RAPPORT dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-‘Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010’

20.11.2008 - (2008/2102(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Ljudmila Novak

Proċedura : 2008/2102(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0455/2008
Testi mressqa :
A6-0455/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-‘Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010’

(2008/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2007 ‘L-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni: Abbozz tar-rapport ta’ progress konġunt tal-2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-“Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (SEC(2007)0703) kif ukoll id-Dokument ta’ Ħidma supplimentari tal-Istaff tal-Kummissjoni (SEC(2007)1484),

–   wara li kkunsidra l-programm ta' xogħol dettaljat dwar il-follow-up tal-għanijiet tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa[1] u kif ukoll għar-rapporti konġunti temporanji fuq il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-forza ewlenija tal-Istrateġija ta’ Liżbona[2],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda[4],

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Awwissu 2007 bl-isem ‘Lejn politika bbażata iktar fuq l-għarfien u l-prattika fl-edukazzjoni u t-taħriġ’, SEC(2007)1098,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja[5],

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar il-kooperazzjoni Ewropea ulterjuri fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla[6],

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni[8],

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar it-tagħlim tal-adulti: “Qatt m’hu tard wisq biex titgħallem”[10],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-mobilità tal-istudenti[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema[12],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6‑0455/2008),

A.  billi sal-2010, l-Unjoni Ewropea qed tfittex li ssir il-mexxejja dinjija tal-kwalità tal-edukazzjoni u tas-sistemi ta’ taħriġ, liema sistemi għandhom ikunu kruċjali għall-progress ulterjuri tal-Proċess ta’ Liżbona,

B.   billi sar progress fiż-żieda tal-awtonomija u tar-responsabilizzazzjoni tal-universitajiet u billi hemm bżonn li jissaħħaħ l-appoġġ offrut lilhom f’dan il-proċess,

C.  billi s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel,

D.  billi l-inkorporazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija kruċjali għas-suċċess tal-Istrateġija tal-Liżbona, objettiv li bih wieħed jittakilja l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fis-swieq tax-xogħol Ewropej, fost affarijiet oħra billi tintlaħaq rata ta’ 60% ta’ impieg fost in-nisa sal-2010,

E.   billi l-Istati Membri għandhom, billi jaħdmu flimkien u jiskambjaw prattika tajba, jimxu lejn riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ nazzjonali tagħhom,

F.   billi strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja koerenti u komprensivi miftiehma mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għandhom jiġu implimentati b’konsistenza sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ Liżbona u sabiex jissaħħaħ it-trianglu tal-għarfien,

G.  billi l-Ewropa teħtieġ livell ogħla ta' kompetenzi u billi l-kreattività u l-innovazzjoni għandhom ikunu promossi fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ,

H.  billi għandha ssir dispożizzjoni dwar il-bżonnijiet ta’ kompetenzi futuri fl-oqsma tal-ambjent u s-soċjetà, pereżempju billi t-tibdil tal-klima u kwistjonijiet ambjentali oħrajn isiru suġġetti interdixxiplinarji fil-forom kollha tat-tagħlim,

I.    billi l-kurrikula għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali tal-istudenti billi jinkludu t-tagħlim tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri Ewropej,

J.    billi l-kwalità u l-effettività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-aċċessibilità tagħhom għaċ-ċittadini, għandhom ikunu kkunsidrati bħala objettivi ewlenin tal-politika fuq livell Ewropew,

K.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom dejjem jikkunsidraw il-possibilitajiet, il-karatteristiċi u l-bżonnijiet reġjonali u lokali,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2007 msemmija hawn fuq u d-dettalji li tagħti dwar it-titjib;

2.   Jinnota li azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun konsistentement appoġġjata minn miżuri supplimentari ta’ natura soċjoekonomika biex jitjieb l-istandard tal-għajxien ġenerali taċ-ċittadini Ewropej;

3.   Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-migranti u l-minoranzi (speċjalment ir-Roma) u li ssir ħidma dwar l-inklużjoni ta' gruppi bi bżonnijiet speċjali (speċjalment in-nisa, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani) fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni; iqis li appoġġ addizzjonali għandu jkun provdut lill-migranti, filwaqt li minoranzi etniċi u r-Roma għandhom jiġu megħjuna minn staff imħarreġ li jiffurmaw parti mill-istess minoranza jew li għall-inqas jitkellmu l-lingwa omm tagħhom;

4.   Jenfasizza l-importanza tal-isport fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-bżonn li l-isport jingħata konsiderazzjoni importanti, pereżempju billi jissaħħaħ il-provvediment tal-edukazzjoni fiżika u l-isport fil-forom kollha tal-edukazzjoni mill-iskejjel qabel il-primarja sal-università, u jitlob li jkun hemm mill-inqas tliet perjodi ta’ tagħlim fil-ġimgħa apparti għall-isport fil-kurrikulum u biex ikun hemm appoġġ disponibbli għall-iskejjel biex imorru lil hinn minn dan il-minimu preskritt meta dan ikun possibbli;

5.   Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-familji u tal-ambjent soċjali f’kull aspett tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

6.   Jinnota li l-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp soċjali u personali kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel; għalhekk jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-edukazzjoni u taħriġ bħala aspett fundamentali tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

7.   Jiddepplora l-fatt li s-sistemi tal-edukazzjoni jiskoraġġixxu lin-nisa milli jidħlu f’oqsma tal-impjieg u tat-taħriġ vokazzjonali li tradizzjonalment huma dominati mill-irġiel, imma jilqa' b'sodisfazzjon miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iniedu programmi bl-għan li jagħtu lin-nisa l-aktar gwida professjonali diversifikata possibbli u għajnuna sussegwenti fis-suq tal-impjiegi;

8.   Jenfasizza li l-inugwaljanza eżistenti ta’ opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward ta’ tagħlim u edukazzjoni ta’ kwalità għolja tul il-ħajja huma aktar qawwija fir-reġjuni li huma ġżejjer u fir-reġjuni li huma ġeografikament u soċjalment żvantaġġati; għalhekk jappella għal aktar promozzjoni ta’ inizjattivi edukattivi fil-qafas tal-politika reġjonali;

9.   Jinnota r-rappreżentanza kronika baxxa tan-nisa f'ċerti oqsma ta' studju, fil-livelli kollha, kif ukoll fis-settur tar-riċerka; għalhekk jinkoraġġixxi azzjonijiet prattiċi u pożittivi sabiex titjieb is-sitwazzjoni;

10. Josserva li studenti li kellhom l-istudji tagħhom interrotti, b'mod partikulari l-ommijiet żgħażagħ, jistgħu jkunu diskriminati u jitlob għall-addozzjoni ta' approċċi iktar flessibbli sabiex jitkomplew l-istudji jew jitħarrġu wara t-twelid ta’ tarbija u jkunu konċiljati mal-ħajja professjonali u tal-familja;

11. Josserva li l-kwalità tal-kurrikula u t-tagħlim għandhom jitjiebu f’kull aspett, li s-sigurtà soċjali tal-għalliema għandha titjieb, u li għandha tingħata iktar attenzjoni għat-taħriġ kontinwu u għall-mobilità tagħhom;

12. Jenfasizza li l-litteriżmu tal-midja u l-għarfien dwar l-ICT għandhom jiġu promossi bil-qawwa u jirrakkomanda kemm li l-edukazzjoni dwar il-media għandha tifforma parti integrali mill-kurrikulum fil-livelli kollha tal-iskola kif ukoll li għandhom jiġu offruti korsijiet ta' tagħlim dwar il-midja għall-għalliema u għall-anzjani;

13. Jiġbed l-attenzjoni li t-tranżizzjoni bejn sistemi edukattivi u ta’ taħriġ differenti u bejn tagħlim formali, mhux formali u informali għandu jkun iffaċilitat;

14. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkontrolla l-implimentazzjoni prattika ta' edukazzjoni Ewropea u l-politiki ta' tagħlim minn kull Stat Membru; iqis li gvernijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu objettivi nazzjonali f’dan il-qasam b’mod trasparenti u għandhom jintroduċu leġiżlazzjoni xierqa u miżuri relevanti li jassiguraw il-kisba ta’ standards Ewropej, u, b’mod partikulari, li jiżguraw li l-għodod adottati fil-livell tal-UE, bħar-rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u l-Europass, jiġu implimentati;

Edukazzjoni ta’ qabel il-primarja

15. Jenfasizza l-bżonn ta’ żieda fir-riżorsi għat-titjib tal-materjal u tal-kundizzjonijiet tal-ispazju u biex it-taħriġ kontinwu għall-persunal itella’ l-kwalità tal-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u jiġu provduti aktar riżorsi għal investiment. L-aċċess universali għal edukazzjoni qabel il-primarja ta’ kwalità għolja huwa mod effettiv biex jinfetaħ l-aċċess għat-tagħlim matul il-ħajja għat-tfal kollha, imma b’mod partikulari għal tfal li ġejjin minn ambjenti deprivati u minn minoranzi etniċi;

16. Jinsisti fuq l-importanza tal-kompetenzi bażiċi tal-iżvilupp tat-tfal, li jitgħallmu l-lingwa omm tagħhom jew il-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom u li jitgħallmu jaqraw u jiktbu kmieni kemm jista’ jkun;

17. Jemmen li t-tagħlim tat-tieni lingwa għandu jibda kmieni kemm jista’ jkun, imma l-kuntatt ta’ tfal żgħar mal-lingwi għandu jkun organizzat permezz tal-logħob u mingħajr pressjoni;

18. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu l-edukazzjoni qabel il-primarja obbligatorja;

