RAPPORT dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR

11.11.2008 - (2008/2157(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Javier Moreno Sánchez

Proċedura : 2008/2157(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0437/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR

(2008/2157(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem "Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur ta' l-Aġenzija FRONTEX" (COM(2008)0067),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem "Eżaminazzjoni dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR)" (COM(2008)0068),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem "It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea" (COM(2008)0069),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, li ntlaħaq qbil dwaru mis-27 Stat Membru f’Pariġi nhar is-7 ta' Lulju 2008 u li ġie approvat matul il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 dwar "Approċċ Globali għall-Migrazzjoni: il-prijoritajiet tal-azzjoni ċċentrati fuq l-Afrika u l-Mediterran", li wieħed isib fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar il-prijoritajiet politiċi fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0437/2008),

A. billi l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u, b’mod speċifiku ħafna, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri kollha tal-Unjoni għandhom iseħħu fil-qafas ta’ approċċ globali u armonizzat tal-fenomeni migratorji, inklużi wkoll l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni legali, l-integrazzjoni tal-immigranti legali u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu,

B.  billi l-isfida tal-immigrazzjoni illegali hija sfida Ewropea komuni u għalhekk teħtieġ li tiġi implimentata politika Ewropea komuni fil-materja,

C. billi dawn il-fenomeni migratorji se jdumu sakemm idumu d-differenzi fl-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tad-dinja, u f’dan ir-rigward jaqbel li l-ġestjoni tal-flussi migratorji tkun organizzata f’sinerġija mal-politiki ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi,

D. iwissi li l-FRONTEX mhijiex soluzzjoni għall-problemi kollha kkawżati mill-migrazzjoni illegali,

E.  billi s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija element dinamiku fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li ħdejha għandu jkun hemm il-politiki ripressivi komplementari maħsuba biex jużaw is-sors kollu tagħha, bħall-ġlieda kontra l-impjiegi illegali, b’mod partikulari bl-għajnuna tal-adozzjoni tad-direttiva li tipprevedi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi b’residenza irregolari, u kontra n-netwerks ta’ traffikanti li jagħmlu parti mill-kriminalità organizzata,

F.  billi hemm rata għolja ta’ mortalità annessa mal-immigrazzjoni illegali u għandhom bżonn isiru kampanji ta' informazzjoni, bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-oriġini u t-tranżitu, fuq ir-riskji u l-konsegwenzi fatali ta’ din it-tip ta’ immigrazzjoni,

G. billi, anke jekk il-kontroll tal-fruntieri jaqa’ skont ir-responsabilità ta’ kull Stat Membru għall-parti tal-fruntiera li tkun tiegħu, il-pressjoni migratorja li hemm fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea trid li jiġi żviluppat u organizzat spirtu ta’ responsabilità kondiviża u ta’ solidarjetà obbligatorja bejn l-Istati Membri, b’tali mod li jkun iffaċilitat li r-riżorsi materjali u umani li jistgħu jiġu mobilizzati jitpoġġew għad-dispożizzjoni komuni fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu,

H. billi l-għan għal żmien fit-tul ta’ dawn l-istrumenti (il-FRONTEX, l-EUROSUR, is-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), is-sistema ta’ dħul u ħruġ jew il-Fast Track) huwa t-twaqqif gradwali ta’ sistema integrata tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri,

I.   filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel riżultati kwantifikabbli tal-Aġenzija FRONTEX mit-tnedija operattiva tagħha f’Ottubru 2005, u d-determinazzjoni neċessarja ta’ strateġija għal żmien medju u fit-tul li ssir indispensabbli f’dan l-istadju tal-iżvilupp tagħha,

J.   billi l-aġenzija FRONTEX hija korp Komunitarju tal-ewwel pilastru suġġetta għal skrutinju demokratiku sħiħ u toqgħod għall-prinċipju tat-trasparenza u li, għalhekk, għandha l-obbligu li tħares u tippromwovi l-valuri fundamentali tal-Unjoni,

K. billi l-operazzjonijiet ta’ koordinazzjoni mmexxija mill-FRONTEX fil-qasam tal-informazzjoni huma bbażati fuq l-analiżi tar-riskji u l-evalwazzjonijiet tat-theddid magħmula b'kunfidenzjalità,

L.  billi din l-istrateġija ta' żvilupp tal-FRONTEX għandha preċiżament taħtaf l-okkażjoni biex tittestja l-vijabilità tal-prinċipju ta’ “solidarjetà obbligatorja” bejn l-Istati Membri (prinċipju li diġà saret enfasi fuqu fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 863/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (is-sistema RABIT - Rapid Border Intervention Teams) li jikkoordina l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni rapida tal-Unjoni f'każijiet ta' urġenza) sabiex jintgħażel il-modus operandi rilevanti biex jiggarantixxi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bla kundizzjonijiet ir-riżorsi materjali (imniżżla fir-repertorju ċentralizzat tat-tagħmir tekniku (CRATE - Centralised Records of Available Technical Equipment) u ta' riżorsi umani meħtieġa għall-azzjoni effikaċi tal-Aġenzija,

M. billi l-Parlament appoġġja b’mod konsistenti lill-Aġenzija u approva li jiżdied il-baġit tagħha b’mod sinifikanti sabiex tkun tista' tiddisponi minn riżorsi finanzjarji biex twettaq il-missjoni tagħha,

N. billi l-Aġenzija nediet missjonijiet 'il barra mill-kosta ta’ Stati Membri tan-nofsinhar, li s-suċċess tagħhom varja skont il-livell ta’ kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi li minnhom jitilqu l-immigranti; billi l-missjoni Hera, imnedija 'l barra mill-Gżejjer Kanarji, kienet ta’ suċċess u wasslet għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ wasliet, madankollu l-missjoni Nautilus, imnedija fil-Mediterran ċentrali, ma kinitx effikaċi billi l-għadd ta’ wasliet żdied flok naqas,

O. billi l-missjonijiet marittimi mwaqqfa fuq bażi permanenti jridu jagħmlu għassa kontinwa fis-slaleb it-toroq tal-immigrazzjoni fir-reġjuni marittimi tan-nofsinhar,

P.  billi kull azzjoni żviluppata mill-Aġenzija għandha f'kull każ tibqa' konformi mal-istandards tal-liġi internazzjonali, b'mod partikulari dawk li japplikaw għal-liġi marittima u għad-drittijiet tal-bniedem, għad-dinjità tal-persuna umana u għar-refuġjati, b'mod partikulari għad-dritt tal-ażil u għall-prinċipju ta' non-refoulement (li ma jintbagħtux lura),

