RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l'Att Awtentiku Ewropew
19.11.2008 - (2008/2124(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Manuel Medina Ortega
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l'Att Awtentiku Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2005 bit-titolu ‘Il-programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Il-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja’ (COM(2005)0184),
– wara li kkunsidra l-istudju komparattiv dwar l-istrumenti awtentiċi mwettaq mill-Kummitat għall-Affairjiet Legali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0451/2008),
A. billi, fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija dwar il-programm tal-Aja, il-Kummissjoni stqarret li waħda mill-prijoritajiet tagħha hija l-ħtieġa li tiggarantixxi spazju Ewropew effettiv fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, u prinċipalment f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet legali; billi bil-għan li jkabbar il-fiduċja reċiproka fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-programm imsemmi jelenka bħala prijorità essenzjali fis-snin li ġejjin l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, billi dan huwa mod konkret ta’ kif jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini u biex b’hekk tiġi garantita l-applikazzjoni transkonfinali fl-Ewropa,
B. billi l-Programm tal-Aja jistipola li t-twettiq tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ rikonoxximent reċiproku jikkostitwixxi prijorità essenzjali, u li din l-implimentazzjoni għandha sseħħ sal-2011,
C. billi l-moviment taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea qiegħed jikber kontinwament; billi, b’konsegwenza ta’ dan, kien hemm żvilupp fis-sitwazzjonijiet legali li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed,
D. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq dwar il-Programm tal-Aja, li fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, ir-rikonoxximent tal-atti pubbliċi huwa aspett fundamentali li jrid jiġi trattat; billi għalhekk jeħtieġ b’mod urġenti li r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tal-atti awtentiċi, kif definiti fis-sentenza Unibank, jiġu promossi[1],
E. billi approċċ settorjali u mhux omoġenju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti[2],
F. billi titqies il-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej jiġu mħarsa fir-relazzjonijiet familjari u ta’ proprjetà tagħhom lilhinn mill-fruntieri,
G. billi l-impriżi qed ikollhom dejjem aktar uffiċċji f’pajjiżi barranin u attivitajiet interkomunitarji li qed iwasslu għal ċirkulazzjoni akbar tal-atti awtentiċi relatati mal-ħolqien u mat-tħaddim tal-impriżi,
H. billi huwa fundamentali għall-Unjoni li tistabbilixxi qafas legali ċar u sħiħ li jiggarantixxi liċ-ċittadini u lill-operaturi ekonomiċi Ewropej is-sigurtà u l-prevedibilità tas-sitwazzjonijiet legali u tat-tranżazzjonijiet stabbiliti minn dawk li jingħataw l-awtorità pubblika,
I. billi l-ħolqien tal-ispazju legali Ewropew ġenwin f'dak li jikkonċerna l-qasam tat-tilwim jiddependi fuq ir-rikonoxximent transkonfinali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda minn qorti jew minn awtorità amministrattiva u, f'dak li jikkonċerna l-qasam mhux ġudizzjarju, fuq ir-rikonoxximent transkonfinali tal-atti awtentiċi li tirċievi awtorità ġudizzjarja jew li jirċievu uffiċjali pubbliċi maħtura sabiex jawtentifikaw tal-atti legali,
J. billi r-regolamenti eżistenti fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet legali japplika għall-atti awtentiċi li joħorġu mill-awtoritajiet pubbliċi,
K. billi l-karatterstika essenzjali tal-att awtentiku hija s-saħħa probatorja tiegħu li tieħu preċedenza fuq dik ta’ att privat, u li din is-saħħa probatorja, li l-maġistrat huwa obbligat li jaċċettaha, hija attribwita lilu regolarment fil-liġijiet tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-fiduċja fl-atti stabbiliti, fil-qafas tat-tranżazzjonijiet legali, minn uffiċjal pubbliku awtorizzat biex jagħmel dan jew minn awtorità pubblika[3],
L. billi l-kundizzjoni mitluba bil-quddiem għas-saħħa probatorja ta’ att awtentiku hija r-rikonoxximnet tal-awtentiċità tiegħu, fis-sens li dan joħroġ minn uffiċjal pubbliku li għandu s-setgħa li jistabbilixxi atti awtentiċi jew minn awtorità pubblika; billi l-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-ġustizzja tal-Istati Membri tiġġustifika li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-awtentiċità ma jkunux applikabbli fil-futur sakemm ma jkunx hemm dubju serju dwar l-veridiċità tiegħu,
M. billi r-rispett għal-liġi tal-Istat Membru fit-territorju li fih l-att ikun ippreżentat għall-użu jimplika, madankollu, iċ-ċertezza li r-rikonoxximent tas-saħħa probatorja ma jfissirx li l-att awtentiku barrani jgawdi, bis-saħħa tar-rikonoxximent tiegħu fl-Istat Membru li fih irid jiġi ppreżentat, minn saħħa probatorja li tieħu preċedenza fuq dik tal-att awtentiku nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru; billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-materjal tar-Regolament mitlub irid ikun ikopri l-parti essenzjali tal-liġi ċivili u kummerjċali, ħlief f'ċerti oqsma definiti,
N. billi d-differenzi fl-istruttura u fl-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ reġistri pubbliċi fil-qasam tal-pussess ta’ proprjetà, kif ukoll id-differenzi dwar in-natura u d-dimensjoni tal-fiduċja pubblika fihom, jirriżultaw fl-esklużjoni tat-trasferiment tad-drittijiet reali immobiljari minn strument Komunitarju futur, meta titqies il-korrelazzjoni stretta bejn il-metodu ta’ tfassil ta’ att awtentiku, minn naħa, u l-iskrizzjoni fir-reġistru pubbliku min-naħa l-oħra,
O. billi, fil-qasam tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet legali madwar l-Unjoni, esklużjoni bħal din tikkorrisponi għall-għoti tal-kompetenza esklussiva lill-qrati fejn tinstab il-proprjetà għall-appelli kollha relatati mad-drittijiet reali immobiljari u għall-għoti lill-qrati fit-territorju fejn jinżamm ir-reġistru pubbliku għall-appelli kollha dwar il-validità tal-iskrizzjonijiet fir-reġistru pubbliku[4],
P. billi l-istituzzjoni tal-att awtentiku ma teżistix f’sistemi ta’ ''common law'', b’mod partikolari fil-liġi Ingliża u dik ta' Wales, jew fil-pajjiżi Nordiċi; billi, fl-Ingilterra u f'Wales, jeżistu avukati (solicitors) li jwettqu d-dmirijiet ta' nutari, kif ukoll nutari professjonisti (scrivener notaries), iżda li dawn il-ġuristi ma jistgħux joħorġu atti awtentiċi u huma biss mogħtija s-setgħa li jiċċertifikaw il-firem, u li għalhekk jaqbel li, matul l-adozzjoni ta' kull liġi li tkun tikkonċerna l-atti awtentiċi Ewropej, jittieħdu miżuri sabiex jiġi eskluż kwalunkwe riskju ta' konfużjoni f'dan ir-rigward; billi, bħala konsegwenza ta' dan, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi garantit li, fil-pajjiżi fejn iċ-ċittadini ma jkollhomx il-possibilità li jistabbilixxu atti awtentiċi, ma jkunx possibbli li atti bħal dawn jintużaw biex wieħed jevita l-proċeduri previsti mis-sistemi legali ta' dawn il-pajjiżi (pereżempju l-proċedura ta' ċertifikazzjoni); billi, minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tniedi kampanja ta' informazzjoni adattata sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-membri tal-professjonijiet legali tal-Istati Membri fejn ma jeżistux l-atti awtentiċi, u billi għandu jsir kull ma jkun possibbli sabiex jiġi garantit li l-membri tal-professjonijiet legali tal-pajjiżi tal-''common law'' ikunu konxji mill-ħidma mwettqa mill-uffiċjali pubbliċi taċ-ċivil tal-pajjiżi tal-liġi ċivili u mill-vantaġġi eventwali - partikolarment f'termini ta' sigurtà legali - li għall-klijenti tagħhom jirrappreżenta l-użu ta' atti awtentiċi fit-tranżazzjonijiet li jkunu jixtiequ jikkonkludu f'pajjiżi fejn jeżisti dan it-tip ta' strument; billi dan jenfasizza l-ħtieġa, kif esprima kemm il-darba l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, għal netwerk trans-Ewropew ta’ professjonisti legali, għal kampanji u materjal ta’ informazzjoni u għal taħriġ komuni li l-Kummissjoni qed tiġi mistiedna tippromwovi,
Q. billi r-Regolament mitlub ma jistax jiġi applikat la għal kwistjonijiet dwar il-liġi applikabbli li tkun koperta minn strumenti Komunitarji oħrajn u lanqas għal kwistjonijiet dwar il-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u tal-uffiċjali pubbliċi, li tinkludi l-proċedura ta’ awtentiċità, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri,
1. Iqis li l-fiduċja reċiproka fil-liġi fi ħdan il-Komunità tiġġustifika l-fatt li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-veridiċità tal-att awtentiku fil-qasam transkonfinali jiġu eliminati fil-ġejjieni; iqis li dan ir-rikonoxximent ta' att awtentiku għal użu fl-Istati Membri li jitolbu jista' jiġi rrifjutat biss fil-każ ta' dubji serji u ssostanzjati dwar l-awtentiċità tiegħu, jew jekk ir-rikonoxximent ikun kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat Membru li jitolbu;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament, skont l-Artikolu 65(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva dwar l-istabbiliment ta' rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tal-atti awtentiċi;
3. Jenfasizza li r-rikonoxximent ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħti lil att barrani iktar effett minn dak li jkollu att nazzjonali;
4. Jixtieq li r-Regolament mitlub ikun japplika għall-atti awtentiċi kollha dwar il-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali minbarra dawk marbuta mal-immobbli, u għandu jew jista' jkun soġġett għal iskrizzjoni jew traskrizzjoni f'reġistru pubbliku;
5. Jispeċifika li r-Regolament mitlub m'għandux japplika la għall-kwistjonijiet marbuta mal-liġi applikabbli għas-suġġett tal-att awtentiku u lanqas għall-mistoqsijiet marbuta mal-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u l-uffiċjali pubbliċi, inkluża l-proċedura ta' awtentikazzjoni;
6. Jinnota illi, f'dan il-kuntest, din ir-riżoluzzjoni tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
7. Iqis li l-proposta mitluba m'għandhiex konsegwenzi finanzjarji;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Deċiżjoni tal-Qorti tas-17 ta’ Ġunju 1999, fil-każ C-260/97, ECR 1999, p. 3715.
- [2] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 805/2004 (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15)
- [3] Konlużjonijiet tal-avukat ġenerali La Pergola tat-2 ta’ Frar 1999 fil-każ Unibank imsemmija hawn fuq, punt 7.
- [4] Ara l-Artikolu 22, punti 1 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.
ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI RIGWARD IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
1. Il-fiduċja reċiproka fil-liġi fi ħdan il-Komunità tiġġustifika l-fatt li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-veridiċità tal-att awtentiku fil-qasam transkonfinali jiġu eliminati fil-ġejjieni.
2. Dan ir-rikonoxximent ta' att awtentiku għal użu fl-Istati Membri li jitolbu jista' jiġi rrifjutat biss fil-każ ta' dubji serji u ssostanzjati dwar l-awtentiċità tiegħu, jew jekk ir-rikonoxximent ikun kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat Membru li jitolbu.
3. Il-Parlament jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq quddiemu, skont l-Artikolu 65(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva dwar l-istabbiliment ta' rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tal-atti awtentiċi.
