RAPPORT dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

23.7.2008 - (COM(2007)0650 – C6‑0466/2007 – 2007/0236(CNS)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Roselyne Lefrançois

Proċedura : 2007/0236(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0323/2008

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

(COM(2007)0650 – C6‑0466/2007 – 2007/0236(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2007)0650),

 wara li kkunsidra l-linjigwida tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2008,[1]      

 wara li kkunsidra l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1)(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE, skont liema Artikolu ġie ikkonsultat mill-Kunsill (C6-0466/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 51 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0323/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, jittrattaw b’urġenza kull proposta sussegwenti li jkollha l-għan li temenda t-test preżenti skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar l-operat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u d-Dikjarazzjoni Nru 50 marbuta miegħu;

6.  Jiddikjara ruħu diġà mħejji biex - ladarba jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona - jekk ikun hemm bżonn, jeżamina kull proposta bħal din skont il-proċedura ta’ urġenza u f’koperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti tal-Istati Membri; f’każ li l-proposta l-ġdida tkun tirrifletti s-sustanza ta’ din l-opinjoni, tkun tista’ tapplika l-proċedura stabbilita fil-ftehima interistituzzjonali dwar il-kodifikazzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6a) L-azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha titwettaq b'koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom irwol ewlieni xi jwettqu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni, sakemm l-awturi jew l-instigaturi ta’ atti terroristiċi jkunu jgħixu fi ħdan komunitajiet lokali fejn jitħalltu mal-popolazzjoni tagħhom, u fejn jużaw is-servizzi u l-istrumenti tad-demokrazija ta’ dawn il-komunitajiet.

Ġustifikazzjoni

F’qasam li jaffettwa b’mod dirett id-drittijiet taċ-ċittadini, l-awtorijiet lokali u reġjonali għandu jkollhom irwol ewlieni. mhux biss għax huma jikkostitwixxu l-livell amministrattiv l-iktar qrib taċ-ċittadini, iżda wkoll minħabba li l-awturi u l-instigaturi ta’ atti terroristiċi ta’ kuljum jgħixu fi ħdan l-istess popolazzjonijiet.

Emenda  2

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Il-proposta attwali tipprevedi l-kriminalizzazzjoni ta’ reati marbuta mat-terroriżmu sabiex tikkontribbwixxi għall-għan ta’ politika aktar ġenerali tal-prevenzjoni tat-terroriżmu permezz tat-tnaqqis fit-tixrid ta’ dawk il-materjali li jistgħu jinċitaw lil persuni sabiex iwettqu attakki terrroristiċi.

(7) Il-proposta attwali tipprevedi l-kriminalizzazzjoni ta’ reati marbuta mat-terroriżmu sabiex tikkontribbwixxi għall-għan ta’ politika aktar ġenerali tal-prevenzjoni tat-terroriżmu permezz tat-tnaqqis fit-tixrid ta’ dawk il-materjali li jkollhom l-intenzjoni u t-tendenza li jinċitaw lil persuni sabiex iwettqu attakki terrroristiċi.

Emenda  3

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri l-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi, meta jitwettqu intenzjonalment.

(10) Id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri l-inċitament pubbliku sabiex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi, meta jitwettqu intenzjonalment.

 

(Din l-emenda tapplika għat-test leġiżlattiv li qed ikun eżaminat kollu kemm hu, minbarra l-premessa 9; jekk tiġi adottata, ikollhom isiru aġġustamenti tekniċi fit-test kollu.)

Ġustifikazzjoni

It-terminu ‘provokazzjoni’ għandu jkun sostitwit b’ 'inċitament’ minħabba li t-terminu ta’ l-aħħar huwa kunċett aktar ċar u huwa użat aktar spiss fil-lingwaġġ legali. Barra minn hekk, it-terminu ‘inċitament’ huwa dak li ġie adottat fil-proposta ta’ deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

Emenda  4

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11) Għandhom jingħataw pieni u sanzjonijiet lill-persuni naturali u ġuridiċi li jkunu wettqu jew li huma responsabbli għall-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta dawn jitwettqu b’mod illegali u intenzjonalment. Dawn il-forom ta’ aġir għandhom ikunu punibbli ugwalment fl-Istati Membri kollha indipendentement minn jekk jitwettqux permezz ta’ l-Internet jew le.

(11) Għandhom jingħataw pieni u sanzjonijiet lill-persuni naturali u ġuridiċi li jkunu wettqu inċitament pubbliku sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta dawn jitwettqu intenzjonalment. Dawn il-forom ta’ aġir għandhom ikunu punibbli ugwalment fl-Istati Membri kollha indipendentement minn jekk jitwettqux permezz ta’ l-Internet jew le.

