RAPPORT dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2007

18.9.2008 - (2008/2158(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Dushana Zdravkova
PR_INI_AnnOmbud

Proċedura : 2008/2158(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0358/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2007

(2008/2158(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 li temenda l-Artikolu 3 tar-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman[1],

–   wara li kkunsidra l-ftehima ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġiet konkluża bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 dwar "Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-gvern biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2006 indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, bil-għan li tippromwovi l-proċedura ta' reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċizjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-(A6-0358/2008),

A.  billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2007 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fl-10 ta' Marzu 2008 u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Strasburgu fid-19 ta' Mejju 2008,

B.   billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li oriġinarjament ġiet ipproklamata uffiċjalment fit-12 ta' Diċembru 2000, ġiet iffirmata fit-12 ta' Diċembru 2007, u reġgħet ġiet ipproklamata mill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u billi l-impenn għal Karta li tkun torbot ġuridikament, u li qiegħda fil-proċess li tiġi ratifikata, jirrifletti għarfien li dejjem jikber tal-fatt li ċ-ċittadini għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru ta' Ewropa trasparenti, aċċessibbli u kuntattabbli li tkun konxja tat-tħassib taċ-ċittadini tagħha,

C.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta jistipula: 'Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni',

D.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula: 'Iċ-ċittadini tal-Unjoni, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat fi Stat Membru għandhom d-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman tal-Unjoni f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-Istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Komunitá, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim' Istanza meta jkunu qed jaġixxu fl-irwol ġudizzjarju tagħhom',

E.   billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,

F.   billi, għalkemm għaddew seba' snin mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001 li tapprova l-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman, l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra għadhom ma ssodisfawx it-talba urġenti tal-Parlament li jikkonformaw il-prattika tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Kodiċi,

G.  billi l-għadd ta' lmenti fl-2007 kien madwar 16% inqas mill-2006 iżda fl-2007 l-għadd ta' lmenti ammissibbli żdied kemm f'termini assoluti u relattivi minn 449 (12% tat-total) għal 518 (16% tat-total),

H.  billi r-riżultati tat-348 inkjesta mitmuma, li minnhom 341 kienu marbuta ma' lmenti u 7 kienu investigazzjonijiet proprji, juru li f'95 każ, (li huma ekwivalenti għal 25.7% tal-ilmenti investigati) ma setgħet tiġi aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina,

I.    billi s-sena 2007 rat irduppjar fl-għadd tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li ġew solvuti mill-istituzzjoni jew mill-korp innifishom, wara li jkun sar ilment lill-Ombudsman (f'129 każ), fatt li juri rieda dejjem tikber fuq in-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jaraw l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li saru u biex jikkoperaw mal-Ombudsman għal-benefiċċju taċ-ċittadini,

J.    billi kien hemm 5 każijiet li intemmu fl-2007 wara li nstabet soluzzjoni amikevoli, u fi tmiem l-2007, kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati 31 proposta għal soluzzjoni amikevoli,

K.  billi fl-2007, l-Ombudsman beda jagħmel użu iktar wiesa' minn proċeduri iktar informali biex jissolvew problemi b'mod flessibbli, u se jkompli jiżviluppa dan l-approċċ fil-ġejjieni, u dan jagħti prova ta' kemm l-Ombudsman huwa rispettat u ta' kemm l-istituzzjonijiet huma lesti li jgħinu liċ-ċittadini,

L.   billi fl-2007 l-Ombudsman għalaq 55 inkjesta b'kummenti kritiċi u billi kumment kritiku jikkonferma li l-ilment huwa ġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat dak ikun għamel ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni,

M.  billi saru tmien abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet fl-2007, seba' abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet mill-2006 li wasslu li tittieħed deċiżjoni fl-2007 u każ wieħed li wassal għal rapport speċjali lill-Parlament Ewropew,

