Proċedura : 2008/2033(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0312/2008

Testi mressqa :

A6-0312/2008

Dibattiti :

PV 01/09/2008 - 24
CRE 01/09/2008 - 24

Votazzjonijiet :

PV 02/09/2008 - 5.19
CRE 02/09/2008 - 5.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0387

RAPPORT     
PDF 252kWORD 185k
17.7.2008
PE 404.725v01-00 A6-0312/2008

dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa

(2008/2033(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Sharon Bowles

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa

(2008/2033(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ċerti elementi essenzjali li jikkontribwixxu għat-twaqqif tal-istrateġija kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE (COM(2007)0758),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ ftehimiet ta’ koperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (COM(2004)0260),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, tal-5 ta' Ġunju 2007 u tal-14 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2007 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribut ta' Politiki ta' tassazzjoni u dwana lill-Istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0532),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar miżuri biex tinbidel is-sistema tal-VAT biex tiġi miġġielda l-frodi (COM(2008)0109),

–   wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġi miġġielda l-frodi fiskali marbuta mat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji kif ukoll għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali marbuta mat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji (COM(2008)0147),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008 dwar kwistjonijiet tat-taxxa marbuta ma’ ftehimiet li għandhom jiġu ffirmati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma’ pajjiżi terzi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0312/2008),

A. billi l-frodi fiskali għandha konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali u għas-sistema tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea, twassal għal vjolazzjonijiet tal-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta u trasparenti u x’aktarx li tikkaġuna tagħwiġ tal-kompetizzjoni, u għalhekk taffettwa l-operat tas-suq intern; billi l-intrapriżi onesti għandhom żvantaġġi għall-kompetittività tagħhom minħabba l-frodi tat-taxxa, u t-telf tad-dħul mit-taxxa fl-aħħar mill-aħħar se jpatti għalih iċ-ċittadin Ewropew permezz ta' forom oħra ta' tassazzjoni;

B.  billi l-frodi fiskali tipperikola l-ekwità u l-ġustizzja fiskali, minħabba li n-nuqqas ta' dħul għall-finanzi pubbliċi ħafna drabi hija kkompensata b'żieda ta' taxxa li tolqot lil dawk l-inqas sinjuri u dawk li jħallsu t-taxxa b'mod onest, li m'għandhomx l-għażla jew l-intenzjoni li jaħarbu jew li ma josservawx l-obbligi fiskali tagħhom,

C. billi t-tkabbir tal-kummerċ transkonfinali kkawżat mit-twaqqif tas-suq intern ifisser li hemm għadd li qed jiżdied ta’ tranżazzjonijiet fejn il-post ta’ tassazzjoni u l-post ta’ stabbiliment tal-persuna responsabbli li tħallas il-VAT qegħdin f’żewġ Stati Membri differenti,

D. billi forom ġodda ta’ frodi tat-taxxa marbuta ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali, bħall-karussell jew il-frodi intra-Komunitarja minn negozjanti li ma jinstabux, ħadu vantaġġ mill-frammentazzjoni u min-nuqqasijiet tas-sistemi attwali tat-tassazzjoni, u jeħtieġ li jsiru bidliet fil-mod li bih topera l-VAT,

E.  billi l-evażjoni tal-VAT u l-frodi għandhom impatt fuq l-iffinanzjar tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea, billi jwasslu għal ħtieġa akbar biex l-Istati Membri jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom fuq il-bażi tad-dħul gross nazzjonali,

F.  billi l-ġlieda kontra l-frodi, filwaqt li fil-biċċa l-kbira hija r-responsabiltà ta’ l-Istati Membri, mhijiex problema li wieħed jista' jsib tarfha f'livell nazzjonali biss,

G. billi l-globalizzazzjoni wasslet għal diffikultajiet akbar fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali fuq livell internazzjonali, minħabba l-involviment akbar ta’ impriżi mwaqqfa f’pajjiżi terzi fil-frodi karusell, l-espansjoni tal-kummerċ elettroniku u l-globalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi; billi dawn il-fatturi jagħtu spinta qawwija favur it-titjib tal-koperazzjoni internazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tal-VAT,

H. billi l-livell għoli ta’ frodi tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea huwa riżultat tas-sistema tranżizzjonali attwali tal-VAT, li hija kumplessa wisq, u li minħabba fiha huwa diffiċli li t-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jiġu segwiti, jsiru inqas trasparenti u għalhekk aktar miftuħa għall-abbuż,

I.   billi, meta jqisu l-għażliet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, kemm hu possibbli, jevitaw miżuri li jistgħu jwasslu għal piż amministrattiv sproporzjonat fuq in-negozji u fuq l-amministrazzjonijiet fiskali jew miżuri li jistgħu jkunu diskriminatorji għal xi negozjanti,

J.   billi kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri ddikjaraw b’mod konsistenti li s-sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar fornimenti intrakomunitarji ta’ oġġetti ma tagħtix informazzjoni relevanti jew f’waqtha dwar il-ġlieda effiċjenti kontra l-frodi tas-sistema tal-VAT; billi dan jirrikjedi regoli iktar ċari u li jorbtu aktar dwar il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

K. billi l-użu tat-teknoloġiji disponibbli kollha, fosthom il-ħażna u t-trażmissjoni elettronika ta’ ċerta dejta rigward il-VAT u tat-taxxi tas-sisa, huwa indispensabbli għall-operat xieraq tas-sistemi fiskali ta’ l-Istati Membri; billi għandhom jittejbu l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’ dejta maħżuna elettronikament, u għall-aċċess dirett ta’ l-Istati Membri għal din id-dejta, f’kull Stat Membru; billi l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-dejta persunali b'attenzjoni xierqa għal skopijiet speċifikati u fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew xi bażi leġittima oħra stipulata mil-liġi,

