RAPPORT dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni

28.10.2008 - (2008/2156(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Pervenche Berès, Werner Langen

Proċedura : 2008/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0420/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni

(2008/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2008 dwar l-EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2008)0238),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2008 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU – 2008 (COM(2008)0387),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2006 dwar ir-Rapport Annwali għall-2006 dwar iz-zona ta' l-euro[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar ir-Rapport Annwali għall-2007 dwar iz-zona ta' l-euro[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Frar 2008 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2007 dwar is-Sitwazzjoni tal-Ekonomija Ewropea: Rapport preparatorju dwar il-linji gwida wesgħin għall-politika ekonomika għall-2007[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Frar 2005 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU - 2004[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2007 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2007[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona tal-ewro[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taz-zona ta’ l-euro[10],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali[12],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni dwar l-ewro u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja[13],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Fondi Spekulattivi u l-kapital privat[14],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 1997 dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Istadju III tal-EMU u dwar l-Artikoli 109 u 109b tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-kontribut mill-Kunsill (ECOFIN) tat-12 ta’ Frar 2008 għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2008 dwar rispons koordinat tal-UE għat-tnaqqis ekonomiku,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim tal-1 ta’ Ġunju 2008 dwar il-Koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Finanzjarja, il-Banek Ċentrali u l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istabilità Finanzjarja Transkonfinali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0420/2008),

A. billi fl-1 ta’ Jannar 1999 ħdax-il Stat Membru – il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja – adottaw il-munita waħda tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi sa minn dak iż-żmien, erba’ Stati Membri oħra ngħaqdu maż-żona tal-euro: il-Greċja fl-2001, is-Slovenja fl-2007, u Ċipru u Malta fl-2008,

C. billi ż-żona tal-euro għad trid tikber aktar hekk kif il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li attwalment mhumiex parti miż-żona tal-euro qed iħejju biex jingħaqdu f’xi żmien fil-ġejjieni, u billi l-Islovakkja se tissieħeb fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2009,

D. billi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) kienet suċċess f’ħafna modi, filwaqt li l-munita waħda saħħet l-istabilità ekonomika tal-Istati Membri,

E.  billi l-adeżjoni maż-żona tal-euro tfisser livell għoli ta’ interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Membri involuti u għalhekk tirrikjedi koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u sehem effettiv fil-governanza ekonomika u finanzjarja dinjija sabiex wieħed jibbenefika bis-sħiħ mill-munita waħda u sabiex ikunu affrontati l-isfidi tal-ġejjieni, bħal aktar kompetizzjoni għar-riżorsi naturali, l-iżbilanċi ekonomiċi dinjija, l-importanza ekonomika li qed tikber tas-swieq li qed jitfaċċaw, it-tibdil fil-klima u l-fatt li l-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ,

F.  billi l-inflazzjoni medja matul l-ewwel għaxar snin taż-żona tal-euro b’mod ġenerali mxiet mal-objettiv tal-BĊE għall-istabilità tal-prezzijiet li kien joqrob għal, iżda anqas minn, 2%; billi reċentement l-inflazzjoni qabżet sew dan il-livell minħabba bidliet strutturali globali, b’mod partikulari fir-rigward taż-żidiet tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, l-illaxkar tal-politika monetarja fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, kif ukoll in-nuqqas ta’ viġilanza minn għadd ta’ banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi,

G. billi t-talba, li qed tikber b’rata mgħaġġla, minn ekonomiji emerġenti għall-enerġija u prodotti bażiċi oħra skarsi imbuttat il-provvista, b'mod progressiv, sal-limiti tal-kapaċità; u billi l-pressjoni li qed tgħolli l-prezzijiet ġiet aggravata minħabba l-fatt li l-prodotti bażiċi qed jitqiesu dejjem aktar bħala assi finanzjarji, tant li jistgħu jintużaw bħala ħażna ta' valur,

H. billi l-versatilità taż-żona tal-euro hi milqugħa tajjeb u l-valur tal-euro, li bħalissa qed jogħla, jista' jkollu kemm effetti negattivi, pereżempju billi jaffettwa ħażin l-esportazzjoni u jħajjar l-importazzjoni fis-suq intern, kif ukoll effetti pożittivi, billi jgħin lill-ekonomija Ewropea taffronta ż-żieda drammatika fil-prezz taż-żejt,  billi l-ambjent ekonomiku globali kien favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi matul l-ewwel għaxar snin tal-euro, bil-ħolqien ta’ kważi 16-il miljun impjieg, bla ma wieħed iqis il-kwalità tal-impjiegi maħluqa, u filwaqt li r-rata tal-qgħad naqset minn 9% fl-1999 għal madwar 7.3 % jew aktar fl-2008,

J.   billi t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda tal-produttività kienu diżappuntanti, u ż-żieda fil-produzzjoni għal kull ħaddiem naqset bin-nofs minn 1.5% matul il-perjodu mill-1989 sal-1998 għal madwar 0.75% matul il-perjodu mill-1999 sal-2008,

K. billi l-euro malajr sar it-tieni munita internazzjonali l-aktar importanti wara d-dollaru Amerikan, u billi l-euro għandu rwol importanti bħala munita ta’ referenza għal ħafna pajjiżi fid-dinja, billi, madankollu, il-potenzjal tal-euro mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed fuq il-livell globali, billi ż-żona tal-euro m’għandhiex strateġija definita kif xieraq, u lanqas m'għandha rappreżentanza internazzjonali effettiva,

L-ewwel għaxar snin tal-euro

1.  Huwa tal-fehma li l-munita waħda saret simbolu tal-Ewropa u wriet li l-Ewropa kapaċi tieħu deċiżjonijiet importanti għal ġejjieni komuni u prosperu;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-euro ġab stabilità u rawwem l-integrazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro; jilqa’ l-effetti ta’ stabilizzazzjoni li għandu l-euro fuq is-swieq dinjija tal-kambju, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi; jinnota li d-differenzi ekonomiċi interni għadhom ma naqsux bħalma kien mistenni u l-produttività ma żviluppatx b’mod sodisfaċenti fl-inħawi kollha taż-żona tal-euro;

3.  Jinnota b’sodisfazzjon li qed jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ unjonijiet monetarji oħra f'partijiet oħra tad-dinja;

4.  Ifakkar ir-rabta essenzjali li hemm bejn il-politika monetarja u l-politika kummerċjali fil-livell globali, kif juru bosta studji, u f'dan ir-rigward jisħaq dwar l-irwol pożittiv tal-istabilità tar-rati tal-kambju biex ikun żgurat li l-kummerċ internazzjonali jikber b'mod sostenibbli;

5.  Isemmi li ż-żieda fl-użu tal-euro bħala munita għall-kummerċ internazzjonali hija ta’ benefiċċju għall-Istati Membri taż-żona tal-euro b’mod partikulari, billi din tnaqqas ir-riskju tar-rati tal-kambju għall-intrapriżi tagħhom u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż tal-kummerċ internazzjonali;

6.  Ifakkar li matul l-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Parlament kellu rwol attiv, kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll fil-qasam monetarju, u ħadem kemm felaħ biex jiżgura aktar trasparenza u responsabilità demokratika;

7.  Jenfasizza li jrid isir aktar xogħol biex jitgawdew il-benefiċċji kollha tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, pereżempju li l-Istati Membri u r-reġjuni li għandhom PGD aktar baxx mill-medja jingħataw iċ-ċans li jlaħħqu mal-oħrajn, u biex jissaħħaħ l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-munita waħda u l-impenn tagħhom lejha;

8.  Jipproponi l-elementi u l-miżuri konkreti li ġejjin għal pjan direzzjonali xieraq għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja:

Diverġenza ekonomika, riformi strutturali u finanzi pubbliċi

9.  Jemmen li riformi ekonomiċi aktar simplifikati, koerenti u b’ħafna appoġġ, ikkoordinati fiż-żmien opportun fuq il-bażi tal-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (Linji Gwida Integrati) u approċċ ta’ politika mħallta tal-Istrateġija ta' Liżbona jistgħu jnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu u jiġu simplifikati l-proċeduri u l-metodi ta’ reviżjoni u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-linji gwida fl-aħħar ta’ kull sena;

10. Jirrikonoxxi li fil-każ ta’ sforzi ta’ modernizzazzjoni u ta’ rendiment ekonomiku, il-pajjiżi li jirnexxu l-aktar huma dawk li jgħaqqdu riformi strutturali bbilanċjati sew u li jaħsbu fil-ġejjieni ma’ investiment li jkun ogħla mill-medja fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tagħlim matul il-ħajja kollha u l-kura tat-tfal, kif ukoll fit-tiġdid ta’ netwerks soċjali affidabbli; jinnota li, fil-biċċa l-kbira, l-istess Stati Membri għandhom amministrazzjoni trasparenti u effiċjenti ħafna, b’bilanċi baġitarji pożittivi, b’rati ta’ dejn anqas mill-medja u b’infiq pubbliku ta’ kwalità tajba, effettiv u mmirat, filwaqt li l-kontribut tagħhom ta’ progress tekniku għat-tkabbir nazzjonali huwa kważi darbtejn id-daqs tal-medja tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-Istati Membri ta’ “referenza”, minħabba r-rati għolja tagħhom ta’ impjegar, inkluż l-impjegar tan-nisa u ta’ ħaddiema aktar anzjani, u r-rati tat-twelid tagħhom li huma partikolarment għoljin, huma l-Istati mħejjija l-aħjar għal soċjetà li qed tixjieħ kif ukoll biex jiggarantixxu livell għoli ta’ kompetittività;

11. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ tisħiħ reċiproku tal-politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabilità u t-tkabbir, billi l-politika u l-investiment bilanċjati jsiru kwistjoni ta’ interess komuni: il-ħtieġa li wieħed joqgħod attent għall-finanzi pubbliċi permezz tal-immaniġġjar effiċjenti tal-politika tat-taxxi u tal-infiq kif ukoll għall-impatt tagħhom fuq id-domanda u li fl-istess ħin, ikun hemm ftehim dwar il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għal operazzjonijiet transkonfinali mill-intrapriżi;

12. Jinnota li l-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir rivedut wera l-valur tiegħu u jinnota wkoll li għandu jkun hemm konsolidazzjoni tal-baġits, peress li l-bidla demografika u t-tnaqqis possibbli fit-tkabbir ekonomiku jistgħu jwasslu għal problemi baġitarji fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro, li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-istabilità taż-żona tal-euro kollha kemm hi; jikkritika, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ dixxiplina fil-ġlieda kontra d-defiċits baġitarji fi żminijiet ta’ tkabbir ekonomiku u jenfasizza li l-Istati Membri jridu jaħdmu b’mod aktar effettiv għal politika fiskali antiċiklika, b’mod partikolari biex ikunu mħejjija aħjar għal daqqiet esterni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta’ strateġija fuq medda qasira ta’ żmien biex jitnaqqsu d-djun nazzjonali u strateġija sostenibbli u b’saħħitha għat-tkabbir, biex jingħata lok għal tnaqqis fid-djun nazzjonali ta’ massimu ta’ 60% fuq medda twila ta’ żmien;

