Proċedura : 2008/2012(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0389/2008

Testi mressqa :

A6-0389/2008

Dibattiti :

PV 17/11/2008 - 22
CRE 17/11/2008 - 22

Votazzjonijiet :

PV 18/11/2008 - 7.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0544

RAPPORT     
PDF 179kWORD 151k
10.10.2008
PE 404.763v02-00 A6-0389/2008

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa

(2008/2012(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Edit Bauer

(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦAL MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa

(2008/2012(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192, paragrafu 2 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 142, paragrafu 3, tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem "Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel" (COM(2007)O424),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tan-netwerk ta' esperti legali tal-Kummissjoni fl-oqsma tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bbażati fuq l-Artikolu 141 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet Konvenzjoni dwar Xogħol Part Time tal-1994 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) li teżiġi li l-pajjiżi jinkorporaw fl-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta' pagi indaqs,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

–   wara l- kkunsidra l-Qafas ta' Azzjonijiet tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar il-Pjan Direzzjonali għal ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)(1) u ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2008(2),

–   wara li kkunsidra r-Regoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0000/2008),

A. billi fl-Unjoni Ewropea n-nisa jaqilgħu medja ta' 15% anqas mill-irġiel u sa 24% anqas fis-settur privat, filwaqt li d-differenza tal-pagi bejn is-sessi tvarja bejn 4% sa aktar minn 25% fl-Istati Membri u m'hemm ebda tendenza sinifikattiva li turi li din id-differenza qed tonqos,

B.  billi n-nisa jridu jaħdmu sat-22 ta' Frar (jiġifieri 418-il jum kalendarju) sabiex jaqilgħu daqs kemm jaqilgħu l-irġiel f'sena,

C.  billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali u għal xogħol tal-istess valur hija kruċjali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi,

D. billi d-differenza bejn is-sessi qed tkompli tippersisti, kif tixhed dejta li tindika l-progress estremament bilmod li qed isir (minn 17% fl-1996 għal 15% fl-2005) minkejja l-korp sinifikkativ ta' leġiżlazzjonijiet li ilhom 30 sena fis-seħħ u minkejja l-azzjonijiet li ttieħdu u r-risorżi li ntefqu biex jippruvaw inaqqsuha; billi l-kawżi ta' din id-differenza jeħtieġ li jiġu analizzati u jiġu ppreżentati strateġiji biex jittakiljaw id-differenzi fil-pagi u s-segregazzjoni tas-suq ta' impjieġi għan-nisa li hu fenomenu li jakkumpanjawhom,

E.  billi n-nisa jiksbu rata ta' suċċess fl-iskejjel aktar għolja mill-irġiel fl-Istati Membri kollha u għandhom l-maġġoranza ta' gradwati mingħajr ma hemm tnaqqis komparabbli fid-differenza fil-pagi,

F.  billi d-differenza fil-pagi tirrizulta minn diskriminazzjoni diretta u indiretta, kif ukoll minn fatturi soċjali u ekonomiċi, segregazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-istruttura globali tal-pagi u, barra minn hekk, hija marbuta ma' għadd ta' fatturi legali, soċjali u ekonomiċi li jmorru lilhinn mill-kwistjoni waħdanija tal-istess paga għall-istess xogħol,

G.  billi d-differenza fil-pagi mhijiex ibbażata biss fuq disparitajiet ta' dħul gross fis-siegħa u billi jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll fatturi bħal ħlas supplimentari individwali, il-klassifikazzjoni tal-impjiegi, ix-xejriet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, l-esperjenza professjonali u l-produttività, li għandhom jitkejlu mhux biss f’termini kwantitattivi (is-sigħat meta l-ħaddiem ikun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol) iżda wkoll f’termini kwalitattivi u f'termini tal-impatt tal-qliegħ minn sigħat iqsar ta' xogħol, liv u assenza relatata mas-saħħa,

H.  billi t-tnaqqis tad-differenza fil-pagi kien wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi ta' Liżbona, iżda baqgħet ma ġietx indirizzata biżżejjed mill-Istati Membri,

I.   billi titjib fil-qafas legali tal-UE għandu jgħin lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jidentifikaw aħjar il-kawżiet bażiċi tal-persistenza tad-differenza fil-pagi bejn irġiel u nisa;

J.   billi professjonijiet u impjiegi li fihom għandhom il-predominanza n-nisa għandhom tendenza li jiġu stmati anqas meta mqabbla ma' dawk li fihom hemm il-predominanza tal-irġiel, mingħajr ma hemm bilfors il-ġustifkazzazzjoni ta' kriterji oġġettivi,

K. billi l-firda diġitali bbażata fuq id-differenza bejn is-sessi li teżisti għandha impatt fuq il-pagi,

L.  billi is-sistema tal-pagi li permezz tagħha l-livell tal-pagi jikkunsidra t-tul tas-servizz mhix favorevoli għan-nisa li jkollhom (bosta drabi) jinterrompu l-karriera tagħhom minħabba fatturi esterni bħalma huma waqfien mix-xogħol minħabba l-ulied, posponiment ta' għażliet ta' karrieri jew tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol, u tqiegħed lin-nisa fi żvantaġġ permanenti u strutturali,

M. billi l-istatistika tindika li kwalifiki u esperjenza li jinkisbu min-nisa huma kumpensati finanzjarjament anqas minn dawk miksuba mill-irġiel, billi barra mill-kunċett ta' pagi ugwali għal xogħol ta' valur ugwali, li m'għandux ikun preġudikat minn approċċ sterjotipiku għad-differenza bejn is-sessi, jeħtieġ li jitwarrbu rwoli fis-soċjetà li s'issa influwenzaw b'mod sinifikattiv l-edukazzjoni u opportunitajiet ta' xogħol , barra minn hekk. liv paternali jew maternali m'għandux iwassal għal diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol,

