Proċedura : 2008/2187(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0403/2008

Testi mressqa :

A6-0403/2008

Dibattiti :

PV 20/10/2008 - 15
CRE 20/10/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2008 - 6.1
CRE 22/10/2008 - 6.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0512

RAPPORT     
PDF 137kWORD 81k
14.10.2008
PE 412.032v02-00 A6-0403/2008

b'mozzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan

(2008/2187(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Sophia in 't Veld

MOZZJONI GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar il-koklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan

(2008/2187(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal riżoluzzjoni lill-Kunsill minn Sophia in't Veld f'isem il-Grupp ALDE dwar il-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (B6-0383/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 24, 29 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li huma l-bażi legali għal zona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll għal negozjati internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali;

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/651/CFSP/JHA tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan(1), u wara li kkunsidra l-istess Ftehima,

–   wara li kkunsidra l-fatt li skont l-Artikolu 25 tat-TUE, dik il-Ftehima qed attwalment torbot biss fuq bażi proviżorja lil dawk l-Istati Membri li ma joħorġux dikjarazzjonijiet li juru li kellhom jikkonformaw mal-proċedura kostituzzjonali tagħhom stess, kif għamlu l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, l-Olanda, l-Ungerija, il-Polonja u l-Finlandja(2),

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-bażi legali magħżula għad-Deċiżjoni tal-Kunsill t'hawn fuq li tikkonkludi l-Ftehima, b'mod speċjali l-Artikoli 38 u 24 tat-TUE (tal-aħħar jirreferi għar-relazzjonijiet esterni), teħtieġ li l-Presidenza tikkonsulta lill-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-PNR(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/82/KE tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-passiġġieri(4),

–   wara li kkunsidra l-prinċipji bażiċi tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, li jimplikaw li l-Parlament se jkun infurmat u kkonsultat bis-sħiħ, u wara li kkunsidra l-fatt li l-Parlament lanqas biss kien infurmat dwar in-negozjati pendenti mill-Kummissjoni u/jew il-Kunsill, b'kuntrarju għal dak li ġara fil-każ ta' Ftehimiet oħra relatati mal-PNR u wkoll matul l-ewwel stadju ta' negozjati mal-Awstralja fl-2003/2004(5),

–   b'kunsiderazzjoni li minkejja n-nuqqas ta' rieda tal-istituzzjonijiet l-oħra, il-Parlament għandu jieħu pożizzjoni dwar kwistjoni li taffettwa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u li hija wkoll attwalment diskussa bħala suġġett possibbli għal-leġiżlazzjoni tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3), u l-Artikoli 83(5), u (94) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0403/2008),

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Dwar aspetti proċedurali

(a)  iqis li l-proċedura segwita għall-konklużjoni tal-Ftehima hi nieqsa mill-leġittimità demokratika, għaliex fl-ebda stadju ma kien hemm skrutinju demokratiku sodisfaċenti jew approvazzjoni Parlamentari; jinnota li l-Kunsill b'mod regolari jagħżel din il-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

(b)             jinnota li minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, il-Parlament fl-ebda stadju ma kien infurmat jew ikkonsultat dwar l-adozzjoni tal-mandat, l-andament tan-negozjati jew il-konklużjonijiet tal-Ftehima; u minħabba f'hekk, iqis li l-proċedura segwita mill-Kunsill ma tikkonformax mal-Artikolu 24 tat-TUE u lanqas mal-prinċipji tal-koperazzjoni leali;

(c)  jinnota li l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali hija meħtieġa f'biss għaxra mis-27 Stat Membru tal-UE, mingħajr ma jkun hemm ebda possibilità li jiġu proposti xi modifiki; iqis din il-proċedura bħala waħda totalment mhux adegwata; u jinnota li modifiki futuri tat-termini tal-Ftehima se jsiru mingħajr l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali;

(d)  jibqa' fid-dubju dwar il-bażi legali magħżula mill-Kunsill għal ftehima internazzjonali li tikkonċentra biss fuq il-bżonnijiet interni ta' sigurtà ta' pajjiż terz u li m'għandha l-ebda valur miżjud fir-rigward tas-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew taċ-ċittadini tal-UE; għalhekk iżomm id-dritt tiegħu li jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każ li parti terza turi dubji dwar il-leġittimità tal-Ftehima;

