RAPPORT dwar l-irwol tal-PKS u l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra
8.12.2008 - (2008/2178(INI))
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Pedro Guerreiro
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-irwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (PKS)[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kunsill bl-isem "L-irwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra" (COM(2008)0187),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd tad-29 u t-30 ta' Settembru 2008 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6‑0485/2008),
A. billi fi kwalunkwe żona ġeografika, l-organiżmi ħajjin kollha (il-bnedmin, il-pjanti, l-annimali u l-mikroorganiżmi), l-ambjent fiżiku tagħhom (bħall-ħamrija, l-ilma, l-arja) u ċ-ċikli naturali li jsostnuhom ilkoll għandhom kollha x'jaqsmu ma' xulxin,
B. billi l-iżviluppi, l-interazzjonijiet u l-bidliet f'ekosistemi bħal dawn iħallu effetti diretti u sikwit mhux mixtieqa jew mhux previsti fuq elementi oħra kemm fis-sistema kif ukoll barra minnha, u billi, bl-istess mod, l-iżviluppi li jseħħu barra s-sistema jista' jkollhom impatt immedjat fuq is-sistema,
C. billi l-approċċ ekosistemiku għas-sajd bħalissa joffri l-aħjar bażi għal sistema globali ta' ġestjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet li tqis lill-partijiet interessati u l-elementi kollha kkonċernati, u r-rekwiżiti u l-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll l-effetti għall-ġejjieni fuq is-sistema u l-interazzjonijiet tagħha,
D. billi s-sajd fl-ibħra taż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) ta' kull Stat Membru hija importanti għas-sovranità u l-indipendenza tiegħu, b'mod partikulari fejn jidħol l-ikel,
E. billi l-għerf tagħna dwar l-oċeani u l-fatturi li jinfluwenzawhom għadu limitat, għalkemm madankollu huwa biżżejjed biex insiru nafu li bosta stokkijiet tal-ħut, kemm kummerċjali kif ukoll mhumiex, qegħdin jonqsu fl-UE u f'postijiet oħra, u li filwaqt li dan huwa dovut għal ħafna fatturi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kawża ewlenija hija s-sajd bla rażan,
F. billi r-riċerka xjentifika dwar is-sostenibilità tar-riżorsi tas-sajd tippresupponi ċ-ċaħda ta' suppożizzjonijiet imsejsa fuq ideat magħġuna minn qabel u, konsegwentement, il-proposta għal analiżi bbażata fuq l-ekosistemi tal-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd tkun tassew ibbażata fuq l-ekosistemi biss jekk tkun fondata fuq data xjentifika validata,
G. billi dan l-approċċ sistematiku għandu jkun dinamiku u flessibbli fil-proċessi tiegħu ta' informazzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet, meta wieħed iqis il-ħtieġa ta' adattament kostanti minħabba l-iskoperta ta' għerf xjentifiku ġdid u interrelazzjonijiet ġodda,
H. billi, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)0670, il-ksur serju u preokkupanti tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għadhom spissi, minkejja t-tentattivi biex jitnaqqas id-daqs tal-flotta Komunitarja,
I. billi l-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd hija marbuta mas-sostenibilità tal-istokkijiet, u billi dan hu fundamentali għall-attività tas-sajd, u s-salvagwardja ta' din is-sostenibilità hija kwistjoni tal-Istati Membri,
J. billi l-għan ewlieni tal-politika dwar is-sajd, aċċettat mill-istati kollha li ħadu sehem fis-Samit Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, hu li naslu għall-ammont massimu ta' qabdiet sostenibbli,
K. billi t-tnaqqis qawwi fid-dħul mill-industrija tas-sajd huwa dovut għat-tnaqqis ta' bosta stokkijiet tal-ħut ta' valur kummerċjali, li ġab miegħu l-ħtieġa li jiġu imposti restrizzjonijiet fl-attivitajiet tas-sajd, u għall-istaġnar jew tnaqqis tal-prezzijiet tal-ewwel bejgħ, flimkien maż-żieda esponenzjali fil-fatturi tal-produzzjoni (id-diżil u l-petrol), qagħda li hija agħar fil-pajjiżi fejn dawn l-ispejjeż huma ogħla, b'mod partikulari minħabba n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' miżuri ta' appoġġ għall-industrija meta jitqabblu ma' dawk adottati minn pajjiżi oħra,
L. billi l-Kummissjoni pproponiet li jinfetaħ dibattitu dwar ir-riforma possibbli tal-PKS,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq u jenfasizza li din l-inizjattiva tirrappreżenta kontribut għall-garanzija tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd sabiex jinħolqu kundizzjonijiet sostenibbli mill-aspett soċjali, ambjentali u ekonomiku;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra għandu jwassal għal sistema dinamika u flessibbli ta' ġestjoni, tagħlim reċiproku u riċerka, sabiex jiġu inkorporati iktar fatturi varjabbli li jistgħu joħorġu minn fatturi imprevedibbli li jinfluwenzaw jew minn dixxiplini xjentifiċi oħra fil-ġejjieni;
3. Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni biex fil-proposta tagħha tinkludi metodi u għodod li jippermettu l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni u d-data kif ukoll proċess ta' tagħlim kontinwu fost il-partijiet interessati kollha, sabiex ilkoll ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw l-approċċ ekosistemiku bil-għan li jintwera u jiġi ppruvat li hu ta' benefiċċju għal kulħadd;
4. Jiġbed l-attenzjoni li s-sajd huwa attività fundamentali li tiggarantixxi l-ikel u l-għajxien tal-bnedmin, u jqis li dan huwa l-għan primordjali ta' kull politika dwar is-sajd;
5. Jiġbed l-attenzjoni li s-settur tas-sajd hu ta' importanza kbira għal xi komunitajiet li jgħixu mal-kosta fl-UE mill-aspett ekonomiku, soċjali u kulturali;
6. Itenni li l-PKS għandha tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd, filwaqt li tissalvagwardja l-vijabilità soċjoekonomika tagħha u s-sostenibilità tar-riżorsi tas-sajd, u tiggarantixxi l-provvista ta' ħut għall-pubbliku kif ukoll is-sovranità u s-sigurtà tal-ikel, iż-żamma tal-impjiegi u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar għas-sajjieda;
7. Jemmen li kull politika dwar is-sajd għandha tqis bosta dimensjonijiet - soċjali, ambjentali u ekonomiċi - u teħtieġ approċċ integrat u bbilanċjat li mhux kompatibbli ma' viżjoni li toħloq ġerarkija fosthom, skont definizzjoni a priori tal-prijoritajiet;
8. Jenfasizza li, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tagħha, il-PKS m'għandhiex tkun subordinata għal politiki Komunitarji oħra li jkunu ġew definiti qabilha; iqis, min-naħa l-oħra, li dawn il-politiki reċenti għandhom jissalvagwardaw u jintegraw magħhom l-għanijiet tal-politika dwar is-sajd;
9. Jiġbed l-attenzjoni li l-iżvilupp sostnut ta' reġjun tal-kosta partikulari jġib miegħu l-ħtieġa li titjieb l-interazzjoni bejn il-komponenti ambjentali, naturali u umani u jippromwovi l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tas-sajd; jerġa' jafferma li l-politika dwar is-sajd għandha tibda mill-prinċipju tal-interdipendenza bejn il-benesseri tal-komunitajiet tas-sajd u s-sostenibilità tal-ekosistemi li minnhom jagħmlu parti integra;
10. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-karattru u l-importanza speċifiċi tas-sajd qrib il-kosta fuq skala żgħira kif ukoll is-sajd artiġjanali;
