RAPPORT dwar il-ħarsien tal-konsumatur: dwar it-titjib tal-edukazzjoni u tal-kuxjenza tal-konsumatur dwar kreditu u finanzi
14.10.2008 - (2007/2288(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Iliana Malinova Iotova
Rapporteur għal opinjoni (*):
Jean Paul Gauzès, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħarsien tal-konsumatur: dwar it-titjib tal-edukazzjoni u tal-kuxjenza tal-konsumatur dwar kreditu u finanzi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (COM(2007)0808),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (COM(2007)0226),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu stabbilita fit-tieni qari tas-16 ta' Jannar 2008 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) - White Paper[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0393/2008),
A. billi minn banda, is-swieq finanzjarji qed jevolvu malajr, saru dinamiċi ferm u dejjem iktar kumplessi u, mill-banda l-oħra, it-tibdil fis-soċjetà u fil-mod kif wieħed jgħix joħloq il-bżonn għal ġestjoni tajba tal-finanzi privati kif ukoll għal aġġustament tal-finanzi privati b'mod regolari sabiex ikunu jissodisfaw xogħol ġdid u ċirkostanzi familjari ġodda,
B. billi ż-żieda fil-livell tal-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi għandha tkun prijorità għal min jagħmel il-politiki kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak Ewropew, mhux biss minħabba l-benefiċċji għall-individwi iżda wkoll minħabba l-benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija, bħat-tnaqqis tal-livell tad-dejn problematiku, iż-żieda fit-tiġmigħ, l-użu adegwat ta' prodotti ta' assigurazzjoni u l-provvista adegwata għall-pensjoni,
C. billi l-istudji juru li l-konsumaturi għandhom it-tendenza li jissopravvalutaw l-għarfien tagħhom tas-servizzi finanzjarji u hemm il-ħtieġa li jiġu infurmati bil-fatt li l-edukazzjoni finanzjarja tagħhom mhijiex tajba daqs kemm jaħsbu,
D. billi programmi ta' edukazzjoni finanzjarja ta' kwalità, immirati u, meta dan ikun xieraq, personalizzati kemm jista' jkun, jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-edukazzjoni finanzjarja, u dan jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati u b'hekk jippermettu tħaddim effettiv tas-swieq finanzjarji,
E. billi l-importanza tas-servizzi finanzjarji transkonfinali dejjem qiegħda tiżdied, u l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi fil-livell tal-UE għall-promozzjoni ta' tagħrif transkonfinali u fejn meħtieġ kumparabbli dwar l-edukazzjoni finanzjarja,
F. billi għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-bżonnijiet edukattivi ta' konsumaturi vulnerabbli, u anki ta' dawk ta' konsumaturi żgħażagħ, li jaffaċċjaw deċiżjonijiet li jolqtu l-prospetti ekonomiċi għal ħajjithom kollha,
G. billi r-riċerka wriet li dawk li dawl li tgħallmu l-aspetti bażiċi tal-finanzi personali minn età żgħira għandhom edukazzjoni finanzjarja ogħla; billi l-edukazzjoni finanzjarja hija relatata mill-qrib mat-tagħlim ta' kapaċitajiet bażiċi (matematika u qari),
1. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi, b'mod partikolari t-twaqqif reċenti tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja, u l-intenzjoni tagħha li tippubblika fuq l-Internet bażi ta' dejta ta' skemi u ta' riċerka dwar l-edukazzjoni finanzjarja fl-UE; huwa tal-opinjoni li l-Grupp ta' Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja għandu jkollu responsabbiltajiet u setgħat ċari; jissuġġerixxi li dan il-grupp jintalab b'mod partikulari li jħares lejn il-valur miżjud, u l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni finanzjarja tal-UE u s-servizzi finanzjarji transkonfinali;
2. Jenfasizza li l-objettiv tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-finanzi u tal-kreditu huwa li jittejjeb l-għarfien tal-konsumaturi fir-rigward tar-realtajiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex jinftehmu l-impenji ekonomiċi u jiġu evitati riskji mhux neċessarji, dejn eċċessiv u esklużjoni finanzjarja; iqis li l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni għandhom jippermettu li l-konsumaturi jkollhom approċċ indipendenti, ibbażat fuq l-opinjoni tagħhom, tal-prodotti finanzjarji li jiġu offruti lilhom jew li l-konsumaturi jkunu qed iqisu li jirrikorru għalihom; 3. Jinnota li l-kriżi tal-krediti immobiljari b'riskju għoli mhux biss turi l-perikli kkawżati minn informazzjoni mhux adegwata għal min jissellef, iżda wkoll in-nuqqas ta' fehma u ta' għarfien dwar din l-informazzjoni li twassal biex il-konsumaturi ma jkunux konxji biżżejjed dwar ir-riskji ta' falliment u ta' dejn eċċessiv;
4. Jenfasizza li konsumaturi mgħallma u li jkollhom is-setgħa jistgħu jgħinu biex irawmu l-kompetizzjoni, il-kwalità u l-innovazzjoni fl-industriji tas-servizzi bankarji u finanzjarji, u jfakkar li investituri mgħallma u konfidenti jistgħu jipprovdu likwidità addizzjonali għas-swieq kapitali għall-investiment u t-tkabbir;
5. Jenfasizza l-importanza li jkun stabbilit livell ta' edukazzjoni finanzjarja fl-Istati Membri u fehim tal-valur miżjud li l-UE tista' tipprovdi, kif ukoll li jkunu ddefiniti l-bżonnijiet edukattivi għal gruppi immirati speċifiċi fis-soċjetà, skont taħlita ta' kriterji bħall-età, id-dħul u l-livell ta' edukazzjoni;
6. Jirrikonoxxi l-irwol tal-inizjattivi privati, l-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kemm fil-livell tal-Komunità kif ukoll f'dak nazzjonali fid-definizzjoni ta' ħtiġijiet partikulari għal gruppi mmirati għall-edukazzjoni finanzjarja, fl-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet u djufijiet tal-iskemi edukattivi eżistenti, u fil-provvista ta' tagħrif finanzjarju lill-konsumaturi, inkluż permezz ta' għodda bbażati fuq l-internet u kampanji ta' tagħrif, eċċ. għall-ippjanar finanzjarju;
7 Huwa tal-opinjoni li l-programmi dwar l-edukazzjoni finanzjarja huma l-aktar effettivi jekk ikunu mfassla skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-gruppi mmirati u fejn xieraq, jiġu personalizzati; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-programmi edukattivi finanzjarji għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-għarfien u l-immaniġġjar realistiku ta' kull possibilità finanzjarja individwali; għandha tingħata attenzjoni għall-iżvilupp ta' programmi li jtejbu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-adulti.
8. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, f'koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa fil-livell tal-UE programmi ta' edukazzjoni bażika fil-qasam ta' finanzi personali, ibbażati fuq regoli u prinċipji komuni li jistgħu jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-Istati Membri kollha u applikati f'kull wieħed minnhom, ikunu stabbiliti livelli ta' riferiment kif ukoll ikun promoss l-iskambju tal-aħjar prassi;
9. Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja tista' tikkumplimenta, iżda ma tistax tissostitwixxi, dispożizzjonijiet koerenti għall-ħarsien tal-konsumatur fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji kif ukoll ir-regolament u s-sorveljanza stretta ta' istituzzjonijiet finanzjarji;
10. Jagħraf l-irwol importanti tas-settur privat, u b'mod partikulari tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-provvista ta' informazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji lill-konsumaturi; jenfasizza, madankollu, li l-edukazzjoni finanzjarja għandha tiġi offruta b'mod ġust, parzjali u trasparenti, sabiex tieħu ħsieb l-interessi tal-konsumatur, u li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejnha u l-pariri kummerċjali u r-reklamar; sabiex jinkiseb dan l-għan, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta għall-istaff tagħhom;
11. Jirrikonoxxi l-bżonn li jinsab bilanċ delikat bejn il-provvista lill-konsumaturi ta' għarfien li huma jeħtieġu biex jagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati u l-għoti ta' wisq informazzjoni lill-konsumatur; jippreferi informazzjoni ta' kwalità għolja li tkun aċċessibbli, konkreta, faċli li wieħed jifimha u li jkollha l-għan li żżid il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel għażliet infurmati u responsabbli aktar mill-kwantità;
12. Iqis li informazzjoni effettiva, ċara u li tinftiehem, partikolarment fil-messaġġi ta' reklamar dwar il-prodotti finanzarji, hija neċessarja u li l-intrapriżi finanzjarji għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratti u b'mod partikolari japplikaw b'mod strett ir-regoli previsti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39/KE tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[3] (Mifid) u d-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2008/48/KE tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur[4]; jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod koerenti, tressaq proposti leġiżlattivi speċifiċi għal sistema armonizzata tal-informazzjoni u l-protezzjoni għall-konsumatur b'mod partikolari fil-qafas ta' kreditu fuq l-ipoteka (pereżempju karta tal-informazzjoni Ewropea standardizzata, armonizzata, sempliċi u paragunabbli, inklużi indikazzjonijiet komuni dwar il-persentaġġ annwali tar-rata mħallsa, eċċ.);
13. Jirrakkomanda li l-iskemi ta' edukazzjoni finanzjarja għandhom jiffokaw fuq aspetti importanti ta' ppjanar tal-ħajja bħal tiġmigħ bażiku, dejn, assigurazzjoni u pensjonijiet;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha li tippromwovi d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati;
15. Jissuġġerixxi żieda fil-linja baġitarja 17 02 02 għall-attivitajiet finanzjarji fil-livell tal-UE li jimmiraw li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja u l-għarfien finanzjarju tal-konsumaturi ; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-għarfien fil-livell tal-UE permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjoni ta' konferenzi nazzjonali u reġjonali, seminars, midja u kampanji ta' tagħrif kif ukoll ta' programmi edukattivi b'parteċipazzjoni transkonfinali, b'mod partikulari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-kreditu domestiku/l-immaniġġjar tad-dejn;
16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa ulterjorment u taġġorna l-għodda fuq l-Internet tad-Dolceta u biex tipprovdi dan is-servizz fil-lingwi uffiċjali kollha; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tinkludi fis-sit tal-Internet tad-Dolceta link għall-bażi tad-dejta online li hija tixtieq twaqqaf dwar skemi ta' edukazzjoni finanzjarja reġjonali u nazzjonali eżistenti; jissuġġerixxi li l-websajt Dolceta għandha tinkludi links għall-websajts ta' entitajiet pubbliċi u privati fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, maqsuma skont il-pajjiż;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex fit-Tabella ta' valutazzjoni tas-swieq tal-konsum tinkludi indikaturi tad-disponibilità u tal-kwalità tal-edukazzjoni finanzjarja;
18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf kampanji ta' informazzjoni biex tqajjem kuxjenza fil-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE fl-ambitu tal-provvista ta' servizzi finanzjarji;
19. Jenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, li jwettqu stħarriġijiet regolari, b'koperazzjoni mal-gruppi soċjali u tal-popolazzjoni varji tal-Istati Membri, rigward tal-livelli attwali tal-edukazzjoni finanzjarja fost il-pubbliku, sabiex ikunu identifikati zoni prijoritarji għal azzjoni u għalhekk jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa, f'waqtha u effettiva tal-programmi edukattivi finanzjarji biex dawn ikunu ta' appoġġ għall-pubbliku;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-edukazzjoni finanzjarja fil-kurrikulu ġenerali tal-iskejjel primarji u sekondarji, li għandu jiġi żviluppat mill-istituzzjonijiet kompetenti u li huwa maħsub biex jiżviluppa l-kapaċitajiet meħtieġa għall-ħajja ta' kuljum, u biex jorganizza taħriġ sistematiku għall-għalliema dwar din il-kwistjoni;
21. Jenfasizza l-bżonn ta' proċess edukattiv kontinwu għaż-żewġ naħat, fi kliem ieħor għall-konsulenti finanzjarji u l-konsumaturi, sabiex jiżguraw id-dispożizzjoni ta' tagħrif ċar u aġġornat mal-iżviluppi l-aktar reċenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji;
22. Huwa tal-opinjoni li l-effetti ta' sinerġija bejn id-diversi organizzazzjonijiet edukattivi mhumiex qed jintużaw bis-sħiħ; jitlob b'hekk lill-Istati Membri biex iwaqqfu netwerk għall-edukazzjoni finanzjarja li fih jipparteċipaw kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat, u biex iħeġġu l-koperazzjoni u d-djalogu bejn il-protagonisti kollha;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikulari għall-bżonnijiet edukattivi tal-pensjonanti u l-persuni fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom, li jistgħu jkunu qed jissugraw l-esklużjoni finanzjarja u anki għaż-żgħażagħ li jkunu qed jibdew il-karriera professjonali tagħhom u li jkunu ffaċċjati bl-isfidi li jiddeterminaw kif isir użu xieraq mid-dħul il-ġdid tagħhom;
24. Jitlob lill-Istati Membri biex iwaqqfu programmi ta' taħriġ fl-ekonomija u fis-servizzi finanzjarji għall-ħaddiema soċjali, peress li dawn ikollhom kuntatt ma' persuni fir-riskju ta' faqar u/jew ta' dejn eċċessiv;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummisjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0011.
