RAPPORT dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur
14.10.2008 - (2008/2057(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Anna Hedh
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2008 bl-isem "Il-monitoraġġ tar-riżultati fis-suq waħdieni: il-Kwadru ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur" (COM(2008)0031),
– wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 16a tal-14 ta' Frar 2008 (SEC(2008)0076),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni tal-Acquis tal-Konsumatur[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għall-politika tal-konsumatur 2007-2013[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2007 bl-isem "Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2007)0724),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2007 bl-isem "Servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid" (COM(2007)0725), mehmuża mal-Komunikazzjoni dwar suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' metodoloġija ġdida għall-monitoraġġ tas-swieq u s-setturi tal-prodotti: Ir-riżultati tal-ewwel eżami settorjali (SEC(2007)1517), mehmuża mal-Komunikazzjoni dwar suq wieħed għall-Ewropa tas-seklu 21,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0392/2008),
A. billi jilqa' l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur ("it-Tabella"), li għandha l-għan li s-Suq Intern iwieġeb aħjar għall-aspettattivi u t-tħassib taċ-ċittadini,
B. billi s-swieq tal-konsumatur li jkunu kompetittivi u jaħdmu b'mod effikaċi huma kruċjali sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini jkollhom fiduċja fis-Suq Intern,
C. billi jeħtieġ li t-Tabella tkun komplementata b'metodi oħra ta' monitoraġġ,
D. billi l-indikaturi fit-Tabella huma maħsuba biex jgħinu fl-identifikazzjoni tas-setturi li għandhom jiġu studjati aktar fid-dettall,
E. billi t-Tabella għandha tistimola d-dibattitu dwar kwistjonijiet tal-politika tal-konsumatur,
F. billi l-istudji u l-analiżi mill-awtoritajiet nazzjonali għall-konsumatur u l-kompetizzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex it-Tabella tkompli tiżviluppa,
Introduzzjoni
1. Jisħaq fuq l-importanza li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu b'mod sħiħ mill-benefiċċji tas-Suq Intern, u jqis it-Tabella bħala għodda importanti biex jintlaħaq dan il-għan;
2. Jilqa' l-ħames indikaturi prinċipali tat-Tabella marbuta mal-ilmenti, mal-livelli tal-prezzijiet, mas-sodisfazzjon, mat-tibdil tal-fornitur u mas-sikurezza;
3. Jenfasizza li t-Tabella għadha fil-bidu tagħha u jeħtieġ li tiżviluppa aktar b'data aktar kompleta, bi statistika aktar preċiza u b'aktar analiżi msejsa fuq l-indikaturi differenti;
4. Jenfasizza li meta jintlaħaq livell sodisfaċenti ta' żvilupp fil-ħames indikaturi bażiċi tat-Tabella, għandhom ikunu elaborati indikaturi ġodda sabiex is-Suq Intern ikun jista' jwieġeb aħjar għall-aspettattivi u t-tħassib taċ-ċittadini;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm finanzjament u staff biżżejjed għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4;
6. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżgura approċċ koerenti u kkoordinat fis-servizzi tagħha biex ma jkunx hemm xogħol ripetut u riżultati kontradittorji mill-analiżi tad-data;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi sintesi li tinftiehem faċilment, kif ukoll konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ċari fit-Tabelli li jsiru 'l quddiem, maqlubin fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;
L-iżvilupp tal-indikaturi
8. Huwa tal-opinjoni li l-għadd totali ta' indikaturi għandu jkun limitat sabiex tkun żgurata Tabella ffukata tajjeb;
9. Huwa tal-opinjoni li indikatur marbut mal-ilmenti huwa essenzjali sabiex wieħed jifhem is-sodisfazzjon tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu sabiex ikun hemm armonizzazzjoni tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-ilmenti li jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti u mis-servizzi rilevanti tal-assistenza għall-konsumatur fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju, u biex jistabilixxu bażi tad-data tal-ilmenti tal-konsumatur fl-UE kollha; jistieden lill-Istati Membri biex ikabbru l-għarfien tal-konsumatur dwar is-sistemi ta' lmenti u biex itejbu l-immaniġġjar tal-ilmenti sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu joffru għażla akbar ta' servizzi aħjar;