N.  billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li jagħlqu każijiet irrimedjabbli ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas rakkomandazzjonijiet jew rapporti speċjali mill-Ombudsman m'għandhom effett li jorbot ġuridikament, peress li s-setgħat tiegħu ma jestendux għal istanzi ta' rimedju dirett ta' amministrazzjoni ħażina, iżda huma maħsuba bħala inkoraġġament sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jirrimedjaw għall-iżbalji tagħhom stess,

O.  billi l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed lill-Parlament Ewropew fl-2007 u billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament jirrappreżenta mezz importanti li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jingħata soddisfazzjon liċ-ċittadini li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew irrispettati, kif ukoll biex ikun hemm promozzjoni tat-titjib tal-istandards tal-amministrazzjoni tal-UE,

P.   billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, il-Parlament ingħata l-istess dritt daqs l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew inkella ta' użu ħażin ta' setgħat,

Q.  billi l-kummenti kritiċi rigward l-amminstrazzjoni ħażina espressi mill-Ombudsman fir-rapport 2007 (kummenti kritiċi, abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u rapport speċjali) jistgħu jservu ta' bażi biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-ġejjieni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra tal-UE,

R.   billi l-koperazzjoni maħluqa mill-Ombudsman fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, għal aktar minn għaxar snin taħdem bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba u bħala mezz biex il-persuni li għandhom ilment jiġu indirizzati lil ombudsman jew korpi oħra simili li jkunu jistgħu jgħinuhom,

S.   billi l-irwol tal-Ombudsman bħala tutur taċ-ċittadin Ewropew żviluppa fi 12-il sena minn meta inħoloq l-uffiċċju, grazzi għall-awtonomija tal-Ombudsman u għall-kontroll fuq it-trasparenza tal-operat tiegħu, imwettaq b'mod demokratiku mill-Parlament Ewropew,

T.   billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u, bħala regola ġenerali, għandu jkollhom l-għan li jiġu evitati kunflitti fir-rigward tal-prerogattivi rispettivi tagħhom, għandhom jinkludu riferimenti reċiproċi definittivi għall-fajls rispettivi tagħhom,

1.   Japprova r-rapport annwali għall-2007 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u japprezza l-preżentazzjoni tal-mudell konsolidat ta' valutazzjoni fil-qosor tal-attivitajiet li saru u l-analiżi tematika tad-deċiżjonijiet u tal-problemi li hemm taħt il-fażijiet differenti tal-proċedura; iqis madankollu li għandhom isiru iktar sforzi sabiex tittejjeb it-tabella tal-istatistika, peress li t-taħlita ta' ċifri u ta' perċentwali ta' ġo fiha tista' toħloq konfużjoni;

2.   Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex ikunu mogħnija bir-riżorsi tal-baġit u r-riżorsi umani metħieġa sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;

3.   Iqis li l-Ombudsman kompla jeżerċita il-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti, kif ukoll fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet, u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u ħeġġiġ taċ-ċittadini sabiex jisħqu fuq id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;

4.   Jitlob lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu għall-promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv, trasparenti u flessibbli, sabiex f'għajnejn iċ-ċittadini, ikun jirrappreżenta l-gwardjan tal-amministrazzjoni tajba u ta' kultura ġenwina ta' servizz fl-istituzzjonijiet tal-UE;

5.   Iqis li t-terminu 'amministrazzjoni ħażina' għandu jkun interpretat b'mod estensiv, sabiex jifthiem li jirreferi mhux biss għall-attività amministrattiva illeġittima jew għall-ksur ta' regola jew ta' prinċipju li jorbot, imma anki għal każijiet ta' nuqqas ta' azzjoni, negliġenza fir-rigward taċ-ċittadini jew nuqqas ta' trasparenza jew ta' ksur ta' prinċipji oħra ta' amministrazzjoni tajba min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi;

6.   Iqis l-irwol tal-Ombudsman fit-tisħieħ tat-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu 'bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb taċ-ċittadin kemm jista' jkun', kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-ombudsman f'kull Stat Membru sabiex l-UE tkun f'kuntatt eqreb maċ-ċittadini tal-Ewropa;

