RAPPORT dwar il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali
17.9.2008 - (2008/2064(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Jean Marie Beaupuy
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali
(2008/2064INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 158 u 159 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi ta' Koeżjoni[1] (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala r-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali), u b'mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu, bl-isem "Sħubija",
– wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Ewropea ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u l-ewwel Programm ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-istudju tad-dipartiment tematiku tal-Parlament Ewropew dwar il-politika strutturali u ta' koeżjoni bl-isem "Il-governanza u s-sħubija fil-qasam tal-politika reġjonali",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (CotR-...) u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-governanza u s-sħubija (EESC 1177/2008),
– wara li kkunsidra l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bl-isem "Għal evoluzzjoni ekwilibrata tal-ambjent urban: sfidi u opportunitajiet" (EESC 737/2008),
– wara li kkunsidra "Il-Gwida Prattika dwar il-Finanzjament Ewropew għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni" tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra t-tieni ċiklu tal-Programm URBACT (2007-2013), programm Ewropew li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iskambju ta' esperjenzi bejn il-bliet Ewropej, u b'mod partikulari s-seba' netwerks tematiċi ġodda dwar il-governanza,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0356/2008),
A. billi l-interess u l-benessri taċ-ċittadini jinsab fiċ-ċentru tal-politiki nazzjonali u reġjonali Ewropej, u billi livell aħjar ta' governanza u ta' sħubija, bil-għan li jkun stabbilit livell ogħla ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet diversi, hu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej kollha,
B. billi s-soluzzjonijiet prattiċi mistennija minn sħabna ċ-ċittadini rigward is-servizzi pubbliċi (bħat-trasport pubbliku, l-ilma tax-xorb, id-djar soċjali u l-edukazzjoni pubblika) ma jistgħux jinkisbu ħlief bil-governanza t-tajba fil-livell taż-żewġ sistemi komplementari: l-ewwel nett, is-sistema istituzzjonali li tipprevedi li l-kompetenzi u l-baġits jinqasmu bejn l-Istat u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; it-tieni nett, is-sistema tas-sħubija li tgħaqqad parteċipanti pubbliċi u privati differenti li jaqsmu suġġett komuni f'territorju partikulari,
C. billi għandha tiġi enfasizzata d-definizzjoni ta' sħubija kif tidher fir-Regolament Ġenerali Nru 1083/2006 dwar il-Fondi Strutturali, u skond din id-definizzjoni kull Stat Membru għandu jorganizza sħubija mal-awtoritajiet u mal-entitajiet bħal:
a) l-awtoritajiet reġjonali, lokali u urbani kif ukoll awtoritajiet oħra pubbliċi kompetenti;
b) is-sħab ekonomiċi u soċjali;
c) kull entità xierqa oħra li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili, is-sħab ambjentali, NGOs u entitajiet responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
D. billi s-sħubija, li għandha tqis il-komunitajiet u l-gruppi kollha rilevanti, tista' ġġib kemm benefiċċji kif ukoll valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni permezz ta' leġittimità msaħħa, trasparenza garantita u assorbiment aħjar tal-fondi, u wkoll għandha tkun evalwata f'termini tal-valur soċjali u ċiviku li tirrappreżenta,
E. billi parteċipazzjoni qawwija kemm jista' jkun mis-sħab differenti sabiex jitfasslu programmi operattivi tiggarantixxi l-produzzjoni ta' dokument li jqis bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi ta' territorju partikulari u li jaqdi bl-aħjar mod il-ħtiġijiet u jirreaġixxi għall-isfidi ta' dik iz-zona,
F. billi ftehima ta' sħubija msaħħa ma' universitajiet u istituti ta' edukazzjoni terzjarja jew teknoloġika, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-settur privat, jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal strateġiji fi ħdan il-qafas tal-Aġenda ta' Liżbona u l-politiki tal-UE li jittrattaw ir-riċerka u l-innovazzjoni,
G. billi l-kapital soċjali, fl-għamla tal-volontarjat attiv, huwa marbut b'mod pożittiv mat-tkabbir ekonomiku reġjonali u huwa fattur importanti biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali,
H. billi l-parteċipazzjoni mifruxa tas-sħab imsemmija fir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali u l-koperazzjoni aħjar bejn il-parteċipanti mdaħħla fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tippermetti li l-politika ta' koeżjoni ssir aktar effikaċi u żżid l-effett ta' lieva,
I. billi strateġija integrata għandha tqis mhux biss l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp tat-territorji, imma wkoll tfittex li tikkoordina l-interessi tal-parteċipanti differenti kkonċernati li jqisu l-karatteristiċi territorjali, sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-isfidi lokali u reġjonali,
J. billi kemm il-koordinazzjoni aħjar tal-politiki pubbliki differenti, fil-livelli kollha amministrattivi, kif ukoll governanza effikaċi huma indispensabbli biex l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji jibqa' miexi 'l quddiem,
K. billi l-kunċett ta' strateġija integrata issa huwa kkunsidrat bħala ħtieġa u li issa jaqbel li dan il-kunċett jitpoġġa fil-prattika,
L. billi l-politiki strutturali jirrappreżentaw it-tieni l-akbar sehem mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006 u huma l-politiki ewlenin tal-UE għall-perjodu 2007-2013;
M. billi huwa tajjeb li l-parteċipanti kollha fl-awtoritajiet differenti u fl-entitajiet pubbliċi u privati jkunu organizzati biex jaħdmu b'mod aktar effikaċi u aktar trasparenti, mingħajr il-ħtieġa li jiġu trasferiti xi kompetenzi ġuridiċi u bla ma jinħolqu gruppi ġodda, biex kulħadd isir aktar effikaċi bis-saħħa tal-koperazzjoni,
N. billi huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-fażi bikrija tan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni komunitarja u, b'mod partikulari, fil-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett li jmiss tar-regolamentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni,
O. billi l-applikazzjoni tal-kunċett tal-Oqsma tal-Ħajja u tax-Xogħol jinvolvi l-kunsiderazzjoni tat-territorji elementari biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet marbuta b'mod fundamentali mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini (it-trasport, is-servizzi pubbliċi, il-kwalità tal-ħajja, ix-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi lokali, is-sigurtà, eċċ),
P. billi l-ippjanar xieraq ta' territorju jista' jagħti kontribut għal governanza effikaċi,
Q. billi l-fatt li l-parteċipanti li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jkunu kapaċi fl-"immaniġġjar tal-proġett" huwa fattur ewlieni biex titjieb u titħaffef il-governanza,
R. billi jaqbel li fil-futur jinġibdu konklużjonijiet mill-esperimenti tajba li jinvolvu metodi ġodda tal-governanza u s-sħubija, fosthom dawk li diġà ġew esperimentati b'suċċess fil-qafas tal-programmi tal-Fondi Ewropej, bħall-metodu LEADER u l-allokazzjoni globali (b'konformità mal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali),
S. billi l-istrutturi u l-istrateġiji ta' komunikazzjoni xierqa fil-fażijiet kollha (tal-politika, tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni) imfasslin bil-kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jippromwovu t-tixrid tal-informazzjoni fis-saffi kollha tas-soċjetà, jinkoraġġixxu t-trasparenza, is-sehem ta' kulħadd u s-sjieda sħiħa,
Il-Governanza u l-Fondi Komunitarji
1. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-diversi fondi Komunitarji (il-Fondi Strutturali, il-Programm ta' Qafas Komunitarju dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp reġjonali u urban, kif ukoll li jħaffu l-finanzjament integrat;
2. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jużaw iżjed l-istrateġija integrata fil-perjodu attwali tal-programmazzjoni;
3. Jipproponi, fil-kuntest tal-Politika ta' Koeżjoni għall-ġejjieni, li l-prinċipju tal-istrateġija integrata jsir obbligatorju; iqis li l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju għandha titwettaq f'limitu ta' żmien speċifiku;
4. Jipproponi, għall-finijiet tas-simplifikazzjoni u l-effikaċja, li għandu jsir studju biex tkun evalwata l-probabilità li għall-perjodu wara l-2013 jingħaqdu l-fondi Komunitarji differenti, u b'mod partikulari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;
5. Jinnota li proċeduri trasparenti u ċari huma sinjali ta' governanza tajba u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u filwaqt li jitqiesu s-suġġerimenti tal-benefiċjarji potenzjali, biex jeżaminaw bla dewmien, skont limitu ta' żmien iffissat mill-Kummissjoni, kif jistgħu jkunu ssimplifikati u razzjonalizzati l-proċeduri u dwar kif għandhom jinqasmu b'mod aktar ċar ir-responsabilitajiet għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni bil-ħsieb li jonqos il-piż burokratiku tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-użu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Ġenerali tal-Fondi Strutturali, li jippermetti li jsiru kontribuzzjonijiet mhux fi flus għall-proġetti kofinanzjati mill-UE,
Il-Governanza u s-Sħubija
7. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji u tippreżenta lill-Parlament Ewropew evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija għall-Istati Membri fil-kuntest tal-abbozz tal-Oqfsa ta' Referenza Strateġiċi Nazzjonali u tal-programmi operattivi, filwaqt li jiġu identifikati s-suċċessi u l-fallimenti tal-governanza, kif ukoll biex jiġi eżaminat b'mod partikulari kemm tqiesu l-opinjonijiet u l-proposti mressqa mis-sħab fit-tfassil tal-programmi operattivi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ linji ta' gwida li jkun fihom definizzjoni ċara u kriterji tal-evalwazzjoni kif ukoll li jistabbilixxu l-istrumenti, l-għodod u l-prattiki tajba (fosthom għall-għażla tas-sħab) imfassla biex iħaffu l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' sħubija effikaċi bi qbil mal-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali filwaqt li jiġi osservat il-qafas istituzzjonali partikulari għal kull Stat Membru;
9. Jinnota li l-proċess ta' sħubija ma jistax jaħdem ħlief bi ftehimiet ta' sħubija li jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa, u jistieden lill-awtoritajiet amministrattivi biex jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tisħiħ ta' dawn il-kapaċitajiet billi jipprovdu lis-sħab fil-fażi bikrija u bi qbil mal-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, bl-istess informazzjoni li tkun disponibbli għall-awtoritajiet u billi jkunu allokati riżorsi finanzjarji xierqa maħsuba għal għajnuna teknika għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, pereżempju għat-taħriġ, għall-bini ta' kapital soċjali u biex ikun hemm aktar professjonalità fl-attivitajiet tas-sħubija tagħhom;
10. Jiddispjaċih li għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali, l-ebda minimu kwantifikabbli ta' Fondi Strutturali ma kien maħsub biex ikun implimentat il-prinċipju tas-sħubija; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex fil-leġiżlazzjoni tal-ġejjieni jaħsbu għal minimu kwantifikabbli tal-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija;
11. Jinnota l-irwol importanti li għandu l-volontarjat fil-proċess ta' sħubija u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw u jħaffu x-xogħol siewi li jkun sar mill-voluntiera li jikkontribwixxu għal dan il-proċess, kif ukoll biex il-poplu u l-organizzazzjonijiet popolari jieħdu sehem akbar fid-demokrazija lokali fi sħubija ta' bosta livelli;
12. Jiġbed l-attenzjoni fl-obbligu li jkun ikkonsultat il-pubbliku ġenerali kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili dwar il-kwistjoni tal- programmazzjoni biex din tirrifletti l-proposti tagħhom, u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tgħin biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun leġittimizzat; jinnota li l-isforzi biex il-poplu jieħu sehem fit-tħejjijiet tal-programmi operattivi għall-perjodu 2007-2013 ma rnexxewx daqskemm kien ittamat; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tidentifika l-prattiki tajba u biex titħaffef l-applikazzjoni tagħhom bil-għan li titjieb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku qabel il-perjodu li jmiss tal-programmazzjoni;
13. Jistieden lill-awtoritajiet li jimmaniġġjaw biex jinfurmaw lis-sħab dwar kif u sa liema livell jitqiesu s-suġġerimenti li jagħmlu fil-fażijiet differenti tal-proċess tal-programmazzjoni tal-fondi strutturali;
14. Ifakkar li ftehima ta' sħubija tista' tagħti kontribut għall-effikaċja, l-effiċjenza, il-leġittimità u t-trasparenza fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u tista' wkoll iżżid l-impenn għall-outputs tal-programmi kif ukoll għas-sjieda tagħhom; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet amministrattivi biex is-sħab ikollhom sehem aktar mill-qrib minn kmieni fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali, bil-għan li l-esperjenza u l-għerf tagħhom jintużaw aħjar;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi pubbliċi u privati permezz tat-twaqqif ta' ftehimiet ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali, minħabba li l-benefiċċji potenzjali li jiġu mis-Sħubijiet Pubbliċi u Privati x'aktarx li ftit li xejn huma sfruttati;
16. Jinnota li l-Istati Membri ġodda ma kkonformawx bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sħubija u għalhekk l-introduzzjoni tiegħu tista' tissaħħaħ b'mod gradwali;
17. Jitlob sabiex ir-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali li jmiss ikun fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jorbtu b'mod legali l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, bi kriterji li jistgħu jkunu verifikati b'mod ċar;
Il-Governanza f'bosta livelli