10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa indikaturi marbuta mal-proċedimenti ġudizzjarji transkonfinali u l-kumpens għal ħsara mġarrba mill-konsumaturi, permezz ta' mezzi ta' kumpens ġudizzjarji u extraġudizzjarji, kif ukoll permezz ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' kumpens;
11. Huwa tal-opinjoni li indikaturi marbuta mal-kompetenza, mal-kapaċità u mal-età tal-konsumatur jistgħu jiġu inklużi fit-Tabella (pereżempju, il-livell tal-edukazzjoni, il-kompetenza fil-kompjuters u l-kapaċitajiet fil-lingwi barranin); madankollu, jisħaq fuq l-importanza li jinstab bilanċ bejn l-indikaturi msejsa fuq id-data 'soft' minn stħarriġ fost il-konsumaturi u data 'hard' imsejsa fuq għejun oħra;
12. Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' indikaturi ta' prezzijiet preċiżi u xierqa huwa kwistjoni kumplessa ħafna billi d-differenzi fil-livell tal-prezzijiet jista' jkollhom għadd ta' kawżi u l-eżistenza tagħhom fiha nnifisha mhix prova tan-nuqqasijiet tas-suq; madankollu, huwa tal-opinjoni li t-Tabella għandha tinkludi indikaturi tal-prezzijiet, billi l-prezzijiet huma ta' tħassib kbir għall-konsumaturi u l-indikaturi tal-prezzijiet huma importanti biex jistimulaw dibattitu u jiżguraw li jkun hemm għarfien fil-midja rigward in-nuqqasijiet fit-tħaddim tas-swieq; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-klima makroekonomika kif ukoll is-setgħa tal-akkwist tal-konsumaturi u l-prezzijiet qabel tinqata' t-taxxa fl-Istati Membri;
13. Jilqa' l-isforzi sabiex jiġu żviluppati indikaturi tal-prezzijiet aktar sofistikati, imma jitlob ukoll sabiex jintużaw indikaturi oħra marbuta mat-tħaddim effikaċi tas-swieq qabel ma jsiru rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-politiki;
14. Ifakkar li t-tħassib dwar l-etika u l-ambjent kulma jmur qiegħed iżid fl-importanza għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilità li titkejjel id-disponibilità tal-informazzjoni marbuta ma' tħassib bħal dan fi swieq differenti;
It-titjib tal-bażi tal-informazzjoni
15. Jisħaq fuq l-importanza ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri, tal-Eurostat u ta' servizzi oħra tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-kwalità u l-kompletezza taċ-ċifri; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi sabiex jiffaċilitaw koperazzjoni bħal din;
16. Ifakkar li l-konsumaturi nazzjonali u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sikwit jistudjaw każijiet jew ikollhom evidenza oħra li tirrigwarda t-tħaddim ta' swieq differenti, u b'hekk jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu spunt mill-informazzjoni nazzjonali disponibbli u tikkonsulta b'mod attiv mal-esperti nazzjonali meta tiġi biex tkompli tiżviluppa t-Tabella;
17. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaraw sew il-merti li jiġi stabbilit Ombudsman speċjali għall-Konsumatur; jinnota li numru ta' Stati Membri għandhom ombudsmen tal-konsumatur f'diversi setturi li jgħinu l-konsumaturi biex jittrattaw mal-operaturi ekonomiċi;
18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura li ċ-Ċentri Ewropej għall-Informazzjoni tal-Konsumatur jingħataw aktar riżorsi u jkollhom biżżejjed staff biex isolvu b'mod effiċjenti l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' lmenti transkonfinali mill-konsumaturi u biex iqassru ż-żmien tal-ipproċessar ta' lmenti bħal dawn;
Aktar għarfien
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-għarfien fir-rigward tat-Tabella, inter alia billi jiżguraw li tkun aċċessibbli u viżibbli faċilment fuq il-websajts rilevanti, u jżidu l-isforzi għall-promozzjoni tat-Tabella fil-midja, mal-awtoritajiet pubbliċi u fl-organizzazzjonijiet tal-konsumatur;
Ir-relazzjoni mat-Tabella tas-Suq Intern
20. Huwa tal-opinjoni li t-Tabella tas-Suq Intern u t-Tabella tas-Swieq tal-Konsumatur it-tnejn għandhom l-għan li jippromwovu Suq Intern aħjar sabiex ikun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u l-konsumaturi;
21. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm komunikazzjoni aħjar fis-Suq Intern u huwa tal-opinjoni li ż-żewġ Tabelli huma passi importanti f'dik id-direzzjoni;
22. Jenfasizza li filwaqt li ż-żewġ Tabelli huma marbuta bejniethom u li huwa importanti li jkun promoss l-iżvilupp koerenti tagħhom, huma għandhom udjenzi speċifiċi differenti u għalhekk għandhom jinżammu separati, b'settijiet differenti ta' indikaturi;
23. Huwa tal-opinjoni li reviżjoni tal-indikaturi użati, kif ukoll ir-relazzjoni bejn iż-żewġ Tabelli għandhom isiru fuq bażi regolari sabiex jiġu adattati għall-iżviluppi fis-Suq Intern;
°
° °
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2007)0383.