Emenda  5

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 11 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a) In-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jaqbel dwar drittijiet proċedurali fil-proċeduri kriminali jxekkel il-koperazzjoni ġudizzjarja Ewropea; dan il-falliment ta’ ftehim għandu jintegħleb b’mod urġenti.

Emenda  6

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġurisdizzjonali ulterjuri biex jiġi żgurat li provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu jkunu jistgħtu jitħarrku b'mod effikaċi meta dawn ikunu diretti lejn it-twettiq ta' offiża terroristika jew jirriżultaw f'offiża ta' din ix-xorta li hi suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

imħassra

Ġustifikazzjoni

Din il-premessa hija l-eku tal-paragrafu ġdid 1a li l-Kummissjoni qed tipproponi li żżid mal-Artikolu 9 tad-deċiżjoni qafas. Ir-rapporteur tissuġġerixxi li s-sustanza ta’ dak il-paragrafu l-ġdid m’għandux jifforma parti minn dan l-abbozz ta’ rapport, minħabba li hija jidhrilha li r-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti minn dak il-paragrafu jmorru ’l bogħod wisq – għalhekk hija ħaġa loġika li ssir talba biex din il-premessa titħassar.

Emenda  7

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 12 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12a) Din id-Deċiżjoni Qafas tinsab tikkomplementa l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tas-16 ta’ Mejju 2005, u, għaldaqstant, hija ħaġa essenzjali li, b’mod parallel mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri kollha jirratifikaw dik il-Konvenzjoni.

Ġustifikazzjoni

Bla ebda dubju hu ta’ valur miżjud li jiddaħħal il-ksur previst mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni, iktar preċiżament, fid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI, għaliex dan jippermetti li dawk l-offiżi jiddaħħlu f’reġim ġuridiku iktar komprensiv. Hemm madankollu l-ħtieġa li l-Istati Membri jirratifikaw dik il-Konvenzjoni, peress li d-Deċiżjoni Qafas mhix maħsuba biex toħdilha postha. L-applikazzjoni, b’mod parallel, taż-żewġ strumenti se tiggarantixxi protezzjoni aktar qawwija kontra t-terroriżmu, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi li huma membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa.

Emenda  8

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14) L-Unjoni tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li jidhru fil-Karta dwar Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Kapitoli II u VI tiegħu. Xejn f'din id-Deċiżjoni Qafas ma jista' jkun interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi d-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali bħall-libertà ta’ espressjoni, il-libertà li tissieħeb, jew ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-privatezza u l-ħajja familjari, inkluż id-dritt għar-rispett tal-konfidenzalità tal-korrispondenza.

(14) L-Unjoni tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li jidhru fil-Karta dwar Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Kapitoli II u VI tiegħu. Xejn f'din id-Deċiżjoni Qafas ma jista' jkun interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi d-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali bħall-libertà ta’ espressjoni, il-libertà li tinġabar fi grupp, jew ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni jew ta’ midja oħra, jew id-dritt għar-rispett tal-privatezza u l-ħajja familjari, inkluż id-dritt għar-rispett tal-konfidenzalità tal-korrispondenza, inkluż il-kontenut ta’ posta elettronika jew ta’ xorti oħra ta’ korrispondenza, li tkopri wkoll il-kontenut ta’ imejls u tipi oħra ta’ korrispondenza elettronika.

Emenda  9

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15) Provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet terroristiċi u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi huma delitti intenzjonali. Għaldaqstant, xejn f’din id-Deċiżjoni Qafas ma jista’ jkun interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi t-tixrid ta’ informazzjoni għal finijiet xjentifiċi, akkademiċi jew ta’ rappurtar. L-espressjoni ta’ fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, inkluż it-terroriżmu, ma tidħolx fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, tad-definizzjoni ta’ provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi,

(15) Inċitament pubbliku sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet terroristiċi u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi huma delitti intenzjonali. Għaldaqstant, xejn f’din id-Deċiżjoni Qafas ma jista’ jkun interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi t-tixrid ta’ informazzjoni għal finijiet xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi jew ta’ rappurtar. L-espressjoni ta’ fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, inkluż it-terroriżmu, ma tidħolx fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, tad-definizzjoni ta’inċitament pubbliku sabiex jitwettqu reati terroristiċi,

Ġustifikazzjoni

L-istess ġustifikazzjoni tal-emenda 2.

Barra minn hekk it-tixrid ta’ produzzjonijiet artistiċi għandu jgawdi mill-istess protezzjoni bħal ma jgawdi t-tixrid ta’ informazzjoni għal raġunijiet xjentifiċi, akkademiċi jew ta’ rappurtaġġ.

Emenda  10

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Premessa 15 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(15 a) Il-kriminalizzazzjoni tal-atti elenkati f’din id-Deċiżjoni Qafas għandha titwettaq b’tali mod li jkun proporzjonat mal-għanijiet leġittimi mixtieqa, meħtieġa u xierqa f’soċjetà demokratika, u nondiskriminatorju. B’mod partikulari, dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Emenda  11

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 (ġdid)

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 1 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) L-Artikolu 1(2) jiġi emendat kif ġej:

 

"2. Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex ikollha l-effett li tibdel l-obbligu li jkunu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif inhuma ggarantiti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.”

Emenda  12

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1)

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) "provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku" tfisser id-distribuzzjoni, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ messaġġ lill-pubbliku, bl-intenzjoni tal-inċitazzjoni tat-twettiq ta’ wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), fejn din il-imġiba, kemm jekk tippromwovi direttament reati terroristiċi kif ukoll jekk le, tikkaġuna periklu li jista’ jitwettaq reat wieħed jew aktar.

(a) (a)"inċitament pubbliku sabiex jitwettaq reat terroristiku" tfisser id-distribuzzjoni, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ messaġġ lill-pubbliku li għandu għan ċar u intenzjonat li jippromwovi it-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h), fejn din l-imġiba b'mod ċar u bla dubju tikkaġuna periklu li jista’ jitwettaq reat wieħed jew aktar bħal dawn;

Emenda  13

Proposta għal deċiżjoni-qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt (b)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) "ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu" jfisser li wieħed ifittex persuna oħra sabiex twettaq wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1), jew fl-Artikolu 2(2).

(b) "reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu" tfisser li wieħed intenzjonalment ifittex persuna oħra sabiex twettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h), jew fl-Artikolu 2(2);

Ġustifikazzjoni

Jidher loġiku li jkun eskluż punt (i) tal-Artikolu 1(1) (u għalhekk li ssir referenza biss għall-punti (a) sa (h)) minħabba li huwa diffiċli ħafna li wieħed jimmaġina li reklutaġġ għal skop terroristiku jista’ jkollu bħala għan it-theddida li jitwettaq reat terroristiku.

Emenda  14

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt (c)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) "it-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu" jfisser li tiġi pprovduta struzzjoni dwar kif isiru jew jintużaw l-isplussivi, l-armi tan-nar jew armi oħra jew is-sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew dwar metodi u tekniki oħra speċifiċi, għall-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1), bix-xjenza li l-ħiliet ipprovduti jkunu maħsuba biex jintużaw għal dan l-iskop.

(c) "it-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu" jfisser li tiġi pprovduta struzzjoni dwar kif isiru jew jintużaw l-isplussivi, l-armi tan-nar jew armi oħra jew is-sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew dwar metodi u tekniki oħra speċifiċi, għall-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), bix-xjenza li l-ħiliet ipprovduti jkunu maħsuba biex jintużaw għal dan l-iskop.

Ġustifikazzjoni

Jidher loġiku li jkun eskluż punt i) tal-Artikolu 1 (1) (u għalhekk li ssir referenza biss għall-punti a) sa h)) minħabba li huwa diffiċli ħafna li wieħed jaħseb li taħriġ għal skop terroristiku jista’ jkollu bħala għan il-periklu li jitwettaq reat terroristiku.

Emenda  15

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt d)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) serq aggravat bl-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1);

(d) serq aggravat bl-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1);

Emenda  16

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

-Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt (e)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e) estorsjoni bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1);

(e) estorsjoni bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1);

Emenda  17

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt f)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f) it-tħejjija ta' dokumenti amministrattivi foloz bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h) u l-Artikolu 2(2)(b).

(f) it-tħejjija ta' dokumenti amministrattivi foloz bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h) u l-Artikolu 2(2)(b).

Emenda  18

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 3 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti msemmija f’paragrafu 2(a) sa (c) tal-Artikolu preżenti jkunu kriminalizzati bir-rispett li jixraq għall-obbligi relatati mal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-assoċjazzjoni li permezz tagħhom huma marbuta dawk l-Istati, b’mod partikulari dawk l-obbligi relatati mal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’mezzi oħra tal-midja, u bir-rispett mistenni għall-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, inkluż il-kontenut ta' imejls u tipi oħra ta’ korrispondenza elettronika. Il-kriminalizzazzjoni tal-atti koperti f'paragrafu 2(a) sa (c) m'għandhiex ikollha l-effett li tnaqqas jew tillimita t-tixrid ta' tagħrif għal għanijiet xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi jew ta' rappurtar, l-espressjoni ta' fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu politiku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, inkluż it-terroriżmu.

