazzjoni għall-Kapital Privat u l-Kapital tar-Riskju[2] huma tipiċi ta' ħafna. Dawn jistgħu jservu tajjeb ħafna għal-leġiżlatur bħala mudell, iżda mhumiex sostituzzjoni għal leġiżlazzjoni li tittratta każijiet ta' mġiba ħażina. Leġiżlazzjoni adegwata tista' tkun ta' appoġġ għall-ħidma ta' dawk l-amministraturi ta' fondi spekulattivi u kapital privat li diġà qed jikkonformaw b'mod volontarju mar-regoli ta' diliġenza kummerċjali xierqa.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI (28.5.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar it-trasparenza ta' investituri istituzzjonali
(2007/2239(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Sharon Bowles(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' r-riżultati tal-istudji dwar fondi spekulattivi, kapital privat u trasparenza, li kienu kkummissjonati mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu;

2.  Jirrikonoxxi li t-titjib fit-trasparenza, b'mod partikulari għall-promozzjoni ta' iżjed fehim u ta' viżibilità aħjar tar-riskji, ta', pereżempju, prodotti finanzjarji kumplessi, għandu rwol siewi, li jinkludi l-iżgurar tal-istabilità tas-swieq finanzjarji - waqt li jitqies it-taqlib finanzjarju attwali - iżda jinnota li t-trasparenza sservi biss biex tgħin lid-diliġenza xierqa u ma tistax tissostitwiha;

3.  Josserva li n-nuqqas ta' diliġenza xierqa mill-investituri ma jistax jiġi oppost biss b'aktar trasparenza; jenfasizza li t-trasparenza tikkontribwixxi għal fehim aħjar ta' prodotti finanzjarji kumplessi;

4.  Jirrikonoxxi li l-fondi spekulattivi u l-kapital privat huma mezzi ta' investiment distiniti li jvarjaw fir-rigward tan-natura tal-investiment u l-istrateġija tal-investiment;

5.  Jistqarr li t-trasparenza bi skop hija għodda fundamentali għall-immaniġġjar tar-riskju għal dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam u tqiegħed għad-disponibilità tal-parteċipanti fis-suq l-informazzjoni li għandhom bżonn bħala bażi għad-deċiżjonijiet tagħhom; jenfasizza li hemm bżonn ta' livelli progressivi ta' trasparenza: għall-pubbliku ġenerali, hija importanti t-trasparenza fir-rigward tal-objettivi, għall-investituri, huwa importanti d-dettall tan-natura, tal-valutazzjoni u tar-riskju tal-investimenti, u għall-kontrolluri, huwa importanti li jkollhom stampa kompluta tal-pożizzjonijiet, l-istrateġiji, l-immaniġġjar tar-riskju, il-kontrolli tal-abbuż tas-suq u proċeduri ta' konformità oħra waqt li fl-istess ħin jiġi osservat livell xieraq ta' kunfidenzjalità; jissuġġerixxi li jiġu evitati l-effetti negattivi tat-trasparenza, bħal imġiba gregarja (herding), li, b'riżultat tagħha, l-istrateġiji ta' investiment jiġu żvelati lill-kompetituri, u li jiġu promossi l-effetti pożittivi, inkluża l-prevenzjoni ta' stħajjil li s-sitwazzjoni hi agħar milli fil-fatt hi;

6.  Jinnota l-esperjenza tal-Istati Uniti fejn il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-informazzjoni ntużat minn kompetituri biex jiksbu dettalji dwar fondi ta' investiment f'livell intenzjonat għall-investituri, li kkomprometta kemm lill-investituri u kemm lill-fond;

