RAPPORT dwar l-adozzjoni ta' "Pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni" sabiex jonqsu l-effetti dejjem jiżdiedu tagħhom fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura
10.11.2008 - (2008/2177(INI))
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Heinz Kindermann
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-adozzjoni ta' "Pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni" sabiex jonqsu l-effetti dejjem jiżdiedu tagħhom fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra" (COM(2008)0187),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (id-'Direttiva dwar l-Għasafar')[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Komuni għas-Sajd ("Pjan Direzzjonali"), (COM(2002)0181),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar strateġija għal żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea (COM(2002)0511),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tas-27 u t-28 ta' Jannar 2003 "Agrikoltura u sajd",
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 1996 dwar il-problema tal-marguni fis-sajd Ewropej[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0434/2008),
A. billi l-istokkijiet tal-marguni (Phalacrocorax carbo) qed jiżdiedu sewwa fir-reġjun tal-Unjoni Ewropea, u l-popolazzjoni sħiħa tagħhom fl-aħħar 25 sena mmoltiplikat b'għoxrin darba fl-Ewropa u llum tgħodd mal-1.7 sa 1.8 mijun għasfur bl-istima l-aktar baxxa,
B. billi teżisti ħsara kostanti pprovata għall-impjanti tal-akwakultura u l-istokkijiet ta' ħafna speċi ta' ħut selvaġġ fl-ibħra interni u tul ix-xtut tal-baħar f'bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea,
C. billi l-implimentazzjoni ta' approċċ ekosistemiku għall-immaniġġjar taż-żoni tal-baħar u tal-kosta kif ukoll ibħra interni teħtieġ politika bbilanċjata, li tista' tiżgura bilanċ bejn l-għanijiet varji iżda kompletament leġittimi ta' użu sostenibbli tal-istokkkijiet tal-ħut: il-protezzjoni tal-għasafar u l-konservazzjoni ta' fawna varjata tal-għasafar u l-ħut minn naħa waħda, kif ukoll l-interess leġittimu tas-sajjieda u dawk li jkabbru l-ħut għall-użu ekonomiku tal-istokkijiet tal-ħut min-naħa l-oħra. barra minn hekk, billi r-Regolament (KE) Nru 1100/2007 tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea hija eżempju għal politika bbilanċjata bħal din[5],
D. wara li kkunsidra, barra minn hekk, li l-marguni f'ħafna Stati Membri tal-Unjoni bil-provi jagħmlu ħsara lill-veġetazzjoni f'ċerti reġjuni, li jkollha konsegwenzi għal żmien twil,
E. billi bħalissa fi ħdan l-UE kif ukoll fl-istati terzi kkonċernati ma teżisti l-ebda koordinazzjoni bilaterali jew multilaterali f'livell xjentifiku u amministrattiv, biex jiġi elaborat dan il-fenomenu u biex jittieħdu miżuri kontra dan l-iżvilupp, fuq kollox fir-rigward ta' ġbir ta' data affidabbli u rikonoxxut ġeneralment dwar il-popolazzjoni sħiħa ta' marguni fl-UE,
F. billi l-fatt li s-subspeċi Phalacrocorax carbo sinensis (margun kontinentali) kienet diġà fis-sena 1997 tneħħiet mil-lista ta' speċji ta' għasafar, li għalihom japplikaw miżuri speċjali ta' protezzjoni fir-rigward tal-ħabitat (Anness tad-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar), peress li din is-subspeċi l-aktar tard sal-1995 kienet laħqet "stat favorevoli ta' konservazzjoni" (Favourable Conservation Status), filwaqt li s-subspeċi Phalacrocorax carbo carbo (margun tal-Artlantiku), li qatt ma kien fil-periklu, lanqas biss kienet iddaħħlet f'din il-lista,
