RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006
17.7.2008 - (11964/2007 – C6‑0326/2007 – 2006/0263(CNS)) - *
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Caroline Lucas
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006
(11964/2007 – C6‑0326/2007 – 2006/0263(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (11964/2007),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehima Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (11964/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 133, 175 u 300(2), l-ewwel subparagrafu tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skont liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0326/2007),
- wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 83(7) u 35 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0313/2008),
1. Japprova proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill kif emendata u japprova l-konklużjoni tal-ftehim;
2. Iżomm id-dritt li jiddefendi l-prerogattivi tiegħu kif ġie konferit mit-Trattat;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jinforma lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-segretarjat ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Injam Tropikali (ITTO) bil-pożizzjoni tal-Parlament.
Test propost mill-Kunsill | Emendi mill-Parlament |
Emenda 1 Paragrafu Introduttorju | |
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 133 u 175 tiegħu, moqri flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu, |
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 133 u 175 tiegħu, moqri flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu, |
Ġustifikazzjoni | |
Jirrifletti l-parir tas-Servizz Legali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (l-ittra tas-Sur Gargani ta' l-20 ta' Diċembru 2007) li l-ftehima tistabbilixxi qafas istituzzjonali billi jiġu organizzati proċeduri ta' kooperazzjoni u l-falliment tal-Kunsill li jipprovdi kwalunkwe spjegazzjoni razzjonali għar-rifjut tiegħu ta' din l-opinjoni. | |
Emenda 2 Premessa 4 | |
(4) L-għanijiet tal-Ftehim il-ġdid huma konsistenti kemm mal-politika kummerċjali komuni kif ukoll mal-politika ambjentali. |
(4) (4) L-għanijiet tal-Ftehim il-ġdid għandhom ikunu konsistenti kemm mal-politika kummerċjali komuni kif ukoll mal-politika ambjentali u ta' żvilupp. |
Ġustifikazzjoni | |
Kif inhi bħalissa l-ITTA, 2006 mhijiex konsistenti mal-politiki ambjentali u ta' żvilupp tal-KE. L-għan primarju tal-Ftehim jibqa' "li jippromwovi t-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali", bl-użu sostenibbli msemmi biss bħala punt sekondarju. Il-konsistenza ta' l-ITTA, 2006 mal-politiki ambjentali u ta' żvilupp tal-KE għalhekk tibqa' desideratum li għandha tinkiseb permezz ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea. | |
Emenda 3 Premessa 7 a (ġdida) | |
|
(7a) Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'analiżi ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim Internazzjonali ta' l-Injam Tropikali (ITTA) 2006 u tal-miżuri li jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-kummerċ fuq il-foresti tropikali, inklużi ftehimiet bilaterali ffinalizzati skont il-programm FLEGT. L-Artikolu 33 ta' l-ITTA 2006 jipprovdi għal evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim ħames snin wara d-ħul fis-seħħ tiegħu. Fid-dawl ta' din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq reviżjoni tal-funzjonament ta' l-ITTA lill-Parlament u lill-Kunsill sa tmiem l-2010. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' l-ITTA, 2006. B'dan il-mod, tkun qed teżamina l-implimentazzjoni ta' l-ITTA meta mqabbla ma' l-għodda tal-KE dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, it-treġija u l-kummerċ. Ladarba l-Kummissjoni Ewropea oriġinarjament ma kinitx qed tippjana li tikkonsulta mal-Parlament Ewropew dwar l-ITTA, 2006, huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tiġi mfakkra bl-obbligi tagħha li tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-politiki kummerċjali, ambjentali u ta' żvilupp tal-KE. | |
Emenda 4 Premessa 7 b (ġdida) | |
|
(7b) Meta tkun qed tabbozza l-mandat għan-negozjar tar-reviżjoni ta' l-ITTA ta' l-2006, il-Kummissjoni għandha tipproponi li t-test attwali jiġi rivedut, filwaqt li l-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali u r-restawrazzjoni ta' zoni forestali li kienu ġew iddegradati jitpoġġew fil-qalba tal-ftehima u tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika ta' l-edukazzjoni u ta' l-informazzjoni fil-pajjiżi affettwati mill-problema tad-deforestazzjoni, sabiex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar il-konsegwenzi negattivi ta' l-isfruttar abbużiv tar-riżorsi ta' l-injam. Il-kummerċ ta' l-injam tropikali għandu jitħeġġeġ biss jekk dan ikun kompatibbli ma' dawn l-għanijiet. |
Ġustifikazzjoni | |