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw fl-iqsar żmien possibbli l-azzjonijiet prattiċi tal-ewwel programm ta' implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari fil-qafas tal-linja 3.1 tiegħu, sabiex tissaħħaħ il-governanza f'bosta livelli;
19. Jissuġġerixxi l-inklużjoni tad-dimensjoni tal-governanza fil-qafas tal-intestatura 4.1 tal-ewwel Programm ta' Azzjoni tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, li tistieden lin-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji (ESPON) biex jiżviluppa indikaturi ġodda għall-koeżjoni territorjali;
20. Hu tal-fehma li l-governanza li tirnexxi f'bosta livelli jeħtieġ li tkun ibbażata fuq strateġija "minn isfel għal fuq"; jistieden f'dan il-kuntest lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinvestigaw mezzi li jintensifikaw il-koperazzjoni u l-kuntatt tagħhom mal-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mal-Kummissjoni, u jirrakkomanda li jsiru laqgħat regolari bejn uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;
21. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiddeċentralizzaw l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni biex tippermetti t-tħaddim tajjeb tas-sistema ta' governanza f'bosta livelli rigward il-prinċipji tas-sħubija u tas-sussidjarjetà u jistedinhom biex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u baġitarji meħtieġa dwar id-deċentralizzazzjoni;
22. Jenfasizza li l-kapaċità amministrattiva reġjonali u lokali kif ukoll l-istabilità u l-kontinwità tagħha huma prekundizzjoni biex il-fondi jkunu assorbiti b'mod effiċjenti u biex ikun żgurat li jħallu l-akbar impatt; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm strutturi amministrattivi adegwati u kapital uman f'termini ta' reklutaġġ, rimunerazzjoni, taħriġ, riżorsi, proċeduri, trasparenza u aċċessibilità;
23. Jistieden lill-qrati nazzjonali tal-awdituri biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu fil-mekkaniżmi ta' kontroll, biex jiżguraw li l-fondi jintefqu b'mod xieraq, u biex jaċċettaw ir-responsabiltajiet tagħhom u jieħdu sehem aktar attiv;
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddelegaw ir-responsabilità għall-immaniġġjar tal-Fondi Strutturali lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fuq il-bażi ta' termini u kriterji miftiehma li jridu jkunu aċċettati mill-awtoritajiet konċernati, bil-għan li jkunu involuti aktar mill-qrib u permezz ta' strutturi ta' koordinazzjoni formali fil-ħidma tal-abbozzi u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, jew, għallinqas, biex jagħtuhom għotjiet globali billi jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet li joffrulhom u li jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu sehem sħiħ fil-mekkaniżmi tal-governanza f'bosta livelli;
Il-Governanza u d-Dimensjoni Territorjali
25. Jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'adattawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b'mod li tippermetti l-implimentazzjoni tal-Grupp Ewropew għall-Koperazzjoni Territorjali (EGTC) li jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;
26. Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li teżamina liema livell NUTS ikun l-aktar rilevanti, biex tidentifika l-qasam li fih, fuq il-bażi tal-esperjenza li tkun inkisbet, għandha tiġi implimentata l-politika integrata għall-iżvilupp tat-territorji, sabiex tifforma l-bażi għall-proġetti li ġejjin, u b'mod partikulari:
- l-oqsma tal-ħajja u tax-xogħol, jiġifieri l-bliet, iz-zoni suburbani u z-zoni rurali tal-qrib;
- it-territorji li jiġġustifikaw strateġiji tematiċi partikulari, bħar-reġjuni muntanjużi, iz-zoni ta' msaġar kbar, il-parks nazzjonali, l-ibħra li fihom jiżbukkaw ix-xmajjar, l-ispazji tal-kosta, ir-reġjuni tal-gżejjer kif ukoll iz-zoni b'ambjent degradat, sabiex ikunu żviluppati strateġiji bbażati skont il-post;
Il-Governanza u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
27. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent akbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u t-tisħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-Trattat ta' Liżbona; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iqisu minn issa l-implikazzjonijiet prattiċi ta' żviluppi bħal dawn;
28. Jinnota li fil-Kunsill ma jeżisti l-ebda dipartiment iddedikat b'mod partikulari għall-politika ta' koeżjoni biex tiżgura li jkun hemm segwitu strateġiku għal din il-politika, li tirrappreżenta l-ewwel post fil-baġit tal-Unjoni Ewropea, u jitlob lill-Istati Membri biex jipprevedu li fil-Kunsill ikun hemm sessjonijiet partikulari għall-Ministri responsabbli għall-Politika ta' Koeżjoni;
29. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien fi ħdan il-Kummissjoni ta' gruppi interdipartimentali bħal dak dwar "il-politika urbana" u dak dwar "l-istrateġija integrata"; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa din l-istrateġija ta' ħidma bejn id-dipartimenti u biex tgħarraf lill-Parlament u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'mod regolari bir-riżultati tal-ħidma tal-gruppi msemmija;
30. Jimpenja ruħu biex iqis x'tibdil jista' jsir fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew biex jippermetti l-ħidma bejn id-dipartimenti fuq is-suġġetti li jinvolvu bosta kumitati parlamentari (gruppi temporanji jew oħrajn), b'mod partikulari fil-qafas tal-ħidma tal-Gruppi ta' Ħidma dwar ir-Riforma Parlamentari;
31. Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni biex isaħħaħ l-isforzi tiegħu għall-iżvilupp tal-prattika tal-governanza kemm mill-aspett tal-kwantità kif ukoll minn dak tal-kwalità;
Għodda għall-Promozzjoni tal-Governanza u s-Sħubija tajba
32. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp tal-miżuri ta' taħriġ għall-governanza u s-sħubija, flimkien mal-organizzazzjonijiet tat-tagħlim u tat-taħriġ pubbliċi u privati, biex jilqgħu għall-isfidi Komunitarji l-kbar;
33. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu xieraq mill-ippjanar tal-ispazji sabiex jassistu fil-faċilitazzjoni ta' żvilupp reġjonali bbilanċjat;
34. Jistieden lir-rappreżentanti eletti u lill-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u lis-sħab imdaħħla fit-tmexxija tal-programmi operattivi tal-Politika ta' Koeżjoni bi qbil mal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Fondi Strutturali, biex jutilizzaw ir-riżorsi finanzjarji tal-assistenza teknika ta' dawn il-programmi għat-taħriġ fit-tipi ta' governanza marbuta ma' dawn il-programmi, u b'mod partikulari għall-immaniġġjar tal-proġetti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu rendikont dettaljat tal-mod li bih ikunu ntużaw il-programmi finanzjarji speċifiċi tagħhom;
35. Hu tal-fehma li n-netwerks Ewropej għall-iskambju tal-prattiki tajba għandhom iwessgħu l-azzjonijiet tagħhom rigward il-governanza u s-sħubija, jisħqu aktar fuq il-lezzjonijiet politiċi u strateġiċi li jkunu ttieħdu miċ-ċikli tal-programmi preċedenti u għandhom jiżguraw l-aċċess pubbliku għall-iskambju tal-esperjenza fil-lingwi kollha tal-UE biex b'hekk jgħinu ħalli jiġi żgurat li l-prattiki tajba jkunu ġew implimentati tassew;
36. Jifraħ bl-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża tal-UE li tniedi proċess ta' żvilupp ta' qafas ta' referenza għas-sostenibilità u s-solidarjetà bejn il-bliet u jitlob li fih titqies id-dimensjoni tal-governanza u s-sħubija;
37. Jipproponi l-ħolqien ta' programm li jixbah lill-programm ERASMUS ieħor għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali;
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-ħtieġa ta’ governanza biex l-iżvilupp sostenibbli jimxi ’l quddiem
Sabiex l-iżvilupp reġjonali jseħħ, mhuwiex biżżejjed li wieħed jaqbel fuq x’għandu jsir iżda hija wkoll ħaġa fundamentali li jkunu stabbiliti l-mekkaniżmi ta’ kif għandu jsir, jiġifieri l-governanza.
Il-politiki fuq skala reġjonali u urbana għandhom jiffurmaw parti minn strateġija ta' żvilupp integrat. Jeħtieġ li jkunu mfassla mekkaniżmi li jippermettu li jkun evitat li politiki differenti jxekklu lil xulxin. Mhuwiex possibbli li l-iżvilupp sostenibbli jimxi ’l quddiem jekk mhux permezz tat-titjib fil-governanza.
Fil-qasam innifsu, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-iżvilupp reġjonali spiss isibu ma’ wiċċhom firdiet artifiċjali bejn is-setturi jew l-entitajiet amministrattivi u politiċi. Il-limiti ġeografiċi u amministrattivi mhux bilfors jaqblu ma' dawk ta' territorju li jeħtieġ reazzjoni integrata fl-oqsma tat-trasport, l-edukazzjoni, id-djar soċjali, eċċ. Strutturi bħal dawn jikkorrispondu dejjem inqas mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini f’dinja li kulma tmur qiegħda ssir aktar interdipendenti.
L-Unjoni Ewropea bħala forza trasformatriċi tal-governanza
L-Unjoni Ewropea ġabet tibdil konsiderevoli fil-governanza fl-Istati Membri differenti. Il-politiki Ewropej, u b'mod partikulari l-Politika ta' Koeżjoni, nedew il-proċess għat-trasformazzjoni tal-governanza minn sistema sikwit ċentralizzata u karatterizzata mill-kompartimentalizzazzjoni (kemm ġeografika kif ukoll settorjali) għal waħda b'bosta livelli li kull ma tmur saret iktar integrata.
Filwaqt li jitqiesu l-qafas istituzzjonali ta' kull Stat Membru, it-tqassim tal-poteri u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jistimulaw proċess ta' titjib fil-governanza fil-livelli kollha: Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali.
L-inizjattivi Komunitarji, bħal URBAN I u II fil-kwartieri urbani u LEADER fiz-zoni rurali, urew il-prestazzjoni tal-metodoloġija tagħhom. Din il-metodoloġija hija bbażata fost l-oħrajn fuq strateġija li tkun integrata f'bosta setturi, li tkun territorjali u li tkun minn isfel għal fuq. Tinvolvi wkoll sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet u l-popolazzjonijiet lokali. Barra minn hekk tutilizza għodod innovattivi differenti sabiex tippromwovi proċess ta' tagħlim u netwerking permanenti.
Titjib fil-governanza: mill-kunċett sal-applikazzjoni prattika
Il-kunċett tal-istrateġija integrata, jiġifieri l-integrazzjoni aktar fil-fond tal-politiki kollha li jippreżentaw impatt territorjali, ekonomiku u soċjali, kulma jmur qed jidħol aktar u aktar fil-leġiżlazzjoni Ewropea. Dan il-kunċett inħoloq mill-ħtieġa li wieħed joħroġ mill-għeluq tal-kompartimentalizzazzjoni.
Illum huwa meqjus bħala ħtieġa. Wieħed isibu f’għadd kbir ta’ testi tal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikulari fil-qasam tal-politika tal-koeżjoni. Sar tema rikorrenti meta jiġi diskuss kif il-politiki Ewropej isiru aktar effikaċi.
Jekk l-istrateġija integrata tirrifletti l-ħtieġa li għandhom jitqiesu l-aspetti differenti marbuta ma’ proġett komuni, il-governanza tirrappreżenta l-mekkaniżmu biex dan il-proġett iseħħ.
Dan ir-rapport għandu l-għan li jressaq sensiela ta' proposti prattiċi dwar kif tista' titjieb is-sistema ta' governanza. Hemm enfasi partikulari fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, li hu element ewlieni tal-politika ta' koeżjoni fil-qasam tal-governanza.
Il-metodi l-ġodda ta’ governanza ma jeħdux post l-istituzzjonijiet pubbliċi (Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali) li jiddisponu minn kompetenzi u minn baġits, iżda dawn il-metodi jagħtuhom il-possibilità li jimplimentaw il-politiki tagħhom stess f’koerenza mal-parteċipanti kollha kemm huma (pubbliċi u privati) li jirrigwardahom l-istess suġġett.
Il-Governanza u l-Fondi Komunitarji
It-tqassim tal-Fondi Strutturali, bl-objettivi, bil-kriterji ta' eliġibilità u bil-parteċipanti differenti tagħhom, jibqa' kumpless ħafna. Madankollu, il-Fondi Strutturali kollha, kif ukoll Fondi Komunitarji oħra wkoll, għandhom l-istess għan, dak li jġibu 'l quddiem l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni Ewropea.
L-istruttura tal-fondi u l-metodi ta' governanza għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-istrumenti finanzjarji jikkomplementaw lil xulxin u jistgħu jiġu kkoordinati bl-aħjar mod. Din il-koordinazzjoni mhix possibbli ħlief jekk l-istrutturi jkunu sempliċi u trasparenti. L-arkitettura tal-fondi differenti għalhekk għandha tkun koerenti u komplementari.
Il-Governanza u s-Sħubija
Prinċipju ewlieni u partikulari tal-governanza tal-fondi strutturali hu l-prinċipju tas-sħubija. Il-prinċipju tas-sħubija rrenda l-governanza tal-politika ta' koeżjoni iktar trasparenti, iktar miftuħa u iktar integrata, imma l-applikazzjoni tiegħu għadha fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti.
L-istudju mitlub mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew dwar “Il-Governanza u s-Sħubija fil-Politika Reġjonali” saħaq fuq id-differenzi u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija. Fil-fatt, m'hemmx mudell uniku ta' sħubija, imma 27 mod differenti ta' kif tiġi applikata filwaqt li wieħed iqis il-karatteristiċi istituzzjonali ta' kull Stat Membru.
Sħubija li tkun ta’ suċċess fil-fatt titlob ċertu investiment fil-bidu tal-proċess, imma mbagħad dan ikun ta’ gwadann f’dak li hu ħin, flus u effikaċja.
Meta jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-qafas istituzzjonali ta' kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-Istati Membri differenti u fir-reġjuni tagħhom. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, għandha titħejja gwida, b'mod partikulari għall-promozzjoni u t-tixrid tal-prattiki tajba.
Barra minn hekk, jeħtieġu miżuri ta' taħriġ biex isaħħu l-kapaċitajiet tas-sħubija li jippermettulhom li jieħdu sehem sħiħ.
L-involviment taċ-ċittadini huwa element importanti tal-prinċipju tas-sħubija. Fil-qafas tat-tħejjija tal-perjodu attwali ta' programmazzjoni, iċ-ċittadini ma ħadux sehem biżżejjed fil-proċess f'ħafna mir-reġjuni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu żviluppati metodi ġodda.
