RAPPORT dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili
21.10.2008 - (2008/2140(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Christian Ehler
Rapporteur għal opinjoni (*):
Guyla Hegyi, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (COM(2008)0013) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0047),
- wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (COM(2008)0016) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0052),
- wara li kkunsidra l-proposta għal-direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (COM(2008)0018) d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0054),
- - wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-22 ta' Novembru 2007 bit-titolu "Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (SET-PLAN): Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju (COM(2007)0723) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar mappa teknoloġika (SEC(2007)1510) u dwar mappa tal-kapaċitajiet (SEC(2007)1511), għall-Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija għall-Enerġija,wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bit-titolu "20 għal darbtejn sa l-2020: L-opportunitajiet dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa" (COM(2008)0030),
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 bit-titolu "Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa" (COM(2007)0001),
- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0418/2008),
A. Billi l-użu ta' fjuwils fossili fi ħdan l-UE, skont l-aħħar għarfien xjentifiku u teknoloġiku, jekk ma jkunx hemm investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji oħra, se jibqa' neċessarju għal xi għexieren ta' snin oħra biex is-sikurezza tal-provvista tkun fiż-żgur,
B. billi l-faħam huwa l-uniku sors ta' enerġija fossili disponibbli fl-UE li jista' jillimita d-dipendenza dejjem tikber fuq l-importazzjoni taż-żejt u l-gass minn pajjiżi terzi li huma f'qagħda inċerta u, għalhekk, għandu importanza starteġika,
C. billi, filwaqt li f'ħafna Stati Membri l-faħam għandu rwol ewlieni fit-taħlita ta' enerġija, i-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam jeħtieġu programmi kbar ta' mmodernizzazzjoni u investiment sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra,
D. billi ħafna Stati Membri tal-UE għandhom riżorsi kbar ta' faħam, li huma stmati li jservu għal żmien konsiderevoli fis-seklu li jmiss,
E. billi l-użu fuq skala wiesgħa ta' teknoloġiji tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju (CCS), - fl-impjanti tal-enerġija, kif ukoll, fuq żmien fit-tul, f'oqsma industrijali fejn hemm emissjonijiet kbar tad-CO2, - jista' jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward il-klima li jmorru lilhinn mis-sena 2020, u billi l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għandu jikkompleta l-isforzi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija fuq in-naħa tal-provvista u d-domanda kif ukoll fil-qasam tal-enerġiji li jiġġeddu,
F. billi l-produzzjoni tal-enerġija f'ħafna ekonomiji li qed jikbru fid-dinja tiddependi fuq il-faħam, u billi l-kisbiet tal-politika tal-klima f'dawn ir-reġjuni huma marbuta mill-qrib ħafna mal-possibilità tal-użu tal-faħam b'emissjonijiet imnaqqsa,
G. billi l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija mill-2020 ikun biss possibbli jekk permezz ta' proġetti ta' turija jinkisbu żviluppi ġodda u meħtieġa fit-teknoloġija u titjib fl-effiċjenza u fil-vijabilità ekonomika, filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat li jkun irrispettat l-ambjent,
H. billi dewmien fil-bini ta' impjanti ta' turija jixħet fid-dubju l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija u konsegwentement li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima,
I. billi s'issa għad m'hemmx qafas leġiżlattiv adegwat li huwa meħtieġ għall-użu tat-teknoloġiji tas-CCS,
J. billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam trid tiġi adottata mill-aktar fis mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u għandha tkun issupplimentata bi proposti leġiżlattivi ġodda, l-aktar fir-rigward tal-bini ta' infrastruttura tat-trasport,
K. billi n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali jagħmilha diffiċli li l-impriżi jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment jew li investituri potenzjali jaġixxu fis-swieq finanzjarji,
