RAPPORT dwar “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2006” skond l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità
17.9.2008 - (2008/2045(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Manuel Medina Ortega
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2006” skond l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007, dwar Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea: l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-13-il Rapport[1] (COM(2006)0289),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar strateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju [3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet ġuridiċi u istituzzjonali għar-rikors għall-istrumenti ġuridiċi mhux vinkolanti (soft law[4],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni – "Leġiżlazzjoni Aħjar 2006" skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità (l-14-il Rapport) (COM(2007)0286),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-Tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea" (COM(2008)0032),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni – "It-tieni rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju" (COM(2008)0033),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni intitolat "Azzjonijiet immedjati 2008 għal tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea" (COM(2008)0141),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu "Li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea – rapport tal-progress 2007 u perspettivi tal-2008" (COM(2008)0035),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0355/2008),
A. billi l-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ispirat minn kriterji ta’ ċarezza u effikaċja,
B. billi t-titjib tal-proċeduri regolatorji għandhom jagħtu kontribut għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni,
C. billi l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità huma prinċipji ewlenin tal-liġi primarja u, f'oqsma fejn il-Komunità m'għandhiex is-setgħa leġiżlattiva esklużiva, dawn għandhom jiġu rispettati assolutament,
D. billi l-applikazzjoni korretta tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità tikkontribwixxi b’mod fundamentali biex tkun konsolidata l-awtorità u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu f'livell eqreb lejn iċ-ċittadini, u b'hekk, fl-aħħar mill-aħħar, ikun żgurat li l-Unjoni tintlaqa' aħjar miċ-ċittadini, u billi dawn il-prinċipji huma indispensabbli biex jilleġitimizzaw l-opportunità u l-ambitu tal-azzjoni Komunitarja, safejn dawn jippermettu li l-Istati Membru jeżerċitaw is-setgħat leġiżlattivi tagħhom, fi spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern, u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà legali,
E. billi bħalissa l-iżvilupp tat-tfassil tal-liġijiet Komunitarji huwa suġġett għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-koordinazzjoni mal-awtoritajiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji nazzjonali biex tkun żgurata kemm in-neċessità kif ukoll il-legalità tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea,
F. billi l-Kummissjoni tinsisti fuq sensiela ta’ fatturi sinifikanti involuti fit-titjib tar-regolamentazzjoni tal-Unjoni, bħall-evalwazzjonijiet tal-impatt, it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi u l-issimplifikar, it-titjib u l-aġġornament tar-regoli eżistenti,
G. billi l-Kummissjoni tagħti importanza f'dan ir-rigward lill-ħolqien ta’ djalogu miftuħ maż-żewġ naħat tal-industrija u mal-leġiżlaturi nazzjonali;
H. billi fl-"Ewwel rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju” (COM(2006) 690) tagħha, il-Kummissjoni ħabbret madwar 50 inizjattiva ta’ kodifikazzjoni għall-2006, iżda biss 36 minnhom kienu fil-fatt trażmessi lill-Parlament, waqt li 200 inizjattiva ta’ kodifikazzjoni kienu mħabbra għall-2007, u 21 biss tressqu quddiem il-leġiżlatur,
I. billi fil-Programm tagħha li jiġġedded ta’ simplifikazzjoni anness mat-"Tieni rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju", il-Kummissjoni tittratta r-reviżjoni u r-riformulazzjoni tar-regolamenti fis-seħħ f'oqsma varji (effiċjenza enerġetika tal-binjiet, avjazzjoni ċivili eċċ.) bħala ekwivalenti,
J. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta programm ta’ azzjoni bl-għan li minn issa sal-2012 jonqos b’25% il-piż amministrattiv fuq l-impriżi fl-UE, u billi, għal dan il-għan, ressqet sensiela ta’ azzjonijiet rapidi relatati ma’ diversi setturi leġiżlattivi,
1. Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li tnaqqas il-piż leġiżlattiv, inkluża t-tneħħija ta’ leġiżlazzjoni li mhijiex meħtieġa, li xxekkel it-tkabbir u timpedixxi l-innovazzjoni; jenfasizza li sforzi akbar huma meħtieġa f'numru ta' oqsma biex jiġi żgurat li jittieħed il-massimu fi profitt ekonomiku mil-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;
2. Jippromwovi leġiżlazzjoni msejsa fuq il-prinċipji u ffukata fuq il-kwalità aktar mill-kwantità; jara d-dibattitu dwar "ir-regolamentazzjoni aħjar" bħala okkażjoni tajba biex wieħed jirrifletti dwar il-leġiżlazzjoni bħala proċess imfassal biex jinkisbu għanijiet ta' politika definiti b'mod ċar billi tiġi mtejba l-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex tiffavorixxi t-tkabbir u l-impjiegi u billi timpenja u tinvolvi lill-partijiet interessati kollha fil-fażijiet kollha tal-proċess mill-preparazzjoni sal-infurzar;
3. Jenfasizza, fil-kuntest tal-isforzi favur it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-importanza tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità kemm fit-tnaqqis tal-piż burokratiku żejjed fuq l-Istati Membri u dawk affettwati mil-leġiżlazzjoni u biex iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jilqgħu aktar il-miżuri li, b'konformità maż-żewġ prinċipji, jistgħu jittieħdu biss fil-livell Komunitarju;
4. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex ikun issimplifikat l-acquis Komunitarju;
5. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proċeduri mtejba tal-Kummissjoni għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati waqt it-tfassil tal-proposti leġiżlattivi tagħha, u jinnota r-reazzjonijiet ġeneralment pożittivi ta' dawk li kienu kkonsultati waqt l-evalwazzjoni tal-mod kif il-Kummissjoni ħeġġet il-parteċipazzjoni tagħhom;
6. Jiddispjaċih li minkejja t-titjib fil-proċeduri, il-Kummissjoni għadha tħejji dokumenti separati relatati mas-simplifikazzjoni u 't-tfassil aħjar tal-liġijiet', li fihom listi ta' strateġiji għas-simplifikazzjoni li mhumiex l-istess, ħaġa li ma tippermettix viżjoni ġenerali tal-istrateġija; jinsisti li jeħtieġ li tkun evitata l-proliferazzjoni ta’ dawn id-dokumenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħejji dokument wieħed kull sena; jenfasizza li għandu jkun hemm evalwazzjoni politika u kooperazzjoni tajba fil-livell tal-Unjoni Ewropea, speċjalment permezz ta' sforzi mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;
7. Jemmen li l-evalwazzjonijiet tal-impatt objettivi huma għodda importanti għall-evalwazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni u għalhekk jitlob li jkun hemm skrutinju estern u indipendenti fuq kif isiru l-evalwazzjonijiet tal-impatt;
8. Iqis li l-konsultazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-impatt huma essenzjali għall-abbozzar aħjar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li dawn m'għandhom la jżidu mal-burokrazija u lanqas joħolqu ostakoli burokratiċi li jwaqqfu lill-Kummissjoni milli taġixxi, iżda li minflok għandhom jgħinu biex jiġi stabbilit qafas legali sod li jwassal għat-tkabbir fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
9. Jenfasizza l-bżonn ta' analiżi tal-benefiċċji f’termini ta’ nfiq li tirrifletti l-istrutturi tal-ispiża regolatorja meta d-direttivi jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u li jbiddlu l-qafas regolatorju li fih joperaw il-kumpaniji u l-individwi; huwa konxju, madankollu, li din l-analiżi tal-benefiċċji f'termini ta' nfiq ma tiħux post id-dibattiti politiċi dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' leġiżlazzjoni partikulari;
10. Huwa tal-fehma li, meta jipproponu l-emendi tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill għandhom iqisu kemm l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kif ukoll dawk tagħhom stess sabiex itejbu l-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni;
11 Huwa tal-fehma wkoll li l-evalwazzjonijiet tal-impatt oġġettivi għandhom ikunu bbażati parzjalment fuq konsultazzjoni bikrija u wiesgħa ma' partijiet interessati; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora fl-evalwazzjonijiet tal-impatt tagħha serje komprensiva ta' xenarji u għażliet ta' politika (fosthom, jekk ikun meħtieġ, l-għażla li ma tittieħed l-ebda azzjoni) bħala bażi għal soluzzjonijiet sostenibbli u effikaċi meta jitqabblu man-nefqa li ssir;
12. Jittama li l-inklużjoni tal-previżjoni tal-ispejjeż amministrattivi fl-evalwazzjonijiet ta’ impatt isservi biex titjieb il-kwalità tagħhom;
13. Jenfasizza l-importanza li tkun riveduta l-evalwazzjoni politika mwettqa, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini bħall-Parlament, jew mill-entitajiet li jirrappreżentaw korpi lokali u soċjali bħall-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rispettivament;
