RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

8.10.2008 - (10599/2/2008 – C6‑0327/2008 – 2002/0072(COD)) - ***II

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Harlem Désir

Proċedura : 2002/0072(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0373/2008

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

(10599/2/2008 – C6‑0327/2008 – 2002/0072(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (10599/2/2008 – C6‑0327/2008),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2002)0149),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2002)0701),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 35 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0000/2008),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni komuni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 254(1) tat-Trattat tal-KE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 25 E, 29.01.04, p. 368.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Daħla

Fl-20 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona, adottat proposta għal direttiva dwar "il-kundizzjonijiet ta' xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” bl-għan li jingħata livell minimu ta’ protezzjoni lill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u biex is-settur tal-impjiegi temporanji jiġi megħjun jiżviluppa għażla adattata u kkontrollata għal min iħaddem u għall-ħaddiema.

Il-proposta għal direttiva stabbilixxiet il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-ħaddiema tal-aġenziji temporanji u l-ħaddiema simili tal-impriżi utenti, inkluż għall-paga, sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol mal-istess persuna li tħaddem tkun iktar minn sitt ġimgħat. Imma kienet prevista eċċezzjoni għall-prinċipju fil-każ ta’ ftehimiet kollettivi.

Il-proposta għal direttiva għamlet segwitu għan-nuqqas ta’ suċċess tan-negozjati bejn l-imsieħba soċjali, negozjati li damu sena, bejn l-2000 u l-2001.

Filwaqt li aġixxa b’konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat, il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-21 ta’ Novembru 2002. Saru ħafna emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, sabiex tkun żgurata protezzjoni essenzjali għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u sabiex ikunu limitati u kkontrollati l-possibilitajiet ta’ eżenzjoni mill-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

Fit-28 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat proposta emendata li kkunsidrat l-opinjoni tal-Parlament Ewropew. Din il-proposta għad direttiva emendata ġiet blokkata għal sitt snin fil-Kunsill tal-Ministri, imma il-Kunsill fl-aħħar wasal għal ftehima politika dwar pożizzjoni komuni waqt is-sessjoni tiegħu tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2008. B’konformità mal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, dan adotta b’mod formali l-pożizzjoni komuni tiegħu fil-15 ta’ Settembru 2008.

II. Il-kontributi tal-ewwel qari

Ir-rapporteur tagħkom jixtieq jenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret fl-okkażjoni tal-ewwel qari, fl-2002, mir-rapporteur Ieke van den Burg. L-emendi li saru għall-proposta tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq tliet objettivi kbar tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-ħaddiema.

It-“trattament ugwali għall-ħaddiema temporanji meta jitqabbel ma’ dak ta' ħaddiema oħra f’dak li jikkonċerna l-istatus u s-sigurtà”.

L-osservanza “tan-normi soċjali stabbiliti fl-impriżi utenti permezz tat-trattament ugwali f'dak li jikkonċerna s-salarju u l-kundizzjonijiet bejn il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema tal-impriżi utenti”.

U fl-aħħar nett, “ir-rikonoxximent tas-settur tal-aġenziji temporanji bħala attività kummerċjali leġittima u professjonali billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet inutli”.

Il-Parlament, b’hekk adotta emendi li kellhom l-objettiv li jistabbilixxu b’mod ċar li l-ħaddiema kollha tal-aġenziji temporanji għandhom id-dritt għal protezzjoni essenzjali mill-ewwel ġurnata tax-xogħol tagħhom u li din il-protezzjoni tinkludi d-dritt li jibbenefikaw mid-dritt għax-xogħol, minn ugwaljanza fis-salarji meta jitqabblu mal-impjegati l-oħra b’paga u minn protezzjoni soċjali.

Il-Parlament adotta wkoll emendi sabiex jirrifjuta l-eżenzjonijiet mill-klawsola ta’ nondiskriminazzjoni, barra ċerti eċċezzjonijiet (pereżempju fil-każ ta’ kuntratt għal tul mhux determinat ta’ żmien ma’ impriża ta’ xogħol temporanju jew meta konvenzjonijiet kollettivi jiżguraw protezzjoni adegwata).

III. Evalwazzjoni tal-pożizzjoni komuni

Il-pożizzjoni komuni tqis il-bżonn li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju bl-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol filwaqt li jipproteġi l-ħaddiema.

Din il-pożizzjoni komuni żammet il-maġġoranza tal-emendi adottati fl-ewwel qari mill-Parlament, fosthom dawn li jiggarantixxu trattament ugwali inkluż fil-qasam tas-salarji bejn il-ħaddiema fl-impriżi utenti.

Il-Kunsill, b’hekk, qies li t-trattament ugwali mill-ewwel ġurnata għandu jkun ir-regola ġenerali, filwaqt li kwalunkwe deroga minn dan il-prinċipju għandha tkun mifthiema mal-imsieħba soċjali, permezz ta’ negozjati kollettivi jew permezz ta’ ftehimiet konklużi mal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali (l-Artikolu 5).

L-emendi tal-Parlament dwar id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, b’mod partikulari bl-introduzzjoni tal-paga (l-Artikolu 3), ukoll inżammu fil-pożizzjoni komuni.

Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill żammet l-emendi dwar l-aċċess għall-impjieg, għall-faċilitajiet kollettivi u għat-taħriġ vokazzjonali (l-Artikolu 6), kif ukoll dwar ir-rappreżentanza tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija (l-Artikolu 7).

Barra minn hekk, ir-rapporteur jissottolinja li jekk is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fil-post tax-xogħol ma nżammux bħala kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u ta' impjieg, kif talab il-Parlament Ewropew, dawn, fil-fatt, huma diġà garantiti permezz tad-Direttiva 91/383/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien fiss jew ta' impjieg temporanju.

IV. Rakkomandazzjonijiet għat-tieni qari

Illum għad hemm disparitajiet kbar bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Barra minn hekk, kultant ikun hemm inugwaljanzi kbar fil-qasam tal-paga, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar diffiċli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Sfortunatament, dawn ikunu esposti b’mod partikulari għal riskji fiżiċi, u l-intensità u r-ritmu tax-xogħol spiss ikunu ogħla minn dawk ta' ħaddiema oħra.

Fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fi Spanja ir-regolamentazzjoni tas-settur normalment tiġi mil-leġiżlazzjoni ġenerali mingħajr regolamentazzjoni speċifika.

Fir-Renju Unit jew fl-Irlanda l-qafas leġiżlattiv regolamentarju stabbilit hu flessibbli ħafna.

Fil-Belġju, fi Franza jew fl-Italja hemm regolamentazzjoni speċifika tal-interim li tkopri r-relazzjoni li torbot l-aġenziji ta’ xogħol temporanju, l-impriżi utenti u l-ħaddiema, u l-istatut tal-ħaddiema.

Imma, fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea x-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija donnu qed jiżdied, anke jekk il-proporzjon ta’ ħaddiema kkonċernati jvarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li tiċċara l-qafas li fih jintervjenu l-aġenziji ta’ xogħol temporanju għadha ġġustifikata u bżonjuża llum daqs sitt snin ilu.

Għall-eżami tar-rapport fit-tieni qari, ir-rapporteur iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha u, b'mod partikulari, tal-Konfederazzjoni Ewropea tas-Sindikati u membri tal-Eurociett u ta’ Uni-Europa, rappreżentanti tal-impriżi ta’ xogħol temporanju fl-iskala Ewropea.

Il-Konfederazzjoni Ewropea tas-Sindikati kkomunikat lir-rapporteur il-kummenti pożittivi tagħha dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill. Għaliha, din il-ftehima hija deċiżiva b’mod partikulari minħabba l-osservanza u t-tisħiħ tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll tal-prinċipju li skontu d-derogi mhux s jkunu possibbli ħlief permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Barra minn hekk, din esprimiet ruħha f’dan ir-rigward fl-istqarrija tagħha għall-midja tal-10 ta’ Ġunju 2008.

Il-Eurociett u l-Uni-Europa wkoll esprimew mar-rapporteur l-appoġġ tagħhom għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill. L-Eurociett u l-Uni-Europa kienu wrew dan l-appoġġ fl-istqarrija tagħhom għall-midja tal-10 ta’ Ġunju 2008.

Għalhekk, hemm bżonn urġenti li tiġi adottata leġiżlazzjoni Komunitarja biex tipproteġi lill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Ewropa. U għar-rapporteur tagħkom, il-Parlament Ewropew, li sitt snin ilu ddikkjara ruħu favur din id-direttiva u qed jara li l-proposti tiegħu li jtejbu l-proposta inizjali qed jiġu aċċettati mill-Kunsill, qiegħed f’sitwazzjoni li, permezz tal-approvazzjoni tal-adozzjoni tagħha mingħajr emendi fit-tieni qari, jikseb l-adozzjoni immedjata ta’ din il-leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-ħaddiema.

Ir-rapporteur tagħkom, konsegwentement, jirrakkomanda adozzjoni rapida tar-rapport mingħajr emendi, sabiex din il-proposta għal direttiva ssir liġi.

PROĊEDURA

Titolu

Xogħol temporanju permezz ta' aġenzija: qafas protettiv għall-ħaddiema, relazzjonijiet mal-impriżi tax-xogħol

Referenzi

10599/2/2008 – C6-0327/2008 – 2002/0072(COD)

Data tal-ewwel qari tal-PE – Numru P

21.11.2002                     T5-0562/2002

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2002)0149 - C5-0140/2002

Proposta emendata tal-Kummissjoni

COM(2002)0701

Data tat-tħabbir tal-approvazzjoni tal-pożizzjoni komuni fis-seduta plenarja

22.9.2008

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

22.9.2008

Rapporteur

Data tal-ħatra

Harlem Désir

24.6.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

6.10.2008

 

 

 

Data tal-adozzjoni

7.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Richard Falbr, Roger Helmer, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Raymond Langendries, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Howitt, Jamila Madeira