4 L-att li huwa s-suġġett tal-proposta leġiżlattiva ikun japplika għall-atti awtentiċi kollha dwar il-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali minbarra dawk marbuta mal-immobbli, u għandu jew jista' jkun soġġett għal iskrizzjoni jew traskrizzjoni f'reġistru pubbliku; Ir-Regolament mitlub m'għandux japplika la għall-kwistjonijiet marbuta mal-liġi applikabbli għas-suġġett tal-att awtentiku u lanqas għall-mistoqsijiet marbuta mal-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u l-uffiċjali pubbliċi, inkluża l-proċedura ta' awtentikazzjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
I. L-Elementi tal-kuntest
Illum, l-Ewropa qed tikber u l-Ewropej qed jiġu mħeġġa jkunu aktar mobbli f’dan l-ispazju tal-fruntieri li dejjem qed ikomplu jitwessgħu. Issa, iċ-ċirkolazzjoni taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija mfixkla mid-diffikultà ta’ ċirkolazzjoni tal-atti awtentiċi.
L-istituzzjoni tal-att awtentiku teżisti fil-maġġoranza tal-Istati Membri. L-Istati Membri tal-kontinent Ewropew li huma familjari mas-sistema tal-Liġi Ċivili (civil law), japplikaw sistema b’żewġ metodi. Kuntrarjament għall-pajjiżi Anglo-Sassoni u Skandinavi, l-Istat ma jintervjenix biss ex post f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ġudizzjarji (“amministrazzjoni tal-qorti kontenzjuża”). Fil-fatt, l-Istat jissottometti l-atti ġuridiċi li fihom konsegwenzi personali jew patrimonjali importanti, għal kontroll preventiv obbligatorju tal-legalità fil-qafas tal-awtentikazzjoni tal-att ġuridiku minn uffiċjal pubbliku jew awtorità pubblika (“amministrazzjoni tal-ġustizzja preventiv ”, “ġurisdizzjoni volontarja”). L-amministrazzjoni tal-ġustizzja preventiva hija imposta b’mod awtonomu mill-qorti kontenzjuża. L-att awtentiku huwa maħsub biex jipprevjeni kwistjonijiet ulterjuri li jikkonċernaw l-att ġuridiku ta’ bażi, billi jiffaċilita, fil-każ ta’ proċess, it-teħid tad-deċiżjoni tal-imħallef permezz tal-valur probatorju restrittiv marbut mal-att awtentiku.
Sal-lum, fil-qasam ta’ rikonoxximent tal-atti awtentiċi li jiġu minn Stati Membri oħra, jeżistu sitwazzjonijiet differenti ħafna fl-Unjoni. Ċittadin li għandu fil-pussess tiegħu att awtentiku li jrid li jkun rikonoxxut fi Stat ieħor li mhux dak li fih inħareġ l-att jista’ jsib ruħu quddiem diversi ċirkostanzi : postilla prevista mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 jew inkella ma jagħmilx postilla minħabba ftehim bilaterali.
F’ċerti Stati, għal dak li jirrigwarda l-valur probatorju u l-infurzar tal-att awtentiku fi Stat ieħor għajr dak li jirċevih, att li ġej minn barra huwa infurzat biss jekk ikun ġie ddikjarat infurzabbli minn qorti nazzjonali wara li din il-qorti tkun ikkontrollat il-kompetenza tal-awtorità barranija, il-liġi applikabbli u l-konformità tad-deċiżjoni mal-ordni pubblika internazzjonali ta’ bażi u ta’ proċedura.
Fl-aħħar nett, jekk huwiex minnu li ċertu numru ta’ strumenti Komunitarji jeżistu (Brussell I, Brussell II A, regolament dwar l-ordni ta’ infurzar Ewropew) jew li qegħdin jiġu elaborati (xogħol fuq l-obbligi alimentari, xogħol fuq is-suċċessjonijiet u l-qasam taż-żwiġijiet), hija biss kwistjoni ta’ approċċ settorjali li ma tantx hu sodisfaċenti. Barra minn hekk, il-proċeduri li s’issa ġew introdotti mir-regolamenti tal-Komunità mhumiex identiċi. Issa dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni huwa ta’ dannu għaċ-ċittadini Ewropej u għall-impriżi, għaliex huwa diffiċli li wieħed jidentifika b’mod ċert liema tip ta’ proċedura jikkonċerna l-att awtentiku biex b’hekk wieħed ikun jaf liema mezzi jridu jiġu implimentati sabiex l-att awtentiku jkun jista’ jiġi infurzat barra.