(e) jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu lill-Parlament u lill-parlamenti nazzjonali b'mod sħiħ fl-adozzjoni ta' mandat għal negozjati u fil-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim futur dwar it-trasferiment ta' data personali, b'mod partikolari d-diskussjonijiet attwali mal-Korea t'Isfel dwar it-trasferiment tad-data PNR;

Dwar l-ambitu u l-iskop

(f)   jinnota li fit-test kollu tissemma lista sħiħa ta' raġunijiet, u termini differenti huma użati wieħed ħdejn l-ieħor:

- il-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati kif ukoll delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (introduzzjoni),

- strettament għall-iskop tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati (Artikolu 5(1)(i)) u delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (Artikolu 5(1)(ii)),

- l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija hawn fuq (Artikolu 5(1)(iii)),

- biex jiġu protetti s-sigurtà pubblika u l-infurzar tal-liġi (introduzzjoni),

- dwana, immigrazzjoni u delitti (referenzi għall-Atti rispettivi fl-introduzzjoni),

- 'fuq bażi ta' każ b'każ' fejn hu meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali għas-suġġett tad-dejta jew persuni oħra, b'mod partikolari fir-rigward tar-riskju ta' mewt jew korriment serju lis-suġġett tad-dejta jew oħrajn (Artikolu 5(2)),

- riskju tas-saħħa pubblika sinifikanti (Artikolu 5(2)),

- sorveljanza u responsabilità tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi r-rekwiżiti skont l-Att tal-Libertà tal-Informazzjoni, l-Att tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Opportunitajiet Ugwali, l-Att tal-Privatezza, l-Att tal-Awditur Ġenerali, jew l-Att tal-Ombudsman (Artikolu 5(3));

(g)  għalhekk iqis li l-limitazzjoni tal-iskop hija totalment mhux adegwata, li tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-miżuri humiex ġustifikati u proporzjonati; u li b'riżultat ta' dan, il-Ftehima ma jirnexxilhiex tissodisfa l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE u dawk internazzjonali, jew li tikkonforma mal-Artikolu 8 tal-ECHR, li jeħtieġ limitazzjoni preċiża tal-iskop; iqis li din tesponi lill-Ftehima li tkun ikkuntestata fuq bażi legali;

Dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

(h)  jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Att dwar il-Privatezza Awstraljan għandu japplika bħala test sħiħ għaċ-ċittadini tal-UE, imma hu mħasseb dwar xi eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet li jistgħu jħallu liċ-ċittadini tal-UE bi protezzjoni legali mhux kompleta; jemmen li l-Ftehima għandha tkun konformi għal kollox, mhux biss mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta Awstraljani, imma wkoll u b'mod primarju mal-liġijiet tal-UE; jinsisti li sempliċi konformità mal-Ftehima ma tistax tieħu post sejba formali tal-adegwatezza, u li mhuwiex biżżejjed li l-liġijiet, il-politiki u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni Ewropea u tal-Awstralja jaqsmu bejniethom bażi komuni;

(i)   jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li d-dejta tkun svelata biss bil-kwantità meta tkun anonima;

(j)   jinnota, fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti u d-dejta li tikkonċernahom, li skont il-Ftehima l-Awstralja għandha tipprovdi sistema, aċċessibbli għall-individwi, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' residenza, biex dawn l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; sabiex ikunu infurmati l-passiġġieri, hi milqugħa b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni tad-Dwana li tinforma lill-pubbliku dwar l-ipproċessar tad-dejta PNR;

(k)  jirrimarka li, bid-differenza tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-rekord tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (2007 Ftehima PNR)(6), fil-każ li tinqala' tilwima bejn il-partijiet minħabba l-Ftehima Awstraljana, hemm dispożizzjoni għal mekkaniżmu biex jissolva l-kunflitt, u fejn ikun hemm ċans kbir li jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima, l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom biex jissospendu l-ħruġ ta' dejta sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom;

(l)   jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta għar-reviżjoni konġunta, imma jisgħobbih li għadha ma saret l-ebda skadenza fissa għal reviżjoni bħal din; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jitolbu għal reviżjoni qabel Ġunju 2010, u biex jippreżentaw is-sejbiet ta' dik ir-reviżjoni lill-Parlament;

(m) jilqa' b'sodisfazzjon, fir-rigward ta' trasferimenti sussegwenti, il-fatt li hemm possibilitajiet limitati għal dawn it-trasferimenti, b'mod partikolari ladarba trasferimenti sussegwenti jsiru biss fuq bażi ta' każ b'każ u d-Dwana żżomm reġistru tal-iżvelar kollu;