Il-Governanza f'bosta livelli
Il-governanza f'bosta livelli timplika li kull livell politiku - Komunitarju, nazzjonali, reġjonali jew lokali - għandu jkollu kompetenzi u kapaċitajiet biex jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni. L-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà titlob ċertu grad ta' deċentralizzazzjoni tal-politika ta' koeżjoni.
Il-parteċipanti kollha mdaħħla fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għandhom jikkoperaw mill-qrib fil-kuntest tal-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali separati. Is-suċċess jew il-falliment tal-koperazzjoni tal-parteċipanti kollha involuti ma jiddependux biss mis-sistema istituzzjonali. L-istess sistema tista' twassal għal riżultati tajbin jew ħżiena fit-termini tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Hu importanti li ssir aktar riċerka fuq il-fatturi li jwasslu għall-falliment jew għas-suċċess, hi liema hi l-istruttura istituzzjonali tal-Istat Membru. F'dan ir-rigward, il-Programm ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali jew il-programm il-ġdid ESPON għandhom jintegraw l-elementi ta' governanza.
Il-Governanza u d-Dimensjoni Territorjali
Id-dimensjoni territorjali kulma tmur qiegħda ssir aktar ċentrali għall-politika ta' koeżjoni. It-Trattat ta' Liżbona għamel il-koeżjoni territorjali bħala għan tal-Unjoni Ewropea fuq l-istess bażi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.
Fil-ħarifa, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika il-Green Paper tagħha dwar il-koeżjoni territorjali u f'din il-perspettiva, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-kwistjoni tal-governanza.
L-integrazzjoni tad-dimensjoni territorjali fil-politika ta' koeżjoni timplika wkoll riflessjoni fuq il-livell territorjali xieraq li fih għandu jsir l-intervent. Kunċetti emerġenti ġodda bħal dak tal-oqsma tal-ħajja u tax-xogħol ħaqqhom li jiġu analizzati.
Il-Grupp Ewropew għall-Koperazzjoni Territorjali huwa għodda eċċellenti biex tiġi stabbilita governanza effikaċi transkonfinali u transnazzjonali, imma s'issa dan l-istrument għad ma ġiex sfruttat u utilizzat biżżejjed, minħabba li ma sarx tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jew minħabba n-nuqqas ta' rieda politika.
Il-Governanza u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
L-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom huma stess jirrevedu l-organizzazzjoni attwali tagħhom biex isiru aktar effikaċi meta japplikaw il-prinċipji tal-istrateġija integrata.
Il-qasmiet attwali fi ħdan il-Parlament Ewropew bejn il-kumitati parlamentari partikulari kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea bejn id-Direttorati Ġenerali ma jippermettux li jkun hemm reazzjoni tajba għal bosta kwistjonijiet li huma kontroversjali.
Pereżempju, il-kwistjonijiet tat-trasport pubbliku jħallu impatt fuq it-tniġġis, fuq l-integrazzjoni soċjali sħiħa tat-territorji, fuq l-ippjanar urban, eċċ., u għalhekk jaqgħu fil-kompetenza ta' bosta kumitati parlamentari u Direttorati Ġenerali.
Barra minnhekk, id-daqs tal-baġits allokati għall-Fondi Strutturali (36% tal-baġit tal-UE) jesiġi li jkun hemm monitoraġġ mill-qrib fil-livell tal-Kunsill.
Għodod għall-Promozzjoni tal-Governanza tajba
Sabiex il-governanza ssir waħda operattiva jeħtieġ l-użu tal-istrument tal-immaniġġjar ta’ proġetti. L-immaniġġjar ta’ proġetti jistrieħ fuq ċerti regoli li spiss huma sempliċi ħafna. Dan l-istrument attwalment jintuża l-aktar mill-intrapriżi. Mhux biss jippermetti lill-intrapriża li toħloq prodott ġdid f’ambjent li kulma jmur qiegħed isir aktar kumpless, imma huwa ta' siwi wkoll biex ikunu jistgħu jirnexxu proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Huwa strument biex tkun organizzata l-interazzjoni bejn il-parteċipanti differenti involuti u li jippermetti għalhekk li l-istrateġija integrata titqiegħed fil-prattika.
Barra minn hekk, il-metodi l-ġodda tal-governanza, bħall-immaniġġjar tal-proġetti, għandhom ikunu promossi u mxerrda. Għalhekk, għandu jibda proċess ta' tagħlim kontinwu li jinkludi lill-parteċipanti involuti, b'mod partikulari lir-rappreżentanti eletti u lill-impjegati tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali.