In-nuqqas ta’ omoġeneità fil-fatt iwassal għall-konsegwenza li ċ-ċirkolazzjoni ta’ atti awtentiċi llum hija diffiċli u limitata, kemm fin-numru kif ukoll fit-tip ta’ atti. Issa, iċ-ċittadini u l-protagonisti tal-ħajja ekonomika jippretendu ċirkolazzjoni aħjar tal-atti awtentiċi bħala
garanzija għal sigurtà akbar tat-tranżazzjonijiet. Il-benefiċċju mistenni mir-riforma huwa tripplu: iffrankar taż-żmien, tnaqqis tal-ispejjeż, simplifikazzjoni tal-proċeduri.
II. Fuq l-implimentazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tal-atti awtentiċi.
1. Kontenut
It-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ rikonoxximent reċiproku u tal-infurzar proprju tal-atti awtentiċi u komuni għall-Istati Membri kollha, se jippermetti li tinqabeż il-loġistika nazzjonali u ser jiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u tal-impriżi, b’mod partikolari billi jitneħħew il-formalitajiet tal-leġiżlazzjoni, tal-postilli u billi tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-exequatur.
L-att awtentiku huwa definit mid-dritt Komunitarju fir-rapport Jenard-Möller fuq il-Konvenzjoni ta’ Lugano[1], definizzjoni kkonfermata mis-sentenza Unibank[2] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Minn dawn it-testi jirriżulta li l-att awtentiku huwa att li l-awtentiċità tiegħu għandha, l-ewwelnett, tiġi stabbilita minn awtorità ġudizzjarja jew minn uffiċjali pubbliċi, u, it-tieninett, li tkun applikabbli wkoll għall-kontenut u mhux biss għall-firma. Barra minn hekk, l-att awtentiku li jista jiġi infurzat, għandu jkun infurzabbli fih inniffsu fl-Istat stess li fih ikun ġie stabbilit.
Il-fiduċja reċiproka fi ħdan il-Komunità tiġġustifika li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-veridiċità tal-att awtentikat fil-qasam transkonfinali għandha tkun ikkanċellata fil-futur.
Kemm minħabba r-regola “locus regit actum” kif ukoll minħabba r-regoli proċedurali li jirregolaw l-iskrizzjoni fir-reġistri pubbliċi bażiċi, l-atti dwar l-immobbli, m’għandhomx x’jaqsmu ma’ din il-kanċellazzjoni. Id-differenzi kemm fir-rigward tal-istruttura u l-organizzazzjoni tas-sistemi tar-reġistri pubbliċi fil-qasam tal-propjetà immobbli, kif ukoll id-differenzi li jirrigwardaw in-natura u l-iskala tal-fiduċja pubblika li hija attribwita lilhom, jimponu l-esklużjoni tal-qasam tad-dritt dwar l-immobbli fi strument Komunitarju futur quddiem il-korrelazzjoni dejqa bejn il-metodu ta’ stabbiliment ta’ att awtentiku fuq in-naħa l-waħda, u l-iskrizzjoni fir-reġistru pubbliku fuq in-naħa l-oħra.
Minbarra din l-eċċezzjoni, ir-rikonoxximent tal-awtentiċità, tal-valur probatorju u tal-infurzar ta’ att awtentiku bil-għan li jiġi użat fl-Istat Membru rikjest, tista’ tiġi biss rifjutata fil-każ ta’ dubju serju fuq l-awtentiċità, jew jekk ir-rikonoxximent imur kontra l-ordni pubblika tal-Istat Membru rikjest.
Il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan il-Komunità tiġġustifika li l-proċedura li għandha l-għan li tirrendi infurzabbli, fi Stat Membru, att awtentiku infurzabbli fi Stat Membru ieħor, tkun effiċjenti u rapida.
Ir-rapporteur iżomm id-dritt li jippreżenta emendi għal dan l-abbozz tar-rapport fid-dawl b’mod partikolari, tal-istudju li għandu jkun disponibbli fix-xahar ta’ Ottubru.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
4.11.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlo Casini, Titus Corlăţean, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sharon Bowles, Sajjad Karim, Eva Lichtenberger, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon, Renate Weber |
|||||