L.  billi bosta drabi n-negozjanti jingħataw biss informazzjoni mhux kompleta dwar l-istejtus tal-VAT tal-klijenti tagħhom,

M. billi mat-tisħiħ tal-mezzi biex tinstab il-frodi fiskali għandha tissaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-għajnuna għall-irkuprar tat-taxxi, l-ugwaljanza fit-trattament tat-taxxa u l-prattikabiltà għan-negozji,

L-istrateġija tal-UE rigward il-frodi fiskali

1.  Jinnota li l-iskop tal-istrateġija tal-UE rigward il-frodi fiskali jrid ikun dak li jinstab tarf tat-telf fiskali minħabba l-frodi fiskali billi jiġu identifikati l-oqsma fejn jista’ jsir titjib kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, titjib li jippromwovi b’mod effettiv it-tnaqqis tal-frodi fiskali, mingħajr ma jinħolqu piżijiet mhux meħtieġa kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali kif ukoll għal min iħallas it-taxxa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex fl-aħħar jieħdu l-ġlieda kontra l-frodi fiskali b'mod serju;

3.  Ifakkar li t-twaqqif ta’ sistema tal-VAT bbażata fuq il-'prinċipju tal-oriġini', li timplika li t-tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri li jaqgħu taħt is-sistema tal-VAT iġorru t-taxxa mħallsa fil-pajjiż tal-oriġini minflok ma jkollhom ir-rata żero, tibqa' soluzzjoni dejjiema li permezz tagħha l-frodi tat-taxxi tista' tiġi miġġielda b'mod effettiv; jinnota li l-'prinċipju tal-oriġini' jevita li l-prodotti kkummerċjalizzati fis-suq intern jiġu eżentati mill-VAT u għalhekk jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta’ destinazzjoni; ifakkar li sabiex tkun operattiva, sistema tal-VAT bbażata fuq il-'prinċipju tal-oriġini' teħtieġ approssimazzjoni tat-taxxa bejn il-pajjiżi biex tiġi evitata l-kompetizzjoni fiskali, kif ukoll it-twaqqif ta’ sistema ta’ rilaxx (clearing system), kif propost oriġinarjament mill-Kummissjoni fl-1987;

4.  Jiddispjaċih għall-attitudni ta' tfixkil ta' xi Stati Membri f'dawn l-aħħar għaxar snin, li fixklet kwalunkwe strateġija effettiva tal-UE biex tiġġieled il-frodi fiskali;

5.  Jiddispjaċih li minkejja analiżi ripetuti, talbiet u oġġezzjonijiet, il-Kunsill għadu ma addottax strateġija effettiva għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma żżommx lura milli tiffaċċja l-problema b'mod determinat, minkejja l-fallimenti ripetuti fl-aħħar għexieren ta' snin;

Kwistjonijiet ġenerali: il-kobor tal-frodi fiskali u l-konsegwenzi tagħha

7.  Jirrikonoxxi li stimi tat-telf fiskali globali (dirett u indirett) minħabba l-frodi fiskali jvarjaw minn 200 għal 250 biljun ewro, li huwa ugwali għal 2 sa 2,25% tal-GDP fl-Unjoni Ewropea; minn dak l-ammont 40 miljun ewro huma dovuti għal frodi tas-sistema tal-VAT u huwa stmat li jinkludu 10% tad-dħul mill-VAT, 8% tad-dħul totali mit-taxxi tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku fl-1998 u 9% tad-dħul totali mit-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk; jiddispjaċih, madankollu, li m’hemmx ċifri preċiżi disponibbli għaliex l-istandards nazzjonali ta’ rappurtaġġ ivarjaw ħafna;

8.  Jitlob biex issir analiżi ta' dejta uniformi fl-Istati Membri kollha bħala bażi għat-trasparenza u l-miżuri nazzjonali kontra l-frodi fiskali;

9.  Jiddispjaċih, għaldaqstant, li la jista' jkun magħruf sew il-kobor veru tal-problema, u lanqas ma jista’ jkun evalwat sew il-monitoraġġ tal-bidliet, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, minħabba n-nuqqas ta’ dejta miġbura f’livell nazzjonali;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sistema armonizzata Ewropea għall-ġbir tad-dejta u li tipproduċi statistika dwar il-frodi fiskali, sabiex ssir evalwazzjoni ta' sa fejn iwassal il-fenominu li jkun korrett kemm jista' jkun;

11. Ifakkar li l-eliminazzjoni tal-ekonomija informali ma tistax isseħħ mingħajr l-implimentazzjoni ta' inċentivi adattati; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw, permezz ta’ l-iskorbord ta’ Liżbona, sa liema punt irnexxielhom inaqqsu l-ekonomiji informali tagħhom;

Is-sistema attwali tal-VAT u n-nuqqasijiet tagħha

12. Jinnota li l-frodi fiskali marbuta mal-VAT hija kwistjoni ta’ preokkupazzjoni partikulari għat-tħaddim tas-suq intern peress li għandha impatt transkonfinali dirett, tinvolvi ammonti sostanzjali ta’ telf ta’ dħul u taffettwa l-baġit tal-UE b’mod dirett;