It-trasferiment ta' l-għerf tas-sengħa u l-qsim ta' l-esperjenza u l-prattiki tajba fil-qasam ta' l-amministrazzjoni tal-foresti se jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' l-injam u se jgħinu biex jiġi eradikat il-kummerċ illegali fl-injam. | |
Emenda 5 Premessa 7 c (ġdida) | |
|
(7c) B'mod partikolari, dan il-mandat għal reviżjoni ta' l-ITTA 2006, għandu jipproponi mekkaniżmu ta' votazzjoni għall-Kunsill Internazzjonali ta' l-Injam Tropikali li jippremja b'mod ċar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti tropikali. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-predominanza attwali tal-kummerċ kontra l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli hija riflessa fl-istruttura ta' votazzjoni ta' l-ITTO li tagħti aktar voti lill-pajjiżi produtturi li jesportaw l-aktar injam. Għalhekk, is-sistema istituzzjonali ta' l-ITTO tagħti l-aktar influwenza lil dawk li l-aktar iwettqu kummerċ waqt li hemm ftit inċentivi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli. Biex ikun konsistenti ma' l-objettivi tal-politika ta' l-ambjent u ta' l-iżvilupp tal-KE, il-mekkaniżmu ta' votazzjoni ta' l-ITTO għandu jippremja lil dawk il-pajjiżi li jagħtu prijorità lill-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti. | |
Emenda 6 Premessa 7 d (ġdida) | |
|
(7d) Il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn nofs l-2008 għandha:
(a) tipproponi proposta leġiżlattiva komprensiva li tipprevjeni t-tqegħid fis-suq ta' injam u prodotti ta' l-injam li ġejjin minn sorsi illegali jew distruttivi;
(b) tippreżenta Komunikazzjoni li tiddetermina l-involviment u l-appoġġ ta' l-UE għall-mekkaniżmi ta' fondi globali preżenti u futuri għal-promozzjoni tal-ħarsien tal-foresti mid-deforestazzjoni u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet skont il-Protokoll UNFCCC/Kyoto. Il-Komunikazzjoni għandha tiġbor il-punti prinċipali li għandhom x'jaqsmu ma' l-impenn ta' l-UE biex tipprovdi fondi li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iħarsu l-foresti tagħhom, tiffinanzja netwerk għal zoni mħarsa u tippromwovi alternattivi ekonomiċi għall-qerda tal-foresti. B'mod partikolari, sabiex tiżgura benefiċċji reali għall-klima, il-bijodiversità u n-nies, għandha tiġbor il-punti prinċipali dwar il-prinċipji u l-kriterji minimi li dawn l-għodda għandhom jaderixxu magħhom. Għandha tidentifika wkoll azzjonijiet u zoni prijoritarji li għandhom jirċievu finanzjament immedjat taħt dawn il-mekkaniżmi ta' inċentiv. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-possibilitajiet addizzjonali biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar[1] uriet li l-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu jippreferu leġiżlazzjoni li torbot u li tirrikjedi li jkun l-injam maqtugħ u l-prodotti ta' l-injam legali biss li jitqiegħdu fis-suq ta' l-UE. |
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Il-foresti l-antiki tad-dinja fihom żewġ terzi tal-bijodiversità li hi bbażata fuq l-art, għalkemm 80% ta' dawn il-foresti diġà inqerdu jew iddegradaw u l-bqija jinsabu mhedda. Id-deforestazzjoni ġiet stmata li hija responsabbli għal madwar 20% ta' l-emissjonijiet globali tal-karbonju.
Il-Ftehima Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali ta' l-2006 tista', fl-aħjar każ, tikkontribwixxi għall-objettiv usa' li jiġi żgurat l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tad-dinja. Tali ġestjoni, min-naħa tagħha, għandha rwol importanti biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima, tiġi ppreservata l-bijodiversità, jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni u jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.
Madankollu, ftehima dwar l-injam tropikali tista' tipprovdi biss parti minn qafas ta' politika ġenerali u effettiv għall-foresti tad-dinja. Kwalunkwe ftehima jeħtieġilha tifforma parti minn approċċ aktar ġenerali li jkopri wkoll il-foresti fil-klimi moderati, id-domanda għall-prodotti ta' l-injam u t-traċċabilità tul il-katina kollha tal-provvista.
L-Impatt ta' Ftehimiet Preċedenti
Id-deforestazzjoni globali qed tkompli. Skont stimi ta' l-OECD, kull sena ntilfet zona ta' kopertura forestali oriġinali d-daqs tal-Greċja, filwaqt li ġiet mhedda bl-estinzjoni bijodiversità insostitwibbli u żdied ir-riskju tat-tisħin globali.
Għalkemm għaddew aktar minn 20 sena minn meta ntlaħqet l-ewwel ftehima dwar l-injam tropikali, l-esplojtazzjoni żejda u l-qtugħ illegali tas-siġar għadhom mifruxin sew. Kważi n-nofs ta' l-attivitajiet kollha ta' qtugħ ta' siġar f'reġjuni bħall-Amażonja, il-Baċir tal-Kongo, ix-Xlokk ta' l-Ażja u r-Russja huma illegali. Attwalment il-FAO tistma li inqas minn 7% taz-zona forestali globali hija ekoċċertifikata u inqas minn 5% tal-foresti tropikali huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli.
