RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (tfassil mill-ġdid)

19.11.2008 - (COM(2008)0419 – C6‑0258/2008 – 2008/0141(COD)) - ***I

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Philip Bushill-Matthews
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 80a tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2008/0141(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0454/2008

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (tfassil mill-ġdid)

(COM(2008)0419 – C6‑0258/2008 – 2008/0141(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni – tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0419),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 137 tat-Trattat KE, skond liema artikolu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0258/2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' tfassil mill-ġdid tal-atti legali[1],

–   wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2008 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għat-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali bi qbil mal-Artikolu 80a(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 80 u l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0454/2008),

A. billi, skont il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta eżaminata ma tinkludi l-ebda emenda sostantiva minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti preċedenti flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni diretta ta’ testi eżistenti mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom,

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif adattata għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u li tinkorpora l-emendi tekniċi approvati mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u kif emendata hawn taħt;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) In-natura transnazzjonali ta’ kwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu kemm il-wisgħa ta’ l-effetti potenzjali tagħha kif ukoll il-livell ta’ ġestjoni u rappreżentazzjoni li tinvolvi. Għal dan l-iskop, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-impriża sħiħa jew il-grupp sħiħ jew mill-inqas żewġ Stati Membri għandhom jitqiesu bħala transnazzjonali.

(16) In-natura transnazzjonali ta’ kwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu kemm il-wisgħa ta’ l-effetti potenzjali tagħha kif ukoll il-livell ta’ ġestjoni u rappreżentazzjoni li tinvolvi. Għal dan l-iskop, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-impriża sħiħa jew il-grupp sħiħ jew mill-inqas żewġ Stati Membri, jew li jmorru lil hinn mis-setgħat tal-entitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi Stat Membru wieħed fejn qed jaħdmu l-impjegati li se jiġu affettwati, għandhom jitqiesu bħala transnazzjonali.

Ġustifikazzjoni

Wara s-sentenzi fil-każijiet Vilvoorde, British Airways u Marks & Spencer, id-definizzjoni tat-transnazzjonalità trid tiġi adattata kif xieraq. Dan ifisser li każijiet fejn id-deċiżjoni tal-għeluq jew strutturar mill-ġdid tittieħed fi Stat Membru wieħed iżda taffettwa lill-ħaddiema f’ieħor iridu jitqiesu bħala transnazzjonali u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet irid jiġi infurmat u kkonsultat b’konformità mad-Direttiva.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 35 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(35a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva huma adegwati, proporzjonati u dissważivi.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li wieħed jenfasizza li, billi dan huwa l-każ għal-leġiżlazzjoni Ewropea kollha, jeħtieġ li l-Istati Membri jdaħħlu miżuri li jistimulaw il-konformità mad-Direttiva.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 39

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(39) Fejn l-istruttura ta’ impriża jew grupp ta’ impriżi tinbidel b’mod sinifikanti, pereżempju minħabba merġer, akkwist jew diviżjoni, il-Kunsill(i) Ewropew/j tax-Xogħlijiet eżistenti għandhom jiġu adattati. Dan l-adattament għandu jsir bi prijorità skond il-klawżoli tal-ftehim applikabbli, jekk dawn il-klawżoli jippermettu li jsir l-adattament meħtieġ. Jekk dan ma jkunx il-każ u ssir rikjesta li tistabbilixxi l-bżonn, għandhom jibdew negozjati għal ftehim ġdid, fejn il-membri tal-Kunsill(i) Ewropew/j eżistenti għandhom ikunu involuti. Sabiex ikun hemm informazzjoni u konsultazzjoni ta’ l-impjegati matul il-perjodu - ħafna drabi deċiżiv - meta tinbidel l-istruttura, il-Kunsill(i) Ewropew/j tax-Xogħlijiet eżistenti għandhom ikomplu jaħdmu, possibbilment b’xi adattamenti, sakemm jiġi konkluż ftehim ġdid. Ladarba jiġi ffirmat ftehim ġdid, il-kunsilli li kienu stabbiliti qabel għandhom jiġu xolti, u l-ftehimiet li jistabbilixxuhom għandhom jiġu tterminati, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-validità jew it-terminazzjoni.

(39) Fejn l-istruttura ta’ impriża jew grupp ta’ impriżi tinbidel b’mod sinifikanti, pereżempju minħabba merġer, akkwist jew diviżjoni, jew bidla sostanzjali fl-influwenza dominanti, il-Kunsill(i) Ewropew/j tax-Xogħlijiet eżistenti għandhom jiġu adattati. Dan l-adattament għandu jsir bi prijorità skond il-klawżoli tal-ftehim applikabbli, jekk dawn il-klawżoli jippermettu li jsir l-adattament meħtieġ. Jekk dan ma jkunx il-każ u ssir rikjesta li tistabbilixxi l-bżonn, għandhom jibdew negozjati għal ftehim ġdid, fejn il-membri tal-Kunsill(i) Ewropew/j eżistenti għandhom ikunu involuti. Sabiex ikun hemm informazzjoni u konsultazzjoni ta’ l-impjegati matul il-perjodu - ħafna drabi deċiżiv - meta tinbidel l-istruttura, il-Kunsill(i) Ewropew/j tax-Xogħlijiet eżistenti għandhom ikomplu jaħdmu, possibbilment b’xi adattamenti, sakemm jiġi konkluż ftehim ġdid. Ladarba jiġi ffirmat ftehim ġdid, il-kunsilli li kienu stabbiliti qabel għandhom jiġu xolti, u l-ftehimiet li jistabbilixxuhom għandhom jiġu tterminati, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-validità jew it-terminazzjoni.

Ġustifikazzjoni

L-evoluzzjonijiet reċenti fl-operazzjonijiet tas-swieq finanzjarji juru li l-bidla tal-influwenza dominanti f’kumpanija minħabba xiri jew akkwiżizzjoni finanzjarja ggarantiti b'assi jista’ jkollhom effett simili bħal fużjoni u għalhekk il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jiġi adattat kif xieraq.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 - paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Kwistjonijiet li jitqiesu li huma transnazzjonali huma dawk li jikkonċernaw lill-impriża fuq skala Komunitarja jew il-grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja kollha kemm hi, jew mill-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti ta' l-impriża jew tal-grupp li jkunu jinsabu f'żewġ Stati Membri differenti.

4. 4. Kwistjonijiet li jitqiesu li huma transnazzjonali huma dawk li jikkonċernaw lill-impriża fuq skala Komunitarja jew il-grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja kollha kemm hi, jew mill-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti tal-impriża jew tal-grupp li jkunu jinsabu f'żewġ Stati Membri differenti, jew fejn imorru lil hinn mis-setgħat tal-entitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi Stat Membru wieħed fejn qed jaħdmu l-impjegati li se jiġu affettwati.

Ġustifikazzjoni

Wara s-sentenzi fil-każijiet Vilvoorde, British Airways u Marks & Spencer, id-definizzjoni tat-transnazzjonalità trid tiġi adattata kif xieraq. Dan ifisser li każijiet fejn id-deċiżjoni tal-għeluq jew strutturar mill-ġdid tittieħed fi Stat Membru wieħed iżda taffettwa lill-ħaddiema f’ieħor iridu jitqiesu bħala transnazzjonali u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet irid jiġi infurmat u kkonsultat b’konformità mad-Direttiva.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt f

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f) “l-informazzjoni": it-trażmissjoni mingħand dak li jimpjega lejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati ta' dettalji sabiex jiffaċilita li dawn jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materja tas-suġġett u biex ikunu jistgħu jezaminawha; l-informazzjoni għandha tkun mogħtija f'tali waqt, u b'tali mod u b'tali kontenut hekk kif ikun xieraq sabiex tiffaċilita, partikolarment, lir-rappreżentanti ta' l-impjegati li jwettqu studju xieraq u, fejn meħtieġ, jippreparaw għall-konsultazzjoni;

(f) “l-informazzjoni": it-trażmissjoni mingħand dak li jimpjega lejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati ta' dettalji sabiex jiffaċilita li dawn jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materja tas-suġġett u biex ikunu jistgħu jezaminawha; l-informazzjoni għandha tkun mogħtija f'tali waqt, u b'tali mod u b'tali kontenut hekk kif ikun xieraq sabiex tiffaċilita lir-rappreżentanti ta' l-impjegati biex iwettqu evalwazzjoni dettaljata tal-impatt possibbli u fejn ikun xieraq jippreparaw konsultazzjonijiet mal-korp kompetenti tal-impriża ta' skala Komunitarja jew tal-grupp ta' impriżi ta' skala Komunitarja kkonċernati;

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt g

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(g) “konsultazzjoni”: l-istabbiliment ta' djalogu u l-iskambju ta’ fehmiet bejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati u t-tmexxija ċentrali jew kull livell iktar xieraq ta' tmexxija f’tali ħin, b’tali mod u b’tali kontenut li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija, jippermettu lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati li, fi żmien raġonevoli, jesprimu opinjoni dwar il-miżuri previsti mill-organu kompetenti ta’ l-impriża fuq skala Komunitarja jew il-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja

(g) “konsultazzjoni”: l-istabbiliment ta' djalogu u l-iskambju ta’ fehmiet bejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati u t-tmexxija ċentrali jew kull livell iktar xieraq ta' tmexxija f’tali ħin, b’tali mod u b’tali kontenut li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija, jippermettu lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati li, fi żmien raġonevoli, jesprimu opinjoni dwar il-miżuri proposti li l-konsultazzjoni hija relatata magħhom, bla ħsara għar-responsabilitajiet tat-tmexxija, li tista' tiġi kkunsidrata fl-impriża fuq skala Komunitarja jew fil-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja;

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon ma’ l-għadd ta’ impjegati f’kull Stat Membru mill-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, billi jiġu allokati, għal kull Stat Membru fejn hemm mill-inqas ħamsin impjegat, siġġu wieħed għal kull porzjon ta’ impjegati f’dak l-Istat Membru ekwivalenti għal 10 % jew frazzjoni tagħha, ta' l-għadd ta' impjegati fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien.

(b) Il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon ma’ l-għadd ta’ impjegati f’kull Stat Membru mill-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, billi jiġi allokat, għal kull Stat Membru, siġġu wieħed għal kull porzjon ta’ impjegati f’dak l-Istat Membru ekwivalenti għal 10 % jew frazzjoni tagħha, ta' l-għadd ta' impjegati fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien.

Ġustifikazzjoni

L-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-limitu minimu ta’ 50 ħaddiem sabiex jitwaqqfu Entitajiet Speċjali għan-Negozjati hija diskriminatorja kontra l-Istati Membri iżgħar li se jsibuha diffiċli jilħqu dan il-limitu minimu. L-għadd ta' 50 impjegat bħala limitu minimu mhuwiex maħsub sew, u fuq kollox mhuwiex indikatur tal-produzzjoni tal-impriża partikulari.

Emenda  8

Proposta għal direttivi

Artikolu 5 – paragrafu 4 –subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għall-għan tan-negozjati, il-korp speċjali tan-negozjati jista' jitlob biex jiġi assistit f’xogħlu  minn esperti tal-għażla tiegħu, pereżempju minn rappreżentanti ta’ trade unions xierqa fuq skala Komunitarja. Dawn l-esperti jistgħu jkunu preżenti fil-laqgħat tan-negozjati f'kapaċità konsultattiva fuq it-talba tal-korp speċjali tan-negozjati, fejn xieraq sabiex jippromwovu l-koerenza u l-konsistenza fil-livell Komunitarju.