N. billi d-differenza tal-pagi bejn is-sessi għandha impatt serju fuq l-istejtus ekonomiku u soċjali tan-nisa tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u lilhinn minnha,u billi minħabba li ma jikkontribwixxux għas-soċjetà bix-xogħol iżda b'mezzi oħrajn, bħal pereżempju billi jieħdu ħsieb it-tfal u qarba anzjani, bosta nisa jinsabu fir-riskju tal-faqar u huma anqas indipendenti ekonomikament,

O. billi d-differenza fil-pagi hija aktar qawwija fost nisa immigranti, nisa b'diżabilità, nisa minn minoritajiet u nisa bla kwalifiki,

P.  billi dejta speċifika dwar id-differenza bejn is-sessi u qafas legali li jagħraf id-differenza bejn is-sessi u li kapaċi jittakilja x'jikkawża d-diskriminazzzjoni fil-pagi,

Q. billi l-edukazzjoni tista' u għandha tikkontribwixxi biex teradika mis-soċjetà sterjotipi rigward differenzi bejn is-sessi,

R.  billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi, inkluża r-reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex jittakiljaw id-differenza fil-pagi, jeradikaw ir-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti u jiksiblhom livell ta' għajxien deċenti,

S. billi d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattatment ugwali ta' nisa u rġiel f'oqsma ta' impjieg u xogħol (riformulazzjoni) jistqarr li l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jew ta' valur ugwali jagħmel parti essenzjali u indispensabbli mill-acquis komunitarju, inkluża l-każistika tal-Qorti ewropea tal-Ġustizzja rigward id-diskriminazzjoni u s-sessi, u jeħtieġ li jkun hemm aktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju,

T.  billi l-implimentazzjoni mill-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet għal opportunitajiet indaqs ta' miżuri bħal dawk li hemm indikati fil-"Qafas ta' azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi" approvat mill-imsieħba soċjali f'Marzu 2005 tkun tista' tgħin biex tnaqqas id-differenza fil-pagi permezz ta' djalogu soċjali effettiv,

U.  billi li strateġija li tikkoreġi d-differenza, is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol u l-isterjotipi dwar l-impjiegi u s-setturi fejn tipikament issib dominanza femminili se jeħtieġu qafas għal miżuri leġiżlattivi u għal miżuri oħrajn fuq diversi livelli li jiddistingwi bejn diskriminazzjoni fil-paga u differenzi fil-paga bbażati fuq fatturi differenti mid-diskriminazzjoni diretta jew indiretta, minħabba li tal-ewwel taqa' direttament fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni u tal-aħħar għandha tiġi ttrattata permezz ta' politiki mmirati u miżuri speċifiċi.

V. billi l-Kummissjoni, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni diġà msemmija "Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel" qiegħda tagħmel analiżi matul l-2008 tal-qafas legali tal-UE rigward pagi ugwali li għandu jinvolvi lil dawk kollha konċernati, billi r-riżultat ta' din l-analiżi għandu jingħata l-pubbliċità xierqa,

W. billi ġiet stabbilità bħal mira l-ugwaljanza fil-pensjonijiet għall-irġiel u n-nisa, inkluż rigward l-età tal-irtirar,

X.  billi l-Istitut Ewropew dwar is-Sessi jista' jkollu rwol fundamentali,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq quddiem il-Parlament sal-31 ta' Diċembru 2009, skont l-Artikolu 141 tat-Trattat tal-KE, proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti rigward il-prinċipju ta' paġi ugwali għall-irgiel u n-nisa, ibbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati mniżżla hawn taħt (3);

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Jikkunsidra li l-proposta mitluba mhux se jkollha implikazzjonijiet finanzjarji;

4.  Huwa konvint li hu essenzjali li tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u bikrija tad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjegar u xogħol (riformulazzjoni) dwar organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza u d-djalogu soċjali bl-iskop li jiġu indirizzati d-differenzi fil-pagi billi jiġi żgurat li l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs japplikaw miżuri bħal dawk indikati mill-"Qafas għal azzjonijiet rigward ugwaljanza bejn is-sessi" approvati mill-imsieħba soċjali f'Marzu 2005, billi jieħdu ħsieb li tingħata informazzjoni u linji gwida dwar mezzi prattiċi (b'mod partikulari għall-SMEs) biex titneħħew id-differenzi fil-pagi, inkluż ftehimiet kollettivi nazzjonali u setttorjali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Parlament analiżi dwar liema atti legali fuq livell tal-UE u/jew nazzjonali jkunu l-iżjed mezzi xierqa sabiex jintlaħaq tnaqqis sinifikanti fid-differenza fil-pagi.

6.  Jinnota li ftehimiet u neguzjati kollettivi għandhom irwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni man-nisa, u mhux lanqas f'dak li jirrigwarda l-aċċess għax-xogħol, pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol, avvanz fil-karrieri u taħriġ vokazzjonali;

7.  Jitlob lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jorganizzaw Jum Ewropew għall-Pagi Indaqs - il-jum li fih in-nisa fl-Ewropea jaqilgħu (bħala medja) il-paga li l-irġiel jaqilgħu (bħala medja) f'sena - li jikkontribwixxi biex iqajjem il-kuxjenza dwar d-differenzi fil-pagi eżistenti u jħeġġeġ li dawk kollha involuti biex jieħdu inizjattivi addizjonali biex jeliminaw dawn id-differenzi;

8.  Jitlob lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem biex flimkien jiżviluppaw strumenti ta' valutazzjoni ta' impjiegi sabiex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn irġiel u nisa;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li hawn magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 56.