- [2] Testi adottati, P6_TA(2008)0211.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2008)0421.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Is-Suq Intern sikwit huwa magħruf bħala l-qalba tal-integrazzjoni Ewropea, imma għal ħafna konsumaturi m'hu xejn aktar minn espressjoni vaga. Mingħajr konsiderazzjoni ta' kemm nafu s-sinifikat, ir-regoli u r-regolamenti tiegħu, kull wieħed minna huwa konsumatur u kollha kemm aħna niġu affettwati mit-tħaddim tas-suq intern. Għalhekk, il-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej hija rekwiżit minn qabel sabiex is-Suq Intern jaħdem b'mod effettiv u jimxi 'l quddiem.
Ir-Rapporteur huwa tal-opinjoni li sabiex tinkiseb din il-fiduċja, jeħtieġ li jintużaw mezzi oħra minbarra dawk li jsaħħu d-drittijiet tal-konsumatur fil-leġiżlazzjoni. Irridu niżguraw ukoll li s-swieq jaħdmu bl-aħjar mod possibbli u li jiġu offruti lill-konsumaturi prodotti u servizzi b'livell ta' prezz u kwalità li jilħaq l-aspettattivi tagħhom. Dan ma jfissirx bilfors li għandu jkun hemm aktar leġiżlazzjoni u leġiżlazzjoni aktar ħarxa. Xi drabi l-informazzjoni, l-edukazzjoni jew l-awtoregolazzjoni jistgħu jkunu approċċ aktar xieraq u effettiv. Mingħajr konsiderazzjoni ta' kif jinħallu l-problemi, l-għan għandu dejjem ikun li jiġu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur u li l-konsumaturi jkollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni, edukazzjoni u kundizzjonijiet biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin u msejsa fis-sod. Dan mhux biss huwa importanti għall-ġid tal-konsumaturi imma wkoll minħabba li suq effettiv u li jaħdem tajjeb jippremja l-innovazzjoni u jistimola l-kompetizzjoni u t-tkabbir ekonomiku.
Kummenti Ġenerali dwar it-Tabella
Wara talba mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ressqet l-ewwel Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur bħala għodda biex jiġu identifikati u analizzati l-problemi min-naħa tal-konsumaturi. Ir-Rapporteur jilqa' din it-Tabella u jemmen li se tkun għodda importanti għall-iżvilupp futur tal-politika tal-konsumatur.
Is-Suq Wieħed jinkludi kważi 500 miljun konsumatur u varjetà wiesgħa ta' prodotti u servizzi. Filwaqt li huwa impossibbli li jiġu sorveljati fid-dettall l-aspetti kollha tas-Suq Intern, huwa importanti li jintużaw riżorsi analitiċi fejn l-aktar hemm il-ħtieġa tagħhom. L-użu ta' indikaturi huwa ta' valur fl-identifikazzjoni ta' problemi u fl-identifikazzjoni ta' oqsma fejn jeħtieġ li jkun hemm aktar studji. L-indikaturi użati fit-Tabella huma marbuta mal-ilmenti, il-livelli tal-prezzijiet, is-sodisfazzjon, it-tibdil tal-fornitur u s-sikurezza. Ir-Rapporteur jemmen li filwaqt li jeħtieġ li jkun hemm żvilupp u titjib, matul iż-żmien, ta' wħud mill-indikaturi kif ukoll l-inklużjoni ta' indikaturi ġodda, dawn il-ħames inidikaturi prinċipali huma rilevanti u siewja.