7.   Ifakkar it-talba tiegħu, li huwa esprima fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba;

8.   Itenni li l-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba propost mill-Ombudsman, kif approvat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001, ikopri l-istaff tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji kollha u ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman, b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra;

9.   Jisħaq fuq il-bżonn li jitejjeb iżjed il-profil pubbliku tal-Ombudsman, li għandu l-għan li jinforma liċ-ċittadini, lill-kumpaniji, lill-NGOs u lil entitajiet oħra b'informazzjoni, u jqis li informazzjoni ta' kwalità tista' tgħin sabiex jonqos l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tal-Ombudsman; fl-istess ħin jistieden lill-Ombudsman biex immedjatament jgħaddi l-ilmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tiegħu, lill-aktar netwerk xieraq fil-livell nazzjonali u lokali;

10. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-għadd assolut ta' lmenti inammissibbli imma jqis li ċ-ċifra fir-rigward tal-ilmenti ammissibbli – 16% – għadha mhux sodisfaċenti; fid-dawl ta' dan, jirrakkomanda li ssir kampanja ta' informazzjoni mtejba fost iċ-ċittadini Ewropej imfassla biex iżżid l-għarfien tal-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-Ombudsman Ewropew;

11. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva ġenerali bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu fl-amministrazzjoni Ewropea;

12. Jistieden lill-Ombudsman sabiex jiżgura li l-Kummissjoni tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew li tipproponi penalitajiet taħt l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li toqgħod attenta li tevita dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li mhux ġustifikati, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-UE;

13. Iqis illi, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni li tinsab f'rapport speċjali mill-Ombudsman, minkejja li l-Parlament ikun approva r-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista' b'mod leġittimu juża l-poteri tiegħu biex jieħu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-att jew tan-nuqqas li kien soġġett għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman;

14. Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta rapport speċjali fejn ikkritika lill-Kummissjoni għaliex ma ttrattatx ilment rigward id-Direttiva Ewropea dwar il-Ħin tax-Xogħol, li dwarha l-Parlament adotta riżoluzzjoni fit-3 ta' Settembru 2008[4];

15. Iqis li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni minn naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;

16. Jilqa' r-relazzjoni bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi;

17. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni utli min-naħa tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-iżgurar ta' rimedji mhux ġudizzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju tal-aħjar prattika, li biha tiġi permessa l-armonizzazzjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

18. Jilqa' l-inizjattivi tal-Ombudsman Ewropew biex jagħti informazzjoni b'mod mifrux dwar ix-xogħol tiegħu u x-xogħol magħmul mill-ombudsman nazzjonali u jirrakkomanda li l-Ombudsman ikompli fl-isforzi tiegħu biex iżid l-għarfien taċ-ċittadini;

19. Jinkoraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti li jinvolvu ċ-ċittadini u, għalhekk, kwerelanti potenzjali, peress li d-dimarkazzjoni tar-responsabilitajiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom wisq ikkumplikati għaċ-ċittadin u għal min imexxi negozju;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja mtejba ta' informazzjoni mħeġġa mill-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman li twassal għal għarfien aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal fehim ikbar tal-ambitu tal-kompetenza tal-Ombudsman; iħeġġu, madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tiegħu, sabiex jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi informazzjoni iktar komprensiva dwar dawk it-termini ta' referenza fuq bażi iktar regolari;

21. Peress li kull istituzzjoni għandha l-websajt tagħha fejn jistgħu jsiru lmenti, petizzjonijiet etċ, u peress li d-distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet hija ta' frustrazzjoni għaċ-ċittadini, jilqa' l-iżvilupp ta' manwal interattiv imfassal biex jgħin liċ-ċttadini fl-identifikazzjoni tal-awtorità l-aktar xierqa biex ssolvi l-problemi tagħhom;

22. Sabiex jitnaqqas l-għadd ta' lmenti mhux ammissibbli li jsiru lill-Ombudsman, jissuġġerixxi li tiġi żviluppata websajt komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej biex tgħin liċ-ċittadini u twassalhom direttament lejn l-istituzzjoni kompetenti biex tisma' l-ilment tagħhom;