11. Jenfasizza, konsegwentement, li t-tfittxija biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ikel ta' kull Stat Membru, is-salvagwardja tal-vijabilità tal-industrija strateġika tas-sajd u tal-komunitajiet tas-sajd, kif ukoll il-preservazzjoni tas-sostenibilità tal-ekosistemi marittimi huma għanijiet rikonċiljabbli;
12. Iqis li, sabiex jinżammu l-istokkijiet tal-ħut fid-dinja, għandhom jiġu stabbiliti limiti massimi għall-għadd ta' ġranet li fihom is-sajjieda jkunu jistgħu jibqgħu ’l barra;
13. Jiġbed l-attenzjoni li l-applikazzjoni ta' approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra minnha nnifisha timponi azzjoni multidixxiplinarja u intersettorjali li tiġbor fiha l-miżuri u l-politiki differenti li għandhom impatt fuq l-ekosistemi tal-baħar - lil hinn sew u 'l fuq mill-politiki adottati fil-qasam tas-sajd - u li mingħajrha ma jkunx possibbli li jintlaħqu l-għanijiet ta' dan l-approċċ;
14. Itenni l-ħtieġa li jiġu studjati u adottati miżuri marbuta ma' bosta fatturi li jkollhom impatt profond fuq is-sostenibilità tal-ekosistemi tal-baħar u l-istat tar-riżorsi tas-sajd, u konsegwentement fuq l-attività tas-sajd, bħat-tniġġis tal-kosta u l-baħar 'il barra minnha, id-dranaġġ industrijali u agrikolu, it-tibdil fir-rotot tax-xmajjar, it-tindif tal-baħar fond, l-attività fil-portijiet, it-trasport marittimu u t-turiżmu;
15. Jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti bejn iż-żoni differenti tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd rispettivi tagħhom, kif ukoll bejn il-flotot u t-tagħmir differenti użati u l-impatt tagħhom fuq l-ekosistemi, u dan jeħtieġ miżuri ta' ġestjoni tas-sajd, bħal modifiki tekniċi għax-xbiek, l-għeluq ta' ċerti żoni tas-sajd u t-tnaqqis tal-isforz tas-sajd, li huma diversifikati, speċifiċi u adattati skont il-każ;
16. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu applikati mekkaniżmi biex jiġu ssussidjati jew kompensati dawk is-sajjieda affettwati mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-irkupru pluriennali u l-pjanijiet u l-miżuri ta' ġestjoni biex jitħarsu l-ekosistemi;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-applikazzjoni gradwali meħtieġa għal approċċ globali, interdixxiplinari u intersettorjali għall-ġestjoni tal-ibħra tesiġi li l-għerf xjentifiku jittejjeb u jiġi approfondit il-ħin kollu, sabiex tiġi ggarantita l-adozzjoni ta' miżuri msejsa fuq data xjentifika validata;
18. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Kummissjoni tinkludi s-settur tas-sajd fi pjan intersettorjali ġenwin għall-preservazzjoni tal-ambjent marittimu, skont id-dispożizzjonijiet tad-"Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima"[2], il-pilastru ambjentali tal-Politika Marittima Ewropea l-ġdida;
19. Jenfasizza li r-riċerka xjentifika dwar is-sajd hija għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-ibħra li hija indispensabbli biex jiġu identifikati l-fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tar-riżorsi tas-sajd, billi ssir evalwazzjoni kwantittativa u billi jiġu żviluppati mudelli li bihom ikun jista' jitbassar l-iżvilupp tagħhom, imma wkoll biex jittejbu t-tagħmir tas-sajd, il-bastimenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza għas-sajjieda, flimkien mal-għerf u l-esperjenza tagħhom;
20. Jipproponi li jsiru studji xjentifiċi li jkunu kapaċi jidentifikaw it-tqassim mill-ġdid tal-ispeċi tal-baħar sfruttati mis-sajjieda, minħabba l-impatt tal-bidla reċenti fil-parametri fiżiċi u kimiċi tal-ibħra dovut għall-bidla fil-klima; iqis li dawn l-istudji għandhom iservu ta' bażi biex jiġu formulati mill-ġdid għadd ta' pjanijiet ta' rkupru tal-istokkijiet eżistenti, pereżempju l-pjan ta' rkupru għall-marlozz tan-nofsinhar u għall-awwista Norveġiża 'l barra mill-Peniżola Iberika;
21. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ta' riċerka fl-akwakultura, sabiex jerġgħu jieħdu r-ruħ l-istokkijiet tal-ispeċi li l-aktar jinsabu fil-periklu;
22. Iqis, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li jsir investiment fit-taħriġ tar-riżorsi umani, li jingħataw riżorsi finanzjarji xierqa u li tiġi promossa l-koperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi differenti fl-Istati Membri;
23. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riċerka xjentifika għandha tqis il-komponenti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-attività tas-sajd; iqis li hu essenzjali li ssir evalwazzjoni tal-impatt tas-sistemi u l-istrumenti differenti tal-ġestjoni tas-sajd dwar l-impjiegi u d-dħul fil-komunitajiet tas-sajd;
24. Jiġbed l-atttenzjoni li, billi s-sajd huwa attività li tisfrutta riżorsi li jġeddu lilhom infushom, l-ewwel kompitu, u dak prinċipali, tal-ġestjoni tas-sajd hu li b'mod dirett jew indirett jiġi kkontrollat l-isforz tas-sajd totali, b'mod li jinkiseb l-objettiv tas-Samit ta' Johannesburg tal-2002 imsemmi aktar 'il fuq;
25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tqis is-sistema preżenti tal-qabda totali permessa u tal-kwoti bħala l-istrument ewlieni għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ibħra u l-utilità tagħha meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet attwali fuq is-sajd;
26. Iħeġġeġ lill Kummissjoni biex tistudja u tipproponi sistemi ta' kontroll u sorveljanza aktar miftuħin rigward il-ħut li jittella' l-art, il-qabdiet illegali u r-rimi fil-baħar ta' qabdiet inċidentali;
27. Iqis li l-miżuri msemmija aktar 'il fuq huma fundamentali għal evalwazzjoni preċiża tal-istat tar-riżorsi tas-sajd minn entitajiet xjentifiċi kompetenti;
28. Jirrikonoxxi li l-istrumenti tal-ġestjoni tas-sajd eżistenti, ibbażati fuq il-qabda totali permessa, għandhom impatt dirett fuq il-qabdiet u impatt indirett fuq l-isforz tas-sajd; jenfasizza, madankollu, li l-ġestjoni tal-isforz tas-sajd hi meħtieġa biex dan il-metodu jkun jista' jaħdem b'mod aktar effikaċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-istrumenti diversi għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, filwaqt li tiżgura li l-istrumenti attwali ma jinbidlux sakemm ikun hemm alternattiva disponibbli li tiggarantixxi l-isfruttament xieraq tar-riżorsi tas-sajd;
29. Jenfasizza li d-distribuzzjoni tal-qabda totali permessa minn flotot u tagħmir tas-sajd, li tirrispetta l-istabilità relattiva, taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru; jikkunsidra li d-distribuzzjoni tal-kwoti f’kull Stat Membru għandha tikkunsidra t-tip ta’ tagħmir (tartarun u oħrajn) u l-qabdiet rispettivi;
30. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-possibilità ta’ xi tibdil li jista' jsir fil-PKS li jippromwovi l-konċentrazzjoni tal-attività tas-sajd, b’mod partikulari rigward id-dritt ta’ aċċess għar-riżorsi;
31. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tnaqqis u l-konċentrazzjoni tal-kwoti fost numru limitat ta’ operaturi ma jfissirx neċessarjament tnaqqis fl-isforz tas-sajd, imma sempliċement il-konċentrazzjoni tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd;
32. Jilqa' d-diskriminazzjoni pożittiva rigward l-għajnuna biex tiġġedded il-flotta f'xi reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE u jqis li hija ħaġa fundamentali li din l-għajnuna tinżamm kif inhi wara tmiem il-qafas finanzjarju attwali 2007-2013 sabiex ikun possibbli li tkun żgurata, anke wara dak iż-żmien, xi sura ta' sajd li tkun sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;
