RAPPORT dwar il-Proċess ta’ Bologna u l-mobilità tal-istudent
8.7.2008 - (2008/2070(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Doris Pack
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Proċess ta’ Bologna u l-mobilità tal-istudent
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: L-Edukazzjoni, Ir-Riċerka U L-Innovazzjoni", (COM(2006)0208),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Mobilizzazzjoni ta' l-intelliġenza ta' l-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta' Lisbona." (COM (2005)0152),
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Focus on the structure of higher education in Europe National trends in the Bologna Process” - 2006/07, Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2007,
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Eurobarometer dwar "Perceptions of Higher Education Reforms", Kummissjoni Ewropea, Marzu 2007,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-25 ta’ Settembru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ statistiki dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim għal tul il-ħajja[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-immodernizzar tal-universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija ta' konoxxenza globali;
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13 u tal-14 ta' Marzu 2008
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0302/2008),
A. billi l-għanijiet tal-proċess ta’ Bologna huma li tiġi stabbilita Zona Ewropea għal Edukazzjoni Ogħla sa l-2010, inklużi r-riformi tal-edukazzjoni ogħla, l-eliminazzjoni tal-ostakli li baqa’ għall-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema, u t-titjib tal-kwalità, tal-ġibda u tal-kompetittività ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ewropa,
B. billi l-mobilità tal-istudenti u l-kwalita tal-edukazzjoni għandha tibqa’ wieħed mill-elementi ewlenin tal-proċess ta’ Bologna,
C. billi l-mobilità tal-istudenti tifforma valuri ġodda kulturali, soċjali u akkademiċi u toħloq opportunitajiet għat-tkabbir personali u għat-titjib tal-istandards akkademiċi u l-kapaċità għall-opportunitajiet għax-xogħol fil-livell nazzjonali u fil-livell internazzjonali,
D. billi l-mobilità tal-istudenti tmur lil hinn minn dak li jistgħu jilħqu l-istudenti, ir-riċerkaturi u staff ieħor, b'mod speċjali fl-Istati Membri l-aktar ġodda, prinċipalment minħabba għotjiet insuffiċenti ta' flus, filwaqt li l-ostakli huma magħrufa sew, u ġew indikati darba ripetutament mill-partijiet interessati involuti fid-dibattitu,
E. billi għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-iffinanzjar xieraq tat-tagħlim, għall-ispejjeż tal-għajxien u għall-mobilità tal-istudenti,
F. billi l-Parlament b'mod kostanti poġġa bħala prijorità baġitarja tiegħu l-mobilità tal-istudenti u għamel ħiltu biex jiżgura livell xieraq ta' ffinanzjar għall-programmi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni; billi l-pożizzjoni soda dwar din il-kwistjoni wasslet, minkejja t-tnaqqis operat mill-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni, għal żieda f’approprjazzjonijiet għal programmi ta’ Taħriġ għal Tul il-Ħajja u l-Erasmus Mundus li kienu negozjati skond il-Qafas Finanzjajru Plurijennali 2007-2013 u fi proċeduri baġitarji reċenti,
G. billi hija meħtieġa dejta statistika affidabbli dwar il-mobilità tal-istudenti sabiex isiru osservazzjonijiet, paraguni u evalwazzjonijiet kif ukoll sabiex jiġu żviluppati politiki u miżuri adegwati,