Q. billi l-Aġenzija għandha tinkorpora fl-azzjonijiet kollha tagħha l-ħtieġa li jittieħdu l-prekawzjonijiet u l-mezzi neċessarji kollha rigward il-persuni l-iktar vulnerabbli, in-nisa, u b'mod partikulari n-nisa tqal, it-tfal, b'mod speċjali l-minorenni mhux akkumpanjati, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jew maħkuma minn mard serju,

R.  billi d-dimensjoni umanitarja tal-azzjoni tal-FRONTEX għandha tkun ikkonfrontata minn sigurtà ġuridika massima, kemm fil-qasam tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jkollha twettaq kif ukoll f'dak tal-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn li jkollha tieħu sehem fihom,

S.  billi, minħabba s-suċċess tagħhom, l-operazzjonijiet ta’ taħriġ tal-istaff speċjalizzat involut fl-iffunzjonar tal-FRONTEX jistħoqqilhom li jkomplu u, b'mod partikulari, għandhom jiġu estiżi għall-istaff tal-pajjiżi terzi li ta’ kuljum jintalab jikkopera mal-FRONTEX sabiex jitħarreġ fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u l-irkupru ta' katavri fil-każ tal-għarqa ta' vapur,

T.  billi l-kontrolli fuq il-fruntiera ma jiffokawx biss fuq il-qsim tal-fruntiera mingħajr awtorizzazzjoni, iżda wkoll fuq aspetti oħra ta’ kriminalità transkonfinali, bħat-traffikar tan-nies, it-traffikar tad-drogi jew il-kummerċ illegali tal-armi, u għalhekk jgħinu sabiex tiżdied is-sigurtà interna b'mod ġenerali,

U. billi l-azzjoni tal-FRONTEX ma tistax tkun effikaċi mingħajr politika Ewropea ta’ ġestjoni tal-fruntieri li tinkorpora s-sistemi ġodda Ewropej ta’ kontroll tal-fruntieri proposti, bħas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), is-sistema ta’ reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ, jew il-Fast Track,

1.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-isfida tal-migrazzjoni permezz ta’ approċċ globali li javvanza bl-istess enerġija t-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri tal-Unjoni, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina u r-ritorn tal-barranin f’sitwazzjoni irregolari fil-pajjiż tagħhom, il-ġlieda kontra l-impjieg illegali u t-trattament tal-bnedmin imma wkoll l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni legali u l-miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-immigranti legali, it-tisħiħ ta' sħubija globali mal-pajjiżi terzi li jiffavorixxu relazzjoni pożittiva bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, u l-kostituzzjoni ta’ politika omoġenja fil-qasam tal-liġi tal-ażil fil-livell Komunitarju;

2.  Jikkunsidra lill-Aġenzija FRONTEX bħala strument essenzjali fl-istrateġija globali tal-UE dwar l-immigrazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tirrevedi l-mandat tal-Aġenzija sabiex issaħħaħ l-irwol tagħha u tagħmlu iktar effikaċi;

3.  Jisħaq fuq l-importanza tal-għarfien li hu assolutament neċessarju li l-FRONTEX tkun tista' tistrieħ fuq id-disponibilità tar-riżorsi li joffrulha l-Istati Membri, b'mod partikulari permezz ta’ CRATE, kemm għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet okkażjonali konġunti kif ukoll għall-missjonijiet permanenti tagħha; jiddispjaċih li xi Stati Membri s’issa ma wrewx rieda biżżejjed biex jipprovdu l-assi neċessarji lill-FRONTEX u jistedinhom biex jagħmlu dan;

4.  Jilqa’ b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil mill-Kunsill Ewropew u t-tisħiħ tal-Aġenzija li jirrakkomanda;

5.   Jenfasizza li l-FRONTEX għandha tintegra fil-kamp ta' azzjoni tagħha l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikulari fil-fruntieri esterni tal-UE;

6.  Jistieden għal dan il-għan lill-Istati Membri biex jifformalizzaw mill-iktar fis possibbli sistema ta’ "solidarjetà obbligatorja u irrevokabbli", suġġetta għall-possibilità u l-bżonnijiet speċifiċi attwali ta’ kull pajjiż li jipparteċipa, li tagħmilha possibbli għall-FRONTEX li, fit-tħejjija u fit-twettiq tal-missjonijiet tagħha, tneħħi l-inċertezza dwar il-kobor tar-riżorsi li tista’ torbot fuqhom fi żmien reali;

7.   Jitlob li tiġi stabbilita għassa ta' sorveljanza konġunta operattiva li tkun permanenti u kontinwa matul is-sena kollha fiż-żoni kollha ta' riskju serju, b'mod partikulari fil-fruntieri tal-baħar fejn hemm riskju serju ta' telf ta' ħajja, billi d-dritt tal-ħajja huwa l-ewwel dritt fundamentali invjolabbli;

8.   Jenfasizza kemm hu importanti li l-liġi Komunitarja taqbel mal-liġi internazzjonali applikabbli wkoll f'dan il-qasam, sabiex l-UE tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod effikaċi għall-isforzi meħtieġa sabiex tgħin lir-refuġjati li jkollhom bżonn l-għajnuna;

9.   Jistieden lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom, mill-iktar fis possibbli, biex jagħtu ħarsa konkreta lejn dan il-prinċipju ta’ solidarjetà, billi b’mod partikulari jżidu r-riżorsi materjali li dawn ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija, b'mod speċjali l-assi tal-wiċċ, u billi jiżgurawha fil-prattika mid-disponibilità assoluta tagħhom fil-waqt;

10. Jistieden lill-FRONTEX biex tgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fih dettalji b’mod partikulari dwar l-użu effikaċi u d-disponibilità reali tal-materjal fir-repertorju tal-bażi CRATE u biex, jekk ikun hemm bżonn, jisħqu fuq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar liema Stati Membri jkunu qegħdin jipprovdu r-riżorsi u liema mhumiex;

11. Jistieden lill-Istati Membri, fil-każ li ma jkunx hemm riżorsi biżżejjed disponibbli, biex jipprevedu malajr it-tibdil fl-iskala tal-baġit tal-FRONTEX u possibbilment jeżaminaw l-aspetti legali tal-kiri u/jew tal-akkwist ta’ materjali fil-futur għat-twettiq tal-missjonijiet tagħha;

12. Ifakkar li l-Parlament Ewropew, bħala l-awtorità baġitarja, diġà żied il-baġit tal-FRONTEX mill-ħolqien tagħha u se jiżgura li dan jitwettaq b'mod korrett kif ukoll li jiġi adattat għall-evoluzzjoni tal-funzjonijiet tagħha;

13. Jilqa’ b'sodisfazzjon l-isforzi kbar ta’ kooperazzjoni mwettqa minn kważi l-pajjiżi terzi kollha li magħhom il-FRONTEX tintalab taħdem ta’ kuljum, u li wasslu għal riżultati pożittivi ħafna bħal dawk miksuba fil-Gżejjer Kanarji; jiddispjaċih, madankollu, li kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni għadha nieqsa f’każijiet oħra, bħal fit-Turkija u fil-Libja;

14. Iħeġġeġ lill-Unjoni biex tinkludi, bħala parti min-negozjati tagħha ma’ pajjiżi terzi, il-bżonn ta' kooperazzjoni ikbar minn pajjiżi terzi fil-qasam tal-immigrazzjoni u jistieden lil dawk li l-kooperazzjoni tagħhom mhix biżżejjed - jew inkella hija ineżistenti - biex jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Aġenzija, b’mod partikulari billi jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni iktar effikaċi tas-servizzi tagħhom fil-qasam tal-prevenzjoni;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu livell ogħla ta’ kooperazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikulari fin-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid; jikkunsidra li l-immigrazzjoni għandha tkun parti integrali min-negozjati ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jkunu pajjiżi tal-oriġini jew ta’ tranżitu;

16. Jenfasizza l-bżonn li l-aġenzija FRONTEX, filwaqt li tikkopera ma’ pajjiżi terzi, tqis kif jixraq l-opinjonijiet ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom l-ikbar esperjenza f'dawk li huma l-isfidi maħluqa mill-immigrazzjoni illegali, rigward il-pajjiżi partikulari; iżid li l-parteċipazzjoni ta' pajjiż terz f'operazzjoni konġunta mmexxija mill-Istati Membri u kkoordinata mill-FRONTEX għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun qiegħda ssir l-operazzjoni;

17  Jitlob li l-mandat tal-FRONTEX jinkludi b'mod espliċitu l-obbligu li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dmir ta' premura għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’operazzjonijiet ta’ salvataġg fil-baħar miftuħ, u li l-kooperazzjoni mal-UNHCR u ma' NGOs rilevanti oħra titniżżel formalment f'dan il-mandat;

18. Hu mħasseb li ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' ma jkollhomx mezzi adegwati biex jaraw jekk l-informazzjoni personali dwarhom miġbura mis-"sistema tas-sistemi" ppjanata mill-UE tkunx immaniġġjata skont il-prinċipji tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta li japplikaw fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika sa liema punt id-dejta personali se tkun disponibbli għall-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi;

19. Jitlob li l-kompetenzi tal-FRONTEX ikunu estiżi sabiex din l-aġenzija tiġi mħeġga tniedi proġetti u operazzjonijiet f’pajjiżi terzi, b'mod partikulari sabiex titjieb l-effikaċja tal-ftehimiet eżistenti u sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet għall-bini tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri fil-pajjiżi terzi;

20. Jitlob lill-FRONTEX biex issaħħaħ u tagħti s-sehem importanti li hu tagħha billi tappoġġja l-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, filwaqt li tqis it-tajjeb u l-ħażin ta' dawn il-proċeduri; jistieden lill-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà, biex jinvolvu lill-aġenzija FRONTEX meta jippjanaw u jorganizzaw titjiriet konġunti ta' ritorn u biex jidentifikaw il-ħtiġijiet rigward dawn l-operazzjonijiet;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jippermettu li ssir reviżjoni tal-mandat tal-FRONTEX sabiex ineħħu l-vojt ġuridiku li jista’ jxekkel l-azzjoni tagħha, billi jintegraw b’mod partikulari l-kundizzjonijiet ġuridiċi preċiżi tal-interventi ta’ salvataġġ tagħha fuq il-baħar, kif ukoll dawk tal-kontribut tagħha għall-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-possibilità ta’ rikors għat-tagħmir tagħha minn pajjiżi terzi, b’mod partikulari permezz tal-proġetti pilota li jistgħu jkunu benefiċjarji tagħhom;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-attivitajiet tal-FRONTEX fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikulari rigward ir-responsabilità biex tipproteġi lill-individwi;

23. Jitlob li l-istaff tal-FRONTEX jitħarreġ fit-tipi differenti ta' kwistjonijiet li jidħlu fil-qafas tal-ħidma tal-Aġenzija;

24. Iqis li l-għotjiet kif miżjuda tal-FRONTEX u l-istabbiliment tal-għeruq tal-kontribut tagħha fil-ġlieda ta' kuljum kontra l-immigrazzjoni illegali jistgħu jiġġustifikaw żvilupp strutturali tal-kapaċitajiet loġistiċi u amministrattivi tagħha, fl-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

25. Iqis, b’mod partikulari, li jekk ir-ritmu u r-riżorsi implimentati jkunu għadhom ma jiġġustifikawx il-multiplikazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati, jista’ jiġi previst mil-lum il-ħolqien ta’ żewġ fergħat differenti - waħda biex tikkoordina l-attività fuq il-fruntieri tal-art, u l-oħra l-operazzjonijet marittimi; ifakkar li, billi għall-ġejjieni r-rotot fuq l-art li jaqbdu l-migranti fuq il-fruntiera tal-lvant jirrappreżentaw sfida li kulma tmur qiegħda tikber, jaqbel li tingħatalhom attenzjoni doppja u li jiżdiedu r-riżorsi implimentati;

26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità ta’ sistema Ewropea għall-għassa tal-fruntieri;

27. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir it-taħriġ tal-istaff mobilizzat fl-operazzjonijiet tal-FRONTEX - b'mod partikulari fil-qasam tal-liġi marittima, tal-liġi tal-ażil u tad-drittijiet fundamentali - inkluż, malli l-mandat tagħha jitwessa', għall-istaff tal-pajjiżi terzi kkonċernati; jinkoraġġixxi għal dan il-għan lill-FRONTEX biex tikkopera ma’ istituzzjonijiet oħra bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Uffiċċju tal-UNHCR, il-korp tan-NU responsabbli mil-Liġi tal-Baħar, kif ukoll l-NGOs u għaqdiet oħra b’esperjenza u kapaċità f’dawn l-oqsma;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza kampanji ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tal-immigrazzjoni klandestina, b'konformità mal-aħjar prattiki fl-Istati Membri,

29. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riflessjoni li saret mill-Kunsill bl-iskop li jwaqqaf is-sistema ta' sorveljanza tal-fruntieri EUROSUR, sabiex jiżgura li l-mezzi kollha ta' sorveljanza jiġu sfruttati bl-aħjar mod possibbli, essenzjalment billi jestendi l-kopertura attwali tagħhom li llum tapplika biss għal parti miż-żoni fejn l-operazzjonijiet jintalbu li jsiru;

30. Jinsisti, għalhekk, biex jibda bla dewmien l-adattament għat-talba tas-sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza u tal-interkonnessjoni tagħhom fin-netwerk, u biex - għal raġunijiet ta' koerenza - il-FRONTEX tingħata l-għodod kollha disponibbli, b’mod partikulari l-ġestjoni tan-netwerk ta’ informazzjoni u ta' koordinazzjoni sikura mqabbad mal-Internet għas-servizzi tal-Istati Membri responsabbli mill-ġestjoni tal-flussi migratorji (ICONet) u t-tnedija mill-ġdid tal-attivitajiet taċ-Ċentru għall-Informazzjoni, id-Diskussjoni u l-Iskambju dwar il-Qsim tal-Fruntieri u l-Immigrazzjoni (CIREFI);

31. Jinsisti fuq il-bżonn li tiżdied il-kooperazzjoni tal-Aġenzija dwar l-analiżi tar-riskju mal-Europol u ma’ aġenziji Ewropej oħra, kif ukoll ma’ korpi internazzjonali oħra u awtoritajiet ta’ kontroll tal-fruntieri ta’ pajjiżi terzi, b'mod speċjali fil-kuntest tat-tkissir ta’ netwerks internazzjonali tat-traffikanti u t-twettiq ta’ ġustizzja fuq l-individwi involuti fit-traffikar tal-immigranti klandestini; jikkunsidra li jkun essenzjali wkoll li jiġi implimentat mekkaniżmu li jippermetti lill-FRONTEX li tgħaddi informazzjoni importanti lill-persuni li jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnha;

32. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-bżonnijiet konkreti tas-servizzi responsabbli mill-kontrolli tal-fruntieri jitqiesu b'mod speċifiku fl-attivitajiet ta' riċerka;

33. Iqis l-għan tal-ġestjoni integrata tassew tal-fruntieri tal-UE bħala leġittimu u jaqbel li huwa importanti li l-politika komuni tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri tibqa' tiżviluppa u tissaħħaħ kontinwament; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni u evalwazzjoni tas-sistemi eżistenti u ta' dawk li qegħdin jitħejjew qabel ma wieħed jgħaddi għall-fażi li jmiss kif propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha bl-isem "It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea" (COM(2008)0069); jinsisti, barra minn hekk, fuq pjan ewlieni komprensiv li jfassal l-arkitettura sħiħa tal-istrateġija tal-UE dwar il-fruntieri, kif ukoll id-dettalji ta' kif il-programmi u l-iskemi kollha relatati għandhom jaħdmu flimkien u kif ir-relazzjoni bejn il-programmi relatati tista' tkompli titjieb;

34. Jistieden lill-FRONTEX biex tieħu l-inizjattiva u toħloq ambjent komuni ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex jiġu ottimizzati l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' din id-dejta delikata; jitlob lill-Forum Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà (ESRIF) biex jagħti l-kontribut tiegħu għat-twettiq ta’ dan l-objettiv, billi fil-ħidmiet tiegħu jagħti preferenza lill-applikazzjonijiet komuni fil-qasam tal-ipperfezzjonar u tal-innovazzjoni tal-għodod ta’ sorveljanza;

35. Jitlob li l-Parlament Ewropew isaħħaħ il-kontroll demokratiku tal-FRONTEX, u jistieden lill-Aġenzija biex tinformah dwar in-negozjati biex jiġu konklużi l-ftehimiet iffirmati mal-pajjiżi terzi, biex tippreżenta evalwazzjonijiet tattiċi li jiffukaw fuq reġjuni partikulari fuq il-fruntieri, u biex tippubblika rapporti ta’ evalwazzjoni dwar operazzjonijiet konġunti u missjonijiet koordinati oħra, analiżi tar-riskji, studji tal-fattibilità u statistika dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni; jiġbed l-attenzjoni li s-superviżjoni demokratika tal-attivitajiet tal-FRONTEX, fost affarijiet oħra, issaħħaħ il-leġittimità tagħha; madankollu, l-informazzjoni ppubblikata f’dawk ir-rapporti m’għandhiex tinkludi dejta kunfidenzjali li tista’ taffettwa l-operazzjonijiet li jkunu għaddejjin;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika xi kwalità ta' għajnuna loġistika għas-sorveljanza tal-fruntieri hija intenzjonata għall-pajjiżi terzi li huma ġirien, kif imsemmi fit-tielet stadju tal-ewwel fażi tal-EUROSUR;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

  • [1]  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
  • [2]  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30.
  • [3]  ĠU C 219 E, 28.08.08, p. 223.

NOTA SPJEGATTIVA

I. DAĦLA

"Nixtieq nitbissem għax qed inħoss li għandi qawwa titanika. Qbiżt fuq l-Ewropa. Qsamt minn naħa għall-oħra tal-ibħra u qbiżt minn fuq il-muntanji.

Massambalo. Ma nesiex l-istorja li sema' l-ġurnata ta' qabel. Kien proprju l-istess isem, dak tal-alla tal-emigrati li nxteħet minn ġol-kontinent tad-dlamijiet biex iħares lill-popli li qed ibatu."

L’Eldorado, Laurent Gaudé, éd. Acte du Sud

La l-alla Afrikan evokat fir-rumanz stupend ta' Laurent Gaudé, u lanqas l-allat l-oħra tal-emigrati ma jistgħu jħarsu n-numru li qed jikber dejjem iżjed ta' bnedmin li, biex jaħarbu mill-miżerja "jaqsmu l-ibħra u jaqbżu minn fuq il-muntanji" biex jilħqu l-ħolma Ewropea. In-numru ta' dawk li jisparixxu fil-baħar u x-xbihat tad-dgħajjes mhux affidabbli li bla waqfien jaslu fix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni dan ifakkruhulna ta' kuljum.

Dawn l-allat ma jistgħux iħarsu lil dawn il-bnedmin iddisprati mir-riskji mortali li jiltaqgħu magħhom fit-triq għat-tama, la mill-ħatfa tal-mafji u mix-xbieki tat-traffikanti ta' klandestini u lanqas minn dawk li bla skrupli ta' xejn jimpjegawhom u jisfruttawhom hekk kif jaslu fil-kontinent tagħna.

Hija r-responsabilità tagħna l-bnedmin, tagħna l-Ewropej, li din it-triq lejn l-infern tiġi bblokkata, li l-immigrazzjoni klandestina titwaqqaf. Għandna għalhekk fl-istess ħin nagħmlu mezz biex ikunu dawk l-immigranti li jsegwu t-triq legali li jaslu biex jidħlu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u biex isiru l-isforzi kollha possibbli li jippermettulhom li jintegraw ruħhom fis-soċjetajiet tagħna.

Hija r-responsabilità tagħna l-Ewropej li nistabbilixxu mal-pajjiżi ta' oriġini l-kooperazzjoni xierqa sabiex l-immigrazzjoni tkun fattur ta' żvilupp għal dawn il-pajjiżi, għall-pajjiżi ta' akkoljenza tagħna, imma fuq kollox għall-immigranti.

F'dan ir-rispons globali Ewropew għall-isfida tal-immigrazzjoni aħna obbligati li nwettqu dmir ingrat imma indispensabbli, il-ġestjoni tal-kontroll tal-fruntieri, tal-fruntieri esterni kollha tal-Unjoni.

Dan mhu xejn ħlief aspett ta' politika globali li għandha tiġi żviluppata mill-Unjoni u li l-elementi prinċipali tagħha huma mħaddna fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil ta' dan l-aħħar.

F'dan il-kuntest nistgħu nsibu l-għan tal-abbozz ta' rapport ta' inizjattivi li qed jippreżentalkom ir-rapporteur tagħkom, li f'dan l-abbozz qed ifassal proposta dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp għall-ġejjieni tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR, bħala rispons għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett.

Ir-rapporteur tagħkom ipprova jislet dak li ħareġ mill-iskambji ta' opinjonijiet differenti li żvolġew waqt is-seduta ta' smigħ pubblika tat-30 ta' Ġunju 2008, u anke waqt id-dibattiti fil-Kumitat LIBE jew mill-kuntatti mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, tal-NGOs u, ovvjament, minn dawk li huma responsabbli għall-Aġenzija, speċifikament id-direttur u d-deputat direttur tagħha. L-emendi tal-gruppi politiċi differenti se jkomplu jarrikkixxu d-dibattitu u r-rapport.

Fl-aħħar, sabiex ikollna veduta sħiħa tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, dan ir-rapport għandu jiġi indirizzat b'mod parallel mar-rapport tal-PE dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. "It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea".

II. Evalwazzjoni 2005/2007

L-azzjoni tal-FRONTEX hija inkluża b'mod prijoritarju fil-qafas tal-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

L-għan tagħha hu li tittejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri sabiex jiġu miġġielda l-immigrazzjoni illegali u n-netwerks tat-traffikanti, dejjem waqt li jiġu kompletament rispettati d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-immigranti, l-ewwel nett id-dritt tagħhom għall-ħajja. F'dan is-sens, il-PE għandu jitlob li l-mandat tal-Aġenzija jiġi modifikat u li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet legali relatati mas-salvataġġ fil-baħar. L-Aġenzija għandha tkompli wkoll tieħu l-prekawzjonijiet u tarma lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa biex dawk il-persuni li huma l-aktar vulnerabbli, in-nisa u t-tfal u, b'mod aktar partikulari, il-minorenni u l-persuni milquta b'diżabilità, jiġu ttrattati bid-dinjità u bir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Fl-2006 u l-2007, il-FRONTEX diġà wettqet 28 operazzjoni konġunta - 9 fil-fruntieri marittimi, 12 fil-fruntieri tal-art, 7 fil-fruntieri tal-ajru - li magħhom għandhom jiżdiedu l-10 proġetti pilota implimentati b'mod komplementari ma' dawn l-operazzjonijiet.

Dawn l-operazzjonijiet qed jiġġeneraw skambju vantaġġuż tal-aħjar prattiki u ta' informazzjoni u anke l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni ta' kuljum bejn is-servizzi nazzjonali ta' kontroll tal-fruntieri: f'dawn is-sentejn, inqabdu jew twaqqfu milli jidħlu fil-fruntieri aktar minn 53,000 persuna, ġew identifikati aktar minn 2,900 dokument falz għall-ivvjaġġjar, u ġew arrestati 58 persuna li kienu qed jittrasportaw immigranti klandestini.

L-Istati Membri ħadu sehem b'mod li jvarja: bħala medja, 7 Stati Membri ħadu sehem fl-operazzjonijiet fil-fruntieri marittimi, 9 fil-fruntieri tal-art u 11 fil-fruntieri tal-ajru. Il-PE għandu jesiġi li l-Istati Membri kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom u jagħmlu r-riżorsi materjali u umani meħtieġa disponibbli għall-azzjoni effikaċi tal-Aġenzija, skont il-prinċipju ta' "solidarjetà obbligatorja", miġbur b'mod partikulari fir-regolament RABIT. Fl-ipoteżi li, b'mod persistenti, ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi disponibbli, hemm bżonn li tiġi studjata l-possibilità li l-baġit tal-Aġenzija jiġi adattat sabiex tkun tista' tixtri jew tikri l-apparat tagħha stess.

F'dak li jirrigwarda l-inizjattivi ewlenin l-oħra, wieħed jinnota l-ħolqien tan-Netwerk Ewropew tal-Għases (Mejju 2007) li jkopri l-inħawi qrib ix-xtut tal-Istati Membri kkonċernati, u anke tal-inventarju ċentrali tat-tagħmir tekniku disponibbli (CRATE) għall-finijiet tal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri.

Min-naħa tal-istrateġija, l-esperjenza wriet li l-kooperazzjoni operattiva għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina fil-fruntiera marittima tan-Nofsinha hi prijorità urġenti. Għalhekk, il-Parlament Ewropew għandu jitlob li tiġi studjata l-possibilità li jinħolqu uffiċċji reġjonali tal-Aġenzija fl-Istati Membri li qed ibatu l-pressjoni kostanti tal-immigrazzjoni illegali u li l-użu tal-missjonijiet permanenti fl-inħawi b'riskju għoli jsir sistematiku.

Il-FRONTEX tista' tforni wkoll appoġġ għall-Istati Membri li qed jikkonfrontaw sitwazzjoni li tesiġi li tissaħħaħ l-assistenza operattiva u teknika u li jiġu skjerati timijiet ta' intervent rapidu fil-fruntieri.

Is-sistema RABIT, li daħlet fis-seħħ fl-20 ta' Awwissu 2007, u li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, fil-fatt tipprevedi "kapaċità ta' reazzjoni rapida" sabiex ikunu jistgħu jiġu forniti riżorsi umani supplimentari lil kull Stat Membru f'diffikultà. Il-grupp lest għal intervent rapidu fil-fruntieri li twaqqaf għal dan il-għan jinkludi bejn il-500 u s-600 gwardja tal-fruntieri, u fil-ħarifa 2007 sar eżerċizzju.

Il-FRONTEX għandha taħseb biex b'mod preventiv takkwista t-tagħmir tagħha stess - li se jintuża mit-timijiet ta' intervent rapidu - sabiex ikun hemm il-garanzija li jkun disponibbli bl-inqas dewmien possibbli fil-każ ta' sitwazzjoni ta' urġenza.

Min-naħa l-oħra, il-FRONTEX żviluppat sistema ta' assistenza bejn l-Istati Membri għat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntieri nazzjonali tagħhom, li tinkludi d-definizzjoni tar-regoli ta' taħriġ komuni.

Gawdew 1,341 persuna mis-97 azzjoni ta' taħriġ tal-Aġenzija FRONTEX. L-għan tagħhom: l-armonizzazzjoni tat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntieri fl-Ewropa kollha.

L-approċċ adottat wera ruħu produttiv ħafna u jixraqlu għalhekk li jiġi estiż fir-rispett tal-acquis ta' Schengen u b'koerenza miegħu. L-isforz tat-taħriġ għandu jkun iffukat b'mod speċifiku fuq l-istaff tal-pajjiżi terzi li jikkoperaw mal-FRONTEX. Anke l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jew l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati għandha tiġi żviluppata.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Aġenzija twettaq l-analiżi tar-riskji tagħha stess, li għandhom rwol kruċjali u trasversali fi ħdan l-attivitajiet tagħha: b'hekk, fil-kuntest tat-tieni evalwazzjoni annwali (Frar 2007) ikkontribwiet għat-tfassil tar-rapport ta' evalwazzjoni tat-theddida rappreżentata mill-kriminalità organizzata u, b'kollaborazzjoni mal-Europol, tar-rapport dwar ir-rotot b'riskju għoli li qed tieħu l-immigrazzjoni klandestina fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

Għal dan il-għan, il-FRONTEX ingħaqdet man-netwerk ICONet li, mill-2006, beda jippermetti li s-servizzi kkonċernati jiskambjaw informazzjoni dwar il-flussi migratorji illegali, biex tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri dwar l-analiżi tar-riskji, it-tħejjija ta' operazzjonijiet konġunti u r-ritorni; barra minn hekk, qiegħda tieħu sehem fil-laqgħat taċ-Ċentru ta' Informazzjoni, ta' Riflessjoni u ta' Skambji fir-rigward tal-Qsim tal-Fruntieri u tal-Immigrazzjoni (CIREFI).

Sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji u jitwettqu ekonomiji ta' skala, l-għodda u l-entitajiet differenti disponibbli għandhom jitmexxew mill-FRONTEX.

L-Aġenzija hi involuta f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka fl-oqsma li jolqtu l-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni: din "l-għassa" diġà ġiet tradotta fl-organizzazzjoni ta' 6 proġetti u ta' 7 werkxopps/seminars dedikati għar-riċerka u l-iżvilupp, li kkontribwew għat-tħejjija u l-istipular tas-sistema ta' dħul u ħruġ (li l-BIOPASS tifforma parti minnha) u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri; imma fuq kollox, l-Aġenzija qiegħda tieħu sehem attiv fil-ħidmiet tal-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fir-rigward tas-Sigurtà (ESRIF) il-ġdid, li fil-qafas tiegħu twaqqaf grupp ta' ħidma responsabbli għas-sigrurtà tal-fruntieri.

Dan se jkollu jaħdem biex il-bżonnijiet konkreti tas-servizzi responsabbli għall-kontrolli fil-fruntieri jitqiesu speċifikament fl-attivitajiet differenti ta' riċerka.

Fl-aħħar nett, iktar 'il quddiem fil-proċess tal-operazzjonijiet ta' kontroll u sorveljanza, l-Aġenzija hi kompetenti biex tforni lill-Istati Membri bl-għajnuna li hemm bżonn biex jiġu organizzati operazzjonijiet konġunti ta' ritorn. Allavolja diġà kkontribwiet għall-organizzazzjoni ta' 9 operazzjonijiet ta' dan it-tip, l-irwol u l-kundizzjonijiet legali tagħha jibqgħu mċajpra u għalhekk għandhom jiġu definiti b'mod ċar.

III.        Prospettiva fit-tul

Il-FRONTEX se tkun element essenzjali - jekk mhux fundamentali - għall-iżvilupp fit-tul tal-istrateġija ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-Unjoni. Permezz ta' approċċ gradwali u tisħiħ progressiv tal-kapaċitajiet tagħha, tista' tagħti valur miżjud reali għall-benefiċċju tas-sistema Schengen globali, b'mod speċifiku fil-kuntest tal-miżuri bil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, waqt li tassigura koerenza bejn l-attivitajiet tagħha u l-qafas globali tal-politika esterna.

Il-modalitajiet ta' kollaborazzjoni u kooperazzjoni mal-awtoritajiet Russi, Ukraini u Żvizzeri diġà ġew stabbiliti u qed jipproduċu riżultati eċċellenti, u qed isiru negozjati ma' għadd ġmielu ta' oħrajn.

Fir-rigward tal-miżuri fil-fruntieri, il-FRONTEX qed tmexxi 'l quddiem ir-riflessjoni tagħha dwar il-kunċett ta' "one-stop-shop" li jiġbor flimkien l-awtoritajiet tad-dwana u s-servizzi ta' kontroll fil-fruntieri, mingħajr ma tieqaf tiġbor l-aħjar prattiki adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn entitajiet kompetenti jew fil-kuntest tal-proġetti pilota li rnexxew l-aktar.

L-element essenzjali tal-kontribut tagħha jinsab fil-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil tal-EUROSUR (deċiż mill-Kunsill tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006) ibbażata fuq il-fruntieri esterni tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni, u li l-ewwel prijorità tagħha għandha tkun l-integrazzjoni tal-istrumenti kollha ta' sorveljanza marittima sabiex jitwettqu bl-aħjar mod possibbli d-dmirijiet assenjati lilha: it-tnaqqis tan-numru ta' immigranti illegali li jirnexxilhom jidħlu fit-territorju tal-UE, it-tisħiħ tas-sigurtà interna permezz tal-kontribut tagħha għall-ġlieda u l-waqfien tal-kriminalità transkonfinali, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' tiftix u salvataġġ biex jiġu salvati aktar ħajjiet umani (fit-tliet każijiet, biex EUROSUR tirnexxi, hemm bżonn tal-involviment sħiħ u komplut tal-pajjiżi terzi konċernati, b'mod speċfiku dawk tan-naħa tan-Nofsinhar tal-perimetru tal-Mediterran, minn fejn qed tibda l-biċċa l-kbira tal-pressjoni migratorja lejn l-Unjoni Ewropea).

L-isfida ewlenija fil-fatt tikkonsisti fit-titjib tal-koordinazzjoni tal-infrastrutturi ta' sorveljanza eżistenti u fl-estensjoni tal-kopertura attwali tagħhom, li sa llum huma limitati għal parti mill-inħawi fejn iridu jsiru l-operazzjonijiet, sabiex jinkiseb għarfien perfett tas-sitwazzjoni f'ħin reali u biex tikber il-kapaċità ta' reazzjoni tas-servizzi ta' kontroll u/jew ta' assistenza. Il-PE għandu jitlob li bla dewmien jibdew jiġu aġġornati s-sistemi nazzjonali ta' sorveljanza u l-interkonnessjoni tagħhom f'netwerk. F'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-iżvilupp, se jkun hemm bżonn li tingħata importanza għall-applikazzjonijiet komuni fir-rigward tal-perfezzjonament u l-innovazzjoni tal-għodda ta' sorveljanza.

Fl-aħħar, hemm bżonn li jiġi stabbilit lil min għandu jiġi fdat il-ħolqien ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex jiġu ottimizzati l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' din id-dejta sensittiva.

Jidher fil-fatt li kemm il-FRONTEX kif ukoll l-EUROSUR se jimponu ruħhom bħala indikaturi tas-solidarjetà operattiva indispensabbli bejn l-Istati Membri, li sakemm ma tiġix espressa b'mod attiv, mhux se jkun possibbli li r-riżorsi jiġu indirizzati lejn is-setturi tal-fruntieri esterni li jirrappreżentaw l-aktar bżonnijiet importanti.

F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni biex jiġi kostitwit korp Ewropew awtonomu ta' gwardji tal-fruntieri, din mhux se tkun tista' tiġi definita sakemm jinsilet l-ewwel tagħlim mit-tħaddim tal-Aġenzija, anke jekk il-kwistjonijiet dwar it-titjib tas-sistema attwali ta' allokazzjoni tar-riżorsi lis-setturi konċernati u x-xewqa li jkun hemm relazzjoni aħjar bejn in-nefqa u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi attwali huma leġittimi, m'għandhomx jaħbu l-fatt - mingħajr ma nitkellmu dwar id-dimensjoni politika b'mod eminenti ta' ħolqien ta' dan it-tip - li l-Istati Membri tal-Unjoni diġà għandhom 450,000 gwardja tal-fruntieri għad-dispożizzjoni tagħhom ...

ANNESS

Is-Sur Gérard Deprez

Chairman

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Suġġett:           Rapport LIBE dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR - rapporteur: is-Sur Javier Moreno Sánchez

Sur Chairman

F'isem il-Kumitat għall-Baġits, jekk jogħġbok ippermettili nippreżenta xi rimarki dwar ir-rapport imsemmi hawn fuq.

Il-Kumitat għall-Baġits jaf sew bl-importanza tal-attivitajiet tal-FRONTEX għall-garanzija tal-kontroll tal-fruntieri u sabiex jinstab tarf tal-immigrazzjoni illegali u jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha, kif jidher mill-appoġġ tiegħu għaż-żieda sostanzjali fil-fondi għal din l-aġenzija dawn l-aħħar snin. M'ilux wisq, il-Kumitat tagħna vvota favur żieda oħra fil-krediti għall-FRONTEX rigward l-ewwel qari tal-proċedura baġitarja għall-2009 f'termini qrib ħafna ta' dawk proposti mill-Kumitat tiegħek.

Din iż-żieda kienet intiża b'mod partikulari biex tippermetti lill-FRONTEX li torganizza missjonijiet konġunti b'mod permanenti matul is-sena kollha, l-aktar fil-fruntieri tan-nofsinhar tal-Unjoni (HERA, NAUTILUS, POSEIDON). Parti minn dawn il-krediti addizzjonali tpoġġiet fir-riserva, sakemm tasal is-sottomissjoni tal-pjanijiet min-naħa tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija biex dawn l-operazzjonijiet isiru permanenti.

F'dan il-kuntest, jista' jkun utli li r-rapport tal-Kumitat tiegħek - li fih ukoll sejħa għal missjoni konġunta permanenti fil-paragrafu 4 - ifakkar din iż-żieda u l-bżonn li jittieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa biex dan ikun jista' jsir. Barra minn hekk, jista' jkompli jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkunux disponibbli biss il-mezzi finanzjarji, imma wkoll li jitwettqu l-kundizzjonijiet legali kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet konġunti jsiru permanenti, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' żieda fil-bażi legali.

Ippermettili wkoll li nagħmel xi kunsiderazzjonijiet dwar ir-referenza fil-paragrafu 7 tal-abbozz tar-rapport għall-akkwist mill-Aġenzija ta' "materjal biex titwettaq il-missjoni tagħha". Bla ma wieħed jidħol fil-mertu tal-kwistjoni dwar kemm l-Aġenzija tista' tissostitwixxi lill-Istati Membri f'dan il-qasam - filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-Aġenzija hija intitolata biss li takkwista "tagħmir tekniku", il-Kumitat tagħna jidher li hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jagħtu materjal u riżorsi umani għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija - ippermettili niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li kull tibdil possibbli "fid-daqs tal-baġit tal-FRONTEX" ma hix deċiżjoni li tittieħed biss mill-Istati Membri, imma tappartjeni lill-kompetenzi esklużivi tal-awtorità baġitarja - u dan jinkludi lill-Parlament Ewropew.

Fl-aħħar nett, Sur Chairman, dwar ir-referenza għall-ħolqien possibbli ta' "aġenziji deċentralizzati" li saret fil-paragrafu 13 tal-abbozz tar-rapport - għalkemm din tidher li mhix ħlief konsiderazzjoni ipotetika - ippermettili nfakkar li l-Kumitat għall-Baġits stqarr kemm-il darba fin-negozjati interistituzzjonali li m'għandhomx jinħolqu aktar aġenziji deċentralizzati qabel ma ssir evalwazzjoni bir-reqqa tas-sehem tal-aġenziji. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill qablu ma' din il-pożizzjoni, kif turi d-dikjarazzjoni miftiehma wara l-aħħar konċiljazzjoni baġitarja tat-18 ta' Lulju, u ntlaħaq ftehim dwar il-prinċipju tat-tlaqqigħ ta' grupp interistituzzjonali biex imexxi din l-evalwazzjoni.

Tabilħaqq, il-bażi legali tal-FRONTEX diġà tipprevedi l-possibilità li jitwaqqfu "fergħat speċjalizzati" tal-Aġenzija fl-Istati Membri, bi qbil magħhom, jekk il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija jqis li dan ikun meħtieġ. Il-Kumitat tagħna, madankollu, jikkunsidra li hu importanti li jenfasizza li kull twaqqif ta'"fergħat speċjalizzati" fil-ġejjieni għandu jqis kemm jista' jkun il-kapaċitajiet eżistenti tal-Istati Membri kif ukoll il-piżijiet speċifiċi li jridu jġorru, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni żejda.

Nittama, Sur Chairman, li l-Kumitat tiegħek jikkunsidra dawn ir-rimarki meta jadotta r-rapport finali tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Reimer Böge

Chairman tal-Kumitat għall-Baġits

7.10.2008

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur ta' l-Aġenzija FRONTEX u s-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
(2008/2157(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gabriele Zimmer

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza li l-kompitu tal-FRONTEX hu li tikkoordina l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri għas-sigurtà fil-fruntieri u li l-FRONTEX tipprovdi valur miżjud partikulari għas-sistemi tal-immaniġġjar tal-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri.

2.   Ifakkar fl-impenji tal-UE dwar il-koerenza politika għall-iżvilupp, kif hemm iddikjarat fl-Artikolu 178 tat-Trattat KE u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2008 dwar titjib fl-Istrateġija Globali għall-Migrazzjoni, b'mod partikulari li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-migranti, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-aċċess xieraq għall-proċeduri tal-ażil jiffurmaw il-bażi tal-politiki ta' migrazzjoni u ta' protezzjoni tar-refuġjati tal-UE;

3.   Jinsisti li l-aġenziji kollha tal-UE, fosthom il-FRONTEX, fl-attivitajiet kollha tagħhom iridu jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri fundamentali tal-UE u li l-FRONTEX għandha tkun suġġetta għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew;

4.   Jenfasizza li s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE hija r-responsabilità tal-Istati Membri kollha u li l-kontroll tal-fruntieri għandu jsir bi spirtu ta' qsim tar-responsabilitajiet u ta' solidarjetà; għalhekk jistieden lill-Kunsill biex il-prinċipju tal-qsim tar-responsabilità jagħmlu mandatorju għall-Istati Membri kollha;

5.   Hu konvint li d-difiża u l-promozzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt li titlob ażil u l-aċċess għall-għajnuna legali għal persuni li jfittxu l-protezzjoni, għandhom jitqiesu bħala parti kruċjali minn kull sistema ta' ġestjoni tal-fruntieri li tkun sħiħa u integrata, u bħala parti integrali mill-mandat u l-attivitajiet tal-FRONTEX;

6.   Iwissi li l-FRONTEX mhijiex soluzzjoni għall-problemi kollha kkawżati mill-migrazzjoni irregolari;

7.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tinkludi korsijiet speċjalizzati fil-liġijiet dwar l-ażil u d-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet ta' taħriġ tal-FRONTEX u jinkoraġġixxi li jkompli l-iżvilupp ta' din l-istrateġija; jipproponi li l-FRONTEX issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), anke fl-attivitajiet ta' taħriġ;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq bla dewmien proposta għar-reviżjoni tal-mandat tal-FRONTEX sabiex jinkludi s-salvataġġ fuq il-baħar;

9.   Hu mħasseb li l-attivitajiet tal-UE fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jgħinu l-migrazzjoni legali qed tingħatalhom prijorità aktar baxxa mill-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari;

10. Iwissi li l-operazzjonijiet tal-FRONTEX barra mit-territorju tal-UE jistgħu jċaħħdu lir-refuġjati mid-dritt li jitolbu ażil u mill-aċċess għal għajnuna legali għal persuni li jfittxu l-protezzjoni fl-UE;

11. Hu mħhasseb ħafna li l-espansjoni tal-operazzjonijiet marittimi kkoordinati mill-FRONTEX jistgħu jwasslu għal rata ogħla tal-imwiet f'rotot tal-baħar li huma aktar perikolużi; jiġbed l-attenzjoni li analiżi realistika tal-flussi għandha tkun ibbażata fuq strateġija globali, billi jekk l-analiżi tkun limitata għal rotot waħdanin, din tagħti indikazzjonijiet foloz dwar ix-xejriet;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-attivitajiet ta' salvataġġ u appoġġ għal dawk il-persuni li jfittxu l-protezzjoni jew l-ażil jeħtieġu attenzjoni speċjali għal dawk il-persuni bi ħtiġijiet speċifiċi, bħat-tfal u n-nisa, u għalhekk iqis li l-korsijiet ta' taħriġ tal-FRONTEX għandhom jinkludu materjal dwar kif jiġu indirizzati ċerti ħtiġijiet speċifiċi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika sa liema punt it-tagħrif miġbur permezz tal-hekk imsejħa "stampa tal-informazzjoni ta' qabel il-fruntieri" se jinqasam ma' gvernijiet Afrikani u gvernijiet oħra;

14. Hu mħasseb li ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' ma jkollhomx mezzi adegwati biex jaraw jekk l-informazzjoni personali dwarhom miġbura mis-"sistema tas-sistemi" ppjanata mill-UE tkunx immaniġġjata skont il-prinċipji tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta li japplikaw fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika sa liema punt id-dejta personali se tkun disponibbli għall-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika xi kwalità ta' għajnuna loġistika għas-sorveljanza tal-fruntieri hija intenzjonata għal pajjiżi terzi li huma ġirien, kif imsemmi fit-tielet stadju tal-Fażi 1 tal-EUROSUR.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, José Javier Pomés Ruiz, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fiona Hall, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker, Renate Weber, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Boursier

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Catherine Boursier, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Maddalena Calia, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Viktória Mohácsi, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Athanasios Pafilis, Maria Grazia Pagano, Martine Roure, Sebastiano Sanzarello, Inger Segelström, Csaba Sógor, Søren Bo Søndergaard, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Cappato, Genowefa Grabowska, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Antonio Masip Hidalgo

Sostitut (skont l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernand Le Rachinel