13. Jinnota li l-elementi ewlenin tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir għandhom jinżammu b’mod konsistenti wkoll fil-ġejjieni, peress li l-limiti massimi ta’ 3% defiċit nazzjonali u ta’ 60% dejn nazzjonali meta mqabbla mal-PGD kienu speċifikati fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-snin disgħin; huwa tal-fehma li l-Istati Membri jridu jirrispettaw il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir u li dan irid ikun issorveljat mill-Kummissjoni; hu tal-opinjoni li ż-żewġ miri għad-dejn għandhom jiġu trattati bħala limiti massimi li għandhom jiġu evitati; jinnota li koordinazzjoni effettiva tal-politika ekonomika u finanzjarja hija kundizzjoni għas-suċċess ekonomiku tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, għalkemm din il-koordinazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-metodi kollha possibbli sabiex il-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir tkun tista’ tissaħħaħ; jenfasizza li l-istrumenti superviżorji attwali jridu jintużaw aħjar mill-Kummissjoni u li l-evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-baġits nazzjonali mill-Grupp tal-Euro trid tissaħħaħ;

14. Iqis li ambjent makroekonomiku sostenibbli u stabbli jirrikjedi li tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi anke b’aktar tisħiħ baġitarju, ħafna effiċjenza fl-infiq pubbliku u investiment imtejjeb fl-edukazzjoni, fir-riżorsi umani, fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-infrastruttura li jħeġġeġ it-tkabbir, jagħti spinta lill-impjiegi, u jindirizza kwistjonijiet ewlenin għas-soċjetà, bħat-tibdil fil-klima, skont l-għanijiet tal-pakkett tal-klima u l-enerġija;

15. Huwa tal-fehma li r-riformi strutturali għandhom jiffukaw fuq iż-żieda fil-produttività permezz ta’ taħlita aħjar ta’ politika ekonomika u soċjali, filwaqt li jkun żgurat livell tajjeb ta’ djalogu soċjali kif definit fl-istrateġija ta’ Liżbona;

16. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkumplimenta l-politiki strutturali u tħeġġeġ l-appoġġ għar-ristrutturazzjoni tal-ekonomija;

17. Iwissi kontra l-moderazzjoni tal-pagi bħala mezz ewlieni biex tinkiseb l-istabilità tal-prezziiet; ifakkar, f’dan il-kuntest, li kompetizzjoni akbar minħabba l-globalizzazzjoni diġà wasslet għal pressjoni biex jitbaxxew il-pagi, filwaqt li l-inflazzjoni importata kkawżata miż-żieda fil-prezz taż-żejt u ta’ prodotti bażiċi oħra diġà wasslet għal tnaqqis fil-kapaċità tax-xiri tal-konsumatur; itenni l-konvinzjoni tiegħu, għal darb’oħra, li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata, b’mod partikulari permezz ta’ tqassim aktar ġust tal-ġid;

18. Iqis li l-politiki tal-pagi u tat-taxxi huma għodod effiċjenti għall-istabilità ekonomika u t-tkabbir; huwa tal-fehma li żidiet reali fil-pagi skont il-livelli tal-produttività għandhom ikunu garantiti u li l-koordinazzjoni tal-politika fiskali għandha tintuża b’mod selettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi; iqis li l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kemm fuq taxxi diretti kif ukoll fuq taxxi indiretti, hija importanti b’mod partikulari, u li din il-ġlieda għandha tingħata spinta; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ kultura ta’ inkoraġġament u ta’ involviment bħala parti mill-kunċetti tal-governanza korporattiva u tar-responsabilità soċjali korporattiva;

19. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ regoli ġusti għas-suq intern; iqis, għaldaqstant, li t-tellieqa għall-aktar rati baxxi ta’ taxxi korporattivi hi kontro-produttiva;

20. Jitlob lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro biex jsaħħu l-koordinazzjoni effettiva tal-politika ekonomika u finanzjarja, partikolarment billi jiżviluppaw strateġija komuni koerenti fi ħdan il-Grupp tal-Euro; jiġbed l-attenzjoni li strateġija komuni u koerenti bħal din għandha tinkludi l-koordinazzjoni tal-kalendarju għall-proċedura baġitarja u għall-abbozzi tal-baġits fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet komuni dwar l-iżviluppi ekonomiċi, ir-rata tal-kambju ġejjiena bejn l-euro u d-dollaru Amerikan u l-iżvilupp potenzjali tal-prezzijiet tal-enerġija; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri biex ifasslu programmi ta’ qafas fuq medda medja ta’ żmien għall-politiki ekonomiċi u finanzjarji tagħhom u biex jikkontrollaw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li kull Stat Membru għandu jassumi r-responsabilità għal kif jaffronta r-riformi strutturali u jtejjeb il-kompetittività tiegħu b’mod koperattiv sabiex tinżamm il-fiduċja fl-euro, filwaqt li dan tal-aħħar jibqa’ jkun aċċettat;

21. Jinnota li t-tendenzi differenti dwar ir-riformi strutturali u l-gradi ta’ ftuħ wasslu għall-prestazzjoni diverġenti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-EMU@10 dwar il-fatt li bosta ekonomiji fiż-żona tal-euro ma laħħqux biżżejjed ma’ oħrajn u dwar id-diverġenzi dejjem jikbru bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro; jitlob li jkun hemm skambji regolari ta’ fehmiet u koperazzjoni fi ħdan il-Grupp tal-Euro biex jinkiseb l-għan komuni li jitħaffef il-proċess tal-konverġenza;

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex timmaniġġja, b’mod uniformi, il-kriterji komuni fl-evalwazzjoni tad-dejta ekonomika u fiskali; jirreferi għar-responsabilità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rigward l-affidabilità tad-dejta statistika, u jitlob li deċiżjonijiet futuri jittieħdu biss jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-validità u l-eżattezza tad-dejta disponibbli; jitlob ukoll li l-għażla jinbdew investigazzjonijiet tintuża f’każ ta’ diskrepanza fuq għadd ta' snin bejn id-dejta pproġettata tal-programmi ta’ stabilità u konverġenza u d-dejta li wieħed jista’ jistenna b’mod realistiku;

Politika monetarja

23. Ifakkar fl-impenn qawwi tiegħu għall-indipendenza tal-BĊE;

24. Jinnota li r-rapporti regolari tal-BĊE lill-Parlament, b’mod partikulari lill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, jikkontribwixxu għat-trasparenza tal-politika monetarja u jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità li l-Membri tal-Parlament Ewropew jagħmlu mistoqsijiet bil-miktub lill-BĊE dwar il-politika monetarja, sabiex tittejjeb ir-responsabiltà tal-BĊE fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni; jappoġġja t-talba għal dibattitu pubbliku aktar b’saħħtu dwar il-politiki ekonomiċi u monetarji komuni ġejjiena fiż-żona tal-euro;

25. Iqis li d-djalogu dwar il-politika monetarja bejn il-Parlament u l-BĊE kien suċċess, u huwa djalogu li għandu jkompli jiġi żviluppat; jistenna li d-djalogu monetarju jittejjeb f’diversi aspetti, bħall-koordinazzjoni tad-dati għas-seduti ta’ smigħ regolari tal-President tal-BĊE mal-kalendarju tal-BĊE għal deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja sabiex tittejjeb l-analiżi tad-deċiżjonijiet, filwaqt li tibqa’ l-possibilità li l-President tal-BĊE jkun mistieden għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet attwali meta jkun meħtieġ;

26. Jinnota li l-objettiv ewlieni tal-politika monetarja tal-BĊE huwa li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, u li l-għan tal-BĊE huwa li r-rati tal-inflazzjoni jkunu ta’ madwar, iżda anqas minn, 2% fuq perjodu medju ta’ żmien; jirrimarka li l-objettiv tal-istabilità tal-prezzijiet ma jistax jintlaħaq b'mod effettiv ħlief jekk jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-inflazzjoni; ifakkar li l-Artikolu 105 tat-Trattat KE jinkariga wkoll lill-BĊE sabiex isostni l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Komunità;

27. Huwa tal-fehma li l-BĊE għandu jimxi lejn sistema diretta mmirata għall-kontroll tal-inflazzjoni, fejn objettiv perċentwali tal-inflazzjoni jkun supplimentat permezz ta’ medda ta' varjazzjonijiet permessi mir-rata fil-mira; jistieden lill-BĊE sabiex jippubblika t-tbassiriet tiegħu dwar l-inflazzjoni; dan it-tip ta’ mossa lejn sistema diretta mmirata għall-kontroll tal-inflazzjoni m’għandhiex tagħmel impossibbli l-iffukar fuq id-dinamiki tal-ammonti monetarji biex ikun evitat li jinħolqu “bżieżaq” ġodda tal-assi;

28. Iqis li l-inflazzjoni hija realtà dinjija u li l-ġlieda kontriha, f’ekonomija miftuħa, ma tistax issir biss permezz tal-politika monetarja tal-UE;

29. Jenfasizza r-rieda tiegħu li jesplora x’titjib jista’ jsir fil-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-bord eżekuttiv tal-BĊE qabel l-2010; iqis li huwa importanti li l-esperjenza akkademika u/jew professjonali u varjeta ta’ sfondi fis-settur ekonomiku, monetarju u finanzajrju jkun rappreżentati fost il-membri tal-bord eżekuttiv; jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet tiegħu biex il-bord eżekuttiv tal-BĊE ikun fih disa' membri, u b’hekk tinbidel is-sistema attwali u biex tkun evitata s-soluzzjoni aktar kumplessa li ġiet deċiża għall-ġejjieni; iħeġġeġ li tiġi adottata bidla korrispondenti fit-Trattat;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu monetarju internazzjonali bejn il-BĊE u banek ċentrali u istituzzjonijiet oħra u, b’mod partikulari, mar-Riżerva Federali tal-Istati Uniti, mal-Bank tal-Ġappun u mal-Bank Popolari taċ-Ċina;

Integrazzjoni u sorveljanza tas-swieq finanzjarji

31. Jemmen li l-integrazzjoni finanzjarja għandha tfisser aktar tkabbir ekonomiku u kompetittività minbarra aktar stabilità u likwidità fis-suq intern;

32. Jinnota li ċ-ċentru finanzjarju ewlieni fl-UE jinsab barra miż-żona tal-euro; madankollu jfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-KE tkopri l-Istati Membri u l-parteċipanti attivi kollha fis-suq intern; jemmen li l-UE teħtieġ b’mod urġenti li ttejjeb l-istruttura ta’ superviżjoni filwaqt li jitqies l-irwol speċifiku tal-BĊE;

33. Huwa tal-fehma li għad fadal ħafna x’isir fil-qasam tal-approvazzjoni u l-ħlas ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ titoli, fejn sal-lum għad ma teżistix integrazzjoni vera;

34.  Jenfasizza li, fir-rigward tas-servizzi bl-imnut, tinħtieġ aktar integrazzjoni, bla ma din tkun ta’ ħsara għall-ħarsien tal-konsumatur; jemmen li jeħtieġ li jittejbu l-mobilità tal-konsumaturi, l-għarfien finanzjarju, l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u l-komparabilità tal-prodotti;

35. Iqis li Ewropizzazzjoni tal-istruttura tas-superviżjoni finanzjarja, trasparenza tas-swieq finanzjarji, regoli effettivi tal-kompetizzjoni u regolamentazzjoni adegwata huma meħtieġa fuq medda medja ta' żmien, sabiex jitjiebu l-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-koperazzjoni bejn is-SEBĊ, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, il-gvernijiet u l-parteċipanti fis-suq; huwa tal-fehma li qafas ta’ sorveljanza integrat, komprensiv (li jkopri s-setturi finanzjarji kollha), konsistenti u koerenti li jibda b’approċċ bilanċjat fir-regolamentazzjoni tat-tifrix trans-konfinali tar-riskji finanzjarji fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni armonizzata, inaqqas l-ispejjeż tal-konformità fil-każ ta’ attivitajiet multiġuriżdizzjonali; jinnota li l-‘gold plating’ (regolamentazzjoni lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-leġiżlazzjoni tal-KE) kif ukoll l-arbitraġġ regolatorju għandhom ikunu evitati; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għar-reviżjoni tal-istruttura ta’ sorveljanza attwali skont dawk il-prinċipji; huwa tal-fehma li kull rwol tal-BĊE rigward is-sorveljanza għandu jkun estiż lil hinn mill-fruntieri taż-żona tal-euro, permezz tal-SEBĊ;

36. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Finanzjarja, il-Banek Ċentrali u l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istabilità Finanzjarja Transkonfinali miftiehma fir-rebbiegħa tal-2008; jenfasizza, madankollu, li l-Memorandum ta’ Ftehim huwa biss liġi li ma torbotx u jiddependi mir-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw ma’ xulxin; huwa tal-fehma li anke jekk huwa diffiċli ħafna li jitfasslu ex ante r-regoli dwar il-qsim tal-piż, jeħtieġ li tkompli l-ħidma marbuta mal-immaniġġjar tal-kriżijiet;

37. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar zona ekonomika fid-dinja bl-akbar swieq finanzjarji, għandu jkollha rwol ewlieni f'livell internazzjonali fir-rigward tar-riforma tas-sistema regolatorja għas-servizzi finanzjarji għall-benefiċċju tal-pajjiżi involuti kollha u tal-istabilità globali; iqis li l-istabilità finanzjarja għandha ssir objettiv fundamentali tat-tfassil ta' politika f'dinja fejn is-swieq u l-innovazzjoni finanzjarji qegħdin dejjem aktar ikunu integrati, li jista' wkoll iwassal għal effetti destabbilizzanti fuq l-ekonomija reali u ġġorr riskji sistematiċi; huwa konvint li kull deċiżjoni ambizzjuża adottata f'livell tal-UE tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra biex jagħmlu l-istess, u f'dan ir-rigward jenfasizza r-responsabilità li jiġu ttrattati l-problemi globali jew 'off shore'; huwa tal-fehma li jeħtieġ li r-responsabilità politika tal-korpi regolatorji internazzjonali tkun trattata b’mod parallel ma’ din il-ħidma regolatorja;

38. Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-ħolqien ta’ bonds Ewropej u li tiżviluppa strateġija għal medda twila ta’ żmien li tippermetti l-ħruġ ta’ bonds bħal dawn fi ħdan iż-żona tal-euro, minbarra l-bonds nazzjonali tal-Istati Membri; jirreferi għall-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ dan kemm għas-swieq finanzjarji internazzjonali kif ukoll għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

It-tkabbir taż-żona tal-euro

39. Jitlob li l-Istati Membri kollha li mhumiex parti miż-żona tal-euro jirrispettaw il-kriterji ta’ Maastricht u l-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, li hu rivedut u ġeneralment flessibbli; iqis li interpretazzjoni stretta tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir u l-użu tal-kriterji ta’ esklużjoni qabel kull adeżjoni possibbli, iridu jkunu żgurati mill-Kummissjoni; jinnota li jrid ikun żgurat it-trattament indaqs tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro u tal-Istati Membri li jridu jingħaqdu; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-istabilità fuq medda twila ta’ żmien taż-żona tal-euro trid titqies bħala għan ta’ interess komuni u li t-tkabbir u l-istabilità jridu jmorru id f’id; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk bi status speċjali jissodisfaw l-obbligi tagħhom għalkollox u li ma jħallux dubju dwar l-għanijiet komuni tal-istabilità tal-prezzijiet, l-indipendenza tal-BĊE, id-dixxiplina baġitarja jew dwar il-fatt li jrawmu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

40. Iqis li l-Istati Membri barra ż-żona tal-Euro li jissodisfaw il-kriterji ta' Maastricht u li ma jgawdu minn ebda deroga fit-Trattat għandhom jadottaw il-munita komuni ma’ l-ewwel ċans li jkollhom;

41. Jenfasizza l-fatt li s-sħubija fiż-żona tal-euro tirrikjedi adeżjoni sħiħa mal-kriterji ta’ Maastricht, kif speċifikat fit-Trattat u fil-Protokoll għall-Artikolu 121 tat-Tratatt, partikolarment: livell għoli ta’ stabilità meqjusa tal-prezzijiet, kif ukoll is-sostenibilità ta’ din l-istabilità tal-prezzijiet, finanzi pubbliċi mingħajr defiċit eċċessiv, adeżjoni mal-ERM II għal mill-anqas sentejn, ir-rispett tal-marġni normali ta’ varjazzjoni, aġġustament tar-rati tal-interess fuq medda twila ta’ żmien, il-kompatibilità tar-regoli legali mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Maastricht relatati mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u bank ċentrali indipendenti;

42. Huwa tal-fehma li wieħed mill-aspetti l-aktar impenjattivi tal-għaqda maż-żona tal-euro hu li tkun żgurata s-sostenibilità tal-kriterji ta' Maastricht; jenfasizza, madankollu, li, fl-istess ħin, il-kriterji ta' Maastricht huma wkoll l-ewwel pass fit-triq biex il-proċessi ta' riforma jibgħu għaddejjin kif jixraq, inklużi impenji u sforzi ulterjuri li jikkonċernaw ir-riformi strutturali, l-investiment u l-koordinazzjoni ekonomika;

43. Jilqa’ b’sodisfazzjon is-sorveljanza aktar b’saħħitha u effiċjenti tal-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-ERM II u li jixtiequ jingħaqdu maż-żona tal-euro, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku tagħhom; jinnota li l-parteċipazzjoni b’suċċess fl-ERM II trid tibqa’ prekundizzjoni reali, u mhux biss rekwiżit sekondarju għall-adeżjoni maż-żona tal-euro; l-istess rekwiżiti ta’ adeżjoni jrid jiġu applikati għall-Istati Membri kollha li jingħaqdu maż-żona tal-euro;

44. Iqis it-tkabbir dejjiemi u b’suċċess taż-żona tal-euro bħala sfida ewlenija għas-snin li ġejjin, u li kemm l-istandards istituzzjonali għall-BĊE kif ukoll il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu jridu jkunu adattati għal din il-bidla, u l-mudell ta’ rotazzjoni jrid iqis il-piż ekonomiku ta’ Stati Membri individwali;

45. Jenfasizza, b’konnessjoni mat-tkabbir taż-żona tal-euro, li hu mixtieq li jkun hemm livell għoli ta’ konverġenza fl-ekonomija reali sabiex tkun limitata l-pressjoni involuta, kemm għaż-żona tal-euro kif ukoll għall-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu magħha; iqis, f’dan il-kuntest, li għandhom jitwaqqfu faċilitajiet favur dawk l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fiż-żona tal-euro, fejn il-politika monetarja waħdanija jista’ jkollha effett ta' kontrazzjoni partikulari;

Komunikazzjoni

46. Jenfasizza li filwaqt li sal-lum inżamm livell għoli ta’ stabilità tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, ‘l-inflazzjoni kif tidher’ varjat sostanzjalment mir-rati reali ta’ inflazzjoni fl-Istati Membri fl-aħħar 10 snin, li kienu aktar baxxi; jitlob, għaldaqstant, informazzjoni aħjar u kjarifika tal-fatti għall-popolazzjoni dwar il-ħtieġa u l-operat tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment fir-rigward tal-istabilità tal-prezzijiet, tas-swieq finanzjarji internazzjonali, u tal-vantaġġi tal-istabilità fi ħdan iż-żona tal-euro waqt kriżijiet finanzjarji internazzjonali;

47. Iqis li l-munita unika għada prijorità ta' komunikazzjoni għall-Unjoni Ewropea; jemmen li l-benefiċċji tal-euro u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja - l-istabilità tal-prezzijiet, rati baxxi ta' interessi fuq self, vjaġġar iffaċilitat, protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet tal-kambju u skossaturi esterni - għandhom jibqgħu jiġu ppreżentati u spjegati lill-pubbliku fid-dettall; jemmen li għandha titqiegħed enfasi partikulari fuq il-punt li ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-konsumaturi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li m'għandhomx kapaċità biżżejjed li jaġġustaw mill-ewwel għall-iżviluppi u l-isfidi l-ġodda tal-euro, għandhom jinżammu infurmati u għandhom ikunu aġġornati dwar l-iżviluppi;

48. Jistieden lill-BĊE sabiex, jew fir-rapport annwali tiegħu jew f'rapport speċjali, iwettaq analiżi kwantitattiva annwali tal-benefiċċji li l-euro ġab liċ-ċittadini komuni, b'eżempji konkreti ta' kif l-użu tal-euro kellu effetti pożittivi fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies;

49. Iqis li l-komunikazzjoni hija ta' importanza mill-akbar fit-tħejjija tad-dħul tal-euro fl-Istati Membri li qed jippjanaw li jingħaqdu maż-żona tal-euro; jinnota li l-komunikazzjoni dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro hija importanti wkoll għall-Istati Membri kollha li jinsabu fiż-żona tal-euro;

50. Iqis li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri l-ġodda biex iħejju liċ-ċittadini tagħhom għall-adozzjoni tal-euro billi jmexxu kampanja intensiva ta' tagħrif, jew, f'każ li dil-kampanja diġà qed issir, billi jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħha, u billi jirrapportaw regolarment dwar l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni għall-adozzjoni tal-euro; iqis ukoll li l-aħjar prattiki u l-kompetenza miksuba mill-qalbiet preċedenti għall-euro x’aktarx li jkunu siewja għall-qalba li se jagħmlu l-Istati Membri l-ġodda u għat-tkabbir li ġej u għat-tħejjija tal-pajjiżi applikanti l-ġodda;

L-irwol internazzjonali tal-euro u r-rappreżentanza esterna

51. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp mgħaġġel tal-euro bħala t-tieni l-aktar munita importanti ta’ riżerva u ta’ tranżazzjoni wara d-Dollaru Amerikan, b’sehem ta’ 25% ta’ riżervi globali tal-kambju; jinnota li b’mod partikulari fil-pajjiżi ġirien taż-żona tal-euro, l-euro għandu rwol importanti bħala munita ta’ finanzjament u li r-rati tal-kambju rispettivi ta’ dawk il-pajjiżi huma allinjati mal-euro; espressament japprova l-opinjoni tal-BĊE li d-dħul tal-Ewro huwa l-aħħar pass lejn proċess ta’ konverġenza strutturat fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li għalhekk id-dħul tal-euro huwa possibbli biss skont it-Trattat KE;

52. Huwa tal-fehma li l-aġenda tal-politika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata, fost l-oħrajn, mill-isfidi ppreżentati mill-ekonomiji li għadhom qed jiżviluppaw tal-Asja; jiddispjaċih li minkejja l-irwol dejjem jikber tal-euro fid-dinja kollha, it-tentattivi sabiex tittejjeb ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fi kwistjonijiet finanzjarji u monetarji ma tantx għamlu progress; jisħaq li ż-żona ta' l-euro għandha tibni strateġija internazzjonali li tkun proporzjonata ma’ l-istatus internazzjonali tal-munita tagħha;

53. Ifakkar li l-aktar mod effettiv biex l-influwenza taż-żona tal-euro tiġi konformi mal-piż ekonomiku tagħha huwa permezz tal-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet komuni u tal-konsolidazzjoni tar-rappreżentanza tagħha, biex fl-aħħar mill-aħħar tikseb siġġu waħdieni fl-istituzzjonijiet u l-fora finanzjarji internazzjonali relevanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri taż-żona tal-euro sabiex, fost l-oħrajn jitkellmu b'vuċi waħda dwar politiki tar-rati tal-kambju;

54. Jenfasizza li l-euro qiegħed jintuża bħala munita nazzjonali barra ż-żona tal-euro; iqis li l-implikazzjonijiet ta' dan l-użu jeħtieġ li jkunu analizzati;

55. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-irwol importanti tal-euro fis-swieq finanzjarji internazzjonali jġib miegħu obbligi, u li l-effetti tal-politika monetarja kif ukoll tal-politika tat-tkabbir fiż-żona tal-euro għandhom impatt globali; jenfasizza l-importanza akbar li għandu l-euro għall-kummerċ u s-servizzi internazzjonali bħala stabilizzatur fl-ambjent globali, bħala mutur għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u bħala bażi sabiex jiżdiedu l-investimenti diretti u ż-żwieġ bejn kumpaniji transkonfinali, peress li l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jistgħu jitnaqqsu b'mod sostanzjali; jitlob li jsir studju dwar l-iżbilanċi globali u dwar l-irwol tal-euro u sitwazzjonijiet possibbli li jirrikjedu aġġustament sabiex l-Ewropa titħejja aħjar biex taffronta skossaturi esterni kbar;

56. Jissuġġerixxi li jkun hemm koperazzjoni aktar b’saħħitha u li tħares ’il quddiem u djalogu internazzjonali msaħħaħ bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-blokki ta’ muniti l-aktar importanti, biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-kriżijiet internazzjonali, u biex ikunu jistgħu jiġu affrontati l-konsegwenzi li l-movimenti tal-muniti jkollhom fuq l-ekonomija reali; ifakkar fl-immaniġġjar komuni tal-kriżi li sar b’suċċess fil-bidu tal-“kriżi tal-kreditu ‘sub-prime’” tal-Istati Uniti li seħħet dan l-aħħar kif ukoll il-kriżi li seħħet immedjatament wara l-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001, immaniġġjar li għen biex ikun evitat li ‘jdub’ id-Dollaru Amerikan;

57. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali b’pożizzjoni komuni tal-UE rappreżentata minn rappreżentanti magħżula, bħal m’huma l-president tal-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-president tal-BĊE; jinnota li fil-prattika diġà jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-aktar importanti; jitlob b’insistenza, madankollu, li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet Ewropej sabiex fil-ġejjieni l-politika monetarja Ewropea komuni tkun irrappreżentata mir-rappreżentanti leġittimi tagħha; jistenna li ż-żona tal-euro tkun tista’ tesprimi pożizzjoni tagħha dwar il-politiki tar-rati tal-kambju tas-sħab ewelenin tagħha; jistieden lill-president tal-Grupp tal-Euro biex jirrappreżenta liż-żona tal-euro fil-Forum dwar l-Istabilità Finanzjarja (FSF); jissuġġerixxi li l-istatuti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jiġu emendati sabiex jippermettu li jkun hemm ir-rappreżentanza ta' blokki u organizzazzjonijiet ekonomiċi;

58. Jenfasizza li jinħtieġ approċċ komuni tal-UE fir-rigward tar-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, li għandu jqis l-isfidi ta' ekonomija globali inkluża l-miġja ta' potenzi ekonomiċi ġodda;

59. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi iktar dettaljata u preċiża tal-irwol internazzjonali tal-euro fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-EMU@10; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ rapport dettaljat dwar id-dimensjoni esterna tal-politika monetarja komuni u dwar ir-riperkussjonijiet tagħha għall-prestazzjoni ekonomiku u kummerċjali taż-żona tal-euro;

60. Jenfasizza li l-politiki monetarji li qegħdin iħaddnu xi wħud mis-sħab tal-Unjoni Ewropea huma mfassla biex jissottovalutaw il-munita tagħhom, ħaġa li għandha impatt negattiv fuq il-kummerċ u tista' titqies bħala ostaklu mhux tariffarju għall-kummerċ internazzjonali;

L-istrumenti ekonomiċi u l-governanza tal-EMU

61. Iqis li l-partijiet relevanti kollha – il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Grupp tal-Euro, u l-imsieħba soċjali fil-livell ta’ UE u f'dak nazzjonali – għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu t-tħaddim ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fir-rigward tal-governanza ekonomika fuq il-bażi tas-suġġerimenti li ġejjin:

(a) bħala komponent essenzjali tal-Istrateġija ta’ Liżbona u l-istrument ekonomiku ċentrali, il-Linji Gwida Integrati, bil-għan li jkun hemm ‘approċċ ta’ taħlita ta’ politiki’ bbilanċjat, għandhom isegwu riformi li jkunu ta’ ispirazzjoni reċiproka fl-oqsma tal-impjiegi, l-ambjent u s-sigurtà soċjali;

(b) il-Linji Gwida Integrati għandhom jistabbilixxu qafas wiesa’ għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika biex il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) jiġu konformi, filwaqt li jitqiesu, madankollu, id-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet nazzjonali li huma differenti minn xulxin; għandha tiġi stabbilita konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali rigward il-programmi ta’ stabilità u konverġenza u l-PNR;

(c) għandha tiġi stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn il-Linji Gwida Integrati, b’mod partikulari l-Linji Gwida Wiesgħa tal-Politika Ekonomika (LGWPE), u l-programmi ta’ stabilità u konverġenza; il-programmi ta’ stabilità u konverġenza u l-PNR jkunu jistgħu jiġu ppreżentati fl-istess ħin (kull sena fil-bidu tal-ħarifa) wara dibattitu fil-parlamenti nazzjonali; il-LGWPE jkunu jistgħu jinkludu objettivi baġitarji komuni f’konformità mal-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir (PST);

(d) Il-gvernijiet tal-Istati Membri, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-baġits nazzjonali tagħhom, għandhom iqisu l-Linji Gwida Integrati u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu speċifiċi għall-pajjiż partikulari kif ukoll is-sitwazzjoni baġitarja ġenerali fiż-żona tal-euro; il-kalendarji fiskali nazzjonali differenti u s-suppożizzjonijiet ewlenin fit-tbassiriet sottostanti għandhom ikunu armonizzati sabiex ikunu evitati d-disparitajiet ikkawżati mill-użu ta’ tbassiriet makroekonomiċi differenti (tkabbir globali, tkabbir tal-UE, prezz ta’ barmil taż-żejt, rati ta’ l-interessi) u minn parametri oħra;

(e) rakkomandazzjonijiet aktar formali għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, bħall-iffissar ta’ miri dwar in-nefqa f’perjodu ta’ żmien medju, riformi strutturali speċifiċi, investimenti, il-kwalità tal-finanzjament pubbliku, għandhom jintużaw kull meta jkun possibbli. għandha tkun segwita wkoll struttura aktar standardizzata ta’ rappurtaġġ fil-kuntest tal-PNR, bla ma jkunu ostakolati l-prijoritajiet nazzjonali ta’ riforma; l-impenji, il-miri u l-benchmarks kollha għandhom ikunu inkorporati għalkollox fil-Linji Gwida Integrati u fil-PNR sabiex jittejbu l-koerenza u l-effiċjenza tal-governanza ekonomika;

(f) Strateġija li tieħu fit-tul biex id-djun nazzjonali jitnaqqsu għal inqas minn massimu ta' 60% tal-PGD għandha tkun inkluża fil-qafas għall-governanza ekonomika peress li tnaqqas l-ispiża tal-manutenzjoni tad-djun u tnaqqas l-ispiża tal-kapital għall-investimenti privati;

(g) għandu jitwaqqaf qafas li jorbot li fih l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkonsultaw lil xulxin u lill-Kummissjoni qabel ma jieħdu deċiżjonijiet ewlenin dwar politika ekonomika, bħal fil-każ ta’ miżuri biex ikunu affrontati l-prezzijiet ogħla tal-ikel u l-enerġija;

(h) il-koordinazzjoni ekonomika għandha tieħu l-forma ta’ "Strateġija Ewropea għall-Ekonomija u l-Impjiegi" li tkun waħda integrata u bażata fuq l-istrumenti eżistenti ta' politika ekonomika - b'mod partikulari l-Istrateġija ta' Liżbona, il-Linji Gwida Integrati, l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli, u l-programmi ta' stabilità u ta’ konverġenza; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, taħt it-tmexxija tal-President tal-Grupp tal-Euro, biex jappoġġjaw l-attività ekonomika b’mod koerenti, fl-istess ħin u fl-istess direzzjoni;

(i)  l-Istrateġija għall-Ekonomija u l-Impjiegi msemmija fil-punt (h) għandha tirrikonoxxi l-potenzjal tat-teknoloġija ġdida u ekoloġika bħala pedament tat-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ taħlita ta’ politiki makroekonomiċi;

(j)  il-finanzjament ta' intrapriżi innovattivi, b'mod partikulari SMEs, għandu jkun iffaċilitat, inter alia billi jkun stabbilit "Fond Ewropew Għal Tkabbir Intelliġenti" mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

(k) ir-Rapport Annwali dwar iż-żona tal-euro għandu jipprovdi firxa aktar prattika ta’ strumenti u evalwazzjonijiet sabiex isir possibbli li jkun hemm djalogu f’aktar dettall bejn id-diversi korpi tal-UE li huma mdaħħla fil-governanza ekonomika;

(l)  jeħtieġ li jitwaqqaf kodiċi ta' kondotta bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jkun jiggarantixxi koperazzjoni xierqa u involviment sħiħ ta' dawk it-tliet istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati fit-tkomplija tal-immaniġġjar xieraq tal-Linji Gwida Integrati, bħala strumenti ekonomiċi ewlenin;

(m) l-istruttura istituzzjonali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għandha tkun imsaħħa kif ġej:

- Formazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro għandhom ikunu stabbiliti wkoll fil-qasam tal-kompetittività/industrija, tal-ambjent, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni;

- il-Grupp tal-Euro għandu jingħata struttura istituzzjonali aktar b’saħħitha u aktar riżorsi umani;

- il-mandat tal-President tal-Grupp tal-Euro għandu jkun konformi maċ-ċikli ekonomiċi tal-Linji Gwida Integrati;

- il-Kumitat għall-Politika Ekonomika għandu jkun inkorporat għal ġol-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju sabiex ikun kostitwit korp waħdieni u koerenti għall-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u għall-Grupp tal-Euro;

- rappreżentant tal-Parlament għandu jingħata stejtus ta’ osservatur fi ħdan il-Grupp tal-Euro u fil-laqgħat informali tal-Kunsill;

- laqgħat bejn it-Trojka, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro għandhom ikunu organizzati, meta jkun meħtieġ, erba' darbiet fis-sena;

(n) għandu jkun stabbilit li tal-anqas kull tliet xhur isir djalogu aktar regolari u strutturat dwar kwistjonijiet makroekonomiċi bejn il-Parlament, il-Kumissjoni u l-Grupp tal-Euro, simili għad-djalogu monetarju bejn il-Parlament u l-BĊE, sabiex jissaħħew l-oqfsa attwali u jkun hemm dibattitu dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-ekonomija taż-żona tal-euro; u

(o) jeħtieġ li jkun stabbilit djalogu attiv bejn il-Parlament, il-Grupp tal-Euro, il-BĊE u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bil-għan li jitmexxew diskussjonijiet dwar it-taħlita xierqa ta' politiki ffurmata mill-politika monetarja, dik ekonomika, dik dwar ir-rati tal-kambju, dik tal-pagi u dik strutturali;

62. Hu tal-fehma li l-aġenda tal-politika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata, b'mod partikulari, mill-isfidi ppreżentati mit-taqlib tas-suq finanzjarju li seħħ dan l-aħħar u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-ekonomija reali; jinnota b'mod pożittiv, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri fi ħdan iż-żona tal-euro huma mgħammra biex jiffaċċjaw skussaturi mill-akbar aħjar milli kienu fl-imgħoddi bis-saħħa tal-politika monetarja komuni u r-riforma li twettqu f'dawn l-aħħar snin; madankollu, bil-għan li l-majnar ekonomiku u l-inflazzjoni għolja jiġu kkumbattuti kemm jista' jkun, jitlob li jkun hemm:

(a)  rispons koordinat fil-livell ta' UE, ibbażat fuq fehim komuni tal-problemi u miżuri ta' segwitu komuni filwaqt li jkunu aċċettati si speċifiċitajiet nazzjonali;

(b)  PNR ambizzjużi u aġġustati u impenn għall-implimentazzjoni tagħhom, inklużi djalogi b'saħħithom mal-imsieħba soċjali;

(c) implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-pjan direzzjonali tas-Servizzi Finanzjarji, inklużi azzjonijiet ta' segwitu u effikaċja akbar tas-superviżjoni fir-rigward tat-taqlib finanzjarju li għaddej fil-preżent;

(d) it-tisħiħ tal-arranġamenti tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet billi jittejbu r-regoli tal-UE dwar l-istralċ u billi jkunu stabbiliti arranġamenti li jkunu definiti b'mod ċar u aċċettabbli unanimament dwar il-qsim tal-piż fost l-Istati Membri relevanti fil-każ ta' insolvenza fi ħdan il-gruppi finanzjarji transkonfinali;

(e) it-tlestija tal-għodod monetarji u ekonomiċi użati għat-tfassil tal-politika monetarja permezz ta’ analiżi bir-reqqa ta' fatturi li jinfluwenzaw l-istabilità u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja, fost oħrajn fir-rigward tat-trasferiment tal-politika monetarja, l-iżvilupp ta’ assi ta’ kreditu u assi finanzjarji, il-karatteristiċi ta’ prodotti ġodda u l-konċentrazzjoni riskji u likwidità;

(f)  reazzjoni Ewropea proattiva fi ħdan fora internazzjonali, notevolment il-Forum dwar l-Istabilità Finanzjarja u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u għaż-żieda fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi komuni; u

(g) l-ifformular ta' vuċi tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-G8 u r-riflessjoni tal-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala korp dinji effiċjenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi filwaqt li dan l-irwol ikun aġġustat għall-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u swieq finanzjarji globali aktar dominanti;

(h) koordinament aħjar u aktar effiċjenti bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-istituzzjonijiet tal-Bretton Woods (il-FMI u l-Grupp tal-Bank Dinji) sabiex tkun miġġielda l-ispekulazzjoni u jkunu affrontati l-isfidi ppreżentati minn din il-kriżi serja; (i)  minħabba t-taqlib monetarju attwali serju, l-organizzazzjoni ta' konferenza monetarja dinjija taħt l-awspiċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex isiru konsultazzjonijiet globali dwar kwistjonijiet monetarji; kif ukoll kunsiderazzjoni tal-fattibilità tal-ħolqien ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' tilwim monetarju fi ħdan il-qafas tal-FMI.

°

° °

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-president tal-Grupp tal-Euro, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]       ĠU C 314E, 21.12.2006, p. 125.
  • [2]       ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 569.
  • [3]       Testi adottati, P6_TA(2008)0057.
  • [4]       Testi adottati, P6_TA(2007)0533.
  • [5]       ĠU C 287E, 29.1.2007, p. 535.
  • [6]       ĠU C 304E, 1.12.2005, p. 132.
  • [7]       ĠU C 74E, 20.3.2008, p. 780.
  • [8]       Testi adottati, P6_TA(2008)0357.
  • [9]       ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 249.
  • [10]     ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 251.
  • [11]     Testi adottati, P6_TA(2008)0287.
  • [12]     ĠU C 291E, 30.11.2006, p. 118.
  • [13]     ĠU C 157E, 6.7.2006, p. 73.
  • [14]     Testi adottati, P6_TA(2008)0425.

NOTA SPJEGATTIVA

L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

mill-perspettiva tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew kellu x’jaqsam mill-qrib f’kull stadju tal-UEM, mid-deċiżjoni għat-tnedija tal-munita meħuda f’Maastricht fl-1992, li wasslet għall-1 ta’ Jannar 1999, meta r-rati tal-kambju tal-Istati Membri partiċipanti kienu ffissati irrevokabbilment mal-euro u nħoloq il-Bank Ċentrali Ewropew, u fl-aħħar nett għall-bidla fiżika ta’ wara fl-2002. Il-Parlament ħa sehem ukoll fid-deċiżjonijiet kollha li kellhom x’jaqsmu mat-tkabbir taż-żona euro sa mill-bidu tagħha.

Matul l-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja l-Parlament Ewropew kellu rwol attiva. Huwa għamel dan permezz ta’ ħidmitu f’ħafna oqsma, billi għadda liġijiet ma’ oħrajn fil-qasam tas-suq intern, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi finanzjarji, billi kien wieħed minn dawk li ħadu deċiżjonijiet fit-tkabbir taż-żona euro, billi ta opinjonijiet u pariri dwar l-iżviluppi makro-ekonomiċi ewlenin, billi għen fid-dibattitu dwar żviluppi ekonomiċi attwali, billi żied it-trasparenza u l-kontabbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika ekonomika, u billi istituzzjonalizza djalogu monetarju miftuħ u trasparenti mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

Bħala l-korp uniku tal-Unjoni Ewropea direttament elett miċ-ċittadini tagħha, il-Parlament Ewropew ħadem għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-politika ekonomika hija qasam li fih in-nuqqas ta’ trasparenza jinħass partikularment qawwi meta jitqiesu l-proċeduri tipiċi intergovernattivi previsti mit-Trattat[1].

Il-Parlament Ewropew, għalhekk, stabbilixxa lilu nnifsu bħala attur ewlieni fil-livell tal-UE minkejja s-setgħat formali limitati mogħtija lilu mit-Trattat. Għalhekk ħadna d-drawwa li nitolbu għal attitudni aktar miftuħa min-naħa tal-Gvernijiet tal-Istati Membri lejn parlamenti nazzjonali, il-PE u msieħba soċjali. Fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politika fiskali, il-Parlament, skont dispożizzjonijiet attwali tat-Trattat, ikun ikkonsultat f’materji relatati mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja dwar il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST).

Il-Parlament żviluppa varjetà ta’ metodi kif isemma’ l-opinjonijiet tiegħu fl-Ewropa. Dan kien possibbli, bis-saħħa, importanti sa ċertu punt, tal-interess attiv li l-Kumitat ECON (il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji) ħa biex il-Parlament jinġieb fuq quddiem.

Ippruvajna niżviluppaw il-kunċett ta’ approċċ ta’ sħubija b’bażi wiesgħa, li tinkludi msieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u awtoritajiet pubbliċi skont tradizzjonijiet u prattika nazzjonal.

L-ECON stabbilixxa djalogu regolari ma’ dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li għandhom irwol fit-tfassil tal-politika ekonomika fiż-żona euro u fl-Unjoni. Kull sitt xhur, il-Presidenza l-ġdida tal-Kunsill (il-Ministru tal-Finanzi) tkun mistiedna tippreżenta l-programm tal-ħidmitha lill-Kumitat. Fl-aħħar tal-perjodu ta’ sitt xhur, issir reviżjoni ta’ dak li jkun inkiseb. Fiż-żewġ okkażjonijiet, wara l-preżentazzjoni ikun hemm diskussjoni mal-Kumitat. Okkażjoni oħra ta’ laqgħat regolari bejn il-Kumitat ECON u l-Kunsill (ECOFIN) huwa l-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ BEPGs (Linji Gwida ta’ Politika Ekonomika Wiesgħa) hekk kif rappreżentanti tal-Kumitat ikollhom diskussjonijiet mat-Troika (ir-rappreżentanti tal-presidenza tal-Kunsill attwali, preċedenti u l-ġdida).

Fuq inizjattiva tiegħu stess, il-Kumitat ECON organizza wkoll skambji regolari ta’ opinjonijiet mal-President tal-Grupp Euro. Dawn saru normalment darbtejn f'sena. F'dawn il-laqgħat il-President tal-Grupp Euro fisser x'kienu d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet fl-imgħoddi tal-grupp u l-programm ta' ħidmitu għall-ġejjieni. Dawn il-laqgħat mal-membri tal-ECON kienu utli, b’mod partikulari, minħabba li l-Grupp Euro huwa korp informali mingħajr setgħat formali li jieħu deċiżjonijiet. Dawn id-djalogi kellhom funzjoni biex tiżdied it-trasparenza tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika li kienet qed issir mill-Grupp Euro.

Fi ħdan il-Parlament, il-Kumitat ECON huwa responsabbli mit-tmexxija ta’ smigħ ta’ konferma mall-kandidati għall-Kummissjoni fi ħdan il-qasam tal-kompetenza tiegħu. Barra l-kuntatti bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni previsti mid-dritt Komunitarju, il-Kumitat imexxi djalogu regolari mal-Kummissarju responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi. Il-Kummissarju jkun mistieden jattendi laqgħat tal-kumitat, u jippreżenta t-tbassir ekonomiku ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni, ir-rapport dwar il-finanzi pubbliċi, il-BEPGs u xi aħbarijiet importanti fil-qasam tal-politika ekonomika. Wara li jingħata tagħrif dwar l-attivitajiet tal-Kummissarju u dwar evalwazzjoni tal-iżvluppi ekonomiċi l-aktar riċenti fl-Istati Membri u fl-Unjoni, ikun hemm diskussjoni, li tippermetti jsir skambju eżawrjenti ta’ opinjonijiet bejn il-Kummissarju u l-Membri tal-ECON.

Kuntatti u diskussjonijiet ta’ spiss u regolari ma’ rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (EPC) ippermettew lill-Membri tal-ECON li jitolbu kjarifika dwar l-attivitajiet tal-EFCs u tal-EPCs u li jagħmlu skambju interessanti ta’ opinjonijiet.

Laqgħat regolari flimkien bejn il-Parlament u l-Parlamenti Nazzjonali kienu strumentali biex tingħata għajnuna lil parlamenti nazzjonali jiżviluppaw proprjetà aħjar tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ingħatat attenzjoni speċjali f’dan il-kuntest lill-aġenda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi.

Minħabba li l-Linji Gwida ta’ Politika Ekonomika Wiesgħa huma d-dokument ewlieni tal-politika għall-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, il-Parlament ħa passi biex jagħmel il-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-BEPGs aktar miftuħ u integrattiv kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Il-Parlament Ewropew ipprova jikkontribwixxi b’mod effikaċi billi jagħmel rapport ta’ tħejjija u riżolużjoni qabel ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida tal-Politika Integrata. Biez iżid l-influwenza tiegħu l-ECON daħħal ukoll il-prattika li jkun hemm diskussjoni mat-Troika. Dawn id-diskussjonijiet isiru wara l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-BEPGs u wara r-rapport ta’ tħejjija tal-Parlament dwar is-suġġett. F’dawn il-laqgħat, il-pożizzjoni ġenerali tal-Parlament dwar kwistjonijiet importanti kienet diskussa mar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Fl-istess waqt il-Kumitat ħejja t-tieni rapport b’emendi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal linji gwida ġodda. Diġà matul it-tieni stadju, kienu tlestew il-proċessi ta’ konsultazzjoni informali tal-UEM u l-Parlament ippropona u nnegozja sa mill-1994 aktar emendi formali għall-BEPGs. L-istituzzjoni tagħna ħadmet favur li jkun hemm ftehim interistituzzjonali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin biex tkun iċċarata kull funzjoni u skedi ta’ żmien, iżda dan ix-xogħol ma ntemmx u lanqas ma kien formalizzat. 

F'ħidmitu il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija ta' Liżbona mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi. Huwa tal-fehma illi l-istrateġija għandha żżid il-valur fuq livell Komunitarju biex ittejjeb il-koerenza ta’ riformi u timmassimizza effetti pożittivi żejda u tiżgura li l-aġendi ta’ riforma, bħal riformi strutturali u investiment fit-tagħlim, fil-fatt jiriżultaw f’aktar impjiegi u aħjar mal-Unjoni Ewropea kollha.

Il-Parlament ħadem biex jintegra l-proċess tal-Istrateġija ta’ Liżbona u biex jgħaqqad il-BEPGs u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi mal-Linji Gwida tal-Politika Integrata. Barra dan qgħadna għassa biex naraw mill-qrib kif jaħdmu l-linji gwida speċifiċi għaż-żona euro u b’hekk tajna l-appoġġ tagħna għall-koordinazzjoni aktar mill-qrib ta’ politiki ekonomiċi.

L-istituzzjoni tagħna kienet tal-fehma li d-dimensjoni speċifika taż-żona euro ta’ sorveljanza strateġika marbuta mal-Istrateġija ta’ Liżbona għandha tkun imsaħħa billi jkunu inklużi miżuri meħtieġa biex jitjieb il-mod kif taħdem l-UEM. Pass minn tal-ewwel għal dan il-għan kienet il-konċentrazzjoni fuq iż-żona euro fir-Rapport tal-Progress Annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat ta’ implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

Barra dan, ir-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni dwar iż-Żona Euro ipprovdiet bażi tajba għal diskussjoni komprensiva tal-qagħda ekonomika inġenerali fiż-żona euro u sfidi għall-ġejjieni. Ippermettiet ukoll lill-Parlament Ewropew li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu u li jifformula prijoritajiet dwar politiki ekonomiċi u governanza.

Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih, iżda, li d-dehra tal-Istrateġija ta’ Liżbona hija dgħajfa fil-politiki nazzjonali ta’ ħafna Stati Membri. L-istituzzjoni tagħna, għalhekk, saħqet fuq il-ħtieġa li jkun hemm involviment aħjar ta’ msieħba soċjali, parlamenti nazzjonali, awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll tas-soċjeta ċivili biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tagħha.

Il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ tiegħu lill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kif rivedut f’Marzu 2005. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2004 għall-Kunsill tar-Rebbiegħa, il-Parlament Ewropew esprima l-konvinzjoni tiegħu li kienet meħtieġa riforma intelliġenti tal-PST biex l-ekonomija tal-Ewropa tinġieb lura aktar malajr lejn bilanċ u biex jitħalla jkun hemm titjieb fis-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-Ewropa. B’mod ġenerali, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ta prova ta' kemm jiswa u, għalhekk, għandu jinżamm għall-ġejjieni, biex tissaħħaħ l-istabbiltà u l-fiduċja taż-żona euro. Il-Parlament huwa tal-opinjoni li politika fiskali soda għandha tkun kundizzjoni minn qabel għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi, f’kull Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, bħala r-responsabbiltà komuni tal-Unjoni Ewropea.

L-istituzzjoni tagħna saħqet dwar l-importanza li l-Istati Membri kollha, għall-anqas dawk li huma fiż-żona euro, jikkoordinaw il-kalendarji fiskali nazzjonali differenti tagħhom u jibbażaw il-projezzjonijiet tagħhom tal-baġit fuq kriterji simili biex jevitaw disparitajiet maħluqa mill-użu ta' tbassiriet makro-ekonomiċi differenti (tkabbir globali, tkabbir tal-UE, il-prezz ta’ barmil żejt, rati ta’ imgħaxijiet) u parametri oħra. Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura l-validità ta’ data li tista’ tinkiseb mingħand Stati Membri.

Anki qabel it-taqlib finanzjarju u t-tensjoni ekonomika attwali, il-Parlament kien isostni li l-iżbilanċi globali, id-domanda aggregata u l-pressjoni inflazzjonarja globali li kien qed ikun hemm setgħu jkunu ta' sfida mhux ħażin għall-politika monetarja. It-tħassib dwar il-volatilità tar-rata tal-kambju tal-euro li setgħet tkun ta’ ħsara għall-kompetittività tal-Ekonomija Ewropea tqajjem ukoll matul dawn is-snin.

Politika Monetarja u Djalogu Monetarju

Sa minn meta nbeda l-proġett ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja kmieni fid-disgħinijiet (1990s), il-Parlament Ewropew, l-ewwel taħt il-patroċinju tas-Sottokumitat Monetarju, u mbagħad tal-Kumitat ECON, kien involut mill-qrib ħafna fit-tfassil, l-iżvilupp u l-avanz tiegħu.

Fl-1992 is-Sottokumitat kien diġà involut ħafna jagħmel monitoraġġ u jinnegozja leġiżlazzjonijiet sussidjarji għal-ewwel, it-tieni u t-tielet stadju tal-UEM u fit-tfassil tal-kampanja ta’ informazzjoni. Il-Parlament Ewropew kien involut ukoll fid-diskussjoni dwar x-xorta ta’ flus tal-karta u muniti li kellhom jinħarġu fl-interess tal-konsumatur. B’mod partikulari, il-Parlament kellu rwol fundamentali ta’ sorveljanza u kontroll tal-politika mnetarja taż-żona Euro sa minn meta dan l-inkarigu għadda għal għand il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) fl-1999.

Din ir-responsabbiltà, minquxa fit-Trattat tal-UE, tfisser li l-Parlament Ewropew huwa l-istituzzjoni Ewropea fl-aħjar pożizzjoni li tiggarantixxi kontabbiltà demokratika vera tal-bank ċentrali tagħna, entità li, meqjusa l-istruttura istituzzjonali tal-UE, huwa l-bank ċentrali l-aktar indipendenti f’kull sistema politika fl-istorja. Waqt li l-indipendanza tal-ECB għandu jkollha kull rispett, il-Bank ma jistax jeħles mir-responsabbiltà tiegħu li jagħti informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u li jidħol fi djalogu regolari ma’ politiċi eletti demokratikament.

Jista’ wieħed, għalhekk, jargumenta li x-xogħol tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-politika monetarja irnexxa fir-rigward tal-kontabbiltà demokratika. Permezz tar-rapporti u l-opinjonijiet tiegħu, huwa ddefinixxa d-direzzjoni għal dawn id-djalogi. L-ECON irnexxielu jżomm lill-ECB kontabbli permezz tad-diversi attivitajiet tiegħu u b’mod partikulari, billi stabbilixxa l-prattika ta’ djalogi monetarji kull tliet xhur.

Din il-kontabbiltà tal-ECB kienet missielta bl-aħrax biex il-Parlament jiksibha, meqjus il-fatt li t-Trattat ma jiddiskrivix fid-dettal il-forma eżatta ta’ dawn id-djalogi. Jista’ wieħed jargumenta li llum il-Parlament Ewropew assuma funzjoni aktar b’saħħitha minn dik tal-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerka vis-à-vis ir-Riżervi Federali.

Diġà abbażi ta’ rapport f’Marzu 1998 dwar kontabbiltà demokratika fit-tielet fażi tal-UEM, il-Parlament talab li jitwaqqaf il-qafas komuni għad-djalogu msejjes fuq it-Trattat bejn il-Parlament Ewropew u l-ECB dwar affarijiet monetarji. Il-Parlament għamilha ċara li huwa kellu xi setgħat f’affarijiet monetarji, b’mod partikulari, minħabba li t-Trattat u l-Istatut tal-ECSB u l-ECB ma jagħtux biss drittijiet iżda wkoll dmirijiet.

Ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-ECB hija msejsa fuq l-erba' oqsma ta' azzjon li ġejjin:

(a) Il-proċedura għall-ħatra ta’ membri tal-Bord Eżekuttiv tal-ECB;

(b) Rappurtaġġ lill-Parlament Ewropew; u

(c) Il-pubblikazzjonijiet tal-ECB, u speċjalment ir-rapport annwali ppreżentat lill-Parlament, kif ukoll ir-rapport ta’ konverġenza.

Ħatriet għall-Bord Eżekuttiv jistgħu jsiru biss wara konsultazzjonijiet mal-Parlament. B’hekk il-Parlament isir l-istituzzjoni Ewropea fl-aħjar pożizzjoni li tiżgura kontabbiltà demokratika tal-pożizzjonijiet l-aktar importanti tal-ECB. Il-proċess ta’ konsultazzjoni jieħu l-għamla ta’ semgħat pubbliċi organizzati mill-ECON. Dan il-proċess wera li kien l-aħjar mod biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa dwar kandidat qabel ir-rakkomandazzjoni finali tal-PE. L-għan ewlieni tas-semgħat huwa li jsiru magħrufa l-personalità u l-opinjonijiet tal-kandidat dwar kwistjonijiet importanti ta’ politika ekonomika u monetarja, dwar kif l-ECB għandu jitmexxa u dwar il-ħsieb tiegħu jew tagħha dwar il-kontabbiltà demokratika tal-ECB. Il-Membri tal-Kumitat imbagħad jieħdu deċiżjoni mill-ewwel dwar kemm il-kandidat ikun adattat għall-pożizzjoni, li mbagħad tintbagħat biex tkun irratifikata mill-Plenarja.

Hemm ukoll għan għal aktar tul ta’ żmien: dan l-eżerċizzju jgħin lill-Membri tal-Parlament biex isiru jafu aktar lill-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-ECB, li jkollhom jidhru regolarment dwar dan quddiem il-Kumitat.

Skont it-Trattat[2], il-President tal-ECB u membri oħra tal-Bord Eżekuttiv tiegħu jistgħu, fuq talba ta’ parti, "jinstemgħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament". Din id-dispożizzjoni inbidlet f’impenn dirett ta’ trasparenza u superviżjoni imsejjes fuq bdil regolari ta’ opinjonijiet, stabbilit bi qbil reċiproku fuq ordni tal-ECON, bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Il-President tal-ECB jew, xi drabi, il-Viċi-President jidhru f’laqgħa televiżiva tal-Kumitat tal-ECON mill-anqas kull tliet xhur biex iwieġbu mistoqsijiet dwar il-prospett ekonomiku u t-tmexxija tal-politika monetarja fiż-żona Euro. B’kollox inżammu 38 djalogu monetarju mill-1999. Membri tal-Kumitat jagħżlu żewġ suġġetti speċjali li jkollhom jingħataw attenzjoni speċjali mill-President tal-ECB. Bi tħejjija għal dawn il-laqgħat, il-Parlament regolarment jingħata informazzjoni fil-qosor minn qabel minn grupp ta’ tnax-il akkademiku speċjalisti u konsulenti oħra (dawn il-karti u r-rapporti kelma kelma tal-laqgħat jistgħu jinkisbu fuq il-paġna elettronika tal-ECON). Wara introduzzjoni mill-President tal-ECB, kienet tinżamm sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba. Il-President tal-ECB wieġeb ukoll għal mistoqsijiet bil-miktub magħmulin minn Membri f’kull żmien.

Ir-rapporti tal-ECB ta’ kull sena huma strumenti li joħolqu aktar trasparenza fil-politika monetarja. Ir-Rapporti Annwali tal-ECB ikunu ppreżentati mill-President tal-ECB għal dibattitu fil-Parlament Ewropew, u jiffurmaw il-bażi ta’ riżoluzzjonijiet parlamenari, imħejjijin kull sena mill-ECON. Din hija opportunità għal Membri biex kull sena jqisu l-iżvluppi fil-politika monetarja. Id-dibattiti jinżammu fis-sessjoni plenarja u jikkostitwixxu mument solenni għall-President tal-ECB biex jagħti rendikont wiesa’ tas-sena, u biex ikunu fformulati inizjattii għall-ġejjieni.

L-ECON insistiet b’mod konsistenti mal-ECB li dan jiżviluppa, u jippubblika, il-mudelli u għodod oħra ta’ analiżi ekonomika li fuqhom id-deċiżjoni tiegħu dwar il-politika monetarja jkunu bbażati. Ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-ECB tal-1999 sejħet lill-Bank biex jippubblika tbassir makro-ekonomiku kull sitt xhur, flimkien mar-riċerka u l-mudell makro-ekonomiku li fuqhom dan it-tbassir ikun imsejjes; u rapporti wkoll dwar ekonomiji nazzjonali (bħall-Beige Book fl-Istati Uniti). Ir-riżoluzzjoni tas-sena ta’ wara setgħet tilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-ECB li jippubblika kemm it-tbassir kif uoll il-mudell.

Kwistjoni li tqum sikwit hija dwar it-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill Governattiv tal-ECB. Ir-rapport tal-1999 u dawk li kien hemm wara speċifikatament talbu biex: "minuti fil-qosor meħudin waqt laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-ECB ikunu ppubblikati fi żmien qasir wara l-laqgħa li jkun imiss, li jirrappurtaw espliċitament dwar l-argumenti favur u kontra d-deċiżjonijiet meħudin,kif ukoll dwar il-motivi użati bex jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet.", bil-bilanċ tal-voti jkun ukoll ippubblikat, iżda b’mod unanimu. S’issa l-ECB naqas li jaċċetta l-argumenti tal-Parlament f’dan il-qasam.

L-irwol tal-ESCB u l-ECB fit-tmexxija u s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja taż-żona Euro mhix ċara għal kollox. Diġà f’riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-ECB tal-2000 hemm insistenza fuq "il-ħtieġa ta’ involviment mill-qrib tal-ESCB f’superviżjoni makro-prudenzjali" u fuq l-irwol tal-ECB fil-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja.

Fid-djalogu monetarju mal-ECB, il-Parliament iħabrek biex jinkuraġġixxi li jkun hemm taħlita aħjar ta’ politika u biex ikabbar il-leġittimità tal-politika monetarja ġestita. Inżammu wkoll djalogi flimkien bejn il-Grupp Euro, il-Kummissjoni u l-Parlament, simili għad-djalogi bejn il-Parlament u l-ECB.

Tkabbir taż-żona Euro

Wieħed mill-aspetti importanti tal-irwol leġiżlattiv tal-Parlament għandu x’jaqsam ma’ jekk Stat Membru tal-UE ikunx ikkwalifika biex jingħaqad maż-żona euro jew le: id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, iżda, anki hawn, ikun biss meta l-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu. Sa mill-1998 il-Greċja, Malta, Ċipru u s-Slovenja ingħaqdu maż-żona Euro. Warajhom imiss is-Slovakkja. It-tkabbir taż-żona euro huwa għal kull wieħed mill-każijiet sfida importanti storika kemm għall-Istat Membru konċernat kif ukoll għall-bqija taż-żona euro. Il-Parlament, għalhekk, huwa tal-fehma li l-proċess ta’ konverġenza ekonomika ta’ Stat Membru għandu jkun immonitorjat sewwa u li l-passaġġ tiegħu lejn l-adozzjoni tal-Euro jkun adatt għall-istat attwali tal-ekonomija tiegħu.

Fl-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-Parlament Ewropew ħareġ opinjoni għal kull proposta għal deċiżjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 122 (2) tat-Trattat, i.e. għal kull tkabbir taż-żona euro. Il-Parlament talab ukoll konsultazzjoni bikrija mal-Kummissjoni biex ikollu aktar żmien iħejji l-opinjoni tiegħu wara analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni. Delegazzjoni mill-ECON marret ukoll is-Slovenja kmieni fl-2008, biex tiġbor aktar informazzjoni qabel ma toħroġ l-opinjoni tagħha.

Il-kwistjoni tat-tkabbir kienet ndirizzata wkoll f’bosta okkażżjonijiet, bħal pereżempju r-rapport speċjali tal-2006 dwar it-tkabbir taż-żona euro u fil-kuntest tar-rapporti annwali dwar ż-żona euro u dwar ir-rapport annwali tal-ECB.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ġenerali minn qabel għat-tkabbir fil-ġejjieni taż-żona euro, il-Parlament dejjem kien tal-parir li jkun hemm konformità stretta mal-kriterji ta’ konverġenza tat-Trattat ta’ Maastricht, u kien ħafna kontra li jkun hemm dispożizzjonijiet speċjali dwar il-ħarsien tal-kriterji ta’ Maastricht. Qal ukoll li jemmen li l-istabbiltà fit-tul taż-żona euro għandha tkun eżaminata skont il-kapaċità tagħha li tassorbixxi kandidati ġodda. Dwar il-kundizzjonijiet tekniċi minn qabel għat-tkabbir taż-żona euro, il-Parlament talab lil Stati Membri li jridu jaċċedu biex joqogħdu attenti, b’mod partikulari, għall-protezzjoni tal-konsumatur matul il-fażi tal-bidla, u fakkru fil-ħtieġa li jibdew kampanji minn kmieni u estensivi ta’ informazzjoni liċ-ċittadin fi Stati Membri applikanti.

L-istituzzjoni tagħna stabbiliet ukoll rekwiżiti speċjali għal applikanti għall-adeżjoni, u tinnota li adeżjoni prematura maż-żona Euro tista’ twassal għal żviluppi mhux mistennija fil-proċess ta’ konverġenza ekonomika u li t-tkabbir taż-żona Euro iħaffef il-proċess ta’ konverġenza ekonomika u jikkontribwixxi għat-tisħiħ taż-żona Euro fl-intier tagħha.

Strateġija ta’ komunikazzjoni Euro

Il-Parlament wera l-fehmiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-euro u l-UEM, waqt li nnota sa minn kmieni fl-2005 li n-nuqqas ta’ popolarità tal-euro li kien jidher li kien hemm fost uħud miċ-ċittadini kien f’kontradizzjoni mal-fatt li l-euro huwa aktarx il-proġett Ewropew l-aktar li rnexxa li qatt tnieda. Huwa tal-fehma li l-munita unika tibqa’ prijorità ta’ komunikazzjoni għall-UE, u jemmen li l-benefiċċji tal-euro għandhom jibqgħu jingħataw u jitfissru lill-pubbliku inġenerali. Il-Parlament f’dan ir-rigward talab li jkun hemm sensiela ta' azzjonijiet speċifiċi biex titrawwem l-aċċettazzjoni tal-euro.

Integrazzjoni tas-Suq Finanzjarju

Bħala leġiżlatur u wieħed li jagħmel il-politika, il-Parlament Ewropew kellu rwol kbira fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni Ewropea. Il-ħidma leġiżlattiva tagħna ikkonċentrat fuq li nwasslu suq integrat għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Servizzi Finanzjarji adottat fl-1999 kien finalizzat fl-2005. Ix-xogħol, iżda, issokta minn dak iż-żmien minħabba l-ħtieġa li jkun hemm risposta għall-iżviluppi jew nuqqasijiet tas-suq. Jissemma’ biss suġġett wieħed b’mod partikulari: il-Parlament Ewropew issielet għal ħafna snin biex ikun hemm tariffi fl-allinjament tal-pagamenti maż-żona euro kollha u fl-aħħar kien adottat regolament fl-2001. B'żieda ma' dan ix-xogħol biex titwaqqaf Żona Unika ta’ Pagament fl-Euro (SEPA), il-ħidma leġiżlattiva kopriet ukoll servizzi ta’ assigurazzjoni, bħal riassigurazzjoni u falliment, servizzi bankarji, bħal rekwiżiti patrimonjali, swieq monetarji, bħal servizzi ta’ investiment, u kwistjonijiet ta’ superviżjoni u regolamentazzjoni inġenerali fil-qafas tal-proċess Lamfalussy. Il-Parlament kien attiv ħafna fit-twaqqif tal-qafas Lamfalussy biex titjieb is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju. F’dan il-proċess ra li jkun ċert li kellu l-istess setgħat bħal tal-Kunsill peress li t-tnejn huma l-leġiżlaturi. Ħadem ukoll biex jagħmel dan il-proċess aktar trasparenti fl-istadji kollha.

Rappreżentazzjoni esterna tal-euro

Jekk kellux ikun hemm politika ta’ rata tal-kambju għall-euro, u, jekk fl-affermattiv, min eżattament kellu jkun responsabbli għaliha, kienu ftit jew wisq kwistjonijiet miftuħa. It-Trattat mhux ċar f’dan ir-rigward. Lanqas mhu ċar min jista’ jitkellem għaż-żona Euro fuq livell internazzjonali: il-President tal-ECB, il-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill jew il-Presidenza tal-grupp Euro (fejn din hija differenti mill-Presidenza tal-Kunsill). Rapporti Parlamentari talbu, għalhekk, għal "rappreżentanza aktar b’saħħitha għaż-żona euro f’istituzzjonijiet internazzjonali li jsawru l-politika", u "għall-għażla ta’ rappreżentant uniku għaż-żona euro".

Skond il-fehmiet tal-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom responsabbiltà komuni biex ikunu indirizzati l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi li jħabbtu wiċċhom magħhom ċittadini minħabba l-globalizzazzjoni. L-istituzzjoni tagħna tat l-appoġġ tagħha għall-ħsieb li d-dimensjoni esterna tas-suq intern jeħtiġilha tkun żviluppata.

Il-Parlament Ewropew saħaq li jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri qabel ma r-rappreżentanza taż-żona euro tkun proporzjonata mal-importanza dejjem tikber tagħha fl-ekonomija globali. Rapporti Parlamentari talbu, għalhekk, li jkun hemm "rappreżentanza aktar b’saħħitha taż-żona Euro f’istituzzjonijiet internazzjonali li jsawru l-politika", u "għall-għażla ta’ rappreżentant uniku taż-żona Euro".

  • [1]  The legislative framework in the field of economic policy is laid down in Articles 98, 99 and 104 of the Treaty
  • [2]  L-Artikolu 113 (3) tat-Trattat jistipula li l-ECB għandu jindirizza rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-ESCB u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena ta’ qabel kif ukoll ta’ dik attwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill Ewropew. Il-President tal-ECB għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li jistgħu jżommu dibattitu ġenerali fuq dik il-bażi. Il-President tal-ECB u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, fuq talba tal-Parlament Ewropew jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jinstemgħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (10.9.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni
(2008/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean-Pierre Audy

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, għaxar snin wara l-ħolqien tagħha, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija meqjusa bħala suċċess tekniku u politiku u li l-euro, sa mill-bidu tiegħu, kompla jistabbilixxi ruħu, flimkien mad-dollaru Amerikan, bħala munita għat-tranżazzjonijet kummerċjali mhux biss bejn il-pajjiżi taz-zona tal-euro u l-pajjiżi terzi, imma lil hinn;

2.  Iqis li s-sistema tal-euro, il-politika monetarja tagħha u l-istabilità tal-euro li tirriżulta minnha taw kontribut lill-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-ekonomija tad-dinja;

3.  Ifakkar fir-rabta essenzjali li hemm bejn il-politika monetarja u l-politika kummerċjali fil-livell globali, kif juru bosta studji, u f'dan ir-rigward jisħaq fuq l-irwol pożittiv tal-istabilità tar-rati tal-kambju biex ikun żgurat li l-kummerċ internazzjonali jikber b'mod sostenibbli;

4.  Jiġbed l-attenzjoni li ż-żieda fl-użu tal-euro bħala munita għall-kummerċ internazzjonali hija ta’ benefiċċju għall-membri taz-zona tal-euro b’mod partikulari, billi din tnaqqas ir-riskju tar-rati tal-kambju għall-intrapriżi ta' dawk l-istati u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż tal-kummerċ internazzjonali;

5.  Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li, bit-tisħiħ tas-suq intern, l-introduzzjoni tal-euro tejbet il-kompetittività internazzjonali tal-intrapriżi tal-UE u saħħet il-piż tal-UE fin-negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja żiedet l-attrazzjoni taz-zona tal-euro għall-investiment dirett barrani;

7.  Iqis li l-inflazzjoni hija realtà dinjija u li l-ġlieda kontriha, f’ekonomija miftuħa, ma tistax issir permezz tal-politika monetarja Ewropea biss; iqis li, meta rnexxielu jagħti l-kwittanza lill-mandat biex tingħata prijorità lill-istabilità tal-prezzijiet, il-Bank Ċentrali Ewropew saħħaħ il-fiduċja fl-euro u b'hekk ta kontribut importanti għall-attrazzjoni internazzjonali tal-euro;

8.  Jiddispjaċih li, fil-Komunikazzjoni dwar l-EMU@10, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi iktar dettaljata u preċiża tal-irwol internazzjonali tal-euro; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rapport dettaljat dwar id-dimensjoni esterna tal-politika monetarja komuni u dwar l-effetti negattivi tagħha għar-rendiment ekonomiku u kummerċjali taz-zona tal-euro;

9.  Il-politika kummerċjali tal-UE ma tistax tkun ibbażata fuq ir-rati tal-kambju meta l-istrumenti tal-politika kummerċjali (dazji, kwoti, eċċ.) huma tqal u għalhekk mhumiex adattati biex jilqgħu għall-varjazzjonijiet fil-kambju;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-versatilità taz-zona tal-euro, u jqis li l-valur tal-euro, li bħalissa qed jiżdied, jista' jkollu kemm effetti negattivi, pereżempju billi affettwa ħażin l-esportazzjoni u ħajjar l-importazzjoni fis-suq intern, kif ukoll effetti pożittivi, billi għen lill-ekonomija Ewropea tilqa' għaż-żieda drammatika fil-prezz taż-żejt; jinnota, f’dan ir-rigward, it-tħassib ta' ħafna intrapriżi tal-UE u jinnota li hu importanti ħafna għall-kumpaniji u l-ħaddiema tal-UE, b’mod partikulari fis-settur industrijali, li jkollhom munita valutata b’mod korrett fil-pajjiżi kollha għall-ġid tal-kompetittività internazzjonali tagħhom; fl-istess waqt jara l-prospett li, bħala riżultat ta' kompetittività aktar ħarxa, l-intrapriżi tal-UE għandhom ikomplu jtejbu l-kompetittività tagħhom sabiex, fi żmien medju, ikun jista' jkollhom vantaġġ fuq ir-rivali tagħhom;

11. Jenfasizza li l-politiki monetarji li qegħdin iħaddnu xi sħab tal-UE huma mfassla biex jissottovalutaw il-munita tagħhom, u dan iħalli impatt negattiv fuq il-kummerċ u jista' jitqies bħala ostaklu mhux tariffarju għall-kummerċ internazzjonali;

12. Hu favur li jkun hemm koordinazzjoni aħjar u aktar effiċjenti bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-istituzzjonijiet magħrufa bħala Bretton Woods (jiġifieri l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Grupp tal-Bank Dinji) sabiex titmexxa l-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni u biex tilqa’ għall-isfidi li ġabet magħha l-kriżi serja mhux biss fis-settur monetarju imma wkoll f'dawk finanzjarji, tal-enerġija u tal-ikel li bħalissa qegħdin jheddu lill-pajjiżi kollha; iqis li koordinazzjoni bħal din għandha tagħti kontribut għall-istabilità monetarja u finanzjarja fl-ekonomija dinjija;

13. Jipproponi li, minħabba t-taqlib monetarju attwali serju, għandha tkun organizzata konferenza monetarja dinjija taħt l-awspiċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex isiru konsultazzjonijiet globali dwar kwistjonijiet monetarji;

14. Jipproponi wkoll li għandha titqies il-possibilità li titwaqqaf entità għas-soluzzjoni tat-tilwim monetarju fuq il-mudell tal-entità għat-tilwim kummerċjali stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li tkun tista' tgħin biex tistabilizza s-sistema monetarja dinjija, tnaqqas ir-riskju ta' prattiki abbużivi u tagħti lis-swieq dinjin il-fiduċja meħtieġa biex jilqgħu b'suċċess għall-isfidi ekonomiċi ġodda maħluqa, b'mod partikulari, mill-globalizzazzjoni, mill-iskarsezza tar-riżorsi naturali li kulma tmur qiegħda tiżdied u mis-setgħat kummerċjali ġodda li qegħdin jitfaċċaw;

15. Jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pożizzjonijiet monetarji komuni għall-UE billi ssaħħaħ ir-rappreżentanza taz-zona tal-euro u biex finalment twassal għal vuċi waħda għaz-zona tal-euro fl-istituzzjonijiet u l-fora finanzjarji internazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.9.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Alain Lipietz, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Corien Wortmann-Kool

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Albert Deß, Elisa Ferreira, Vasco Graça Moura, Eugenijus Maldeikis, Rovana Plumb, Salvador Domingo Sanz Palacio, Zbigniew Zaleski

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

20.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Andrea Losco, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Margaritis Schinas