RAPPORT dwar intejbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema
10.7.2008 - (2008/2068(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Maria Badia i Cutchet
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar intejbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3(q), 149 u 150 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Intejbu l-Kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema’ (COM(2007)0392) u d-dokumenti ta’ ħidma relatati ta’ l-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2007)0931 u SEC (2007)0933),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja[1], li jinkludi l-objettiv speċifiku li jiġu msaħħa l-kwalità u d-dimensjoni Ewropea tat-taħriġ ta’ l-għalliema (Artikolu 17(2)(e)),
– wara li kkunsidra t-tmien ħiliet ewlenin spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 intitolata ‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja - Qafas ta’ Referenza Ewropew’[2],
– wara li kkunsidra l-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’ u speċifikament l-Objettiv 1.1 ‘It-titjib tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Għalliema u għal Min Iħarreġ’[3], kif ukoll ir-rapporti konġunti temporanji sussegwenti fuq il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-politika ta’ l-UE dwar il-multilingwiżmu u r-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Multilingwiżmu (2007),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Speċjali Ewropew ta’ Liżbona tat-23-24 ta’ Marzu 2000,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona f’Marzu 2002, li adotta objettivi konkreti għat-titjib, fost oħrajn, tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u għal min iħarreġ,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Mejju 2003 dwar il-livelli ta’ referenza tal-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Benchmarks)[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill ta’ l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura fil-laqgħa tiegħu tal-15-16 ta’ Novembru 2007 u speċifikament il-konklużjonijiet dwar l-edukazzjoni ta’ l-għalliema[5],
– wara li kkunsidra l-istħarriġ trijennali PISA (Programm għall-Evalwazzjoni Internazzjonali ta’ l-Istudenti) ta’ l-OECD kif ukoll ir-rapport tiegħu ‘L-Għalliema huma Importanti: L-Attirazzjoni u l-Iżvilupp ta’ Għalliema Effettivi u l-Kapaċità li Jinżammu milli Jitilqu' (2005),
– wara li kkunsidra r-rapport ‘Kif is-sistemi tal-iskola bl-aħjar prestazzjoni fid-dinja joħorġu fuq quddiem nett' (McKinsey & Co, Settembru 2007),
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew bl-isem 'Is-sitwazzjoni preżenti u l-prospetti għall-edukazzjoni fiżika fl-Unjoni Ewropea’,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0304/2008),
A. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għandhom benefiċċji minn ħafna aspetti li jmorru lil hinn mill-ħolqien ta’ l-impjiegi u l-promozzjoni tal-kompetittività, u huma elementi importanti tat-tagħlim li jibqa’ għaddej tul il-ħajja tal-bniedem,
B. billi l-ħtieġa li jiġu edukati individwi li jkunu awtosuffiċjenti, infurmati u impenjati lejn soċjetà koeżiva, u billi l-kwalità tat-tagħlim hija fattur kritiku peress li jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-ħolqien tal-impiegi, il-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tagħha f’dinja li qed tigglobalizza,
C. billi l-Fond Soċjali Ewropew jista’ jwettaq irwol importanti fl-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ peress li jikkontribwixxi għal edukazzjoni aħjar tal-għalliema,
D. billi l-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema huwa rifless fil-prattika edukattiva u għandu effett dirett mhux biss fuq il-livell tal-għarfien tat-tfal tal-iskola iżda wkoll fuq il-formazzjoni tal-personalità tagħhom b’mod partikulari matul l-ewwel snin tal-esperjenza skolastika tagħhom,
E. billi l-isfidi li tiffaċċja l-professjoni tal-għalliema qed jiżdiedu aktar ma l-ambjenti edukattivi kulma jmur isiru aktar kumplessi u eteroġeni; billi dawn l-isfidi jinkludu avvanzi fit-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), bidliet fl-istrutturi soċjali u tal-familja, u t-taħlita dejjem aktar diversa ta’ studenti f’ħafna skejjel bħala riżultat taż-żieda fl-immigrazzjoni u tal-fatt li qed jitfaċċaw soċjetajiet multikulturali, iż-żieda fl-awtonomija tal-iskejjel, li ġġib magħha żieda fid-dmirijiet tal-għalliema, u l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-bżonnijiet ta' tagħlim ta' alljievi individwali,
F. billi hemm korrelazzjoni ċara u pożittiva bejn it-taħriġ ta’ l-għalliema li jkun ta’ kwalità għolja u l-fatt li l-aljievi jiksbu rati ta’ suċċess għolja,
G. billi minħabba l-fatt li qed ikun ipprovdut aktar u aktar tagħrif flimkien mad-diġitalizzazzjoni li għaddejja fil-preżent, trid tkun żviluppata l-kapaċità biex jintużaw b’mod effettiv il-midja u l-kontenut tagħhom skont l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-individwu, u billi l-edukazzjoni dwar il-midja hija tip ta’ approċċ pedagoġiku lejn il-midja li għandu jħalli lill-utenti jiżviluppaw approċċ kritiku u ta’ riflessjoni fl-użu tal-midja kollha,