Għall-għan tan-negozjati, il-korp speċjali tan-negozjati jista' jitlob biex jiġi assistit f’xogħlu  minn esperti tal-għażla tiegħu, li jistgħu jinkludu rappreżentanti ta’ trade unions kompetenti u rikonoxxuti fuq skala Komunitarja. Dawn l-esperti u rappreżentanti ta' trade unions jistgħu jkunu preżenti fil-laqgħat tan-negozjati f'kapaċità konsultattiva fuq it-talba tal-korp speċjali tan-negozjati.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2a. L-informazzjoni pprovduta lill-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u l-konsultazzjoni tiegħu, għandhom ikunu marbuta ma’ kwistjonijiet imsemmija fil-punt 1(a) tal-Anness I.

Ġustifikazzjoni

Għal-loġika interna tad-Direttiva, għandu jkun ċar li l-kontenut tal-ftehimiet innegozjati mill-Korpi Speċjali tan-Negozjati jinkludi mill-inqas il-punti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Anness.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 - paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Bla ħsara għall-kompetenza ta’ korpi jew organizzazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward, il-membri tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom jirrappreżentaw kollettivament l-interessi ta’ l-impjegati fl-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja għall-iskopijiet tad-Direttiva u għandhom ikollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

1. Bla ħsara għall-kompetenza ta’ korpi jew organizzazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-impjegati tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom ikollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva u biex jirrappreżentaw kollettivament l-interessi ta’ l-impjegati fl-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja.

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 - paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Safejn ikun hemm bżonn għall-eżerċizzju tad-dmirijiet rappreżentattivi tagħhom f’ambjent internazzjonali, il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati u l-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom igawdu minn taħriġ mingħajr ma jitilfu l-paga.

4. Safejn ikun hemm bżonn għall-eżerċizzju tad-dmirijiet rappreżentattivi tagħhom f’ambjent internazzjonali, il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati u l-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom jingħataw taħriġ mingħajr ma jitilfu l-paga.

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 12 - paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Fejn ma jkunux ġew definiti tali arranġamenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċessi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew u l-korpi nazzjonali jibdew fl-istess waqt fil-każijiet fejn ikunu previsti deċiżjonijiet li aktarx iwasslu għal bidliet sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali.

3. Fejn ma jkunux ġew definiti tali arranġamenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċessi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni jsiru fil-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew u kif ukoll fil-korpi nazzjonali fil-każijiet fejn ikunu previsti deċiżjonijiet li aktarx iwasslu għal bidliet sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 13 - paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-impriżi fuq skala Komunitarja jew għall-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja meta, diġà jkun hemm ftehim fit-22 ta’ Settembru 1996 , li jkopri l-qawwa kollha tax-xogħol, li jipprovdi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati sakemm dawn il-ftehimiet ikunu għadhom fis-seħħ. Meta jiskadu dawn  il-ftehimiet il-partijiet f'dawn il-ftehimiet jistgħu jiddeċiedu konġuntement li jġedduhom. Fejn dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-impriżi fuq skala Komunitarja jew għall-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja meta diġà jkun hemm ftehim fit-22 ta’ Settembru 1996, jew ikun ġie ffirmat ftehim jew ġie rivedut ftehim eżistenti fihom matul is-sentejn ta' wara l-adozzjoni tat-test preżenti, jew f'impriżi li fihom jeżistu ftehimiet bħal dawn u li waslu biex jinnegozjaw skont il-paragrafu 3, liema ftehimiet ikunu jkopru l-ħaddiema kollha, u jaħsbu għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati. Meta jiskadu dawn  il-ftehimiet il-partijiet f'dawn il-ftehimiet jistgħu jiddeċiedu konġuntement li jġedduhom. Fejn dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 13 – paragrafu 3 –subparagrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta l-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew il-ġdid stabbilit bil-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu jibda l-attivitajiet tiegħu, il-Kunsill(i) Ewropew/j tax-Xogħlijiet u l-ftehim(iet) li jwaqqfuhom għandhom jispiċċaw.

imħassar

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ħames snin wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u tagħmel proposti xierqa fejn ikun hemm bżonn.