(2)

Testi adottati , P6_TA(2008)0399.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill /117/KEE tal-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45 19.2.1975, p. 19) ġiet inkorporata fid-Direttiva 2006/54/KE. Skont id-dispożizzjonijiet tad-Diretttiva 2006/54/EC, id-Direttiva 75/117/KEE tiġi revokata mill-15 ta' Awissu 2009, li hija wkoll l-aħħar skadenza ffissata għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.


ANNESS GĦAL MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1: DEFINIZZJONIIET

Id-Direttiva mfassla mill-ġdid Nru 2006/54 tagħti definizzjoni ta' pagi ugwali billi tikkopja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/117. Biex ikun hemm kategoriji aktar preċiżi bħala għodda li tittakilja d-differenza fil-pagi bejn is-sessi (GPG - gender pay gap) huwa importanti li tingħata definizzjoni aktar dettaljata tal-kunċetti differenti, bħal pereżempju:

- GPG, hekk li d-definizzjoni ma tkoprix biss l-paga grossa fis-siegħa;

- Diskriminazzjoni diretta fil-pagi;

- Diskriminazzjoni indiretta fil-pagi;

- Differenza fil-pensjonijiet - f'pilastri differenti tas-sistemi ta' pensjoni - i.e., f'sistemi pay as you go, sistemi ta’ sigurtà soċjali professjonali (bħala kontinwazzjoni tad-differenzi fil-pagi wara li wieħed jirtira).

Rakkomandazzjoni 2: ANALIŻI TAS-SITWAZZJONI U T-TRASPARENZA TAR-RIŻULTATI

2.1. In-nuqqas ta' informazzjoni u għarfien fost l-impjegati u min iħaddem dwar l-eżistenza li jista' jkun hemm differenzi fil-pagi fil-kumpanija jdgħajjef l-implimentazzjoni tal-prinċipju mħaddan fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

2.2. Billi jirrikonoxxi li hemm nuqqas ta' dejta statistika preċiża u r-rati eżistenti tal-pagi aktar baxxi għan-nisa, speċjalment fi professjonijiet bi predominanza ta' nisa, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa għad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki soċjali tagħhom u jittrattwaha bħala problema serja.

2.3. Huwa għalhekk essenzjali li verifiki regolari, kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħhom, isiru obbligatorji fi ħdan kumpaniji (pereżempju, f'kumpaniji li jħaddmu talanqas 20 impjegat). Dan r-rekwiżit għandu japplika wkoll għar-remunerazzjoni addizzjonali mal-pagi.

2.4. Min iħaddem għandu jipprovdi lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom b'riżultati taħt forma ta' statistika kategorizzata skont is-sess. Din l-informazzjoni għandha tinġabar fil-livelli settorjali u nazzjonali f'kull Stat Membru.

2.5. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom itejbu l-istatistika u jinkludu dejta komparabbli dwar differenzi fil-paġi bejn is-sessi għal xogħol part time u d-differenzi ta' pensjonijiet bejn is-sessi.

2.6. Din l-istatistika għandha tkun komparabbli, koerenti u kompluta u jkollha l-iskop li tabolixxi elementi ta' diskriminazzjoni fil-pagi b'konnessjoni mal-organizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol.

Rakkomandazzjoni 3: EVALWAZZJONI U KLASSIFIKAZZJONI TAX-XOGĦOL

3.1. Il-kunċett tal-valur tax-xogħol irid ikun ibbażat fuq ħiliet interpersonali jew responsabilità u li jenfasizza l-kwalità tax-xogħol, bl-iskop li jiġu promossi opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u m'għandhux ikun karatterizzat minn approċċ sterjotipiku li jisfavorixxi n-nisa billi pereżempju jenfasizza s-saħħa fiżika aktar mill-abilitajiet interpersonali jew ir-responsabbiltà. Għalhekk, in-nisa trid tingħatalhom informazzjoni, għajnuna u/jew taħriġ fin-neguzjar tal-pagi, il-klassifikazzjoni tax-xogħol u l-livelli ta' pagi. Irid ikun hemm il-possibilità li setturi u kumpaniji jintalbu jeżaminaw jekk is-sistemi ta' klassifikazzjoni tagħhom jirriflettux id-dimensjoni tas-sessi differenti kif meħtieġ u sabiex jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa.

3.2. L-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu klassifikazzjoni ta' impjiegi li taqbel mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn irgiel u nisa, u li tgħin kemm lil min iħaddem u kemm lill-ħaddiema biex jidentifikaw diskriminazzjoni fil-pagi li jista' jkun hemm fuq il-bażi ta' skala ta' pagi preġudikata. Għandu jibqa' importanti r-rispett tal-liġijiet u tradizzjonijiet nazzjonali rigward relazzjonijiet industrijali. Elementi bħal dawn ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu wkoll trasparenti u jkunu għad-dispożizzjoni ta' kulmin hu konċernat u tal-ispettorati tax-xogħol u ta' korpi għall-ugwaljanza.

3.3. L-Istati Membri għandhom jagħlu evalwazzjoni bir-reqqa ffukkata fuq il-professjonijiet iddominata minn nisa u jiżviluppaw, b'koperazzjoni ta' ħidma ma' assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u ma' min iħaddem, mekkaniżmu li jkollu l-iskop li jitejjeb l-istejtus finanzjarju tal-ħaddiema,

3.4. Evalwazzjoni li tkun newtrali rigward id-diffferenza bejn is-sessi għandha tkun ibbażata fuq sistemi ġodda ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni ta' staff u ta' xogħol u fuq esperjenza professjonali u prodottività li tkun fuq kollox evalwata f'temini kwalitativi, biex tintuża bħala sors ta' dejta u grids ta' evalwazzjoni li jiddeterminaw il-pagi, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju tal-komparabilità.

Rakkomandazzjoni 4: KORPI GĦALL-UGWALJANZA

Il-korpi ta' promozzjoni tal-ugwaljanza u ta' monitoraġġ għandhom ikollhom rwol akbar fid-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Il-korpi għandhom ikollhom is-setgħa li jimmoniterjaw, jirraportaw, u fejn ikun possibbli jinfurzaw aktar effetivament u aktar independentement l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54 għandu jigi rivedut sabiex iseddaq il-mandat tagħhom billi:

- jagħtu appoġġ u pariri lill-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi;

- jipprovdu servejs indipendenti rigward id-differenza fil-pagi;

- jippubblikaw rapport indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw diskriminazzjoni (diretta u indiretta) fil-pagi.

- ikollhom poteri legali biex iressqu quddiem il-qorti każijiet ta' diskriminazzjoni fil-pagi;

- jipprovdu taħriġ speċjalizzat għall-imsieħba soċjali u għall-avukati, imħalfin u ombudsmen li jkun ibbażat fuq għodda ta' strumenti analitiċi u miżuri speċifiċi li għandhom jintużaw jew meta jiġu mfassla l-kuntratti jew meta jiġi verifikat jekk ir-regoli u l-politiki biex jindirizzaw id-differenzi fil-pagi humiex jiġu implimentati.

Rakkomandazzjoni 5: DJALOGU SOĊJALI

Jeħtieġ aktar skrutinju ta' ftehimiet kollettivi u l-iskali ta' pagi applikabbli tagħhom u skemi ta' evalwazzjoni tax-xogħol, l-aktar rigward it-trattament ta' ħaddiema part-time u ta' ħaddiema b'arraġamenti atipiċi ta' xogħol oħrajn jew pagamenti ekstra/bonusijiet (li aktar jingħataw lill-irġiel milli lin-nisa). Skrutinju bħal dan għandu jkopri mhux biss kundizzjonijiet ta' xogħol primarji, imma wkoll kundizjonijiet ta' xogħol sekondarji u skemi ta' sigurtà soċjali rigward xogħol (regoli għal-liv, skemi tal-pensjoni, karozzi tal-kumpaniji, arranġamenti għall-kura tat-tfal, ħin tax-xogħol flessibbli, eċċ.) L-Istati Membri - filwaqt li jirrispettaw l-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiċi - għandhom jinkuraġġixxu lill-imsieħba soċjali biex jintroduċu evalwazzjonijiet newtrali fir-rigward tal-ġeneru, hekk li kemm min iħaddem u kemm l-impjegati ikunu jistgħu jidentifikaw diskriminazzjonijiet li jista' jkun hemm li jkunu bbażati fuq definizzjoni ta' skala ta' paga preġudikata.

Rakkomandazzjoni 6: PREVENZJONI TAD-DISKRIMINAZZJONI

irid ikun hemm referenza speċifika għad-diskriminazzjoni fil-pagi fl-Artikolu 26 (Prevenzjoni tad-diskriminazzjoni) tad-Direttiva 2006/54 bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs, jaddottaw:

- miżuri speċifiċi rigward taħriġ u klassifikazzjoni ta' impjiegi, immirati lejn systemi ta' taħriġ vokazzjonali u mfasslin hekk li jneħħu u jipprevjenu d-diskriminazzjoni fit-taħriġ u l-klassifikazzjoni u fil-valutazzjoni ekonomika tal-kompetenzi;

- politiki speċifiċi li jagħmlu possibbli r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja personali u l-ħajja fil-familja, li jkopru kura tat-tfal u servizzi oħra ta' kura, organizzazzjoni u sigħat tax-xogħol flessibbli, liv tal-paternità, paternali, maternali u tal-familja, b'miżuri speċifiċi għall-liv għal paternità u l-protezzjoni tiegħu u għall liv parentali li jkopri finanzjarjamwent iż-żewħ ġeniturio;

- azzjonijiet affirmativi konkreti (skont l-Artikolu 141(4) tat-Trattat) biex jirranġaw id-differenzi fil-pagi u s-segregazzjoni minħabba differenza tas-sessi, li jiddaħħlu fis-seħħ mill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs fil-livelli varji, kemm kontrattwali u kemm settorjali, bħalma huma: il-promozzjoni ta' ftehimiet rigward pagi biex jikkumbattu l-GPG, investigazzjonijiet rigward pagi ndaqs, l-iffissar ta' objettivi kwantitativi u benchmarking, skambi tal-aħjar prattiki,

- id-dħul ta’ klawsola f'kuntratti pubbliċi li titlob rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-pagi ndaqs fil-kuntratti pubbliċi u l-introduzzjoni ta’ tikketta speċifika bħal ‘ċertifikat ta’ kwalità’ għall-politiki dwar is-sessi u l-pagi, li jista’ jingħata lil kumpaniji u jikkonferilhom ċerti vantaġġi f’termini ta’ aċċess għal miżuri u finanzjament ta’ appoġġ nazzjonali, lokali u Ewropew u jsaħħilhom l-opportunitajiet tagħhom li jikkonkludu kuntratti pubbliċi.

Rakkomandazzjoni 7: Mainstreamin rigward ġeneru

Il-mainstreaming rigward ġeneru għandu jisseddaq bl-inklużjoni fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2006/54 ta' linji gwida preċiżi għall-Istati Membri rigward il-prinċipju tal-pagi ndaqs u biex jitnaqqsu d-differerenza fil-pagi. Il-Kummissjoni għandha tarma ruħha biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri u lill min hui involut fir-rigward ta' miżuri prattiċi biex jitnaqqsu d-differerenza fil-pagi bejn l-irġiel u nisa permezz ta' li ġej:

- jinstabu skemi ta' rapurtaġġ bl-iskop li jevalwaw id-differerenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa

- jinħoloq data bank li jiġbor l-informazzjoni dwar bidliet fis-sistemi ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni ta' ħaddiema,

- jinġabru u jitqassmu r-riżultati ta' esperimenti dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni tax-xogħol,

- jinstabu linji gwida speċifiċi għall-monitoraġġ ta' differenzi fil-pagi fil-kuntest ta' neġojati kollettivi li għandhom jitqiegħdu fuq sit tal-internet u tradotti f'għadd ta' lingwi u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd,

- tixrid ta' informazzjoni u linji gwida rigward mezzi prattiċi (b'mod partikulari għall-SMEs) biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi, inklużi ftehimiet kollettivi nazzjonali u settorjali.

Rakkomandazzjoni 8: SANZJONIJIET

8.1. Għal raġunijiet differenti, il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam jidher biċ-ċar li hija anqas effiċjenti u jekk wieħed iżomm f'moħħu li l-problema kollha ma tistax tissolva bil-leġiżlazzjoni biss, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni preżenti b'għamliet xierqa ta' sanzjonijiet.

8.2. Huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali jkun suġġett għal sanzjonijiet skont id-dispożizzjoni legali fis-seħħ.

8.3. Ta' min ifakkar li skont id-Direttiva mfassla mill-ġdid Nru 2006/54, l-Istati Membri diġà huma obbligati li jipprovdu kumpens jew riparazzjoni (Dispożizzjonijiet orizzontali tat-Titolu III, l-Ewwel Kapitolu, Artikolu 18) li jkunu "effettivi, proporzjonati u dissważivi". Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jevitaw ksur tal-prinċipju ta' paga ugwali. Għal din ir-raġuni huwa propost li jsir studju dwar il-possibilità, l-effetività u l-impatt tat-tnedija ta' sanzjonijiet possibbli, bħalma huma:

il-kumpens jew ir-riparazzjopni m'għandhomx ikunu ristretti billi jiġi ffissat minn qabel limitu massimu;

- penali, li jridu jinkludu l-ħlas ta' kumpens għall-vittma;

jkun hemm multi amministrattivi (pereżempju fil-każ ta' nuqqas ta' notifika jew jekk ma jkunx hemm analiżi ta' statistika dwar il-pagi kategorizzati skont is-sess (bi qbil mar-Rakkomandazzjoni 2) li jintalbu mill-ispettorati tax-xogħol;

- multi amministrattivi (pereżempju fil-każ ta' nuqqas ta' notifika jew komunikazzjoni mandatorja jew nuqqas ta' disponibilità ta' analiżi u evalwazzjoni ta' statistiċi ta' pagi mqassma skont il-ġeneru (skont ir-rakkomandazzjoni 2) mitlubin mill-ispettorati tax-xogħol jew il-korpi ta' ugwaljanza kompetenti;

- skwalifika minn benefiċċji pubbliċi, sussidji (inkluż finanzjament immanniġġjat mill-Istati Membri) u proċeduri ta' akkwist pubbliku, kif diġà previst mid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/EC rigward il-proċedura ta' akkwist. Għandu għalhekk ikun mandatorju li proċeduri għall-għoti ta' kuntratti u/jew tressiq ta' offerti jinkludu kwalżola rigward pagi ugwali.

- l-identifikazzjoni ta' min jagħmel l-offiżi, li għandha tixxandar pubblikament.

Rakkomandazzjoni 9: STREAMLINING TA' REGOLAZZJONI TAL-UE U TAL-POLITIKA TAL_UE

9.1. Qasam fejn hi meħtieġa azzjoni urġenti tirrigwarda l-fatt li hemm penalizzazzjoni fil-pagi marbuta ma' xogħol part time. Dan jeħtieġ evalwazzjoni u possibilment reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 rigward il-Ftehima ta' Qafas dwar xogħol part time konkluż mill UNICE, CEEP u l-Anness ETUC: Ftehima ta' Qafas dwar xogħol part time(1), li jippreskrivi trattament ugwali għal min jaħdem full time u min jaħdem part time, kif ukoll azzjonijiet aktar immirati u aktar effettivi fi ftehimiet kollettivi.

9.2. Objettiv aktar konkret biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi għandu jiddaħħal b'urġenza fil-Linji Gwida ta' Impjegar, inkluż fir-rigward ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi tan-nisa.

(1)

ĠU L 14, 201.11998, p. 9.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-qafas legali tal-UE rigward pagi ugwali huwa pjuttost estensiv. L-impatt tiegħu iżda jiddependi mill-effikaċja tal-infurzar, fejn jista jkun hemm problemi.

Hemm informazzjoni li tindika li hemm differenzi persistenti fil-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-aħħar ċifri juru differenza ta' 15% bejn il-paga grossa fis-siegħa ta' raġel u dik ta' mara, u din hija ta' 25% fis-settur privat. Id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa (Gender Pay Gap - GPG) bosta drabi kienet tiġi spjegata mid-differenzi fuq bażi individwali, bħall-età, l-edukazzjoni u l-esperjenza. Il-provi madankollu jissuġġerixxu li dawn id-differenzi għandhom rwol żgħir fil-persistenza tal-GPG

Billi d-differenzi ta' karatteristiċi individwali qegħdin jonqsu mal-UE kollha, ukoll jekk f'ċerti pajjiżi għadhom importanti, il-GPG aktar jidher li jirrigwarda l-livell ta' segregazzjoni okkupazzjonali u l-impatt tal-istruttura tal-pagi. Ir-riġidtà u l-persistenza tal-GPĠ tenfasizza l-ħtieġa ta' politiki li jindirizzaw bosta direzzjonijiet u li jimmiraw fuq l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u jindirizzaw is-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol.

L-esperti qablu li diskriminazzjoni aperta u diretta bbażżata fuq is-sess qed titnaqqas bil-leġiżlazzjoni preżenti. Diskriminazzjoni indiretta tidher li hi kwistjoni li tirriżulta f'differenza fil-pagi f'setturi segregati. Minħabba differenza fil-pagi li tirriżulta minn segregazzjoni ekonomika, il-leġiżlazzjoni, li hija aktar effettiva fil-ġlieda kontra dikriminazzjoni diretta, għandha effikaċja limitata. Evalwazzjoni tal-qafas leġiżlattiv turi xi differenzi fil-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-GPG. Id-Direttiva 75/117/EEC u d-Direttiva riformulta 54/2006/EC juru li differenzi kbar huwa l-prinċipju ta' qafas: fl-1975 il-GPG kien ikkunsidrat bħala kwistjoni ta' kompetizzjoni ekonomika, bħala "parti integrali tal-istabbiliment u l-funzjomanet tas-suq komuni", filwaqt li d-Direttiva 2006 tistrieħ fuq "il-prinċipju ta' trattament ugwali u opportunitajiet ugwali".

Il-leġiżlazzjoni strictu senso għandha madankollu l-istess skop: li jinstabu l-kawżi ta' nuqqas ta' effiċjenza.

Ir-rapport għandu l-iskop li jsaħħaħ id-dispożizzjoni legali preżenti, filwaqt li jfakkar li segregazzjoni ekonomika ftit hemm ċans li tiġi influwenzata minn din it-tip ta' leġiżlazzjoni.

Tista' tinstab bidla bażika fid-definizzjoni ta' paga skont sentenzi numerużi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, Kien hemm evoluzzjoni sinifikattiva f'termini ta' proċedura u rimedji possibli, u dan ukoll minħabba l-influwenza ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni.

Minbarra l-leġiżlazzjoni, bħala prinċipju, soluzzonijiet minn politiki jistgħu jiġu organizzati skont 3 linji:

1) politiki għal pai ugwali, li jittakiljaw diskriminazzjoni diretta u indiretta

2) politiki għal opportunitajiet indaqs li jkollhom l-iskop li jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol, li jirriżultaw f'forom ta' impieġ kontinwi

3) politiki rigward pagi orjentati lejn it-tnaqqis ta' inugwaljanzi fil-pagi u t-titjib tar-remunerazzzjoni ta' impjiegi b'pagi baxxi fejn hemm predominaza ta' nisa

Din it-taħlita ta' politiki effettiva tista' tkun tiddependi minn partikolaritajiet nazzjonali u l-għeruq prinċipali tal-GPG.

Rapporti nazzjonali li ntalbu mill-Kummissjoni wrew li f'bosta Stati Membri l-GPG hija kwistjoni li ftit tidher, kemm f'dibatti pubbliċi u kemm fl-aġenda tal-politiki. Waħda mill-problemi prinċipali li ġew identifikati hija li donnu mhemm ħadd li jassumi responsabbiltà għaliha, għaliex donnu ħadd ma jħossu risponsabbli li jnaqqas din id-differenza fil-pagi(1).

Id-deċentralizzazzjoni li għaddejja tista' tkabbar il-konsegwenzi fil-futur. Is-sitwazzjoni tista' tkun aktar komplikata fi Stati Membri fejn l-imsieħba soċjali huma dgħajfin, fejn l-irwol tat-trejdunjins qed jonqos jew fejn neguzjar dwar pagi ma jeżistix. L-approċċ taż-żamma ta' kuntratt tax-xogħol individwali mingħajr ebda informazzjoni rigward remunerazzjoni għal xogħol simili jista' jirriżulta fiż-żieda tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa.

Jidher ċar li titjib fil-leġiżlazzjoni eżistenti waħdu ma jistax isolvi l-problema tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Hija biss taħlita effettiva ta' politiki, flimkien ma' leġiżlazzjoni aħjar u aktar effettiva, u b'risponsabbioltajiet ċari, tista' tindirizza waħda mill-problemi l-aktar persistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Leġiżlazzjoni li ilha xi 30 sena mingħajr riżultat sodisfaċenti tindika fiha nfisha l-ħtieġa li tittejjeb il-leġiżlazzjoni, l-aktar billi tissaħħaħ l-effikaċja tagħha.

10.9.2008

(1)

A gender pay gap - Origins and policy responses. A comparative review of 30 European countries, EC, 2006.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar rakkomandazzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa

(2008/2012(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Donata Gottardi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. Is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

1.   Jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tanalizza l-kawżi tad-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa u li tiżviluppa approċċi mmirati biex tittratta d-differenza fil-paga u s-segregazzjoni tas-suq tal-impjiegi tan-nisa, li bħala fenomenu jakkumpanja lil dak tal-ewwel; jenfasizza li l-bosta studji u l-korp ta’ data li diġà għandna jindikaw li l-progress f’dan ir-rigward kien kajman (tnaqqis fid-differenza fil-paga minn 17% fl-1995 għal 15% fl-2005).

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istatistiċi rilevanti jkunu koerenti, kumparabbli, speċifiċi għas-sessi, kompluti u mfassla biex jitqiesu s-sistemi l-ġodda ta' klassifikazzjoni u l-organizzazzjoni tal-istaff u ta' riforma fl-organizzazzjoni tax-xogħol, u jqis li d-differenza fil-paga m’għandhiex sempliċement tiġi kkalkulata abbażi tad-differenzi fid-dħul gross kull siegħa iżda għandhom jitqiesu wkoll fatturi bħal ħlas supplimentari individwali, il-kwalifiki professjonali, l-attitudni u l-ħiliet personali, ix-xejriet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, l-esperjenza professjonali u l-produttività, li għandhom jitkejlu mhux biss f’termini kwantitattivi (is-sigħat li fihom il-ħaddiem ikun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol) iżda wkoll f’termini kwalitattivi u f’termini tal-impatt li t-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, il-perjodi tal-liv u l-assenza minħabba raġunijiet ta’ saħħa jkollhom fuq iż-żidiet fil-paga.

3.   Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu u jiġu promossi miżuri li jinkuraġġixxu l-promozzjoni fuq ix-xogħol u l-iżvilupp professjonali u tal-karriera taħt kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza ġenwina bejn l-irġiel u n-nisa.

4.   Iqis li għandha tingħata prijorità għall-introduzzjoni u l-promozzjoni – kemm fl-isfera privata u kemm fil-post tax-xogħol – kultura ġdida bbażata fuq il-prinċipju tal-ko-responsabilità, biex tiġi sostitwita l-qasma tradizzjonali tal-irwoli bejn l-irġiel u n-nisa. ,

5.  Iqis li strateġija li tikkoreġi d-differenza, is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol u l-isterjotipi dwar l-impjiegi u s-setturi fejn tipikament issib dominanza femminili se jeħtieġu qafas għal miżuri leġiżlattivi u għal miżuri oħrajn fuq diversi livelli li jiddistingwi bejn diskriminazzjoni fil-paga u differenzi fil-paga bbażati fuq fatturi differenti mid-diskriminazzjoni diretta jew indiretta, minħabba li tal-ewwel taqa' direttament fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni u tal-aħħar għandha tiġi ttrattata permezz ta' politiki mmirati u miżuri speċifiċi.

6.   Iqis li l-interlokuturi diretti tal-azzjoni tal-Kummissjoni – u dawk responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrateġija mfassla biex tneħħi l-lakuna fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa – m’għandhomx ikunu biss l-Istati Membri u s-sħab soċjali iżda wkoll l-organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza li, fost affarijiet oħra, jistgħu jipprovdu taħriġ speċifiku għas-sħab soċjali, l-avukati, il-maġistrati u l-ombudsmen dwar is-sessi u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

7.   Huwa tal-fehma li, sabiex tingħeleb darba għal dejjem id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jieħdu miżuri speċifiċi kontra min iħaddem l-impjegati u jikser il-prinċipju tal-pagi ndaqs;

8.  Iqis li d-diversi approċċi proposti biex titnaqqas id-differenza fil-paga – meta wieħed iqis ukoll il-partijiet interessati differenti li għalihom ikunu maħsuba – l-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet favur l-opportunitajiet indaqs – għandhom ikunu bbażati fuq kumbinazzjoni xierqa ta’ strateġiji innovattivi għall-iżvilupp ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi wara approċċ favur l-integrazzjoni tas-sessi li jinkludi:

(a)  politiki speċifiċi li jippermettu li ssir rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, l-istudji, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja mal-familja u l-ħajja personali, u li jkopru l-aċċess għall-kura tat-tfal u servizzi ta’ kura oħra (li għandhom ikunu aċċessibbli, immaterjalment mill-istatus u mit-tip ta' kuntratt tal-ħaddiem), ix-xogħol flessibbli, u l-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja, akkumpanjati minn integrazzjoni mill-ġdid fil-post tax-xogħol,

(b)  politiki fiskali u tas-sigurtà soċjali, inklużi miżuri biex jitneħħew l-iżvantaġġi sinifikanti fil-pensjonijiet li jirriżultaw minn waqfien mix-xogħol jew xogħol part-time mill-ġenituri, u miżuri speċifiċi għas-sessi mfassla biex jikkumpensaw id-differenzi inġusti u mhux iġġustifikati, biex isaħħu l-kwalità tal-impjiegi tan-nisa, u biex jipprovdu xogħol ta’ kura mhux tipiku fi ħdan il-familja jew l-ambjent usa’ tagħha.

(c)  azzjonijiet speċifiċi ta’ programmi nazzjonali biex jiġu implimentati l-linjigwidi integrati għaċ-ċiklu tal-Istrateġija ta’ Liżbona 2008/2010, imfassla biex iqisu l-kundizzjonijiet lokali f’kull pajjiż, biex jesploraw il-possibilitajiet tal-promozzjoni tal-ugwaljanza permezz ta’ Fondi Ewropej u biex jiżguraw li l-Pjan Direzzjonali għall-Ugwaljanza 2006/2010 jkun implimentat fil-ħin,

(d)  miżuri konkreti u preċiżi (skont l-Artikolu 141(4) tat-Trattat) biex jiġu ttrattati d-differenza fil-paga u s-segregazzjoni tas-sessi, li għandhom jiġu implimentati mis-sħab soċjali u mill-organizzazzjonijiet favur l-opinjonijiet indaqs fuq diversi livelli, kemm kuntrattwali u kemm settorjali, bħal: obbligu fuq is-sħab soċjali li jikkonkludu il-ftehimiet dwar il-pagi, li jagħmlu investigazzjonijiet regolari fir-rigward tal-pagi ndaqs, li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-kumpaniji rigward l-ugwaljanza, l-iffissar ta' miri kwalitattivi u kwantitattivi u ‘benchmarking’, skambju tal-aqwa prassi vvalidat mill-partijiet ikkonċernati u akkumpanjat minn deskrizzjonijiet tal-ostakoli u tad-diffikultajiet misjuba,

(e)  id-dħul ta’ klawsola li titlob rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-pagi ndaqs fil-kuntratti pubbliċi u l-introduzzjoni ta’ tikketta speċifika bħal ‘ċertifikat ta’ kwalità’ għall-politiki dwar is-sessi u l-pagi, li jista’ jingħata lil kumpaniji u jikkonferilhom ċerti vantaġġi f’termini ta’ aċċess għal miżuri u finanzjament ta’ appoġġ nazzjonali, lokali u Ewropew u jsaħħilhom l-opportunitajiet tagħhom li jikkonkludu kuntratti pubbliċi;

(f)   it-teħid ta’ inizjattivi favur l-implimentazzjoni minn kumpaniji ta' politika ta' ugwaljanza bejn is-sessi u ta' pagi ndaqs fi ħdan qafas ta' responsabilità soċjali korporattiva akbar sabiex tissaħħaħ l-ugwaljanza, u t-teħid ta' miżuri biex isir progress lil hinn mill-preġudizzji eżistenti u mid-diskriminazzjoni bejn is-sessi rigward il-ħila tan-nisa li jikkompetu u jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol, b'mod speċjali f'pożizzjonijiet maniġerjali.

B.  Is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

1.  Iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-Artikoli 141(1) u (2) tat-Trattat ikunu interpretati u implimentati sewwa u li tittieħed azzjoni fir-rigward tad-direttiva rilevanti (fuq livell tal-UE u/jew fir-rigward tat-traspozizzjoni u tal-applikazzjoni fuq livell nazzjonali) – b’riferenza partikolari għal:

(a)  il-kunċetti ta’ pagi u ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, billi jiġi żgurat li dawn ikunu mfassla b’tali mod li jirriflettu bis-sħiħ it-tagħrif u l-evalwazzjonijiet li jkun hemm fis-sistemi l-ġodda tal-klassifikazzjoni professjonali,

(b)   il-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni, b’riferenza speċifika għad-“differenza fil-pagi bejn is-sessi” u possibbilment l-introduzzjoni ta’ definizzjoni ta’ dan it-terminu;

(c)  il-klassifikazzjoni professjonali, filwaqt li jiġi żgurat li s-sistemi l-ġodda ta’ klassifikazzjoni u ta’ organizzazzjoni tal-istaff u tax-xogħol jintużaw bħala sors ta’ data u ta’ parametri ta’ evalwazzjoni għall-kalkolu tal-paga, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tal-kumparabilità,

(d)  miżuri speċifiċi konnessi mat-taħriġ u mal-klassifikazzjoni tal-impjieg, maħsuba għas-sistema ta' taħriġ vokazzjonali u għas-sħab soċjali u mfassla biex titneħħa jew tiġi evitata d-diskriminazzjoni fit-taħriġ u l-klassifikazzjoni u fl-evalwazzjoni ekonomika tal-kapaċitajiet;

(e)  il-lista ta’ eżempji ta’ diskriminazzjoni li għandha tiġi inkorporata u akkumpanjata b’eżempji speċifiċi u iżjed dettaljati ta’ diskriminazzjoni fil-paga,

(f)    arranġamenti konnessi mal-liv, li jipprovdu speċifikament għal-liv tal-paternità u għall-ħarsien tiegħu u għal-liv tal-ġenituri li jipprovdu assistenza finanzjarja għaż-żewġ ġenituri, fuq il-bażi li l-liv maqsum huwa importanti ħafna biex tingħeleb is-segregazzjoni u l-isterjotipi u biex ikun hemm ridistribuzzjoni tal-irwoli sabiex jiġi evitat kull xkiel għall-iżvilupp fil-karriera,

(g)  l-irwol tal-organizzazzjonijiet favur l-opportunitajiet indaqs, billi jiġi żgurat li dawn ikollhom sehem ikbar flimkien mas-sħab soċjali,

(h)   informazzjoni provduta minn dawk li jħaddmu dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol, billi tiġi provduta iżjed informazzjoni speċifika u mmirata rigward id-differenzi fil-pagi, flimkien ma’ involviment ikbar tas-sħabi soċjali u tal-organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs u rwol ikbar għalihom.

2.  Huwa konvint mill-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u iżjed bikrija tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva relatata mal-organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza u d-djalogu soċjali bil-ħsieb li jiġu kkoreġuti d-differenzi fil-pagi billi jkun żgurat li l-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet favur l-opportunitajiet indaqs japplikaw miżuri bħal dawk stabbiliti fil-'Qafas ta’ azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi' li ġie approvat mis-sħab soċjali f’Marzu 2005, billi jkun hemm:

(a)  iċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ linjigwidi dwar sistemi prattiċi (b’mod partikulari għall-SMEs) ta’ korrezzjoni fid-differenzi fil-pagi, inklużi l-ftehimiet kollettivi nazzjonali jew settorjali,

(b)  il-ġbir ta’ data statistika li tkun speċifika għas-sessi, trasparenti u aċċessibbli (bl-użu ta’ metodi li jqisu numru kbir ta’ fatturi varjanti) f’livell nazzjonali, settorjali u tal-kumpaniji,

(c)  l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni tax-xogħol li jkunu trasparenti u newtrali mill-perspettiva tas-sess li abbażi tagħhom ikun possibbli li ssir evalwazzjoni, f'każi individwali jekk ikun meħtieġ, ta' jekk id-deskrizzjonijiet tal-impjieg u l-kriterji tal-pagi jkunux diskriminatorji,

(d)  taħriġ speċifiku għall-isħab soċjali bbażat fuq numru ta’ strumenti analitiċi u miżuri mmirati li għandhom jintużaw fit-tfassil tal-kuntratti jew fil-verifika dwar jekk ir-regoli u l-politiki li jikkoreġu d-differenzi fil-pagi jkunux qegħdin jiġu implimentati.

3.        Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Parlament analiżi dwar liema atti legali fuq livell tal-UE u/jew nazzjonali jkunu l-iżjed mezzi xierqa sabiex jintlaħaq tnaqqis sinifikanti fid-differenza fil-pagi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.9.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Jean Louis Cottigny, Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Roger Helmer, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Jan Tadeusz Masiel, Maria Matsouka, Mary Lou McDonald, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Siiri Oviir, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Jacek Protasiewicz, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Petru Filip, Donata Gottardi, Rumiana Jeleva, Sepp Kusstatscher, Claude Moraes, Roberto Musacchio, Csaba Sógor

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Claire Gibault, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Anneli Jäätteenmäki, Lívia Járóka, Piia-Noora Kauppi, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Roselyne Lefrançois, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi, Mary Honeyball, Marusya Ivanova Lyubcheva, Maria Petre, Petya Stavreva

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Martens

Avviż legali - Politika tal-privatezza