Dan mhux biss wassal għal deforestazzjoni kontinwa sostanzjali, b'implikazzjonijet serji għall-benesseri ekonomiku fuq perjodu ta' żmien itwal ta' dawk li jgħixu f'dawn ir-reġjuni u għat-tħaddim tajjeb ta' l-ekosistemi forestali, iżda wkoll għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-popli indiġeni. Il-profitti mill-esplojtazzjoni illegali tal-foresti intużaw biex jiffinanzjaw u jtawlu l-kunflitti f'numru ta' pajjiżi ta' l-Afrika Ċentrali.
Importazzjonijiet irħas ta' injam illegali u ta' prodotti forestali, flimkien man-nuqqas ta' konformità ma' standards soċjali u ambjentali bażiċi, jiddistabilizzaw is-swieq internazzjonali, jillimitaw id-dħul mit-taxxa tal-pajjiżi produtturi u jheddu l-impjiegi ta' kwalità ogħla kemm fil-pajjiżi li jimportaw kif ukoll f'dawk li jesportaw. Idgħajfu wkoll il-pożizzjoni ta' dawk il-kumpaniji li jġibu ruħhom b'mod responsabbli u jirrispettaw l-istandards eżistenti.
Meta titqies l-istruttura ta' l-ITTO, problemi bħal dawn żgur li ma jagħtux lok għal sorpriżi. L-artikolu li jiddefinixxi l-objettivi tal-ftehimiet preċedenti u dik ta' l-2006 jibda "biex jippromwovi l-espansjoni u d-devjazzjoni tal-kummerċ internazzjonali" qabel ma jgħaddi biex jitkellem dwar is-sostenibilità. Barra minn hekk, l-istruttura tal-votazzjoni ta' l-ITTO tagħti voti addizzjonali lill-pajjiżi produtturi li jesportaw iktar injam, filwaqt li l-voti tal-pajjiżi membri konsumaturi huma primarjament iddeterminati mill-importazzjonijiet netti medji tagħhom ta' injam tropikali. Għaldaqstant, minkejja r-retorika kollha dwar is-sostenibilità, is-sistema hija mfassla biex tagħti l-aktar influwenza lil dawk li jagħmlu l-aktar kummerċ. Ftit hemm premji għal immaniġġjar sostenibbli jew għal ħsieb fuq perjodu ta' żmien itwal.
Fl-istess ħin, l-istruttura tal-ftehima ta' l-2006 hija governattiva ħafna. Ma toffri l-ebda rwol espliċitu fil-formulazzjoni tal-politika lill-Parlamentari jew lis-soċjetà ċivili. Waqt li hemm dispożizzjonijiet għal żewġ reviżjonijiet fis-sena, hemm nuqqas ta' awditjar indipendenti tas-sostenibilità tal-politiki ta' mmaniġġjar forestali tal-membri, jew ta' l-impatt tagħhom fuq il-popli indiġeni.
Ħtieġa ta' politiki aktar integrati
Il-foresti tropikali huma partikolarment importanti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima minħabba li, bħala medja, jaħżnu madwar 50% iktar karbonju kull ettaru meta mqabbla ma' siġar f'zoni bi klima moderata. Kif ikkonkluda r-rapport Stern "ġabra sostanzjali ta' evidenza tissuġġerixxi li azzjoni biex tiġi evitata aktar deforestazzjoni tkun relattivament irħisa meta mqabbla ma' tipi oħra ta' mitigazzjoni jekk jiddaħħlu fis-seħħ il-politiki u l-istrutturi istituzzjonali t-tajba.
Xi kultant jiġi argumentat li l-importazzjonijiet ta' l-UE huma responsabbli għal proporzjon relattivament żgħir tal-produzzjoni totali ta' l-injam tropikali. Madankollu dan jinjora kemm dan l-injam jiġi pproċessat f'pajjiżi terzi qabel ma jiġi esportat lejn l-Ewropa jew lejn l-Istati Uniti bħala għamara.
L-UE ppruvat tindirizza t-tħassib dwar il-qtugħ illegali tas-siġar permezz ta' Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPA) skont il-programm ta' l-Infurzar tal-Liġi Forestali, it-Tmexxija u l-Kummerċ (FLEGT). Filwaqt li ftehimiet bilaterali bħal dawn jippreżentaw opportunità fil-pajjiżi produtturi biex tiġi immotivata l-bidla fis-settur forestali fir-rigward tat-tisħiħ tat-tmexxija, it-titjib u l-implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet forestali u ambjentali, kif ukoll biex isir possibbli d-djalogu bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, dawn il-ftehimiet weħidhom mhumiex biżżejjed biex jiġi kkontrollat il-bejgħ ta' l-injam u tal-prodotti ta' l-injam illegali fis-suq ta' l-UE. Il-VPAs għandhom nuqqasijiet (riskju li dak li jkun jaħrab minnhom, ambitu ġeografiku limitat, riskju ta' ħasil ta' flus f'pajjiżi terzi, eċċ.) li jistgħu idgħajfu jew anke jikkontradixxu l-objettiv li jitwaqqfu l-importazzjonijiet ta' injam illegali. Għad hemm dubju wkoll dwar l-infurzabilità tagħhom.