- [2] ĠU 175 E, 10.7.2008, p. 392.
- [3] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
- [4] ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
NOTA SPJEGATTIVA
I L-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja
L-edukazzjoni finanzjarja hija fuq quddiem fl-aġenda kemm tal-Istati Uniti u kemm tal- UE. Ir-raġuni għal dan hija doppja. L-ewwel nett il-konsumaturi huma ffaċċati b’disponibbiltà u kumplessità dejjem tiżdied ta’ prodotti u servizzi. It-tieni nett, l-informazzjoni u l-pariri lill-konsumatur ma jistgħux ilaħħqu mal-livell ta’ kumplessità tal-prodotti finanzjarji. Din is-sitwazzjoni iżżid il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi fi kwistjonijiet finanzjarji.
Il-konsumaturi jeħtieġu ħiliet bażiċi li jgħinuhom jagħżlu u jifhmu kompletament l-informazzjoni u s-suġġerimenti. Jekk id-divarju fl-informazzjoni u l-għarfien finanzjarju espert bejn l-intermedjarji finanzjarji u l-konsumaturi jonqos, dan inaqqas ir-riskju ta’ dejn żejjed, arretrati fil-pagamenti jew falliment. Dan jiġġenera wkoll aktar kompetizzjoni bejn is-selliefa biex b’hekk togħla l-effiċjenza tas-suq inġenerali għaliex konsumaturi infurmati aħjar jistgħu jiddistingwu bejn proposti finanzjarji differenti u jagħżlu dik l-eqreb tal-ħtiġijiet tagħhom.
II Il-kunċett tal-kapaċità finanzjarja
Il-kunċett tal-kapaċità finanzjarja, kif definita mir-riċerkaturi, tinkludi tliet elementi bażiċi:
· Għarfien finanzjarju u fehim
Għandu jiġi stabbilit livell bażiku ta’ kapaċità finanzjarja. Il-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jifhmu terminoloġija finanzjarja bażika, kif ukoll, sa ċert punt, il-proċeduri tekniċi, legali u matematiċi involuti. Dan l-għarfien għandu jinkiseb permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda wkoll minn informazzjoni li tasal b’mod passiv minn sorsi u esperjenzi differenti.
· Ħiliet u kompetenza finanzjarja
Wara li jinkiseb ċertu livell ta’ għarfien, il-konsumaturi għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jużawh għall-benefiċċju tagħhom. Dan juri l-ħtieġa ta’ firxa ta’ ħiliet speċifiċi bħall-ġbir ta’ informazzjoni finanzjarja (rendikonti tal-bank, irċevuti, eċċ.) u ż-żamma tar-rekords, evalwazzjoni kif suppost tal-informazzjoni miġbura, it-tqabbil bejn prodotti differenti u ħiliet oħra li jiffaċilitaw l-ippjanar finanzjarju (it-tfaddil, l-infieq, l-ibbaġitjar, l-investiment.)
· Responsabiltà finanzjarja
L-għarfien u l-ħiliet ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw li l-konsumaturi jmexxu l-finanzi b’mod xieraq. Huma għandhom ikunu lesti u jkollhom ir-rieda li jużaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Din hija pjuttost kwistjoni ta’ attitudni. Il-kapaċità finanzjarja tfisser aktar minn sempliċiment li wieħed ikun jaf b’mod korrett x’għandu jagħmel. Nies bl-istess għarfien jistgħu jagħżlu toroq differenti għax ikollhom attitudni differenti lejn l-infieq u l-investiment. Anke meta n-nies ikollhom l-għarfien u l-ħiliet, xorta waħda jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li ma jkunux responsabbli f’termini makroekonomiċi.
III Problemi minħabba nuqqas ta’ kapaċità finanzjarja
Huwa diffiċli għall-konsumaturi b’għarfien finanzjarju limitat li jagħżlu l-prodotti u s-servizzi l-aktar addattati għall-ħtiġijiet tagħhom. Huwa diffiċli għalihom li jevalwaw il-pariri mogħtija u jistgħu jitqarrqu u jaqgħu vittmi ta’ prattiki inġusti ta’ bejgħ.
Hemm nuqqas ġenerali ta’ fehim tal-prodotti finanzjarji, speċjalment jekk ikunu aktar kumplikati. Din il-problema tagħti żewġ riżultati possibbli – in-nies ma jinvolvux ruħhom fi kwistjonijiet finanzjarji (esklużjoni finanzjarja), jew inkella jinvolvu ruħhom iżda ma jagħżlux il-prodott it-tajjeb u jistgħu wkoll ma jdurux biżżejjed qabel jixtru biex isibu l-prodott li jissodisfa l-aħjar il-ħtiġijiet tagħhom, għaliex il-konsumaturi jsibuha diffiċli li jikkomparaw il-prodotti. Studji differenti juru li l-konsumatur jiddeċiedi li jew sempliċiment jagħżel l-irħas prodotti, jew jagħżel prodotti offruti minn kumpaniji kbar għaliex jarahom bħala aktar affidabbli. Problema oħra hi li n-nies ma jibqgħux isewgwu l-prodotti wara li jkunu xtrawhom, sabiex ikunu jistgħu jaqilbu għal offerti aktar vantaġġużi. Skond studju magħmul mill-FSA (Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji), il-livelli ta’ konsiderazzjoni ta’ diversi prodotti finanzjarji qabel ix-xiri ta’ huma baxxi ħafna fir-Renju Unit, f’kuntrast mal-imġiba tal-konsumaturi fix-xiri tal-ilbies jew telefowns ċellulari.
Problema oħra hi li l-konsumaturi ma jafux għand min għandhom jirrikorru. Is-servejs juru li meta n-nies ikunu jridu parir, l-ewwel jistaqsu lil tal-familja u l-ħbieb. Il-mottiv għal dan hu li n-nies jemmnu li membri tal-familja jagħtuhom pariri kredibbli. Mill-banda l-oħra, meta huma jfittxu parir minn bank, jistgħu jsibu ruħhom taħt pressjoni biex jixtru prodotti finanzjarji. Il-konsumaturi għandhom jiġu pprovduti b’pariri indipendenti biex jitħarsu bl-aqwa mod l-interessi tagħhom. Madankollu, ftit huma l-konsumaturi li jistgħu jaffordjaw is-servizzi tal-konsulenti finanzjarji personali.
In-nuqqas ta’ ppjanar għall-futur huwa wkoll konsegwenza tan-nuqqas ta’ litteriżmu u kapaċità finanzjarja. In-nies għandhom jirrealizzaw li l-ippjanar għall-irtirar tagħhom għandu jibda fis-snin bikrija tal-karriera tagħhom.
U finalment, illum il-ġurnata l-konsumaturi huma taħt pressjoni l-ħin kollu u jiġu mħajra jisselfu l-flus permezz tar-reklamar. Jekk ma jifhmux il-konsegwenzi tas-self u speċjalment tan-nuqqas ta’ kapaċità li jħallsuh lura, dan jista’ jkollu effetti ħżiena fuq is-sitwazzjoni tagħhom u wkoll tas-soċjetà inġenerali.
VI Żieda fil-kuxjenza
Minkejja li s-servejs juru li hemm nuqqas ġenerali ta’ kapaċità finanzjarja fost il-konsumaturi Ewropej, in-nies mhux dejjem jirrealizzaw jew jammettu dan il-fatt. Għandna nżidu l-kuxjenza tal-konsumaturi dwar kemm ikunu jifhmu f’materji finanzjarji, biex ngħinuhom jifhmu aħjar il-ħtieġa tal-edukazzjoni finanzjarja u l-pariri esperti indipendenti.
Fl-istess ħin, il-konsumaturi għandhom ikunu konxji tal-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom u tal-kuntratti li jagħmlu, pereżempju, dwar xi jkunu l-konsegwenzi jekk ma jħallsux lura l-pagamenti jew fil-każ ta’ ħlas ta’ pagamenti qabel l-iskadenza. Din il-kuxjenza tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati u responsabbli.
Hemm il-bżonn ta’ kampanja ta’ informazzjoni mmirata biex iżżid l-interess tal-pubbliku fil-kapaċità finanzjarja. Minbbarra dan, għandha tiġi żviluppata l-ħila tal-konsumaturi li jevalwaw il-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom.
L-attitudnijiet tal-kunsumaturi lejn l-edukazzjoni finanzjarja għandha tiġi influenzata. Anke jekk l-iskemi ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità u l-għoti ta’ pariri esperti huma disponibbli, in-nies xorta jistgħu jiddeċiedu li m’ għandhomx bżonnha.
V Edukazzjoni finanzjarja u informazzjoni finanzjarja – approċċ differenzjat
Il-kapaċità finanzjara tal-konsumaturi tevolvi tul il-ħajja ta’ individwu. Dan jiddependi fuq il-pożizzjoni tal-konsumaturi fiċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll fuq il-livell tal-edukazzjoni tagħhom, id-dħul, eċċ. L-għarfien finanzjarju u l-fehim, il-ħiliet u l-kompetenza, u r-responsabbiltà ma jiswew għal xejn jekk il-konsumaturi ma jużawhomx fil-prattika. Għalhekk l-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun prattika u mhux purament teoretika, speċjalment għall-konsumaturi aktar anzjani. L-iskemi tal-edukazzjoni finanzjarja għandhom iqisu wkoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Il-ħtiġijiet tagħhom jiddependu fuq l-età, il-livell tad-dħul, l-istat ċivili, l-edukazzjoni, l-interessi personali, is-settur li jaħdmu fih, eċċ.
Dawn il-punti jwasslu għall-prinċipji bażiċi tal-iskemi ta’ edukazzjoni finanzjarja. Huma:
- għandhom ikunu immirati,
- għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet u l-interessi differenti ta’ firxa differenti ta’ konsumaturi, u għandhom isiru bil-lingwa tagħhom – l-informazzjoni għall-konsumaturi għandha tkun konkreta u faċli biex tifimha,
- għandhom japplikaw għal firxa wiesgħa ta’ konsumaturi – tfal, adulti żgħażagħ, adulti, nies li waslu biex jirtiraw, pensjonanti – għandhom ikunu inklużi fis-sistema formali tal-edukazzjoni u wara għandhom jiġu żviluppati programmi speċifiċi ta’ taħriġ finanzjarju mmirati lejn ċerti gruppi soċjali u ekonomiċi,
- għandhom iqisu wkoll il-kapaċità tal-konsumaturi li jilmentaw u li jfittxu r-rimedji.
Punt importanti ieħor hu li l-informazzjoni lill-konsumatur hija neċessità imma mhux kundizzjoni suffiċjenti biex wieħed jieħu deċiżjoni effiċjenti. Żieda fl-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi spiss ma tirriżultax awtomatikament f’żieda mal-informazzjoni li jkollhom. Il-konsumaturi għandhom bżonn l-informazzjoni imma jeħtiġilhom ukoll li jkunu kapaċi jifhmu din l-informazzjoni u jikkomparawha. Ħafna drabi l-konsumaturi jitgħabbew b’wisq informazzjoni u jkollhom problemi biex jiffiltrawha. Dan jista’ jnaqqas il-livell ta’ fehim tagħhom u jillimita l-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjoni. L-informazzjoni m’għandhiex tiġi mfxikla mal-edukazjoni u l-pariri.
Normalment, konsumaturi b’anqas dħul għandhom anqas aċċess għall-informazzjoni għax ma jużawx il-prodotti finanzjarji regolarment. Is-servizzi tal-konsulenti finanzjarji indipendenti jintużaw minn ħafna konsumaturi iżda mhux dawk bi dħul baxx. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċess għall-pariri indipendenti u ta’ kwalità lil-konsumaturi bi dħul baxx.
VI Elaborazzjoni u implimentazzjoni ta’ skemi tal-edukazzjoni finanzjarja
L-atturi kollha għandhom ikunu involuti fil-proċess tal-edukazzjoni finanzjarja – l-istat, NGOs, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Hemm bżonn ta’ diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet. L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom l-għarfien espert biex jelaboraw skemi konkreti u prattiċi ta’ edukazzjoni, iżda ma jistgħux ikunu l-uniċi provdituri tal-edukazzjoni finanzjarja. Provdituri oħrajn kredibbli tal-edukazzjoni finanzjarja huma l-istituzzjonijiet indipendenti bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-istat. L-aħjar soluzzjoni hi li l-edukazzjoni finanzjarja tingħata flimkien mill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex id-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi jkunu protetti u ma ssir l-ebda pressjoni fuqhom biex jixtru l-prodotti finanzjarji.
VII L-edukazzjoni finanzjarja fil-livell tal-UE
L-edukazzjoni finanzjarja hija ipprovduta minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet differenti – awtoritajiet finanzjarji ta’ sorveljanza, istituzzjonijiet finanzjarji, aġenziji biex jiżdied il-litteriżmu fost l-adulti, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, eċċ. L-awtoritajiet nazzjonali fi ħdax-il Stat Membru huma korpi ewlenija fl-edukazzjoni finanzjarja. Is-suġġett prinċipali huwa t-teorija tal-flus u l-użu tal-kontijiet bankarji. Il-programmi tal-edukazzjoni finanzjarja jinkludu wkoll il-ġestjoni tad-djun u s-self u jkopru kwistjonijiet bħal investimenti, tfaddil, assigurazzjoni u mmanigjar tar-riskju. Fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattivi li ġejjin:
· Il-Kummissjoni fetħet sit fuq l-Internet, Dolceta, li joffri edukazzjoni tal-konsumatur lill-adulti – dan is-sit huwa tradott għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE (minbarra r-Rumen u l-Bulgaru) u huwa adattat għall-ħtiġijiet tas-swieq nazzjonali.
· Il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi d-Dolceta għall-edukazzjoni primarja u sekondarja – dan il-proġett ġdid hu mmirat għaż-żgħażagħ u l-għalliema. L-għan tiegħu hu li jgħin lill-edukaturi jinkorporaw il-kwistjonijiet finanzjarji fil-klassijiet tagħhom u jevalwaw lill-istudenti fuq dawn is-suġġetti.
· “Id-Djarju Ewropew” – huwa ktejjeb imqassam lill-istudenti tas-sekondarja biex jinfurmahom bid-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Dan jinkludi sezzjoni fuq il-flus u d-dejn, li tispjega kif jaħdmu l-istituzzjonijiet u l- prodotti finanzjarji, u jwissi dwar il-perikli ta’ self eċċessiv.
· F’Marzu 2007, il-Kummissjoni organizzat konferenza fuq “Titjib tal-Kapaċità Finanzjarja” biex tenfasizza l-importanza tal-għoti ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità, u biex tipprovdi forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki.
· Il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur issuġġeriet li jista’ jsir aktar biex tiġi mħeġġa l-edukazzjoni finanzjarja.
· Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (COM(2007)226)
VIII Miżuri
- L-Istati Membri għandu jkollhom rwol ċentrali fl-edukazzjoni finanzjarja. Madankollu, għandu jiġi żviluppat programm bażiku fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja fil-livell tal-UE. Dan il-programm għandu joħloq regoli u prinċipji komuni fl-Istati Membri kollha.
- L-aħjar mod biex tittejjeb il-kapaċità finanzjarja tan-nies hu li jiddaħħal suġġett li jkopri l-kwistjonijiet finanzjarji fil-kurrikulu tal-iskola. Sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati, l-edukazzjoni finanzjarja għandha tibda l-iskola u tkun obbligatorja. Il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jinkludu l-edukazzjoni finanzjarja fil-kurrikulu nazzjonali tagħhom fl-iskejjel.
- Għandu jkun hemm approċċ speċjali għat-titjib tal-litteriżmu finanzjarju fi gruppi varji tas-soċjetà – tfal fi skejjel elementari u sekondarji, studenti f’universitajiet, adulti, nies bi dħul baxx u pensjonanti.
- L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu netwerk għall-edukazzjoni finanzjarja li fih jieħdu sehem kemm il-Gvern u kemm is-settur mhux governattiv, kif ukoll għalliema mħarrġa apposta.
- Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-Istati Membri biex jistabbilixxu edukazzjoni finanzjarja mfassla speċifikament għall-konsumaturi fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom jew għal dawk diġà pensjonanti. Dan huwa importanti għax illum is-sistemi tas-sigurtà soċjali huma tali li r-riskji jġorrhom iċ-ċittadin u mhux aktar l-istat.
Il-Kummissjoni għandha toħloq linja ta’ baġit għal programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja fil-livell tal-UE. Għandhom jitwarrbu l-flus għal kampanji fuq il-medja, li jżidu l-kuxjenza tal-konsumaturi dwar il-problemi kkawżati minn livell baxx ta’ litteriżmu finanzjarju.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (17.9.2008)
għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
dwar il-Ħarsien tal-konsumatur: It-titjib tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-finanzi u l-kreditu
(2007/2288(INI))
Rapporteur għal opinjoni (*): Jean-Paul Gauzès(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-objettiv tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-finanzi u tal-kreditu huwa li jittejjeb l-għarfien tal-konsumaturi fir-rigward tar-realtajiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex jinftehmu l-impenji ekonomiċi u jiġu evitati riskji mhux neċessarji, dejn eċċessiv u esklużjoni finanzjarja; iqis li l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni għandhom jippermettu li l-konsumaturi jkollhom approċċ indipendenti, ibbażat fuq l-opinjoni tagħhom, tal-prodotti finanzjarji li jiġu offruti lilhom jew li l-konsumaturi jkunu qed iqisu li jirrikorru għalihom; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex, flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji, partijiet oħra kkonċernati, il-midja, l-edukazzjoni u l-professjonisti tal-evalwazzjoni u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, jadottaw u jikkoordinaw miżuri u inizjattivi biex jissensibilizzaw liċ-ċittadini finanzjarjament; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta programm Ewropew għall-edukazzjoni finanzjarja;
2. Jinnota li l-kriżi tal-krediti immobiljari b'riskju għoli mhux biss turi l-perikli kkawżati minn informazzjoni mhux adegwata għal min jissellef, iżda wkoll in-nuqqas ta' fehma u ta' għarfien dwar din l-informazzjoni li twassal biex il-konsumaturi ma jkunux konxji biżżejjed dwar ir-riskji ta' falliment u ta' dejn eċċessiv;
3. Iqis li informazzjoni effettiva, ċara u li tinftiehem, partikolarment fil-messaġġi ta' reklamar dwar il-prodotti finanzarji, hija neċessarja u li l-intrapriżi finanzjarji għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratti u b'mod partikolari japplikaw b'mod strett ir-regoli previsti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39/KE tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji [1] (Mifid) u d-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2008/48/KE tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur[2]; jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod koerenti, tressaq proposti leġiżlattivi speċifiċi għal sistema armonizzata tal-informazzjoni u l-protezzjoni għall-konsumatur b'mod partikolari fil-qafas ta' kreditu fuq l-ipoteka (pereżempju karta tal-informazzjoni Ewropea standardizzata, armonizzata, sempliċi u paragunabbli, inklużi indikazzjonijiet komuni dwar il-persentaġġ annwali tar-rata mħallsa, eċċ.);
4. Jissuġġerixxi li għandha tiġi mdaħħla introduzzjoni għall-ekonomija u għall-finanzi fit-tagħlim u għandha tiġi adattata għad-diversi livelli ta' edukazzjoni, u li din għandha tenfasizza b'mod partikolari l-ġestjoni tajba tal-baġit familjari u l-użu tajjeb tal-iktar prodotti finanzjarji komuni; ifakkar li l-edukazzjoni finanzjarja tista' tinfirex sew fost il-konsumaturi u ċ-ċittadini permezz tal-midja u tat-teknoloġiji tal-IT kollha disponibbli;
5. Huwa tal-opinjoni li taħriġ fil-finanzi domestiċi u fl-għarfien dwar il-krediti għandu jingħata lill-ħaddiema fil-qasam soċjali li jiġu f'kuntatt mal-familji li jippreżentaw riskji ta' dejn eċċessiv jew ta' esklużjoni finanzjarja sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtuhom pariri utli jew javżawhom dwar ir-riskji; jitlob biex jiġu żviluppati programmi speċifiċi għaż-żgħażagħ bil-għan li jiġu istruwiti, bħala konsumaturi tal-ġejjieni, fir-rigward ta' prodotti tas-sistema bankarja kif ukoll għal dawk li jidħlu fl-Unjoni Ewropea sabiex jissaħħaħ l-għarfien tagħhom tal-prattiki finanzjarji Ewropej, u għall-pensjonanti, bil-għan li dawn ikunu kapaċi jfittxu prodotti u servizzi aħjar, orħos u iktar adegwati;
6. Jemmen li l-gvernijiet għandhom isaħħu u jinkoraġġixxu l-azzjoni min-naħa tal-organizzazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni u fil-qawmien ta' kuxjenza fir-rigward tal-finanzi u tal-kreditu;
7. Jenfasizza li konsumaturi mgħallma u li jkollhom is-setgħa jistgħu jgħinu biex irawmu l-kompetizzjoni, il-kwalità u l-innovazzjoni fl-industriji tas-servizzi bankarji u finanzjarji, u jfakkar li investituri mgħallma u konfidenti jistgħu jipprovdu likwidità addizzjonali għas-swieq kapitali għall-investiment u t-tkabbir; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur qatt ma jistgħu jieħdu post sorveljanza effettiva, iżda jistgħu jżidu l-effikaċja ta' din is-sorveljanza meta jsiru b'mod adegwat.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.9.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Salvador Domingo Sanz Palacio, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Harald Ettl, Piia-Noora Kauppi, Vladimír Maňka, Bilyana Ilieva Raeva, Margaritis Schinas |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.10.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Cristian Silviu Buşoi, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Hélène Goudin, Małgorzata Handzlik, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Pierre Jonckheer, Kurt Lechner, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Zita Pleštinská, Karin Riis-Jørgensen, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Barbara Weiler, Marian Zlotea |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Colm Burke, Giovanna Corda, Othmar Karas, José Ribeiro e Castro, Olle Schmidt |
|||||