H. billi aktar minn 80% tal-għalliema tal-iskejjel primarji u 97% tal-għalliema fl-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola formali fl-Unjoni Ewropea huma nisa, filwaqt li fl-edukazzjoni sekondarja ċ-ċifra ekwivalenti hija biss ta’ 60%,
I. billi l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema tista’ taffettwa l-livelli ta’ kemm alljievi jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-ħiliet tal-qari tal-istudenti,
J. billi l-edukazzjoni ta’ qabel tibda l-iskola formali u l-edukazzjoni primarja għandhom impatt partikularment kritiku fuq dak li t-tfal eventwalment jiksbu mil-lat edukattiv,
K. billi b’aktar minn 27 sistema differenti ta’ taħriġ ta’ l-għalliema stabbilita madwar l-Unjoni, l-isfidi li qed jiffaċċjaw lill-professjoni ta’ l-għalliema madankollu huma, essenzjalment, komuni għall-Istati Membri kollha,
L. billi t-tagħlim huwa professjoni vokazzjonali li fiha livelli għolja ta’ sodisfazzjoni bix-xogħol huma importanti biex staff tajjeb jinżamm milli jitlaq mill-impjieg,
M. billi tkun ħaġa inġusta li l-għalliema jkunu mġiegħla jkunu responsabbli waħidhom għall-attività edukattiva tagħhom; billi jeħtieġ li jkun enfasizzat li l-kapaċità tal-għalliema li joffru edukazzjoni xierqa lill-alljievi kollha tagħhom, li joħolqu klima li fiha lkoll ikunu jistgħu jgħixu flimkien, u li jnaqqsu l-imġiba vjolenti, hija marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet li fihom jgħallmu, il-mezzi ta’ appoġġ disponibbli, il-għadd ta’ alljievi b’diffikultajiet ta’ tagħlim f’kull klassi, l-ambjent soċjali u kulturali fl-iskejjel, il-koperazzjoni tal-familji, u l-appoġġ soċjali li jingħata; billi l-livell ta’ impenn tal-għalliema jiddependi ħafna mill-impenn tas-soċjetà lejn l-edukazzjoni, u ż-żewġ fatturi għandhom interazzjoni bejniethom fl-interess ta' tagħlim aħjar,
N. billi jeħtieġ li jsir kull sforz biex ikun żgurat li l-għalliema kollha jħossu li huma jappartienu lil professjoni rispettata u apprezzata, peress li parti kbira mill-identità ta’ professjoni tiddependi mill-mod kif taraha s-soċjetà,
O. billi l-attirazzjoni ta’ rekluti ta’ l-aqwa prestazzjoni lejn il-professjoni tat-tagħlim teħtieġ livelli korrispondenti ta’ għarfien soċjali, status u rimunerazzjoni,
P. billi l-għalliema jwettqu rwoli soċjali u ta’ żvilupp importanti li jestendu lilhinn mil-limiti tas-suġġetti tradizzjonali, u jistgħu jwettqu funzjoni importanti bħala mudelli ta’ eżempju tajjeb,
Q. billi l-objettiv ta’ ‘opportunitajiet indaqs għal kulħadd’ huwa mnaqqax fit-Trattat KE, b'mod partikulari fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali,
R. billi l-kwalità tal-iskejjel hija fil-biċċa l-kbira tagħha dipendenti mil-livell ta' awtonomija marbut mal-pjanijiet u l-immaniġġjar tagħhom,
S. billi l-kwalifiki professjonali xierqa għall-għalliema tal-edukazzjoni fiżika (PE) għandhom irwol importanti ħafna fl-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tfal u fl-inkoraġġiment tagħhom biex jadottaw stil ta’ ħajja li jkun wieħed san,
1. Jappoġġja bil-qawwa l-analiżi li żjieda fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema twassal għal akkwisti sostanzjali fil-prestazzjoni tal-istudenti;
2. Jidhirlu li l-provvediment ta’ aktar edukazzjoni ta’ l-għalliema u ta’ kwalità aħjar flimkien ma’ politiki mmirati lejn ir-reklutaġġ ta’ l-aħjar kandidati fil-professjoni ta’ l-għalliema għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin għall-ministeri tal-edukazzjoni kollha;
3. Jemmen li żjiediet fin-nefqa ta’ l-edukazzjoni għandhom jimmiraw lejn oqsma li jipproduċu l-aqwa titjib fil-prestazzjoni ta’ l-istudenti;
4. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħtu importanza akbar lit-taħriġ ta’ l-għalliema u jallokaw aktar riżorsi għalih jekk għandu jsir progress sinifikanti fl-ilħuq ta’ l-objettivi ta’ l-‘Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010’ ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, jiġifieri li l-kwalità tal-edukazzjoni għandha tingħata spinta, u li t-tagħlim tul-il-ħajja għandu jkun msaħħaħ fl-Unjoni kollha;
5. Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-promozzjoni ta’ l-iżvilupp professjonali kontinwu u koerenti għall-għalliema tul il-karriera kollha tagħhom; jirrakkomanda li l-għalliema kollha jkollhom opportunitajiet regolari akkademiċi, tax-xogħol u finanzjarji, bħal m’huma boroż ta’ studju tal-gvern, biex itejbu u jaġġornaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, kif ukoll l-għarfien pedagoġiku tagħhom; iqis li dawn l-opportunitajiet ta’ taħriġ għandhom ikunu strutturati b’tali mod li l-kwalifiki jkunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hrmm aktar djalogu u skambju transnazzjonali tal-esperjenza, speċjalment fil-provvediment u l-effikaċja tal-iżvilupp professjonali kontinwu fil-qasam tal-edukazzjoni tal-għalliema ta’ qabel l-iskola formali, tal-primarja u tas-sekondarja;
7. Iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikulari lill-proċess inizjali tad-dħul ta’ għalliema ġodda; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ appoġġ u ta’ programmi ta’ għoti ta’ pariri minn dawk bl-esperjenza (mentoring), li permezz tagħhom għalliema li jkunu ta' esperjenza u ta’ kapaċità bil-provi jkunu jistgħu jwettqu rwol ewlieni fit-taħriġ ta' kollegi ġodda, billi jgħaddu l-għarfien li jkun ġie akkwistat matul karrieri li jkunu ta' suċċess, billi jippromowovu l-akkwist ta' tagħlim bħala tim u billi jgħinu biex jiġu affrontati r-rati ta’ dawk li jħallu l-impjieg minn fost ir-rekluti l-ġodda; jemmen li meta jaħdmu u jitgħallmu flimkien, l-għalliema jistgħu jgħinu biex itejbu l-prestazzjoni li jkollha skola u l-ambjent ġenerali ta’ tagħlim tagħha;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li, filwaqt li jibqgħu jiffokaw fuq ir-reklutaġġ ta’ l-aħjar għalliema u l-kapaċità li jinżammu milli jitilqu mill-impjieg, speċjalment billi jagħmlu l-prfessjoni attraenti biżżejjed, il-kompożizzjoni forza tax-xogħol ta’ l-għalliema fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni skolastika tkun tirrappreżenta d-diversità soċjali u kulturali fi ħdan is-soċjetà;
9. Jenfasizza r-rabta mill-qrib li hemm bejn il-fatt li jkun żgurat li l-professjoni ta' għalliem hija waħda attraenti u ta' sodisfazzjoni bi prospetti tajba ta' progressjoni fil-karriera u l-fatt li jiġu rreklutati b’suċċess gradwati u professjonisti ta’ suċċess għoli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu aktar miżuri sabiex jippromwovu t-tagħlim bħala għażla ta’ karriera għal individwi li jiksbu l-aqwa suċċess f’dak li jagħmlu;
10. Jisħaq fuq l-importanza partikulari ta’ politika tal-ugwaljanza tas-sessi; Jisħaq ukoll fuq kemm għandu importanza l-fatt li jkun żgurat li l-għalliema ta’ qabel l-iskola formali u dawk ta’ l-iskola primarja jkunu ta’ kwalità għolja u li jirċievu l-livelli xierqa ta’ appoġġ soċjali u professjonali li jitolbu r-responsabilitajiet tagħhom;
11. Jagħraf l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-għalliema li għadha għaddejja fil-gruppi ta’ ħidma u ta’ diskussjoni marbuta mal-attività tagħhom ta’ għalliema; din il-ħidma għandha tkun appoġġjata minn persuni li jagħtu l-pariri u amministrazzjonijiet edukattivi; jqis li l-parteċipazzjoni f’attivitajiet kritiċi ta’ riflessjoni rigward il-proċess tat-tagħlim għandha tiġġenera interess akbar fix-xogħol tal-għalliema u b’hekk ittejjeb il-prestazzjoni tagħhom;
12. Jinsisti fuq l-irwol importanti tal-iskola f’dik li hi l-ħajja soċjali tat-tfal u l-ħajja tagħhom ta’ alljievi kif ukoll f’dak li hu l-għoti lilhom ta’ tagħlim u ħiliet biex jipparteċipaw fis-soċjetà demokratika; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm għalliema kwalifikati, kompetenti u bl-esperjenza li jkunu involuti fit-tnissil ta’ metodi effettivi ta’ taħriġ pedagoġiku għall-għalliema;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkunu biss dawk li huma kwalifikati kif jixraq bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika (PE) li jkunu jistgħu jagħtu lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fi ħdan is-sistema tal-edukazzjoni pubblika;
14. Jagħmel enfasi fuq id-differenzi kbar li hemm bejn il-pagi medji ta’ l-għalliema, mhux biss bejn l-Istati Membri differenti, iżda wkoll meta mqabbla mad-dħul nazzjonali medju u mal-prodott gross domestiku (GDP) per capita; jitlob li l-għalliema jibbenefikaw minn pakketti ta’ rimunerazzjoni li jkunu jirriflettu l-importanza tagħhom għas-soċjetà, u li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat il-fatt li l-aħjar għalliema qed jitilqu mill-iskejjel biex jieħdu impjiegi mħallsa aħjar fis-settur privat, b’mod partikulari fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija;
15. Jenfasizza li l-għalliema għandhom ikunu mħejjija aħjar biex jiffaċċjaw il-firxa ta' esiġenzi ġodda li jsirulhom; jagħraf l-isfidi li l-iżviluppi fl-ICT joffru lill-għalliema, iżda wkoll l-opportunitajiet; jinkoraġġixxi l-prijoritizzazzjoni ta’ l-edukazzjoni fl-ICT matul it-taħriġ tal-bidu u t-taħriġ sussegwenti biex ikun iggarantit għarfien aġġornat ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi riċenti u l-applikazzjoni edukattiva tagħhom u li l-għalliema jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex japprofittaw ruħhom minn dawn fil-klassi;
16. Jemmen li t-taħriġ għandu jimmira, fost objettivi oħra, biex jipprovdi lill-għalliema bil-qafas innovattiv li jinħtieġu sabiex fl-attivitajiet tagħhom u fl-oqsma tas-suġġetti l-ġodda jinkludu bħala ħaġa normali għal kulħadd il-perspettiva tal-ambjent: huwa favur is-seminars lokali mmirati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jkunu nstabu f’kuntesti partikulari, u korsijiet maħsuba għall-istaff ta’ stabbiliment partikulari bil-għan li jkunu implimentati proġetti konkreti li jkunu jqisu l-ħtiġijiet tagħhom u l-kuntest partikulari tagħhom;
17. Jenfasizza li l-mobilità tal-għalliema, koperazzjoni aħjar u ħidma aħjar flimkien bħala tim, jistgħu jtejbu l-kreattività u l-innovazzjoni tal-metodi tat-tagħlim, u jkunu jiffaċilitaw li wieħed jitgħallem ibbażat fuq l-aħjar prattiki;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-riżorsi finanzjarji disponibbli biex tiġi appoġġjata l-edukazzjoni ta’ l-għalliema permezz tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, u b’mod partikulari l-iskambji ta’ l-għalliema bejn l-iskejjel f’pajjiżi u reġjuni ġirien; jenfasizza li l-mobilità tiffaċilita t-tifrix ta’ l-ideat u ta’ l-aħjar prattika fi ħdan il-professjoni tat-tagħlim, u tippromwovi diversi titjib fil-ħiliet fil-lingwi barranin kif ukoll konoxxenza ta’ kulturi oħra; jisħaq li l-għalliema għandhom jibbenefikaw minn faċilitajiet aqwa ta’ tagħlim tal-lingwi matul il-karriera kollha tagħhom, ħaġa li inter alia, se timmassimizza l-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi ta’ mobilità ta’ l-UE;
19. Jitlob biex l-istudji tal-midja jiġu assenjati prijorità fit-taħriġ tal-għalliema u biex il-moduli tal-istudji tal-midja li diġà qed isiru jkunu element importanti fit-taħriġ bażiku tal-għalliema;
20. Jenfasizza l-irwol kruċjali tas-sħubija skolastika bejn il-Comenius u l-Comenius-Regio f’dan il-qafas tal-mobilità tal-għalliema;
21. Jappoġġja bil-qawwa t-tagħlim ta’ lingwi barranin minn età bikrija ħafna u l-inklużjoni ta’ lezzjonijiet tal-lingwa fil-kurrikula primarji kollha; jenfasizza li investiment suffiċjenti fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ għalliema ta’ lingwi barranin huwa vitali biex jintlaħaq dan l-objettiv;
22. Jenfasizza li kull għalliem għandu jkun mudell ta’ eżempju tajjeb fir-rigward tal-padrunanza tal-lingwa tiegħu stess, peress li din hija għodda vitali għat-trażmissjoni korretta, u lill-alljievi tiffaċilitalhom li jitgħallmu l-bqija tas-suġġetti filwaqt li tiżviluppalhom il-kapaċità li jikkomunikaw, fattur li kulma jmur qed isir dejjem aktar importanti f'għadd kbir ta' attivitajiet professjonali;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li l-għalliema fl-Istati Membri kollha jkollhom il-kompetenza ċċertifikata li jafu mill-inqas lingwa waħda barranija;
24. Jitlob biex il-kompetenza fil-midja tkun promossa fl-edukazzjoni tal-għalliema fl-iskola, wara l-iskola u fl-edukazzjoni estramurali tagħhom fil-kuntest tal-istudji tal-midja u tat-tagħlim tul il-ħajja permezz ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat;
25. Jisħaq fuq il-fatt li m’hemm xejn li jista’ jieħu l-post tal-ħin li l-għalliema jgħaddu fil-klassi ma’ l-istudenti u jinsab imħasseb li ż-żjieda fix-xogħol amministrattiv u klerikali jistgħu jkunu ta' dannu għal dan u għall-ħin li jintuża għat-tħejjija tal-lezzjonijiet;
26. Jitlob biex l-edukazzjoni ċivika ssir suġġett obbligatorju kemm fit-taħriġ tal-għalliema kif ukoll fl-iskejjel, sabiex l-għalliema u l-alljievi jkollhom l-għarfien meħtieġ dwar id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadin u dawk tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu janalizzaw u jevalwaw b’mod kritiku sitwazzjonijiet u proċessi politiċi u soċjali topiċi;
27. Jidhirlu li kull skola għandha relazzjoni unika mal-komunità lokali tagħha, u li l-mexxejja ta’ l-iskejjel għandu jkollhom responsabilità akbar ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li tkun tippermettilhom li jindirizzaw l-isfidi edukattivi u l-ħtiġijiet ta’ tagħlim li jkunu partikulari għall-ambjent tagħhom, f’kollaborazzjoni mal-ġenituri u mal-partijiet interessati tal-komunità lokali; jenfasizza li, bil-wasla ta’ popolazzjoni immigranta li hi bil-wisq diversa, il-professjoni tal-għalliema jeħtieġ li ssir konxja b’mod speċifiku tal-kwistjonijiet u l-proċessi interkulturali, mhux biss fi ħdan l-iskejjel imma wkoll fir-rigward tal-familji u tal-ambjent lokali immedjat tagħhom fejn tiffjorixxi d-diversità;
28. Jisħaq fuq l-impatt estremament ta' ġid li għandu fuq l-għalliema l-programm Comenius u l-importanza tiegħu għal komunitajiet żgħar, speċjalment f’zoni li huma mċaħħda soċjalment u ekonomikament billi jippromwovi l-inklużjoni u kuxjenza akbar tad-dimensjoni Ewropea fl-Edukazzjoni;
29. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil ta’ l-Istati Membri li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema, b’mod partikulari permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprofittaw ruħhom bis-sħiħ minn din l-opportunità li jitgħallmu minn xulxin u jitlob li l-Parlament jiġi kkonsultat dwar l-iskeda u l-iżviluppi f’dan il-qasam;
30. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ statistika aħjar fuq it-taħriġ ta’ l-għalliema madwar l-Unjoni, sabiex jiġu inkoraġġiti l-iskambju ta’ tagħrif, koperazzjoni akbar u l-iskambju ta’ l-aħjar prattika; jipproponi li l-Istati Membri, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, iħejju sistemi li jiżguraw li tkun disponibbli faċilment dejta komparattiva dwar l-edukazzjoni ta’ l-għalliema fuq il-medda kollha ta’ l-edukazzjoni pre-skolari, primarja u sekondarja;