14. Jesprimi d-dubji tiegħu dwar l-opportunità li titħeġġeġ l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni li tista’ tispiċċa tinbidel f’forma ta' 'astinenza leġiżlattiva' li tinkoraġġixxi biss lill-gruppi li jagħmlu pressjoni u lill-atturi b'saħħtihom fix-xena ekonomika; għaldaqstant, jappoġġa l-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-regolamenti għadhom l-aktar forma sempliċi għall-kisba tal-għanijiet tal-UE u sabiex ikun hemm sigurtà legali għall-impriżi u ċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċ aktar koerenti f’dan ir-rigward;
15. Jenfasizza li miżuri li mhumiex leġiżlattivi għandhom jirrispettaw il-bilanċ tal-poter u l-irwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet; irid li l-Parlament jagħti kontribut għaqli u koerenti għal miżuri bħal dawn, fuq il-bażi tal-esperjenza; jenfasizza l-bżonn ta' approvazzjoni politika għal miżuri innovattivi bħal dawn;
16. Jemmen li jeħtieġ tissaħħaħ is-sistema regolatorja formali tal-Unjoni Ewropea fit-termini stipulati fit-Trattati u li għandu jkun evitat il-qtugħ ta' kantunieri anke permezz ta’ leġiżlazzjoni informali li ma tkunx torbot;
17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħadet passi sabiex ittemm id-dewmien fit-traduzzjoni fil-lingwi l-ġodda tal-UE tat-testi li qed jiġu kkodifikati; jiddeplora l-fatt li, minkejja li tħabbru madwar 50 inizjattiva ta’ kodifikazzjoni għall-2006 u madwar 200 għall-2007, il-Kummissjoni ressqet biss 36 u 21 proposta rispettivament quddiem il-Parlament;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkun konformi mal-listi ppubblikati ta’ kodifikazzjonijiet u ta’ riformulazzjoni, billi tressaq quddiem il-leġiżlatur, safejn ikun possibbli, l-inizjattivi kollha mħabbra, u tispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta' dawk li ma tressqux; jenfasizza li r-rieda tajba tal-Parlament Ewropew dehret permezz tar-riforma tal-Artikoli 80 u 80a tar-Regoli ta’ Proċedura, li jippermettu li dawn l-inizjattivi għas-simplikazzjoni jkunu adottati b'mod aktar rapidu u sempliċi;
19. Ifakkar ukoll lill-Kummissjoni li l-inizjattivi ta’ kodifikazzjoni u ta' riformulazzjoni jiġu adottati mill-Parlament Ewropew f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u li, safejn jista' jkun hemm skadenzi itwal fir-rigward ta' inizjattivi ta' simplifikazzjoni oħra, dan huwa dovut għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet huma proposti leġiżlattivi ordinarji, li bħala tali huma suġġetti għall-proċedura normali ta’ adozzjoni u għall-iskadenzi tas-soltu;
20. Jikkonferma x-xewqa tiegħu li l-Kummissjoni tadotta r-riformulazzjoni bħala t-teknika leġiżlattiva ordinarja, anke meta tkun proposta r-'reviżjoni' tat-test attwali, bil-għan li jkun hemm, għal kull inizjattiva, viżjoni sħiħa tat-test, inklużi l-emendi speċifiċi, li turi b’mod ċar liema partijiet huma ġodda u liema partijiet baqgħu l-istess;
21. Jistieden fl-istess waqt lill-Kummissjoni sabiex iżżomm f'moħħha li meta r-riformulazzjoni ma tkunx possibbli, it-teknika leġiżlattiva ordinarja għandha tagħmel dispożizzjoni għall-kodifikazzjoni, f’medda ta’ mhux aktar minn sitt xhur, tal-modifiki suċċessivi tal-att leġiżlattiv ikkonċernat; jemmen li, f'konformità mal-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet[5], jistgħu jinħolqu strutturi speċifiċi, flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni, li jipprovdu għal parteċipazzjoni adegwata tal-partijiet interessati, sabiex tkun inkoraġġita s-simplifikazzjoni;
22. Ifakkar li, ladarba l-istrumenti ambigwi u mhux effikaċi tas-soft law jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u fuq il-bilanċ bejn l-Istituzzjonijiet, dawn, għaldaqstant, għandhom jintużaw b’kawtela kbira – sakemm ikun hemm dispożizzjoni għall-użu tagħhom fit-Trattati u b'mod li jkun strettament konsistenti mal-allokazzjoni tal-kompetenzi skond il-liġi primarja – u li, f’kull każ, għandha tkun iggarantita s-sigurtà legali;
23. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tgħaddi l-proposti u d-dokumenti ta’ konsultazzjoni ġodda tagħha direttament lill-parlamenti nazzjonali, sabiex tara r-reazzjoni tagħhom fl-ambitu tal-fażi axxendenti tal-liġi Komunitarja, u b’hekk tantiċipa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona; jappoġġa bis-sħiħ l-importanza ta’ dan it-tip ta' kollaborazzjoni fil-kuntest tat-titjib tal-kwalità u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, b'mod partikolari l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
