RAPPORT dwar ir-rapport dwar il-Kumpaniji ta' Direttorju Qarrieqa(Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn)
13.11.2008 - (2008/2126(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Simon Busuttil
PR_INI_art192
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Ħafna intrapriżi, spiss intrapriżi żgħar, isiru vittmi ta’ ingann operat peremezz ta’ riklamar qarrieqi. Ingann komuni huwa dak fejn il-vittma mingħajr ma trid tiffirma kuntratt ta’ riklamar f’direttorju kummerċjali wara li tkun ingħatat x’tifhem li dan kien ser ikun bla ħlas.
Il-vittmi tipikament jirċievu formoli minn kumpaniji ta’ direttorji kummerċjali li jistednuhom jimlew, jikkoreġu jew jaġġornaw id-dettalji kummerċjali tagħhom. Ta' spiss jingħadilhom li l-aġġornament tal-informazzjoni huwa bla ħlas. Dan iħajjarhom jaġġornaw l-informazzjoni u jibagħtu l-formola. Madanakollu ma jirrealizzawx li meta jiffirmaw il-formola jkunu wkoll qed jiffirmaw kuntratt li jorbothom li jagħmlu riklam fid-direttorju kummerċjali għal perjodu minimu ta’ tliet snin u li jiswihom madwar €1,000 fis-sena. Il-vittmi jirrealizzaw bl-ingann meta jirċievu ittra mill-kumpanija tad-direttorju kummerċjali li tinfurmahom li dawn attwalment għamlu riklam fid-direttorju, flimkien ma’ talba għall-ħlas permezz ta’ fattura. Dawk li ma jħallsux ta’ spiss jisfaw iffastidjati u anke mhedda b’azzjoni legali minn kumpaniji tad-direttorju jew il-kumpaniji ta’ ġbir ta’ dejn tagħhom. Ħafna sempliċiment iċedu u jħallsu sabiex iħalluhom bi kwiethom.
Eluf ta’ intrapriżi madwar l-Unjoni Ewropea ġew affetwati. Meta wieħed iqis li kull kuntratt jiswa madwar €1,000 fis-sena u jdum għal minimu ta’ tliet snin, l-impatt finanzjarju madwar l-UE huwa meqjus bħala sinifikanti.
Filwaqt li huwa ċar li hemm element ta’ prattika kummerjċali qarrieqa, li normalment tkun illegali, mhux ċar għal kollox jekk il-liġi tal-UE tipprovdix rimedju u jekk tagħmel dan, jekk din il-liġi hux qed tiġi infurzata biżżejjed fil-livell nazzjonali fid-diversi Stati Membri. Għalhekk, kumpaniji tad-direttorji qarrieqa spiss jisfruttaw oqsma dubjużi (grey zones) fil-liġi jew infurzar dgħajjef fil-livell nazzjonali sabiex iwettqu l-ingann. Element komuni li jeżisti huwa li ta’ spiss id-direttorji kummerċjali qarrieqa jkunu stabbiliti f’pajjiż differenti minn dak tal-vittma. Dan jagħmilha diffiċli għall-vittmi sabiex jużaw il-liġi nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jddefenduhom fi Stat Membru ieħor. Barra minn dan, l-intrapriżi spiss isibu li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ħarsien tal-konsumatur għandhom it-tendenza jeħilsu mill-ilmenti fuq il-bażi tal-fatt li l-liġi tal-konsumatur tapplika biss għall-konsumatur u mhux għall-intrapriżi. Dan iħallihom mingħajr rimedju effettiv u jiftaħ il-bieb biex ingann kummerċjali ta’ dan it-tip jikber.
Mhux l-intrapriżi kollha tad-direttorju joperaw b’riklamar qarrieqi u ħafna kumpaniji tad-direttorji kummerċjali huma perfettament leġittimi. Fil-fatt, dawn anke joperaw fuq bażi ta’ Kodiċi ta’ Kondotta li jagħmilha ċara li l-ordnijiet iridu jkunu identifikati b’mod ċar bħala ordnijiet u li r-riklamar bla ħlas ma jistax jitħallat ma’ dak bi ħlas. Madanakollu, xi intrapriżi ta’ direttorji kummerċjali jużaw prattiki qarrieqa. Il-biċċa l-kbira tal-ilmenti li rċieva l-Parlament Ewropew isemmu d-direttorju kummerċjali magħruf bħala “European City Guide” li huwa bbażat f’Valencia, fi Spanja iżda diversi oħrajn bħal “Construct Data Verlag”, “Deutscher Adressdienst GmbH” u “NovaChannel” issemmew ukoll. Xi direttorji kummerċjali qarrieqa huma bbażati wkoll fl-internet. Skont rappreżentanti tal-European City Guide, din il-kumpanija tibgħat madwar 6.5 miljun formola kull sena waħedha
L-objettivi ta’ dan ir-rapport
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew irċieva aktar minn 400 petizzjoni minn intrapriżi żgħar minn madwar l-Ewropa u anke minn pajjiżi terzi, li jgħidu li saru vittma. Barra minn hekk diversi Membri tal-Parlament Ewropew kitbu lill-Kummissjoni Ewropea dwar dawn l-ilmenti u diversi MEPs ippreżentaw mistoqsijiet bil-miktub jew orali. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew awtorizza dan ir-rapport sabiex jinvestiga din il-problema aktar fil-fond u sabiex jipproponi kif għandna nipproċedu. Għalhekk, permezz ta’ dan ir-rapport ir-rapporteur irid:
o Iqajjem kuxjenza dwar il-kwistjoni sabiex ikun hemm anqas intrapriżi li jsiru vittma ta’ ingann kummerċjali
o Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE sabiex jissikkaw il-liġijiet nazzjonali dwar riklamar qarrieqi u sabiex jiżguraw li l-liġi tal-UE dwar ir-riklamar qarrieqi u prattiki kummerċjali inġusti tiġi infurzata b’mod xieraq;
o Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u sabiex ittejjeb il-liġi eżistenti fejn jiġi stabbilit li din mhix adegwata biex twaqqaf il-prattiki qarrieqa darba għal dejjem, u
o Jipprovdi appoġġ u gwida għal dawk li diġà kienu vittma.
Il-leġiżlazzjoni tal-EU
Fil-livell Komunitarju hemm tliet liġijiet li huma l-aktar rilevanti. Dawn huma:
o Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar riklamar qarrieqi u riklamar komparattiv li ħadet post id-Direttiva 84/450/KEE[1] kif emendata mid-Direttiva 97/55/KE[2],
o Id-Direttiva 2005/29/KE[3] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki kummerċjali inġusti fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti);
o Ir-Regolament (KE) 2006/2004[4] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur)
Konsultazzjoni qabel it-tfassil tar-rapport
Qabel ma’ lesta dan ir-rapport, ir-rapporteur għamel diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni, inklużi mal-Kummissarju Ewropew għall-Konsumaturi Meglena Kuneva u ma’ diversi MEPs li huma interessati fil-kwistjoni minħabba li rċevew diversi lmenti mill-kostitwenti tagħhom. Ir-rapporteur iltaqa’ wkoll ma’ organizzazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw lill-intrapriżi, speċjalment intrapriżi żgħar fl-Ewropa bħall-Eurochambres u l-UEAPME kif ukoll l-Għaqda Ewropea tad-Direttorji Kummerċjali u, ovvjament, il-vittmi nfushom.
Il-Kumitat għall-petizzjonijiet organizza workshop pubbliku nhar il-ħamis, 11 ta’ Settembru 2008 fil-Parlament Ewropew bl-isem “Inwaqqfu l-Ingann: Il-ġlieda Kontra Direttorji Kummerċjali Qarrieqa”. Din is-sessjoni kienet opportunità għall-MEPs biex jisimgħu lill-petizzjonanti kif ukoll lill-organizzazzjonijizt rappreżentattivi u lir-rappreżentanti tad-direttorju Kummerċjali European City Guide li hija l-kumpanija l-aktar identifikata mill-petizzjonanti.
Il-konklużjonijiet tar-Rapport
Ir-rapporteur iqis li l-petizzjonanti fil-fatt qed iqajmu problema serja li tidher li hija mifruxa, ta’ natura transkonfinali u li għandha impatt finanzjajru sinifikanti, speċjalment fuq l-intrapriżi ż-żgħar. Barra minn dan ir-rapporteur iħoss li n-natura transkonfinali ta’ din il-problema tpoġġi r-responsabilità b’mod ċar fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji. Dan ir-rimedju għandu jippermetti lill-vittmi jikkontestaw il-validità ta’ kuntratti konklużi fuq il-bażi ta’ riklamar qarrieqi u għandu wkoll jippermetti lill-vittmi jiksbu rimbors tal-flus li ħallsu b’riżultat ta’ prattiki qarrieqa.
Ir-rapport jesprimi dispjaċir li l-awtoritajiet nazzjonali eżistenti jidhru inkapaċi li jipprovdu rimedju xieraq lill-vittmi u jqis wkoll li minkejja n-natura mifruxa ta’ dawn il-prattiki qarrieqa, il-leġiżlazzjoniji tal-UE u dik nazzjonali wkoll ma jidhrux xierqa biżżejjed biex jipprovdu rimedju effettiv jew inkella mhux qed jiġu infurzati kif suppost.
Gwida għall-vittmi
Ir-rapport iħeġġeġ lill-vittmi sabiex jirrappurtaw il-każijiet ta’ ingann kummerċjali lill-awtoritajiet nazzjonali u sabiex ifittxu li jieħdu parir adegwat qabel ma jħallsu l-flus mitluba mill-kumpaniji ta’ direttorji kummerċjali qarrieqa.Barra minn dan, il-vittmi għandhom jippreżentaw il-każ tagħhom lill-għaqdiet kummerċjali u dawk tal-konsumatur kif ukoll lir-rappreżentant tagħhom fil-Parlament Ewropew sabiex l-azzjoni kontra d-direttorji kummerċjali qarrieqa tissaħħaħ fil-livell Ewropew.
Iż-żieda fl-għarfien
Ir-rapport jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li għamlu l-għaqdiet kummerċjali Ewropej u nazzjonali sabiex iqajmu kuxjenza fost il-membri tagħhom u jistedinihom sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom ħalli qabel xejn ikun hemm anqas vittmi ta’ direttorji kummerċjali qarrieqa. Ir-rapport jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-azzjoni li ħadu ċerti Stati Membri fosthom l-Italja, Spanja,l-Olanda, il-Belġju u r-Renju Unit, iżda l-aktar l-Awstrija, sabiex jippruvaw jevitaw li kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa jkomplu b'dawn il-prattiki qarrieqa.Madanakollu jinnota li dawn l-isforzi għadhom mhux biżżejjed.
Dwar l-għarfien, ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom, b’kooperazzjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej li jirrapreżentaw l-intrapriżi, sabiex iqajmu kuxjenza ta’ din il-problema biex aktar persuni jiġu infurmati u tingħatalhom il-possibilità li jevitaw riklamar qarrieqi li jista’ jdaħħalhom f'kuntratti ta' riklamar li ma jridux;
Ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza dan l-ilment fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar l-“Att dwar il-Intrapriżi ż-Żgħar”;
Id-Direttiva 2006/114/EC[5] dwar riklamar qarrieqi u komparattiv
Ir-rapport jinnota li d-Directive 2006/114/EC[6] dwar riklamar qarrieqi u komparattiv tapplika għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża kummerċjali u oħra u għalhekk tapplika għall-problema li qed jaffaċċjaw il-vittmi ta’ direttorji kummerċjali qarrieqa. Din id-Direttiva ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha u tipprovdi għall-użu ta’ ordnijiet ta’ waqfien u proċeduri legali oħrajn li jipprojbixxu l-użu kontinwu ta’ riklamar qarrieqi. Madanakollu din id-direttiva tidher li jew mhix biżżejjed biex tipprovdi rimedju jew inkella mhix qed tiġi adegwadament infurzata mill-Istati Membri.
Ir-rapport għalhekk jistdien lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/114/EC[7]. Dan għandu jsir l-aktar f’dawk l-Istati Membri fejn huwa magħruf li huma stabbiliti kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa, iżda b'mod partikolari fi Spanja, fejn il-kumpanija ta' direttorju kummerċjali li l-aktar tissemma mill-petizzjonanti hija stabbilita, u fir-Repubblika Ċeka fejn ingħatat sentenza kontra l-vittmi b’mod li tqajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’dak il-pajjiż.
Ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar dak li ssib;
Id-Direttiva 2005/29/EC[8] dwar prattiki inġusti
Ir-rapport jesprimi dispjaċir li d-Direttiva 2005/29/KE[9]dwar prattiki inġusti ma tkoprix it-tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra u li l-Istati Membri ma jidhrux li għandhom il-ħeġġa li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra jinnota li l-Istati Membri jistgħu unilateralment iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar it-tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra u għalhekk dawk li jixtiequ joffru ħarsien fil-liġi nazzjonali tagħhom jistgħu jagħmlu dan mingħajr xkiel u bla ma jistennew l-inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tbiddel il-liġi tal-UE
L-aħjar mudell għall-ġlieda kontra direttorji qarrieqa tidher li hija l-Awstrija, li ilha li bidlet il-liġi nazzjonali dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti tagħha mill-2000. It-Taqsima 28a tagħha issa tgħid li “Mhux permess li wieħed jirreklama, fil-qasam tal-kummerċ u bil-għan ta’ kompetizzjoni, għal reġistrazzjoni f’direttorji, bħal paġni s-sofor, id-direttorju tat-telefon jew listi simili, permezz ta' formoli ta’ ħlas, formoli ta’ money order, fatturi, offerta ta’ korrezzjoni jew mod simili jew li wieħed joffri reġistrazzjonijiet simili mingħajr ma jiddikkjara b'mod ċar u anke b'mod grafiku li dan ir-riklamar huwa biss offerta ta’ kuntratt."
Ir-rapporteur iħoss li l-Awstrija hija eżempju tajjeb u li għandu jiġi segwit. Għalhekk ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fid-dawl tan-natura transkonfinali ta’ din il-problema, tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva ġdida, bbażata fuq il-mudell Awstrijak,
li speċifikament tipprojbixxi r-riklamar ta’ direttorji kummerjċali sakemm il-klijenti prospettivi ma jkunux infurmati b’mod ċar u permezz ta’ mod grafiku li tali riklamar huwa maħsub biss bħala offerta ta’ kuntratt bi ħlas;
Ir-Regolament (KE) 2006/2004[10] dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal infuzar tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur
Ir-rapport jinnota wkollli l-liġi nazzjonali ta’ spiss mhix adattata sabiex wieħed ifittex rimedji kontra kumpaniji ta’ direttorji kummerċjali li huma bbażati fi Stati Membri oħrajn u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita aktar kooperazzjoni transkonfinali attiva fost l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tippermettilhom jipprovdu rimedju aktar effettiv lill-vittmi.
Fil-Belġju pereżempju, dawk kollha affettwati minn prattiki qarrieqa jistgħu jieħdu azzjoni fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u fil-fatt kien hemm każ kontra direttorju kummeċjali qarrieqi li intrebaħ mill-vittma (l-intrapriża ġiet immultata) għalkemm waqt li qed jinkiteb dan ir-rapport jidher li l-każ għadu sub judice fl-istadju tal-appell.
Fl-Awstrija hemm evidenza ta’ kawżi l-qorti li kienu ta’ suċċess għall-vittmi li fittxew kumpaniji ta’ direttorji kummerċjali bil-qorti.
Mill-banda l-oħra fir-Repubblika Ċeka jidher li xi vittmi tilfu l-kawża mressqa kontrihom minn kumpaniji tad-direttorju u dan il-każ partikolari jqajjem dubju serju dwar kemm ir-Republika Ċeka qed timplimenta d-dispożizzjonijiet tad- Direttiva 2006/114/KE[11] kif suppost.
Fi-Spanja, waħda mill-intrapriżi l-aktar imsemmija, il-European City Guide, ġiet immultata tliet darbiet mill-Generalitat de Cataluna meta kienet ibbażata f’Barċellona u ġiet ordnata tagħlaq temporanjament għal sena. Eventwalment din imxiet għal Valencia fejn għadha qed topera taħt kundizzjonijiet xi ftit jew wisq aktar stretti. Pereżempju l-vittmi issa qed jiġu infurmati li għandhom id-dritt jikkanċellaw l-ordni fi żmien sebat ijiem. Madanakollu, normalment dawn jindunaw x’iffirmaw verament wara li dan il-perjodu jkun skada. Il-kumpanija ħolqot ukoll l-hekk imsejjaħ “Defensor del cliente” (ombudsman) sabiex jirċievi l-ilmenti tal-klijenti.. Madanakollu dan l-uffiċċju ma jidhirx li huwa indipendenti mill-kumpanija tad-direttorju kummerċjali nnifisha u għalhekk ftit jispira fiduċja. Ir-rapporteur għalhekk iħoss li din il-kumpanija ta’ direttorju kummerċjali m’għamlitx biżżejjed sabiex tiżgura li l-klijenti prospettivi tagħha ma jitqarqux meta jiffirmaw kuntratt ta’ riklamar li fil-verità qatt ma riedu.
Barra minn dan, m’hemm ebda evidenza ta’ xi awtorità nazzjonali minn Stat Membru ieħor li qed tfittex rimedju direttament fil-qrati ta’ Valenicia fuq il-bażi tar-Regulament (KE) 2006/2004[12] dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal infuzar tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur.
Fir-Renju Unit, l-Office of Fair Trading (OFT) jidher li uża d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 2006/2004[13] dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal infuzar tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur. L-OFT, li huwa wkoll responsabbli mill-ħarsien tal-konsumatur jidher li uża dan ir-regolament b’suċċess biex ifittex inġunzjoni kontra kumpaniji fil-Belġju u fl-Olanda li nstabu li qed jibagħtu riklamar mhux mitlub u qarrieqi lil konsumaturi Brittaniċi. Għalkemm pass fid-direzzjoni t-tajba, dan il-każ ma jirrigwardax kumpaniji ta’ direttorju kummerċjali.
Minbarra dan il-każ ftit hemm evidenza li r-Regolament 2006/2004[14] intuża biżżejjed minn awtoritajiet nazzjonali sabiex ifittxu rimedju, bħal inġunzjoni, għal ilmenti li l-oriġini tagħhom tkun fi Stat Membru ieħor. Dan jidher li ġara minħabba l-ispejjeż meħtieġa biex tittieħed azzjoni, il-kumplessità u t-tul tal-proċedura u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-inġunzjon.
Il-ħtieġa li jissaħħu l-awtoritajiet nazzjonali
Ir-rapport iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-intrapriżi li jkunu vittmi ta’ riklamar qarrieqi jkollhom awtorità nazzjonali identifikabbli li tilqa’ l-ilmenti tagħhom u li għandha jistgħu jfittxu rimedju. Attwalment dan mhux il-każ għaliex l-awtoritajiet nazzjonali spiss ma jitrattawx każijiet ta’ lmenti minn intrapriżi, u jillimitaw rwieħhom għal ilmenti minn konsumaturi. Ir-rapport jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżviluppa linjigwida dwar l-aħjar prattiki li l-aġenziji nazzjonali ta’ infurzar jkollhom isegwu meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ riklamar qarrieqi..
Direttorji kummerċjali qarrieqa bbażati f’ pajjiżi terzi
Fl-aħħar nett, ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex li tibni kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti sabiex direttorji kummerċjali qarrieqa bbażati f’pajjiżi terzi ma’ jippreġudikawx intrapriżi bbażati fl-Unjoni Ewropea;
- [1] ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17-20.
- [2] ĠU C 290, 23.10.1997, p. 18-23.
- [3] ĠU L 149, 11.6.2005, p.22-39.
- [4] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1-11.
- [5] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21-27.
- [6] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21-27.
- [7] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21-27.
- [8] ĠU L 149, 11.6.2005, p.22-39.
- [9] ĠU L 149 11.06.2005, p.22-39.
- [10] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1-11.
- [11] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21-27.
- [12] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1-11.
- [13] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1-11.
- [14] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1-11.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (7.10.2008)
għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet
dwar ir-Rapport dwar il-Kumpaniji Żleali li jfasslu Direttorji (Petizzjoni 45/2006)
(2008/2126(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Diana Wallis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
- Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tiegħu li jistabbilixxu s-suq intern u li jiggarantixxu li l-impriżi jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra,
- Wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 dwar il-ħolqien ta' zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, li jistqarru li individwi u negozji ma għandhomx jitwaqqfu jew ikunu mfixkla milli jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom bin-nuqqas ta' kompatibilità jew bil-kumplessità tas-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri,
- Wara li kkunsidra t-393 petizzjoni, dwar kumpaniji żleali li jfasslu direttorji, mingħand 24 Stat Membru u minn 19-il pajjiż terz, li waslu għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu,
A. billi l-attivitajiet suspettużi tal-kumpanija European City Guides (ECG) u kumpaniji oħra simili jmorru lura għal għexieren ta' snin (bil-kumpaniji kkonċernati jirrilokaw ruħhom matul iż-żmien sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom u jiskansaw il-pieni), u billi ħafna negozji ġew milquta,
B. billi l-attivitajiet tal-kumpanija European City Guides kienu suġġetti għal azzjoni legali u amministrattiva, bħal dik li ttieħdet mill-Qorti Superjuri u l-gvern reġjonali fil-Katalonja (Spanja), li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tal-kumpanija u l-impożizzjoni ta' multa,
C. billi meta frodi bħal din tiġi organizzata minn naħa għal oħra tal-fruntieri u għaldaqstant tinvolvi attività f'żewġ Stati Membri jew aktar, ma hemmx mekkaniżmu għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali biex jaħdmu flimkien b'mod transkonfinali - la hemm xi baġit u anqas biss direttorju tat-telefown biex jinstabu l-kuntatti tal-pulizija fuq in-naħa l-oħra tal-fruntieri jew fi Stati Membri oħra distanti - u minħabba f'dan l-aġenziji nazzjonali bir-raġun jitilfu l-interess li jsegwu minn iwettaq frodi minħabba li dawn huma tant organizzati tajjeb min-naħa għal oħra tal-fruntieri, liema fruntieri l-aġenziji nazzjonali ma jistgħux jaqsmu,
1. Jiddispjaċih li waqt li s-suq intern iġib possibilitajiet ġodda għal operazzjonijiet kummerċjali li jkunu bona fide, jista' jagħti l-opportunità mhux mixtieqa għal dawk li jkunu jridu japprofittaw mill-SMEs; jitlob għal azzjoni fuq il-livell tal-UE, b'koperazzjoni mal-Istati Membri, biex dan ikun evitat u limitat;
2 Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE tal-10 ta' Settembru 1984 rigward reklamar qarrieqi u komparattiv [1](id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi), flimkien mad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 rigward prassi kummerċjali bejn negozji u konsumaturi mhux ġusta fis-suq intern[2] (id-Direttiva tal-Prassi Kummerċjali Mhux Ġusta), sabiex tintemm din il-prassi ta' kumpaniji żleali li jfasslu d-direttorji;
3. Jenfasizza bħala l-aħjar prassi §28a tal-Gesetz gegen unlauteren Wettbewerb Awstrijakk tal-1984 (Statut kontra l-Prattiċi Kummerċjali Inġusti - UWG), li jipprojbixxi l-prattiki ta' kumpaniji tad-direttorju qarrieqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu dispożizzjonijiet simili fl-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti sabiex tkun evitata ħsara lill-konsumaturi u lin-negozji ż-żgħar, u biex tiżgura li l-kompetizzjoni titwettaq kif suppost, mingħajr ħsara għall-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi;
4. Meta jitqies l-istudju dwar il-Prattiki Qarrieqa tal-Kumpaniji tad-Direttorju li tqabbad biex isir mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, li jindika bħala għażliet leġiżlattivi possibbli, li tittieħed azzjoni fil-konfront tal-problema tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa, l-emenda tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li jirrigwarda r-reklamar qarrieqi u komparattiv[3], biex tinkludi lista "sewda" ta' prattiki li għandhom jitqiesu qarrieqa u li jestendu l-ambitu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Mhux Ġusti biex ikopru l-kuntratti B2B b'attenzjoni speċifika għall-punt 21 tal-Anness I tiegħu, jirrikjedi lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa Diċembru 2009 dwar il-fattibilità u l-konsegwenzi possibbli ta' emenda jew estensjoni bħal din;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-qagħda partikulari tal-SMEs meta tiddefinixxi "il-konsumatur" fir-reviżjoni tagħha tal-acquis tal-konsumatur; jitlob li din tifforma wkoll parti mill-ħidma tal-Qafas Komuni ta' referenza dwar il-Liġi tal-Kuntratti, sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn reġim protettiv aktar b'saħħtu fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar kwistjonijiet kuntrattwali;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istedina tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Istati Membri biex jinfurzaw in-netwerk SOLVIT u biex jipprovdu l-SMEs b'servizzi ta' konsulenza u appoġġ biex jiddefendu ruħhom kontra prattiċi kummerċjali żleali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha b'mod attiv fil-koperazzjoni u l-provvista ta' assistenza għal dawk li jġarrbu l-konsegwenzi ta' operaturi ta' kumpaniji tad-direttorji żleali. jistieden ulterjorment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw dwar kampanji li jqajmu kuxjenza rigward prattiki żleali bħal dawn, b'użu estensiv tal-għodda li l-internet jista' joffri u bl-involviment tal-SMEs u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, inklużi l-Enterprise Europe Network u ċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur; jistenna bi ħġaru l-portal e-justice propost tal-Kummissjoni bħala mezz ulterjuri li bih jitwasslu t-tagħrif u l-għajnuna fir-rigward ta' dawn il-problemi;
7. Jiddispjaċih li, filwaqt li l-proċediment Ewropew għall-proċedura ta' ħlas itejjeb l-aċċess transkonfinali għall-ġustizzja, entitajiet mingħajr skruplu li jiġbru d-dejn jistgħu jużaw dan il-proċediment biex jagħtu fastidju lill-SMEs u lill-individwi; jagħti l-parir li jkun ikkunsidrat kodiċi ta' kondotta għall-UE kollha dwar l-entitajiet li jiġbru d-dejn;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw attivament biex iġibu fit-tmiem il-prassi mhux korretta ta' kumpaniji li jfasslu direttorji u li jwettqu attivitajiet simili;
9. Jinnota li meta Stati Membri ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jaġixxu, għandhom jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi li jippermettu li vittmi individwali jkunu jistgħu jappellaw b'mod konġunt permezz tal-qrati fuq bażi transkonfinali; jistieden, għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw jibdew operazzjoni ta' sistema koerenti ta' kumpens kollettiv biex jintlaħaq ftehim dwar ilmenti transkonfinali, ibbażata kemm fuq riċerka estensiva meħuda mill-esperjenza miksuba madwar id-dinja kif ukoll eżami dettaljat ta' problemi eżistenti u l-benefiċċji previsti għall-konsumaturi, u li jindirizzaw b'mod ċar il-kwistjoni ta' bażi legali xierqa għal strument ta' dan it-tip fil-livell tal-UE;
10. Jiddispjaċih mill-fatt li d-diffikultajiet involuti biex jiġu ttraċċjati l-attivitajiet ta' dan it-tip ifixklu s-suq intern u jaffettwaw il-mod li bih topera l-kompetizzjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kontra l-attivitajiet frodulenti kollha li huma involuti fihom il-European City Guide u kumpaniji oħra simili, billi bħala l-aħħar rimedju jissospendu l-attivitajiet tagħhom sabiex il-konsumaturi u n-negozji ma jġarrbux ħsara.
12. Jistieden lill-korpi ta' sorveljanza tal-Istati Membri – skont il-mandat u r-responsabbiltajiet tagħhom mogħtija lilhom skont il-liġi nazzjonali ta' pajjiżhom u l-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikulari r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru. 2006/2004 tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jħarsu lill-konsumatur (Regolament dwar il-koperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur)[4] – biex jieħdu azzjoni konġunta biex iwaqqfu milli jkun hemm aktar tixrid ta' prattiki qarrieqa mill-kumpaniji tad-direttorji u biex jintroduċu miżuri effettivi li jġibu f'falliment il-kumpaniji tad-direttorji kif ukoll biex ikun possibbli li dawk li jmexxu dawn in-negozji jiġu kkastigati.
13. Jikkunsidra li l-prattiki tal-kumpaniji tad-direttorji kif huma deskritti mhux biss huma inkonsistenti ma' mġiba korretta u mal-istandards ta' kummerċ ġust, iżda l-biċċa l-kbira juru wkoll il-karatteristiċi ta' frodi u ta' atti u offiżi kriminali oħra, u għaldaqstant jitlob lill-korpi ta' sorveljanza xierqa, il-forzi tal-pulizija, u l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi fl-Istati Membri – u kif ukoll lill-Europol u l-Eurojust – biex iwettqu investigazzjoni dettaljata dwar il-prattiki tal-organizzaturi, possibilment li jwasslu għall-akkużi kontra dawk li huma attwalment ħatja fit-territorju tal-UE; jekk huma ġejjin minn pajjiżi terzi, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz biex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi kkonċernati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004.