(n)  jinnota li skont l-Artikolu 2(2), l-ebda dejta m'għandha tinżamm, imma li perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs jissemma fl-Anness, punt 12; għalkemm iqsar milli tidher fil-ftehimiet mal-Istati Uniti, il-Parlament iqis li l-proporzjonalità ta' perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs ma tistax tiġi stabbilita għax ir-raġunijiet li għalihom id-dejta tal-passiġġier qed tinżamm mhumiex speċifikati b'mod suffiċjenti;

(o)  jirrimarka, fir-rigward ta' dejta sensittiva, li d-Dwana ddikjarat b'mod speċifiku li ma tridx u m'għandhiex bżonn dejta sensittiva, li jwassal għall-mistoqsija għaliex ġurisdizzjonijiet oħra bħal ma huma l-Kanada u l-Istati Uniti għandhom bżonnha, u jagħti assigurazzjoni ikbar li d-Dwana attwalment tiffiltra u tħassar dejta sensittiva li hija tista' tirċievi; madankollu, il-fatt li r-responsabilità tal-kontrollur tad-dejta biex jiffiltra dejta sensittiva maħruġa mill-UE tingħata lill-benefiċjarji tad-dejta, per eżempju d-Dwana, hija konsistenti mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta aċċettati, bħal ma huma dawk tal-Konvenzjoni 108 tat-28 ta' Jannar 1981 tal-Kunsill tal-Ewropa(7) u tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u tal-moviment ħieles ta' din id-dejta(8);

(p)  jinsisti li l-iskambju ta' noti diplomatiċi biex tkun emendata l-lista ta' dipartimenti u aġenziji li jista' jkollhom aċċess għad-data PNR, hu metodu inaċċettabbli;

(q)  jikkundanna l-fatt li, waqt li jitqiesu l-kategoriji ta' dejta ttrasferita lid-Dwana, id-dejta mitluba hija tal-istess kategoriji ta' dejta bħal dik tal-Ftehima tal-Istati Uniti tal-2007 imsemmija hawn fuq (l-34 qasam ta' dejta kienu miġbura f'19-il kategorija ta' dejta, biex tingħata l-impressjoni li l-ammont ta' dejta trasferibbli kien naqas sew, li fil-fatt ma kienx il-każ); ġabra daqshekk wiesgħa ta' dejta mhix ġustifikata u għandha tkun meqjusa bħala sproporzjonata;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali li attwalment qegħdin jikkunsidraw din il-Ftehima u/jew dik mal-Istati Uniti (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Olanda, Spanja, l-Ungerija, il-Polonja) biex iqisu l-osservazzjonijiet/ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

3.  Ifakkar lill-Kunsill li, fl-eventwalità ta' dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-ftehimiet kollha dwar il-PNR għandhom ikunu riveduti b'assoċjazzjoni mal-Parlament Ewropew fuq bażi ekwa;

o

o o

4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament Awstraljan.

(1)

ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.

(2)

Ftit mill-Istati Membri adottaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ppubblikati fil-Minuti tal-Kunsill u li huma aċċessibbli fl-indirizz li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st10/st10439.en08.pdf

(3)

Riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p.381), Riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003, dwar it-trasferiment ta' dejta personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: is-sitwazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105), tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni provdut mid-dejta personali misjuba fir-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn il-"Bureau of Customs and Border Protection" tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehima mal-Istati Uniti dwar l-użu tad-data tar-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, inkluż l-kriminalità organizzata (ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250) u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-7 ta' Lulju 2005 dwar il-ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-gvern Kanadiż dwar l-ipproċessar tad-dejta tal-passiġġieri tal-ajru (API/PNR) (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 464).

(4)

ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.

(5)

Il-Kumitat LIBE ħa nota wkoll ta' dawn in-negozjati fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tal-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data dwar dan is-suġġett. Ara: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2004/wp85_en.pdf

(6)

ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.

(7)

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u emendi sussegwenti tagħha.

(8)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

7.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

16

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Catherine Boursier, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Carlos Coelho, Esther De Lange, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Claudio Fava, Armando França, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Martine Roure, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Genowefa Grabowska, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Metin Kazak, Marianne Mikko, Bill Newton Dunn, Maria Grazia Pagano, Hubert Pirker

Avviż legali - Politika tal-privatezza