Il-VPAs jista' jkollhom rwol utli sakemm ikunu msejsa fuq standards minimi li jorbtu legalment biex jiġi żgurat li dawk li jieħdu sehem f'VPAs ma jkollhomx il-biża' li dawk li mhumiex suġġetti għal tali limiti jkollhom il-vantaġġ li jkunu jistgħu joffru prezzijiet irħas. Għalkemm sistema li torbot legalment fuq skala globali għad baqagħlha ħafna biex tintlaħaq, l-Unjoni Ewropea għandha tibda tadotta internament standards li jorbtu legalment kif ukoll strumenti biex tissanzjona n-nuqqas ta' konformità.
F'dan il-kuntest, huwa diżappuntanti li l-Kummissjoni għad trid tipproponi leġiżlazzjoni komprensiva biex jiġi żgurat li jkunu biss injam u prodotti ta' l-injam li ġejjin minn sorsi legali u minn foresti li huma mmaniġġjati tajjeb li jitpoġġew fis-suq Ewropew. Fin-nuqqas ta' tali leġiżlazzjoni, produtturi u negozjanti ta' fama tajba dejjem se jkunu mħassba li l-pożizzjoni tagħhom tista' tiġi mdgħajfa minn dawk li huma biss interessati li jnaqqsu l-ispejjeż fil-futur qarib.
Barra minn hekk, il-politiki dwar l-akkwist pubbliku li jeħtieġu li l-injam u l-prodotti ta' l-injam ikunu ġejjin minn sorsi legali u sostenibbli għandhom rwol importanti biex tiżdied l-attrazzjoni tal-produzzjoni ta' injam iċċertifikat kif ukoll biex jintwera l-impenn prattiku ta' l-awtoritajiet pubbliċi lejn din il-mira.
Bl-istess mod, inizjattivi ta' ċċertifikar bħal dawk tal-Kunsill ta' l-Amministrazzjoni tal-Foresti, li jippermettu lill-konsumaturi jkunu kunfidenti li l-injam li qed jixtru mhux biss huwa legali iżda ġej minn foresti li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli, jistgħu jissupplimentaw b'mod utli l-ftehimiet internazzjonali sakemm iċ-ċertifikat ikun imsejjes fuq verifika indipendenti. Ċertifikazzjoni bħal din hija wkoll akkumpanjament essenzjali għall-importazzjonijiet ta' agrofjuwils jekk il-benefiċċji klimatiċi tas-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili m'għandhomx jiġu mxejna fil-parti l-kbira tagħhom mill-emissjonijiet miżjuda ta' CO li jiġu mid-deforestazzjoni.
L-UE għandha tiżgura li ma jkun hemm xejn fil-ftehimiet bilaterali jew multilaterali tagħha li jkunu jillimitaw l-ambitu biex jiġu implimentati politiki bħal dawn. Dan huwa ta' importanza partikulari fir-rigward tal-ftehima kummerċjali proposta mal-pajjiżi ta' l-Ażja tax-Xlokk, fejn il-kwistjonijiet tal-preservazzjoni tal-foresti u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għandhom jiġu indirizzati f'kapitolu li jagħmel sens dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Karatteristiċi ta' ftehima aktar b'saħħitha u aktar effettiva
Huwa diżappuntanti li, fid-dawl ta' l-impatt limitat li kellha l-ftehima ta' l-1994, l-ITTA ta' l-2006 ma rrapreżentatx bidla aktar radikali minnha. Kieku n-negozjaturi xtaqu jindirizzaw il-problema ewlenija, kienu jaqilbu l-objettivi ta' l-ITTO u jibdew mill-bżonn li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tropikali u li z-zoni forestali li kienu ġew iddegradati jerġgħu jiġu kif kienu. Il-kummerċ fl-injam tropikali imbagħad kien jiġi inkoraġġit sal-punt sa fejn kien kompatibbli ma' dawk l-objettivi ta' qabel.
Bidla bħal din bla dubju għandu jkollha implikazzjonijiet għad-dħul tal-pajjiżi produtturi u ta' l-abitanti tagħhom li m'għandhomx jiġu mistennija jsofru l-ispejjeż tal-preservazzjoni ta' dak li hu riżors globali. Kif ġie nnutat hawn fuq, il-foresti tropikali għandhom rwol kruċjali biex jiġġieldu l-bidla fil-klima. Il-komunità internazzjonali għaldaqstant għandha tkun lesta tikkunsidra skemi xierqa ta' kumpens għal dawk il-pajjiżi li jiddeċiedu jagħtu prijorità lill-objettiv, li hu fuq terminu ta' żmien itwal, li jiġu promossi foresti sostenibbli, minflok ma jilħqu l-massimu tad-dħul f'terminu qasir ta' żmien.