G. billi l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar tikkonċedi lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-possibilità li jieħdu miżuri temporanji biex jevitaw "ħsarat serji", sakemm dawn ma jipperikolawx l-għanijiet ta' protezzjoni tad-direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar (b'mod speċifiku: is-sitwazzjoni favorevoli ta' konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar);
H. billi l-periklu ta' ħsarat serji qed jiżdied b'mod sproporzjonat, aktar ma n-numru ta' marguni f'reġjun javviċina l-limitu ta' kapaċità (Carrying Capacity) tal-għadajjar kbar, fejn fl-istess ħin l-effettività ta' miżuri ta' prevenzjoni lokali qed tonqos sewwa,
I. billi fid-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar il-kunċett iddefinit b'mod mhux ċar tal-"ħsarat serji"[6], li jippermetti lill-Istati Membri interventi diretti biex jirregolaw il-popolazzjoni tal-għasafar, wasslet għal inċertezza legali kunsiderevoli fost l-amministrazzjoni nazzjonali u tippreżenta kunflitt soċjali sostanzjali;
J. billi l-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' esperti internazzjonali fir-rigward tal-problema tal-marguni fl-Ewropa huma kuntradittorji fil-bażi, kif juru r-rapporti finali ta' REDCAFE[7] kif ukoll FRAP[8] u EIFAC[9],
K. billi l-awtorizzazzjoni u l-iffinanzjar ta' miżuri biex jilqgħu għall-ħsarat mill-marguni ċertament hija sitwazzjoni tal-Istati Membri u/jew tar-reġjuni, li tista' tkun iggarantita biss, minħabba l-karatteristika tal-margun bħala għasfur tal-passa, permezz ta' mmaniġġjar sostenibbli tal-istokkijiet bis-saħħa ta' proċeduri kkordinati tal-Istati Membri u r-reġjuni milquta bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea,
L. billi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija għal żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea, fis-sezzjoni dwar id-deċimazzjoni minn speċji protetti, jingħad li l-istokkijiet fl-impjanti tal-akkwakultura jistgħu ikunu deċimati minn ċerti speċji protetti ta' għasafar u mammiferi li jgħixu selvaġġi, li min-naħa tiegħu jista' jipperikola l-profitabilità tal-impriża tal-akkwakultura b'mod kunsiderevoli. Huwa diffiċli li jiġu missielta dawn il-predaturi, b'mod partikolari fil-każ ta' għadajjar kbar jew laguni. L-effettività ta' metodi ta' deterrenti hija dubjuża peress li l-predaturi malajr jidrawhom. Fil-każ ta' marguni l-uniku ħarsien għas-sajd u l-akkwaklutura huwa possibiliment fl-immaniġġjar ta' popolazzjonijiet dejjem jiżdiedu,
M. billi l-Kunsill fil-Laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta' Jannar 2003, fir-rigward tal-istrateġija għal żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea, talab għall-iżvilupp ta' strateġija fir-rigward ta' annimali li jieklu l-ħut (pereżempju l-kormorani),
N. billi l-Kummissjoni reċentement qassmet il-"Guidelines for Population Level Management Plans for Large Carnivores"[10], partikolarment fir-rigward tal-kjarifika tal-kunċetti: "Favourable Conservation Status" u "Minimum Viable Population" kif ukoll fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-għanijiet ta' ħarsien jistgħu jintlaħqu aktar faċilment jekk l-ammont ta' individwi ta' speċi partikolari jinżamm taħt il-kapaċità massima teoretika ta' żona,
O. billi l-miżuri varji nazzjonali, reġjonali u lokali li ttieħdu s'issa bil-provi għandhom effett limitat ħafna biex jikkontrollaw il-ħsarat li għamlu l-popolazzjonijiet tal-marguni,
P. billi fl-aħħar snin il-fondi disponibbli għall-ġbir ta' data fis-settur tas-sajd ma ġewx użati kompletament (p.e, il-linja tal-baġit 11 07 02: Appoġġ għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut (titjib tal-parir xjentifiku),
Q. billi r-regolamenti ta' deroga li nħarġu s'issa fi kważi l-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 9 tad-direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar għall-prevenzjoni tal-ħsarat lokali ma wasslux biex ittaffiet il-problema b'mod sostenibbli minkejja l-isforz amministrattiv kbir u l-konsegwenzi soċjali sostanzjali,
R. billi l-Kummissjoni, minkejja talbiet ripetuti minn dawk milquta (fis-settur tas-sajd, l-għaqdied tas-sajjieda, l-impjanti tal-akkwakulrtura), mix-xjenza, kif ukoll mill-konferenzi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-reġjuni, ma kinitx lesta tfassal proposti ġodda għas-soluzzjoni tal-problema madwar l-Ewropa kollha,
1. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, permezz tal-promozzjoni ta' ġbir regolari ta' data xjentifika, jagħmlu disponibbli materjal ta' data affidabbli u ġeneralment rikonoxxut dwar il-popolazzjoni sħiħa u l-istruttura kif ukoll il-parametri tal-fertilità u l-mortalità fost l-istokkijiet tal-marguni fl-Ewropa;
2. Jipproponi, permezz ta' monitoraġġ tal-istokkijiet tal-marguni appoġġjat b'mod sistematiku mill-UE u mill-Istati Membri, li tiġi elaborata bażi ta' data affidabbli u rikonoxxuta ġeneralment, dwar l-iżvilupp, l-ammont u d-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet tal-marguni fl-Ewropa, b'involviment mill-qrib min-naħa tal-istituti għar-riċerka dwar is-sajd u l-awtoritajiet tas-sajd;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tfassal u tiffinanzja proġett xjentifiku, li fuq il-bażi tad-data dwar il-popolazzjoni tal-għasafar li jbejtu, il-fertilità u l-mortalità jkun jista' jagħti mudell biex issir stima tal-kobor u l-istruttura tal-popolazzjoni sħiħa tal-marguni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu rekwiżiti xierqa għall-iskambju bilaterali u multilaterali f'livell xjentifiku u amministrattiv, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma' stati terzi, filwaqt li jiġu identifikati l-oriġini tar-riżultati, tal-komunikazzjonijiet, tal-kontribuzzjonijiet jew tal-pubblikazzjonijiet, u partikolarment tal-istatistika, b'tali mod li jagħmluha ċara jekk ikunux ġejjin minn sorsi akkademiċi jew uffiċjali jew minn assoċjazzjonijiet, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet għall-konservazzjoni tan-natura u tal-għasafar;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex il-konklużjonijiet kuntradittorji dwar pjan ta' mmaniġġjar għall-marguni li ħarġu REDCAFE minn naħa waħda u FRAP u EIFAC min-naħa l-oħra jkunu sottoposti għal evalwazzjoni komparattiva;
6. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma, li jkun ibbilanċjat tajjeb skond il-mod kif il-membri jkunu effettwati, bil-mandat obbligatorju li fi żmien sena jagħmel analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji b'mod sistematiku tal-azzjonijiet possibbli dwar l-immaniġġjar tal-marguni fuq livell tal-Istati Membri biex jevalwa l-possibilità tagħhom skont kriterji loġiċi u xjentifiċi u jagħmel rakkomandazzjoni;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' mmaniġġjar tal-istokkijiet tal-marguni kkordinat mal-Ewropa u bi stadji differenti, li jintegra l-istokkijiet tal-marguni fuq perjodu ta' żmien twil fl-ambjent agrikolu mingħajr ma jipperikola l-għanijiet tad-direttiva dwar l-għasafar u Natura 200 fil-qasam tal-ispeċji tal-ħut u l-ekosistemi tal-ibħra;
8. Jitlob lill-Kummissjoni bil-qawwa biex, fl-interess sikurezza legali akbar u ta' interpretazzjoni uniformi, tiddefinixxi immedjatament b'mod ċar il-kunċett ta' "ħsarat serji", kif ġie introdott fl-Artikolu 8 paragrafu 1 a inciż 2 tad-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar, bl-iskop ta' interpretazzjoni uniformi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tipprovdi gwida aktar ġeneralizzata dwar in-natura tad-derogi permessi skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Għasafar, inkluża kjarifika aqwa tat-terminoloġija fejn jidher li jista' jkun hemm xi ambigwità;
10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-qawwa biex jippromwovu mmaniġġjar sostenibbli tal-istokkijiet tal-marguni permezz ta' koordinazzjoni, kooperazzjoni u komunikazzjoni msaħħa fuq livell ta' amministrazzjoni, kif ukoll biex joħolqu rekwiżiti xierqa għall-elaborazzjoni ta' pjan ta' mmaniġġjar tal-istokkijiet tal-marguni madwar l-Ewropa kollha;
11. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-mezzi legali disponibbli biex tnaqqas l-impatt negattiv tal-istokkijiet tal-marguni fuq is-sajd u l-akkwakultura u biex tikkunsidra, fl-elaborazzjoni ulterjuri tal-inizjattiva tagħha għall-promozzjoni tal-akkwakultura fl-Ewropa, l-effetti pożittivi ta' pjan għall-immaniġġjar tal-istokkijiet tal-marguni fl-Ewropa u jekk ikun meħtieġ, f'dan il-kuntest, tippreżenta proposti għas-soluzzjoni tal-problema tal-marguni;
12. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-fondi fil-pjan tal-baġit tal-UE disponibbli għall-ġbir ta' data fis-settur tas-sajd, b'mod partikolari taħt il-linja tal-baġit 11 07 02: Appoġġ għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut (titjib tal-parir xjentifiku), anki għall-ġbir, għall-analiżi u għat-tbassir tal-istokkijiet tal-marguni fir-reġjun tal-Unjoni Ewropea bħala preparazzjoni għal monitoraġġ regolari fil-ġejjieni ta' dan it-tip ta' għasfur;
13. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 50.
- [2] ĠU C 103, 25.4.1979, p. 1.
- [3] ĠU C 65, 4.3.1996, p. 141.
- [4] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
- [5] ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17.
- [6] Artikolu 9, paragrafu 1, punt a, inċiż 2
- [7] REDCAFE (Reducing the Conflict between Cormorants and Fisheries on a Pan-European Scale) huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni fil-5 Programm ta' qafas għar-Riċerka u l-iżvilupp , li ġie konkluż fl-2005;
- [8] FRAP (Framework for Biodiversity Reconciliation Action Plans) huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni fil-5 Programm ta' qafas għar-Riċerka u l-iżvilupp , li ġie konkluż fl-2006;
- [9] EIFAC (European Inland Fisheries Advisory Commission) huwa konferenza reġjonali ta' konsulenti dwar is-sajd tal-FAO għall-qasam tas-sajd fl-ibħra interni u l-akkwakultura,
- [10] Ara: http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/carnivores/index_en.htm.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-marguni (Phalacrocorax) huma speċi li ġejja mill-ordni tal-pelekaniformi (Pelecaniformes). Dawn huma għasafar tal-ilma ta' daqs medju sa daqs kbir, li jbejtu f'kolonji u huma mferrxin mad-dinja kollha[1]. L-ispeċi tal-margun l-aktar imferrxa mal-Ewropa hija l-margun Phalacrocorax carbo, biż-żewġ subspeċi Phalacrocorax carbo carbo (margun tal-Atlantiku) u Phalacrocorax carbo sinensis (margun kontinentali) li bil-kemm jintgħarfu minn xulxin. Huma nattivi tal-Ewropa. Tista' ssibhom kemm mal-kosta kif ukoll f'ibħra interni. Fl-ibħra interni jippreferu lagi kbar, iżda għall-kaċċa jtiru anki lejn xmajjar iżgħar fuq muntanji baxxi. Il-marguni huma parzjalment migratorji u wara l-istaġun li fih ibejtu jibdew vjaġġi xi ftit jew wisq twal. Il-marguni taz-zoni kesħin/moderati tal-emisferu ta' fuq aktarx li spiss ipassu fix-xitwa lejn in-nofsinhar għal mijiet ta' kilometri.
Il-marguni jieklu eslussivament il-ħut u jeħtieġu 400-600 g ħut kuljum. Il-marguni huma "opportunisiti" għall-ikel, jiġifieri m'għandhomx preferenzi għal tipi partikolari ta' ħut iżda jieklu ħut li faċilment jaqbdu fl-ilma fejn ikunu qegħdin. L-aktar jaqbdu ħut bejn 10 u 25 cm tul, iżda anki ħut ta' 60 cm u ta' 1 kg jistgħu jinqabdu minnhom.
Biex jikkaċċjaw, il-marguni jinżlu vertikalment l-isfel ġol-ilma u attivament isegwu l-priża tagħhom, jaqbduha bil-munqar u jtellgħuha fuq wiċċ il-baħar. Bħala għasafar li tipikament jgħixu f'kolonji, il-marguni l-biċċa l-kbira jtiru lejn l-ibħra fi kwantitajiet kbar. Normalment kull għasfur imbagħad jikkaċċja għalih waħdu. Spiss, kull għasfur jikkaċċja għalih waħdu, iżda anki fi gruppi ta' 25 sa bosta mijiet ta' għasafar, li l-ewwel ħaġa jiċċirkondaw il-ħut, bir-riżultat li f'ċerti ibħra partikolari fi żmien relattivament qasir tittiekel perċentwali għolja tal-istokk ta' ħut f'dak il-baħar. Peress li l-marguni bħala għasafar kbar li jgħixu ħafna jibdew ibejtu ta' 3 sa 5 snin, il-popolazzjoni totali tagħhom fl-Ewropa aktarx li (mill-inqas) tlaħħaq 1.7 sa 1.8 miljun għasfur[2].
Fost affarijiet oħra d-Direttiva adottata fl-1979 dwar il-ħarsien tal-għasafar (79/409/KEE) kif ukoll il-miżuri derivati minnha għall-protezzjoni tal-postijiet fejn ibejtu wasslet għal żieda sproporzjonata tal-popolazzjoni tal-marguni, li sadanittant issetiljaw f'reġjuni ferm 'il barra mill-postijiet fejn normalment ibejtu, postijiet li qabel ma kinux jinsabu fihom. Dan l-istokk kbir iż-żejjed wassal għal impatt dirett f'bosta zoni tal-Unjoni Ewropea fuq il-popolazzjoni lokali tal-ħut u/jew fuq is-sajd, u b'hekk il-preżenza tal-marguni saret problema madwar l-Ewropa kollha.
Biex wieħed jifhem aħjar il-problema tal-ammont ta' ħut fil-kosti u fl-ilmijiet interni għandu jiġi enfasizzat li l-marguni jieħdu minn 400 sa 600 g ħut kuljum għall-ikel tagħhom li jfisser 300,000 t ħut mill-ibħra Ewropej. F'bosta Stati Membri din hija ħafna ikbar minn dak li jiġi prodott mis-sajd professjonali fl-ibħra interni u mit-tkabbir tal-ħut għall-ikel. 300,000 t per eżempju jammontaw għal aktar mill-produzzjoni tal-akkwakultura ta' Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka lkoll flimkien.
Partikolarment serju huwa t-telf ta' speċji ta' ħut li huma fil-periklu bħas-sallura, il-greyling (thymallus), in-nase (Chondrostoma nasus) u oħrajn li jbidu fuq iż-żrar, kif ukoll is-salamuni żgħar (smolts). Is-sajd bix-xbieki mhux biss qed ibati minn anqas possibilitajiet ta' qbid ta' ħut, iżda wkoll minn ħsarat diretti bit-tqattigħ tax-xbieki.
S'issa għadu ma kienx hemm koordinazzjoni ta' miżuri bħal dawn u/jew armonizzazzjoni tal-bażijiet legali nazzjonali mal-UE kollha f'dan il-qasam. Tnejn mill-proġett ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea fil-5 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp[3], FRAP (ikkompletat fl-2006) u REDCAFE (ikkompletat fl-2005) ikkonċernaw fost affarijiet oħra l-konflitt ta' interessi bejn it-tkabbir tal-ħut u l-ħarsien tal-għasafar fil-każ tal-marguni, li waslu għal konklużjonijiet differenti.
Fil-livell internazzjonali, il-każ tal-marguni kien diġà ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv tal-Konvenzjoni ta' Bonn[4], bir-rakkomandazzjoni li jinħadem pjan ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni, li madanakollu fiż-żmien ta' wara ma rriżultax f'miżuri konkreti.
Pożizzjonijiet uffiċjali fil-livell tal-UE għal strateġija komuni biex tiġi solvuta l-problema tal-marguni ilhom jeżistu mill-1996[5]. Reċentement saru talbiet konkreti għal pjan Ewropew ta' kontroll tal-marguni mill-Konferenza ta' Bonn tal-EIFAC[6] (European Inland Fisheries Advisory Commission tal-FAO) f'Novembru 2007. L-ACFA (Advisory Committee on Fisheries and Aquaculture) esprima ruħu wkoll kemm-il darba favur pjan bħal dan[7].
Il-miżuri li ġew permessi f'Stati Membri individwali s'issa mmiraw kważi għal kollox biss biex il-marguni jinżammu milli jersqu lejn ċerti ibħra jew li jiġu mkeċċijin, jiġifieri jiġu mdawwra lejn ibħra oħra fejn il-periklu ta' ħsara jkun iżgħar.
Mill-ħafna metodi użati l-aktar waħda effettiva kienet is-sovratensjoni tal-għadajjar żgħar. F'għadajjar pjuttost kbar u f'ibħra miftuħa fejn is-sovratensjoni mhijiex prattikabbli, il-miżuri kienu l-aktar effettivi meta l-impatt ta' tkeċċija kien megħjun b'tiri individwali[8]. L-effettività ta' metodi ta' tkeċċija madankollu, apparti l-isforz kbir li jsir, hija limitata minħabba l-fatt li hija tiffunzjona meta l-ammont totali tal-għasafar fir-reġjun ikun relattivament baxx, sabiex huma jsibu biżżejjed ikel f'ibħra oħra li jinsabu viċin.
Miżuri u interventi fil-kolonji tal-għasafar ibejtu ġew permessi s'issa fi ftit Stati Membri u fejn saru, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, f'każijiet individwali.
Tnaqqis fin-numru ta' postijiet fejn ibejtu s'issa kien l-uniku fattur li seta' jżomm lill-marguni milli jinfirxu fuq medda ta' żmien twil. Miżuri oħra għad-dispożizzjoni, bħall-qerda tal-postijiet fejn ibejtu, azzjonijiet li jiddisturbawhom waqt l-istaġun li fih ibejtu jew tbexxix tal-bajd biż-żejt kienu jinvolvu wisq xogħol u spejjeż għal diversi raġunijiet jew kienu politikament kontroversjali biex jiġu applikati b'mod sistematiku.
Is-sitwazzjoni legali
Il-margun huwa speċi ta' għasfur li jikber fin-natura ħielsa u għalhekk huwa kopert mid-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill tat-2 ta' April 1979 dwar il-ħarsien tal-ispeċji li jgħixu salvaġġi[9]. Kuntrarju għas-subspeċi Phalacrocorax carbo carbo (margun tal-Atlantiku), is-subspeċi Phalacrocorax carbo sinensis oriġinarjament kienet elenkata fil-lista tal-Anness I li għalihom japplikaw miżuri speċjali ta' protezzjoni. Fis-sena 1997 madanakollu tneħħiet minn fuq il-lista, peress li l-aktar tard sa mill-1995 l-ammont ta' stokkijiet ta' din is-subspeċi ma wriex aktar sitwazzjoni ħażina.
Peress li l-margun mhuwiex elenkat fil-lista ta' speċji fid-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-għasafar li ma jistgħux jiġu kkaċċjati (Annessi II 1 u II 2), il-kaċċa regolari hija impossibbli. L-ispeċi tal-għasfur, bħall-għasafar l-oħra kollha li jikbru fin-natura ħielsa, bħala regola, tgawdi kważi minn protezzjoni sħiħa, jiġifieri permezz tal-projbizzjoni tal-qbid jew tal-insib intenzjonat, il-ħsara jew il-qerda tal-bejtiet u l-bajd b'intenzjoni kif ukoll il-fatt li jiġu disturbati partikolarment fiż-żmien li l-għasafar ikunu fil-bejta.
L-Istati Membri jistgħu madanakollu, skont id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-għasafar[10], "biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u ta’ l-ilma", jew "għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna", jidderogaw minn dawn il-miżuri stretti ta' protezzjoni, sakemm ma tkunx teżisti soluzzjoni oħra soddisfaċenti. Biex tiġi approvata eċċezzjoni bħal din għandhom jiġu ppreżentati provi ffondati tajjeb li teżisti theddida ta' "ħsara serja"[11].
Fin-nuqqas ta' provi definittivi għal ħsara fuq zoni tas-sajd u annimali u pjanti salvaġġi, li jistgħu jiġġustifikaw deroga, azzjonijiet bħal dawn imorru kontra d-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-għasafar. Il-kunċett ta' "ħsara serja" kkawżata minn għasfur ta' dan it-tip fil-prattika jidher li jista' jiġi interpretat b'mod differenti u jeħtieġ definizzjoni aktar ċara. L-Istati Membri u/jew ir-reġjuni tagħhom huma għalhekk responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta' miżuri lokali u/jew reġjonali biex jirristrinġu l-ħsara kkawżata mill-marguni.
Fl-aħħar snin kien hemm diversi eżempji għal dan il-għan limitati fiż-żmien jew fl-ispazju: p.e. permessi biex jiġu sparati tiri f'ċerti zoni (l-Iżvezja, il-Polonja, l-Italja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija), għal żmien determinat (ir-Rumanija, l-Estonja) jew għal kwoti stabbiliti (Franza, ir-Renju Unit, is-Slovenja) kif ukoll, f'ċerti każi, permessi ta' interventi f'kolonji fejn ibejtu (twaqqigħ ta' siġar fejn ibejtu, sterilizzazzjoni tal-bajd). F'uħud mill-Istati Membri li huma wkoll zoni importanti fejn ibejtu l-għasafar (p.e. l-Olanda, il-Finlandja u l-Belġju) ma huma permessi l-ebda miżuri kontra l-marguni, anki jekk il-ħsara tkun evidenti.
Ir-rapporteur huwa tal-fehma li, għalkemm ir-responsabilità primarja f'dan il-qasam hija tal-Istati Membri u l-istrutturi li jaqgħu taħthom, bil-provi miżuri meħuda lokalment u/jew miżuri nazzjonali mhumiex kapaċi jnaqqsu l-effett tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut u s-sajd fl-Ewropa b'mod sostenibbli. Approċċ komuni li jorbot legalment, li jiġi aċċettat u implimentat madwar l-Ewropa, għalhekk mhux biss jintlaqa' b'sodisfazzjon, iżda huwa assolutament neċessarju, u jiggarantixxi mhux l-inqas lill-gruppi kollha interessati aktar sikurezza legali.
Anki fil-kunsiderazzjoni tal-mobilità kbira tal-marguni bħala l-għasafar tal-passa, pjan ta' azzjoni ta' mmaniġġjar koordinat mal-Ewropa kollha jidher li huwa l-uniku approċċ li jwassal xi mkien, li bl-ebda mod ma għandu jidher li jikkontradiċi l-għanijiet tad-Direttiva ta' l-1979 dwar il-protezzjoni tal-għasafar. Pjan bħal dan jiggarantixxi ovvjament l-għanijiet ċentrali tal-protezzjoni ta' din id-direttiva, b'mod partikolari l-"istat ta' konservazzjoni" tal-ispeċi tal-għasfur. L-għan mhuwiex ir-regolazzjoni tal-popolazzjoni tal-marguni bħala skop fih innifsu, iżda bilanċ bejn għanijiet differenti iżda kompletament leġittimi, fis-sens tal-użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut: il-protezzjoni tal-għasafar u l-konservazzjoni ta' fawna varjata tal-għasafar u l-ħut, kif ukoll l-interess leġittimu tas-sajjieda u dawk li jkabbru l-ħut għall-użu ekonomiku tal-istokkijiet tal-ħut.
Għal dan il-għan hija meħtieġa dejta affidabbli dwar il-popolazzjonijiet reali tal-marguni, peress li d-dejta disponibbli s'issa mhux biss hija tvarja sew, iżda spiss hija wkoll ibbażata fuq informazzjoni differenti (subspeċji, limiti ġeografiċi differenti, popolazzjonijiet li jkunu qed ibejtu, eċċ.).
- [1] Il-marguni għandhom zoni kbar fejn jinferrxu madwar il-kontinenti kollha minbarra fl-Antartika, iżda huma nieqsa mir-reġjuni kbar u niexfa tal-Asja Ċentrali, l-Amerika ta' Fuq u l-Afrika, minħabba n-nuqqas ta' ilma, peress li jieklu esklussivament ħut.
- [2] Iċ-ċifri jirreferu għat-tliet gruppi ta' popolazzjoni phalocrocorax carbo carbo (in-Norveġja, il-Gżejjer Brittaniċi, il-punent ta' Franza: żieda moderata minn 30,000 għal 39,000 par li jbejtu), il-popolazzjoni tal-phalacrocorax carbo sinensis tal-punent ta' l-Ewropa (żieda ta' 5000 għal 136,000 par li jbejtu) u popolazzjoni ta' sinensis tal-lvant ta' l-Ewropa (zoni prinċipali ta' distribuzzjoni: ir-reġjun tad-Danubju, il-Baħar l-Iswed, l-Ukrajna: żieda minn 5000 għal 113,000 par li jbejtu). Bħala regola ta' stima tal-popolazzjoni kollha tista' tintuża l-formula 'Numru ta' l-għasafar li jbejtu x fattur 2,8' (Suter 1995). Ammont simili jirriżulta wkoll fl-istima ta' għasafar ta' l-istess età li ma jbejtux.
- [3] Ara: www.frap-project.net und www.intercafeproject.net: INTERCAFE, iffinanzjat fil-qafas tal-programm COST bħala programm sussegwenti għal REDCAFE, skont il-previżjoni għandu jiġi kkompletat fil-ħarifa 2008.
- [4] Il-Konservazzjoni tal-Ispeċji Migratorji ta' Annimali Salvaġġi (CMS); Ara: www.cms.int.
- [5] Ara r-Riżoluzzjoni tal-PE B4-0138/96 kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-sajd tat-28.1.2003
- [6] Ara: ftp://ftp.fao.org/docrep/fao/010/i0210e/i0210e00.pdf
- [7] Ara: http://ec.europa.eu/fisheries/dialog/acfa090408_en.pdf
- [8] Ir-reġjun tal-Bavarja approva bejn l-1996 u l-2002 il-qtil ta' madwar 23,000 margun b'tiri, Franza madwar 30,000 bejn l-2003 u l-2004, mingħajr effetti sinifikattivi fuq in-numru ta' marguni li jgħaddu x-xitwa fir-reġjun.
- [9] Ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali C 103, 25.4.1979.
- [10] Ara l-Artikolu 9 (1)(a), it-tieni u t-tielet premessa.
- [11] Il-preżentazzjoni ta' "provi xjentifiċi" għal ħsara li tkun saret spiss tintalab iżda mhijiex meħtieġa f'kull każ indivdwali, u qatt meta l-ħsara tkun diġà saret. Indikaturi plawsibbli, skont id-direttiva, ikunu biżżejjed li juru li l-periklu jeżisti. Madanakollu, l-evalwazzjoni tar-raġunijiet tinsab f'idejn l-awtoritajiet kompetenti.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
5.11.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 3 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Iles Braghetto, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Avril Doyle, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Hélène Goudin, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Marianne Mikko, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Maria Grazia Pagano, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Cornelis Visser |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marie-Hélène Descamps, Michl Ebner, Véronique Mathieu, Josu Ortuondo Larrea, Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise |
|||||