Barra minn hekk, il-ħolqien ta' programm bħall-ERASMUS għar-rappreżentanti lokali eletti huwa mod ġdid li jista' jagħti kontribut għall-iskambju ta' prattiki tajba fil-qasam tal-governanza.
Fl-aħħar nett, in-netwerks tematiċi Ewropej għandhom iwessgħu l-azzjonijiet tagħhom rigward il-governanza kif ukoll jikkontribwixxu biex jirrenduhom aktar effikaċi;
Konklużjonijiet
Il-governanza, u b'mod partikulari l-prinċipju tas-sħubija, illum huwa rikonoxxut bħala fattur importanti ferm li jiddetermina l-effikaċja tal-utilizzazzjoni tal-Fondi Strutturali. Ġew żviluppati bosta kunċetti dwar dan is-suġġett, imma sikwit dawn ftit kienu effikaċi u nieqsa mill-applikazzjoni prattika.
L-Unjoni Ewropea diġà wriet li hija forza ewlenija biex tittrasforma l-governanza. Billi tqiegħed dawn il-prinċipji fil-prattika, tista' tutilizza l-kapaċitajiet trasformatriċi tagħha fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll biex iġġib 'il quddiem l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji.
15.7.2008
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar il-governanza u s-sħubija fil-livell nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali
(2008/2064(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Jorgo Chatzimarkakis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. jenfasizza li l-politiki strutturali kienu t-tieni l-akbar parti tal-baġit tal-UE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006 u huma l-politiki ewlenin tal-UE fil-perjodu 2007-2013;
2. ifakkar li fir-Rapport Annwali tagħha rigward is-sena finanzjarja 2006, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li mill-inqas 12% tal-ammont totali rimborżat lil proġetti tal-Politiki Strutturali ma kellux jiġu rimborżat, li 44% tar-rimborżi fil-kampjun kienu affettwati minn żbalji u li persentaġġ sinifikanti tal-proġetti kienu suġġetti għal żbalji ta' konformità;
3. jenfasizza li fl-istess rapport, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ddeskriviet is-sistemi ta' kontroll fl-Istati Membri bħala ġeneralment mhux effikaċi jew effikaċi b'mod moderat biss;
4. jilqa' għaldaqstant l-isforz biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tul il-perjodu attwali ta' programmazzjoni 2007-2013 fil-qafas tal-prinċipji tat-tmexxija u tas-sħubija;
5. jistieden lill-qrati nazzjonali tal-awdituri biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu fil-mekkaniżmi ta' kontroll, biex jiżguraw li l-fondi jintefqu b'mod xieraq, u biex jaċċettaw ir-responsabiltajiet tagħhom u jieħdu sehem aktar attiv;
6. jitlob li tingħata gwida u taħriġ mill-Istati Membri lill-promoturi tal-proġetti u lill-awtoritajiet amministrattivi u l-awtoritajiet li jħallsu, kif ukoll lill-korpi tal-verifika sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha jkunu konxji sew dwar ir-rekwiżiti tar-regolament tal-Komunità u jimplimentawhom kif suppost;
7. jilqa' b'sodisfazzjon is-sommarji annwali tal-Istati Membri bħala l-ewwel pass għal Dikjarazzjonijiet Nazzjonali ta' Amministrazzjoni; iħeġġeġ madankollu lill-Kummissjoni biex tipproponi l-adozzjoni tal-istess rekwiżiti, linji gwida u noti ta' gwida għall-Politiki Strutturali bħal dawk tal-Politika Agrikola Komuni;
8. jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni għall-proġetti reġgħu ġew adottati tard ħafna u jistieden lill-awtoritajiet tat-tmexxija, u l-awtoritajiet ta' ħlasijiet u kontroll biex jipprovdu għar-regoli mfassla biex jissimplifikaw l-amministrazzjoni u biex jimplimentawhom (eż. billi jiżdied l-użu tal-ħlasijiet b'rata fissa).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
15.7.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni |
+: –: 0: |
16 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni |
Jean-Pierre Audy, Herbert Bösch, Jorgo Chatzimarkakis, Esther De Lange, Petr Duchoň, James Elles, Szabolcs Fazakas, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Ashley Mote, Bart Staes |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni |
Edit Herczog, Pierre Pribetich, Paul Rübig, Margarita Starkevičiūtė, Petya Stavreva |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.9.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Victor Boştinaru, Wolfgang Bulfon, Giorgio Carollo, Antonio De Blasio, Petru Filip, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Florencio Luque Aguilar, Sérgio Marques, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Jan Olbrycht, Maria Grazia Pagano, Maria Petre, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Giovanni Robusti, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Margie Sudre, Andrzej Jan Szejna, Kyriacos Triantaphyllides, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Den Dover, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Eleonora Lo Curto, Zita Pleštinská, Iuliu Winkler |
|||||