33. Jikkunsidra li huwa vitali li jinżamm l-aċċess għaż-żona li taqa’ fi ħdan l-ibħra territorjali ta’ mill-inqas 12-il mil, bħala mezz biex ikunu promossi s-sostenibilità tal-ekosistemi tal-ibħra li jinsabu mal-kosta, l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd u l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd; jitlob biex din id-deroga tkun ta’ natura permanenti;
34. Jitlob li ż-żona li tikkorrispondi maż-ŻEE tar-reġjuni l-aktar imbiegħda titqies bħala 'żona ta’ aċċess esklużiv' fuq bażi permanenti sabiex tkun garantita s-sostenibiltà tal-ekosistemi tal-ibħra, l-attività tas-sajd u l-komunitajiet lokali tas-sajd;
35. Jikkunsidra li mhux biżżejjed li titkejjel il-ħidma tas-sajd b’mod uniformi, mingħajr ma titqies id-diversità tal-flotot u t-tagħmir; jikkunsidra li l-kontroll tal-ħidma tas-sajd għandu jqis id-diversi speċi, it-tagħmir differenti tas-sajd u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-qabdiet dwar l-istokkijiet ta’ kull speċi;
36. Jikkunsidra li l-enfasi fuq il-ħidma tas-sajd ibbażata fuq il-kw għal kull ġurnata hija utli biss fil-każ ta’ sajd bit-tartarun iżda mhijiex adegwata għal tagħmir ieħor;
37. Jikkunsidra li r-restrizzjonijiet fiż-żoni (żoni magħluqa jew protetti, bħal m’huma żoni tal-ibħra protetti) jeħtieġu bażi xjentifika biex jappoġġjawhom, b’mod partikulari dwar l-influwenza tad-diversi attivitajiet u fatturi li għandhom impatt reali fuq l-ekosistemi u dwar il-benefiċċji reali offruti bil-ħolqien tagħhom, li għandhom jinkludu studji speċifiċi fil-fond dwar l-impatt ambjentali u soċjoekonomiku tagħhom fuq il-komunitajiet tas-sajd;
38. Jinnota li r-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tas-sajd kienu kkawżati l-aktar bil-promozzjoni tal-iskrappjar tal-bastimenti imma ma ġewx applikati b’mod uniformi fid-diversi Stati Membri; jenfasizza, għalhekk, li l-tqabbil tad-diversi flotot nazzjonali mar-riżorsi tas-sajd għandu jqis it-tnaqqis li diġà sar fl-isforz tas-sajd;
39. Jikkunsidra li politika li tinkoraġġixxi l-iskrappjar indiskriminat ta’ bastimenti mingħajr ma jitqiesu l-fatturi speċifiċi tal-flotot u tar-riżorsi u l-ħtiġijiet tas-sajd rigward konsum f’kull Stat Membru, u l-impatt soċjoekonomiku, m’huwiex xieraq u ġustifikat;
40. Jikkunsidra, għalhekk, li waħda mill-ewwel ħidmiet li għandhom isiru fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd huwa li ssir evalwazzjoni xjentifika dwar jekk hemmx flotot kbar iżżejjed u riżorsi sfruttati b'mod eċċessiv, u liema huma, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri speċifiċi;
41. Jinnota li l-approċċ kawt għall-ġestjoni tas-sajd hu definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 b'dan il-mod: "in-nuqqas ta' tagħrif xjentifiku adegwat m'għandux jintuża bħala raġuni għall-posponiment jew in-nuqqas ta' teħid ta' miżuri amministrattivi biex jiġu konservati speċi fil-mira, speċi assoċjati jew dipendenti u speċi mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom";
42. Jerġa' jafferma l-importanza tal-monitoraġġ tal-ġestjoni tas-sajd, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri;
43. Jitlob għall-appoġġ fl-istallazzjoni u fl-immodernizzar tal-mezzi ta’ sorveljanza tal-Istati Membri, il-monitoraġġ u l-kontroll taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom, filwaqt li titqies il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU), it-tisħiħ tas-sigurtà fuq il-baħar u l-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-ibħra;