24. Huwa tal-fehma li t-traspożizzjoni għandha tiġi mmonitorjata b'mod serju u proattiv biex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti u żieda ta' rekwiżiti mhux meħtieġa; irid li l-Kummissjoni jkollha rwol attiv fit-traspożizzjoni, flimkien mal-kontrolluri u l-gruppi tal-esperti, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f'dak nazzjonali, ladarba analiżi bikrija tista' tevita dewmien u piżijiet żejda fuq l-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga liema miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu biex timpedixxi ż-żieda ta' rekwiżiti mhux meħtieġa, inkluża l-introduzzjoni ta' dritt ta' azzjoni diretta għaċ-ċittadini; jitlob li jsiru 'evalwazzjonijiet tal-impatt ta' segwitu' li janalizzaw kif fil-fatt id-deċiżjonijiet jiġu implimentati fil-livell nazzjonali u dak lokali; jappoġġa l-użu dejjem aktar xieraq tar-regolamenti; jissuġġerixxi, għal darb'oħra, li l-Parlament iwaqqaf proċedura xierqa ta' monitoraġġ tat-traspożizzjonijiet b'koperazzjoni mill-qrib mas-sieħba nazzjonali tiegħu;
25. Jemmen li, sabiex ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali jkunu aktar effiċjenti, hu meħtieġ approċċ komuni għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet standard f'dan ir-rigward bl-għan li jintużaw fit-tħejjija tan-noti spjegattivi li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni, kif stipulat fl-Anness 3 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni SEC(2007)0737;
26. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tal-acquis Komunitarju dwar il-liġi tal-impriżi, il-kontabilità u l-verifika, u jistenna proposti speċifiċi dwar dan mill-aktar fis possibbli;
27. Itenni l-ħtieġa li jonqsu l-piżijiet amministrattivi żejda li l-impriżi jkollhom jissapportu sabiex iwettqu l-obbligi għat-tagħrif stipulati kemm mil-liġi Ewropea kif ukoll mid-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza li l-mira tal-Kummissjoni li jonqos il-piż amministrattiv b'25% sal-2012 għandha tkun mira netta, jiġifieri li t-tnaqqis f'ċerti oqsma m'għandux jiġi mxejjen minn piżijiet amministrattivi ġodda imposti band'oħra; jappoġġa l-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa, u fejn hu possibbli tnaqqas, il-piżijiet amministrattivi ġenerali fuq il-partijiet interessati kollha, anke jekk dawn ma jkunux impriżi;
28. Jenfasizza li huma meħtieġa wkoll aktar sforzi għas-simplifikazzjoni fl-interazzjoni tal-Kummissjoni maċ-ċittadini, pereżempju fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, tas-servizzi finanzjarji, tal-programmi ta' riċerka, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tal-applikazzjonijiet għall-fondi Komunitarji.
29. Ifakkar fl-importanza tal-użu ġudizzjuż ta' 'klawsoli ta' reviżjoni' biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tibqa' rilevanti;
30. Jikkonferma li hu disponibbli li jkompli u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsill u mal-Kummissjoni sabiex ikunu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini u tal-impriżi fil-qasam tal-issimplifikar tal-liġi Komunitarja, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti ta’ azzjoni rapida li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; jenfasizza li, f’kull każ, il-proċess tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jitqassru l-iskadenzi għandu jirrispetta l-esiġenzi tal-proċeduri stipulati fit-Trattati;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (17.7.2008)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar Tfassil aħjar tal-liġijiet 2006 skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
(2008/2045(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Dariusz Rosati
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u biex tnaqqas il-piż leġiżlattiv, inkluża t-tneħħija ta’ leġiżlazzjoni li mhijiex meħtieġa, li xxekkel it-tkabbir u timpedixxi l-innovazzjoni; jenfasizza li sforzi akbar huma meħtieġa f'numru ta' oqsma biex jiġi żgurat li l-profitt ekonomiku massimu jiġi miksub mil-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;
2. Jippromwovi leġiżlazzjoni msejsa fuq il-prinċipji u ffukata fuq il-kwalità aktar mill-kwantità; jara d-dibattitu dwar "regolamentazzjoni aħjar" bħala okkażjoni tajba biex wieħed jirrifletti dwar il-leġiżlazzjoni bħala proċess imfassal biex jinkisbu għanijiet ta' politiki definiti b'mod ċar billi tiġi mtejba l-leġiżlazzjoni Komunitarja biex tiffavorixxi t-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll billi timpenja u tinvolvi l-partijiet interessati kollha fil-fażijiet kollha tal-proċess mill-preparazzjoni sal-infurzar;
