Proċedura : 2008/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0475/2008

Testi mressqa :

A6-0475/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2009 - 6.7
CRE 13/01/2009 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0007

RAPPORT     
PDF 143kWORD 96k
4.12.2008
PE 411.919v01-00 A6-0475/2008

dwar il-perspettivi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili fil-kuntest tat-Trattat ta' Liżbona

(2008/2067(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Genowefa Grabowska

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-perspettivi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili fil-kuntest tat-Trattat ta' Liżbona

(2008/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, iffirmat f’Liżbona fit-13 ta' Diċembru 2007(1),

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta' Liżbona(2),

–   wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet marbuta mas-soċjetà ċivili li adotta matul il-leġiżlatura attwali,

–   wara li kkunsidra l-workshop tiegħu li sar mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-3 ta’ Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0475/2008),

A. billi Unjoni Ewropea demokratika li tkun qrib iċ-ċittadini teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri mas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali,

B.  billi l-ftuħ tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għad-djalogu u għall-kooperazzjoni maċ-ċittadini u mal-organizzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa rekwiżit essenzjali għall-impenn tagħhom fil-leġiżlazzjoni u l-governanza f'kull livell,

C. billi t-Trattat ta' Liżbona jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-Unjoni, billi jagħmilha aktar faċli għalihom u għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet dwar “Ewropa taċ-ċittadini”,

D. billi d-dispożizzjonijiet fis-seħħ, li jinsabu wkoll fit-Trattat ta' Liżbona, joħolqu l-qafas legali meħtieġ għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili fil-livell Ewropew, iżda l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika mhux dejjem hija sodisfaċenti,

E.  billi s-soċjetajiet ċivili fis-27 Stat Membru jinsabu fi stadji differenti ta' żvilupp u jużaw, bi gradi differenti, l-opportunitajiet tal-involviment fid-demokrazija parteċipatorja, fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet u fid-djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali,

F.  billi t-terminu "soċjetà ċivili" jirreferi għal numru kbir ta' organizazzjonijiet mhux governattivi u bla profitti, stabbiliti miċ-ċittadini fuq inizzjattiva tagħhom stess, li għandhom posthom fil-ħajja pubblika, li jesprimu l-interessi, l-ideat u l-ideoloġiji tal-membri tagħhom u oħrajn, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali, politiċi, xjentifiċi, reliġjużi jew filantropiċi,

G. billi l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-karattru rappreżentattiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija kontroversjali u l-attivitajiet u l-effiċjenza ta' xi uħud mill-organizzazzjonijiet mhux dejjem tikkorrespondi mal-kobor tar-rappreżentanza tagħhom fl-implimentazzjoni tal-pożizzjoni li jieħdu,

H. billi l-istitituzzjonijiet indivdwali tal-Unjoni Ewropea għażlu li jieħdu approċċi differenti fir-rigward tad-djalogu ċivili,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri;

2.  Jenfasizza li s-soċjetà ċivili fl-Ewropa għandha rwol importanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, peress li tgħaddi l-opinjonijiet u t-talbiet espressi miċ-ċittadini tal-UE lill-istituzzjonijiet Ewropej; jisħaq fuq l-importanza tal-għarfien li s-soċjetà ċivili toffri lill-istituzzjonijiet u jenfasizza s-sinifikat u l-importanza tal-funzjonijiet informattivi tad-djalogu ċivili, li għandhom effett fuq il-pubbliku, b'mod partikolari fil-promozzjoni u t-trażmissjoni tal-miżuri u l-miri tal-Unjoni Ewropea, fil-ħolqien ta' netwerk ta' kooperazjoni fl-Ewropa u fit-tisħiħ tal-identità u l-identifikazzjoni Ewropea fi ħdan is-soċjetà ċivili;