13. Itenni li s-sistema attwali tal-VAT, imwaqqfa fl-1993, kellha tkun biss sistema tranżitorja u li l-Parlament kien talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bil-għan li sa l-2010 tittieħed deċiżjoni finali dwar is-sistema definittiva tal-VAT;

14. Isostni li flimkien, il-moviment ħieles tal-persuni, ta’ l-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital fi ħdan is-suq intern mill-1993, kif ukoll l-avvanzi f'teknoloġija ġdida ta’ oġġetti żgħar u ta’ valur kbir, għamlu l-ġlieda kontra l-frodi tas-sistema tal-VAT aktar diffiċli, aktar u aktar minħabba l-kumplessità u l-istruttura frammentata tas-sistema attwali li tagħmilha diffiċli li t-tranżazzjonijiet jiġu ttraċċjati u għaldaqstant huwa aktar faċli biex wieħed jabbuża mis-sistema;

15. Jinnota li qed jiżdiedu l-każi ta’ frodi minn negozjanti mitlufin kif ukoll l-abbuż intenzjonat tas-sistema tal-VAT minn gruppi kriminali li jfasslu skemi biex japprofittaw min-nuqqasijiet fis-sistema; u jiġbed l-attenzjoni għall-każ ta’ frodi karusell tal-VAT imnedija mill-Eurojust, li tinvolvi 18-il Stat Membru u frodi fiskali li jammontaw għal madwar EUR 2.1 biljun;

16. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex iġġib bidla fundamentali fis-sistema attwali tal-VAT; jilqa’ l-fatt li issa l-Istati Membri jqisu din il-kwistjoni bħala prijorità u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ppreparati li jieħdu miżuri sostantivi f'dan ir-rigward;

17. Iqis li s-sistema attwali hija antikwata u teħtieġ bidla radikali bla ma jitqiegħed piż żejjed fuq in-negozjanti onesti minħabba l-burokrazija; huwa tal-fehma li ma jistax jinżamm l-istatus quo;

Sistemi alternattivi għas-sistema attwali tal-VAT

Il-mekkaniżmu tar-'Reverse Charge'

18. Jinnota li f’sistema 'reverse-charge', il-VAT taqa' fuq il-klijent taxxabbli minflok fuq il-fornitur; jirrikonoxxi li dak il-mekkaniżmu għandu l-vantaġġ li jneħħi l-possibilità ta’ frodi minn negozjanti mitlufin, billi l-persuna taxxabbli li tirċievi l-oġġetti titqies responsabbli għall-VAT;

19. Jinnota li l-ħolqien ta’ sistema ta’ VAT doppja jmur kontra l-operat effiċjenti tas-suq intern u jkun is-sors ta’ ambjent iktar kumpless li jista’ jiskuraġġixxi l-investiment tan-negozji, u dan jista' jingħeleb biss fil-futur imbiegħed permezz ta’ sistema reverse charge ġeneralizzata u obbligatorja, u mhux b’sistema mhux obbligatorja jew limitata għal xi fornimenti magħżula;

20. Jinnota, barra minn hekk, li s-sistema ta’ 'reverse charge' ma tippermettix pagamenti frazzjonati u l-VAT totali titħallas biss fl-aħħar tal-katina ta’ forniment, filwaqt li jitneħħa l-mekkaniżmu ta' awtokontroll tal-VAT; iwissi li jistgħu jitfaċċaw forom ġodda ta’ frodi inklużi telf fiskali akbar fil-livell tan-negozji bl-imnut u l-użu ħażin tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-VAT, u li l-ġlieda kontra frodi bħal din permezz ta’ verifika addizzjonali tista’ twassal għal piżijiet amministrattivi addizzjonali għan-negozjanti onesti; għaldaqstant iħeġġeġ il-kawtela u l-kunsiderazzjoni serja qabel ma tiddaħħal sistema 'reverse charge'; jinnota, madankollu, li l-applikazzjoni ta' limitu minimu biex ikun illimitat ir-riskju ta' konsum finali mhux taxxat jgħin biex tiġi miġġielda l-frodi u jikkunsidra li l-limitu minimu ta' EUR 5 000 issuġġerit mill-Kunsill bħala raġonevoli;

Proġett Pilota

21. Jinnota, għalkemm jibqa’ kawt u kritiku, li proġett pilota jista’ jgħin lill-Istati Membri jifhmu aħjar ir-riskji inerenti tal-mekkaniżmu reverse charge, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu garanziji xierqa ħalli jiżguraw li la l-Istat Membru li qed jipparteċipa u lanqas xi Stat Membru ieħor ma jkun espost għal riskji kbar waqt li jkun fis-seħħ il-proġett pilota;

It-tassazzjoni tal-provvisti intrakomunitarji

22. Huwa tal-fehma li l-aqwa soluzzjoni biex tingħeleb il-frodi tal-VAT marbuta ma provvisti transkonfinali hija li tiddaħħal sistema li fiha l-eżenzjoni tal-VAT għall-provvisti intrakomunitarji tkun sostitwita b’rata ta’tassazzjoni ta' 15%: jinnota li dik is-sistema taħdem aħjar jekk il-varjetà u l-kumplessità tar-rati mnaqqsa jkunu ssimplifikati b’mod sostanzjali, filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-awtoritajiet fiskali; jinnota li t-tnaqqis individwali tar-rati tal-VAT li daħal fis-seħħ qabel l-1992 għandu jiġi eżaminat bir-reqqa u evalwat biex isir magħruf jekk il-persistenza tiegħu hijiex ġustifikata fuq bażi ekonomika;

23. Jirrikonoxxi li minħabba r-rati tal-VAT differenzjali, it-tassazzjoni tal-provvisti intrakomunitarji teħtieġ li jerġgħu jiġu bbilanċjati l-pagamenti bejn l-Istati Membri; iqis li dan l-ibbilanċjar mill-ġdid għandu jsir permezz ta’ kamra ta’ l-ikklerjar (clearing house)li tiffaċilita t-trasferiment tad-dħul bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-operat ta’ kamra ta’ l-ikklerjar huwa teknikament fattibbli;

24. Huwa tal-fehma li sistema deċentralizzata ta' kmamar ta’ l-ikklerjar tista' tkun iktar xierqa u tista' tkun żviluppata iktar malajr, sakemm tiftaħ il-possibiltajiet għall-Istati Membri biex jaqblu bilateralment dwar dettalji importanti, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ kummerċjali individwali tagħhom, is-similaritajiet tat-tħaddim tas-sistema tal-VAT u l-mekkaniżmi tagħhom ta’ kontroll kif ukoll il-fiduċja reċiproka;

25. Jenfasizza li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tkun responsabbli biex tiġbor il-VAT mill-fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu u biex tittrasferixxi l-ammont permezz tas-sistema ta' rilaxx lill-amministrazzjoni fiskali tal-pajjiż fejn sar l-akkwist intrakomunitarju; jirrikonoxxi li jeħtieġ li tinbena fiduċja reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali;

Il-koperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka fil-qasam tal-VAT, tat-taxxi tas-sisa u tat-tassazzjoni diretta

26. Jenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jiġġieldu waħedhom kontra l-frodi fiskali transkonfinali; huwa tal-fehma li l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni ma kinux biżżejjed biex il-frodi fiskali tingħeleb b'mod effettiv kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll fir-rigward tal-ħeffa; iqis li l-kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali kontra l-frodi la hu żviluppat u lanqas implimentat biżżejjed, u dan iwassal għall-ineffiċjenza, għan-nuqqas ta’ użu adegwat tal-ftehimiet għall-koperazzjoni amministrattiva u għad-dewmien fil-komunikazzjoni;

27. Jinsisti li sabiex jitħares id-dħul fiskali tal-Istati Membri kollha fil-qafas tas-Suq Intern, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri komparabbli kontra dawk li jwettqu l-frodi, b’mod partikulari f’termini tas-sanzjonijiet u tal-proċedimenti penali, indipendentement minn fejn ikun sar it-telf ta' dħul; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mekkaniżmi possibbli biex jippromwovu koperazzjoni ta’ dan it-tip bejn l-Istati Membri;

28. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu emendati d-Direttiva dwar il-VAT u r-Regolament dwar il-Koperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tal-VAT sabiex mill-2010 ’l quddiem jitħaffu l-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intrakomunitarji; jirrikonoxxi li r-regoli proposti dwar ir-rappurtaġġ fi żmien xahar se jżidu piż amministrattiv għan-negozji li jagħtu biss servizzi li bħalissa m’humiex suġġetti għal dik ir-regola, iżda jaċċetta li dan huwa meħtieġ minħabba l-possibiltà ta’ frodi karużell f’ċerti servizzi;

29. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta l-miżuri proposti malajr u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq aktar proposti dwar l-aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra kollha għal xi informazzjoni mhux sensittiva li għandhom l-Istati Membri dwar il-persuni taxxabbli tagħhom stess (fil-qasam tal-kummerċ, xi informazzjoni rigward il-fatturat, eċċ.), u dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u d-dereġistrazzjoni tal-persuni li jaqgħu taħt il-VAT biex jiżguraw li l-persuni taxxabbli foloz jinstabu u jiġu dereġistrati malajr; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jieħdu r-responsabilità biex iżommu l-informazzjoni tagħhom aġġornata, b’mod partikulari rigward id-dereġistrazzjoni u s-sejbien ta’ reġistrazzjonijiet foloz;

30. Ifakkar li l-pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens) jirrappreżentaw ostakolu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona, għaliex jagħmlu pressjoni biex inaqqsu r-rati tat-taxxa u, b’mod ġenerali, id-dħul mit-taxxa, u b’hekk iżidu l-effetti tal-kompetizzjoni fiskali, li tnaqqas is-sovranità fiskali tal-Istati Membri;

31. Jenfasizza wkoll li fi żminijiet ta’ dixxiplina baġitarja kwalunkwe erożjoni tal-bażi fiskali pprovokata mill-pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens) jew kompetizzjoni fiskali bla rażan jistgħu jipperikolaw il-kapaċità tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir, u li tnaqqis tad-dħul pubbliku jipperikola l-Mudell Soċjali Ewropew;

32. Jenfasizza li t-tneħħija tal-postijiet li joffru kenn mit-taxxa teħtieġ, inter alia, strateġija fuq tliet punti: l-indirizzar ta’ l-evitar tat-taxxa, it-twessigħ tal-ambitu tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tfaddil u billi l-OECD tintalab biex, permezz tal-membri tagħha, timponi sanzjonijiet fuq il-postijiet li joffru kenn mit-taxxa li ma jikkoperawx;

L-Evażjoni tat-Taxxa

33. Jiddispjaċih li l-Istati Membri qed ifixklu r-riforma tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tfaddil bl-oġġezzjonijiet ġodda kontinwi u tattiki ta' dewmien tagħhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq kemm jista' jkun malajr il-proposti tagħha minkejja s-sinjali ta' reżistenza;

34. Jinnota li r-riforma tad-Direttiva tat-Taxxa fuq it-Tfaddil għandha titratta l-lakuni u d-defiċjenzi varji tagħha, għax dawn jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa u l-operazzjonijiet ta' frodi fiskali;

35. Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-riforma tad-Direttiva tat-Taxxa tad-Tfaddil, biex teżamina l-għażliet għal riforma, li jinkludu t-twessiegħ tal-għan tad-direttiva biex ikunu koperti l-entitajiet kollha legali u s-sorsi kollha ta' dħul finanzjarju;

36. Iħeġġeġ sabiex l-Unjoni Ewropea tqiegħed bħala prijorità t-tneħħija fuq livell globali tal-postijiet li joffru kenn mit-taxxa, minħabba l-effetti ta' ħsara tagħhom fuq id-dħul fiskali tal-Istati Membri individwali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw kemm jistgħu l-qawwa kummerċjali tal-UE meta jinnegozjaw ftehimiet ta' kummerċ u ta' koperazzjoni mal-gvernijiet ta' pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens), sabiex jipperswaduhom ħalli jeliminaw dispożizzjonijiet u prattiki fiskali li jiffavorixxu l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali; jilqa’ b'sodisfazzjon, bħala l-ewwel pass, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2008 biex fil-ftehimiet kummerċjali tiddaħħal klawżola dwar il-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali; u jitlob lill-Kummissjoni biex immedjatament tressaq klawżola ta’ dan it-tip fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni;

0

0 0

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kobor tal-frodi fiskali

Il-frodi fiskali għandha konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali, twassal għal vjolazzjonijiet tal-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta u x’aktarx li tikkaġuna tagħwiġ tal-kompetizzjoni, u għalhekk taffettwa l-operat tas-suq intern. It-tagħwiġ ikkaġunat mill-frodi tas-sistema tal-VAT jaffettwaw il-bilanċ globali tas-sistema tar-riżorsi, li trid tkun ġusta u trasparenti sabiex ikun iggarantit li l-Komunità taħdem sew.

Għalkemm l-investigazzjonijiet dwar il-kobor tal-evażjoni u l-frodi tas-sistema tal-VAT ma sarux fl-Istati Membri kollha, kienu ppubblikati diversi stimi. L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-VAT tikkwota stimi ta’ telf mill-VAT li jvarjaw minn 60 biljun għal 100 biljun euro kull sena fl-Unjoni Ewropea kollha. Fir-Renju Unit biss, l-Amministrazzjoni Fiskali u tad-Dwana (HMRC) tistma li fis-sena taxxabbli 2005-2006 t-telf tad-dħul mill-VAT laħaq EUR 18.2 biljun. Fil-Ġermanja, il-Ministeru tal-Finanzi ppubblika r-riżultati ta’ studju li ta stima, għall-2005, ta’ telf mill-VAT ta’ EUR 17 biljun. Barra minn hekk, kif tfakkar il-Qorti tal-Awdituri, l-evażjoni u l-frodi tas-sistema tal-VAT iħallu impatt ukoll fuq il-finanzjament tal-baġit tal-UE, u dan iwassal għal ħtieġa akbar ta' riżorsi proprji tal-Istati Membri bbażati fuq id-dħul gross nazzjonali.¹

Il-frodi tas-sistema tal-VAT

Biex wieħed jiftakar, is-sistema “tranżizzjonali” attwali, li bdiet fl-1993, hija r-riżultat ta’ kompromess bejn id-deċiżjoni biex jinħoloq suq wieħed mingħajr kontrolli fil-fruntieri minn naħa waħda, u l-fatt li l-Istati Membri ma ftehmux dwar livell ta’ armonizzazzjoni tal-VAT sabiex jinkiseb suq intern omoġenju għalkollox, min-naħa l-oħra. Fil-bidu l-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni tas-sistema tal-oriġini (i.e. it-tassazzjoni bir-rata tal-Istat Membru li qed jesporta). Il-Kunsill adotta 'l hekk imsejħa “sistema tranżizzjonali”, li permezz tagħha setgħu jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-Komunità filwaqt li ppermettiet li t-taxxa tibqa’ tinġabar fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

Skond is-sistema tranżitorja, il-VAT (bħala taxxa fuq il-konsum) hija imposta fil-post tal-konsum bħala persentaġġ tal-prezz tal-prodott attwali. Billi prodott jgħaddi minn kumpanija għal oħra (bejn negozjanti b’numru tal-VAT irreġistrat) il-VAT hija imposta u miġbura u mgħoddija lill-awtorità fiskali nazzjonali.

Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji, li attwalment ma jeħlux VAT, esportatur ma jiċċarġjax il-VAT, iżda jista’ jitlob rimborż tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri; bil-maqlub, xerrej ma jħallasx VAT, iżda jrid jiċċarġjaha fuq il-bejgħ sussegwenti u jgħaddi d-dħul mill-VAT lill-awtorità fiskali tiegħu.