Dan min-naħa tiegħu għandu implikazzjonijiet għall-assistenza u għas-self għall-iżvilupp minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. It-tnejn li huma għandhom jippruvaw jiżguraw li l-komunitajiet lokali jkollhom alternattivi għall-qtugħ tas-siġar meta dan ma jkunx sostenibbli, u li l-ispiża biex jiġu ppreservati l-"affarijiet komuni globali" li l-foresti tropikali jirrapreżentaw tkun maqsuma b'mod ġust bejn in-nazzjonijiet.
Konklużjonijiet
L-approvazzjoni mill-Parlament ta' l-ITTA 2006 għandha tinftiehem bħala approvazzjoni mhix tant mixtieqa ta' ftehima li mhix sodisfaċenti. Għandu jkun rikonoxxut li r-riżultat huwa ħafna inqas minn dak li hu meħtieġ biex tiġi indirizzata l-problema tat-telf tal-foresti tropikali. Il-Kummissjoni għandha tibda tipprepara għar-round ta' negozjati li jmiss bl-objettiv li jiġi żgurat li l-ftehima ta' wara tkun ħafna aħjar.
Ir-reġim ta' l-ITTA jeħtieġ reviżjoni totali u l-approvazzjoni tal-Parlament għal kwalunkwe ftehima ġejjiena se tiddependi fuq bidla radikali fl-objettivi li huma l-bażi tal-ftehima. L-objettiv ewlieni ta' reviżjoni ta' l-ITTA 2006 għandu jkun il-protezzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tropikali. Il-kummerċ fl-injam tropikali għandu jsir biss sal-punt sa fejn ikun konsistenti ma' dak l-objettiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tipproponi mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa għall-pajjiżi li huma lesti jillimitaw l-esportazzjonijiet ta' l-injam tagħhom u għandha tipproponi r-riorganizzazzjoni tas-sistema ta' votazzjoni ta' l-ITTO biex jiġu ppremjati l-pajjiżi li jipproduċu l-injam li jagħtu prijorità lill-konservazzjoni u lill-użu sostenibbli tar-riżorsi forestali.
Sadanittant, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu b'mod sinifikanti r-riżorsi finanzjarji għall-assistenza biex jissaħħu l-konservazzjoni u l-użu ekoloġikament responsabbli tal-foresti tropikali, biex jiġu appoġġjati azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tat-tmexxija ambjentali u l-bini tal-kapaċità, biex jiġu promossi alternattivi ekonomikament vijabbli għal prattiki agrikoli, prattiki ta' qtugħ ta' siġar u prattiki tat-tħaffir tal-minjieri li huma distruttivi, u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni, sabiex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-konservazzjoni, l-użu u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u biex jiddemarkaw u jiddefendu d-drittijiet ta' l-art tagħhom.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu fl-arena globali biex imexxu 'l quddiem id-diskussjonijiet dwar il-bidla fil-klima u d-deforestazzjoni, sabiex jintlaħaq ftehim, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, dwar mekkaniżmu ta' finanzjament internazzjonali mmirat lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, sabiex jintlaħaq il-massimu tal-benefiċċji konġunti fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ukoll jaħdmu biex jiżguraw li l-Aġenziji tal-Kreditu ta' l-Esportazzjoni, il-Faċilità ta' Investiment ta' Cotonou u Istituzzjonijiet ta' Self Internazzjonali oħra li jiffinanzjaw proġetti bi flus pubbliku Ewropew, jużaw il-prinċipju adottat tal-Kunsens Ħieles, Minn Qabel u Infurmat qabel ma jappoġġjaw finanzjarjament kwalunkwe proġetti f'zoni forestali. Għandhom jitwettqu wkoll evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali u proċeduri ta' eżaminazzjoni għal dawn il-proġetti, biex jiġi żgurat li ma jkattrux id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti jew attivitajiet ta' qtugħ ta' siġar illegali.
Fl-aħħarnett, għandu jsir progress qawwi u mgħaġġel fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma tal-FLEGT, inkluż it-tressiq mill-Kummissjoni, mingħajr aktar dewmien, ta' proposta leġiżlattiva komprensiva li timmira li tiżgura li jkunu biss l-injam u l-prodotti ta' l-injam li ġew maqtugħa legalment li jitpoġġew fis-suq ta' l-UE.