14. Jistieden lill-Kummissjoni – bil-għan li tipprojbixxi l-prattiki qarrieqa tal-kumpaniji tad-direttorji – biex tikkunsidra b'attenzjoni l-miżuri li ġejjin:
- is-sezzjoni mandatorja ta' ordni għandha tiġi standardizzata b'tali mod li tassigura li din ikun fiha ftehimiet li jkunu konformi ma' aġir diċenti u li jiddefinixxu b'mod trasparenti relazzjonijiet bażiċi legali (li jinkludu dikjarazzjoni ċara tal-prezz); il-kontenut ta' din is-sezzjoni jista' jkun verifikabbli mill-korpi xierqa fl-Istati Membri (bħalma huma l-ispettorat tal-istandards tal-kummerċ jew l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta personali);
- kuntratti/ordnijiet b'forma standard, fejn il-parti d-dgħajfa għall-kuntratt jew l-ordni ma jkollhiex il-possibilità li tibdel il-kuntratt/l-ordni u tista' biss taċċettahom jew tirrifjutahom, għandhom ikunu suġġetti għal regoli simili bħalma jiġu applikati għall-prattiki kummerċjali inġusti, anke jekk il-parti d-dgħajfa tal-kuntratt/l-ordni ma tkunx konsumatur;
- kuntratti/ordnijiet b'forma standard għandhom ikunu suġġetti għal test ta' 'konsumatur medju' simili għal dak li japplika għall-prattiki kummerċjali inġusti, anke jekk il-parti d-dgħajfa tal-kuntratt ma tkunx konsumatur;
- għandu jiġi introdott il-prinċipju li permezz tiegħu jekk għadd sinifikanti ta' individwi jiġu 'mqarrqa' bit-test ta' kuntratti/ordnijiet b'forma standard, l-oneru tal-prova għandu jinqaleb u l-kumpanija tad-direttorju għandha ġġorr il-piż li tressaq il-provi li t-test tal-kuntratti/ordnijiet b'forma standard ma jqarraqx b'maniġer tal-finanzi kompetenti;
15. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li prattiki qarrieqa ta' din in-natura min-naħa ta' kumpaniji tad-direttorji huma mmirati mhux biss għall-intraprendituri iżda wkoll għall-persuni fiżiċi (inklużi r-rappreżentati politiċi) li mhumiex involuti fin-negozju iżda li jirċievu offerti li jikkonċernaw annotazzjonijiet fittizji f'pubblikazzjonijiet bijografiċi (bħalma huma 'l-Who is who', il-Personalità tas-Sena f'qasam partikulari, u oħrajn) u li huma bbażati fuq l-istess diżonestà, u għaldaqstant miżuri ġejjiena jridu jipprojbixxu legalment prattiki qarrieqa ta' dan it-tip.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.10.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Cristian Silviu Buşoi, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Pierre Jonckheer, Kurt Lechner, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Zita Pleštinská, Karin Riis-Jørgensen, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Barbara Weiler, Marian Zlotea |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Colm Burke, Giovanna Corda, José Ribeiro e Castro, Olle Schmidt, Diana Wallis |
|||||
RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE
Date adopted |
6.11.2008 |
|
|
|
||
Result of final vote |
+: –: 0: |
19 0 0 |
||||
Members present for the final vote |
Sir Robert Atkins, Inés Ayala Sender, Simon Busuttil, Michael Cashman, Alexandra Dobolyi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, David Hammerstein, Marian Harkin, Marcin Libicki, Manolis Mavrommatis, Kathy Sinnott |
|||||
Substitute(s) present for the final vote |
Marie-Hélène Descamps, Roger Helmer, Yiannakis Matsis, Juan Andrés Naranjo Escobar, Tatjana Ždanoka |
|||||
Substitute(s) under Rule 178(2) present for the final vote |
Richard Corbett, Luis de Grandes Pascual, Salvador Garriga Polledo |
|||||