Emenda  19

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 3 – paragrafu 3 b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3b. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kriminalizzazzjoni tal-atti msemmija f’paragrafu 2(a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu titwettaq b’tali mod li tkun proporzjonali man-natura u ċ-ċirkostanza tar-reat, b’kunsiderazzjoni għall-għanijiet leġittimi segwiti u għall-bżonn tagħhom f’soċjetà demokratika, u għandha teskludi kull forma ta’ arbitrarjetà u kull trattament diskriminatorju jew razzist.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun żgurat bilanċ fit-test, għandha ssir riferenza speċifika għall-prinċipji fundamentali tal-proporzjonalità, in-neċessità u n-nondiskriminazzjoni.

Emenda  20

Proposta għal deċiżjoni qafas – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3

Deċiżjoni qafas 2002/475/ĠAI

Artikolu 9 – paragrafu 1 a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

 

“1a. Kull Stat Membru għandu wkoll jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) (a) sa (c) fejn ir-reat kien immirat lejn jew irriżulta fit-twettiq ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 1 u tali reat irid jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ l-Istat Membru skont xi wieħed mill-kriterji stipulati fil-paragrafu 1(a) sa (e) ta’ dan l-Artikolu."

“1a. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax jew li japplika biss f’każijiet jew f’ċirkostanzi speċifiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’paragrafu 1(d) u (e) fir-rigward tar-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) (a) sa (c) u fl-Artikolu 4 sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu marbuta mar-reati msemmija fl-Artikolu 3 (2)(a) sa (c).

Ġustifikazzjoni

L-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom b’mod extraterritorjali f’dak li jirrigwarda t-tliet tipi ġodda ta’ reati, minħabba li din hija kwistjoni sensittiva ħafna minħabba li tvarja ħafna l-perċezzjoni tagħha minn Stat Membru għall-ieħor. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jiddeċiedu jekk japplikawx jew le r-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 9.

  • [1]  Ara r-reġistru pubbliku tal-Kunsill : http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/08/st08/st08707.mt08.pdf

NOTA SPJEGATTIVA

Kuntest

It-terroriżmu ma feġġx bl-attakki tal-11 ta' Settembru 2001, imma dawn urew lid-dinja l-kobor ta' din it-theddida u qajmu mistoqsijiet ġodda dwar il-mod kif jista' jitwaqqaf.

L-Unjoni Ewropea (UE), li ffissat l-objettiv għaliha nnifisha li toffri liċ-ċittadini tagħha livell għoli ta' sigurtà fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ma qagħditx tistenna biex tirreaġixxi. Fuqu jiddependu s-sigurtà tal-500 miljun abitant tagħha, u anke d-difiża tal-valuri u l-prinċipji essenzjali li fuqhom hi msawra l-Unjoni. Għalhekk ġiet adottata sensiela sħiħa ta' miżuri fix-xhur ta' wara l-attakki ta' New York, fosthom id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (intenzjonata biex tqarreb id-definizzjonijiet tal-infrazzjonijiet terroristiċi fid-diversi Stati Membri u biex jiġi garantit li jiġu previsti sanzjonijiet adattati fir-rigward tal-persuni naturali u legali li jkunu l-awturi jew ir-responsabbli għal infrazzjonijiet ta' dan it-tip).

Minn dak iż-żmien ’l hawn l-UE ripetutament esperjenzat it-traġedji fit-territorju tagħha bħala riżultat tal-attività terroristika (f’Madrid f’Marzu 2004, f’Londra f’Lulju 2005). Dan il-fatt ta spinta lill-UE biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiġġieled kontra attività bħal din u żżommha milli ssir.

Biċċa xogħol li saret bil-wisq aktar diffiċli peress li l-għodda u l-metodi użati mit-terroristi ġġeddu u ġew iddiversifikati.

L-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u b'mod partikulari tal-internet, lil dawn fil-fatt offrielhom palk globali awtentiku li minnu huma jistgħu jxerrdu, bi spiża u riskju minimi, messaġġi ta' propaganda u anke istruzzjonijiet għall-użu u gwidi ta' taħriġ online.

Biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jaffrontaw b'mod aktar effiċjenti lil dan it-terroriżmu modern u l-modus operandi l-ġdid tiegħu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-2002[1] u l-allinjament tagħha għal mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-2005,[2] speċifikament l-inklużjoni fil-kunċett ta' terroriżmu ta' ċertu atti ta' tħejjija speċifiċi: il-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet terroristiċi u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi.

Pożizzjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur tifraħ bir-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra r-reklutaġġ u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi u tikkunsidra li jingħata valur miżjud reali jekk din l-azzjoni tiddaħħal fil-qafas istituzzjonali integrat tal-UE (bla proċeduri twal ta' firma u ratifika), jekk għal dawn l-atti ta' tħejjija speċifiċi jiġi previst reġim ġuridiku uniformi fir-rigward tan-natura u tal-livell tas-sanzjonijiet penali, u jekk ikun permess li jiġu applikati għalihom il-mekkaniżmi ta' koperazzjoni tal-UE li jirreferu għad-Deċiżjoni Qafas tal-2002[3].

Ir-rapporteur tqis madankollu li l-proposta tal-Kummissjoni, li tipprevedi l-kriminalizzazzjoni tal-"provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku", tista' tinvolvi riskji għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali peress li hawnhekk m'humiex se jkunu sanzjonati biss ir-reati terroristiċi nfushom, imma anke l-kliem jew il-kitbiet li jista' jkollhom bħala effett it-twettiq ta' reat terroristiku jew sempliċiment ikunu suxxettibbli li jkollhom tali effett.

Issa, fil-fehma tar-rapporteur, din il-proposta ma tippermettix, hekk kif inhi, la li tiġi definita b'mod ċar u preċiż biżżejjed l-imġiba li għandha tiġi kkriminalizzata, u lanqas li jkun hemm rispons bl-istess mod għaż-żewġ objettivi li ma tistax tinħall ir-rabta ta' bejnithom, li huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. U meta wieħed iqis il-limitu, ġieli fil-prattika bla saħħa, bejn il-libertà ta' espressjoni u l-ksur tad-dritt, ir-rapporteur tibża' li dawn in-nuqqasijiet jistgħu jitftħu t-triq għal abbużi.

Għalhekk qed tissuġerixxi f'dan l-abbozz ta' rapport ċertu għadd ta' modifiki intenzjonati biex jerġgħu jekwilibraw lit-test tal-Kummissjoni u biex itejbu l-livell ta' sigurtà legali tiegħu. Din il-ħidma hi msawra prinċipalment fuq il-punti li ġejjin: il-kunċett ta' "provokazzjoni pubblika" u d-definizzjoni tiegħu, il-garanziji f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tal-libertajiet fundamentali, il-kriminalizzazzjoni ta’ kwalunkwe tentattiv ta’ twettiq ta’ xi wieħed mit-tliet reati ġodda u r-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli għal dawn tal-aħħar.

Il-kunċett ta' "provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku"

Ir-rapporteur hi tal-opinjoni li hemm bżonn li tiġi definita ulterjurment id-definizzjoni tal-"provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku". Jidhrilha li l-ewwel nett it-terminu nnifsu ta' "provokazzjoni", meta wieħed iqis id-definizzjoni mċajpra tiegħu, hu suxxetibbli li jwassal għal konfużjoni u li għalhekk hu mixtieq li jiġi sostitwit b'dak ta' "inċitament", li attwalment jintuża aktar fil-lingwaġġ penali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet il-kunċett ta' "inċitament pubbliku għall-vjolenza jew il-mibgħeda" fil-proposta[4] taghħa għal Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (għażla li għamel ukoll il-Kunsill fil-linja gwida tiegħu tas-26 ta' Frar 2008[5] ).

Imbagħad, fir-rigward tal-kontenut tad-definizzjoni, ikun xieraq, skont ir-rapporteur, li l-firxa ta' mġiba li tista' tkun kriminalizzata tiġi delinjata b'mod aktar strett. Hi tqis ukoll li l-imġiba kkonċernata għandha toħloq periklu "ta' vera" – u mhux sempliċiment wieħed ipotetiku – li jitwettaq reat terroristiku, jew fi kliem ieħor, għandha teżisti rabta stretta biżżejjed bejn l-inċitament u l-eventwalità li jitwettaq att terroristiku.

Is-salvagwardji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali

Ir-rapporteur tappoġġja bis-sħiħ li jiġu introdotti, fil-parti tat-test li tinkludi d-dispożizzjonijiet legali, klawżoli ta' salvagwardja ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-prevenzjoni tat-terroriżmu.

Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni ħadet kważi kelma b'kelma fil-proposta tagħha d-definizzjonijiet ta' "provokazzjoni pubblika", ta' "reklutaġġ" u ta' "taħriġ" inklużi f'din il-Konvenzjoni, ħalliet barra l-gwidi previsti fl-Artikolu 12, li l-Kunsill tal-Ewropa nnifsu jikkunsidra għaldaqstant li ma jistgħux jiġu sseparati minn dawn ir-reati peress li huma essenzjali għall-interpretazzjoni tagħhom.