Il-Parlament, kif ukoll assembleji interreġjonali u parlamenti nazzjonali oħra ta' l-ITTO għandhom jiġu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni ta' l-ITTA 2006. Għal dan il-għan, nitolbu
· il-konsultazzjoni tal-Parlament malajr kemm jista' jkun, kull meta l-Komunità jkollha l-ħsieb li tagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji lill-azzjonijiet ippjanati ta' l-ITTA permezz tal-kontijiet volontarji ta' l-Organizzazzjoni,
· il-preżentazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' l-ITTA kif ukoll dwar miżuri biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-kummerċ fuq il-foresti tropikali, inklużi ftehimiet bilaterali skont il-programm FLEGT. Il-Parlament għandu jkun involut u infurmat bis-sħiħ dwar il-progress li jsir f'kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija tal-FLEGT.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
Is-Sur Helmuth Markov
Chairperson
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali fuq l-Injam Tropikali, 2006 (11964/2007 – C6‑0326/2007 – 2006/0263(CNS))
Għażiż Sur Chairperson,
Fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali iddeċieda, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, skont ir-Regola 35(3), li jikkunsidra jekk il-bażi legali tal-proposta tal-Kunsill li hemm referenza għaliha fuq kinitx valida u xierqa.
Il-kumitat ikkunsidra l-kwistjoni li hemm referenza għaliha fuq, fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2007.
Minħabba li l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jmissu jivvota fuq dan ir-rapport f’Diċembru li ġej, sabiex jiġu evitati problemi fil-vot plenarju fil-każ li wieħed mill-Membri jiddeċiedi li jikkunsidra l-kwistjoni tal-bażi legali, jista’ jiġi rakkomandat li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra l-bażi legali tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq l-inizjattiva tiegħu stess skont ir-Regola 35(3) tar-Regoli ta’ Proċedura.
Il-bażijiet legali proposti huma l-Artikoli 133 u 175, li għandhom jinqraw flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (3) tat-Trattat tal-KE.
Ġie ssuġġerit li l-bażi legali għandha tiġi emendata sabiex tkun tirreferi għat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) u mhux għall-ewwel sottoparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni. Din il-bidla fil-bażi legali tagħti lill-Parlament il-benefiċċju tal-proċedura ta’ kunsens u mhux biss konsultazzjoni.
Il-kumitat ewlieni fittex l-opinjoni tas-Servizz Legali, li jappoġġa din il-bidla fil-bażi legali.
Dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattat tal-KE
Artikolu 300(3)
3. Il-Kunsill għandu jikkonkludi ftehim wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, ħlief fil-każ ta’ ftehimiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 133(3), inkluż dawk il-każijiet meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija neċessarja l-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 jew dik imsemmija fl-Artikolu 252 għall-adozzjoni tar-regoli interni. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’terminu ta’ żmien li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-kwistjoni. Fin-nuqqas ta’ opinjoni f’dak it-terminu ta’ żmien, il-Kunsill jista’ jaġixxi.
Permezz ta’ deroga mis-sottoparagrafu preċedenti, il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 310, ftehim ieħor li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizza proċeduri ta’ kooperazzjoni, ftehim li għandu implikazzjonijiet importanti għall-baġit tal-Komunità u ftehim li jinvolvi emendi fl-att addottat fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 għandu jiġi konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Stima
Il-kwistjoni li għanda tiġi deċiża hija jekk il-ftehim in kwistjoni jistabbilixxix qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizza proċeduri ta’ kooperazzjoni.
Għandu jiġi nnutat, in limine, li hija każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja[1] li l-għażla ta’ bażi legali ta’ l-atti tal-Komunità għandha tiġi determinata biss b’referenza għall-kriterji oġġettivi li huma soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja, u b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att li qiegħed jiġi propost.
Il-kontenut tal-proposta li qegħda tiġi kkunsidrata tikkonsisti f’seba’ paragrafi u żewġ artikoli li japprovaw il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali fuq l-Injam Tropikali, 2006.
Il-Paragrafu 4 jiddikjara li l-għanijiet tal-Ftehim huma konsistenti kemm mal-politika kummerċjali kif ukoll mal-politika ambjentali.
L-għanijiet ewlenin tal-Ftehim huma indirizzati fl-Artikolu 1 tal-Ftehim kif ġej: "sabiex jippromwovi l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresti amministrati b’mod sostenibbli u maqtugħa b’mod legali u sabiex jippromwovi l-amministrazzjoni sostenibbli ta’ foresti li jipproduċu l-injam tropikali”. Il-Ftehim huwa organizzat fil-kapitoli li ġejjin: għanijiet, definizzjonijiet, organizzazzjoni u amministrazzjoni, Kunsill Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, privileġġi u immunitajiet, finanzi, attivitajiet operattivi, statistiċi, studji u informazzjoni, mixxellanji u dispożizzjonijiet finali.
Huwa nnutat ukoll li, fl-abbozz tar-rapport tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2007, il-Kumitat responsabbli jikkwalifika l-approvazzjoni tiegħu tal-Ftehim Internazzjoni dwar il-Kummerċ fl-Injam “bħala approvazzjoni riluttanti ta’ ftehim mhux sodisfaċenti”. Ir-Rapporteur jilmenta li l-eżitu tal-Ftehim “ma jilħaqx bil-bosta dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi indirizzata l-problema tat-telfien ta’ foresti tropikali”.