23. Jipproponi li l-Ombudsman jieħu miżuri biex inaqqas l-għadd ta' lmenti (total ta' 1,021) li dwarhom għadhom ma ttieħdux passi;

24. Jappella lill-Ombudsman Ewropew biex jimpenja ruħu li jgħaddi b'mod dirett, wara li jikseb il-kunsens ta' min ressaq l-ilment, kull ilment li jaqgħa fl-ambitu tal-kompetenza ta' ombudsman nazzjonali jew reġjonali;

25. Bil-għan li ċ-ċittadini jingħataw servizz aqwa u aktar effiċjenti, jipproponi li l-Ombudsman jgħarrafhom dwar il-proċeduri interni u l-iskadenzi għat-trattament ta' lmenti, kif ukoll dwar il-kriterji użati fit-teħid ta' deċiżjonijiet fi stadji differenti tal-eżami ta' lment;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2007 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering fl-10 ta' Marzu 2008 u l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fid-19 ta' Mejju 2008.

Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tajba lejn l-attivitajiet tal-Ombudsmand f'din l-aħħar sena. Ir-riżultati tal-inkjesti varji huma ppreżentati b'mod ċar bl-użu ta' eżempji u huma maqsuma f'kategoriji bħan-natura tal-allegata amministrazzjoni ħażina jew l-istituzzjoni kkonċernata. Filwaqt li huwa veru li l-anness ma jelenkax ċifri assoluti u kif ukoll persentaġġi, madankollu jista' jsir titjib fit-tabelli tal-istatistika, fejn it-taħlita ta' ċifri u persentaġġi tista' toħloq konfużjoni.

Is-smigħ ta' lmenti

L-għadd ta' lmenti ammissibbli li rċieva l-Ombudsman fl-2007 żdied f'termini assoluti u relattivi minn 449 (12% tat-total) fl-2006 sa 518 (16% tat-total) fl-2007. Bħala riżultat, infetħu 17% aktar inkjesti waqt is-sena fuq il-bażi tal-ilmenti li saru. Barra minn hekk, l-għadd ta' lmenti ammissibbli fl-2007 kien iktar baxx milli fl-2006.

L-għadd totatli ta' inkjesti li għamel l-Obudsman fl-2007 kien 641. Minnhom, 64% kienu jirrigwardaw il-Kummissjoni Ewropea, 14% l-EPSO, 9% l-Parlament Ewropew u 1% l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. It-tipi prinċipali ta' allegata amministrazzjoni ħażina kienu n-nuqqas ta' trasparenza, kif ukoll iċ-ċaħda ta' għoti ta' informazzjoni, nuqqas ta' ġustizzja u abbuż ta' poter, proċeduri mhux sodisfaċenti, dewmien li seta' jkun evitat, diskriminazzjoni, negliġenza, żbalji legali u nuqqas ta' żgurar li l-obbligi ntlaħqu.

Fl-2007 ittieħdu 348 deċizjoni biex jingħalqu l-inkejsti, inklużi 7 inkjesti ta' inizjattiva proprja, li huma ekwivalenti għal żieda ta' 40% meta mqabbel mal-2006.

F'95 każ, l-inkjesta ma kixfet l-ebda amministrazzjoni ħażina, riżultat li mhux dejjem huwa negattiv għal min għamel l-ilment, peress li huwa jew hija jingħataw spjegazzjoni sħiħa mill-istituzzjoni jew entità, u jista' jkun hemm l-opportunità li tiġi identifikata l-possibilità ta' titjib potenzjali fil-kwalità tal-amministrazzjoni ta' istituzzjoni jew entità.

Waqt l-2007, l-istituzzjoni jew l-entità solviet129 każ favur min ressaq l-ilment. Dan huwa aktar mid-doppju tal-għadd tal-każijiet li ġew solvuti b'dan il-mod fl-2006, u dan jirrifletti rieda li dejjem tikber min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-entitatjiet f'dak li jirrigwarda l-ilmenti magħmula lill-Ombudsman bħala opportunità li jiġu koretti żbalji u jkun hemm koperazzjoni mal-Ombudsman biex jibbenefikaw iċ-ċittadini Ewropej. Wara li Università Ġermaniża għamlet ilment dwar nuqqas ta' ftehim dwar ħlas mal-Kummissjoni fir-rigward ta' proġett skont il-Programm Erasmus, l-Ombudsman ikkuntatja l-Kummissjoni li solviet il-kwistjoni fi żmien ġimgħatejn billi ħallset is-somma mitluba u l-interessi fuqha.

Meta l-Ombudsman isib każ ta' amministrazzjoni ħażina, huwa jipprova jsib soluzzjoni amikevoli. F'xi wħud mill-każijiet tkun tista' tintlaħaq ftehima amikevoli jekk l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata toffri kumpens lil min iressaq l-ilment. Offerta ta' dan it-tip issir ex gratia, jiġifieri mingħajr ma jkun hemm ammissjoni ta' responsabilità legali u mingħajr ma jinħoloq preċedent legali. Soluzzjonijiet amikevoli li ntlaħqu fl-2007 kienu l-Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni, li bidlet deċiżjoni kkontestata rigward iċ-ċertifikazzjoni skont it-tip ta' ċertu ajruplani, u l-ex Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tar-Razzizzmu u l-Ksenofobija, li qabel li jipprovdi informazzjoni aħjar lil offerent f'kuntratt ta' akkwist pubbliku dwar kif l-offerta tiegħu tqabblet ma' dik tar-rebbieħ. Wara l-inkjesta, wieħed mill-persuni li ressqu lment esprima r-rikonoxximent tiegħu dwar ir-riżultat u ddikjara li l-inkjesta għenet biex ikun hemm salvagwardja affidabbli tat-trasparenza fl-UE.

Meta ma jkunx possibbli li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli, l-Ombudsman jagħlaq il-każ b'osservazzjoni ta' kritika jew jagħmel abbozz ta' rakkomandazzjoni. Osservazzjoni ta' kritika tikkonferma lil min ressaq l-ilment li l-ilment tiegħu jew tagħha huwa ġustifikat u tagħti indikazzjoni lill-istituzzjoni jew entità kkonċernata dwar dak li għamlet ħażin, sabiex fil-futur tevita li tagħmel amministazzjoni ħażina. Fl-2007, l-Ombudsman għalaq 55 inkjesta b'osservazzjoni ta' kritika.

Huwa, pereżempju, kritika l-Kummissjon minħabba n-nuqqas tagħha li fl-2006 tippubblika, kif mitlub mil-liġi, r-rapport annwali tagħha tal-2005 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dan kien wara li sar ilment mill-NGO Statewatch. Filwaqt li rrikonoxxa li f'Settembru 2007, fl-aħħar, il-Kummissjoni ppublikat rapport dwar il-kwistjoni, l-Ombudsman enfasizza li l-publikazzjoni fil-waqt ta' rapporti huwa mekkaniżmu prinċipali ta' responsabilità lejn iċ-ċittadini Ewropej.

L-Ombudsman għamel ukoll żewġ osservazzjonijiet ta' kritika kontra l-EPSO f'żewġ każijiet dwar l-użu tal-lingwi tal-Istati Membri l-"ġodda" meta mqabbel mal-użu tal-lingwi tal-Istati Membri l-"antiki". Dan kien wara li sar ilment mill-assoċjazzjoni Pollakka rigward it-testijiet ta' reklutaġġ. L-EPSO wieġeb li r-rekwiżiti tal-lingwi għall-kompetizzjonijiet kien inbidel sadanittant.

Huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet isegwu l-osservazzjonijiet ta' kritika li jsiru mill-Ombudsman billi jieħdu azzjoni biex isolvu l-problemi pendenti u b'hekk jevitaw li fil-futur ikun hemm amministrazzjoni ħażina. Is-servizzi tal-Ombudsman lestew ukoll studju dwar it-tkomplija tal-osservazzjonijiet ta' kritika kollha magħmula fl-2006 u r-riżultati ntbagħatu lill-istituzzjonijiet kollha involuti fit-22 ta' Mejju 2008.