44. Jikkunsidra li huwa essenzjali li jiġu implimentati l-miżuri li diġà ttieħdu kontra s-sajd IUU u jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-mekkaniżmi tagħhom ta’ kontroll;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li permezz tagħhom prodotti importati tas-sajd li jitqiegħdu fis-suq intern ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk li japplikaw għall-prodotti tas-sajd fid-diversi Stati Membri;
46. Itenni l-ħtieġa li t-tagħmir tas-sajd għandu jkompli jittejjeb biex tkun perfezzjonata s-selettività tiegħu, li għandu jkun fattur importanti fit-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strumenti ta' politika speċifiċi biex is-sajjieda jkunu inkoraġġiti jieħdu l-miżuri kollha disponibbli biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tagħhom kemm jista' jkun;
47. Jikkunsidra li l-introduzzjoni ta’ tagħmir industrijali tat-tartarun wassal għal żieda fil-mortalità tal-ħut li ġabet magħha l-introduzzjoni ta’ kontrolli separati fuq dan it-tagħmir, pereżempju billi jinżammu r-restrizzjonijiet imposti fuq iż-żoni tas-sajd (qrib jew ’il bogħod mill-kosta);
48. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi prattiki tas-sajd li huma aktar sodi f'sens ambjentali permezz tal-użu ta' tekniki tas-sajd aktar selettivi li jkunu kapaċi jnaqqsu l-qabdiet inċidentali u l-konsum tal-fjuwil waqt il-perjodi tas-sajd;
49. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-progress tal-proċess tal-ekoċertifikazzjoni tal-ħut, sabiex tippromwovi sajd li jkun aktar nadif u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;
50. Jenfasizza li l-involviment tal-industrija tas-sajd fit-tfassil, l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni tad-diversi miżuri skont il-PKS huwa vitali għall-adozzjoni ta’ politika aktar xierqa u effikaċi;
51. Jiġbed l-attenzjoni li l-kunsilli reġjonali konsultattivi jistgħu jagħtu sehem importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PKS, minħabba li jinvolvu sajjieda u riċerkaturi responsabbli għall-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd; jikkunsidra li l-operat tagħhom għandu jkun iffinanzjat b’mod xieraq;
52. Jisħaq fuq il-punt li, fil-qafas tal-politika reġjonali u l-politika tal-viċinat it-tajjeb, il-koperazzjoni ma' flotot mhux Komunitarji li jisfruttaw stokkijiet komuni għandha tiżdied sabiex tkun żgurata l-vijabilità ta' dawn l-istokkijiet;
53. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati gruppi ta’ sajjieda u organizzazzjonijiet professjonali li huma lesti li jaqsmu r-responsabilità għall-applikazzjoni tal-PKS (ġestjoni bi sħab);
54. Iħeġġeġ biex ikun hemm deċentralizzazzjoni akbar tal-PKS, biex ikun jista' jseħħ involviment akbar tas-sajjieda, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-komunitajiet tas-sajd fil-PKS u l-ġestjoni tas-sajd, filwaqt li jkun żgurat li jkunu ssodisfati l-istandards minimi li jkunu konsistenti u koerenti fil-Komunità kollha;
55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra’ hija waħda minn sensiela ta’ inizjattivi li l-Kummissjoni qed tippromwovi sabiex tniedi d-dibattitu dwar ir-riforma possibbli tal-Politika Komuni tas-Sajd sal-2012.
Rigward il-firxa differenti u kumplessa tal-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni, ir-rapporteur jikkunsidra li huwa importanti li jiġu enfasizzati ċerti elementi ewlenin.
Is-sajd huwa attività fundamentali li tiggarantixxi l-ikel u l-għejxien tal-bnedmin u dan huwa l-għan primordjali ta’ kwalunkwe politika tas-sajd. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jenfasizza l-importanza tas-sajd fl-ibħra ta’ kull ŻEE tal-Istati Membri għas-sovranità u l-indipendenza tagħha, b'mod partikulari rigward l-ikel.
Politika dwar is-sajd għandha tagħti prijorità lill-qabdiet tar-riżorsi tas-sajd, mingħajr ma wieħed jinsa l-attivitajiet qrib il-punt tal-produzzjoni u dak tal-bejgħ u r-riċerka xjentifika indispensabbli, b’mod partikulari l-evalwazzjoni u t-tbassir dwar il-qabdiet u l-bijomassa tar-riżorsi tas-sajd.
Fi kliem ieħor, politika tas-sajd mhijiex u m’għandhiex tkun politika għall-oċeani jew għall-ambjent tal-ibħra. Il-politika marittima għandha tagħti prijorità lill-ibħra bl-istess mod li s-sajd għandu prijorità fil-politika tas-sajd. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqiesu dejjem ir-riżultati xjentifiċi, pjuttost milli l-impressjonijiet ibbażati fuq ideat prekonċetti li s-sajd huwa l-kawża tan-nuqqas tas-sostenibiltà tas-sistemi. Dan ifisser li l-proposta għall-analiżi bbażata fuq l-ekosistema tal-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd se tkun aċċettabbli jekk tkun ibbażata fuq data xjentifika kkonfermata fuq is-sostenibiltà tal-provvista, kif ukoll jitqiesu d-diversi fatturi esterni għas-sajd li għandhom influwenza fuq l-ekosistema.
Jeħtieġ li jerġa’ jkun affermat li l-PKS għandha tippromwovi l-immodernizzar u l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd, bil-ħarsien tal-vijabilità u s-sostenibilità soċjoekonomika tagħha u s-sostenibilità tar-riżorsi u l-garanzija tal-provvista tal-ħut lill-pubbliku flimkien mas-sovranità u s-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien tal-impjiegi u kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien għas-sajjieda.
Wieħed irid jiftakar ukoll li t-tnaqqis kbir fid-dħul tal-industrija tas-sajd huwa r-riżultat tar- restrizzjonijiet fuq l-attività tas-sajd u l-istaġnar/it-tnaqqis fil-prezzijiet fl-ewwel fażi tal-bejgħ, akkumpanjata biż-żieda esponenzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni (diżil u petrol).
Il-politika dwar is-sajd tippresupponi li jitqiesu l-ħafna dimensjonijiet – soċjali, ambjentali u ekonomiċi – li jeħtieġu approċċ integrat u bbilanċjat li mhuwiex kompatibbli mal-viżjoni superimposta, b’mod partikulari permezz ta’ definizzjoni a priori ta’ kull ġerarkija tal-prijoritajiet. Dan ifisser li m’għandhiex tkun subordinata għal xi politika oħra Komunitarja u li, min-naħa l-oħra, dawn il-politiki l-oħrajn għandhom iħarsu u jintegraw l-għanijiet tal-politika tas-sajd.
Politika tas-sajd għandha tibda billi wieħed jassumi l-interdipendenza bejn il-benesseri tal-komunitajiet tas-sajd u s-sostenibilità tal-ekosistemi, li tagħhom huma parti integrali, b’mod partikulari billi jkunu rikonoxxuti l-fatturi speċifiċi u l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira mill-art u s-sajd artiġjanali.
L-applikazzjoni ta’ approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra bilfors jimponi azzjoni multidixxiplinari u intersettorjali li tħaddan il-miżuri varji u l-politiki li għandhom impatt fuq l-ekosistemi tal-ibħra – u tmur ħafna lil hinn mill-politiki adottati fil-qasam tas-sajd – li mingħajrhom ma jkunx possibbli li jintlaħqu l-objettivi ta’ dan l-approċċ.
Wieħed għandu jirrikonoxxi wkoll li hemm differenzi kbar bejn id-diversi żoni tal-baħar u r-riżorsi tagħhom, bejn id-diversi flotot u l-apparat tas-sajd użat u bejn l-impatt rispettiv tagħhom fuq l-ekosistemi, li jeħtieġ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd li huma diversifikati, speċifiċi u adattati għal kull każ, filwaqt li s-sajjieda jingħataw kumpens għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħhom fejn ikun meħtieġ.
Minħabba li s-sajd huwa attività li tisfrutta riżors li jiġġedded fih nnifsu, l-ewwel u l-aktar ħidma ewlenija tal-ġestjoni tas-sajd hija (direttament jew indirettament) li tikkontrolla l-ħidma totali tas-sajd b’tali mod li tkun garantita l-ikbar qabda sostenibbli.
L-istrumenti eżistenti tal-ġestjoni tas-sajd, ibbażati fuq il-qabdiet totali permessi ġew s’issa identifikati bħala l-aħjar mezz biex tkun ikkontrollata l-ħidma totali, b’tali mod li għandhom impatt dirett fuq il-qabdiet u impatt indirett fuq l-isforz tas-sajd.
Id-distribuzzjoni tal-qabdiet totali permessi mill-flotot u l-apparat tas-sajd, fi ħdan il-qafas tal-osservanza tal-prinċipju tal-istabilità relattiva, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru.
Huwa vitali li l-Istati Membri jeżerċitaw is-sovranità tagħhom fuq it-territorju tagħhom, inklużi t-12-il mil tal-ibħra territorjali – li jistgħu jkunu estiżi skont il-karatteristiċi ġeografiċi partikulari tagħhom – billi jirriservaw l-aċċess għall-flotot nazzjonali tagħhom, bla ħsara għall-ftehimiet iffirmati bejn l-Istati.
Bl-istess mod, huwa kruċjali għaż-żona li tikkorrispondi għaż-ŻEE tar-reġjuni l-aktar imbiegħda li tkun ikkunsidrata bħala ‘żona ta’ aċċess esklużiv’ fuq bażi permanenti, biex tkun garantita s-sostenibiltà tal-ekosistemi tal-ibħra, l-attività tas-sajd u l-komunitajiet lokali rispettivi.
F’dan il-kuntest, hemm tħassib dwar proposti rigward l-aċċess għar-riżorsi li għandhom l-għan li jippromwovu sistema ta’ kwoti individwali trasferibbli, li jista' jkollhom konsegwenzi għal dik li hi l-konċentrazzjoni tal-attività tas-sajd u l-approprjazzjoni individwali tad-drittijiet tas-sajd.
Rigward il-ħidma tas-sajd, wieħed irid jenfasizza li l-ħidma m’għandhiex titkejjel b’mod uniformi imma għandha titqies id-diversità tal-flotot u t-tagħmir u l-metodi tas-sajd użati, u d-diversità tal-ispeċi.
Rigward restrizzjonijiet taż-żona (żoni magħluqa jew protetti bħaż-żoni tal-ibħra protetti), huwa importanti li jkun enfasizzat li dawn jeħtieġu bażi xjentifika multidixxiplinari biex ikunu appoġġjati.
Wieħed irid jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li politika li tinkoraġġixxi l-iskrappjar indiskriminat tal-bastimenti, li ma tikkunsidrax il-fatturi speċifiċi tal-flotot, ir-riżorsi, il-ħtiġijiet rigward il-konsum f’kull Stat Membru u l-impatt soċjoekonomiku, mhijiex adegwata u ġustifikata. Huwa għalhekk meħtieg li jitfasslu stimi xjentifiċi biex ikun stabbilit liema flotot huma kbar iżżejjed u liema riżorsi huma sfruttati b'mod eċċessiv.
Fl-aħħarnett, qed ikun enfasizzat għal darb’oħra li huwa kruċjali li l-industrija tas-sajd tkun involuta fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tad-diversi miżuri skont il-PKS.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
2.12.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, David Casa, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Pedro Guerreiro, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Willy Meyer Pleite, Rosa Miguélez Ramos, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Margie Sudre |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise |
|||||