3.  Jenfasizza li għat-twettiq tal-għanijiet u l-objettivi politiċi tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ ikun hemm dibattitu pubbliku usa', djalogu ċivili aktar effettiv u li titqajjem kuxenza politika akbar;

4.  Jinnota l-impenn speċjali tiegħu fir-rigward tad-djalogu ċivili u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza mogħtija lil dan id-djalogu fit-Trattat ta' Liżbona, li permezz tiegħu jikseb livell ta' prinċipju ewlieni fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-elementi politiċi rappreżentattivi u parteċipatorji permezz tat-Trattat ta' Liżbona, partikolarment permezz tal-hekk imsejħa inizjattivi taċ-ċittadini, dispożizzjoni li tagħti l-opportunità sabiex miljun ċittadin minn għadd ta’ Stati Membri jistiednu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri biex, bl-aħjar mod-possibbli, jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet legali u l-aħjar prattiki eżistenti sabiex jissaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iqis, b'mod partikolari, li l-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-PE f'kull Stat Membru għandu jkollhom rwol attiv fil-promozzjoni, l-organizzazzjoni u l-immaniġġjar ta' forums li jsiru mill-inqas kull sena bejn il-Parlament u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili f'dak l-Istat Membru, u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni regolari tal-Membri tiegħu, kemm mill-Istat Membru kkonċernat u minn Stati Membri oħra, f'dawn il-forums;

7.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jinvolvu fid-djalogu ċivili lir-rappreżentanti kollha tas-soċjetà ċivili interessati; iqis bħala essenzjali, f’dan il-kuntest, li tinstema' l-vuċi taċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej, li se jsawru l-Unjoni Ewropea ta’ għada u se jkunu responsabbli għaliha;

8.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha tal-UE, l-irġiel, in-nisa, l-anzjani u ż-żgħażagħ, tal-ibliet u tal-irħula, ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fid-djalogu ċivili bl-istess drittijiet u mingħajr ma jkunu diskriminati u, b'mod partikolari, li l-membri ta' minoritajiet lingwistiċi jkunu jistgħu jużaw il-lingwa materna tagħhom f'dawn il-forums; jinnota li l-irwol tal-Unjoni Ewropea f'dan il-kuntest għandu jkun li tagħti kontribut biex il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi attwat, u li tippromwovih b’mod li tkun ta’ eżempju, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha;

9.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex, fi ftehim interistituzzjonali, jadottaw linji gwida obbligatorji għall-ħatra ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, metodi għall-organizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet u l-finanzjament tagħhom, b'konformità mal-Prinċipji Ġenerali u Standards Minimi għall-Konsultazzjoni ta’ partijiet interessati(3); jinnota li, għal dan l-iskop, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom iżommu reġistri aġġornati tal-organizazzjonijiet mhux governattivi relevanti kollha, kemm jekk huma attivi fl-Istati Membri u/jew jekk ikunu ffokati fuq istituzzjonijiet tal-UE;

10. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu d-djalogu ċivili kompitu orizzontali għad-Direttorati-Ġenerali kollha tal-Kummissjoni, għall-gruppi ta' ħidma kollha tal-Kunsill fil-Kunsill tal-Ministri u għall-Kumitati kollha fil-Parlament Ewropew, bl-użu ta’ proċeduri trasparenti u biż-żamma ta’ bilanċ ġenwin bejn is-settur pubbliku u s-settur privat;

11. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jikkoperaw aktar mill-qrib fl-iżvilupp tad-djalogu ċivili u biex jippromwovu attitudni Ewropea attiva fost iċ-ċittadini tal-UE sabiex jiggarantixxu komunikazzjoni u koordinazzjoni aħjar, kif ukoll skambju ta' komunikazzjoni aħjar fir-rigward tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika tagħhom; jinnota li, f'dan il-kuntest, hu ferm mixtieq li jsiru laqgħat regolari bejn is-soċjetà ċivili u l-Kummissarji f'forums fl-Istati Membri bħala mod biex jonqos id-distakk li jidher li jeżisti bejn l-UE u ċ-ċittadini tal-Ewropa;

12. Jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel l-aċċess għax-xogħlijiet tiegħu aktar ħafif u sempliċi, peress li dan huwa rekwiżit bażiku biex jingħata bidu għal djalogu ġenwin mas-soċjetà ċivili;

13. Jenfażizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ politika ta' komunikazzjoni Ewropea rigward il-provvista ta’ mezzi u sistemi ġodda għall-komunikazzjoni maċ-ċittadini tal-UE (bl-użu tal-internet, tat-teknoloġiji elettroniċi u tat-teknoloġiji awdjoviżivi moderni);

14. Jesprimi ruħu favur it-tkomplija tal-miżuri eżistenti tal-UE li taw prova ta' prattika tajba, li jwasslu sabiex is-soċjetà ċivili tkun aktar involuta fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, bħal pereżempju, Europe by satellite, Citizens' Agora, fora taċ-ċittadini b'temi speċjalizzati (eż. L-Ewropa tiegħek), diskussjonijiet bl-internet, eċċ.;

15. Jinnota b'mod partikolari l-importanza ta' stħarriġ professjonali tal-opinjoni pubblika Ewropea biex jiġu identifikati u biex jinftiehmu aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-funzjonament tal-Unjoni; iħeġġeġ kemm l-istituzzjonijiet tal-UE u s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom dawn l-aspettattivi fil-ħidma u d-dibattiti bejniethom;

16. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri biex jippromwovu d-djalogu ċivili, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi u r-reġjuni, kif ukoll fl-oqsma fejn għadu ma ġiex żviluppat jew implimentat b'mod suffiċjenti; iħeġġeġ ukoll dawn l-istituzzjonijiet biex jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ħidma reġjonali tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri, u permezz ta' inizzjattivi transkonfinali; il-ħolqien ta' gruppi ta' Stati Membri (clusters) għandu jiġi esplorat ukoll bħala mezz ta' promozzjoni tal-iskambju ta' ideat u esperjenzi fi ħdan l-UE;

17. Jappella lir-rappreżentanti tas-soċjetà Ewropea biex jieħdu sehem attiv fid-djalogu ċivili, u fit-tfassil ta’ programmi u politiki Ewropej, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

18. Iħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej biex jieħdu sehem aktar attiv fid-dibattiti u d-diskussjonijiet Ewropej organizzati kif ukoll biex jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li ġejjin;

19. Jinnota li huma meħtieġa mezzi finanzjarji xierqa għad-djalogu maċ-ċittadini fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, u jitlob lill-partijiet interessati u lill-entitajiet responsabbli biex jiggarantixxu appoġġ finanzjarju xieraq;

20. Jenfasizza li apparti d-djalogu mas-soċjetà ċivili, jeħtieġ li jkun hemm ukoll djalogu miftuħ, trasparenti u regolari tal-Unjoni mal-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi, kif huwa previst mit-Trattat ta' Liżbona;

21. Jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej biex flimkien jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-kwalità rappreżentattiva u l-oqsma ta' attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, pereżempju, f’bażi ta’ data pubblika u faċli li tintuża;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta ġdida għall-għaqdiet Ewropej sabiex l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jirreferu għal bażi legali komuni;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

ĠU C 306, 17.12.2007, p. 1.

(2)

Testi adortati, P6_TA(2008)0055.

(3)

Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002, bit-titolu “Lejn kultura msaħħa ta’ konsultazzjoni u djalogu – Prinċipji Ġenerali u standards minimi għall-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mill-Kummissjoni (COM(2002)0704;


NOTA SPJEGATTIVA

'Ma rridux nagħmlu koalizzjonijiet bejn l-Istati, iżda ngħaqqdu l-popli'

Jean Monnet

Dak li ċ-ċittadini Ewropej jistennew mill-Istituzzjonijiet tal-UE hu miġbur fl-islogan 'M’għandu jsir xejn li jikkonċernana mingħajr il-parteċipazzjoni tagħna'. It-tkabbir suċċessiv tal-UE żied mhux biss in-numru ta’ Stati Membri iżda wkoll in-numru ta’ nies li tapplika għalihom il-liġi Ewropea. U filwaqt li l-UE hi proġett suġġett għal tibdil kontinwu, il-komunikazzjoni bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini sfortunament naqset milli żżomm ir-ritmu ta’ din il-bidla. Ħarġet ċara qasma viżibbli fil-komunikazzjoni, u dan ġie rifless kemm fiċ-ċaħda tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa mill-Franċiżi u mill-Olandiżi u kemm miċ-ċaħda Irlandiża tat-Trattat ta’ Liżbona. Din il-qasma donnha li qed tiċkien b’riżultat tal-miżuri u tal-proġetti implimentati mill-istituzzjonijiet tal-UE. L-isforzi li saru juru li azzjoni flimkien biex ikun influwenzat l-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva dwar kwistjonijiet Ewropej fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u supranazzjonali tista’ tkun ta’ suċċess.

Sa mis-snin disgħin l-istituzzjonjiet Ewropej bdew bil-mod il-mod jinfetħu lejn il-pubbliku ġenerali, jirrikonoxxu dejjem aktar l-irwol tas-soċjetà ċivili u jitolbu dejjem aktar l-opinjoni tagħha. Sar djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika tal-UE. Dan id-djalogu ġie magħruf bħala ‘d-djalogu ċivili’.

Madankollu, l-UE għad baqgħalha ħafna xogħol x’tagħmel rigward il-komunikazzjoni u, b’mod speċifiku, id-djalogu ċivili. Jidher ċar li l-proġett Ewropew ma jistax jimxi ‘l quddiem mingħajr l-involviment taċ-ċittadini Ewropej;

barra minn hekk, wieħed ma jistax ikollu demokrazija li tiffunzjona b’mod sħiħ mingħajr komunikazzjoni xierqa mal-pubbliku.

Fl-istess ħin, l-involviment u l-appoġġ tal-pubbliku għall-UE jista’ jkun żgurat biss billi tiġi pprovduta informazzjoni sħiħa, dibattitu miftuħ u dinamiku u involviment pubbliku attiv fil-kwistjonijiet tal-UE, skont il-prinċipju li 'Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin’ (Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport hu li jiġbed l-attenzjoni għas-sehem u s-sinjifikat importanti tad-djalogu ċivili fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-kuntest tat-Trattat ta' Liżbona, sabiex joħloq idea ġenerali tal-forom ġodda ta’ dan id-djalogu u l-opportunitajiet li joffri u sabiex jenfasizza l-ħtieġa ta’ regoli ċari u trasparenti sabiex iseħħ dan it-tip ta' djalogu fil-livell Ewropew.

It-Trattat ta’ Liżbona jagħti lid-djalogu ċivili status ta' prinċipju fundamentali li jkopri prattikament il-politiki u l-isferi ta' attività kollha tal-UE (Titolu II – Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi – tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu). Madankollu, ma jista’ jkun hemm ebda djalogu ċivili mingħajr l-involviment tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, f’Ġunju 2008 ir-rapporteur organizza seminar fi ħdan il-PE dwar il-prospetti għall-iżvilupp ta’ djalogu ċivili wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Dan is-seminar, bl-attendenza ta’ numru kbir ta’ rappreżentanti tas-soċjeta ċivili, kien suċċess kbir, u l-konklużjonijiet importanti li saru fih servew, fost affarijiet oħra, bħala l-bażi għal dan ir-rapport.

Mhemm ebda definizzjoni waħda applikata b’mod universali ta’ djalogu ċivili, kemm fil-liġi tal-UE kif ukoll fil-prattika amministrattiva tal-UE. Bl-eċċezzjoni ta’ ftit dokumenti tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-konsultazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-UE(1), ma jeżistux regoli dwar l-organizzazzjoni tal-qafas jew metodi ta’ djalogu ċivili. Il-fatt li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom approċċi differenti lejn id-djalogu ċivili jagħmilha aktar diffiċli biex il-kunċett jiġi ċċarat.

F'dan ir-rigward, issemmew riservi kbar dwar, pereżempju, il-kwalità rappreżentattiva tal-organizzazzjonijiet non-governattivi mistiedena biex jieħdu parti fid-djalogu, in-nuqqas ta’ aċċess pubbliku għall-proċeduri tal-Kunsill, u l-ammont eċċessiv ta’ ħelsien li tgawdi, b’mod partikolari l-Kummissjoni rigward il-mod ta’ kif isir id-djalogu.

Għaldaqstant ir-rapporteur iqis li hu essenzjali li l-kunċett ta’ djalogu ċivili jkun definit (jew deskritt) fil-livell tal-UE u li jiġu stipulati r-regoli li jiggvernaw il-kwalità rappreżentattiva tal-parteċipanti tas-soċjetà ċivili.

Il-prinċipju tal-kwalità rappreżentattiva jista’ jiġi sodisfat bl-aħjar mod permezz tal-involviment fid-djalogu ċivili ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li l-pubbliiku jidentifika magħhom u li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom bl-aħjar mod, jiġifieri bl-aktar mod sħiħ u kompetenti. Is-suċċess tad-djalogu ċivili jiddependi preċiżament fuq dan il-prinċipju ta’ kwalità rappreżentattiva; fi kliem ieħor, fuq l-involviment tal-partijiet konċernati kollha fl-oqsma koperti mid-djalogu (istituzzjonijiet tal-UE; awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; partiti politiċi Ewropej; organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili).

Id-djalogu ċivili hu, fin-natura tiegħu, għandu żewġ naħat u huwa reċiproku. Għaldaqstant mhux biżżejjed għall-UE li sempliċiment tipprovdi l-pubbliku b’informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha; jeħtieġ issib ukoll il-ħin li tisma’ dak li qed jgħid il-pubbliku. Il-pubbliku jeħtieġ jiġi wkoll assigurat li l-ideat u t-tħassib tiegħu jiġu trattati b'rispett u li jitqiesu mill-istituzzjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju tar-reċiproċità jirrikjedi li l-parteċipanti jingħataw feedback dwar l-azzjoni meħuda dwar il-proposti magħmula waqt id-djalogu. Dan għandu jagħti lill-imsieħba soċjali influwenza akbar fuq id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan l-UE.

Rigward l-għażla ta’ msieħba, jeħtieġ jinħoloq bilanċ bejn is-settur privat u dak pubbliku, filwaqt li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet soċjali u l-esperti jeħtieġ jingħataw trattament indaqs.

Il-prinċipju tat-trasparenza. Fil-proċess tal-għażla tal-partijiet li għandhom ikunu mistiedna biex jieħdu sehem fid-djalogu, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joperaw bl-akbar trasparenza. Għal dan il-għan, ir-rapporteur jipproponi li, fost l-oħrajn, għandhom jiġu ppubblikati b’mod sistematiku listi tal-organizzazzjonijiet li jkunu ġew involuti fil-konsultazzjonijiet u li jkunu taw il-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom. Meta jinfetħu l-konsultazzjonijiet, l-Unjoni għandha taħtar persuna ta’ kuntatt tal-UE għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Rigward id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-politiki tal-UE, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (kemm Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali) għandhom juru b’mod ċar u miftuħ l-interessi ta’ min ikunu qed jirrappreżentaw. Dan jagħmilha possibbli li r-rappreżentanti ta’ interess (lobbyists) jintgħarfu mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Regoli li jirregolaw kif isir id-djalogu ċivili

Hawnhekk għandha ssir referenza għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 dwar kultura msaħħa ta’ konsultazzjoni u djalogu, li tistipula prinċipji bażiċi dwar kif għandhom isiru l-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Kummissjoni. Il-komunikazzjoni tenfasizza li l-gruppi kollha fil-mira għandhom jiġu involuti fil-konsultazzjonijiet, li għandhom jingħataw l-informazzjoni kollha li jinħtieġu biex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar id-dokumenti jew proġetti li jkunu qed jiġu kkonsultati dwarhom, u li għandhom dejjem jingħataw konferma li l-fehmiet tagħhom ikunu ntlaqgħu mill-korp ta’ konsultazzjoni. Dawn il-prinċipji b’mod ewlieni jirrigwardaw l-aspetti kwalitattivi tal-proċess ta’ konsultazzjoni u djalogu, iżda l-qafas u l-proċeduri għad-djalogu ma jissemmewx. Għaldaqstant ir-rapporteur jixtieq li l-Kummissjoni terġa’ tqis il-prinċipji u tagħmilhom adattati għall-ħtiġijiet attwali, bil-għan li jsiru prinċipji komuni għall-istituzzjonijiet kollha.

L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bla dubju għandhom l-aktar irwol importanti fl-appoġġ u t-trawwim tad-djalogu ċivili, b’mod partikolari li jinvolvu l-pubbliku f'dan id-djalogu. Il-pubbliku għandu jiġi kkonsultat f’dawn it-tliet livelli, u l-fehmiet tal-pubbliku – b’mod partikolari dwar kwistjonijiet Ewropej, għandhom jiġu mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-UE. Ir-rapporteur jipproponi li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jintalbu jippubbliċizzaw id-djalogu pubbliku u li jkollhom rikors għalih kull fejn ikun possibbli. Billi jsiru partijiet f’dan id-djalogu, iċ-ċittadini tal-UE se jidraw il-prattika tad-demokrazija parteċipattiva u se jkollhom opportunità ġenwina li jeżerċitaw id-dirttijiet tagħhom.

Għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, għandha tingħata attenzjoni partikulari lid-dispożizzjonijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini (miljun firma), li permezz tagħha tista’ titressaq proposta ta’ leġiżlazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet se jagħmluha possibbli lil kull min hu involut fil-ħajja demokratika tal-UE (ċittadini individwali u organizzazzjonijiet non-governattvi) li jgħidu b’mod ċar u formali lill-Unjoni dak li qed jistennew minnha.

Biex jiġi żgurat djalogu ċivili aktar effettiv, ir-rapporteur għandu jiġbed l-attenzjoni wkoll għal dan li ġej:

1.        Sens ta’ ftuħ min-naħa tal-Kunsill: aċċess imtejjeb u effiċjenti għal dokumenti tal-Kunsill hu ta’ importanza ewlenija għal djalogu effettiv mas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ diversi gruppi ta’ ħidma għandha tkun disponibbli b’aktar faċilità għall-Parlament Ewropew u s-soċjetà ċivili.

2.        Koperazzjoni interistituzzjonali aktar mill-qrib u aħjar dwar konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. B’mod partikolari, għandha tinħoloq pjattaforma komuni għall-koperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, bl-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

3.        Mezzi, metodi u opportunitajiet ġodda għall-komunikazzjoni maċ-ċittadini, u koperazzjoni aktar mill-qrib mal-midja. Teknoloġiji ġodda (teknoloġiji diġitali, Internet) għandhom b’mod attiv jiġu involuti fit-twaqqif ta’ punti ta’ informazzjoni. Sar progress sinjifikanti f’dan ir-rigward mil-lat tal-midja, fost affarijiet oħra, permezz tat-tnedija tal-istazzjon l-Ewropa bis-Satellita.

           Barra minn hekk, sabiex ikunu jistgħu jiġu mbassra r-reazzjonijiet tal-pubbliku Ewropew (li hi kwistjoni partikolarment kumplessa, fid-dawl tal-influwenza tal-fehmiet u t-twemmin politiku nazzjonali) u sabiex jinftehmu r-reazzjonijiet pubbliċi meta jseħħu, jeħtieġ jinħolqu mekkaniżmi bħal think tanks Ewropej bil-għan li janalizzaw l-aspettattivi pubbliċi u x-xejriet tal-opinjoni pubblika.

4.        Finanzjament. Biex ikun possibbli djalogu ċivili ġenwin, jeħtieġ ikun magħmul disponibbli finanzjament xieraq. F’dan ir-rigward, ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni tar-regolament tal-UE dwar partijiet u fundazzjonijiet politiċi, li hu r-riżultat tal-ewwel stadju ta’ Pjan D u li għandu rwol importanti sabiex jinvolvi liċ-ċittadini fi djalogu kontinwu, ġenwin u sustantiv.

B’mod partikulari waqt il-kampanja elettorali Ewropea tal-2009, jeħtieġ tingħata attenzjoni lill-kwistjonjiet Ewropej. Iċ-ċittadini tal-UE jridu jkunu kunfidenti li l-fatt li jivvutaw fl-elezzjonijiet se jinvolvihom b’mod sinjifikanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, b’mod partikulari f’deċiżjonjiet li jeffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Jeħtieġ ukoll iħossuhom sikuri fit-twemmin li, fi kwistjonijiet li jeffettwawhom, l-istituzzjonijiet Ewropej mhux se jieħdu deċiżjonjiet mingħajr ma jikkonsultawhom qabel (jiġifieri mingħajr ma jidħlu fi djalogu ċivili). Il-finanzjament tal-UE maħsub għall-elezzjonijiet tal-2009 għaldaqstant hu b’mod ċar investiment eċċellenti fl-espansjoni tad-demokrazija parteċipattiva.

L-appoġġ finanzjarju kollu – anke jekk hu limitat – għal organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw fil-livell nazzjonali jista’, skont il-kuntest nazzjonali (b’referenza partikolari għat-tradizzjonijiet, l-esperjenzi u l-kapaċitajiet organizzattivi nazzjonali), isaħħaħ b’mod sinjifikanti l-mekkaniżmi tad-djalogu ċivili.

Fl-aħħarnett, ir-rapporteur iħeġġeġ sabiex jingħata appoġġ wiesa’ lil dawk il-miżuri ta’ djalogu ċivili li kienu suċċess u li ġew stabbiliti fis-sod fix-xena Ewropea (pereżempju l-Agora, forum ta’ djalogu bejn iċ-ċittadini u l-Parlament) u jitlob ukoll li jkun hemm miżuri u proġetti interistituzzjonali ġodda komuni fil-qasam tal-politika tal-komunikazzjoni Ewropea.

(1)

Ara d-dokumenti tal-Kummissjoni li ġejjin: il-White paper dwar politika ta’ komunikazzjoni Ewropea (COM(2006)0035); il-Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu (COM(2005)0494); il-Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-komunikazzjoni fl-Ewropa mill-Kummissjoni (SEC(2005)0985); il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm “Ċittadini għall-Ewropa” għall-inkoraġġiment ta' ċittadinanza Ewropea attiva (COM(2005)0116); Lejn kultura msaħħa ta’ konsultazzjoni u ta’ dialogu – Prinċipji Ġenerali u standards minimi għall-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mill-Kummissjoni (COM(2002)0704); il-White Paper dwar il-governanza, 2001.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jim Allister, Richard Corbett, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Anneli Jäätteenmäki, Aurelio Juri, Íñigo Méndez de Vigo, Johannes Voggenhuber, Andrzej Wielowieyski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Papastamkos, Jacek Protasiewicz, György Schöpflin

Avviż legali - Politika tal-privatezza