Fil-każ tal-kunċett ta’ “qafas istituzzjonali speċifiku” fit-tifsira tat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3), għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għad trid tiddeċiedi kif dan għandu jiġi interpretat.
Minħabba dan, jitqies utli li jiġu stabbiliti xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar ir-raġuni għalfejn jiġi pprovdut l-użu ta’ proċedura ta’ approvazzjoni fit-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) minflok il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita fl-ewwel sottoparagafu ta’ dik id-dispożizzjoni.
Id-dispożizzjoni dwar l-approvazzjoni tiġi wżata f’erba’ tipi ta’ atti:
- ftehim li għandu implikazzjonijiet importanti għall-baġit tal-Komunità;
- ftehim li jinvolvi l-emenda ta’ att adottat taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni;
- ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproki, azzjoni komuni u proċeduri speċjali;
- ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizza l-proċeduri ta’ kooperazzjoni.
Jista’ jiġi ddikjarat li l-proċedura ta’ kunsens tiġi kkunsidrata fuq il-bażi li ġejja:
L-ewwel żewġ każijiet jirriflettu l-irwol tal-Parlament fil-proċedura tal-baġit u fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni, rispettivament.
Min-naħa tiegħu, il-ftehim ikkunsidrat fit-tielet u fir-raba’ inċiżi msemmija hawn fuq, għandu aspett wieħed komuni, jiġifieri l-intenzjoni li jwaqqaf struttura permanenti kumplessa li jkollha ċerta awtonomija mill-partijiet u li fiha jistgħu jiġu addottati regoli li jorbtu lill-partijiet minbarra dawk li hemm fil-ftehim innifsu. Meta tiġi mwaqqfa assoċjazzjoni, huwa probabbli li l-istruttura tkun aktar sofistikata milli tkun dik meta jiġi mwaqqaf qafas istituzzjonali speċifiku billi jiġu organizzati proċeduri ta’ kooperazzjoni. Jista’ jiġi ddikjarat li l-approvazzjoni tal-Parlament hija neċessarja minħabba li l-ftehim in kwistjoni “mhuwiex komplut” fis-sens li l-ilħuq ta’ l-għanijiet tiegħu ma jiddependix biss fuq ir-regoli stabbiliti b’mod speċifiku fit-test tal-ftehim innifsu. Il-partijiet ma jkunx marbuta biss bir-regoli stabbiliti fil-ftehim iżda wkoll bir-regoli li ser jiġu stabbiliti bħala riżultat tal-proċeduri stabbiliti fih. Il-livell ta’ inċertezza li jirriżulta fir-rigward ta’ liema dmirijiet joħorġu mill-ftehim jeħtieġ il-garanzija ta’ approvazzjoni mill-Parlament.
Il-mistoqsija li għandha tingħata tweġiba għalhekk hija jekk il-ftehim li qiegħed jiġi kkunsidrat jaqax fil-kategorija ta’ “ftehimiet li jistabbilixxu qafas istituzzjonali speċifiku permezz ta’ l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni”.
L-elementi essenzjali li jridu jkunu preżenti jekk it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) għandu japplika huma relatati b’mod funzjonali: trid tiġi organizzata “proċedura ta’ kooperazzjoni” u jrid ikun hemm “qafas istituzzjonali speċifiku”.
L-għan ewlieni tal-ftehim huwa “li jippromwovi l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresta amministrata b’mod sostenibbli u maqtugħ b’mod legali u li jippromwovi l-amministrazzjoni sostenibbli ta’ foresti li jipproduċu injam tropikali” (Artikolu 1). Sabiex jintlaħaq dan, il-Ftehim jipprovdi għal xi għodda elaborata.
L-ewwel, l-Artikolu 3 jipprovdi li “L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali (...) għandha tkompli taħdem sabiex tamministra d-dispożizzjonijiet u tosserva l-ħidma ta’ dan il-Ftehim”.
Il-ħidma ta’ l-organizzazzjoni għandha tiġi assigurata mill-Kunsill (Artikolu 6), mill-kumitati u minn korpi sussidjarji oħra (Artikolu 26), mid-Direttur Eżekuttiv u mill-personal (Artikolu 14).
Il-Kunsill jingħad li huwa “l-ogħla awtorità ta’ l-Organizzazzjoni” u għandu jkun jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ kull membru.
Waħda mis-setgħat l-aktar importanti tal-Kunsill hija li “jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn jieħu sabiex tkun assigurata l-funzjonalità u l-ħidma effettiva u effiċjenti ta’ l-Organizzazzjoni” (Artikolu 7, punt (b)). Għal dan il-għan, l-Artikoli 10, 11 u 12 jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-proċedura ta’ votazzjoni. Id-distribuzzjoni tal-voti tiddependi fuq jekk il-membru huwiex produttur jew konsumatur. Fil-każ tal-produtturi għandhom jitqiesu “l-ishma rispettivi tar-riżorsi totali tal-foresta tropikali” u l-“esportazzjoni netta rispettiva ta’ l-injam tropikali” (Art. 10, para 2). Il-voti jiġu assenjati lill-konsumaturi wara li jitqies “il-volum medju ta’ l-importazzjonijiet netti rispettivi tagħhom ta’ injam tropikali”. Art 10, para. 4).
