RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġustizzja elettronika
26.11.2008 - (2008/2125(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)
Rapporteur għal opinjoni (*):
Luca Romagnoli, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġustizzja elettronika
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra x-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ipproċessar ta' Data Legali (Ġustizzja elettronika),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2008 intitolata "Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika" (COM(2008)0329),
– wara li kkunsidra l-ħidma għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni Ewropea attwalment qed twettaq f'dan il-qasam fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6‑0467/2008),
A. billi l-Kunsill iddeċieda fl-2007 li jibda l-ħidma fuq l-iżvilupp fil-livell Ewropew tal-użu tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) fil-qasam tal-ġustizzja, b'mod partikulari billi joħloq portal Ewropew,
B. billi huwa stmat li madwar 10 miljun persuna huma involuti f'litigazzjoni transkonfinali fl-Ewropa u allura huwa essenzjali li jsir użu ikbar tat-teknoloġija tal-informatika (IT) sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadin ikollu aċċess aħjar għall-ġustizzja u bl-għan li jkunu razzjonalizzati u ssimplifikati l-proċeduri ġudizzjarji u jitnaqqsu l-iskadenzi proċedurali u l-ispejjeż operazzjonali fil-litigazzjoni transkonfinali,
C. billi l-ġustizzja elettronika għandha tifsira wiesgħa li, b’mod ġenerali, tinkludi l-użu ta' teknoloġiji elettroniċi fil-qasam tal-ġustizzja u billi din id-definizzjoni tkopri għadd ta’ kwistjonijiet li mhumiex b’mod neċessarju marbuta mal-kunċett tal-ġustizzja elettronika kif ġie interpretat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-30 ta’ Mejju 2008 u mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-ġustizzja elettronika,
D. billi, jekk tkun applikata korrettament, l-IT tista' tagħti kontribut sinifikanti għat-titjib tal-aċċessibilità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u legali tal-Ewropa; billi, b'suq intern dejjem iktar integrat u b'mobilità li qed tikber fl-Ewropa, l-isfidi inerenti ffaċċjati minn sistema ġudizzjarja transkonfinali, bħal lingwa, distanza u sistemi legali mhux familjari, probabilment se jsiru iktar komuni; billi dawn il-problemi jistgħu, madankollu, jittaffew sa ċertu punt permezz tal-applikazzjoni xierqa tal-ICT, biex b'hekk mhux biss jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini Ewropej iżda jingħata wkoll kontribut għall-effiċjenza tas-suq waħdieni;
E. billi, kif ġie enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja dwar l-użu tal-ICT fis-sistemi ġudizzjarji Ewropej, l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji elettroniċi għall-ġustizzja mhux dejjem ikollha effett pożittiv u, sabiex jinkisbu riżultati tajbin, l-azzjoni għandha titwettaq b’mod istituzzjonali u strateġiku,
F. billi, fuq perjodu ta' żmien itwal, l-użu tal-IT fir-riżoluzzjoni tat-tilwim se jirrikjedi li jsiru bidliet fundamentali fil-liġi proċedurali u fil-mod li l-leġiżlazzjoni tkun ikkonċepita u mfassla, u l-aċċess effiċjenti għal-liġi u l-ġustizzja se jirrikjedi li r-reġistri (reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji, reġistri tal-art, reġistri ta' testmenti, eċċ.) jiġu konnessi flimkien; billi l-Parlament diġà ħa ħsieb li jagħmel l-aċċess għall-ġustizzja iktar kompatibbli mal-użu tal-IT fit-trattament tiegħu tal-leġiżlazzjoni dwar it-talbiet żgħar, l-ordni ta' infurzar Ewropew u l-medjazzjoni; billi l-użu tal-IT għandu jitħeġġeġ fl-oqsma kollha, inklużi fit-tressiq, it-tqassim u s-servizz tad-dokumenti, l-għoti ta' evidenza u t-trattament ta' talbiet għal għajnuna legali, u b'hekk għandu jkun jidher fil-proposti leġiżlattivi kollha fil-ġejjieni; billi diġà tista' tiġi kkontemplata azzjoni fl-oqsma tal-atti elettroniċi, it-trasparenza tal-assi tad-debituri u l-evidenza,
G. billi l-idea li jinħoloq portal/netwerk tal-ġustizzja elettronika ntlaqgħet tajjeb, iżda hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-UE u kemm ta' dawk li jipprattikaw il-professjoni legali fl-UE u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja billi jiġu offruti mezzi trasparenti u faċli għall-aċċess għall-informazzjoni; billi r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandha b'hekk tiġi ffaċilitata, u l-vittmi ta' delitti, il-persuni suspettati u l-"utenti tal-ġustizzja” b’mod ġenerali għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għodda tal-ġustizzja tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum; billi, fl-istess ħin, sabiex ikun verament effettiv, il-portal/netwerk għandu jiddaħħal bħala proġett pilota fil-qafas tan-Netwerks Trans-Ewropej antiċipat fl-Artikolu 154 tat-Trattat KE u żviluppat permezz ta' soluzzjonijiet ta' interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej kif imsemmijin fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2008 (COM(2008)0583),
H. billi, peress li 50% biss taċ-ċittadini Ewropej għandhom aċċess għall-internet, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-servizzi tal-ġustizzja elettronika għandhom jimxu id f'id mal-osservanza assoluta tal-prinċipji ta' trasparenza, ugwaljanza quddiem il-liġi u skrutinju pubbliku u għandhom, tal-anqas waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni, ikunu ta' natura supplimentari u fakultattiva f'dak li għandu x'jaqsam mal-prattiki segwiti sa dakinhar fl-Istati Membri,
I. billi l-portali li diġa jeżistu huma primittivi, mimlija b'kontenut żejjed u mhux faċli biex wieħed jużahom, u billi l-aqwa mħuħ fil-kamp tal-IT għandhom jitqabbdu biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni, is-sistemi elettroniċi u r-reġistri; billi portal Ewropew uniku għall-ġustizzja, b'aċċess differenzjali għall-ġudikatura u għall-ħaddiema tal-gvern, għall-professjonisti legali u ta' tip ieħor u għaċ-ċittadini, għandu jipprovdi sistema għall-immaniġġjar tal-identità biex iżżomm iż-żona għaċ-ċittadini separata miż-żona għall-professjonisti; billi, għalkemm huwa essenzjali li jsir xogħol li jibni fuq in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u li jtejbu, l-enfasi prinċipali għandha tkun, iktar minn qatt qabel, fuq l-aċċess għall-ġustizzja miċ-ċittadini u n-negozji,
J. billi l-objettiv li tinħoloq żona ta' ġustizzja Ewropea, sa ċertu punt, mhux se jinkiseb daqshekk malajr minħabba n-numru żgħir ta’ awtoritajiet ġudizzjarji li jista' jkollhom aċċess għal taħriġ ġudizzjarju tal-UE, u billi l-għodda elettronka tista' tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal disseminazzjoni mifruxa ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea li hija l-bażi taż-żona ta’ ġustizzja Ewropea futura,
K. billi għandha tingħata konsiderazzjoni għall-inugwaljanzi sinifikanti fl-għarfien li għandhom l-imħallfin nazzjonali tal-liġi Komunitarji fl-Istati Membri kollha, kif enfasizzat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea[1],
L. billi l-kwistjonijiet ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja elettronika għandhom jibdew jiġu ttrattati immedjatament, inkluża l-kwistjoni tal-lingwa,
M. billi l-Ministri għall-Ġustizzja appoġġjaw approċċ deċentralizzat għall-iżviluppp tal-ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew, b'ċertu livell ta' koordinazzjoni ċentrali, li tippermetti li l-informazzjoni tinqasam fuq livell Ewropew, waqt li tippermetti li sistemi nazzjonali jiġu operati b'mod indipendenti u tevita l-piżijiet inerenti fil-ħolqien ta' sistema ġdida u ċentralizzata ta' ġustizzja elettronika għall-UE, u billi ċerti Stati Membri huma impenjati f'koperazzjoni bilaterali; billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill ikkonkluda li l-inizjattivi rigward il-ġustizzja elettronika m'għandhomx ikunu obbligatorji għall-Istati Membri, u m'għandhomx jiġu obbligati li jintroduċu sistemi nazzjonali ġodda jew li jibdlu b'mod fundamentali lil dawk li diġà jeżistu,
N. billi ġie ppruvat li t-teknoloġija tal-informatika hi għodda effettiva biex tiġi indirizzata l-kriminalità transnazzjonali, kif inhu enfasizzat mir-riżultati li, pereżempju, inkisbu mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u l-iżviluppi ulterjuri tagħha; billi l-użu ta' teknoloġija għolja fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali għandu jiġi sfruttat kompletament u proġetti bħas-Sistema Ewropea dwar l-Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali għandhom jirċievu appoġġ mifrux bl-aktar mod possibbli, anke f'termini finanzjarji,
O. billi s-sistema attwali għall-ġbir ta' evidenza kriminali fi Stati Membri oħra għadha bbażata fuq strumenti li jaħdmu bil-mod u li mhumiex effettivi, u li jiġu offruti permezz ta' assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali, u billi, fejn ikun xieraq u f'dawk il-każi biss meta ma jkunx ta' detriment għall-pożizzjoni legali tal-persuna li tkun qed tagħti x-xhieda tagħha, l-użu ta' għodda teknoloġika, bħall-mezzi ta' vidjokonferenza, ikun pass kbir 'il quddiem fil-ġbir tal-evidenza mill-bogħod,
P. billi l-ħolqien ta’ żona ta' ġustizzja Ewropea jinvolvi wkoll it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali għaċ-ċittadini tal-UE, u billi l-istrateġija għandha tkun implimentata b’konformità sħiħa mal-ogħla standards tal-protezzjoni tad-data,
Q. billi l-miżuri leġiżlattivi li għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra għandhom jimxu id f’id sabiex jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli onlajn,
1. Jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni, b'mod partikulari l-proposta għall-promozzjoni ta' Qafas Ewropew ta' Interoperabilitá fil-kuntest tal-programm IDABC u l-ħidma li għaddejja dwar il-firma elettronika u l-identità elettronika;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomplementa ż-żona Ewropea ta' ġustizzja, libertà u sigurtà b’zona ta’ ġustizzja elettronika billi:
(a) tieħu azzjoni konkreta bl-intenzjoni li tiġi implimentata z-zona Ewropea ta' ġustizzja elettronika;
(b) tidentifika b'mod ċar il-kwistjonijiet koperti minn azzjoni tal-UE billi, pereżempju, tuża definizzjoni differenti jew tuża l-akronimu "UE" mat-terminu "ġustizzja elettronika" sabiex ikun hemm referenza għal "ġustizzja elettronika tal-UE" jew "Ġustizzja-UE";
(c) timplimenta l-portal/netwerk tal-ġustizzja elettronika filwaqt li tindirizza l-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll ta' dawk li jipprattikaw il-professjoni legali fl-UE u tiżgura d-disponibilità ta’ mezzi trasparenti u faċli biex tużahom għall-aċċess għall-informazzjoni billi japprofittaw ruħhom min-Netwerks Trans-Ewropej antiċipati fl-Artikolu 154 tat-Trattat KE u żviluppati permezz ta' soluzzjonijiet ta' interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej;
(d) tagħmel użu mifrux mill-għodda elettronika fl-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea;
(e) tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali;
(f) issaħħaħ u tipprovdi, mingħajr dewmien, l-għodda, bħall-mezzi ta' vidjokonferenza, biex jittejjeb il-ġbir tal-evidenza fi Stati Membri oħra;
(g) issaħħaħ id-drittijiet fundamentali, is-salvagwardji proċedurali fil-proċeduri kriminali u l-protezzjoni tad-data bħala parti integrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ġustizzja fl-UE;
3. Jikkunsidra li x-xogħol tal-Istituzzjonijiet għandu jkun iffukat ħafna iktar fuq iċ-ċittadin;
4. Waqt li jilqa' l-entużjażmu li l-Istati Membri qed juru għat-twaqqif ta' proġetti bilaterali li, aktar tard, jistgħu jitwessgħu biex jinkludu l-Istati Membri kollha u li għalhekk, wieħed jittama, jistgħu jipprovdu l-aħjar riżultat għall-UE kollha kemm hi, iwissi kontra l-possibilità li approċċ ta' dan it-tip ikollu effett frammentarju u jittama li se ssir għassa biex din ma sseħħx;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-attenzjoni li hemm bżonn għall-iżvilupp ta' għodda għat-tagħlim elettroniku għall-ġudikatura fil-kuntest tal-ġustizzja elettronika;
6. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
7. Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonjiet finanzjarji;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjoni 1 (dwar il-forma u l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument li għandu jkun adottat)
Peress li l-Kunsill għadu ma vvutax għal riżoluzzjoni dwar pjan ta' azzjoni li jinvolvi lill-Kummissjoni fit-twettiq tiegħu, il-Kummissjoni qed tintalab tħejji Pjan ta' Azzjoni dwar il-ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew. Dan għandu jikkonsisti f'sensiela ta' azzjonijiet individwali, skond kif deskritt fid-dettall hawn taħt, li wħud minnhom jistgħu jirriżultaw fi proposti leġiżlattivi, pereżempju għall-koperazzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 66 tat-Trattat KE, waqt li oħrajn jistgħu jirriżultaw f'rakkomandazzjonijiet u oħrajn f'atti u deċiżjonijiet amministrattivi.
(Azzjoni konkreta għall-implimentazzjoni ta’ żona ta' ġustizzja Ewropea) L-ewwel pass f’din d-direzzjoni għandu jkun, ovvjament, li kull awtorità ġudizzjarja fl-UE tingħata kompjuter, indirizz elettroniku u konnessjoni għal mal-internet. Dan għandu mnejn jidher ovvju iżda sfortunatament mhuwiex: f’ħafna każi l-awtoritajiet ġudizzjarji m'humiex provduti b'din l-għodda indispensabbli jew, anke jekk ikunu, ma jistgħux jew ma jridux jagħmlu użu minnha. Din is-sitwazzjoni trid tingħeleb.
(L-identifikazzjoni b’mod ċar tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ġustizzja elettronika) Sabiex jiġu evitati l-inkomprensjonijiet, ikun xieraq li l-kwistjonijiet koperti minn azzjoni tal-UE jiġu identifikati b’mod ċar billi, pereżempju, tintuża definizzjoni differenti jew jintuża l-akronimu "UE" mat-terminu "ġustizzja elettronika" sabiex ikun hemm referenza għal "ġustizzja elettronika tal-UE" jew "Ġustizzja-UE".
Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-kontenut minimu tal-istrument li għandu jkun adottat)
Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jikkonsisti f'tal-anqas l-azzjonijiet li ġejjin:
1. Pjan ta' Azzjoni "Ġustizzja-UE"
Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u jissaħħu l-koordinazzjoni u l-konsistenza, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament, għandha tfassal Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ġustizzja fl-UE orjentat għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u ta' dawk li jipprattikaw il-professjoni legali, fejn tipproponi strateġija għall-aħjar implimentazzjoni taż-żona ta' ġustizzja Ewropea. Minn din il-prospettiva, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw b’lealtà (bi qbil mal-Artikolu 10 tat-Trattat KE) billi jimpenjaw ruħhom biex jinfurmaw lil xulxin dwar kull informazzjoni relevanti inkluża l-leġiżlazzjoni li tkun għadha kemm ġiet adottata, kif diġà jiġri, mutatis mutandis, fis-suq intern permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi nazzjonali. Fl-istess ħin, waqt li kull miżura li għandha l-għan li ttejjeb il-fehim reċiproku tal-informazzjoni se tintlaqa' tajjeb, trid tingħata attenzjoni biex jiġi definit u ċirkoskritt b'mod ċar sa liema punt jista’ jsir l-użu ta' sistemi għat-traduzzjoni awtomatika, peress li dawn ġieli jipproduċu "traduzzjonijiet li jistgħu jkunu qarrieqa.
2. Azzjoni rigward leġiżlazzjoni li tkun valida anke fil-futur
Il-Kummissjoni għandha twaqqaf mekkaniżmu adegwat biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni futura kollha fil-qasam tal-liġi ċivili titfassal b'tali mod li jippermetti li tintuża f'applikazzjonijiet onlajn. Pereżempju, jistgħu jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-Kumpanija Privata Ewropea li qed tiġi proposta tkun tista' titwaqqaf permezz ta' applikazzjonijiet onlajn u li l-proposti dwar ir-rikonoxximent ta' strumenti bħal dawk li jittrattaw il-protezzjoni legali tal-adulti u atti awtentiċi oħra jiġu adattati għall-użu onlajn. Għaldaqstant, meta jsiru proposti li jinvolvu formoli intiżi biex jimtlew miċ-ċittadini, il-formoli għandhom jitfasslu u jkunu fformattjati ab initio għall-użu elettroniku u jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri. Għandha tittieħed azzjoni biex jitnaqqas kemm jista' jkun il-bżonn li jiddaħħal test b'mod ħieles u biex ikun żgurat li, fejn hemm bżonn, tingħata għajnuna onlajn fil-lingwi uffiċjali kollha u jkunu disponibbli servizzi onlajn ta' traduzzjoni elettronika. Bl-istess kriterju, fejn ikun hemm il-ħtieġa li tkun prevista n-notifika ta' dokumenti, għandha ssir dispożizzjoni biex ikun żgurat li d-dokumenti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati u l-komunikazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru permezz tal-posta elettronika u l-firem jiġu pprovduti elettronikament u, fejn ikun hemm il-bżonn ta' xhieda orali, jitħeġġeġ l-użu ta' mezzi għal vidjokonferenza.
Il-proposti futuri kollha għandhom jinkludu stqarrija mmotivata mill-Kummissjoni li tkun saret verifika ta' kompatibilità mal-kunċett ta' ġustizzja elettronika.
Il-Kummissjoni għandha twettaq verifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u, fejn ikun hemm bżonn, tipproponi emendi sabiex tagħmel il-leġiżlazzjoni eżistenti kumpatibbli mar-rekwiżiti tal-ġustizzja elettronika. B'mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, qed tintalab teżamina bħala prijorità il-proċedura Ewropea rigward talbiet żgħar, l-ordni ta' infurzar Ewropew u soluzzjoni alternattiva tat-tilwim sabiex tippermetti li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess dirett għalihom onlajn. B'mod simili, ir-Regolament dwar is-Servizz ta' Dokumenti[2] u r-Regolament dwar Xhieda f'Materji Ċivili[3] għandhom jiġu riveduti. L-għan għandu jkun li tkun ipprovduta firxa kompleta ta' strumenti effettivi u sempliċi li jkunu utli għaċ-ċittadini u n-negozji u li jistgħu jintużaw minnhom, u mhux sistema li tiffavorixxi biss lil-litiganti kummerċjali involuti f'talbiet kbar.
3. Azzjoni rigward proċedura ċivili
Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew dwar ir-riforma u l-armonizzazzjoni tal-liġi proċedurali u l-liġi dwar l-evidenza f'kawżi transkonfinali u kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika. L-għan għandu jkun dak ta' proċeduri ċivili iktar sempliċi, orħos u iktar rapidi f'kawżi transkonfinali.
4. Azzjoni rigward il-liġi dwar il-kuntratti u l-liġi dwar il-konsumatur
Hawnhekk l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-liġi preventiva billi tkun prevista iktar ċarezza u sempliċità u jkunu evitati l-intoppi, il-problemi u l-ispejjeż li, b'mod partikulari, toħloq il-liġi internazzjonali privata.
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tintalab li tibda taħdem fuq termini u kundizzjonijiet standard għall-kummerċ elettroniku. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jippermetti li l-kummerċjanti elettroniċi joffru "buttuna blu" li permezz tagħha l-konsumaturi (jew anke kummerċjanti oħra) ikunu jistgħu jaċċettaw li tiġi applikata l-liġi standard Ewropea dwar il-kuntratti għat-transazzjonijiet tagħhom. Din tista' tkun akkumpanjata minn sistema onlajn għall-ilmenti u aċċess għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim approvata onlajn.
5. Azzjoni rigward lingwi, multilingwiżmu u interoperabilità
Għandu jitnieda programm biex ikun eżaminat l-aħjar mod kif jistgħu jkunu pprovduti faċilitajiet onlajn ta' traduzzjoni għall-portali Ewropej ta' ġustizzja elettronika. B'mod parallel, għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma dwar is-simplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tat-terminoloġija. Kull Stat Membru għandu jipprovdi bażi ta' data ta' tradutturi u interpreti legali.
6. Azzjoni rigward portali Ewropej ta' ġustizzja elettronika
L-azzjonijiet kollha msemmija hawn fuq għandhom ikunu assenjati lil unità ta' koordinazzjoni u ġestjoni, li tkun responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni tal-kontributi tal-Istati Membri varji u biex tiżgura l-interoperabilità tagħhom.
L-unità ta' koordinazzjoni u ġestjoni għandha tkun responsabbli wkoll għat-tfassil u t-tħaddim tat-tliet portali Ewropej ta' ġustizzja elettronika, li għandhom jipprovdu żoni għaċ-ċittadini, għall-professjonisti fil-qasam legali u l-ġudikatura, u għall-ħaddiema tal-gvern, u għandha tirrapporta lill-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Kemm jista' jkun malajr (u sa mhux aktar tard mill-2009-20101) għandu jingħata bidu għal studji ta' fattibilità dwar l-użu ta' firem elettroniċi f'kuntest legali, dwar l-aċċess minn distanza għar-reġistri nazzjonali (reġistri dwar insolvenzi, reġistri tal-art, reġistri kummerċjali, eċċ.) u għall-ħolqien ta' netwerk sikur, waqt li jitqiesu r-riżultati diġà miksuba mill-Kunsill (interkonnessjoni tar-reġistri dwar insolvenzi, il-possibilità ta' koperazzjoni mal-EULIS u l-EBR). L-istudju ta' fattibilità rigward pjattaforma għal skambju virtwali għandu jibda fl-2011. L-istudji ta' fattibilità għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar ir-reklamar u l-aċċess għall-informazzjoni stipulati f'kull Stat Membru sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-informazzjoni.
Fit-twettiq ta' dawn l-istudji, għandu jitqies ix-xogħol li diġà sar mill-professjoni tan-nutara f'dan il-qasam (rikonoxximent ta' firem, nutar elettroniku, reġistru ta' testmenti, eċċ.).
L-għan huwa li tiġi garantita għodda li faċli tintuża miċ-ċittadini, min-negozji, mill-persuni li jippratikaw il-professjoni legali, mill-ġudikatura u mill-uffiċjali responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
(a) Il-Portal Ewropew ta' ġustizzja elettronika għaċ-ċittadin
Dan il-portal multilingwi għandu jitfassal bl-għan li joffri l-għajnuna kollha possibbli liċ-ċittadini u lin-negozji li jfittxu għajnuna legali u konsulenza legali inizjali dwar problemi legali transkonfinali.
Apparti l-aċċess għal bażijiet ta' data legali u rimedji elettroniċi (talbiet żgħar, ordni għall-ħlas), skemi onlajn għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (inkluża SOLVIT) u ombudsmen, il-portal għandu jinkorpora sistemi intelliġenti mfassla biex jgħinu liċ-ċittadin isir jaf kif għandu jittratta problemi legali. Sistemi ta' dan it-tip għandhom jiggwidaw lin-nies dwar (a) kif isibu avukat fi Stat Membru ieħor li jitkellem bil-lingwa tagħhom (avukat, nutar, prokuratur, eċċ)., u jispjegaw x'inhuma l-funzjonijiet tagħhom, (b) kif jaċċertaw x'għajnuna legali, jekk ikun hemm, hija disponibbli, u (c) kif jidentifikaw liema passi għandhom jieħdu biex iwettqu ċertu formalitajiet fl-Istati Membri differenti (eż. kif wieħed jistabbilixxi kumpanija, iżomm rekord tal-kontijiet, jagħmel testment, jixtri/jbigħ dar, eċċ.). Għandhom iservu wkoll ta' gwida rigward it-tip tal-problema, il-passi proċedurali li għandhom jittieħdu, u kwistjonijiet oħra ta' dan it-tip.
Fejn ikun possibbli, għandha tiġi pprovduta konsulenza legali inizjali b'xejn, permezz ta' email, minn entitajiet professjonali nazzjonali u taħt is-superviżjoni tagħhom. Tal-inqas, għandhom ikunu disponibbli direttorji ta' avukati, nutara, marixxalli tal-qrati u uffiċjali ġudizzjarji oħra, awdituri, esperti b'liċenzja nazzjonali u tradutturi u interpreti legali f'kull Stat Membru, flimkien ma' indikazzjoni tal-entità professjonali kompetenti. Għandhom ikunu wkoll disponibbli faċilment gwidi sempliċi għas-sistema legali ta' kull Stat Membru.
Wieħed għandu jkollu wkoll il-possibilità ta' aċċess ta' malajr għal għajnuna legali ta' emerġenza u għall-pulizija.
Barra minn hekk, il-portal għandu joffri wkoll aċċess għar-reġistri varji u jippermetti l-pubblikazzjoni ta' Avviżi Uffiċjali nazzjonali.
(b) Il-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika sikur
Dan il-portal għandu jitfassal biex jintuża bħala għodda mill-imħallfin, l-uffiċjali tal-qrati, l-uffiċjali tal-Ministeri tal-Ġustizzja u l-avukati li jipprattikaw il-professjoni legali bis-sigurtà ggarantita mill-għoti ta' drittijiet ta' aċċess differenti.
Minbarra li jipprovdi aċċess għal bażijiet ta' data legali u leġiżlattivi u għall-ikbar firxa possibbli ta' reġistri nazzjonali, għandu jippermetti wkoll komunikazzjoni sikura, l-użu ta' mezzi ta' vidjokonferenza u l-iskambju ta' dokumenti bejn il-qrati u bejn il-qrati u l-partijiet involuti fil-proċeduri (żmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri). Għal dan il-għan, għandu jippermetti wkoll il-verifika ta' firem elettroniċi u jipprevedi sistemi ta' verifika xierqa.
Il-portal għandu joffri wkoll mezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar, pereżempju, persuni li kienu pprojbiti milli jaħdmu mat-tfal jew li jaħdmu bħala diretturi ta' kumpaniji.
Il-punti ta' kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali fl-Istati Membri għandhom jitħeġġu li jieħdu rwol attiv fl-iżvilupp tal-ġustizzja elettronika Ewropea billi jikkontribwixxu għall-konċepiment u t-tfassil tal-portali futuri, inkluż il-portal ta' ġustizzja elettronika għaċ-ċittadin, bħala parti mill-politika Komunitarja dwar ġustizzja elettronika, imfasslin b'mod partikulari biex jippermettu li ċ-ċittadin ikollu aċċess dirett għall-ġustizzja. Bħala pass inizjali, is-siti tal-internet tal-Ministeri tal-Ġustizzja għandhom jinkludu link għas-sit tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.
Il-portal għandu jagħti liċ-ċittadin tal-UE informazzjoni dwar is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tagħhom, u għandu jinkludi informazzjoni prattika dwar liema awtorità għandha tiġi indirizzata u kif, dwar kif jistgħu jinkisbu l-formoli, u dwar l-għajnuna legali, u anke l-listi tal-avukati li huma kapaċi jieħdu ħsieb klijenti barranin. Il-portal għandu jipprovdi wkoll lil dawk li jipprattikaw il-professjoni legali bil-leġiżlazzjoni tal-UE u bil-leġiżlazzjoni relevanti tal-Istati Membri. Is-siti elettroniċi tat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u ta' entitajiet oħrajn diġa joffru ħafna informazzjoni utli. Madankollu, din l-informazzjoni hija frammentarja u mhux faċli ssibha. Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji relevanti għandhom isiru disponibbli. Din l-informazzjoni kollha għandha tkun disponibbli onlajn u offlajn u trid tingħata attenzjoni partikulari lill-mekkaniżmi ta' sinkronizzazzjoni li joffru informazzjoni aġġornata (Feeds RSS).
7. Taħriġ ġudizzjarju
Sabiex tinxtered il-kultura ġudizzjarja Ewropea u bil-għan li jintlaħaq l-ikbar għadd ta' membri tal-ġudikatura possibbli sa mill-ewwel mument li jingħaqdu mal-ġudikatura, għandha tingħata speċi ta' tagħmir ta' "sopravvivenza" fil-forma ta' CD jew stikka USB li jkun fihom it-Trattat tal-UE, it-Trattat tal-KE u anke t-testi bażiċi dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u informazzjoni dwar is-sistemi ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra lil kwalunkwe membru tal-ġudikatura li jkun għadu kif inħatar. Għandha tingħata wkoll kunsiderazzjoni għall-pubblikazzjonijiet tal-UE indirizzati liċ-ċittadin li jipprovdu informazzjoni prattika dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja tal-UE u s-sistemi għall-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra. Barra minn hekk, l-għodda elettronika ta' taħriġ offruta min-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju, li jirrappreżenta skejjel ta' taħriġ ġudizzjarju fl-UE kollha, għandhom jingħataw attenzjoni adegwata u appoġġ mill-Kummissjoni u l-Kunsill.
8. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali
S'issa l-aktar applikazzjoni importanti tal-ġustizzja elettronika fil-kuntest tal-ġustizzja fi kwistjonijiet kriminali hija l-ħolqien tas-Sistema Ewropea dwar l-Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali. Biex tkun effettiva, hemm bżonn li din is-sistema tiġi appoġġjata minn struttura elettronika li tkun kapaċi tagħmel interkonnessjoni bejn ir-reġistri kriminali nazzjonali kollha[4] u li għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien. Applikazzjoni tal-IT oħra ta' relevanza għaż-żona tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà hija s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bażi tad-dejta fuq skala kbira li tippermetti li l-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni u jikkoperaw b’ħafna modi, fosthom permezz tat-trażmissjoni tal-mandati ta' arrest Ewropej, b’mod sigur u ta' malajr ħafna. Kif jidher fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008[5], il-Eurojust huwa attur prinċipali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transazzjonali fil-livell tal-Unjoni Ewropea. L-azzjoni ta’ koordinazzjoni tagħha hija fundamentali biex jiġu indirizzati fenomeni ta’ kriminalità serji li qed jużaw dejjem aktar il-mezzi teknoloġiċi. Bis-saħħa wkoll tas-sistema innovattiva tagħha għall-ipproċessar tad-data (is-sistema E-POC) l-għadd ta’ każi li mmaniġġja l-Eurojust fl-2008 laħaq il-limitu minimu ta’ 1,000. Dawn l-eżempji għandhom jiġu mmultiplikati u ffinanzjati bir-riżorsi finanzjarji tal-UE.
9. Mezzi ta' vidjokonferenza
L-użu ta' mezzi ta' vidjokonferenza fil-kuntest ta' proċeduri kriminali f'ċerti Stati Membri huwa pjuttost komuni. Dan jippermetti li tinġabar l-evidenza billi jittieħdu l-istqarrijiet tal-persuni akkużati, ix-xhieda jew l-esperti fin-nuqqas tal-preżenza fiżika tagħhom waqt li fl-istess ħin jippermettu li tingħata protezzjoni adegwata lil dawk li jkollhom bżonnha. Il-Konvenzjoni Ewropea tal-2000 dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tistipula regoli dwar is-smigħ ta' xhieda, ta' persuni akkużati u ta' esperti permezz ta' vidjokonferenza. Din issa ġiet irratifikata minn 24 Stat Membru. Il-Parlament Ewropew qed jistieden lill-Istati Membri biex itemmu l-proċess tar-ratifika mill-iktar fis possibbli. S'issa għad m'hemm l-ebda statistika disponibbli dwar l-applikazzjoni prattika tal-mezzi ta' vidjokonferenza. Jidher li l-mezzi ta' vidjokonferenza għadhom mhumiex qed jiġu sfruttati kompletament, u waħda mir-raġunijiet hija n-nuqqas tal-appoġġ elettroniku rikjest. L-appoġġ u l-għajnuna finanzjarja mill-UE jridu jiġu pprovduti mill-iktar fis possibbli.
10. It-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali
Kull progress teknoloġiku se jintlaqa' tajjeb, dejjem sakemm ma jpoġġix id-drittijiet fundamentali fil-periklu. B'dan f'moħħna, fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni, trid tingħata attenzjoni lir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u b'mod speċifiku, lis-salvagwardji proċedurali u l-protezzjoni tad-data, waqt li liċ-ċittadini tal-UE jingħata d-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni maħżuna u maqsuma mill-awtoritajiet rilevanti li tinformahom dwar ir-rimedji disponibbli. Strateġija ta' vera għall-ġustizzja elettronika ma tistax taħdem mingħajr l-armonizzazzjoni tas-salvagwardji proċedurali u mingħajr salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data li japplikaw fi kwistjonijiet ta' ġustizzja kriminali.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0352.
- [2] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37).
- [3] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).
- [4] Il-Parlament jappoġġja lil dan il-proġett u jittama li se jiġi implimentat, waqt li titqies l-opinjoni li ta dwar il-proposta għal Sistema ta' Informazzjoni Elettronika għar-Reġistri tal-Qrati fid-9 ta' Ottubru 2008.
- [5] Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 dwar l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju tal-Olanda, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Iżvezja bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI (P6_TA(2008)0384).
OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (5.11.2008)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġustizzja Elettronika
(2008/2231(INI))
Rapporteur għal opinjoni(*): Luca Romagnoli(Inizjattiva - Artikolu 39 tar-Regoli ta’ Proċedura)(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi t-teknoloġiji elettroniċi daħlu f’ħafna aspetti tal-ħajja tagħna ta’ kuljum u dawn jistgħu jkunu effettivi fit-titjib tal-effiċjenza tal-ġustizzja domestika u transnazzjonali, u billi z-zona Ewropea tal-ġustizzja, il-libertà u l-qafas legali tas-sigurtà għandhom jidhru fid-dimensjoni elettronika Ewropea virtwali fejn it-testi legali għandhom ikunu mifhuma b'mod faċli, tradotti u aċċessibbli għal kull utent interessat, inklużi ċ-ċittadini mingħajr għarfien speċjalizzat, permezz tal-iżvilupp kemm jista' jkun ta' azzjonijiet reċiproċi on-line,
B. billi l-ġustizzja elettronika għandha tifsira wiesgħa li tinkludi b’mod ġenerali l-użu ta' tekonoloġiji elettroniċi applikati għall-ġustizzja u billi din id-definizzjoni tkopri numru ta’ kwistjonijiet li mhumiex b’mod neċessarju marbuta mal-kunċett tal-ġustizzja elettronika kif ġiet interpretata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta’ Mejju 2008 bl-isem “Lejn strategija Ewropea tal-ġustizzja elettronika” (COM(2008)0329) u mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-ġustizzja elettronika,
C. billi, kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) dwar l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) f’sistemi ġudizzjarji Ewropej, l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji elettroniċi għall-ġustizzja mhux dejjem ikollha effett pożittiv u, sabiex jinkiseb riżultat tajjeb, l-azzjoni għandha titwettaq b’mod istituzzjonali u strateġiku,
D. billi l-idea li jinħoloq portal/netwerk tal-ġustizzja elettronika ntlaqgħet tajjeb, iżda hemm bżonn li wieħed jieħu ħsieb li l-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-UE u kif ukoll tal-prattikanti legali tal-UE jiġu indirizzati u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja billi jiġu offruti mezzi trasparenti u faċli biex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni; billi r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandha tiġi ffaċilitata permezz ta’ dan, u l-vittmi tad-delitti, dawk suspettati u l-"utenti tal-ġustizzja” b’mod ġenerali għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għodod tal-ġustizzja tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Fl-istess ħin, sabiex ikun verament effettiv, il-portal/netwerk għandu jkun inserit bħala proġett pilota fil-qafas tan-Netwerks Trans-Ewropej deskritti fl-Artikolu 154 tat-Trattat KE u żviluppat b'soluzzjonijiet ta' Interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) (COM(2008)0583),
E. billi l-għan tal-ħolqien ta’ zona Ewropea tal-ġustizzja sa ċertu punt jintlaħaq aktar bil-mod minħabba n-numru żgħir ta’ awtoritajiet ġudizzjarji li jista' jkollhom aċċess għal taħriġ ġudizzjarju tal-UE, u l-għodod elettroniċi jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti fit-tixrid fost ħafna nies ta’ kultura ġuridika Ewropea li hija l-bażi taz-zona ta’ ġustizzja Ewropea futura,
F. billi t-teknoloġija tal-informazzjoni wriet li hija għodda effettiva kif jiġu indirizzati d-delitti transnazzjonali, kif ġie enfasizzat fir-riżultati miksuba pereżempju mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u l-iżviluppi l-oħra tagħha, l-użu tat-teknoloġija għolja fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-delitti transnazzjonali għandhom jiġu sfruttati b'mod sħiħ u l-proġetti bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kondotti għandhom jirċievu l-aktar appoġġ wiesa’ possibbli anke f'termini finanzjarji,
G. billi s-sistema attwali tal-mod li bih tinġabar l-evidenza kriminali fi Stati Membri oħra għadha bbażata fuq strumenti li jimxu bil-mod u li mhumiex effikaċi mogħtija permezz tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali, u billi l-użu tal-għodod teknoloġiċi bħall-użu tal-vidjokonferenzi jkun pass kbir 'il quddiem fit-teħid ta’ evidenza mill-bogħod,
H. billi l-ħolqien ta’ zona Ewropea tal-ġustizzja tinvolvi wkoll titjib fid-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali taċ-ċittadini tal-UE, u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għandha ssir b’konformità sħiħa mal-ogħla standards tal-protezzjoni tad-dejta,
I. billi l-miżuri leġiżlattivi li għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra għandhom jimxu id f’id sabiex dan it-tagħrif ikun disponibbli online,
1. Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomplimenta z-zona Ewropea tal-ġustizzja, il-liberta u s-sigurtà b’zona ta’ ġustizzja elettronika billi:
(a) tieħu azzjoni konkreta bil-għan li tiġi implementata z-zona Ewropea tal-ġustizzja elettronika;
(b) tidentifika b’mod ċar il-kwistjonijiet koperti bl-azzjoni tal-UE billi, pereżempju, tuża tifsira differenti jew il-prefiss “ġustizzja elettronika” ma’ “UE”: ġustizzja elettronika tal-UE jew UE-ġustizzja;
(c) tabbozza, flimkien mal-Parlament, Pjan ta’ Azzjoni dwar l-UE-ġustizzja;
(d) timplimenta l-portal/netwerk tal-ġustizzja elettronika filwaqt li tindirizza l-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-prattikanti legali tal-UE u tiżgura d-disponibilità ta’ mezzi trasparenti u faċli biex tużahom għall-aċċess tal-informazzjoni billi tieħu vantaġġ min-Netwerks Trans-Ewropej deskritti fl-Artikolu 154 tat-Trattat KE u żviluppat permezz ta' ISA;
(e) tagħmel użu wiesa’ mill-għodod elettroniċi fl-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea;
(f) tisfrutta l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda għall-prevenzjoni tad-delitti transnazzjonali u l-ġlieda kontrihom;
(g) ittejjeb u tipprovdi, mingħajr dewmien, għodod u appoġġ finanzjaru għat-titjib tal-ġbir tal-provi fi Stati Membri oħra bħalma huwa l-vidjokonferenzi;
(h) ittejjeb id-drittijiet fundamentali, is-salvagwardji proċedurali fil-proċeduri kriminali u l-protezzjoni tad-dejta bħala parti integrali fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-UE-ġustizzja.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
1. (Azzjoni konkreta għall-implimentazzjoni ta’ zona Ewropea tal-ġustizzja) L-ewwel pass f’din d-direzzjoni għandu jkun, ovvjament, li jiġi provdut kompjuter, indirizz elettroniku u konnessjoni tal-Internet lil kull awtorità ġudizzjarja fl-UE. Dan għandu mnejn huwa ovvju iżda sfortunatament mhuwiex: f’ħafna każijiet l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jingħatux din il-provvista indispensabbli jew, anke jekk jingħatuw dawn l-għodod, dawn ma jistgħux jew ma jridux jagħmlu użu minnhom. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi megħluba.
2. (Jiġi identifikat b’mod ċar l-iskop ta’ ġustizzja elettronika) Sabiex jiġu evitati nuqqas ta’ ftehim, ikun xieraq li jiġu identifikati b’mod ċar il-kwistjonijiet koperti bl-azzjoni tal-UE billi, pereżempju, tiġi użata tifsira differenti jew jiżdied il-prefiss UE ma’ ġustizzja elettronika: ġustizzja elettronika jew UE-ġustizzja.
3. (Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE-ġustizzja) Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi mtejba il-koordinazzjoni u l-konsistenza, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament, għandhom jagħmlu abbozz ta’ Pjan ta’ Azzjoni orjentat għaċ-ċittadini u l-prattikanti dwar l-UE-ġustizzja fejn tiġi proposta strateġija tal-aħjar implimentazzjoni taz-zona Ewropea tal-ġustizzja. Minn din il-perspettiva l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw b’lealtà (Artikolu 10 tat-Trattat KE) billi jikkommettu lilhom infushom biex jinfurmaw lil xulxin dwar kull informazzjoni relevanti li tinkludi leġiżlazzjoni li għadha kemm ġiet adottata bħala mutatis mutandis fis-suq intern jew għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq ir-regolamenti tekniċi nazzjonali. Fl-istess ħin, minkejja li kull miżura li għandha l-għan li ttejjeb il-ftehim reċiproku tal-informazzjoni hija milqugħa, trid tingħata attenzjoni biex tiġi definita b'mod ċar u jiġi ċirkonskritt sa liema punt jista’ jsir l-użu tat-traduzzjoni awtomatika minħabba li din tista' tkun qarrieqa.
4. (Il-portal tal-UE-ġustizzja) Il-portal għandu jagħti liċ-ċittadini tal-UE informazzjoni dwar is-sistema tal-ġustizzja kriminali, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tagħhom li jinkludi l-informazzjoni prattika dwar liema awtorità għandha tiġi indirizzata u kif jinkisbu l-formoli, l-għajnuna legali, u l-lista ta' avukati li huma kapaċi jinnegozjaw ma' klijenti barranin. Il-portal għandu jipprovdi wkoll prattikanti legali bil-leġiżlazzjoni tal-UE u bil-leġiżlazzjoni relevanti tal-Istati Membri. Is-siti elettroniċi tat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, in-Netwerk Ewropea u għat-Taħriġ Ġudizzjarju u oħrajn diġa joffru ħafna informazzjoni utli. Madankollu, din l-informazzjoni hija maqsuma u mhux faċli ssibha. Deċiżjonijiet relevanti ġudizzjarji għandhom ikunu disponibbli. Din l-informazzjoni kollha għandha tkun disponibbli online u offline u attenzjoni partikulari għandha tingħata lill-mekkaniżmi sinkronizzati li joffru informazzjoni aġġornata (RSS-feed).
5. (Taħriġ ġudizzjarju) Sabiex tixtered il-kultura ġudizzjarja Ewropea u bil-għan li jintlaħqu kemm jista’ jkun awtoritajiet sa minn l-ewwel mument li jingħaqdu mal-ġudikatura, speċi ta' tagħmir ta' 'salvataġġ' f'forma ta' CD jew stikka USB li jkun fihom it-Trattat tal-UE, it-Trattat tal-KE kif ukoll it-test bażi dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja filwaqt li l-informazzjoni dwar is-sistemi ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra għandha tingħata lil kwalunkwe awtorità ġudizzjarja ġdida li tinħatar. Għandha tingħata attenzjoni għall-pubblikazzjonijiet tal-UE indirizzati lil ċittadini li jipprovdu informazzjoni prattika dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja tal-UE u s-sistemi ġudizzjarji kriminali ta' Stati Membri oħra. Barra minn dan għodod ta' taħriġ elettroniku offruti min-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, li jirrappreżenta skejjel ta' taħriġ ġudizzjarju fl-UE kollha, għandhom jingħataw attenzjoni adegwata u appoġġ mill-Kummissjoni u l-Kunsill.
6. (Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali) Sa issa, l-applikazzjoni l-aktar importanti tal-ġustizzja elettronika fil-kuntest tal-ġustizzja kriminali hija l-ħolqien tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kondotti. Biex tkun effettiva, din is-sistema għandha bżonn tiġi appoġġjata minn struttura elettronika li tkun kapaċi tagħmel interkonnessjoni tar-reġistri kriminali nazzjonali[1] kollha li għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien. Applikazzjoni relevanti oħra tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni għall-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà hija s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bażi tad-dejta fuq skala kbira li tagħti l-opportunità lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri biex jagħmlu skambju ta’ informazzjoni u koperazzjoni b’ħafna modi, fosthom permezz tat-trażmissjoni tal-mandati ta' arrest Ewropej, b’mod sigur u mgħaġġel ħafna. Kif jidher fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008[2], l-Eurojust huwa parteċipant prinċipali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transazzjonali fil-livell tal-Unjoni Ewropea. L-azzjoni ta’ koordinazzjoni tagħha hija fundamentali biex jiġu indirizzati fenomeni ta’ kriminalità serji li qed jużaw dejjem aktar u aktar il-mezzi teknoloġiċi. Bis-saħħa tas-sistema innovattiva tal-ipproċessar tad-dejta tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (is-sistema E-POC) in-numru ta’ każijiet li ħadmet fuqhom il-Eurojust fl-2008 laħqu l-limitu ta’ 1000. Dawn l-eżempji għandhom jiġu mmultiplikati u ffinanzjati bir-riżorsi finanzjarji tal-UE.
7. (vidjokonferenzi) L-użu ta' vidjokonferenzi fil-kuntest ta' proċeduri kriminali f'ċerti Stati Membri huwa pjuttost komuni. Dan jippermetti l-ġbir ta' xhieda bit-teħid tal-istqarrijiet tal-persuni akkużati, ix-xhieda jew l-esperti fin-nuqqas tal-preżenza fiżika tagħhom fl-istess ħin jippermettu l-provediment ta' protezzjoni adegwata lil dawk li jkollhom bżonn protezzjoni. Il-Konvenzjoni Ewropea tal-2000 dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tipprovdi għal regoli dwar is-smigħ ta' xhieda, il-persuni akkużati u l-esperti permezz ta' vidjokonferenzi. Dan issa ġie ratifikat minn 24 Stat Membru. Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Istati Membri biex iwettqu l-proċess tar-ratifika mill-iktar fis possibbli. Sa issa mhemm ebda statistika disponibbli dwar l-applikazzjoni prattika tal-vidjokonferenzi. Madankollu jidher li mhux qed napprofittaw ruħna kemm imiss mill-vidjokonferenzi, u waħda mir-raġinijiet hija n-nuqqas ta' appoġġ elettroniku meħtieġ. L-appoġġ u l-għajnuna finanzjarja mill-UE għandha tiġi mogħtija mill-iktar fis possibbli.
8. (It-titjib fid-drittijiet fundamentali u salvagwardji proċedurali) Kwalunkwe progress teknoloġiku huwa milqugħ sakemm ma jipperikolax drittijiet fundamentali. B'dan f'moħħna, fl-iddraftjar u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni, għandha tingħata qawwija lir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u b'mod speċjali, s-salvagwardji proċedurali u l-protezzjoni tad-dejta, waqt li jingħata d-dritt ta' aċċess liċ-ċittadini tal-UE għal informazzjoni maħżuna u maqsuma mill-awtoritajiet rilevanti li tinformahom dwar ir-rimedji disponibbli. Strateġija reali tal-ġustizzja elettronika ma tistax taħdem mingħajr l-armonizzazzjoni tas-salvagwardji proċedurali u l-protezzjoni tad-dejta adegwata li japplikaw għall-koperazzjoni fil-ġustizzja kriminali .
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
4.11.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Catherine Boursier, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Maddalena Calia, Michael Cashman, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Elly de Groen-Kouwenhoven, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Armando França, Urszula Gacek, Jeanine Hennis-Plasschaert, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Maria Grazia Pagano, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Manfred Weber, Renate Weber |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Marco Cappato, Sophia in ‘t Veld, Luca Romagnoli |
|||||
Sostitut (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Fernand Le Rachinel |
|||||
- [1] Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jappoġġja dan il-proġett u jispera li jidħol fis-seħħ fil-waqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni li huwa ta dwar il-proposta tat-Twaqqif ta' Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kondotti fil-15 ta’ Awwissu 2008
- [2] Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 dwar l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju tal-Olanda, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Iżvezja bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/JHA (P6_TA(2008)0384).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
4.11.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Costas Botopoulos, Charlotte Cederschiöld, Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner, Rareş-Lucian Niculescu, Jacques Toubon, Renate Weber |
|||||