Ir-rapporteur tixtieq tagħmel tajjeb għal din l-omissjoni u n-nuqqas ta' ekwilibriju li jirriżulta minnha billi tintroduċi fil-korp tat-test dispożizzjonijiet ġodda intenzjonati biex, minn naħa, ifakkru lill-Istati Membri fil-ħtieġa li tiġi rispettata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-obbligi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertà ta' espressjoni u mal-libertà ta' assoċjazzjoni, u min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn ir-reati għandhom ikunu proporzjonati "fir-rigward tal-għanijiet leġittimi li jkunu qed jiġu segwiti u tal-ħtieġa tagħhom f'soċjetà demokratika" u jeskludu kull forma ta' arbitrarjetà, ta' trattament diskriminatorju jew razzista.

Klawżoli ta' salvagwardja ta' dan it-tip huma, fil-fehma tar-rapporteur, fl-istess ħin indispensabbli f'termini ta' sigurtà legali għaċ-ċittadini Ewropej u f'termini ta' koerenza meta mqabblin mal-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-kriminalizzazzjoni ta’ tentattivi

Fuq din il-kwistjoni, ir-rapporteur qegħda fuq l-istess linja bħall-Kummissjoni li, fl-Artikolu 4(2) tal-proposta tagħha, teskludi kull obbligu ta' kriminalizzazzjoni ta’ tentattiv li jitwettaq wieħed mit-tliet reati ġodda previsti fl-Artikolu 3(2)(a) sa (c).

Fi ħdan il-Kunsill, il-kriminalizzazzjoni ta’ tentattiv ta’ ‘reklutaġġ’ u ta’ tentattiv ta’ ‘taħriġ’ madankollu ġiet diskussa – peress li xi wħud mill-Istati Membri huma favur u oħrajn huma kontra. (Tentattiv ta’ ‘provokazzjoni pubblika’ huwa ħaġa li diffiċli tikkonċepixxiha, għalhekk il-possibilità li jkun iddikjarat bħala reat kriminali tneħħiet mill-ewwel.) L-arranġament li finalment ġie adottat mill-Kunsill fil-linja gwida tiegħu tat-18 ta’ April 2008 (kif ukoll mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu) huwa dak ta’ kriminalizzazzjoni fakultattiva ta’ tentattiv ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ.

Għar-rapporteur, għalkemm din is-soluzzjoni hija aktar raġonevoli mill-kriminalizzazzjoni obbligatorja li qed jipproponu ċerti Stati Membri, hu preferibbli li tkun aċċettata l-formulazzjoni tal-Kummissjoni u għalhekk li ma jitressqux emendi dwar dan il-punt.

Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli għar-reati l-ġodda

Ir-rapporteur, bħall-Kunsill, tqis li l-paragrafu 1a l-ġdid li ġie inkorporat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas hu eżaġerat u għalhekk m'għandux jinżamm.

Hi lanqas taqbel mal-idea li tkun imposta fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom b'mod estraterritorjali f'dak li jirrigwarda t-tliet reati l-ġodda, peress li hi kwistjoni estremament sensittiva li l-perċezzjoni tagħha tvarja bil-kbir minn Stat Membru għal ieħor, Tipproponi għalhekk li l-Istati Membri titħallielhom l-għażla jekk japplikawx jew le r-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 9. F’kull każ dan hu li kien ġie propost inizjalment minn għadd ta’ delegazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill.

Konklużjoni

Ir-rapporteur tieħu t-theddida terroristika bis-serjetà ħafna u tinsab imħassba dwar iż-żieda enormi f'dawn l-aħħar snin fil-għadd ta' siti ta' propaganda terroristika (li attwalment jgħoddu madwar 5000) u dwar l-impatt li dawn is-siti jistgħu jkollhom, b’mod partikulari f’dak li jirrigwarda r-radikalizzazzjoni ta' mġiba u ta' reklutaġġ għall-kawża terroristika.