H. billi r-rikonoxximent li t-tagħlim informali u mhux formali jifforma l-bażi tal-istrateġija tat-tagħlim għal tul il-ħajja, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tat-tagħlim għall-adulti f'dan il-proċess,
I. billi l-għażla li wieħed jitlaq minn pajjiżu m’għandhiex tkun imfixkla minn xi ostaklu amministrattiv, finanzjarju jew lingwistiku,
J. billi l-mobilità tinkoraġġixxi t-tagħlim ta' lingwa barranija u t-titjib ta' ħiliet tal-komunikazzjoni ġenerali;
K. billi huwa urġenti li l-universitajiet jiġu riformati u modernizzati f’termini ta’ kwalità, tal-struttura tal-istudji, tal-innovazzjoni u tal-flessibilità,
L. billi l-kwalità tat-tagħlim hija importanti daqs il-kwalità tar-riċerka, u għandu jiġi riformat u modernizzat mal-Unjoni Ewropea kollha, u billi dawn iż-żewġ dimensjonijiet huma marbuta mill-qrib,
M. billi sistemi nazzjonali differenti ta’ rikonoxximent jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għat-trattament ugwali tal-istudenti u għall-progress fiz-Zona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla u fis-suq tax-xogħol Ewropew,
N. billi l-mobilità tista' tkun imfixkla kemm min-nuqqas li jingħata rikonoxximent sħiħ u xieraq kemm għall-korsijiet li attendew kif ukoll in-nuqqas ta' ekwivalenza tal-marki li jkunu kisbu,
O. billi huwa urġenti li jiġi implimentat, ikkoordinat u promoss approċċ koerenti fost il-pajjiżi kollha li ffirmaw il-Proċess ta’ Bologna,
P. billi l-Proċess ta' Bologna għandu joħloq mudell progressiv ġdid għall-edukazzjoni, filwaqt li jiggarantixxi l-aċċess għat-taħriġ għal kullħadd, l-għan prinċipali hu li jitwasslu l-għarfien u l-valuri, filwaqt li tinħoloq soċjetà sostenibbli għall-futur li tkun konxja tagħha nnifisha u ħielsa mill-iżbilanċi soċjali,
1. Iqis li żieda fil-mobilità tal-istudenti u fil-kwalità tas-sistemi edukattivi differenti għandha tkun prijorità fil-kuntest tad-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet ewlenin tal-Proċess ta’ Bologna lil hinn mill-2010;
2. Jenfasizza li sabiex tinkiseb il-mobilità tal-istudenti, għandhom jittieħdu azzjonijiet f'oqsma differenti ta' politika; bosta aspetti li jikkonċernaw il-mobilità jmorru lil hinn mill-iskop ta’ edukazzjoni ogħla u jirrigwardaw l-iskop tal-affarijiet soċjali u finanzjarji, u tal-politiki ta’ immigrazzjoni u viżi;
3. Jinnota li, meta titqies il-limitazzjoni għall-immanuvrar minħabba l-marġini stretti li tħallew fl-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju, l-isforzi minn Stati Membri mwettqa fil-qafas ta’ koperazzjoni intergovernattiva biex titjieb il-kwalità u l-kompetittività tal-edukazzjoni fl-UE, b’mod partikulari, bil-promozzjoni tal-mobilità, li jkun żgurat ir-rikonoxximent ta’ kwalifikazzjonijiet u assigurazzjoni ta’ kwalità, huma partikolarment mixtieqa;
4. Huwa konvint li l-metodu ta’ konsultazzjoni użat mill-partijiet kollha interessati involuti fil-proċess għandu jibqa' jintuża: kemm l-istituzzjonijiet kif ukoll ir-rappreżentanti tal-istudenti għandhom jikkoperaw mill-qrib sabiex jingħelbu l-ostakli li baqa’ għall-mobilità u l-problemi relatati mal-kwalità u mal-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bologna;
5. Jiġbed l-attenzjoni li waqt li jkun implimentat il-Proċess ta’ Bologna, għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-koperazzjoni u lill-koordinazzjoni mill-qrib u b’mod intensiv maz-Zona ta’ Riċerka Ewropea;
Mobilità tal-istudenti: Kwalità u Effiċjenza
6. Jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti għal statistika komparabbli u li tkun affidabbli dwar il-mobilità tal-istudenti u l-profil socjo-ekonomiku tal-istudenti, bħal indikaturi, kriterji u limiti ta’ referenza komuni, sabiex jingħeleb in-nuqqas attwali ta’ dejta u jiġi promoss l-iskambju ta’ prattiki tajba;
7. Jistieden lill-universitajiet sabiex itejbu u jissimplifikaw l-informazzjoni li jagħtu fuq l-internet u b'mezzi oħra, kemm għall-istudenti ġodda u kemm għal dawk li jispiċċaw kors; l-universitajiet u l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus għandhom jikkollaboraw mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti sabiex l-informazzjoni kollha neċessarja tkun disponibbli fiż-żmien xieraq; l-universitajiet għandhom jappoġġjaw id-drittijiet tal-istudenti, b'konformità mal-impenji li daħlu għalihom meta ssieħbu mal-Karta Universitarja tal-Erasmus;
8. Jenfasizza li sabiex il-Proċess ta' Bologna jilħaq l-għanijiet tiegħu, hija neċessarja r-reċiproċità f'termini tal-fluss ta' studenti tal-istudjużi; jenfasizza in-nuqqas ta' proporzjon fix-xejriet kurrenti, u b'mod partikulari il-mobilità fqira lejn l-Istati Membri li saru membri tal-UE fl-2004 u fl-2007;
9. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ "mentoring" għall-integrazzjoni soċjali, kulturali u lingwistika tal-istudenti ġodda;
10. Jenfasizza li kapaċità mtejba għall-lingwi hija valur kunsiderevoli u waħda mir-raġunijiet għall-mobilità tal-istudenti, u li huwa importanti li jkunu offruti korsijiet tat-taħriġ fil-lingwa lill-istudenti ġodda, qabel u/jew wara l-perjodi ta’ studju tal-Erasmus;
Ir-riforma tal-edukazzjoni ogħla u l-modernizzazzjoni tal-universitajiet: kwalità, innovazzjoni u flessibilità
11. Jistieden lill-universitajiet Ewropej biex jirriformaw il-kurrikulu b’mod innovattiv u ambizzjuż: kontenut ambizzjuż u ta' kwalità għolja u l-iristrutturar tal-organizzazzjoni huma kruċjali għall-mobilità tal-istudenti u għal aktar flessibilità; għandu jkun introdott “perjodu ta’ studju għall-mobilità” fil-programmi universitarji kollha li jwasslu għal grad, li jippermetti lill-istudenti jsiefru;
12. Jitlob li tingħata enfasi lill-ħtieġa għall-programmi dottorali Ewropej li jippromwovu l-mobilita tal-istudenti ta' dottorat u l-ħolqien ta' qafas ta' dottorat Ewropew;
13. Jenfasizza l-irwol essenzjali tal-kwalità u l-eċċellenza tat-tagħlim: għalliema kwalifikati fis-setturi kollha ta’ studji, l-iżvilupp tagħhom u t-taħriġ kontinwu huma kruċjali sabiex l-istudji jkunu attraenti u effettivi u jiksbu l-għanijiet tal-Proċess ta' Bologna;
14. Itenni l-ħtieġa għal aktar djalogu trans-nazzjonali u skambju ta' informazzjoni u esperjenzi biex tkun faċilitata l-konverġenza tal-edukazzjoni tal-għalliema, inkluż l-edukazzjoni tal-għalliema tal-primarja, u l-effettività tal-iżvilupp professjonali kontinwu;
L-iffinanzjar u l-investiment fil-mobilità tal-istudenti u fid-dimensjoni soċjali
15. Għandha tingħata assistenza speċjali lill-istudenti minn gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, pereżempju, billi tkun proposta akkomodazzjoni rħisa u deċenti; ħafna drabi, wara l-wasla jkun meħtieġ aktar appoġġ;
16. Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' Karta Ewropea Waħda tal-Identifikazzjoni tal-Istudenti, sabiex tkun faċilitata l-mobilità u l-istudenti jkunu megħjuna biex jieħdu skontijiet fuq l-akkommodazzjoni u sussistenza;
17. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiggarantixxu aċċess indaqs u universali għall-mobilità permezz ta’ proċeduri sempliċi, flessibbli u trasparenti ta’ għoti ta’ fondi u permezz ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali għal destinazzjonijiet b'infiq għoli u għal dawk l-istudenti li jeħtieġuh; iqis li huwa essenzjali li l-istudenti jkollhom dan l-appoġġ qabel it-tluq tagħhom sabiex jevitaw li jkollhom piż finanzjarju eċċessiv;
18. Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest ta’ reviżjoni fuq perjodu ta’ żmien medju tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali maħsub fid-Dikjarazzjoni mehmuża mal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod tas-17 ta’ Mejju 2006, it-tisħiħ tal-pakkett finanzjarju maħsub għall-programmi fil-qasam tal-edukazzjoni, u b'mod speċjali għall-għoti ta' flus mill-Erasmus, jista’ jitqies, suġġett għar-riżultati ta’ mmonitorjar u evalwazzjoni tal-programm;
19. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jiddaħħlu u jkunu promossi mezzi ġodda ta’ ffinanzjar għall-mobilità tal-istudenti bħal self mingħajr interessi u/jew self trasferibbli;
20. Jistieden lill-universitajiet Ewropej sabiex jikkoperaw mas-settur privat (eż. organizzazzjonijiet ekonomiċi jew tan-negozju bħall-kmamar tal-kummerċ) sabiex jinstabu mekkaniżmi ġodda u effettivi ta’ kofinanzjar tal-mobilità tal-istudenti f’kull ċiklu (baċellerat-masters-dottorat) biex b'hekk tittejjeb il-kwalità tas-sistemi edukattivi;
21. Jissuġġerixxi djalogu li jħalli l-frott u skambju minn żewġ naħat bejn il-kumpaniji u l-universitajiet sabiex jaħsbu dwar sħubijiet innovattivi u biex jesploraw modi ġodda ta’ koperazzjoni;
Il-kwalità u r-rikonoxximent sħiħ tad-diplomi
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproċedu bl-implimentazzjoni tal-oqsfa ta' riferenza Ewropej (Qafas ta' Bologna tal-Kwalifiki, Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, Standards u Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità, u l-Konvenzjoni ta' Rikonoxximent ta' Lisbona) sabiex tkun stabbilita z-Zona Ewropea għal Edukazzjoni Ogħla;
23. Jenfasizza, għalhekk, l-urġenza li tiġi implimentata s-sistema komprensiva, unifikata u effettiva ta' trasferment tal-krediti ECTS: il-kwalifiki tal-istudenti u tal-istudjużi għandha tkun faċilment trasferibbli madwar l-Ewropa permezz ta' qafas komuni wieħed;
24. Jenfasizza li s-sistema ta' gradi universitarji ta’ tliet ċikli (Baċellerat, Masters u Dottorat), jista' jsir aktar flessibbli speċjalment billi tintuża sistema ta' "4+1" minflok "3+2" għall-ewwel u għat-tieni ċikli; għal ċerti studji dan jista' jkun aktar xieraq biex ikunu ffaċilitati aktar il-mobilità u l-opportunitajiet għax-xogħol tal-gradwati;
25. Jappella sabiex ‘internships’ u esperjenzi oħra informali u mhux formali approvati mill-universitajiet, jingħataw krediti tal-ECTS u sabiex jiġu rikonoxxuti bħala parti integrali tal-kurikuli tal-istudju;
L-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bologna fil-pajjiżi kollha kkonċernati
26. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-universitajiet Ewropej sabiex jinkoraġġixxu u jħaddnu l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ inizjattivi ta’ trawwim ta’ kuxjenza;
27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri tal-viża u sabiex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-istudenti li jmorru jistudjaw f'universitajiet oħra, speċjalment għal dawk li ġejjin minn Stati Membri tal-Lvant tal-Ewropa u minn Stati Kandidati b'konformita mad-Direttivi tal-UE fuq il-viżi;
o