3. Iqis li l-konsultazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-impatt huma essenzjali għall-abbozzar aħjar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li dawn m'għandhom la jżidu mal-burokrazija u lanqas joħolqu ostakoli burokratiċi li jwaqqfu lill-Kummissjoni milli taġixxi, iżda li minflok għandhom jgħinu biex jiġi stabbilit qafas legali sod li jwassal għat-tkabbir fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
4. Jenfasizza l-bżonn ta' analiżi tal-benefiċċji f’termini ta’ nfiq li tirrifletti l-istrutturi tal-ispiża regolatorja meta d-direttivi jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u li jbiddlu l-qafas regolatorju li fih joperaw il-kumpaniji u l-individwi; huwa konxju, madankollu, li din l-analiżi tal-benefiċċji f'termini ta' nfiq mhix sostitut għad-dibattiti politiċi dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' leġiżlazzjoni partikulari;
5. Huwa tal-fehma li filwaqt li jipproponu l-emendi tagħhom il-Parlament u l-Kunsill għandhom iqisu kemm l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kif ukoll tagħhom infushom sabiex itejbu l-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni;
6. Huwa tal-fehma li t-traspożizzjoni għandha tiġi mmonitorjata b'mod serju u proattiv biex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti u żieda ta' rekwiżiti mhux meħtieġa; irid li l-Kummissjoni jkollha rwol attiv fit-traspożizzjoni, flimkien mal-kontrolluri u l-gruppi esperti, kemm fil-livell Komunitarju u nazzjonali, ladarba analiżi bikrija tista' timpedixxi dewmien u piżijiet żejda fuq l-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga liema miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu biex timpedixxi ż-żieda ta' rekwiżiti mhux meħtieġa, inkluża l-introduzzjoni ta' dritt ta' azzjoni diretta għaċ-ċittadini; jitlob 'evalwazzjonijiet tal-impatt ta' segwitu' li janalizzaw kif fil-fatt id-deċiżjonijiet jiġu implimentati fl-Istati Membri u fil-livell lokali; jappoġġja l-użu dejjem aktar xieraq tar-regolamenti; jissuġġerixxi, għal darb'oħra, li l-Parlament iwaqqaf proċedura xierqa ta' monitoraġġ tat-traspożizzjonijiet b'koperazzjoni mill-qrib mas-sħab nazzjonali tiegħu;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga alternattivi għal-leġiżlazzjoni li jistgħu jtejbu l-mod ta' kif jaħdem is-suq intern u jiżguraw konverġenza regolatorja u superviżorja, inklużi l-awtoregolamentazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tar-regoli nazzjonali, l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri;
8. Jenfasizza li miżuri li mhumiex leġiżlattivi għandhom jirrispettaw il-bilanċ tal-poter u l-irwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet; irid lill-Parlament jagħmel kontribuzzjoni għaqlija u koerenti ta' dawn il-miżuri, mibnija fuq l-esperjenza; jenfasizza l-bżonn ta' approvazzjoni politika għal dawn il-miżuri innovattivi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tippreżenta l-kisbiet tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv b'25% sal-2012 u fir-rigward ta' sforzi ulterjuri biex jinkiseb dak l-għan miftiehem;
10. Ifakkar fl-importanza tal-użu ġudizzjuż ta' 'klawsoli ta' reviżjoni' biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tibqa' rilevanti;
11. Jenfasizza li aktar sforzi għas-simplifikazzjoni huma meħtieġa wkoll fl-interazzjoni tal-Kummissjoni maċ-ċittadini eż. fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, is-servizzi finanzjarji, il-programmi ta' riċerka, ir-regoli dwar l-għajnuna Statali u l-applikazzjonijiet għall-fondi Komunitarji.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
16.7.2008 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 12 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, David Casa, Manuel António dos Santos, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Guntars Krasts, Andrea Losco, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Joseph Muscat, John Purvis, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Salvador Domingo Sanz Palacio, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dragoş Florin David, Harald Ettl, Werner Langen, Thomas Mann, Gianni Pittella, Bilyana Ilieva Raeva |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
9.9.2008 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Aleksander Czarnecki, Bert Doorn, Monica Frassoni, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Daniel Strož, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sharon Bowles, Vicente Miguel Garcés Ramón, Jean-Paul Gauzès, Georgios Papastamkos, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon, Ieke van den Burg |
|||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Renate Weber |
|||||