L. billi l-bini ta' mill-inqas 12-il impjant ta' turija għandu jkun appoġġjat, u billi l-proġetti ta' turija fuq livell Ewropew għandhom jintgħażlu skont jekk jipprovdux l-għarfien ġdid meħtieġ fir-rigward tat-teknoloġiji individwali u d-diversi għażliet ta' trasport u ħżin,
1. Jenfasizza li l-għan tal-politiki tal-UE dwar il-klima għandu jkun it-tnaqqis dinji tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;
2. Ifakkar fir-Rapport Speċjali tal-2005 dwar is-CCS tal-Panil Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) li identifika s-CCS bħala teknoloġija promettenti għat-tnaqqis b'ħeffa tal-emisjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, bil-potenzjal li jinkiseb tnaqqis sa 55% sal-2100;
3. Jirrokonoxxi li l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima wara s-sena 2020; madankollu jirrimarka li l-appoġġ għall-użu tat-teknoloġiji tas-CCS jikkumplineta l-isforzi li qed isiru biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u biex jiżdied l-użu tal-enerġiji li jiġġeddu;
4. Ifakkar fl-impenn tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 li jistimula l-bini u t-tħaddim, sal-2015, ta' mhux aktar minn 12-il faċilità ta' turija ta' teknoloġiji li jippermettu l-użu sostenibbli ta' fjuwils fossili għall-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li jitwettqu dibattiti nazzjonali u li l-esperti kollha fil-qasam ikunu involuti, sabiex tiġi enfasizzata l-importanza tat-turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili;
6. Jaqbel mal-fehma li huwa meħtieġ li jinbnew mill-inqas 12-il impjant ta' turija fl-UE sabiex jintlaħaq l-użu mixtieq tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija u l-ħżin mingħajr perikli tad-CO2 mis-sena 2020 'l quddiem; huwa tal-fehma li, jekk ikun possibbli, f'dan il-kuntest, it-turija tat-teknoloġiji tas-CCS għandha tkun appoġġjata wkoll f'faċilitajiet industrijali oħra qabel l-2020; jirrimarka li t-turija tal-proċessi tas-CCS fil-fażijiet tal-qabda, tat-trasport u tal-ħażna, jeħtieġ li tivverifika jekk it-teknoloġiji tas-CCS jistgħux jintużaw b'mod sikur u jekk dawn joffrux soluzzjoni effettiva f'sens ta' nefqa għall-problema tal-bidla fil-klima;
7. Iqis l-iżvilupp u l-użu, li qed jikbru, tat-teknoloġiji tas-CCS, bħala mezz ta' kif isir progress lejn l-ilħuq simultanju tal-objettivi tas-sigurtà tal-provvista, tal-ħarsien tal-klima u tal-kompetittività;
8. Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-irwol tal-fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġiji ta' ħafna pajjiżi fid-dinja, it-teknoloġiji tas-CCS fl-UE jistgħu, flimkien mal-isforzi li qed isiru biex titkabbar l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġiji li jiġġeddu, jikkontribwixxu biex tinkiseb sigurtà fil-provvista u ħarsien tal-klima;
9. Jenfasizza li jridu jiġu stipulati kriterji stretti u li jorbtu għas-sikurezza fit-tul u l-permanenza tal-postijiet tal-ħażna;
10. Iqis li l-ħażna taħt qiegħ il-baħar tista', f'każ ta' xi inċident, tipperikola l-ekosistemi tal-baħar;
11. Huwa tal-fehma li l-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jipprovdu l-inċentivi mixtieqa sabiex jinbnew mill-inqas 12-il impjant ta' turija sa l-2015;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta stima ddettaljata tal-ispiża ta' kull wieħed mit-12-il faċilità ta' turija, u tas-sehem tas-settur privat u tas-settur pubbliku fil-finanzjament tagħhom;
13. Iqis li jinħtieġ impenn finanzjarju dirett biex ikun iggarantit il-bini ta' 12-il proġett ta' turija;
14. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar investiment u l-akkwist ta' kapital fis-swieq finanzjarji għall-faċilitajiet ta' turija qed ikunu imxekkla minħabba n-nuqqas ta' qafas leġiżlattiv, b'mod partikolari fil-livell nazzjonali u reġjonali, u minħabba inċertezzi rigward iċ-ċaqliq fil-ġejjieni fil-prezzijiet taċ-ċertifikati fl-iskambju ta' emissjonijiet;
15. Huwa tal-fehma li l-ispazju ta' żmien li hemm bejn l-appoġġ potenzjali mill-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet mis-sena 2013, u l-fażi meħtieġa ta' ppjanar u bini tal-faċilitajiet ta' turija, jista' jimtela billi jitpoġġew għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji.