7.  Jikkunsidra li xi prodotti mhux regolamentati (over-the-counter) jistgħu jużaw sistemi kummerċjali aktar trasparenti jew viżibbli sabiex, fejn hu possibbli, tiżdied il-valutazzjoni skond il-valur attwali fis-suq (mark-to-market) u tingħata indikazzjoni ta' bidliet ta' sjieda potenzjali; jikkunsidra li sistema għall-approvazzjoni (clearing) ta' prodotti mhux regolamentati hi attraenti għall-iskopijiet ta' sorveljanza superviżorja u ta' evalwazzjoni tar-riskji, iżda, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-kuntest globali, hemm bżonn li kwalunkwe sistema ġdida tiġi introdotta fuq bażi internazzjonali;

8.  Iwissi kontra l-implimentazzjoni ta' termini kuntrattwali biex jiġu imposti limiti tar-riskju, li tkun ugwali għal regolamentazzjoni tal-prodotti u tinterferixxi ma' l-innovazzjoni finanzjarja u ma' l-għażla għall-investitur;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintgħelbu l-frammentazzjoni fil-qafas regolatorju, u b'hekk ix-xkiel għad-distribuzzjoni transkonfinali għal investimenti alternattivi, permezz tat-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' pjazzament privat;

10. Jenfasizza li l-monitoraġġ u l-irraportar mifruxin ma' l-industrija għandhom irwol fl-indirizzar tat-tħassib pubbliku u biex jinfthiem l-impatt ekonomiku tal-kapital privat, u li diġà hemm rekwiżit li kumpaniji privati u pubbliċi jikkonsultaw lill-impjegati tagħhom dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom; jenfasizza li m'għandux jinħoloq żbilanċ bejn l-iżvelar ta' tagħrif kummerċjali rikjest minn kumpaniji b'portafoll ta' kapital privat u dak rikjest minn kumpanij privati oħrajn;

11. Jinnota li wara każijiet u attività ta' profil għoli fil-kuntest ta' kumpaniji magħrufa sew, inġibdet l-attenzjoni pubblika lejn il-fondi spekulattivi u l-kapital privat; jirrikonoxxi li kemm il-fondi spekulattivi u kemm il-kapital privat qed jirrispondu għall-kritika permezz ta' proposti awtoregolattivi li jinkorporaw prinċipju li, f'nuqqas ta' konformità, wieħed irid jispjega l-azzjonijiet tiegħu (comply-or-explain); jikkunsidra li hemm bżonn li dawn il-kodiċijiet (li jeżistu bħala element komplementarju u awtonomu għal-leġiżlazzjoni) jiġu adottati malajr u jinferxu globalment, imma li għandu jitħalla biżżejjed żmien biex jiġu analizzati l-effetti tagħhom;

12. Jemmen li l-linji gwida volontarji ttestjati joffru bażi aħjar għall-ittrattar ta' firxa wiesgħa ta' kumplessitajiet u ċirkustanzi, tal-inqas sakemm ikunu ġew eżaminati fil-prattika; jissuġġerixxi li titwaqqaf websajt għall-Unjoni Ewropea li sservi għal kollox (one-stop-shop) f'dak li għandu x'jaqsam mal-kodiċijiet ta' kondotta u biex din tiġi promossa fuq livell internazzjonali; jissuġġerixxi li websajt ta' dan it-tip tinkludi reġistru tal-kumpaniji li jikkonformaw mal-kodiċi ta' kondotta, it-tagħrif li jkunu żvelaw, u l-ispjegazzjonijiet li jagħtu meta ma jikkonformawx; josserva li r-raġunijiet għal nuqqas ta' konformità jistgħu jkunu wkoll għodda ta' tagħlim; hu konxju mill-fatt li monitoraġġ xieraq u effettiv tal-kodiċi ta' kondotta għadu kwistjoni pendenti li hemm bżonn li tiġi indirizzata;