Meta jkun possibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tneħħi l-episodju ta' amministrazzjoni ħażina, jew fil-każijiet fejn l-amministazzjoni ħażina tkun partikularment serja, jew ikollha implikazzjonijiet ġenerali, normalment l-Ombudsman iħejji abbozz ta' rakkomandazzjoni għall-istituzzjoni jew entità kkonċernata, li għandha tirrispondi permezz ta' opinjoni dettaljata fi żmien tliet xhur. Waqt l-2007 saru tmien abbozzi ta' rakkomandazzjoni.

Jekk istituzzjoni jew entità Komunitarja tonqos milli twieġeb b'mod sodisfaċenti għal abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-Ombudsman jista' jibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Din hija l-aħħar arma tal-Ombudsman u huwa l-aħħar pass sostanzjali li jista' jieħu meta jitratta każ, peress li l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament huma kwistjoni ta' ġudizzju politiku tal-Parlament.

Fl-2007 l-Ombudsman ressaq rapport speċjali lill-Parlament, fejn kritika lill-Kummissjoni minħabba li ma trattatx ilment rigward id-Direttiva Ewropea dwar il-Ħin tax-Xogħol, li dwaru sara abbozz ta' rapport mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'Proinsias De Rossa bħala Rapporteur[1].

L-Ombudsman jagħmel użu mis-setgħa tiegħu biex iniedi inkejsti b'inizjattiva proprja f'żewġ istanzi. Fl-ewwel każ għal skop ta' investigazzjoni ta' amministrazzjoni ħażina meta jitressaq ilment minn persuna mhux awtorizzata (jiġifieri meta min iressaq l-ilment ma jkunx ċittadin jew residenti tal-Unjoni jew persuna ġuridika li għandha uffiċċju reġistrat fi Stat Membru). Infetħu żewġ inkjesti ta' dan it-tip fl-2007. Jista' juża din is-setgħa ta' inizjattiva proprja biex jittratta, dik li tidher bħala problema sistematika fl-istituzzjonijiet.

Pereżempju, f'Diċembru 2007 l-Ombudsman nieda inkjesta b'inizjattiva proprja dwar ir-rispett tal-iskadenzi fil-pagament tal-Kummissjoni. Talab lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar dak li sar biex ikun evitat li l-pagament isir tard, data statistika dwar każijiet ta' pagament li saru tard, kif ukoll informazzjoni dwar il-politika tal-Kummissjoni dwar il-ħlas ta' interessi. Dan kien wara li saru lmenti minn individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet involuti fi proġetti ffinanzjati u kuntratti ffinanzjati mill-UE. Fost l-inkjesti b' inizjattiva proprja li nbdew fl-2007, kien hemm hemm waħda marbuta mat-testijiet tal-EPSO li jsiru bil-kompjuters u waħda dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi umani fiċ-Ċentru tal-Kummissjoni għar-Riċerka Konġunta.

Fl-2007, l-Ombudsman temm inkjesta b'inizjattiva proprja dwar il-miżuri adottati mill-Kummissjoni biex tiżgura li l-persuni b'diżabilità ma jkunux diskriminati fir-relazzjoni tagħhom mal-istituzzjoni. Fost il-miżuri pożittivi li identifika kien hemm dawk imfassla biex jipprovdu aċċess aktar faċli għall-informazzjoni permezz tal-websajt tal-Kummissjoni u dawk biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ u promozzjoni. Madankollu enfasizza li hemm aktar xi jsier biex l-istaff tal-Kummissjoni jkun sensibbli fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità. Fl-aħħarnett, kritika wkoll s-sitwazzjoni tal-Iskejjek Ewropej, li mhix xierqa fir-rigward tal-istudenti b'diżabilità.

Din is-sena l-Ombudsman reġa' daħħal l-idea ta' "każijiet eżemplari" fir-Rapport Annwali sabiex jenfasizza istanzi ta' amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet u entitajiet misjuba waqt l-inkjesti tiegħu u biex jenfasizza li l-istituzzjoni tal-Ombudsman qiegħda wkoll biex tappoġġja u tinkoraġġixxi prattika ta' amministrazzjoni tajba, speċjalment meta dan jista' jkun mudell ġenerali għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE. Fir-Rapport Annwali jidhru seba' minn dawk il-każijiet hekk imsejħa "każijiet eżemplari". Erbgħa minn dawn kienu jirrigwardaw il-Kummissjoni, wieħed il-Kunsill, wieħed il-Bank Ċentrali Ewropew u wieħed l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Il-prijoritajiet tal-Ombudsman Ewropew

Il-prijoritajiet prinċipali tal-Ombudsman Ewropew huwa li jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadini skont il-liġi tal-UE f'kull livell tal-Unjoni u li l-istituzzjonijiet u l-entitatjiet tal-UE jikkonformaw mal-ogħla standards ta' amministrazzjoni.

L-Ombudsman kompla fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni provduta liċ-ċittadini u l-ilmenti possibbli rigward id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE speċjalment permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. In-Netwerk, li jinkludi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, jikkonsisti f'madwar 90 uffiċċju f'31 pajjiż u jikkopera kuljum fit-trattament ta' każijiet, u fuq bażi kontinwa fil-qsim ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki permezz ta' seminarji u laqgħat, ġurnal regolari, forum ta' diskussjoni elettroniku u servizzi elettroniku ta' aħbarijiet ta' kuljum. Wieħed mill-għanijiet tan-Netwerk huwa li jiffaċilita t-trasferiment mgħaġġel tal-ilmenti lill-Ombudsman ta' kompetenza jew lil entità oħra simili. Meta jkun possibbli, l-Ombudsman jittrasferixxi l-każijiet direttament jew jagħti parir xieraq lil min jagħmel l-ilment. Waqt is-sena 2007, f'816 ilment ta l-parir li jirrikorru għand ombudsman nazzjonali jew reġjonali u għadda 51 ilment direttament lill-ombudsman kompetenti.

L-Ombudsman jinsisti biex jiżgura li ċertu istituzzjonijiet u entitajiet tal-UE jadottaw approċċ li jpoġġi ċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-attivitajiet kollha tagħhom billi jfitte kull opportunità li jikseb soluzzjonijiet amikevoli għall-ilmenti u billi jniedi aktar inkjesti b'inizjattiva proprja bil-għan li jidentifika l-problemi u jinkoraġġixxi l-aħjar prattika. Biex jippromwovi l-għanijiet tiegħu huwa jkompli jiżviluppa kuntatti mal-Membri u l-uffiċjali fl-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE bil-għan li jippromwovi il-kultura tas-servizzi fl-amministrazzjoni tal-UE. Saru aktar minn 60 laqgħa ta' dan it-tip matul is-sena 2007.

Fid-dawl tal-importanza li jkun żgurat li dawk li jista' jkollhom problemi mal-amministrazzjoni tal-UE jkunu konxji dwar id-dritt tagħhom li jagħmlu lment u dwar is-servizzi tal-Ombudsman, saru aktar minn 130 preżentazzjoni mill-Ombudsman u l-istaff tiegħu waqt konferenzi, seminars u laqgħat matul is-sena 2007. L-Ombudsman għamel ukoll żjarat ta' informazzjoni fil-Ġermanja, fl-Iżvezja u fil-Belġju bil-għan li jippromwovi l-għarfien tal-irwol tal-Ombudsman f'dawn il-pajjiżi. Huwa għamel ukoll sitt konferenzi stampa u aktar minn 40 intervista u nħarġu u tqassmu lill-ġurnalisti u lil partijiet interssati fl-Ewropa 17-il stqarrija tal-istampa.

Fost il-publikazzjoni prodotti u distribwiti fl-2007, kien hemm skeda ta' informazzjoni għan-negozji u l-organizzazzjonijiet, li tispjega fil-qasir il-ħidma tal-Ombudsman fir-rigward ta' dawn l-entitajiet. Il-Kmamar tal-Kummerċ u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati wrew interess partikulari f'din l-iskeda.