16. Jipproponi, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi mill-mekkaniżmu tal-qsim tar-riskju finanzjarju (RSFF) li ġew miżmuma wara l-adozzjoni tas-Seba' Programm ta' Riċerka ta' Qafas sakemm issir l-evalwazzjoni ta' nofs iż-żmien, għandhom jiġu allokati għall-faċilitajiet ta' turija tas-CCS, sabiex ir-riżorsi jkunu disponibbli fil-pront biex jappoġġjaw dawn il-proġetti u, jekk ikun possibbli, kif maħsub mill-Kummissjoni, biex dawn jiżdiedu b'aktar fondi bil-kooperazzjoni mal-EIB;
17. Iqis, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-iskema tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet tal-UE (EU ETS), l-inċentivi għall-produzzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS għandhom jiġu miżjuda, billi jiġu allokati, fi ħdan l-EU ETS, kwoti għall-produzzjoni mistennija tat-teknoloġiji tas-CCS b'żieda ta' mill-anqas 25% mill-2013, iżda jqis ukoll li dawn il-kwoti għandhom jingħataw talanqas sentejn qabel il-bini sabiex ikunu jistgħu jiġu skambjati; iqis, mill-banda l-oħra, li għandha tkun prevista allokazzjoni ta' 500 miljun kwota ta' skambju ta' emissjonijiet għas-sostenn ta' dawn il-proġetti; barra minn hekk jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jużaw id-dħul mill-irkantar tal-kwoti ta' emissjoni fil-qafas tal-EU ETS biex ikunu ta' sostenn għat-teknoloġiji tas-CCS u għall-infrastruttura meħtieġa;
18. Iqis li huwa assolutament meħtieġ li talanqas it-12-il faċilità ta' turija li għandhom jiġu sostnuti għandhom ikopru l-kombinazzjonijiet kollha possibbli tat-tliet teknoloġiji tas-CCS bis-sorsi differenti ta' enerġija u bl-għażliet differenti ta' ħażna u li l-għażla tas-siti tkun ispirata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-akbar diversifikazzjoni ġeoġrafika possibbli madwar l-Unjoni Ewropea,
19. Jirrakkomanda bis-sħiħ li fl-għażla jkunu inklużi l-impjanti tal-enerġija b'qawwa minima ta' 180 MW;
20. Huwa tal-fehma li mingħajr dewmien għandhom jiġu fformulati r-rekwiżiti għall-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali għat-trasport u l-ħażna;
21. Iqis li jinħtieġ impenn ulterjuri tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa tat-trasport, u jinnota, f'dan ir-rigward, il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fl-Istati Membri individwali għal infrastrutturi oħra tat-trasport li jieħdu snin twal, u f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni dwar l-importranza li dawn il-proċeduri jitqassru sabiex jiġi ggarantit il-bini tagħhom sal-2020;
22. Iqis l-użu ta' fondi strutturali għall-impjanti tat-turija tas-CCS bħala possibilità biss jekk reġjuni individwali ma jkunux għadhom rabtu l-fondi ma' proġetti oħra fuq żmien fit-tul, jew ressqu proposti f'dan is-sens, u jenfasizza li l-possibilita li l-isforzi għall-ħarsien tal-klima jiġu aċċettati tonqos, jekk il-fondi għat-titjib fil-koeżjoni ekonomika u soċjali jkun f'kompetizzjoni mal-miżuri dwar il-ħarsien tal-klima;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lil gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 412, 30.12.2006, p.1.
NOTA SPJEGATTIVA
Bil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu: "Appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili" il-Kummissjoni pprovdiet bażi sabiex jiġu diskussi miżuri ta' politika li jvarjaw minn inċentivi biex il-pubbliku jaċċetta aktar din it-teknoloġija, sal-provvista ta' qafas leġiżlattiv meħtieġ jew it-tneħħija ta' ostakoli legali u l-għoti ta' appoġġ permezz tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet, tal-BEI jew tal-Fondi Dtrutturali.
Hemm qbil ġenerali li l-Unjoni Ewropea tista' tilħaq l-objettivi ambizzjużi tagħha ta' politika dwar il-klima wara l-2020 biss jekk jirnexxiela tiżgura li jkun hemm użu wiesa' tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija. Kwalunkwe dewmien fil-proġetti ta' turija jwassal għal dewmien fl-istadju operazzjonali wara l-2020.
Minħabba l-importanza tiegħu f'dawk li huma prezzijiet tal-enerġija li jintlaħqu u sigurtà tal-provvista għall-popolazzjoni Ewropea, il-faħam huwa komponent indispensabbli tat-taħlita tal-enerġiji, u għandu jitħeġġeġ l-użu tiegħu b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-klima.
Ir-rapporteur jagħraf li l-problema tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni hi li mhux se jkunu disponibbli fil-ħin sabiex jiffavorixxu t-tlestija tal-proġetti ta' turija sal-2015. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar investiment għall-faċilitajiet ta' turija tas-CCS u l-kisba ta' riżorsi finanzjarji jkunu mxekkla min-nuqqas ta' qafas leġiżlattiv. Filwaqt li fil-mument qed tingħata spinta fuq livell Ewropew sabiex tiġi addottata d-direttiva dwar il-ħażna ġeoloġika, fuq livell nazzjonali jew reġjonali hemm b'mod ġenerali nuqqas ta' inizjattivi li jikkorrispondu, l-aktar fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport meħtieġa.
F'dan l-abbozz ta' rapport, qed jingħata sostenn għall-bini ta' mill-anqas 12-il impjant ta' turija b'qawwa minima ta' 200 MW. Biex dan isir, jinħtieġ progress mgħaġġel fit-tfassil u l-adozzjoni taleġiżlazzjoni, kemm dwar il-ħażna ġeoloġika kif ukoll dwar l-infrastruttura tat-trasport. Iridu jingħataw ukoll inċentivi finanzjarji qabel l-2013. Ir-riżorsi tal-mekkaniżmu RSFF (500 miljun euro) miżmuma mill-Parlament sa ma ssir ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien, jistgħu jiġu allokati fil-ġejjieni għall-faċilitajiet ta' turija tas-CCS. B'kofinanzjament mill-BEI, l-ammont disponibbli jista' jilħaq il-biljun euro. Barra minn hekk, jista' jsir użu aktar milli kien maħsub tal-iskema tal-iskambju tal-kwoti, permezz tal-allokazzjoni minn kmieni taċ-ċertifikati/kwoti ta' appoġġ għall-faċilitajiet ta' turija.
Waqt il-proċess tal-għażla tal-proġetti ta' turija li għandhom jirċievu għajnuna mill-UE, għandu jiġi żgurat li l-proġetti magħżula jippermettu li jiġi ppreżentat l-għarfien meħtieġ fir-rigward tat-teknoloġiji individwali u d-diversi għażliet ta' trasport u ta' ħażna. Għaldaqstant il-proġetti magħżula għandhom ikopru l-kombinazzjonijiet possibbli tat-tliet teknoloġiji tas-CCS bis-sorsi differenti ta' enerġija u bl-għażliet differenti ta' ħażna.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (9.10.2008)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar l-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli tal-Enerġija mill-Fjuwils Fossili
(2008/2140(INI))
Rapporteur għal opinjoni(*): Gyula Hegyi(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-għan tal-politiki Ewropej dwar il-klima għandu jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra madwar id-dinja kollha;
2. Ifakkar fir-Rapport Speċjali tal-2005 tal-Panel Intergovernattiv għall-Bidla fil-Klima (IPCC) dwar il-Qbid u l-Ħażna tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS), li identifika s-CCS bħala teknoloġija promettenti ħafna għat-tnaqqis mill-aktar fis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra madwar id-dinja kollha, bil-potenzjal li jinkiseb tnaqqis sa 55% sal-2100;
3. Ifakkar li l-maġġoranza tal-previżjonijiet ibassru li l-provvista tal-enerġija primarja se tibqa' ddominata mill-fjuwils fossili tal-anqas sa nofs is-seklu u li għaldaqstant is-CCS hija teknoloġija komplementarja sabiex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-2050, flimkien ma' progress fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;
4. Ifakkar fl-impenn tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, li jħeġġeġ il-bini u t-tħaddim sal-2015 ta’ mhux aktar minn 12-il impjant dimostrattiv ta' teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils fossili fil-ġenerazzjoni kummerċjali tal-enerġija;
5. Iqis li minkejja li s-CCS hija teknoloġija użata lejn tmiem il-produzzjoni, din tista' tifforma parti mill-politiki Ewropej dwar il-klima bil-kundizzjoni li jiġu garantiti s-sikurezza u l-integrità ambjentali matul il-proċess kollu; madankollu, jenfasizza li dan la għandu jwassal għal tnaqqis fil-miżuri favur l-effiċjenza tal-enerġija u lanqas għal tnaqqis tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli;
6. Jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti kriterji vinkolanti u stretti għas-sikurezza u s-sostenibilità fit-tul tas-siti użati għall-ħażna;
7. Jenfasizza li d-dimostrazzjoni bikrija tas-CCS fuq skala industrijali fl-UE hija kritika sabiex ikun hemm użu kummerċjali wiesa' ta' CCS mingħajr l-ebda periklu għall-ambjent mill-2020 madwar id-dinja kollha;
8. Jikkunsidra li l-ħażna taħt qiegħ il-baħar tista', f'każ ta' aċċident, tipperikola l-ekosistemi tal-baħar;
9. Jikkunsidra li, minħabba l-ispejjeż finanzjarji u tekniċi għoljin, is-CCS tista' tikkontribwixxi għal struttura tal-enerġija b'għadd żgħir ta' impjanti kbar tal-enerġija, minkejja li l-impjanti deċentralizzati ż-żgħar ta' koġenerazzjoni huma iktar adegwati biex jintlaħaq it-tkabbir ta' 20% fl-effiċjenza tal-enerġija fl-Ewropa;
10. Jikkunsidra li s-CCS tnaqqas l-effiċjenza tal-impjanti tal-enerġija;
11. Jikkunsidra li huwa razzjonali kif ukoll essenzjali li jsir użu usa' tal-aħħar teknoloġiji tal-kombustjoni tal-faħam b'emissjonijiet baxxi, li jiżguraw produzzjoni ta' enerġija b'effiċjenza għolja u li għandhom impatt ferm inqas fuq l-ambjent;
12. Jenfasizza li ż-żieda fil-kombustjoni tal-faħam se twassal għal tniġġis ulterjuri tal-arja, inklużi l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2), tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), tal-monossidu tal-karbonju (CO), tat-trab u tal-merkurju;
13. Jinnota li ma hemm l-ebda Dokument ta' Referenza dwar l-Aqwa Teknika Disponibbli (BREF) fir-rigward tas-CCS taħt id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis (IPPC); għalhekk, jenfasizza li qabel l-2015 jeħtieġ li jiġi ppreżentat BREF orizzontali dwar is-CCS;
14. Jikkunsidra li l-użu tas-CCS għandu jkun ir-riżultat ta' kompetizzjoni ma' mezzi oħra għall-kontroll tal-karbonju fil-kuntest tal-limiti massimi miftiehma għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u li s-CCS m'għandhiex tkun issussidjata; jemmen li l-installazzjonijiet tas-CCS għandhom ikunu ffinanzjati mis-settur tal-enerġija kull meta din tkun l-iktar soluzzjoni fattibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.