Hi tqis madankollu li, għalkemm hu essenzjali li tiġi affrontata din il-problema, hemm bżonn ta' viġilanza partikulari fir-rigward tal-mod ta' kif dan għandu jsir, peress li f’qasam daqstant sensittiv hemm ir-riskju li l-isforzi biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej fil-prattika jirriżultaw f’restrizzjonijiet tad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk l-istess ċittadini. Il-prijorità ewlenija tagħha hi għalhekk li jitfassal test ekwilibrat u legalment ċar li jkun jippermetti l-konċiljazzjoni ta' effikaċja akbar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ma' livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

  • [1]  ĠU L 164, 22.6.2002, p.3-7
  • [2]  http://conventions.coe.int/Treaty/MT/Treaties/Html/196.htm
  • [3]  Pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22–24)
  • [4]  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2001:0664:FIN:MT:PDF
  • [5]  http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st16/st16771.mt07.pdf

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI  (3.6.2008)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu
(COM(2007)0650 – C6‑0466/2007 – 2007/0236(CNS))

Rapporteur għal opinjoni: Luis de Grandes Pascual

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA fi żmienha kienet ġrajja importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE. Bis-saħħa tagħha kienet armonizzata d-definizzjoni tat-terroriżmu, u l-pieni applikabbli għalih, fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni, bl-għan li taġġorna l-istrumenti legali disponibbli u, fuq kollox, bl-intenzjoni ċara li tistabbilixxi qafas legali xieraq għaċ-ċiberterroriżmu, ressqet proposta biex timmodifika d-Deċiżjoni Qafas. Il-proposta tal-Kummissjoni żżid tliet reati mat-test oriġinali:

§ il-provokazzjoni pubblika għat-twettiq ta' reati terroristiċi,

§ ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, u

§ it-taħriġ tat-terroristi.

Il-Kummissjoni bbażat ruħha fil-biċċa l-kbira fuq il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, li, fost affarijiet oħra, tipprevedi dawn it-tliet tipi ta' reati. Minkejja l-apparenzi, l-inklużjoni ta’ dawn it-tliet tipi ta’ reati hija bla dubju valur miżjud għaliex twessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas:

§ l-ewwel nett, id-definizzjoni ta’ “attività terrorista” prevista fid-Deċiżjoni Qafas hija iktar wiesgħa u kompluta minn dik derivata mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Pereżempju, l-ebda waħda mill-konvenzjonijiet tan-NU li din tagħmel referenza għalihom ma tkopri l-mewt taċ-ċivili kkawżata minn armi tan-nar (jissemmew biss l-isplussivi[1]); u

§ it-tieni nett, ir-reġim legali stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas hu komplut ħafna u jinkludi, pereżempju, reġim ta’ sanzjonijiet li se jkun applikat awtomatikament għat-tliet tipi ta’ reati msemmija hawn fuq.

Madankollu, hu essenzjali li l-Istati Membri jirratifikaw mill-iktar fis possibbli l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, ladarba l-applikazzjoni, b’mod paralleli u kkombinat, ta’ dawn iż-żewġ strumenti toffri l-aħjar garanziji għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

F’dak li jikkonċerna l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, hu kurċjali li wieħed jippreċiża mill-bidu nett li bil-qafas ġuridiku attwali, dawn id-drittijiet, u b'mod partikolari l-libertà ta' l-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, huma garantiti bis-sħiħ, kemm fil-livell tad-Deċiżjoni Qafas (Artikolu 1(2)), kemm ta' l-Unjoni Ewropea (Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE), u kemm permezz tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li l-prinċipji u l-każistika tagħha japplikaw għall-UE. Mhux xogħol żejjed li jsiru preċiżjonijiet fid-Deċiżjoni Qafas, b'insistenza fuq il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ assoċjazzjoni u billi tissemma’ l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, hu essenzjali li wieħed jagħmilha ċara li, minnha nnifisha, is-sistema legali ta' l-UE tipproteġi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem. Kwalunkwe sforz biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun kontrapposta għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem (fejn wieħed jingħata x'jifhem li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' ssir biss b'detriment għad-drittijiet tal-bniedem) irid ikun skartat b'mod enfatiku: mhux talli dawn l-objettivi m'humiex inkompatibbli, iżda talli l-ġustifikazzjoni suprema tal-ġlieda kontra t-terroriżmu hija d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. Din id-dikotomija hija artifiċjali, legalment żbaljata u politikament perikoluża.

Fl-aħħarnett, f’dak li jikkonċerna t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, huwa ssuġġerit li anke l-attentat li wieħed jipprovdi taħriġ bħal dan ikun meqjus bħala reat, ladarba l-possibilità li wieħed jiskopri u jżarma infrastrutturi ta' taħriġ qabel dawn jintużaw hija waħda reali u trid tkun prevista.