13. Jirrikonoxxi li m'hemm l-ebda żvelar pubbliku uniformi dwar fondi sovrani (sovereign wealth funds), u jilqa' l-inizjattiva tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jitwaqqaf grupp ta' ħidma biex ifassal kodiċi ta' kondotta internazzjonali għall-fondi sovrani; jemmen li kodiċi ta' kondotta ta' dan it-tip jista' jikkontribwixxi biex ineħħi l-misteru li hemm madwar l-attivitajiet tal-fondi sovrani; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu sehem f'dan il-proċess;

14. Jirrikonoxxi li l-fondi spekulattivi fit-territorju tal-UE, il-maniġers tal-fondi spekulattivi fl-UE u d-ditti ta' kapital privat fl-UE huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna l-abbuż tas-suq, u li r-regolazzjoni tapplika għalihom indirettament permezz ta' kontropartijiet u meta jinbiegħu investimenti relatati fi prodotti regolati; ifakkar, b'mod partikulari, li l-banek li jiffinanzjaw lill-fondi spekulattivi u l-kapital privat huma huma stess regolati skond il-liġi Komunitarja f'dak li għandu x'jaqsam ma', inter alia, l-adegwatezza tal-kapital, il-kunflitti ta' interess u s-sistemi u l-kontrolli; jinnota wkoll li r-relazzjoni kummerċjali tal-banek ma' fondi spekulattivi u ma' ditti ta' kapital privat tagħtihom influwenza kunsiderevoli biex jitolbu u jirċievu l-informazzjoni kollha mill-klijenti tagħhom li huma jqisu li hemm bżonn biex jaqdu l-irwol tagħhom;

15. Jinnota li r-rabta bejn il-fondi spekulattivi u l-kontrapartijiet tagħhom ntweriet fl-operazzjonijiet infurzati biex jitnaqqas id-dejn tagħhom (enforced de-leveraging) waqt it-taqlib finanzjarju ta' dan l-aħħar; jinnota li l-proprjetà ta' ishma hija suġġetta għar-rekwiżiti ta' żvelar tas-soltu; jirrikonoxxi li l-maniġers ta' investimenti għandhom responsabilità fiduċjarja lejn l-investituri u għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot fl-interess ta' tali investituri u waqt li jikkunsidraw il-mandat ta' investiment tal-mezz ta' investiment; jinnota li l-istituzzjonijiet li jsellfu l-ishma għandhom jikkunsidraw kif jixraq jekk u kif jistgħu jintużaw l-ishma, inkluż għall-votazzjoni;

16. Hu tal-fehma li kwalunkwe investigazzjoni fil-possibilità ta' sistema tal-UE għall-identifikazzjoni ta' azzjonisti għandha tinkludi analiżi tal-benefiċċju meta mqabbla ma' l-ispejjeż ta' rekwiżiti ta' rrappurtar addizzjonali bl-intenzjoni li jiġi evitat eċċess ta' informazzjoni;

17. Fl-interess li jiġi żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, iqis li m'huwiex xieraq li ssir diskriminazzjoni bejn investituri differenti;

18. Jafferma li, fil-kuntest tal-fondi ta' kapital privat, l-ispejjeż ta' kwalunkwe rekwiżiti ta' rrapurtar addizzjonali, b'mod partikulari meta dawn ikunu frekwenti, għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati għall-benefiċċji li jagħtu; fil-kuntesti kollha, jemmen li hemm bżonn ta' rabta aħjar bejn il-pakketti ta' remunerazzjoni u l-prestazzjoni fit-tul;

19. Jilqa' l-proposta tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli għall-valutazzjoni tal-portafolli ta' fondi spekulattivi u jistenna bil-ħerqa li tiġi introdotta b'mod mifrux; jinnota li, attwalment, il-valutazzjoni tal-assi mhux likwidi għadha għaddejja;

20. Jirrikonoxxi li la l-fondi spekulattivi u lanqas il-kapital privat m'huma l-kawża tat-taqlib finanzjarju attwali; jappoġġja l-kunsens internazzjonali li esprimew il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Forum għall-Istabilità Finanzjarja, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli u oħrajn li se jkun hemm bżonn taż-żmien biex jiġu identifikati l-kawżi u l-effetti kollha tat-taqlib fis-suq sub-prime, u li jkun żball jekk ir-rispons leġiżlattiv ikun wisq mgħaġġel; jinnota, madankollu, li nkixef nuqqas ta' fehim ta' prodotti u ta' klassifiki kumplessi, u li, kemm jista' jkun malajr, għandhom jiġu żviluppati miżuri biex ikun żgurat li jkun hemm fehim, viżibilità tal-proċessi u annotazzjoni aħjar tat-tipi ta' riskji differenti, bħal-likwidità u l-kumplessità, kif ukoll il-verifika tal-affidabilità għal kreditu;

21. Jikkunsidra li, fir-rigward ta' prodotti ġodda, l-innovazzjoni hija importanti u ma tridx tixxekkel b'mod mhux xieraq; jistqarr li l-prinċipji tal-"persuna prudenti", id-diliġenza superviżorja u tal-investitur u l-viżibilità tar-riskju huma aktar importanti minn sistema ta' reġistrazzjoni;

22. Jinnota li l-Istati Membri għandhom miżuri kontra l-bejgħ tal-assi għal qliegħ (asset stripping) jew jistgħu jimplimentawhom, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-obbligi tad-diretturi, u li m'hemm l-ebda provi li miżura Komunitarja f'dawn it-termini tkun iżjed effettiva;

23. Ma jappoġġjax l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni awtonoma (stand-alone) intenzjonata speċifikament għall-fondi spekulattivi u l-kapital privat, iżda jemmen li l-Kummissjoni għandha tinvestiga aġġustamenti xierqa għar-regolamentazzjoni eżistenti; jemmen li kwalunkwe bidla għandha tkun universali u li m'għandhiex tkun diskriminatorja b'mod inġust; jappoġġja bil-qawwi r-regolamentazzjoni aħjar u jemmen li l-armonizzazzjoni għandha sseħħ biss meta jkun hemm evidenza ta' falliment tas-suq;

24. Iqis li mhux prattiku u li hu kontroproduċenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħeġġiġ tal-investiment, li ssir differenzazzjoni b'mod artifiċjali bejn kategoriji ta' investituri privati f'ishma;

25. Jirrakkomanda li l-fondi spekulattivi li jfittxu investiment minn investituri individwali żgħar għandhom jiġu rikjesti li jimpenjaw ruħhom għal settur definit u għal profil ta' riskju formulajku, u għandhom jinbiegħu biss minn bejjiegħa li jkunu speċifikament awtorizzati fir-rigward tal-kwalifiki tekniċi, il-ħila konsultattiva u l-integrità etika tagħhom;

26. Jinnota li s-self ta' titoli bl-iskop waħdieni ta' votazzjoni abbażi ta' ishma jew opzjonijiet mislufa hija prattika ħażina fin-nuqqas ta' proċeduri għall-iżvelar tad-drittijiet għall-vot miksuba permezz ta' ishma jew opzjonijiet mislufa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tqis it-tfassil ta' rakkomandazzjoni li tippermetti li dawk li jsellfu l-ishma jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, permezz tal-faċilità li l-ishma jinġabru lura jew permezz ta' mod ieħor, u biex ikun żgurat li l-politiki għall-votazzjoni ta' investituri istituzzjonali jiġu żvelati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

2

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, David Casa, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in 't Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Florencio Luque Aguilar, Hans-Peter Martin, John Purvis, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Dragoş Florin David, Harald Ettl, Alain Lipietz, Vladimír Maňka, Thomas Mann, Poul Nyrup Rasmussen, Margaritis Schinas, Theodor Dumitru Stolojan

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Titus Corlăţean, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Vicente Miguel Garcés Ramón, Jean-Paul Gauzès, Eva Lichtenberger, József Szájer, Ieke van den Burg