Huwa importanti li wieħed jinnota li d-deċiżjonijiet ma jittieħdux biss b’konsensus. Avolja jiġi pprovdut li “l-Kunsill għandu jipprova jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’konsensus”, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 12 jipprovdi li “jekk ma jistax jintlaħaq konsenus, il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’vot ta’ maġġoranza distribwit b’mod sempliċi, sakemm dan il-Ftehim jipprovdi għal vot speċjali”. Regola relevanti oħra tiġi stabbilita fl-Artikolu 13 dwar il-kworun għal-laqgħa tal-Kunsill minħabba li jidher li mhuwiex neċessarju li r-rappreżentanti kollha jkunu preżenti sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet.
L-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tidher ċara meta jinqraw flimkien ma’ l-Artikolu 29, para. 2, li jipprovdi li: “Il-membri jobbligaw ruħhhom li jaċċettaw u li jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u għandhom jieqfu milli jimplimentaw miżuri li jkollhom l-effetti li jillimitawhom jew li jmorru kontrihom”. Fi kliem ieħor, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ikunu jorbtu anke fuq dawk il-partijiet li r-rappreżentanti tagħhom ma jkunux qablu ma’ l-adozzjoni ta’ l-att jew li ma jkunux preżenti għal-laqgħa.
Minbarra dan, l-Artikolu 17 jagħti personalità legali lill-organizzazzjoni u l-“kapaċità ta’ dħul f’kuntratti, ta’ kisba u ta’ tneħħija ta’ proprjetà mobbli u immobbli u ta’ ftuħ ta’ proċeduri legali”.
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment tal-Kont Amministrattiv li huwa kont valutat tal-kontribuzzjoni”, “il-Kont Speċjali u l-Fond ta’ Sħubija ta’ Bali” li huma kontijiet għal kontribuzzjoni volontarja”, u “kontijiet oħra li l-Kunsill jista’ jqis bħala xierqa u neċessarji” (Artikolu 18) u tal-funzjonijiet ewlenin tal-Kunsill relatati mal-membri ta’ l-organizzazzjoni u ma’ l-eżistenza tal-ftehim (artikoli 30, 31, 32, 37, 40, 42, 44 u 47).
Konklużjoni
Fid-dawl ta’ l-analiżi mwettqa hawn fuq jitqies li l-ftehim jistabbilixxi “qafas istituzzjonali speċifiku”.
Fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2007 il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda b’mod unanimu[2] li jirrakkomanda li l-bażi legali għandha tinbidel sabiex tkun tirreferi għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tat-Trattat tal-KE, li jeħtieġ il-kunsens ta’, u mhux biss konsultazzjoni mal-Parlament.
Dejjem tiegħek,
Giuseppe Gargani
- [1] Ara Każ C-338/01 Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill [2004] ECR. I-7829, para. 54; Każ C-211/01 Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill [2003] ECR. I-8913, para. 38; Każ 62/88 Il-Ġreċja v. Il-Kunsill [1990] ECR I-01527, para. 62.
- [2] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-vot finali: Giuseppe Gargani (chairman), Titus Corlăţean (viċi-chairperson), Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (viċi-chairperson), Francesco Enrico Speroni (viċi-chairperson), Marie Panayotopoulos-Cassiotou (rapporteur għal opinjoni), Carlo Casini, Vicente Miguel Garcés Ramón, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Eva Lichtenberger, Antonio Masip Hidalgo, Manuel Medina Ortega, Michel Rocard, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis u Tadeusz Zwiefka.
PROĊEDURA
Titolu |
Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 |
|||||||
Referenzi |
11964/2007 – C6-0326/2007 – 2006/0263(CNS) |
|||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
27.9.2007 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
INTA 11.10.2007 |
|||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
DEVE 11.10.2007 |
|
|
|
||||
Opinjoni mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
DEVE 5.11.2007 |
|
|
|
||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Caroline Lucas 9.10.2007 |
|
|
|||||
Bażi legali kkontestata Data ta’ l-opinjoni tal-JURI |
JURI 19.12.2007 |
|
|
|
||||
Diskussjoni fil-kumitat |
21.11.2007 |
|
|
|
||||
Data ta’ l-adozzjoni |
15.7.2008 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 1 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Graham Booth, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Syed Kamall, Caroline Lucas, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, Georgios Papastamkos, Tokia Saïfi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Eugenijus Maldeikis, Rovana Plumb, Salvador Domingo Sanz Palacio, Zbigniew Zaleski |
|||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari |
|||||||