31. Iqis li, sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza fl-iskejjel, hija ħaġa vitali li tintlaħaq koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kapijiet tal-iskola u l-ġenituri u li jinħolqu l-għodod u l-proċeduri biex il-fenomenu jkun affrontat b’mod effettiv;
32. Jisħaq fuq l-importanza ta’ tagħlim li jkun sensittiv għad-differenzi fit-trattament tas-sessi u fuq l-importanza tad-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fit-taħriġ tal-għalliema;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred il-mudelli tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri li jtejbu l-ħiliet ġenerali tal-ħajja permezz ta’ proġetti tal-iskola, e.g. is-saħħa, id-dieta u l-isport, ix-xjenza domestika u l-ippjanar finanzjarju privat;
34. Jistieden l-Istati Membri biex fit-taħriġ tal-għalliema jinkludu programmi dwar ir-riżoluzzjoni ta’ konflitti, sabiex l-għalliema jitgħallmu strateġiji ġodda għar-riżoluzzjoni ta’ kull tip ta’ konflitt ġewwa l-klassijiet, u biex jirnexxilhom jindirizzaw ukoll il-vjolenza u l-aggressjoni;
35. Jistieden l-Istati Membri biex fit-taħriġ tal-għalliema jinkludu għarfien bażiku dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-mod kif jiffunzjonaw u jirranġaw biex isiru żjarat prattiċi fl-Istituzzjonijiet Ewropej minn għalliema li jkunu għadhom qed jitħarrġu;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta’ l-Istati Membri, lill-OECD, lill-Unesco u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-qafas ġenerali
F'Awissu 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni intitolata “Intejbu l-Kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema”[1]. Din tevalwa s-sitwazzjoni kurrenti fl-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ l-għalliema, u tipproponi li ssir riflessjoni komuni fuq l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri ta’ l-UE, bħala dawk responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ skont it-Trattat KE.
Il-għanijiet ta’ din il-Komunikazzjoni huma li jkun żgurat li l-provvediment għall-edukazzjoni ta’ l-għalliema u għall-iżvilupp professjonali tagħhom ikun ikkoordinat u li jirċievi riżorsi adegwati; li jkun inkuraġġit li l-għalliema kollha jkunu jippossiedu l-għarfien, l-attitudnijiet u l-ħiliet pedagoġiċi li huma jinħtieġu biex ikunu effettivi; li jkun hemm appoġġ għall-professjonalizzazzjoni tat-tagħlim; u li ssir il-promozzjoni tar-riċerka fi ħdan il-professjoni tat-tagħlim, kif ukoll ta’ l-istatus u l-għarfien tal-professjoni.
Il-qafas ġenerali huwa l-mutur biex jittejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa, ħaġa li sseħħ fil-kuntest ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona. Il-Kunsill ta’ Barċellona f’Marzu 2002 adotta objettivi konkreti għat-titjib tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li għandhom l-Istati Membri, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u għal min iħarreġ. Fl-2004, ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni fuq il-progress lejn l-objettivi ta’ Liżbona fl-oqsma ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ talab li jiġu żviluppati prinċipji Ewropej komuni għall-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa mill-għalliema u minn min iħarreġ. F’Novembru 2006, il-Kunsill iddikjara li ‘l-isforzi ta’ l-istaff ta’ l-għalliema għandhom ikunu appoġġjati minn żvilupp professjonali kontinwu’, filwaqt li f’Novembru 2007 il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar l-edukazzjoni ta’ l-għalliema, fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fost il-konklużjonijiet, il-Kunsill iddikjara li ‘it-tagħlim ta’ kwalità għolja huwa prerekwiżit għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja, li min-naħa tagħhom huma determinanti qawwija tal-kompetittività ta’ l-Ewropa u tal-kapaċità tagħha li toħloq aktar impjiegi u tkabbir fuq medda twila ta’ żmien f’konformità mal-miri ta’ Liżbona’[2].
Madankollu, s’issa għadu ma sarx progress biżżejjed lejn l-objettivi stabbiliti skont il-programm ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.
Is-sitwazzjoni preżenti
Il-Komunikazzjoni tidentifika l-kwalità tat-tagħlim bħala fattur ewlieni partikulari li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi, għall-kompetittività u għall-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-Ewropa f’dinja li qiegħda tigglobalizza, imma wkoll biex tittejjeb il-prestazzjoni ta’ l-istudenti.
Hemm iżjed minn 6 miljun għalliem u għalliema fl-Ewropa, u għandhom irwol vitali billi jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet kif ukoll billi għandhom irwol importanti fl-iżvilupp tat-tfal fis-soċjetà. L-isfidi li jiffaċċjaw l-għalliema qed jiżdiedu aktar ma l-ambjenti edukattivi kulma jmur isiru aktar kumplessi u eteroġeni. Madankollu, fl-istħarriġ ta’ l-OECD ta’ l-2005 “L-Għalliema huma Importanti”[3], kważi l-pajjiżi kollha rrappurtaw nuqqasijiet fil-ħiliet tat-twassil tat-tagħlim, investiment baxx fit-taħriġ u l-iżvilupp kontinwu tal-forza tax-xogħol komposta mill-għalliema, u appoġġ dgħajjef fl-ewwel snin tax-xogħol bħala għalliema.
Hemm ukoll medda usa’ ta’ kwistjonijiet relatati x’wieħed iqis. Pereżempju, bħala għadd fil-forza tax-xogħol iffurmata mill-għalliema n-nisa jgħoddu bil-wisq aktar mill-irġiel; hemm differenzi qawwija bejn il-pajjiżi fir-rigward tas-salarji ta’ l-għalliema b’paragun mal-pagi medji; il-kapaċità li l-għalliema jinżammu milli jitilqu mill-impjieg huwa affettwat b’mod speċjali mill-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq tax-xogħol; u l-professjoni ta’ l-għalliema għandha persentaġġ għoli ta’ ħaddiema li huma mdaħħla fl-età, bl-implikazzjoni inevitabbli li jeħtieġ li jiġi attirat għadd suffiċjenti ta’ rekluti mmotivati u ta’ kalibru għoli waqt li jkunu qed jirtiraw dawn l-għalliema ta’ esperjenza.
Rimarki tar-Rapporteur
Hemm firxa wiesgħa ħafna ta’ fatturi li jinfluwenzaw il-fatt li l-istudenti jitgħallmu, inklużi l-potenzjal u l-motivazzjoni ta’ l-istudenti stess, l-attitudni u l-appoġġ tal-familja tagħhom u ta’ sħabhom għat-tagħlim, l-organizzazzjoni ta’ l-iskola u l-kwalità ta’ l-għalliema tagħhom. Hija ħaġa diffiċli għal dawk li jagħmlu l-politiki li jinfluwenzaw il-parti l-kbira ta’ dawn il-fatturi, għall-inqas għall-ġejjieni qarib[4]. Madankollu, jista’ jsir impatt sinjifikanti fuq is-sistemi edukattivi permezz ta’ politiki li huma ffukati fuq l-għalliema.
Kif issottolinjat l-OECD, ‘it-titjib ta’ l-effiċjenza u l-ekwità ta’ l-edukazzjoni mogħtija fl-iskejjel, fil-parti l-kbira, tiddependi mill-fatt li jkun żgurat li nies kompetenti jridu li jaħdmu bħala għalliema, li t-tagħlim mogħti minnhom huwa ta’ kwalità għolja, u li l-istudenti kollha jkollhom aċċess għal livell għoli ta’ tagħlim’[5]. Bħala parti mill-iffaċċjar ta’ l-isfidi ta’ dinja li kulma jmur aktar qed issir globalizzata, l-Istati Membri għandhom ikomplu jieħdu aktar passi biex itejbu l-politiki tagħhom li huma ċċentrati fuq l-għalliema, bħala mod kif itejbu l-istandards ġenerali ta’ l-edukazzjoni. Din il-ħaġa tinkludi li jiġu indirizzati r-reklutaġġ ta’ l-għalliema; it-taħriġ ta’ l-għalliema, kemm it-taħriġ tal-bidu u kemm dak kontinwu; l-istatus tal-professjoni tat-tagħlim; l-immaniġġjar ta’ l-iskejjel; u li jsir approfittar ġenwin minn dak li tista’ toffri l-UE biex ma’ dawn kollha jiġi miżjud il-valur, b’mod speċjali permezz ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattika.
F’dan il-kuntest ġenerali, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
1. Irrekluta l-aħjar kandidati
Huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa li jagħmlu fl-edukazzjoni tkun waħda effiċjenti u mmirata lejn dawk l-oqsma li se jiġġeneraw l-aħjar riżultati. Kif jissottolinja rapport riċenti ta’ McKinsey, ‘l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li l-mutur priċipali tal-varjazzjoni fit-tagħlim min-naħa ta’ l-istudenti fl-iskola huwa l-kwalità ta’ l-għalliema’[6].
Pereżempju, filwaqt li t-tnaqqis fid-daqsijiet tal-klassijiet itejjeb il-prestazzjoni ġenerali ta’ l-istudenti, l-evidenza tissuġġerixxi li l-grad ta’ titjib huwa wisq inqas milli kieku l-istess studenti jkunu mgħallma b’mod konsistenti minn għalliema effettivi u ta’ l-aqwa prestazzjoni. Bil-kuntrarju huwa veru wkoll: jekk student(a) jitqiegħed/titqiegħed b’mod konsistenti f’idejn għalliema li m'humiex ta’ kwalità, il-prestazzjoni tiegħu/tagħha se tiġi affettwata b’mod sinjifikanti, impatt li huwa partikularment enfasizzat matul is-snin bikrija importanti ħafna ta’ l-edukazzjoni[7].
Għalhekk l-isfida ewlenija hija li jkun żgurat li l-aħjar kandidati jsiru għalliema. Dan ma japplikax biss għall-assigurazzjoni li proporzjoni mhux ħażin ta’ l-aħjar gradwati jagħtu preferenza lill-professjoni tat-tagħlim meta jagħżlu l-karriera tagħhom. Is-sistemi ta’ l-iskejjel se jibbenefikaw ukoll, f’dak li hu l-indirizzar tan-nuqqas ta’ għalliema u l-introduzzjoni ta’ ħiliet ġodda u ta’ siwi, billi professjonisti ta’ l-esperjenza u ta’ kwalità għolja minn oqsma oħra tal-ħajja jiġu attirati lejn il-professjoni tat-tagħlim fi stadju aktar tard fil-karrieri tagħhom.
2. Tejjeb l-istatus, l-għarfien u r-rimunerazzjoni fil-professjoni tat-tagħlim
Il-professjoni tat-tagħlim kultant hija meqjusa bħala għażla ta’ karriera tat-tieni klassi: f’ċerti pajjiżi hemm tendenza għal reġistrazzjoni fi programmi inizjali ta' edukazzjoni għal għalliema bħala 'għażla ta' sikurezza fil-każ li jmur jiddeterjora s-suq tax-xogħol tal-gradwati’[8]. Madankollu, sistemi ta’ l-iskejjel li huma ta’ suċċess m’humiex imsejsa fuq għalliema tat-tieni klassi.
Huwa importanti li t-tagħlim ikun meqjus bħala professjoni attraenti għall-aħjar kandidati. Il-punt ewlieni f’din il-kwistjoni huwa l-istatus ta’ l-għalliema fis-soċjetà. Studji juru li l-mod kif inhu meqjus l-istatus huwa marbut mill-qrib kemm mas-selezzjoni u kemm mar-rimunerazzjoni. L-introduzzjoni ta’ l-għażla kompetittiva fil-proċess tar-reklutaġġ ta’ l-għalliema tista’ tirrendi t-tagħlim aktar attraenti, billi din tisfida t-twemmin li 'kulħadd jista' jagħallem'. Bl-istess modd, filwaqt li t-tagħlim huwa essenzjalment karriera vokazzjonali u s-salarju rari jissemma mill-kandidati bħala l-motivazzjoni prinċipali biex jidħlu fil-professjoni, madankollu huwa importanti li r-rimunerazzjoni - u l-ewwel salarji - ikunu kif għandhom ikunu. Kif jenfasizza McKinsey, ‘is-sistemi tal-aqwa prestazzjoni kollha [...] ħallsu salarji tal-bidu li kienu ta’ l-istess livell tal-medja ta’ l-OECD jew ogħla, meta mqabbla mal-prodott gross domestiku (GDP) per capita tagħhom’[9].
Il-paga, l-istatus u s-sodisfazzjoni bix-xogħol ukoll huma elementi importanti biex jiġi żgurat li staff tajjeb jinżamm fl-impjieg, staff li inkella jiġi mħajjar jitlaq mix-xogħol tat-tagħlim minn karrieri mħallsa aħjar fis-settur privat – b’mod speċjali l-għalliema tax-xjenza u tat-teknoloġija. Kif tenfasizza l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ‘huwa inqas probabbli li jitilqu mill-professjoni għalliema li meta mqabbla ma’ professjonijiet oħra jirċievu ħlas ogħla’[10].
3. Investi fit-taħriġ kemm dak tal-bidu u kemm dak kontinwu
Ladarba jkunu ġew magħżula u rreklutati l-aħjar għalliema kandidati, l-isfida tkun li jiġi żgurat li dawn l-għalliema jiġu mibdula f’edukaturi l-aktar effettivi.
Biex isir dan jeħtieġ li l-għalliema jiżviluppaw sett speċifiku ta’ ħiliet u għarfien, u mill-banda l-oħra jeħtieġ li jsir investiment sinjifikanti biex jiġu mħarrġa kemm l-għalliema l-ġodda u kemm dawk ta’ l-esperjenza. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu t-taħriġ tal-bidu tal-għalliema u jiffaċilitaw l-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema tul il-karriera kollha tagħhom, sabiex ikollhom opportunitajiet biex itejbu u jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom, kif ukoll il-ħiliet pedagoġiki tagħhom.
Biex tkun żgurata l-kwalità tat-taħriġ ta’ l-għalliema, għandha tkun prijorità wkoll il-kwalità ta’ l-għalliema li jkunu qed jipprovdu t-taħriġ. Għal din ir-raġuni huwa importanti li jkun rikonoxxut ir-rwol li għalliema kompetenti ħafna u ta’ l-esperjenza jista’ jkollhom fit-taħriġ ta’ kollegi aktar ġodda. Tista’ tiġi kkunsidrata l-possibilità li jsir ftit tat-tnaqqis fil-lezzjonijiet li jagħtu dawn l-għalliema ta’esperjenza sabiex ikunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin għat-taħriġ tal-kollegi tagħhom. B’mod simili, li kull skola tiġi mħeġġa li tuża r-riżorsi tagħha stess sabiex l-għalliema jkunu jistgħu jitgħallmu flimkien - u minn xulxin - hija ħaġa importanti u tista’ tgħin biex jittejbu l-ambjenti tat-tagħlim b’mod ġenerali.
Hekk kif ir-rwol ta’ l-għalliema jkun għaddej jinbidel, għandha tinbidel ukoll l-għażla kollha tat-taħriġ disponibbli. Pereżempju l-edukazzjoni fit-TIK (ICT) għandha tiġi prijoritizzata biex ikun iggarantit għarfien aġġornat ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi riċenti u li l-għalliema jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex japprofittaw ruħhom minn dawn fil-klassi. Barra minn hekk, għandu jiġi pprovdut investiment suffiċjenti għar-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ għalliema ta’ lingwi barranin, sabiex l-iskejjel ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex itejbu t-tagħlim tal-lingwi barranin - u biex jipprovdu dan minn età bikrija ħafna.
4. Appoġġja bis-saħħa l-iskambju ta’ l-aħjar prattika
Filwaqt li hemm stabbiliti ’l fuq minn sebgħa u għoxrin sistema edukattiva differenti madwar l-UE, hemm ukoll firxa wiesgħa ta’ riżultati differenti li joħorġu minnħom. Dan il-fatt iwassal għall-konklużjoni inevitabbli li s-sistemi ta’ xi Stati Membri qed jagħtu prestazzjoni aħjar minn oħrajn. Jidher ċar li hemm ħtieġa kbira li l-Istati Membri jitgħallmu minn xulxin u li bejniethom iwettqu skambju ta’ l-aħjar prattika skont il-livelli ta’ referenza u l-istandards internazzjonali – għalkemm jeħtieġ li ssir statistika komparattiva aħjar biex jiġu ffaċilitati dawn l-iskambji bejn l-Istati Membri.
Ovvjament l-iskambji ta’ l-aħjar prattika jistgħu jsiru kemm fil-livell makro u kemm fil-livell mikro. Fil-livell makro, l-Istati Membri dan l-aħħar qablu li jaħdmu flimkien fil-qasam tal-edukazzjoni tal-għalliema u li jagħmlu skambju bejniethom tal-aħjar prattika permezz tal-Metodu ta' Koordinazzjoni Miftuħ fil-Kunsill – u din il-ħaġa qed tintlaqa' b'idejn miftuħa, filwaqt li jiġi ssottolinjat li din hija opportunità li l-Istati Membri għandhom japprofittaw ruħhom minnha b'mod ġenwin. Fil-livell mikro, l-UE għandha rwol billi tinkoraġġixxi għalliema minn pajjiżi differenti biex jitgħallmu minn xulxin direttament permezz tal-programmi ta’ mobilità fil-livell ta’ skola, u notevolment permezz tal-Comenius. Dan l-abbozz ta’ rapport jappoġġja bil-qawwa dawn l-inizjattivi ta’ mobilità.
5. Ippromwovi aktar teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell ta’ skola
Ir-riċerka tissuġġerixxi li t-tmexxija u l-immaniġġjar ta’ skola “ma jiħux anqas mit-tieni post wara t-tagħlim fil-klassi bħala influwenza fuq il-fatt li wieħed jitgħallem”[11] u li mmaniġġjar ta’ skola li jkun bl-esperjenza u effettiv iwassal biex madwar l-iskola kollha jkun hemm kultura fejn wieħed jistenna ħafna suċċess. Fl-istess ħin kull skola għandha ambjent uniku u partikulari, mill-firxa ta’ tfal li jkollha sar-riżorsi u l-istaff tagħha. F’dan il-kuntest, il-mexxejja ta’ kull skola għandu jkollhom aktar responsabilità, f’kollaborazzjoni mal-ġenituri u mal-partijiet interessat tal-komunità lokali, li jindirizzaw u jimmaniġġjaw l-isfidi partikulari tagħhom, inklużi l-ħtiġijiet tagħhom stess f’dak li hu taħriġ ta’ għalliema.
- [1] COM(2007)0392(finali), 3.8.2007.
- [2] ĠU C 300, 12.12.2007, p.7
- [3] "Teachers Matter: Attracting, Developing and Retaining Effective Teachers", (“L-Għalliema huma Importanti: L-Attirazzjoni u l-Iżvilupp ta’ Għalliema Effettivi u l-Kapaċità li Jinżammu milli Jitilqu mill-Impjieg”), OECD 2005.
- [4] Executive summary, "Teachers Matter: Attracting, Developing and Retaining Effective Teachers", (Sommarju eżekuttiv, “L-Għalliema huma Importanti: L-Attirazzjoni u l-Iżvilupp ta’ Għalliema Effettivi u l-Kapaċità li Jinżammu milli Jitilqu mill-Impjieg”), OECD, Novembru 2004, p.3.
- [5] Ibid., p.2
- [6] McKinsey & Co. 'How the world's best-performing schools come out on top', September 2007, p.12. (McKinsey & Co. ‘Kif l-iskejjel bl-aħjar prestazzjoni joħorġu fuq quddiem nett', Settembru 2007, p. 12.)
- [7] Ara Ibid. p.12. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-2006 ‘L-Effiċjenza u l-Ekwità fis-Sistemi Ewropej ta’ Edukazzjoni u ta’ Taħriġ’ (COM(2006)0481, 8.9.2006), il-Kummissjoni tikkonkludi li “l-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja għandha l-ogħla rati ta’ redditu mill-continuum kollu kemm hu tat-tagħlim tul il-ħajja”, p.3. Ara wkoll pp. 5-7.
- [8] "Teachers Matter: Attracting, Developing and Retaining Effective Teachers", (“L-Għalliema huma Importanti: L-Attirazzjoni u l-Iżvilupp ta’ Għalliema Effettivi u l-Kapaċità li Jinżammu milli Jitilqu mill-Impjieg”), OECD 2005, p.102.
- [9] McKinsey & Co. 'How the world's best-performing schools come out on top', September 2007, p.20. (McKinsey & Co. ‘Kif l-iskejjel bl-aħjar prestazzjoni joħorġu fuq quddiem nett', Settembru 2007, p. 12.)
- [10] COM(2007)392(finali), 3.8.2007, p.9.
- [11] McKinsey & Co. 'How the world's best-performing schools come out on top', September 2007, p.12. (McKinsey & Co. ‘Kif l-iskejjel bl-aħjar prestazzjoni joħorgu fuq quddiem nett', Settembru 2007, p. 12.)
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data ta’ l-adozzjoni |
24.6.2008 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 3 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Badia i Cutchet, Katerina Batzeli, Ivo Belet, Giovanni Berlinguer, Nicodim Bulzesc, Marielle De Sarnez, Marie-Hélène Descamps, Jolanta Dičkutė, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Christopher Heaton-Harris, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Dumitru Oprea, Zdzisław Zbigniew Podkański, Mihaela Popa, Christa Prets, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Thomas Wise |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Victor Boştinaru, Mary Honeyball, Elisabeth Morin, Reino Paasilinna, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser, Tadeusz Zwiefka |
|||||