Edukazzjoni primarja u sekondarja

19. Jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-individwi li fi stadju iktar tard jista’ jkun li jaqtgħu qalbhom mill-edukazzjoni; jemmen li għandhom ikunu adottati programmi speċjali u miżuri biex tonqos ir-rata tal-ħruġ bikri mill-iskola u li, f’każijiet fejn il-ħruġ bikri mill-iskola ma jistax ikun evitat u jkompli jseħħ, l-individwi kkonċernati għandhom ikunu appoġġjati u jingħataw opportunitajiet biex jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà u jiġu offruti forom xierqa ta’ edukazzjoni;

20. Jenfasizza li l-edukazzjoni primarja u sekondarja għandha trawwem lit-tfal biex jaħsbu b’mod awtonomu, kreattiv u innovattiv u tagħmilhom ċittadini li jikkritikaw il-midja u jirriflettu dwarha;

21. Jisħaq fuq l-importanza tal-kurrikula tal-iskejjel ta' kull Stat Membru li għandhom jinkludu korsijiet immirati biex jippromwovu u jiżviluppaw l-ispirtu ta’ kreattività u innovazzjoni fit-tfal;

22. Iqis li l-kurrikula u l-kontenut tagħhom għandhom jiġu kontinwament aġġornati biex jibqgħu relevanti, billi jitjieb l-irwol importanti tal-kompetenzi intraprenditorjali u tal-volontarjat sabiex ikun appoġġjat l-iżvilupp personali, u jisħaq li l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu importanza ikbar lit-taħriġ tal-għalliema u jipprovdu iktar riżorsi għal dan jekk dawn għandhom jagħmlu progress sinifikanti fil-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona fil-‘Programm ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2010’ u jippromwovu l-tagħlim tul il-ħajja fl-Unjoni Ewropea;

23. Jinsab konvint li t-tfal għandhom jitgħallmu t-tieni lingwa barranija kmieni kemm jista’ jkun;

24. Iħeġġeġ bil-qawwa li l-lingwi barranin għandhom jiġu mgħallma minn età bikrija u li t-tagħlim tal-lingwi barranin għandu jiddaħħal fil-kurrikula kollha tal-iskola primarja; jisħaq li, jekk din il-mira tintlaħaq, għandhom jingħataw riżorsi suffiċjenti biex jitqabbdu u jitħarrġu għalliema tal-lingwi barranin;

25. Iqis li l-iżvilupp tat-talenti personali, tal-kapaċitajiet speċifiċi u tal-abilitajiet naturali tal-istudenti għandu jkun għan ewlieni f’dan l-istadju tal-edukazzjoni; jinnota li dawn il-kapaċitajiet jistgħu jipprovdu l-bażi tax-xogħol u l-impjieg iktar tard;

26. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal dawk l-istudenti li ma kisbux jew li mhux qed jiksbu kompetenzi bażiċi, kif ukoll għal studenti li għandhom talenti eċċezzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jimmassimizzaw l-iżvilupp tal-abilitajiet u t-talenti tagħhom li huma ‘l fuq mill-medja;

27. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu b’mod sostanzjali il-kwalità tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali tal-għalliema, tat-taħriġ tagħhom u tat-tagħlim tul il-ħajja;

28. Jappoġġja bil-qawwi l-promozzjoni ta’ żvilupp professjonali kontinwu u koerenti għall-għalliema matul il-karriera tagħhom; hu tal-fehma li l-għalliema kollha għandu jkollhom opportunitajiet regolari biex itejbu u jaġġornaw il-kompetenzi u l-kwalifiki tagħhom, kif ukoll l-għarfien pedagoġiku tagħhom;

29. Jipproponi li jiġu introdotti fil-kurrikula malajr kemm jista’ jkun programmi ta' ċittadinanza Ewropea li jedukaw ġenerezzjoni ġdida fl-ispirtu tal-valuri Ewropej f’oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-multikulturaliżmu, it-tolleranza, l-ambjent u l-bidla fil-klima;

Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET)

30. Jiġbed l-attenzjoni li għandha tissaħħaħ kemm il-kwalità kif ukoll l-attrazzjoni tal-VET;

31. Jiġbed l-attenzjoni li l-VET għandha tkun marbuta aħjar u integrata b’mod iktar koerenti fl-ekonomiji kemm Ewropej u kemm nazzjonali sabiex tfassal aħjar il-proċess edukattiv għas-suq tal-impjiegi;

32. Jinsisti li l-mobilità (mhux biss ġeografika iżda wkoll il-mobilità bejn VET u edukazzjoni ogħla) ta’ studenti u għalliema tkun imsaħħa b’mod sinifikanti;

Edukazzjoni Ogħla

33. Iqis li l-kurrikula tal-università għandhom ikunu modernizzati sabiex jilħqu l-bżonnijiet soċjoekonomiċi kemm preżenti u kemm futuri;

34. Jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla bħala prijorità għandhom jiżviluppaw programmi interdixxiplinari dwar il-fruntieri bejn ix-xjenzi sabiex jitħarrġu speċjalisti li jkunu kapaċi jsolvu l-problemi l-iktar kumplessi li qed tiffaċċja d-dinja llum;

35. Jenfasizza li l-interess tal-istudenti u tat-tfal tal-iskola fi programmi ta’ studju u kontenut li jittrattaw it-teknoloġija, ix-xjenzi naturali u l-ħarsien tal-ambjent għandu jiżdied;

36. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu sħubijiet b’mod effettiv bejn universitajiet u negozji u, minbarra dan, bejn universitajiet u partijiet oħra interessati nazzjonali, reġjonali u lokali;

37. Jiġbed l-attenzjoni li għandha tissaħħaħ b’mod sinifikanti l-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla Ewropej u li barra minn hekk, il-kwalifiki għandhom ikunu trasferibbli bl-iktar mod faċli possibbli;

38. Jiġbed l-attenzjoni għal-fatt li l-għalliema u l-lecturers fil-livelli għoljin tal-edukazzjoni jeħtieġu li jiġu aġġornati b'mod kontinwu bħall-programmi, il-kontenut u l-metodi ta' ħidma;

39. Jissuġġerixxi li l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u r-Riċerka jkun marbut mal-proċess ta’ Bolonja u għandu jkun ikkunsidrat fil-kuntest tal-qafas tar-riforma tal-edukazzjoni ogħla Ewropea;

40. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jtejbu l-mobilità tal-istudenti u l-għalliema, inkluża l-mobilità bejn pajjiżi, programmi u dixxiplini; jisħaq, f’dan il-kuntest, fuq l-importanza li tiġi implimentata l-Karta Ewropea ta’ Kwalità għall-Mobilità sabiex tinħoloq zona Ewropea ġenwina għall-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-ħajja u tiġi promossa l-kooperazzjoni ekonomika, soċjali u reġjonali;

Tagħlim Tul il-Ħajja

41. Iqis li min iħaddem għandu jkun konsistentement inkoraġġit jorganizza edukazzjoni u taħriġ għall-impjegati tiegħu, kif ukoll li jipprovdi inċentivi li jippermettu impjegati li għandhom ftit ħiliet biex jieħdu sehem fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

42. Jiġbed l-attenzjoni li għandhom ikunu kkunsidrati b’mod speċjali l-persuni mingħajr impjieg għal żmien twil li jinsabu f’sitwazzjonijiet soċjali żvantaġġati, il-persuni bi bżonnijiet speċjali, iż-żgħażagħ li kienu f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni mill-ġdid u l-persuni li ħarġu mill-ħabs;

43. Jisħaq li n-nisa b’mod partikulari għandhom jitħeġġu biex jieħdu sehem fit-taħriġ u f’taħriġ ulterjuri, u li għandhom jiġu provduti u promossi wkoll programmi speċjali li jippromwovu t-tagħlim matul il-ħajja għan-nisa f'dan il-kuntest;

44. Jenfasizza li ħaddiema li għandhom ftit ħiliet u ħaddiema ikbar fl-età għandhom ikunu partikolarment inkoraġġiti u għandhom jiġu provduti lilhom inċentivi biex jipparteċipaw fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

45. Jappella sabiex il-programmi tal-edukazzjoni għall-adulti u tat-tagħlim tul il-ħajja, iqisu b’mod partikolari dawk il-gruppi ta’ nies li huma l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, partikolarment iż-żgħażagħ, in-nisa, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet rurali, u l-anzjani;

46. Jappella sabiex ikun ikkonsidrat il-fatt li t-taħriġ fil-kapaċitajiet ta’ ġenituri għan-nisa u għall-irġiel huwa kruċjali għall-benesseri tan-nies, għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-koeżjoni soċjali; f’dan l-isfond, jixtieq li l-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja bi skop multiplu u t-taħriġ tat-trejners fil-kapaċitajiet ta’ ġenituri jiġu stabbiliti fil-qafas għall-edukazzjoni u t-tagħlim;

47. Jenfasizza li l-għarfien u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu ħafna usa’ u rikonoxxuti b’mod faċli, u li għal dan il-għan l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u tal-Europass bħala strumenti għall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja għandha titjieb ukoll;

48. Iqis li għandhom ikunu provduti iktar fondi għall-miżuri biex tkun promossa l-mobilità kemm mill-awtoritajiet Ewropej kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali fl-istadji kollha tat-tagħlim tul il-ħajja;

49. Jitlob li l-vantaġġi tal-Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà jiġu rikonoxxuti u sfruttati u li dawn jitpoġġew fil-prattika mill-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri;

50. Jinsisti li, kemm jista' jkun possibbli, għandu jkun garantit ammont kbir ta' servizzi soċjali u ta' faċilitajiet ta' appoġġ (pereżempju servizzi għall-kura tat-tfal) għall-istudenti u l-ħaddiema bil-familji;

51. Jemmen li servizzi volontarji għandhom ikunu integrati u rikonoxxuti fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010;

52. Jinsab konvint li għandhom jissaħħu l-iskambji ta’ opinjonijiet u tagħlim reċiproku fost gruppi ta’ etajiet differenti;

53. Jenfasizza li programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom jappoġġjaw l-imprenditorija, li tippermetti liċ-ċittadini jistabbilixxu SMEs u li jilħqu l-bżonnijiet kemm tas-soċjetà u tal-ekonomija;

54. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom ikunu introdotti servizzi ta’ gwida u informazzjoni dwar tagħlim tul il-ħajja għal studenti ta' kull età sabiex ikunu appoġġjati l-objettivi msemmija iktar ‘il fuq;

o

o o

55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.
  • [2]  ĠU C 300, 12.12.2007, p. 1.
  • [3]  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
  • [4]  ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.
  • [5]  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
  • [6]  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
  • [7]  ĠU L 394, 30.12.2006, p 5.
  • [8]  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p 131.
  • [9]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
  • [10]  Testi adottati, P6_TA(2008)0013.
  • [11]  Testi adottati, P6_TA(2008)0423.
  • [12]  Testi adottati, P6_TA(2008)0422.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

F’Novembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni bit-titolu L-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni[1]. Dan id-dokument, il-proposta tal-Kummissjoni għat-tielet rapport konġunt dwar il-progress tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010, jiġi ppubblikat kull sentejn u għandu jkun meqjus b’mod wiesa’ bħala reviżjoni tas-sitwazzjoni li tikkonċerna l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fi ħdan il-qafas tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

Id-dokument jikkonsisti f’rapport dwar l-istejtus tal-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livell Ewropew, u jidentifika inizjattivi nazzjonali f’dan il-qasam li kellhom suċċess u oħrajn li ma kellhomx. Madankollu, il-Komunikazzjoni mhux talli tagħti biss stampa tal-progress li sar u tidentifika oqsma fejn għadu ma sarx biżżejjed progress imma wkoll tipproponi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex isir aktar titjib: għalhekk dan id-dokument huwa dikjarazzjoni politika wkoll u jista’ jitqies bħala pjan direzzjonali għas-snin li ġejjin.

Il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq analiżi tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (analiżi dettaljata ta’ dawn ir-rapporti tinsab f’dokument ta’ ħidma ta’ appoġġ[2]) u ta’ sett ta’ indikaturi u punti ta' referenza statistiċi.

Is-sitwazzjoni attwali:

Għalkemm il-progress mhuwiex kostanti (il-pass tar-riforma għandu jkun aktar mgħaġġel u kostanti, u l-isforzi intensi għadhom indispensabbli), l-oqsma li ġejjin irreġistraw titjib matul dawn l-aħħar snin:

· L-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja u sistemi ta' kwalifiki:

a)  F’dan il-qasam ġew żviluppati strateġiji espliċiti minn ħafna pajjiżi, li ġeneralment jinkorporaw viżjoni komprensiva ta’ edukazzjoni u taħriġ u approċċ aktar koerenti għaliha.

b)  Qed jiġu żviluppati oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u dan jimplika viżjoni ġdida għar-riżultati mit-tagħlim. Twaqqfu wkoll sistemi għal validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, għalkemm huma qed jevolvu aktar bil-mod u għadhom fi stadju esperimentali.

· L-edukazzjoni qabel l-edukazzjoni primarja: l-edukazzjoni qabel l-edukazzjoni primarja qed tkun aktar rikonoxxuta permezz ta’ approċċi u politiki ġodda, għalkemm l-aktar li qed iseħħ dan huwa fil-qafas ta’ proġetti pilota. Numru kbir ta’ pajjiżi qed jimplimentaw miżuri ġodda f’dan il-qasam, billi jinvolvu stejtus obligatorju għal partijiet ta’ skola qabel il-primarja, reviżjoni tal-kontenut tat-tagħlim, bini tal-kapaċità għall-għalliema, evalwazzjoni tal-kwalità u żieda fl-investiment.

· L-edukazzjoni ogħla: il-bżonn ta’ edukazzjoni Ewropea ogħla għal modernizzazzjoni u l-importanza sabiex ikunu kkumplimentati r-riformi ta’ Bologna (eż. billi jittejbu t-tmexxija, l-iffinanzjar u l-attrattività tal-universitajiet) qed tkun dejjem aktar meqjusa bħala kruċjali. L-awtonomija tal-universitajiet imxiet ‘il quddiem sew u qed jiġu ttestjati forom ġodda ta’ involviment tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, iddaħħlu strumenti sabiex jiġi stimulat l-investiment privat (bħall-inċentivi u r-riformi tat-taxxa, partnerships pubbliċi/privati u sponsorjar privat). Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, f’bosta pajjiżi, in-numru tal-istudenti nisa fl-università huwa akbar minn dak tal-istudenti rġiel, żvilupp li parti minnu huwa dovut għal-leġiżlazzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs.

· L-importanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fi ħdan il-qafas tat-trijangolu tal-għarfien, l-Istrateġija ta' Liżbona u l-kuntest tal-politika tal-UE fl-aktar sens wiesa’ tagħha: l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet jinsabu fiċ-ċentru tal-programmi nazzjonali ta’ riforma ta’ ħafna mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, sar ħafna progress sabiex programmi operazzjonali jingħaqdu fl-ambitu tal-Fondi Strutturali għall-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma "Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, kif ukoll sabiex jiġu żviluppati għodod Ewropej ta’ referenza biex ikunu ta’ appoġġ għar-riformi, bħar-rakkomandazzjonijiet ta’ kompetenzi ewlenin, dwar il-kwalità tal-mobilità, dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

Oqsma li jirrikjedu titjib:

F’termini ġenerali, tliet oqsma diffiċli li jeħtieġu attenzjoni speċjali huma identifikati fir-rapport: ħiliet ta’ livell baxx, strateġiji ta' tagħlim għal matul il-ħajja u t-trijangolu tal-għarfien (edukazzjoni, riċerka, u innovazzjoni). F’livell iktar konkret, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika ċertu nuqqasijiet u bżonnijiet u tappella għal ċertu titjib:

· Il-ħtieġa għall-sforz sostnut, disseminazzjoni aħjar u investiment imtejjeb fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji koerenti għat-tagħlim matul il-ħajja, billi jingħaqdu l-politiki settorjali dwar l-edukazzjoni qabel l-edukazzjoni primarja, l-edukazzjoni primarja, l-edukazzjoni sekondarja u ogħla, il-VET u t-tagħlim lill-adulti.

· In-nefqa pubblika u l-investiment privat fl-edukazzjoni: tendenzi pożittivi fiż-żewġ oqsma waqfu fl-2004 u l-livelli tagħhom għadhom ivarjaw enormament bejn iż-żewġ pajjiżi.

· It-tluq kmieni mill-iskola u kompetenzi ewlenin: wisq ħafna żgħażagħ iħallu l-iskola b'mhux iktar minn edukazzjoni sekondarja baxxa u għalhekk mingħajr ħiliet u kompetenzi importanti (eż. lingwi barranin u qari, fejn id-data turina tendenza ‘l isfel fil-prestazzjoni u li l-punt ta’ referenza tal-UE għall-2010 mhux ser jintlaħaq), li huma assolutament neċessarji għalihom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà tal-għarfien u sabiex jevitaw b’suċċess li jispiċċaw mingħajr impjieg.

· Il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni ġeneralment baxxa tal-immigranti, tal-minoritajiet etniċi u tal-gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati.

· It-taħriġ tal-għalliema (aktar bżonn ta’ kompetenzi, ħiliet u ħidmiet ġodda, li huwa relatat ukoll mal-awtonomija skolastika li qed tikber), l-aġġornar tal-professjoni tat-tagħlim u t-taħriġ kontinwu tal-għalliema, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali.

· L-edukazzjoni ogħla:

a) Jittejjeb l-irwol importanti tal-universitajiet mhux biss fl-edukazzjoni u fit-tagħlim imma wkoll fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fit-trasferiment tat-tagħlim;

b) Trawwim ta’ investiment pubbliku u speċjalment privat fl-universitajiet;

c) Sostenn tal-istaff u tal-maniġers tal-universitajiet fir-rigward taż-żieda fl-awtonomija u fir-responsabilità tal-universitajiet.

· Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja ta’ ħaddiema kbar fl-età, b’ħiliet baxxi u immigranti adulti għandha tkun partikolarment miżjuda (l-punt ta’ referenza tal-UE f’dan il-qasam mhux ser jintlaħaq),

· Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għandu jsir aktar attraenti u relevanti għas-suq tax-xogħol. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal ħiliet u kwalifiki speċifiċi li se jkunu indispensabbli għas-soċjetà Ewropea u għall-ekonomija Ewropea fis-snin li ġejjin. Aktar minn hekk, il-VET għandu jkun integrat aħjar fil-qbija tas-sistema edukattiva u l-kwalità tiegħu m’għandhiex biss tittejjeb imma tiġi wkoll garantita.

· Il-mobilità tranżizzjonali għal minn jitgħallem għandha tkun faċilitata mhux biss permezz tal-programmi tal-EU imma wkoll permezz ta' miżuri nazzjonali. Il-qasam tal-VET jirrikjedi sforzi partikolari sabiex tiżdied il-mobilità.

Ir-rimarki tar-rapporteur

Fi ħdan il-qasam ta’ dan id-dokument partikolarment wiesa’ tal-Kummissjoni, ir-Rapporteur iqis li kemm l-istrateġiji koerenti u komprensivi tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll l-għodda li sar qbil dwarhom mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (bħall-qafas Ewropew tal-kwalifiki, Europass, il-qafas tal-kompetenzi ewlenin u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mobilità u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli ogħla tal-edukazzjoni) għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti minn kull Stat Membru sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ Liżbona, kif ukoll it-tisħiħ tat-trijangolu tal-għarfien u t-titjib tar-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali u tal-kwalifiki professjonali. Għandhom jiġu indirizzati aktar il-kwistjonijiet orizzontali bħat-tagħlim lingwistiku, il-bżonn tal-Ewropa għal livelli ogħla ta’ ħiliet, il-finanzjament sostenibbli u l-promozzjoni tal-awtonomija, tal-kreattività u tal-innovazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

L-azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandha tkun sostnuta minn miżuri kumplimentari ta’ natura soċjoekonomika, bħall-politiki biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja inġenerali taċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ immigranti u minoritajiet (speċjalment ir-Roma) u l-inklużjoni ta' gruppi bi bżonnijiet speċjali (l-aktar il-persuni b'diżabilità u l-anzjani) fil-livelli kollha u f’kull qasam tal-edukazzjoni. Aktar minn hekk, hemm bżonn ħafna ta’ inizjattivi li jtejbu mhux biss il-mobilità tal-istudenti imma wkoll dik tal-għalliema u tar-riċerkaturi. Is-suġġetti tal-isports għandhom jitqiesu b’mod speċjali u jittejbu fl-edukazzjoni qabel l-edukazzjoni primarja, fl-edukazzjoni primarja u dik sekondarja. Għandu jkun hemm ukoll enfażi dwar l-irwol tal-familji fir-rigward ta’ kull aspett tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, mill-importanza ewlenija tal-appoġġ tagħhom lill-istudenti (partikolarment fost l-immigranti u l-minoritajiet) sal-bżonn ta' xelta wiesgħa ta’ servizzi soċjali għall-istudenti u għall-ħaddiema mal-familji.

Filwaqt li t-tagħlim u l-kwalità tiegħu għandhom ikunu ġeneralment mtejba, għandha tingħata aktar attenzjoni għall-curricula, li għandhom jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-iżvilupp tal-personalità tal-istudenti inġenerali, kif ukoll għandhom jgħallmuhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri Ewropej, bħad-demokrazija, id-diversità kulturali, il-paċi, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hekk kif għandhom jiġu previsti bżonnijiet tal-futur li jikkonċernaw kemm lis-soċjetà kif ukoll lill-ekonomija, kompetenzi ewlenin bħall-ħiliet tekniċi, xjentifiċi u ta’ qari għandhom jingħataw prijorità speċjali filwaqt li l-ħiliet tal-ICT u l-litteriżmu fil-media inġenerali għandu jkun imħeġġeġ b’mod speċjali fost l-għalliema u l-persuni anzjani. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati ħiliet speċifiċi relatati mal-ambjent, eż. billi tiġi estiża edukazzjoni effettiva dwar kwistjonijiet ambjentali u dwar il-bidla fil-klima għall-forom kollha tat-tagħlim u billi jsir appell lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu l-bżonn għal ħidma bikrija dwar il-protezzjoni ambjentali fil-kindergarten u fl-edukazzjoni primarja u sekondarja. Aktar minn hekk, huwa kruċjali wkoll li tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni bejn is-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ (skejjel, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni ta' livell ogħla, edukazzjoni għall-adulti) u bejn tagħlim formali, mhux formali u informali.

F’livell aktar ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ dejjem għandhom ikunu relatati ma’ potenzjali lokali u reġjonali, per eżempju billi jkunu kkunsidrati fi ħdan il-qafas għall-pjanijiet jew l-istrateġiji tal-iżvilupp. Jekk huwa veru li fil-livell Ewropew jista' jsir aktar f’dan il-qasam wiesa’, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-gvernijiet tal-Istati Membri għandu jkollhom irwol aktar dinamiku biex ipoġġu fil-prattika l-politiki u l-għodod li ngħatawlhom mill-Unjoni Ewropea, per eżempju billi jistabbilixxu għalihom stess għanijiet konkreti li jikkonċernaw ir-riforma tal-programmi nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom.

Fl-aħħarnett, ir-rapporteur ifformola ċertu rimarki u stabbilixxa xi prijoritajiet speċifiċi għal kull stadju partikolari ta’ edukazzjoni u taħriġ:

1.  L-edukazzjoni qabel l-edukazzjoni primarja:

Fl-opinjoni tar-rapporteur, it-tagħlim tal-lingwi (jiġifieri l-lingwa materna u/jew tal-pajjiż ta' residenza u tal-inqas l-ewwel lingwa barranija) għandu jittejjeb u jkun imħeġġeġ ħafna sa minn dan l-istadju bikri, speċjalment sabiex tkun promossa l-inklużjoni ta’ l-immigranti u l-minoritajiet etniċi bħar-Roma fis-soċjetajiet Ewropej.

2.  L-edukazzjoni primarja u sekondarja:

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-rati ogħla ta’ studenti li jħallu l-iskola, li tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri bħall-aġġornar tal-curricula, it-titjib tal-ħsieb awtonomu, tal-kreattività u tal-innovazzjoni u billi l-istudenti jiġu motivati skont it-talenti personali u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

3.  Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET):

It-titjib fil-kwalità u l-attrattività tal-VET u l-orjentazzjoni aktar lejn il-prattika, jikkonstitwixxu wħud mill-prijoritajiet tar-rapporteur f’dan il-qasam.

4. L-edukazzjoni ogħla:

Ir-rapporteur iqis li l-isħubiji università-negozju , il-mobilità tal-għalliema, tal-istudenti u tar-riċerkaturi u kontenut aġġornat li jilħaq kemm l-bżonnijiet soċjoekonomiċi attwali kif ukoll futuri, huma elementi ewlenin fi ħdan il-qasam tar-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni ta' livell ogħla.

5. Tagħlim tul il-ħajja:

Fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja, ir-rapporteur jixtieq jiffoka fuq il-motivazzjoni tal-ħaddiema sabiex jibqgħu jitgħallmu matul ħajjithom kollha u matul il-karrieri professjonali tagħhom, kif ukoll biex jiġi garantit b’mod effettiv li kull ħaddiem jipparteċipa, inklużi l-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-anzjani.

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (14.10.2008)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-għarfien, il-kreattività u l-innovazzjoni - l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma "Edukazzjoni u Taħriġ 2010"
(2008/2102(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marie Panayotopoulos-Cassiotou

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel,

B.  billi l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija indispensabbli għas-suċċess tal-Istrateġija ta' Liżbona, li fiha, wieħed mill-objettivi huwa li jaffaċċja n-nuqqas ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol Ewropew, u b'mod partikolari biex sal-2010 jintlaħaq livell ta' xogħol għan-nisa ta' 60%,

1.  Jinnota li l-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp soċjali u personali kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel; għalhekk jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala appoġġ fundamentali bil-għan li jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

2.  Jiddispjaċih li s-sistemi ta' tagħlim ma jħeġġux lin-nisa biex jersqu lejn studju u taħriġ professjonali li tradizzjonalment huma magħżula mill-irġiel, u viċe versa, imma jilqa' l-miżuri favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u jitlob lill-Istati Membri biex iniedu programmi li joffru lin-nisa possibilitajiet ta' orjentazzjoni professjonali kemm jista' jkun varjati, u li b'mod ulterjuri jwasslu għas-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' ugwaljanza fl-opportunitajiet eżistenti kif ukoll fit-tagħlim ta' kwalità u fl-edukazzjoni matul il-ħajja bejn in-nisa u l-irġiel huma ħafna agħar f'reġjuni insulari u fir-reġjuni ġeografikament u soċjalment żvantaġġati; b'riżultat jitlob għal tisħiħ fit-tħeġġiġ ta' inizjattivi edukattivi fil-qafas tal-politika reġjonali;

4.  Jinnota r-rappreżentazzjoni dejjem baxxa tan-nisa f'ċerti oqsma ta' studju, fil-livelli kollha, kif ukoll fis-settur tar-riċerka; għalhekk jinkoraġġixxi azzjonijiet konkreti u pożittivi sabiex titranġa s-sitwazzjoni;

5.  Josserva li studenti li kellhom l-istudji tagħhom interrotti, b'mod partikulari l-ommijiet żgħażagħ, jistgħu jkunu diskriminati u jitlob għall-adozzjoni ta' approċċi iktar flessibbli li jiffaċilitaw li waħda terġa' tibda tistudja jew li jkun hemm taħriġ għal nisa wara li jkunu welldu sabiex l-istudji jkunu konċiljati mal-ħajja professjonali u familjari;

6.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' ugwaljanza fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni għolja dejjem tiżdied iktar ma jkun għoli l-livell; iqis li t-titjib tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet titlob bidla fundamentali fl-attitudni, imsaħħa minn azzjonijiet konkreti u pożittivi;

7.  Jitlob li l-programmi edukattivi tal-adulti u t-taħriġ matul il-ħajja jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi ta' nies l-iktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, b'mod speċjali ż-żgħażagħ, in-nisa, partikolarment dawk li jgħixu fil-kampanja, u l-anzjani;

8.  Jistieden li jitqies il-fatt li l-edukazzjoni tal-ħiliet tal-ġenituri mmirata għan-nisa u l-irġiel hija kruċjali għall-benesseri tal-persuni, il-ġlieda kontra l-faqar u l-koeżjoni soċjali; f'dan ir-rigward jixtieq li jiġu implimentati programmi b'ħafna għanijiet ta' taħriġ matul il-ħajja u taħriġ għall-edukaturi tal-ħiliet tal-ġenituri fil-qafas tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.10.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Zita Gurmai, Piia-Noora Kauppi, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Teresa Riera Madurell, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Maria Petre

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Nicodim Bulzesc, Marie-Hélène Descamps, Jolanta Dičkutė, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Dumitru Oprea, Zdzisław Zbigniew Podkański, Christa Prets, Pál Schmitt, Helga Trüpel, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Erna Hennicot-Schoepges, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser, Jaroslav Zvěřina