Kollox ma' kollox, għalkemm tista' tittejjeb, il-proposta tal-Kummissjoni hija rilevanti għaliex tikkostitwixxi progress notevoli biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE ssir b'mod iktar effettiv. Hu importanti li wieħed jissottolinja li l-proposta tal-Kummissjoni se tippermetti lill-Istati Membri mhux biss li jiġġieldu kontra ċ-ċiberterroriżmu imma wkoll li jinnewtralizzaw kull tip ta’ messaġġ pubbliku li jikkostitwixxi provokazzjoni pubblika jew apoloġija għat-terroriżmu, permezz ta’ kwalunkwe mezz jew fi kwalunkwe post.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, u suġġetta għall-modifiki proposti f'dan ir-rapport, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tingħata appoġġ.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Proposta għal deċiżjoni – att li jemenda

Premessa 4 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4a) Għalkemm il-ġlieda kontra ċ-ċiberterroriżmu hija prijorità, hu xieraq li l-provokazzjoni pubblika ssir reat fl-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni wkoll minħabba n-neċessità li jkun newtralizzat kwalunkwe tip ta' messaġġ pubbliku li jikkostitwixxi provokazzjoni pubblika jew apoloġija tat-terroriżmu, permezz ta’ kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe post.

Emenda  2

Proposta għal deċiżjoni – att li jemenda

Premessa 12 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12a) Il-modifiki li jinsabu f'din il-proposta jikkomplementaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu tas-16 ta’ Mejju 2005, u, għaldaqstant, hu indispensabbli li, b’mod parallel mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri kollha jirratifikaw din il-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli.

Ġustifikazzjoni

Bla ebda dubju jkun utli li jiddaħħlu r-reati previsti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa fil-qafas ġuridiku ta' l-Unjoni, b'mod speċifiku fid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA, għaliex dan jippermetti li dawn ir-reati jiddaħħlu f'qafas legali iktar komplut. Madankollu, hu neċessarju li l-Istati Membri jirratifikaw din il-Konvenzjoni, ladarba d-Deċiżjoni Qafas mhix maħsuba biex toħdilha postha. L-applikazzjoni, b’mod parallel, taż-żewġ strumenti se tiggarantixxi protezzjoni iktar b'saħħitha kontra t-terroriżmu, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi li huma membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa.

Emenda  3

Proposta għal deċiżjoni – att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 (ġdid)

Deċiżjoni 2002/475/JHA

Artikolu 1 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1. L-Artikolu 1(2) jinbidel b'dan li ġej:

 

"2. Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandux ikollha bħala konsegwenza l-bidla fl-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif garantiti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari l-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ l-espressjoni.

Ġustifikazzjoni

Hemm bżonn li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas jiġi aġġornat billi jagħmel referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-UE. Hemm bżonn ukoll li wieħed jinsisti fuq iż-żewġ libertajiet fundamentali li jistgħu jiddgħajfu minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni Qafas: il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ l-espressjoni.

Emenda  4

Proposta għal deċiżjoni – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Deċiżjoni 2002/475/JHA

Artikolu 4 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

"Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li t-tentattiv li jitwettaq xi reat elenkat fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3, bl-eċċezzjoni tal-pussess kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(f) u r-reati msemmija fl-Artikolu1(1)(i) u l-Artikolu 3(2)(a) sa (c), ikunu punibbli."

"Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li t-tentattiv li jitwettaq xi reat elenkat fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3, bl-eċċezzjoni tal-pussess kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(f) u r-reati msemmija fl-Artikolu1(1)(i) u l-Artikolu 3(2)(a) u (b), ikunu punibbli."

Ġustifikazzjoni

Hu neċessarju li t-tentattiv ta' taħriġ għat-terroriżmu jitqies bħala reat fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE. Il-possibilità li wieħed jiskopri u jżarma infrastrutturi ta' taħriġ qabel dawn jintużaw hija waħda reali, mhix assolutament possibilità remota, u trid tkun prevista.

PROĊEDURA

Titolu

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Referenzi

COM(2007)0650 – C6-0466/2007 – 2007/0236(CNS)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

11.12.2007

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Luis de Grandes Pascual

19.12.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

8.4.2008

28.5.2008

 

 

Data ta' l-adozzjoni

29.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Piia-Noora Kauppi, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Luis de Grandes Pascual, Sajjad Karim, Georgios Papastamkos, Jacques Toubon

  • [1]  Ara l-anness tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

PROĊEDURA

Titolu

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Referenzi

08707/2008 – C6-0211/2008 – COM(2007)0650 – C6-0466/2007 – 2007/0236(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

10.12.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

11.12.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

11.12.2007

JURI

11.12.2007

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

27.11.2007

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Roselyne Lefrançois

29.11.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

27.2.2008

29.5.2008

15.7.2008

 

Data ta’ l-adozzjoni

15.7.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Catherine Boursier, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Carlos Coelho, Esther De Lange, Gérard Deprez, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Viktória Mohácsi, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bill Newton Dunn, Maria Grazia Pagano, Eva-Britt Svensson

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioannis Kasoulides