Meta jkun hemm monitoraġġ ta' sistemi kumplessi bħal dawn b'għadd bla tmiem ta' fatturi li jvarjaw, huwa importanti li ma jintesiex li l-analiżi hija biss metodu wieħed ta' kif jiġu identifikati l-oqsma t-tajba għal aktar studji u li jekk ikun hemm devjazzjoni f'wieħed jew f'aktar mill-indikaturi, mhux neċessarjament dan iwassal għal nuqqasijiet fis-suq.
Ħafna mill-indikaturi jistgħu jitqiesu, b'mod jew ieħor, li ma jkunux perfetti imma fil-kuntest deskritt x'aktarx li jipprovdu l-preċiżjoni meħtieġa sabiex ir-riżorsi analitiċi jiġu allokati sew.
Kien hemm dubji dwar l-użu ta' indikaturi tal-livell tal-prezzijiet minn uħud mill-partijiet interessati minħabba l-fatt li l-prezzijiet huma influwenzati minn ħafna fatturi. Madankollu, il-prezzijiet huma importanti għall-konsumatur u spiss huwa faċli li jiġu kkomunikati l-indikaturi tal-prezz. Barra minn hekk, filwaqt li ħafna min-nuqqasijiet fis-suq, b'mod dirett jew indirett, se jkollhom effett fuq il-prezz għall-konsumatur, l-indikatur tal-livell tal-prezz flimkien ma' indikaturi oħra marbuta mat-tħaddim effettiv tas-suq aktarx li se jagħtu riżultati validi. Din hija r-raġuni għaliex ir-Rapporteur jemmen li l-indikaturi tal-prezzijiet għandhom jiddaħħlu fit-Tabella u li d-differenza fil-livelli tal-prezzijiet xi drabi tista' tindika l-ħtieġa ta' aktar analiżi.
It-tkabbir tal-għarfien
Ir-Rapporteur jenfasizza l-importanza li għandu jikber l-għarfien dwar it-Tabella. Għal dan il-għan huwa importanti li t-Tabella tinkiteb b'lingwaġġ faċli. Barra minn hekk, it-Tabella għandha tidher fuq il-websajts rilevanti u fl-istess ħin għandhom isiru aktar sforzi fil-promozzjoni tat-Tabella u fil-midja.
Permezz tal-identifikazzjoni ta' oqsma problematiċi, it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur għandha tkun strument li jadatta ruħu u jkun flessibbli biex jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku, tal-operaturi tas-swieq u tal-istituzzjonijiet fuq il-punti dgħajfa li għandha tingħatalhom attenzjoni. Permezz ta' dan mhux biss titjieb is-sitwazzjoni tal-konsumaturi fl-Ewropa bil-mod il-mod, iżda l-istess konsumaturi jibdew jagħrfu d-drittijiet tagħhom fis-suq intern. Bis-saħħa tal-enfasi u s-soluzzjoni tal-problemi, dawk li jfasslu l-politiki Ewropej jistgħu juru kemm aħna ddedikati fl-isforz tagħna biex il-konsumatur ikollu s-saħħa u biex nuru mhux biss x'inhu s-suq intern imma wkoll x'jista' jsir.
It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur u t-Tabella tas-Suq Intern
Sa mill-1997 il-Kummissjoni użat it-Tabella tas-Suq Intern biex tissorvelja u tenfasizza l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern. It-Tabella tas-Suq Intern hija għodda importanti sabiex l-Istati Membri jitħajru jieħdu sehem fl-isforzi komuni u kontinwi għall-iżvilupp tas-Suq Wieħed. Barra minn hekk, l-intenzjoni tat-Tabella tas-Suq Intern qatt ma kienet li twassal is-Suq Intern lill-konsumaturi. Għalhekk din it-Tabella x'aktarx li ma jkollhiex il-fiduċja tal-konsumatur ordinarju. Iż-żewġ tabelli jikkomplementaw lil xulxin fl-isforz biex jitjieb is-Suq Intern, imma r-Rapporteur jemmen li t-tnejn għandhom jinżammu separati minħabba l-istrateġiji differenti li jħaddmu kif ukoll minħabba li huma intenzjonati għal destinatarji differenti.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.10.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Cristian Silviu Buşoi, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Hélène Goudin, Małgorzata Handzlik, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Kurt Lechner, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Zita Pleštinská, Karin Riis-Jørgensen, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Barbara Weiler, Marian Zlotea |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Colm Burke, Giovanna Corda, Othmar Karas, José Ribeiro e Castro, Olle Schmidt |
|||||