Tliet snin wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta reviżjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

Fid-dokumenti ta’ ħidma u t-tħejjijiet ta’ dan it-tfassil mill-ġdid, ġew definiti bosta oqsma għat-titjib mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi ta’ laqgħat mal-partijiet involuti, jidher ċar li l-funzjonament tal-EWC jista’ jitjieb jekk il-faċilitajiet jiġu adattati u mkabbra. Għaldaqstant hi meħtieġa reviżjoni sħiħa. Il-proċedura ta’ riformulazzjoni hi aċċettabbli għall-PE jekk twassal għal modifika tad-Direttiva skond il-ġurisprudenza riċenti.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Anness I – punt 1 – punt a – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-informazzjoni tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandha tkun marbuta partikolarment ma’ l-istruttura, il-qagħda ekonomika u finanzjarja, l-iżvilupp potenzjali u l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-impriża jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja. L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom ikunu marbuta partikolarment mas-sitwazzjoni u x-xejra li aktarx jieħdu l-impjiegi, l-investimenti u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ ħidma jew proċessi ta’ produzzjoni ġodda, trasferimenti ta’ produzzjoni, merġers, tnaqqis fid-daqs jew għeluq ta’ impriżi, stabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u tkeċċijiet kollettivi.

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom ikunu marbuta partikolarment mas-sitwazzjoni u x-xejra li aktarx jieħdu l-impjiegi, l-investimenti u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ ħidma jew proċessi ta’ produzzjoni ġodda, trasferimenti ta’ produzzjoni, merġers, tnaqqis fid-daqs jew għeluq ta’ impriżi, stabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u tkeċċijiet kollettivi.

Ġustifikazzjoni

Il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej għandu jkollhom vuċi fil-futur ekonomiku u finanzjarju tal-kumpanijia tagħhom, aktar milli jiġu informati dwar dan b’mod passiv. Id-distinzjoni bejn informazzjoni u konsultazzjoni f’din il-parti tal-anness hi artifiċjali.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Anness I – punt 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) Il-membri tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon ma’ l-għadd ta’ impjegati f’kull Stat Membru mill-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, billi jiġu allokati, għal kull Stat Membru fejn hemm mill-inqas ħamsin impjegat, siġġu wieħed kull porzjon ta’ impjegati f’dak l-Istat Membru ekwivalenti għal 10 % jew frazzjoni tiegħu, ta' l-għadd ta' impjegati fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien;

(c) Il-membri tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon ma’ l-għadd ta’ impjegati f’kull Stat Membru mill-impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, billi jiġu allokati, għal kull Stat Membru, siġġu wieħed kull porzjon ta’ impjegati f’dak l-Istat Membru ekwivalenti għal 10 % jew frazzjoni tiegħu, ta' l-għadd ta' impjegati fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien;

Ġustifikazzjoni

L-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-limitu minimu ta’ 50 ħaddiem sabiex jitwaqqfu Entitajiet Speċjali għan-Negozjati hija diskriminatorja kontra l-Istati Membri iżgħar li se jsibuha diffiċli jilħqu dan il-limitu minimu. L-għadd ta' 50 impjegat bħala limitu minimu mhuwiex maħsub sew, u fuq kollox mhuwiex indikatur tal-produzzjoni tal-impriża partikulari.

  • [1]  ĠU L 77, , 28.3.2002. p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kwistjoni tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew ilha kwistjoni kontroversjali għal xi żmien, kemm mal-industrija u kif ukoll mat-trejdjunjins. Fil-passat ġew espressi wkoll differenzi kunsiderevoli ta' opinjoni fil-Parlament, u tabilħaqq dawn kienu mistennija li jintensifikaw ruħhom riżultat ta' aktar proposti mill-Kummissjoni. Madankollu, wara ftehim mhux mistenni bejn l-Imsieħba Soċjali matul il-vakanzi tas-Sajf tal-2008, il-kundizzjonijiet inbidlu b'mod sinifikanti.

A. Implikazzjonijiet Prattiċi

1) Il-Kummissjoni pproponiet "tfassil mill-ġdid" tad-Direttiva minflok "Reviżjoni". B'dan nifhem li l-kummenti mill-Parlament se jiġu llimitati għall-artikoli speċifiċi li l-Kummissjoni pproponiet li tirriformola. Dan għandu jħaffef u jgħaġġel xogħolna.

2) Fuq din il-bażi, il-Presidenza Franċiża talbitni bħala Rapporteur biex nipprova ngħaġġel ir-rapport tiegħi sabiex ikun jista' jiġi ffirmat matul il-mandat tagħhom. Jien għedt li fil-prinċipju kuntent ħafna li nagħmel dan, billi assumejt li l-kollegi setgħu jappoġġjaw b'mod ġenerali l-istrateġija aċċettata mill-Imsieħba Soċjali u sussegwentament milqugħa fil-Kunsill.

3) Madankollu, qabel ma dan jista' jiġi kkonfermat, mhux biss hemm bżonn li l-Kumitat tagħna jistabbilixxi l-pożizzjoni ġenerali tiegħu, iżda hemm ostakolu li jrid jingħeleb qabel. Is-servizzi legali jeħtieġ li jgħidu eżatt x'jippermetti u x'ma jippermettix "tfassil mill-ġdid", u jekk hux ikkunsidrat bħala l-istrateġija t-tajba f'dan il-każ. Sakemm jiddeċiedu b'mod uffiċjali, teknikament ma nistgħux nagħmlu rapport, u għaldaqstant bl-istess mod lanqas aħna f'pożizzjoni li nipproponi emendi.

4) Dokumenti ta' Ħidma ovvjament huma permessi. Il-fatt li dan id-dokument ta' ħidma jista' jkun fih paġni li jixbħu ħafna Rapport hu biss - ovvjament - kumbinazzjoni.

5) Sadattant il-Kunsill qed jippjana li jiddiskuti l-ftehima tal-Imsieħba Soċjali fil-ġimgħat li ġejjin - mhux aktar tard mit-3 ta' Ottubru. Jekk, kif inhu mistenni, japprovaw il-ftehima b'entużjażmu u jappoġġjaw ukoll ftehim bikri mal-Parlament, dik ukoll hija xi ħaġa li rridu ninkludu.

B. L-istrateġija tar-Rapporteur

1) Filwaqt li jiena personalment nilqa' l-eżistenza u l-iżvilupp tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet, fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew kif ikun jixraq, għadni minix konvint li l-kawża hija megħjuna b'aktar leġiżlazzjoni preskrittiva. Madankollu, jiena konxju wkoll li filwaqt li dan il-fajl leġiżlattiv ilu żmien twil fuq l-ixkaffa, hemm ftehim sostanzjali u għall-għarrieda fil-livell tal-Imsieħba Soċjali. Dan nikkunsidrah bħala pass sinifikattiv u pożittiv li m'għandniex ninjoraw.

2) Nemmen li filwaqt li l-MEPs kollha b'mod ċar huma ħielsa li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar x'imiss li jsir, fil-fehma tiegħi il-Parlament għandu jaħtaf l-opportunità u jiffirma dan il-fajl u jiffaċilita dak li jridu l-partijiet interessati ewlenin. Li jsir tentattiv sabiex il-ftehim jiġi kkalibrat mill-ġdid, tajba kemm hi tajba l-intenzjoni, jinvolvi r-riskju li jitreġġa' lura kompletament. Ir-riżultat għal darba oħra jkun imblokk, filwaqt li jitwaqqaf il-progress. Nipproponi lill-kollegi li naqblu li wasal iż-żmien li nimxu 'l quddiem, u li wasal iż-żmien li nwettqu dak li wiegħedna.

3) L-istrateġija ġenerali li huwa possibbli għax-Shadow Rapporteurs li jikkunsidraw hija li l-proposti l-oħra li jikkunsidraw bħala importanti - b'mod partikolari f'artikli li mhumiex fl-ambitu tat-"tfassil mill-ġdid" - jistgħu jiġu proposti "off balance-sheet". Din kienet is-soluzzjoni pereżempju fir-rigward tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva: f'dan il-każ fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni r-Rapporteur ippropona Forum ta' Ħafna Partijiet Interessati sabiex tiġi esplorata l-aħjar prattika u jiġu ispirati oħrajn biex isegwuha. Ir-riżultati kienu pożittivi ħafna: ġew żviluppati għodod reali, kien hemm fluss ta' ideat reali, u iktar u iktar kumpaniji qed jagħżlu li jinkorporaw is-CSR fin-negozji tagħhom b'modi li jikkunsidraw li huma tajbin għalihom. Kumpaniji individwali s-CSR għamluha tagħhom għax għenu sabiex tissawwar b'modi li għażlu huma stess.

4) Jekk il-kollegi jikkunsidraw li idea simili jista' jkollha mertu fir-rigward ta' dan il-fajl, ikun utli li tingħata indikazzjoni bikrija dwar x'tista' tkopri. Imbagħad inkunu nistgħu niksbu l-qbil tal-Imsieħba Soċjali qabel ma r-Rapport uffiċjali jitressaq quddiem is-seduta plenarja, sabiex ir-riżultati jkunu jistgħu jiġu ppreżentati waqt id-dibattitu tas-seduta plenarja. Dak li nkun qed infittex huwa impenn minn kmieni, min-naħa ta' dawn il-partijiet interessati ewlenin, li huma impenjati fir-rigward tal-kunċett tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, li jixtiequ jsibu modi kif jissaħħaħ għall-benefiċċju reċiproku tal-partijiet interessati kollha, u li se jinkoraġġixxu b'mod attiv iktar kumpaniji pan-Ewropej biex jissieħbu.

5) Jiena personalment għandi ċerti emendi li nixtieq inressaq fir-Rapport ewlieni, imma lest li ma nressaq l-ebda emendi jekk dan huwa l-uniku mod kif tintlaħaq deċiżjoni malajr. Dan mhux qed isir biex niddetta lill-kollegi x'jistgħu u x'ma jistgħux jagħmlu - huwa biss kopja tal-inizjattiva tal-PSE biex jintlaħaq ftehim malajr fir-rigward tal-fajl dwar il-Ħaddiema Temporanji tal-Aġenziji. Kwalunkwe emendi ovvjament ikunu jeħtieġu diskussjonijiet sħaħ u kompromessi potenzjali: dawn mhux biss jinvolvu r-riskju li l-ftehim jisfaxxa waqt id-diskussjonijiet, iżda jdewwem il-fajl sal-Presidenza Ċeka u forsi dik Żvediża biex b'hekk ir-riżultat ikun inċert b'mod doppju. Ir-rakkomandazzjoni tiegħi hi li għandna nimmiraw li nżommu l-progress reali li sar mill-partijiet interessati, u li l-Parlament għandu jimmira li jikseb ir-riżultati minflok ma jdewwem.

ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

CHAIRMAN

Ref.: D(2007)59835

Is-Sur Jan ANDERSSON

Chairman

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

ASP 14G306

BRUSSELL

Suġġett:     Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura f’intrapriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi fuq skala tal-Komunità ta’ intrapriżi bil-għan li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati (tfassil mill-ġdid)

                  (COM(2008)0419 – C6‑0258/2008 – 2008/0141(COD))

Għażiż Chairman,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li kelli l-unur inkun iċ-Chairman tiegħu, ikkunsidra l-proposta msemmija hawn fuq, skont l-Artikolu 80a dwar it-tfassil mill-ġdid, kif introdotta fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bid-Deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2007.

Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid kif ġej:

“Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, għandu jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 150 u 151, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, emendi tal-partijiet li ma nbidlux jistgħu jiġu ammessi fuq bażi eċċezzjonali u skond il-każ miċ-chairman ta' dan il-kumitat jekk iqis li raġunijiet relatati mal-koerenza interna tat-test jew mar-rabta ma' emendi oħra ammissibbli jkunu jeżiġu li dan isir. Dawn ir-raġunijiet għandhom jitniżżlu f'ġustifikazzjoni miktuba ta' l-emendi.

Wara l-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw f’laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv li kien qed jeżamina l-proposta ta’ tfassil mill-ġdid, u biex ikunu osservati r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-proposta li qed tkun ikkunsidrata ma tinkludi l-ebda bidla sostantiva minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta u li rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti preċedenti b’dawk il-bidliet, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni sempliċi tat-test eżistenti, mingħajr l-ebda bidla fil-kontenut tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur

[1], jirrakkomanda lill-Kumitat tagħkom, bħala l-Kumitat responsabbli, biex ikompli jikkunsidra l-proposti msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 80a.

Dejjem tiegħek,

Giuseppe GARGANI

Inkluża.. L-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv

ANNESS: Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

 

 

 

CONSULTATIVE WORKING PARTY

OF THE LEGAL SERVICES

 

Brussell,

OPINJONI

GĦALL-        PARLAMENT EWROPEW

    KUNSILL

  KUMMISSJONI

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura f’intrapriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi fuq skala tal-Komunità ta’ intrapriżi bil-għan li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati

COM(2008) 419 finali 2.7.2008 - 2008/0141(COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni għall-atti legali, u b'mod partikulari l-punt 9 tagħha, il-Grupp Konsultattiv li jikkonsisti mis-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni żamm laqgħa fis-16 ta' Lulju 2008 li fiha eżamina, inter alia, il-proposta hawn fuq imsemmija mressqa mill-Kummissjoni.

Waqt l-analiżi tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tkun riformulata d-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura f’intrapriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi fuq skala tal-Komunità ta’ intrapriżi bil-għan li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati, il-Grupp ta' Ħidma stabbilixxa, b'kunsens komuni, li żidiet kellhom isiru lit-test tat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III tal-proposta għar-riformulazzjoni.

Għalhekk il-Grupp ta' Ħidma seta' jistabbilixxi mill-eżami, b'kunsens komuni, li l-proposta ma kkompromettiet ebda emenda sostantiva apparti dawk identifikati bħala tali.

Il-Grupp ta' Ħidma kien kapaċi wkoll li jistabbilixxi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti preċedenti bl-emendi sostantivi, li l-proposta kienet filfatt kodifikazzzjoni ċara mingħajr tibdil sostantiv għall-atti li kellha x'taqsam magħhom.

C. PENNERA                                  J.-C. PIRIS                           M. PETITE     Konsulent legali

      Konsulent legali    Direttur Ġenerali

PROĊEDURA

Titolu

Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (Riformolata)

Referenzi

COM(2008)0419 – C6-0258/2008 – 2008/0141(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

2.7.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

10.7.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

10.7.2008

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

25.6.2008

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Philip Bushill-Matthews

28.5.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

6.10.2008

17.11.2008

 

 

Data tal-adozzjoni

17.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

1

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Harald Ettl, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Sajjad Karim, Bernard Lehideux, Mary Lou McDonald, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Callanan, Françoise Castex, Petru Filip, Marian Harkin, Sepp Kusstatscher, Lasse Lehtinen, Roberto Musacchio, Ria Oomen-Ruijten, Csaba Sógor, Patrizia Toia, Glenis Willmott

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giles Chichester, Jill Evans, Erik Meijer, Zbigniew Zaleski

Data tat-tressiq

19.11.2008

  • [1]  Kienu preżenti dawn il-Membri: Giuseppe Gargani (Chairman), Bert Doorn, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Hans-Peter Mayer, Hartmut Nassauer, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka, Neena Gill, Katalin Lévai, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Marek Aleksander Czarnecki, Diana Wallis, Monica Frassoni, Francesco Enrico Speroni, Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos,József Szájer, Michel Rocard,