15. Jikkunsidra li s-CCS hija teknoloġija tal-enerġija mmexxija mill-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u li l-vijabbiltà ekonomika tagħha tiddependi kompletament fuq il-prezz tas-CO2; jemmen li l-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE għalhekk hija strument adegwat sabiex jiġi stabbilit Mekkaniżmu transitorju għad-Dimostrazzjoni ta' Proġetti li jipprovdi l-inċentivi neċessarji sabiex ikun jista' jsir investiment bikri fil-programm ta’ dimostrazzjoni tas-CCS;
16. Jissuġġerixxi li d-Direttiva tal-UE dwar l-ETS tistabbilixxi riżerva li tammonta sa 500 miljun euro għall-appoġġ ta’ proġetti ta' dimostrazzjoni kummerċjali għall-qbid u l-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju fuq skala kbira fit-territorju tal-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi neċessarji sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-identifikazzjoni u l-approvazzjoni tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni kif ukoll għall-għoti ta’ għajnuna monetarja għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni filwaqt li jitqiesu l-kriterji li ġejjin:
- għandu jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ għażla wiesgħa ta’ teknoloġiji CCS, bl-ispiża li toffri l-aħjar valur u f'postijiet ġeografikament mifruxa b'mod ibbilanċjat madwar l-UE;
- is-sussidji għandhom jingħataw għall-ħażna ġeoloġika verifikata tas-CO2;
- għandu jiġi offrut inċentiv ikbar għall-investituri bikrin u għat-teknoloġiji u/jew għall-konfigurazzjonijiet ta' trasport u ħażna l-iktar kumplessi;
- għandu jiġi żgurat li l-proġetti ta’ dimostrazzjoni jibbilanċjaw il-bżonn tal-irkupru tal-ispejjeż u jevitaw ir-riskju li jkun hemm qligħ ta' bla ħsieb, filwaqt li jiġi esplorat l-irwol intermedjarju potenzjali tal-Bank Ewropew tal-Investiment f’dan il-qasam;
- il-ħidma tal-mekkaniżmu ta’ dimostrazzjoni tal-proġett għandha tkun limitata fiż-żmien u fid-daqs, sabiex ma tingħatax għajnuna fit-tul lis-settur tal-industrija.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.10.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 10 4 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Margrete Auken, Liam Aylward, Pilar Ayuso, Irena Belohorská, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Magor Imre Csibi, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Jill Evans, Anne Ferreira, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Marie Anne Isler Béguin, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Urszula Krupa, Peter Liese, Jules Maaten, Marios Matsakis, Linda McAvan, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Guido Sacconi, Daciana Octavia Sârbu, Amalia Sartori, Richard Seeber, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Salvatore Tatarella, Antonios Trakatellis, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Iles Braghetto, Bairbre de Brún, Caroline Lucas, Miroslav Mikolášik |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dieter-Lebrecht Koch |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.10.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 2 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jerzy Buzek, Giles Chichester, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, András Gyürk, Fiona Hall, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Anne Laperrouze, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Catherine Trautmann, Claude Turmes |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Etelka Barsi-Pataky, Ivo Belet, Daniel Caspary, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Juan Fraile Cantón, Malcolm Harbour, Pierre Pribetich, Silvia-Adriana Ţicău |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mikel Irujo Amezaga |
|||||