o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2007)0400.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Il-Proċess ta’ Bologna, li tnieda fl-1999, huwa inizjattiva intergovernattiva li l-għan tagħha hu li tinħoloq Zona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla sal-2010. L-idea bażika hi li tkun iktar faċli għall-istudenti biex jagħżlu minn għażla wiesgħa ta’ korsijiet ta’ kwalità għolja u sabiex il-korsijiet li jagħżlu jkunu rikonoxxuti b'mod mifrux. Għal din il-fini, il-proċess ta' Bologna jaħseb għal tliet oqsma ta' prijorità għal azzjoni: l-introduzzjoni ta’ “sistema ta’ tliet ċikli” (baċellerat/masters/dottorat), assigurazzjoni tal-kwalità, u rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-perjodi tal-istudju. Il-progress sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet kien diskuss fis-smigħ pubbliku dwar il-proċess ta’ Bologna li sar fl-4 ta’ Ottubru 2007 mill-Kumitat CULT. Barra minn hekk, fis-6 ta' Marzu 2008 l-PPE-DE organizza smigħ ieħor dwar din it-tema, bit-titolu: Higher education: from the Bologna process to educational governance in the EU? ("Edukazzjoni ogħla: mill-proċess ta’ Bologna għal governanza edukattiva fl-UE?") u ippresediet is-Sra Doris Pack MPE. F’din l-okkażjoni, tressqu ħafna osservazzjonijiet interessanti rigward l-impatt tal-proċess ta’ Bologna fuq il-mobilità tal-istudenti. Tqajmu wkoll kwistjonijiet ewlenin differenti, bħall-irwol kruċjali ta’ governanza universitarja effiċjenti, l-importanza kbira tal-kwalità tat-tagħlim u l-kurikuli innovattivi jew il-ħafna sfidi komuni interni u esterni li l-edukazzjoni ogħla Ewropea għad trid tiffaċċja sabiex tibqa’ kompettittiva u tibqa' trendi fid-dinja globalizzata tas-seklu 21.
Il-Proċess ta’ Bologna se jimxi 'l quddiem permezz ta' programm ta' ħidma ggwidat minn konferenzi ministerjali biannwali: Praga 2001, Berlin 2003, Bergen 2005, Londra 2007 u Leuven/Louvaine-la-Neuve 2009. Dawn il-konferenzi huma preparati mill-Grupp ta’ Segwitu tal-Proċess ta’ Bologna[1], li huwa ppresedut mill-pajjiż li attwalment ikollu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, u huwa appoġġjat mis-Segretarjat ta' Bologna, organizzat mill-pajjiż/i li se jospitaw il-laqgħa Ministerjali li jkun imiss.
L-element ewlieni sabiex il-koperazzjoni tal-Proċess ta' Bologna tkun suċċess huwa s-sistema ta' sħubija li hemm wara l-proċess, kemm fit-tfassil tal-politika kif ukoll fl-implimentazzjoni. Illum, il-Proċess jgħaqqad 46 pajjiż, li kollha jieħdu sehem fil-Konvenzjoni Ewropea tal-Kultura, li jikkoperaw b’mod flessibbli, u li jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali u assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, ta’ studenti, ta' staff u ta' min iħaddem. Il-Proċess ta’ Bologna huwa eżempju tajjeb ta’ koperazzjoni Ewropea, kemm fi ħdan il-qafas tal-UE kif ukoll barra minnu.
Kulħadd jaf li edukazzjoni ogħla hija komponent bażiku fl-iżvilupp tal-individwi. Hija ttejjeb it-tkabbir soċjali, kulturali u ekonomiku, iċ-ċittadinanza attiva u l-valuri etiċi. Madanakollu, sakemm l-Unjoni Ewropea għandha x'taqsam, l-edukazzjoni ogħla m'hix waħda mir-responsabilitajiet tal-Kummissjoni tal-komunitajiet Ewropej: għadha pjuttost kwistjoni nazzjonali, u l-kompetenza għall-kontenut u għall-organizzazzjoni tal-istudji tibqa’ fil-livell nazzjonali.
Madankollu, skont l-Artikolu 149 tat-Trattat ta’ Nizza, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, permezz ta’ ħafna azzjonijiet, bħall-promozzjoni tal-mobilità għaċ-ċittadini, it-tfassil ta’ programmi konġunti ta’ studju, l-istabbiliment ta’ netwerks, l-iskambju ta’ informazzjoni jew it-tagħlim tal-lingwi tal-Unjoni Ewropea.
2. L-approċċ tar-Rapporteur
Ir-Rapporteur hija imħassba b'mod partikulari dwar il-mobilità tal-istudenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dwar it-tfixkil possibbli tal-proċess ta’ Bologna fuqha: iz-Zona Ewropea għal Edukazzjoni Ogħla l-ġdida qed tgħin sabiex tiżdied il-mobilità tal-istudenti Ewropej jew qed taqta’ qalb l-istudenti u qed tfixkilhom? Wieħed m’għandux jinsa li l-mobilità hija wieħed mis-sitt objettivi speċifikati fid-Dikjarazzjoni ta’ Bologna, li l-firmatarji tagħha għandhom l-intenzjoni li jippromovuha billi jegħlbu l-ostakli għal eżerċitar effettiv ta’ moviment ħieles, b’attenzjoni speċjali mhux biss għall-istudenti imma wkoll għall-għalliema, għar-riċerkaturi u għall-istaff amministrattiv. Għalhekk il-mobilità hija l-bażi tal-istabbiliment taz-Zona Ewropea għal Edukazzjoni Ogħla, kif ukoll hija waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji fuq l-aġenda 2007-2009.
Ir-Rapporteur tapprova s-sistema progressiva adottata mill-Kummissjoni Ewropea u tappoġġja wkoll il-ħidma tagħha. L-Istati Membri għandhom ikunu appoġġjati fl-isforzi tagħhom sabiex jimmodernizzaw u jirriformaw b’mod innovattiv is-sistemi tal-edukazzjoni ogħla rispettivi tagħhom, li huma assolutament meħtieġa sabiex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni.
Madankollu, ir-Rapporteur hija mħassba dwar l-implimentazzjoni fil-passat u fil-futur tal-Proċess ta’ Bologna, peress li numru ta’ żviluppi attwali li qed iseħħu f’xi Stati Membri, mhux qegħdin fid-direzzjoni intenzjonata jew mixtieqa. Kważi għaxar snin wara t-tnedija tiegħu, ir-Rapporteur taħseb li wasal żmien ta' riflessjoni u ta’ dibattitu sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kisbiet u l-fallimenti tal-Proċess ta’ Bologna. Għandu jiġi determinat kif is-sistemi edukattivi fl-Unjoni Ewropea nbiddlu minħabba l-Proċess ta’ Bologna, u anke kif dawn l-iżviluppi u l-bidliet affettwaw il-kwalità tal-edukazzjoni ogħla Ewropea.
L-ewwel nett, ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza li l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għandha tkun għażla għal kull ċittadin Ewropew, irrispettivament miċ-ċittadinanza, mill-pajjiż jew miz-zona tat-twelid.
Il-mobilità għandha ħafna effetti pożittivi mhux biss għall-individwu jmur barra, imma wkoll għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u għas-soċjetà kollha kemm hi. Aktar minn hekk, id-dimensjoni soċjali tagħha m’għandhiex tintesa: il-mobilità tipprovdi esperjenza imprezzabbli f'termini akkademiċi, kulturali u ta' diversità soċjali. Fl-aħħar nett, il-mobilità tiffaċilita n-netwerking u l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, li huma assolutament neċessarji għall-iżvilupp kwalitattiv tal-edukazzjoni ogħla Ewropea u tal-istabbiliment tar-riċerka.
Ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza u tiġbed attenzjoni speċjali dwar:
1. Il-mobilità tal-istudenti: Il-Kwalità u l-Effiċjenza
2. Ir-riforma tal-edukazzjoni ogħla u l-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-kwalità, l-innovazzjoni u l-flessibilità
3. L-iffinanzjar u l-investiment fil-mobilità tal-istudenti u fid-dimensjoni soċjali
4. Il-kwalità u r-rikonoxximent sħiħ tad-diplomi
5. L-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bologna fil-pajjiżi kollha kkonċernati
Għalkemm ir-Rapporteur tagħraf l-importanza kbira ta’ inizjattiva intergovermentali bħal din, hi tinsisti fuq il-fatt li l-implementazzjoni tagħha hija frammentata ħafna fil-livell nazzjonali. Għalhekk, għalissa għadu pjuttost diffiċli li tiġi rikonoxxuta l-“faċċata” Ewropea tal-Proċess ta’ Bologna, u għalhekk hemm bżonn li jitfassal qafas legali, filwaqt li jitqies dejjem il-fatt li l-istudenti jridu jkunu fil-qalba tal-kwistjonijiet u tal-inizjattivi kollha fejn għandha x’taqsam l-edukazzjoni.