Il-websajt tal-Ombudsman ġiet aġġornata b'mod regolari matul is-sena 2007 b'deċiżjonijiet, stqarrijiet tal-istampa u dettalji tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni. Inħolqot taqsima ġdida fil-websajt li tagħti aktar importanza lill-inkjesti b'inizjattiva proprja. Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2007 żaru l-websajt 449,418 persuna differenti. It-taqsima 'Links' fil-websajt tinkludi links ma' websajts ta' ombudsmen nazzjonali u reġjonali madwar l-Ewropa. Matul l-2007, saru aktar minn 82,000 żjara fil-paġni tal-links, u dan juri biċ-ċar il-valur miżjud għaċ-ċittadini li jiġi mis-servizzi mogħtija permezz tan-Netwerk Ewropea tal-Ombudsmen. Bħalissa l-uffiċċju tal-Ombudsman qed jiżvilupp websajt ġdida li għandha tinkludi gwida interattiva biex tgħin liċ-ċittadini jsibu l-aktar soluzzjoni xierqa biex ikunu kumpensati għad-danni li jsofru. Din il-gwida għandha tippermetti li proporzjoni akbar tal-ilmenti jsiru direttament lill-entità li hija l-aktar xierqa biex tittratta l-ilment u b'hekk tnaqqas aktar l-għadd ta' lmenti mhux ammissibbli li jirċievi l-Ombudsman.

Konklużjoni

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jinkoraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli fl-għan doppju tiegħu li ħabbar fir-Rapport Annwali tal-2006, jiġifieri l-ħidma mal-istituzzjonijiet biex tiġi promossa amministrazzjoni tajba u ż-żieda fl-isforzi fil-komunikazzjoni sabiex iċ-ċittadini li jeħtiġilhom jużaw is-servizzi tiegħu jkunu infurmati tajjeb dwar kif jagħmlu dan. Il-Kumitat jinnota wkoll li l-kampanja ta' informazzjoni wasslet għal żieda fl-għadd ta' lmenti ammissibbli.

Wara l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2008, tar-rapport dwar Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/ECSC, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[2], proposti mill-Ombudsmant fl-2006, il-Parlament qabel li jkun hemm żieda kwalitattiva fil-poteri tal-Ombudsman mingħajr ma tiġi affetwata n-natura tal-kompetenzi tiegħu jew l-effett mhux finali tad-deċiżjonijiet tiegħu.

L-aktar bidliet importanti jiggarantixxu li l-Ombudsman ikollu aċċess sħiħ għad-dokumenti tal-UE waqt l-inkjesti tiegħu. Barra minn hekk, se tkun faċilitata l-koperazzjoni tal-Ombudsman mal-ombudsmen nazzjonali u l-istituzzjonijiet internazzjonali. Il-modifiki jinkludu wkoll dispożizzjonijiet aktar ċar dwar meta l-uffiċjali tal-UE jixhdu fuq talba tal-Ombudsman waqt inkjesta. Permezz tal-appoġġ ta' dawn il-bidliet, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet wrew kunfidenza fil-ħidma tal-Ombudsman u fl-isforzi tiegħu biex itejjeb is-servizz li jista' jipprovdi liċ-ċittadini, b'hekk saħħaħ il-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.09.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marcin Libicki Carlos José Iturgaiz Angulo, Kathy Sinnott),

Robert Atkins, Daniel Caspary, Cristina Gutiérrez-Cortines, Mairead McGuinness, Manolis Mavrommatis, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, José Javier Pomés Ruiz, Nicolae Vlad Popa, Rainer Wieland, Victor Boştinaru, Glyn Ford, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Miguel Angel Martínez Martínez, Maria Matsouka, Janelly Fourtou, Marian Harkin, Margrete Auken, David Hammerstein, Eoin Ryan, Willy Meyer Pleite,

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Hélène Descamps, Dushana Zdravkova , Grażyna Staniszewska, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali