RAPPORT dwar il-proposta għal-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru
4.12.2008 - (COM(2008)0347 – C6‑0342/2008 – 2008/0121(CNS)) - *
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: aaGabriele Albertini
(Proċedura Simplikfikata – Artikolu 43(1) tar-Regoli ta’ Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru
(COM(2008)0347 – C6‑0342/2008 – 2008/0121(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0347),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 80(2) u l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, tat-Trattat KE.
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6–0342/2008),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 83(7) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6–0000/2008),
1. Japprova l-konklużjoni tal-ftehima;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indja.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond:
Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-Komunità għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta' aspetti varji tal-avjazzjoni esterna li tradizzjonalment kienu mmexxija minn ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet ukoll li ċerti aspetti ta' ftehimiet bilaterali bħal dawn kienu qed jiksru l-liġi tal-Komunità l-aktar fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment li ma tħallix trasportaturi tal-Komunità li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn u jipprovdu servizzi skont il-ftehimiet bilaterali ta' dak l-Istat Membru b'hekk issir diskriminazzjoni fost it-trasportaturi tal-Komunità fuq il-bażi tan-nazzjonalità.
Konsegwentement, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni f'Ġunju tal-2003 biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi u biex temenda ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti sabiex dwan ikunu konformi mal-liġi Komunitarja.
Skont il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għall-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehima Orizzontali mal-Gvern tar-Repubblika tal-Indja li tissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Indja.
B'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Ftehima jieħu post il-klawżoli tradizzjonali ta' deżinjazzjoni bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lit-trasportaturi kollha tal-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt tal-istabbiliment. L-Artikolu 4 jġib id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali li huma antikompetittivi (eż. ftehimiet kummerċjali obbligatorji bejn il-linji tal-ajru) f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni.
Fin-negozjati tal-Ftehima Orizzontali mal-Gvern tar-Repubblika tal-Indja, insaħaq li l-Ftehima ma kelliex taffettwa l-volum jew il-bilanċ tad-drittijiet tat-traffiku. F'dan is-sens ġew definiti t-termini ta' ittra mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha lill-Indja
L-Annessi 1 u 2 tal-Ftehima Orizzontali jelenkaw il-ftehimiet bilaterali u l-artikoli tagħhom li għalihom hemm referenza fl-Artikoli minn 1 sa 6 tal-Ftehima Orizzontali; dawn huma il-ftehimiet bejn l-Indja u l-Istati Membri kollha tal-UE bl-eċċezzjoni tal-Estonja.
L-Anness 3 jelenka l-istati l-oħra msemmija fl-Artikolu 2: L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja - li jaqgħu taħt il-Ftehima dwar iz-Zona Ekonomika Ewropea - u l-Iżvizzera li taqa` taħt il-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru.
Il-Parlament huwa intitolat li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-Ftehima skont il-proċedura ta' konsultazzjoni mal-Artikolu 83 ΄Ftehimiet Internazzjonali`, paragrafu 7, li jaqra kif ġej:
"Il-Parlament għandu jagħti l-opinjoni tiegħu, jew l-approvazzjoni tiegħu, dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehima internazzjonali jew ta' protokoll finanzjarju konkluż mill-Komunita Ewropea b'votazzjoni waħda permezz ta' maġġoranza tal-voti mitfugħa mingħajr emendi fit-test tal-ftehima jew tal-protokoll."
Il-pożizzjoni tar-rapporteur:
Is-suq tat-traffiku tal-ajru Indjan fil-preżent huwa fost dawk fid-dinja li qed jikbru b'rata mgħaġġla. Fl-2006, it-traffiku tal-ajru fl-Indja ġie rrappurtat li żdied b'xi 50%. Bi żvilupp daqshekk mgħaġġel fit-traffiku tal-ajru, qed ikun hemm ostakoli serji fl-infrastruttura tat-trasport tal-ajru kemm f'termini tal-kapaċità tal-ajruporti, l-ajruplani disponibbli, it-teknoloġija u l-ħaddiema mħarġa.
Il-ftuħ tas-suq u l-attentati biex jinġibed kapital privat u barrani fis-suq tal-avjazzjoni Indjan jitqiesu bħala parti mil-miżuri neċessarji biex jiġi żviluppat u mmodernizzat is-settur tal-avjazzjoni Indjan biex ilaħħaq maż-żieda tad-domanda u dak li jistenna l-konsumatur. Filwaqt li s-settur tal-avjazzjoni Indjan ili jkun ikkaratterizzat minn approċċ ristrett b'aċċess limitat u kontroll qawwi mill-istat, l-Indja fis-snin riċenti ħadet passi deċiżivi biex tersaq lejn suq aktar miftuħ u kompetittiv tal-avjazzjoni.
Minħabba r-rati ta' tkabbir estraordinarji u l-ftuħ gradwali tas-suq, l-Indja toffri opportunitajiet ġodda għan-negozju kif ukoll potenzjal qawwi għat-tkabbir għall-linji tal-ajru Ewropej, il-manifatturi tal-ajruplani u dawk li jipprovdu s-servizzi.
Bħala riżultat sinifikanti minħabba l-politika aktar liberali tal-gvern fl-avjazzjoni, l-Indja u l-Istati Uniti iffirmaw ftehima bilaterali "open skies" f'April 2005. Il-ftehima tneħħi l-limitazzjonijiet kollha dwar il-kapaċità u l-kontrolli fuq il-prezzijiet kompetittivi. Id-dispożizzjonijiet ta' deżinjazzjoni ineħħu wkoll il-kontrolli kollha kwantitattivi dwar id-dħul fis-suq filwaqt, madankollu, iżommu d-dritt klassiku u r-restrizzjonijiet ta' kontroll. Barra minn hekk biex tiġi deregolarizzata kompletament il-kapaċità u l-aċċess fit-3, fir-4 u fil-5 suq liberu, il-ftehima l-ġdida tipprovdi wkoll għas-7 libertà bla restrizzjoni għas-servizzi kollha tal-merkanzija. Il-ftehima l-ġdida hija mistennija li tiffaċilità l-iżvilupp ta' mudelli ta' servizz ġodda li jkunu jistgħu jħallu servizzi trans-polari bla waqfien bejn l-Istati Uniti u l-Indja li sa issa ma kienux jeżistu.
Wara dan l-eżempju pożittiv, ir-rapporteur jissuġġerixxi li fil-futur qrib ftehima mal-Indja għandha tmur aktar 'il bogħod minn Ftehima Orizzontali, li kienet l-ewwel pass importanti. Ftehima aktar komprensiva għandha tistabbilixxi qafas ambizzjuż li jintegra l-kwistjonijiet aktar miftuħa fl-avjazzjoni bħal ma hi l-koperazzjoni regolatorja fl-oqsma tas-sikurezza fl-avvjazzjoni, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ambjent, it-teknoloġija u r-riċerka kif ukoll kwistjonijiet dwar kif "isir in-negozju" ("doing business") u koperazzjoni industrijali. Fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, il-ftehima għandha tkun konsistenti mal-impenn tal-UE għal żvilupp sostenibbli.
Filwaqt li l-ambizzjonijiet għandhom ikunu għolja, zona ta' avjazzjoni miftuħa għal kollox mal-Indja tista' tieħu ż-żmien biex tiżviluppa li l-aħjar li tiżviluppa fi stadji biex ikun hemm transizzjoni bla xkiel u integrazzjoni fis-suq ibbażata fuq l-implimentazzjoni gradwali ta' regoli ġodda fuq livell ugwali.
Fuq il-bażi ta' dak li jidher hawn fuq ir-rapporteur jissuġġerixxi bħala l-ewwel pass li l-kumitat TRAN għandu jagħti opinjoni favorevoli dwar il-konklużjoni tal-Ftehima Orizzontali bejn il-Komunità u l-Indja.
PROĊEDURA
Titolu |
Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru |
||||||
Referenzi |
COM(2008)0347 – C6-0342/2008 – 2008/0121(CNS) |
||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
3.10.2008 |
||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
TRAN 9.10.2008 |
||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Gabriele Albertini 15.7.2008 |
|
|
||||
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
15.7.2008 |
||||||
Data tal-adozzjoni |
2.12.2008 |
|
|
|
|||
Data tat-tressiq |
4.12.2008 |
||||||