- [1] Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa bħala membru sħiħ tal-Grupp ta’ Segwitu tal-Proċess ta’ Bologna, kif ukoll tal-Bord ta’ Bologna.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (7.5.2008)
għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-mobilità ta’ l-istudent
(2008/2070(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Monica Maria Iacob-Ridzi
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Parlament b'mod kostanti poġġa bħala prijorità baġitarja l-mobilità ta' l-istudenti u pproċeda biex jiżgura livell xieraq ta' ffinanzjar għall-programmi ta' l-UE fil-qasam ta’ l-edukazzjoni; billi l-pożizzjoni soda dwar din il-kwistjoni wasslet, minkejja t-tnaqqis operat mill-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni, għal żieda f’approprjazzjonijiet għal programmi ta’ Taħriġ għal Tul il-Ħajja u l-Erasmus Mundus negozjati skond il-Qafas Finanzjajru Plurijennali 2007-2013 u fi proċeduri baġitarji reċenti,
1. Jinnota li, meta titqies il-limitazzjoni għal manuvrar minħabba l-marġini dojoq preżentati fl-Intestatura 1a, sforzi minn Stati Membri mwettqa fil-qafas ta’ koperazzjoni intergovernattiva biex titjieb il-kwalità u l-kompetittività ta’ l-edukazzjoni fl-UE, b’mod partikulari, bil-promozzjoni tal-mobilità, bl-iżgurar ta’ rikonoxximent ta’ kwalifikazzjonijiet u assigurazzjoni ta’ kwalità, huma partikolarment milqugħa;
2. Jenfasizza li, meta jitqiesu r-riżorsi limitati disponibbli fil-baġit ta’ l-UE, l-impatt tal-programmi ta’ Taħrġ għal Tul il-Ħajja u l-Erasmus Mundus fir-rigward ta' mobilità għandu jkun immonitorjat mill-qrib fir-rigward ta' l-ammonti ta' għotjiet individwali u numru ta' persuni li għalihom ikunu disponibbli, biex ikun żgurat li bilanċ xieraq bejn il-massimizzar tan-numru ta’ benefiċjarji u l-provvediment ta' livell xieraq ta' ffinanzjar individwali;
3. Jinnota li, fil-kuntest ta’ reviżjoni fuq perjodu ta’ żmien medju tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali maħsub fid-Dikjarazzjoni mehmuża mal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u mmaniġġjar finanzjarju sod, tisħiħ tal-pakkett finanzjarju maħsub għall-programmi fil-qasam ta’ l-edukazzjoni jista’ jitqies, suġġett għar-riżultati ta’ mmonitorjar u evalwazzjoni tal-programm;
4. Itenni l-pożizzjoni tiegħu, kif preżentata fil-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 fl-abbozz tal-baġit ġenerali ta’ l-2008[1], li implimentazzjoni tal-programmi ta’ Taħriġ għal Tul il-Ħajja u l-Erasmus Mundus minn aġenzija eżekuttiva ma jridux iwasslu għal żieda fis-sehem ta’ spejjeż amministrattivi fil-pakkett totali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
6.5.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Paulo Casaca, Daniel Dăianu, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, Hynek Fajmon, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Francesco Musotto, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter |
|||||
- [1] Testi Adottati, P6_TA(2007)0616.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
24.6.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
30 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-vot finali |
Maria Badia i Cutchet, Katerina Batzeli, Ivo Belet, Giovanni Berlinguer, Nicodim Bulzesc, Marie-Hélène Descamps, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Dumitru Oprea, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Mihaela Popa, Christa Prets, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Victor Boştinaru, Mary Honeyball, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser, Jaroslav Zvěřina |
|||||