Problemi

Il-mekkaniżmu ta’ kreditu u ta’ rimborż

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-evażjoni tal-VAT hija marbuta mal-ekonomija s-sewda, parti dejjem tikber mill-evażjoni tal-VAT hija effett tal-ftehimiet dwar il-VAT imsemmija hawn fuq, li daħlu fis-seħħ fl-1993, partikolarment fil-każ ta' tranżazzjonijiet intrakomunitarji bla VAT, fejn in-negozjanti ma jiċċarġjawx VAT iżda xorta jistgħu jitolbu rimborż tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri. Peress li t-tranżazzjonijiet intrakomunitarji huma bla taxxa, tranżazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal evażjoni tal-VAT fil-pajjiż tal-oriġini (għaliex il-fornitur, wara li jkun iddikjara kunsinna intrakomunitarja, iżomm oġġetti għall-bejgħ fis-suq intern bla VAT) jew fil-pajjiż ta' destinazzjoni (għaliex ir-riċevent ma jħallasx il-VAT li suppost iħallas mal-wasla) jew billi tintuża 'l hekk imsejħa frodi tan-negozjant mitluf.

Il-frodi tan-negozjant mitluf

F’dan it-tip ta' frodi (magħruf ukoll bħala “frodi karużell”), l-imbroljuni jimpurtaw oġġetti li ma jeħlux taxxa, jiċċarġjaw il-VAT meta jbigħu l-oġġetti fil-katina tal-forniment iżda jżommu l-flus minflok ma jgħadduhom lill-awtoritajiet fiskali. Il-“karużell” ikompli jekk l-oġġetti jiġu esportati u impurtati ripetutament. It-telf jimmultiplika. Dan jinvolvi abbuż intenzjonat tas-sistema minn gruppi kriminali li jfasslu skemi bħal dawn biex japprofittaw ruħhom mis-sistema. L-avvanzi teknoloġiċi u l-iżvilupp ta’ oġġetti ta’ valur kbir iżda ta’ daqs żgħir għamluha aktar faċli għall-imbroljuni li jwettqu dan it-tip ta’ frodi. Dan il-fenomenu huwa prevalenti l-aktar fis-suq tal-mowbajls u tat-teknoloġija taċ-ċipep.

L-oġġetti taxxabbli b’rata żero

L-esportazzjonijiet taxxabbli b’rata żero (li jimplika r-rimborż tal-VAT lill-esportaturi) jitqiesu bħala l-fattur ewlieni li jippermetti l-frodi “karużell”.

Sistemi alternattivi possibbli

Ir-'Reverse Charge'

F’sistema reverse charge, il-klijent taxxabbli huwa responsabbli mill-VAT minflok il-fornitur. Billi l-klijent, sakemm ikun intitolat għal tnaqqis sħiħ, inaqqas din il-VAT fuq l-istess dikjarazzjoni tal-VAT, ir-riżultat aħħari huwa żero u ma jkollux xi jħallas. Ir-reverse charge mhuwiex applikat għal fornimenti lil individwi privati u l-fornitur, f’dak il-każ, irid jiċċarġja l-ammont totali ta’ VAT u jħallsu lill-awtoritajiet. Mhemmx pagament frazzjonat f’sistema reverse charge peress li l-VAT totali jitħallas biss fl-aħħar tal-katina ta’ forniment. Fi kliem ieħor, mekkaniżmu ġeneralizzat reverse charge jneħħi l-karatteristika ewlenija tal-VAT, jiġifieri l-ħlas tal-VAT fuq il-provvisti u t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, u dan iwasal għal mekkaniżmu ta’ awtokontroll.

Matul il-Presidenza tagħha, il-Ġermanja pproponiet l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu reverse charge iżda l-proposta ma tantx qajmet interess. Saru wkoll suġġerimenti biex Stat Membru jittestja din is-sistema fil-qafas ta’ proġett pilota.

Hemm min jikkritika s-sistema 'reverse charge' għaliex bħat-taxxa fuq il-bejgħ, il-ġbir tal-VAT jiddependi min-negozjant aħħari li huwa responsabbli li jħallas il-VAT kollu lill-awtoritajiet. Bis-sistema reverse charge jistgħu jitfaċċaw ukoll tipi ġodda ta’ frodi bħala iktar telf ta’ taxxa fil-livell tan-negozji bl-imnut u bħall-użu ħażin tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-VAT. Biex dan ma jseħħx, mas-sistema jistgħu jiddaħħlu miżuri ta' ċċekkjar, iżda dan ikun ifisser piż ieħor għan-negozju.

L-ewwel miżura ta’ ċċekkjar tista’ tkun l-applikazzjoni ta’ limitu minimu sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ konsum finali li ma jkunx intaxxat. Il-Kunsill issuġġerixxa li dan il-limitu minimu jkun ta’ 5000 EUR. Għaldaqstant is-sistema taħdem hekk:

· meta l-klijent ma jikkwalifikax għall-applikazzjoni tar-reverse charge (l-iktar

persuni privati iżda wkoll persuni legali mhux taxxabbli u persuni taxxabbli eżenti għalkollox) il-fornitur ikollu jiċċarġja l-VAT lill-klijent tiegħu;

· meta l-klijent ikun persuna taxxabbli li tikkwalifika għall-applikazzjoni tar-reverse charge, il-fornitur ikollu jivverifika l-ammont tat-tranżazzjoni;

· meta l-ammont taxxabbli tal-provvista jkun anqas minn €5 000, il-fornitur ikollu

jiċċarġja l-VAT lill-klijent tiegħu. Jekk il-klijent huwa impriża, jista’ jnaqqas din il-VAT skond ir-regoli normali;

· meta l-ammont taxxabbli tal-provvista jkun ta' €5 000 jew aktar, il-fornitur ma

jiċċarġjax il-VAT fuq il-provvista. Jekk il-klijent huwa impriza, ikun responsabbli mill-VAT fuq din il-provvista u jkun jista’ jnaqqas din il-VAT skond ir-regoli normali.

Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ diversi studji, tqis li l-applikazzjoni korretta tal-limitu minimu huwa l-element l-aktar għali għan-negozji.

Fl-aħħarnett, hemm id-dubju dwar jekk is-sistema proposta reverse charge għandhiex tkun obbligatorja jew le. Il-Kummissjoni u maġġoranza kbira ta’ l-Istati Membri għamluha ċara li sistema ġeneralizzata revese charge mhux obbligatorja timplika l-ħolqien ta’ sistema ta’ VAT doppja li tmur kontra l-operat effiċjenti tas-suq intern u tkun is-sors ta’ ambjent aktar kumpless li jista’ jiskuraġġixxi l-investiment tan-negozji.

Proġett Pilota Minħabba n-nuqqas ta’ evidenza empirika, proġett pilota jista’ jagħti tweġiba iktar sostantiva għall-mistoqsijiet dwar il-fattibilità tas-sistema proposta. Wieħed għandu jieħu ħsieb li la l-Istat Membru volontarju u lanqas xi Stat Membru ieħor ma jkun espost għal riskji kbar.

Is-sistema tal-pajjiż tal-oriġini Skond din is-sistema, il-VAT tkun iċċarġjata bir-rata tal-Istat Membru li qed jesporta. Kif imfisser hawn fuq, il-Kunsill iddeċieda li jadotta “sistema tranżitorja” sabiex l-għażla biex tiddaħħal sistema tal-oriġini terġa’ lura għall-idea oriġinali prevista mill-Kummissjoni. L-Istati Membri ma ridux dak iż-żmien, u għadhom ma jridux iċedu s-sovranità tagħhom fir-rigward tal-iffissar tal-livell tar-rati tal-VAT. Għalhekk, biex din is-sistema jkollha ċ-ċans li titqies bis-serjetà mill-Kunsill, m’għandux ikollha rata ta’ armonizzazzjoni.

Soluzzjoni waħda tista’ tkun li jerġgħu jiġu evalwati l-proposti biex titwaqqaf kamra tal-ikklerjar kif propost qabel l-1992 iżda għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri ma appoġġjawhomx. Biż-żieda fil-frodi u bl-avvanz teknoloġiku, ta’ min jerġa' jikkunsidrahom. Biex jinżamm il-prinċipju bażiku tal-VAT, jiġifieri li hija taxxa fuq il-konsum, il-VAT ikun iċċarġjat bir-rata tal-pajiż li jesporta, u kamra tal-ikklerjar tiffaċilita li d-dħul jgħaddi minn pajjiż membru għal ieħor. L-Istat Membru li jesporta jkollu jgħaddi l-VAT miġbur lill-Istat Membru li jimporta. Meta l-Istat Membru fejn jaslu l-oġġetti japplika rata ta’ aktar minn 15%, il-ħlas ta’ dik il-VAT addizzjonali tkun ir-responsabilità ta’ dak l-Istat Membru. Jekk l-Istat Membru fejn jaslu l-oġġetti japplika rata anqas minn 15% minħabba l-applikazzjoni ta' rata waħda jew aktar tal-VAT imnaqqsa jew l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT f’ċerti Stati Membri, l-Istat Membru tax-xerrej jagħti kreditu lill-persuna taxxabbli li tagħmel l-akkwist intrakomunitarju. Bl-istess mod, l-Istat Membru fejn jaslu l-oġġetti jkun jista’ jiġbor il-VAT li ġejja minn kull limitazzjoni applikabbli għad-dritt tal-akkwirent li jnaqqas il-VAT fuq ix-xiri. B’dan il-mod, jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li jista’ jinqala’ minn livelli nazzjonali differenti tar-rati tal-VAT.

Il-kwistjoni ewlenija diffiċli, li hija waħda politika, tkun li l-irċevuti fiskali tal-Istati Membri individwali jsiru jiddependu mit-trasferimenti li jsiru minn Stati Membri oħra. Fi kliem ieħor, jinħolqu żewġ gruppi ta’ Stati Membri, jiġifieri r-riċevituri netti (jiġifieri dawk fejn l-ammont ta’ akkwisti intrakomunitarji jkun aktar mill-ammont totali ta’ provvisti intrakomunitarji) u l-kontributuri netti (jiġifieri dawk fejn l-ammont totali ta’ provvisti intrakomunitarji jkun aktar mill-ammont totali ta’ akkwisti intrakomunitarji). Kif jidher fl-anness, u skond il-bilanċ rispettiv tagħhom ta' kummerċ bilaterali, 16-il Stat Membru, f'sistema ta' provvisti intrakomunitarji intaxxati jkunu “riċevituri netti”, filwaqt li l-bqija jkunu “kontributuri netti”.

Is-sistema tal-pajjiż ta’ destinazzjoni - Għażla oħra tista’ tkun li l-VAT jiġi ċċarġjat bir-rata tal-Istat Membru li jimporta (fejn ikun ix-xerrej). Ma jkunx meħtieġ ikklerjar iżda dan ikollu jinkludi sistema ta’ “one stop shop” fejn negozjant ikun jista’ jissodisfa l-obbligi kollha tiegħu fir-rigward tal-VAT għal attivitajiet fl-Ewropa kollha fl-Istat Membru li jkun stabbilit fih.

Il-koperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka fil-qasam tal-VAT, tat-taxxi tas-sisa u tat-tassazzjoni diretta

Il-ġlieda kontra l-frodi, filwaqt li fil-biċċa l-kbira hija r-responsabiltà ta’ Stat Membru, mhijiex problema li wieħed jista’ jsib tarfha f’livell nazzjonali biss. Il-ġlieda kontra l-frodi fiskali għandha tkun prijorità għall-UE u tirrikjedi koperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet amministrattivi f’kull Stat Membru u mal-Kummissjoni.

L-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet rispettivi kif ukoll bejn l-amministrazzjonijiet u l-Kummissjoni mhumiex intensivi u veloċi biżżejjed sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun aktar effettiva. Il-kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali ta’ kontra l-frodi m’huwiex żviluppat u implimentat biżżejjed, u dan iwassal għal ineffiċjenza, nuqqas ta' użu adegwat tal-ftehimiet għall-koperazzjoni amministrattiva u dewmien fil-komunikazzjoni. It-titjib ta’ din is-sitwazzjoni jirrikjedi aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri u jqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhomx isiru regoli li jorbtu għal dan il-għan. Jgħin ukoll jekk l-Istati Membri jifhmu aħjar is-sistemi jew il-bażi komuni ta’ xulxin bħal permezz tas-CCCTB. Sfortunatament, xi wħud jaħsbu li l-bażijiet komuni huma pass lejn indħil dwar ir-rati tat-taxxa.

L-użu tat-teknoloġiji disponibbli kollha, partikolarment il-ħażna u t-trażmissjoni elettroniċi ta’ ċerta dejta għal skopijiet ta' kontroll tal-VAT u tat-taxxi tas-sisa, huwa indispensabbli għall-operat xieraq tas-sistemi fiskali. Għalhekk għandhom jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’, u għall-aċċess dirett ta’ l-Istati Membri għal, dejta maħżuna elettronikament f’kull Stat Membru. B’mod partikulari, tranżazzjonijiet li jsiru dak il-ħin permezz ta’ sistema elettronika li żżomm rekord tagħhom u li tivvalidahom, tagħti lill-awtoritajiet opportunitajiet akbar biex jidentifikaw il-frodi u jiġġildulha. Wieħed irid jieħu ħsieb li jkunu żgurati mekkaniżmi xierqa ta’ protezzjoni tad-dejta.

Anness - Bilanċ Kummerċjali bejn l-Istati Membri (sors: Eurostat)


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (25.6.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa

(2008/2033(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Othmar Karas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa taqa' l-aktar taħt il-kompetenza tal-Istati Membri; billi, madankollu, il-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi fi ħdan is-suq tal-Komunitá jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jiġġieldu b'mod individwali kontra din l-evażjoni,

B.  billi l-Artikoli 10 u 280 tat-Trattat KE jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa ħalli jissodisfaw l-obbligi li jitlob it-Trattat u sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ħalli jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunitá,

C. billi l-evażjoni tat-taxxa hi problema ta' natura globali li qed tikber, u hu stmat li tlaħħaq minn 2 sa 2.5% tal-GDP, li jammonta għal EUR 200 sa 250 biljun, f'livell tal-UE(1),

1.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ma tistax tkun ġestita b'mod individwali; jenfasizza li hemm ħtieġa evidenti għal metodu koordinat mill-Komunitá li jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

2.  Jirrimarka li l-frodi karusell (frodi minn negozjanti li ma jinstabux) ħafna drabi ssir fuq bażi transkonfinali bejn diversi Stati Membri minn importazzjoni u esportazzjoni mill-ġdid ta' oġġetti;

3.  Jinnota li l-Kummissjoni qed tesplora modi li permezz tagħhom tnaqqas l-evażjoni fiskali billi timmodifika s-sistema tal-VAT attwali, waqt li tipproponi l-użu ta' 'reverse charge system';

4.  Jieħu pożizzjoni kritika dwar ir-'reverse charge mechanism' u dwar il-proġetti pilota maħsuba f'dan ir-rigward; iqis li 'reverse charge mechanism' mhux obbligatorju jwassal għal sistemi paralleli ta' VAT doppja li eventwalment joħolqu ambjent fiskali aktar kumpless, iwasslu għal inċertezza legali u jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent tal-kummerċ, speċjalment fuq impriżi żgħar u ta' daqs medju;

5.  Jitlob biex il ġlieda kontra l-evażjoni fiskali tkompli u tkun intensifikata billi jiġu msaħħa n-netwerks ta' kooperazzjoni li jeżistu attwalment bejn l-Istati Membri u billi jiġu żviluppati miżuri innovattivi paralleli f'livell tal-UE, imma mingħajr ma jkunu imposti piżijiet burokratiċi żejda fuq l-awtoritajiet konċernati u fuq min iħallas it-taxxi; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti reċenti tal-Kummissjoni li jemendaw id-Direttiva tal-VAT u r-Regolament dwar il-Koperazzjoni Amministrattiva tal-VAT (COM(2008)0147);

6.  Jitlob biex tinħoloq forza tax-xogħol li tiffoka fuq l-evalwazzjoni ta' modi possibbli ħalli tkun koordinata il-ġlieda transkonfinali kontra l-evażjoni fiskali sa tmien il-perjodu leġiżlattiv attwali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

25.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Titus Corlăţean, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Sajjad Karim, Georgios Papastamkos, Michel Rocard, József Szájer

(1)

Komunikazzjoni għall-istampa mill-Kummissjoni: Komunikazzjoni għall-istampa mill-Kummissjoni: //europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/06/697.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data adottata

7.7.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Wolf Klinz, Astrid Lulling, John Purvis, Alexander Radwan, Eoin Ryan, Peter Skinner, Cornelis Visser

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Werner Langen

Avviż legali - Politika tal-privatezza