Proċedura : 2008/2092(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0421/2008

Testi mressqa :

A6-0421/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/11/2008 - 7.10
CRE 18/11/2008 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0537

RAPPORT     
PDF 171kWORD 75k
5.11.2008
PE 412.280v01-00 A6-0421/2008

dwar it-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Frank Vanhecke

(2008/2092(IMM))

Kumitat dwar l-Affarijiet Legali

Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba biex titneħħa l-immunità ta' Frank Vanhecke

(2008/2092(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Frank Vanhecke, imressqa fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde, mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Renju tal-Belġju, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-10 ta' April 2008,

- wara li sema' lil Frank Vanhecke skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, u l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

- wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u ta' l-10 ta' Lulju 1986(1),

- wara li kkunsidra l-Artikoli 58 u 59 tal-Kostituzzjoni Belġjana,

- wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0421/2008),

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Frank Vanhecke;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Belġju.

(1)

Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u Kawża 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-liġi

L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, jgħidu hekk:

Artikolu 9

Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 10

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

(a) igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b) jiġu meqjusa immuni kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

L-Artikoli 58 u 59 tal-Kostituzzjoni Belġjana jgħidu hekk:

Artikolu 58

L-ebda membru ta' xi waħda miż-żewġ Kmamar ma jista' jkun imħarrek jew imfittex fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnu fil-qadi ta' dmirijietu.

Artikolu 59

Minbarra fil-każ ta' reat maqbud fil-fatt, l-ebda membru ta' xi Kamra ma jista', waqt sessjoni, direttament jintbagħat biex jinżamm taħt kustodja jew jiġi mħarrek biex jidher quddiem qorti jew tribunal dwar pieni jew arrestat ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha hu jkun membru.

Minbarra fil-każ ta' reat maqbud fil-fatt, pieni li jitolbu l-intervent ta' mħallef ma jistgħux ikunu mressqa kontra membru ta' xi Kamra tul il-perjodu ta' sessjoni, rigward pieni, minbarra minn Prim Imħallef tal-Qorti tal-Appell fuq talba tal-imħallef kompetenti. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-President tal-Kamra kkonċernata.

Kull tiftix jew sekwestru li jsir skont il-paragrafu ta' hawn fuq jista' jsir biss fil-preżenza tal-President tal-Kamra kkonċernata jew ta' membru maħtur minnu.

Tul il-perjodu ta' sessjoni, huma biss l-uffiċjali tad-dipartiment tal-prosekutur pubbliku u uffiċjali kompetenti li jistgħu jibdew proċeduri dwar pieni kontra membru ta' xi Kamra.

Il-membru ta' xi Kamra inkwistjoni, f'kull stadju tal-investigazzjonijiet dwar miżuri ta' pieni, jista' jitlob, tul il-perjodu tas-sessjoni, lill-Kamra li tagħha hu membru, li tissospendi l-proċeduri. Il-kamra inkwistjoni għandha taċċetta din it-talba jekk appoġġjata minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa.

L-arrest ta' membru ta' xi Kamra jew l-investigazzjoni minn qorti jew Tribunal għandha tkun sospiża għal tul il-perjodu tas-sessjoni jekk il-Kamra li tagħha hu membru titlob dan.

Il-Fatti

Skont l-ittra li ntbagħtet mill-awtoritajiet Belġjani, il-fatti huma dawn:

Il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde beda investigazzjoni kriminali kontra s-Sur Frank Arthur Hyppolite Vanhecke, … Membru Belġjan tal-Parlament Ewropew, fuq suspett ta' ksur tal-Artikolu 1(3)(2) tal-Liġi tat-30 ta' Lulju 1981 dwar il-Piena ta' Ċerti Atti Ispirati mir-Razziżmu jew mill-Ksenofobija (kif emendata mill-Liġi tal-10 ta' Mejju 2007).

Il-fatti ta' bażi huma miġbura f'dan li ġej:

Fit-3 ta' Novembru 2005, l-Eżekuttiv Muniċipali tal-belt ta' Sint-Niklaas ressaq ilment kontra l-kittieb, pubblikatur, stampatur jew distributur tal-artikolu 'Dak li ma ħallewkx taqra fl-istampa' (What you were not allowed to read in the press) fil-Gazzetta Vlaams Belang, Nru 2, edizzjoni Sint-Niklaas ta' April-Mejju 2005.

Il-bażi ġuridika tal-ilment kien l-Artikolu 1(3)(2) tal-Liġi tat-30 ta' Lulju 1981 dwar il-Piena ta' Ċerti Atti Ispirati mir-Razziżmu jew mill-Ksenofobija.

L-artikolu inkwistjoni fil-gazzetta Vlaams Belang kien dwar kontroversja li qamet wara d-desakrazzjoni tal-oqbra fiċ-ċimiterju ta' Tereken bejn id-29 ta' Marzu u l-5 ta' April 2005, u f'dan il-kuntest Vlaams Belang enfasizzat l-allegati fatti li l-ħatja kienu żgħażagħ ta' oriġini barranija.

F'dan l-artikolu it-terminu 'barranija' hu marbut mal-istqarrija '(...) kultura li m'għadx għandha aktar rispett lejn il-mejtin u lejn is-simboli ta' fidi differenti hi kultura li ħarġet mil-linji tagħha(...)', u l-artikolu jgħid li 'mhux sew li wieħed jgħatti b’mod diskret' dawn l-azzjonijiet.

Fil-verità il-ħatja apparentement ma kienux ta' oriġini barranija imma kienu identifikati bħala erba' persuni minuri ta' oriġini indiġena minn żewġ familji fjammingi.

Fit-30 ta' Ġunju 2005, l-Eżekuttiv Muniċipali tal-belt ta' Sint-Niklaas ressaq ilment formali maċ-Ċentru għall-Opportunitajiet Indaqs u l-Oppożizzjoni kontra r-Razziżmu.

Fit-30 ta' Settembru 2005, iċ-Ċentru għall-Opportunitajiet Indaqs u l-Oppożizzjoni kontra r-Razziżmu apparentement ta opinjoni lill-Eżekuttiv Muniċipali ta' Sint-Niklaas, u fuq il-bażi ta' din l-opinjoni, ġie deċiż li jitressaq ilment mal-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde.

Il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde fetaħ investigazzjoni, b'referenza partikolari għall-prinċipju ta' responsabilità suċċessiva (alternattiva aktar milli konġunta) prevista fl-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni Koordinata.

Fil-bidu, kien diffiċli li jkun identifikat il-kittieb, l-istampatur jew id-distributur.

Kien possibbli li jkun identifikat is-Sur Frank Vanhecke bħala l-editur jew il-pubblikatur responsabbli; għall-ewwel, madankollu, hu ma kienx lest li jagħmel xi stqarrija fir-rigward tal-investigazzjoni.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde għall-ewwel ippropona li jħarrek biss lil Frank Vanhecke, u l-investigazzjoni kienet għalhekk konkluża fil-21 ta' Novembru 2006.

Madankollu, fis-27 ta' Novembru 2006 il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde irċieva ittra mill-avukat tas-Sur Frank Vanhecke b'talba għal investigazzjoni supplimentari u dikjarazzjoni ta' intenzjoni li jikkopera.

Kważi fl-istess waqt, il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde wkoll irċieva messaġġ mis-CID Federali li jgħid li kienet waslitlu informazzjoni li l-kittieb tal-artikolu inkwistjoni kien lest li jippreżenta ruħu biex ikun interrogat.

Il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde, permezz ta' istruzzjoni tas-27 ta' Novembru 2006, waqt li kkunsidra dawn il-fatti ordna aktar investigazzjonijiet.

L-investigazzjoni sussegwenti wasslet għal persuna bl-isem ta' Marc Van De Velde rrapurtat bħala l-awtur. L-interrogazzjoni u l-eżami tal-PC tiegħu dehru parzjalment jikkonfermaw li hu kien l-awtur ta' parti mill-artikolu. Ir-raba' u l-ħames paragrafi tal-artikolu u t-titolu, madankollu, ma nkitbux minnu.

Waqt l-investigazzjoni sussegwenti ma kienx possibbli li jkun aċċertat min kien l-awtur tar-raba' u l-ħames paragrafi inkriminatorji kif ukoll tat-titolu, inkluż il-passaġġ li għandu jkun innutat: '(…) dak li n-nies ma tħallitx tkun taf, madankollu, hu li l-ħatja, li kollha kienu żgħażagħ ta' bejn it-tlettax u d-dsatax-il sena, kienu ta' oriġini barranija (...)'.

Kien jidher għall-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde li s'issa s-Sur Frank Vanhecke jibqa' responsabbli skont il-liġi kriminali għal dawk il-partijiet, bħala l-editur jew il-pubblikatur responsabbli.

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Prosekutur Pubbliku ta' Dendermonde ppropona li s-sur Frank Vanhecke jkun imħarrek biex jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati skont l-artikolu msemmi fil-bidu ta' dan ir-rapport (ara wkoll l-abbozz mehmuż tat-taħrika).

Minħabba l-istatus tas-Sur Vanhecke, din il-prosekuzzjoni hi possibbli biss wara li titneħħa l-immunità parlamentari tiegħu.

Sottomissjonijiet li ressaq is-Sur Vanhecke

Waqt is-seduta ta' smigħ, is-Sur Vanhecke ppreżenta każ ta' fumus persecutionis. L-ewwel, is-Sindku tal-belt hu soċjalist u l-prosekuzzjoni kienet motivata minn antagoniżmu għal persuni li jappoġġjaw it-tifrik tal-Istat Belġjan. It-tieni, il-prosekuzzjoni imxiet b'pass mgħaġġel ħafna skont l-istandards Belġjani. It-tielet, gazzetta ta' lingwa Franċiża stqarret, waqt li kienet qed tirraporta l-każ, li jekk il-Parlament Ewropew jirrifjuta li jneħħi l-immunità lis-Sur Vanhecke, il-każ jaqa' (anke jekk l-awtur tal-artikolu kien magħruf).

Is-Sur Vanhecke qal ukoll li, skont l-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni Belġjana(1) hu, bħala editur responsabbli, ma setax ikun imħarrek meta l-awtur kien magħruf u residenti fil-Belġju. Hu ma kienx kiteb jew biddel l-artikolu, u lanqas ikkummissjoni lil xi ħadd biex jagħmel dan. Hu kien l-editur responsabbli ta' madwar 200 gazzetta lokali. Fil-każ tal-artikolu konċernat, kemm l-awtur u kemm il-persuna responsabbli mit-tibdil tiegħu kienu magħrufa u residenti fil-Belġju. Is-Sur Vanhecke irrimarka wkoll li hu ippubblika u qassam ritrattazzjoni tal-artikolu.

Evalwazzjoni

Hu meqjus l-ewwelnett li dan il-każ mhux kopert mill-Artikolu 9 tal-Protokoll fis-sens li d-dmirijiet ta' MEP ma jinkludux li jkun editur responsabbli ta' gazzetta ta' partit nazzjonali. Minħabba f'hekk, il-każ għandu jkun ikkunsidrat skont l-Artikolu 10, jiġifieri fid-dawl tal-liġi Belġjana u tal-prattika konsolidata tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

L-Artikolu 58 tal-Kostituzzjoni Belġjana hu eskluż fuq l-istess raġunijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Jeħtieġ għalhekk li jkun ikkunsidrat jekk l-immunità tistax titneħħa fuq ir-raġunijiet imressqa mis-Sur Vanhecke.

L-ewwelnett, għandu jingħad li ma gietx ippreżentata evidenza suffiċjenti ta' fumus persecutionis. Hu normali li r-responsabilità għall-kontenut ta' gazzetta tkun attribwita lill-editur prinċipali u l-fatt li s-sindku lokali hu soċjalist mhix raġuni biżżejjed biex issir allegazzjoni li l-akkuża kienet motivata politikament.

It-tieni, hu osservat li jekk il-persuni li kitbu u bidlu l-artikolu inkwistjoni huma verament magħrufa u residenti fil-Belġju, hu possibbli li s-Sur Vanhecke għandu difiża soda skont il-liġi Belġjana. Barra minn hekk, jidher li s-Sur Vanhecke ppubblika u qassam ritrattazzjoni tal-artikolu konċernat. Hu enfasizzat, madankollu, li mhux fil-kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li jagħmel tiftix fuq fatti jew li jevalwa l-merti tal-akkuża. L-Artikolu 7(7) tar-Regoli ta' Proċedura jagħmilha ċara li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

Konklużjoni

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regoli ta’ Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Frank Vanhecke.

(1)

Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni Belġjana:

L-istampa hi libera; iċ-ċensura ma tista qatt tkun stabbilita; is-sigurtà mill-awturi, il-pubblikaturi jew l-istampaturi ma tistax tintalab.

Meta l-awtur hu magħruf u residenti fil-Belġju, la l-pubblikatur, la l-istampatur, la d-distributur ma jistgħu jkunu mħarrka.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber

Avviż legali - Politika tal-privatezza