RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Massimo D'Alema

6.11.2008 - (2008/2298(IMM))

Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

Proċedura : 2008/2298(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0422/2008
Testi mressqa :
A6-0422/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Massimo D'Alema

(2008/2298(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Massimo D’Alema, imressqa mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika quddiem il-Qorti ta’ Milan, fis-16 ta' Mejju 2008, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-6 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, tal-20 ta’ Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra d-eċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0422/2008),

1.  Jiddeċiedi li ma jawtorizzax l-użu tal-interċettazzjonijiet telefoniċi konċernati u li ma jneħħix l-immunità ta' Massimo D’Alema;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Taljani responsabbli.

  • [1]  Kawża 101/63, Wagner/Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 383, u Kawża 149/85, Wybot/Faure u oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391.

NOTA SPJEGATTIVA

I. IL-FATTI

Permezz ta' ittra datata 28 ta' Mejju 2008 indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering, l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika fil-Qorti ta' Milan talab li jingħata l-awtorizzazzjoni sabiex fi proċedimeti kriminali jsir użu minn konverżazzjonijiet telefoniċi "indiretti" bejn persuna li fuqha qed issir indaġni u l-ex-Membru Parlamentari Ewropew Massimo D'Alema.

Il-każ huwa l-proċediment kriminali 19195/2005 rigward l-attentat ta' teħid ta' kontroll tal-Banca Nazionale del Lavoro u li b'konnessjoni ma' dan il-fatt hemm grupp ta' persuni investigati u li tressqu quddiem il-ġustizzja akkużati b'suspett li kisru l-leġiżlazzjoni Taljana li permezz tagħha l-manipulazzjoni tas-suq u l-insider trading huma reati skont l-Artikoli 184 u 185 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru. 58 tal-1998 (Test Wieħed tal-Finanza) - il-każ qed ikun investigati u tressaq quddiem il-qorti.

Waqt l-investigazzjoni preliminari saru interċettazzjonijiet telefoniċi skont ir-regoli tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Taljan.

F'uħud minn dawn l-interċettazzjonijiet hemm konverżazzjonijiet bejn il-persuni investigati u xi membri parlamentari nazzjonali, fosthom l-Onorevoli Massimo D'Alema li dak iż-żmien kien Membru Parlamentari Ewropew. Għalhekk dawn huma interċettazzjonijiet indiretti tal-Parlamentari li jitħaddtu ma' utenti interċettati b'mod regolari.

L-Artikolu 4 tal-liġi 140/2003 jagħmel dispożizzjoni sabiex l-interċettazzjonijiet diretti fir-rigward ta' membru parlamentari nazzjonali jkunu awtorizzati minn qabel mill-Parlament Taljan.

F'dak li jirrigwarda l-interċettazzjonijiet indiretti skont l-Artikolu 6(3) tal-Att 140/2003, l-imħallef li jmexxi l-kumpilazzjoni jista' jordna li dawn jinqerdu, anki fuq talba tal-partijiet jew tal-membru parlamentari interessat, jekk iqis li mhumiex rilevati għall-proċess kriminali.

Fil-każ li fuq talba ta' wieħed mill-partijiet l-imħallef iqis li huma meħtieġa u l-użu tagħhom huwa rilevanti, huwa jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li minnha jagħmel parti, jew kien jagħmel parti, l-Membru Parlamentari, kif stipulat fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 6.

Fl-20 ta' Lulju 2007 l-imħallef li kien qed imexxi l-kumpilazzjoni, Clementina Forleo, talbet lill-Kamra tad-Deputati (fir-rigward tad-Deputati D'Alema, Fassino, Cicu) u lis-Sentat (għas-Senaturi La Torre u Comincioli) l-awtorizzazzjoni biex jintużaw l-interċettazzjonijiet imsemmija qabel.

F'Ottubru 2007 l-Kamra tad-Deputati għamlet dikjarazzjoni li hija mhix kompetenti fir-rigward tal-Onorevoli Massimo D'Alema u dan peress li fil-mument tal-konverżazzjonijiet interċettati huwa kien membru tal-Parlament Ewropew.

Fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta' Milan irrikorra quddiem il-Parlament Ewropew biex jitlob l-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-interċettazzjonijiet indiretti tal-Onorevoli Massimo D'Alema.

II. IL-LIĠI U KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-IMMUNITÀ TAD-DEPUTATI TAL-PARLAMENT EWROPEW

L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunità Ewropea (PPI)[1] jistipulaw:

Artikolu 9

"Il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom."

Artikolu 10

"Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu:

a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom,

b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

Bl-istess mod, l-immunità għandha tapplika għal Membri waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Ma tistax tingħata immunità meta xi Membru jinqabad fl-att ta' għemil ta' reat u dan m'għandhux jippreġudika d-dritt tal-Parlament Ewropew li jiritra l-immunità ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu.

2. Il-proċedura tal-Parlament Ewropew tinsab fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma:

Artikolu 6 - Revoka tal-immunità:

"1. Fit-twettiq tal-poteri tiegħu fil-qasam tal-privileġġi u l-immunità, il-Parlament prinċipalment ifittex li jżomm l-integrità tiegħu ta' assemblea leġiżlattiva demokratika u li jiggarantixxi l-indipendenza tal-membri tiegħu fit-twettiq ta' dmirijiethom.

3. 3. Kull talba indirizzata lill-President minn deputat jew ex deputat li l-għan tagħha huwa d-difiża tal-privileġġi u l-immunitajiet tiġi kkomunikata lill-Parlament waqt seduta plenarja u tingħadda lill-Kumitat kompetenti.

Artikolu 7 - Proċeduri fil-qasam tal-immunità:

"1. Il-Kumitat kompetenti jeżamina bla dewmien, u skont l-ordni li bih ġew preżentati, it-talbiet ta' revoka tal-immunità jew ta' difiża tal-immunità u l-privileġġi.

2. Il-Kumitat iressaq proposta ta' deċiżjoni li tkun limitata għal rakkomandazzjoni li t-talba ta' revoka tal-immunità jew ta' difiża tal-immunità u l-privileġġi tintlaqgħa jew tinċaħad.

3. Il-Kumitat jista' titlob lill-awtorità interessata biex tgħaddilu l-informazzjoni kollha u l-kjarifiki kollha li jqis meħtieġa biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-opportunità ta' revoka jew ta' difiża tal-immunità. Id-deputat involut jingħata ċ-ċans ta' smigħ; huwa jista' jippreżenta d-dokumenti kollha jew elementi oħra bil-miktub li huwa jqis rilevanti. Jista' jagħżel li jkun rappreżentat minn deputat ieħor.

4. Jekk it-talba tfittex li tneħħi l-immunità għal iktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew limitazzjoni tal-libertà jew minn kull miżura li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu. (…)

6. Fil-każijiet li jinvolvu d-difiża tal-privileġġi jew tal-immunitajiet, il-Kumitat għandu jindika jekk iċ-ċirkostanzi humiex xkiel ta' natura amministrattiva jew ta' natura oħra għall-libertà ta' moviment tad-deputati minn u lejn il-post fejn isiru l-laqgħat tal-Parlament jew għall-libertà ta' opinjoni kew ta' vot fit-twettiq tal-mandat tagħhom, jew inkella jekk huma parti integrali mill-aspetti tal-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunità li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u jfassal proposta biex jistieden lill-awtorità interessata biex tasal għall-konklużjonijiet xierqa. (…)"

L-Artikolu 68, l-ewwel u t-tieni inċiż, tal-Kostituzzjoni Taljana jistipula hekk:

Artikolu 68

"Il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jissejjħu biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar l-opinjonijiet espressi permezz tal-votazzjoni fit-twettiq ta' dmirijiethom.

Mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha jagħmel parti, l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jkun suġġett għal tiftix fuq il-persuna jew fil-post ta' residenza u lanqas jista' jkun arrestat jew b'kwalunkwe mod imċaħħad mil-libertà personali tiegħu, jew miżmum, salv waqt eżekuzzjoni ta' sentenza ta' ħtija li ma tistax tkun appellata, jiġifieri jekk jinqabad fl-att ta' għemil ta' reat li għalih huwa previst l-arrest obbligatorju.

Tintalab awtorizzazzjoni simili fil-każ li membri Parlamentari jkunu suġġetti għal interċettazzjoni ta' kwalunkwe tip tal-konverżazzjonijiet jew komunikazzjonijiet u l-qbid tal-korrispondenza."

ATT 20 ta' Ġunju 2003 Nru 140

(ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 142 tal-21 ta' Ġunju 2003)

DISPOŻIZZJONI GĦAT-TWETTIQ TAL-ARTIKOLU 68 TAL-KOSTITUZZJONI KIF UKOLL FIL-QASAM TAL-PROĊESSI KRIMINALI FIR-RIGWARD TAL-KARIGI GĦOLJA FL-ISTAT.

Art. 4.

1.  Meta jkun meħtieġ li fir-rigward ta' Membru Parlamentari jsir tiftix fuq il-persuna jew fir-residenza, spezzjonijiet personali, interċettazzjonijiet ta' kull għamla, ta' konverżazzjonijiet jew komunikazzjonijiet, qbid ta' korrispondenza jew il-kisba ta' listi ta' komunikazzjonijiet jiġifieri meta jkun meħtieġ li jsiru proċedimenti biex titneħħa l-libertà peronsali, biex ikun hemm eżekuzzjoni ta' miżura kawtelatorja peronsali li tobbliga jew tipprojbixxi jiġifieri l-eżekuzzjoni ta' miżura li toħloq obbligu u ta' kull dispożizzjoni oħra li tiċħad il-libertà personali, l-awtorità kompetenti titlob direttament l-awtorizzazjoni tal-Kamra li tagħha jagħmel parti l-Membru Parlamentari.

2.  L-awtorizzazzjoni tintalab lill-awtorità li tagħti l-ordni ta' eżekuzzjoni; sakemm tingħata l-awtorizzazzjoni l-eżekuzzjoni tal-ordni tibqa' sospiża.

3.  L-awrotizzazzjoni ma tintalabx jekk il-Membru Parlamentari jinqabad fl-att ta' għemil ta' reat li għalih hemm previst l-arrest obbligatorji jiġifieri l-eżekuzzjoni ta' sentenza finali ta' kundanna.

4.  Fil-każ ta' xoljiment tal-Kamra li tagħha l-Membru Parlamentari jagħmel parti, it-talba titlef is-saħħa tagħha hekk kif tibda' l-leġiżlatura suċċessiva u tista' tkun imġedda u preżenata lill-Kamra ta' kompetenza fil-bidu tal-istess leġiżlatura.

Art. 6. 

1. Lil hinn mill-ipoteżi maħsuba mill-Artikolu 4, l-imħallef li jmexxi l-kumpilazzjoni, anki fuq talba tal-partijiet, jiġifieri tal-Membru Parlamentari interessat u jekk iqis li huma irrilevanti, interament jew parzjlament, għall-għanijiet tal-proċeduri, il-verbali u r-reġistrazzjonjiet tal-konverżazzjonijiet jew komunikazzjonijiet interċettati f'kwalunkwe għamla waqt il-proċedimenti fir-rigward ta' terzi, u li fihom ħadu sehem Membri Parlamentari, jiġifieri l-listi tal-komunikazzjonijiet miksuba waqt l-istess proċedimenti, wara li jisma' l-partijiet u b'rispett tal-privatezza, jiddeċiedi in camera tal-Kunsill dwar il-qerda kompleta jiġifieri tal-partijiet meqjusa irrilevanti, skont l-Artikolu 269 inċiż 2 u 3 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali.

2. Fil-każ li fuq talba ta' waħda mill-partijiet, u wara li jisma' l-partijiet l-oħra skont u bil-metodu tal-Artikolu 268 inċiż 6 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, iqis li huwa meħtieġ li jintużaw l-interċettazzjonijiet jew il-listi ta' komunikazzjonijiet li fl-ewwel inċiż l-imħallef li jmexxi l-kumpilazzjoni jiddeċiedi b'digriet u jordna li fi żmien għaxart ijiem tingħata l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha l-Membru Parlamentari jagħmel parti jew kien jagħmel parti fil-mument li saru l-konverżazzjonijiet jew il-komunikazzjonijiet interċettati.

3.  It-talba għall-awtorizzazzjoni tigħadda direttament lill-Kamra ta' kompetenza. F'din it-talba l-imħallef li jmexxi l-kumpilazzjoni jsemmi l-fatt li minħabba fih qed isir il-proċediment, jindika l-Artikoli tal-liġi li allegatament inkisru u l-elementi li fuqhom hija msejsa t-talba. barra minn hekk jehmeż kopja kompluta tal-verbali, tar-reġistrazzjonijiet u tal-listi ta' komunikazzjonijiet.

4.  Fil-każ ta' xoljiment tal-Kamra li tagħha l-Membru Parlamentari jagħmel parti, it-talba titlef is-saħħa tagħha hekk kif tibda' l-leġiżlatura suċċessiva u tista' tkun imġedda u preżenata lill-Kamra ta' kompetenza fil-bidu tal-istess leġiżlatura.

5.  Jekk l-awtorizzazzjoni tinċaħad, id-dokumentazzjoni tal-interċettazzjonijiet tinqered immedjatament u f'kull każ mhux aktar tard minn għaxart ijiem mill-komunikazzjoni taċ-ċaħda.

6.  Il-verbali kollha, ir-reġistrazzjonijiet u l-listi ta' komunikazzjonijiet miksuba bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu dikjarati bla użu mill-imħallef f'kull stat u f'kull grad tal-proċess.

III.      ĠUSTIFIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

1) L-ewwelnett jaqbel li tkun eżaminata l-kompetenza tal-Parlament Ewropew fid-dawl tat-talba mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti ta' Milan.

Fil-każ ta' interċettazzjonijiet telefoniċi indiretti fir-rigward ta' deputat, l-Artikolu 6.2 tal-liġi Taljana Nru 140/2003 jistipula li: "fil-każ li fuq talba ta' waħda mill-partijiet, u wara li jisma' l-partijiet l-oħra skont u bil-metodu tal-Artikolu 268 inċiż 6 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, iqis li huwa meħtieġ li jintużaw l-interċettazzjonijiet jew il-listi ta' komunikazzjonijiet li fl-ewwel inċiż l-imħallef li jmexxi l-kumpilazzjoni jiddeċiedi b'digriet u jordna li fi żmien għaxart ijiem tingħata l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha l-Membru Parlamentari jagħmel parti jew kien jagħmel parti fil-mument li saru l-konverżazzjonijiet jew il-komunikazzjonijiet interċettati."

Jeħtieġ li ma jintnesiex li l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunità Ewropea (PPI) jistipula fost oħrajn li: "Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu: a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom (....)".

Fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, u fuq il-bażi tal-fatt li l-Onorevoli Massimo D'Alema kien deputat tal-Parlament Ewropew fiż-żmien li seħħu l-fatti, il-Parlament Ewropew għandu l-kompetenza fil-kwistjoni.

2) Skont l-Artikolu 6, li diġà ssemma, tal-liġi Taljana 140/2003, jekk tinftiehem sew, it-talba għandha tirrigwarda l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' elementi ta' prova allegati. Madankollu, skont l-istess Digriet tal-Imħallef li jmexxi l-Kumpilazzjoni l-għejun li ntużaw, diġà huma "biżżejjed biex isaħħu l-ipoteżi tal-akkuża fir-rigward ta' xi persuni li diġà qed jiġu investigati minnha", jiġifieri l-istess terzi interċettati - li tagħhom diġà sar ir-rinviju għas-sentenza u li l-proċeduri legali tagħhom diġà jinsabu f'fażi avvanzata.

Għalhekk, fid-dawl ta' dan, it-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika ta' Milan hija infondata.

3) Fil-każ li t-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika fit-Qorti ta' Milan titqies bħala "awtorizzazzjoni biex isiru proċedimenti" kontra l-Onorevoli Massimo D'Alema, wieħed jenfasizza li l-leġiżlazzjoni Taljana mill-1993 ma tagħmilx dispożizzjoni għal din l-istituzzjoni ġuridika u għalhekk f'dan il-każ it-talba tkun infondata.

IV.      KONKLUŻJONIJIET

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li m’għandux jawtorizza l-użu tal-interċettazzjonijiet telefoniċi konċernati u li m’għandux ineħħi l-immunità ta' Massimo D’Alema.

  • [1]  Il-protokolli relatati mat-Trattati jagħmlu parti mil-Liġi Komunitarja primarja u għandhom l-istess status ġuridiku bħat-Trattatil Is-sentenza mogħtija fil-qafas ta' każ marbut mar-responsabilità tal-uffiċjali komunitarji f'dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-proprjetà tispjega b'mod ċar li kull ksur tal-PPI huwa ekwivalenti għal ksur tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati (sentenza tal-24 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni kontra l-Belġju, Każ 260/86, ECR. 966).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.11.2008

 

 

 

Riżultati tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber