Proċedura : 2008/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0489/2008

Testi mressqa :

A6-0489/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2009 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0005

RAPPORT     
PDF 207kWORD 212k
9.12.2008
PE 407.694v01-00 A6-0489/2008

dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent

(2008/2149(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Bastiaan Belder

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent

(2008/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1946/2005 tal-14 ta’ Novembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea(1).

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)(2),

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Tessalonika tad-19 u tal-20 ta’ Ġunju 2003, fejn saret il-wegħda lill-Istati kollha tal-Balkani tal-Punent li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2005 li jingħata l-istejtus ta’ pajjiż kandidat għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15 u tas-16 ta’ Ġunju 2006, tal-14 u tal-15 ta’ Diċembru 2006 u tad-19 u tal-20 ta’ Ġunju 2008,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ewropew fit-3 ta’ Ottubru 2005 biex jinfetħu n-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2008 dwar “Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea (COM(2008)0127),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE(3),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-provvista ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja eċċezzjonali għall-Kosovo(4),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2008 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2007 dwar dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(5),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar ir-rapport ta’ progress tal-Kroazja għall-2007(6),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar il-Bożnja-Ħerżegovina(7),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja(8),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra(9),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra(10),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 dwar l-Estensjoni tal-assi ta’ trasport trans-Ewropej ewlenin għall-pajjiżi ġirien - Linji Gwida għat-trasport fl-Ewropa u r-reġjuni ġirien (COM(2007)0032),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2008 dwar il-progress tat-taħditiet esploratorji rigward il-koperazzjoni fil-qasam tat-trasport mal-pajjiżi ġirien (COM(2008)0125),

 wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija tal-UE u tal-Ewropa tax-Xlokk li ġie ffirmat f’Ateni fil-25 ta’ Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2007 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2007-2008 (COM(2007) 0663),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2006 dwar id-dokument tal-Kummissjoni tal-2005 dwar l-istrateġija għat-tkabbir(11) u tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007(12),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-oħra kollha ta’ qabel dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6‑0489/2008),

A. billi l-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika fformula b’mod ċar “il-perspettiva Ewropea” tal-Istati tal-Balkani tal-Punent u indika li l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun jikkostitwixxi l-qafas ġenerali tar-relazzjonijiet Ewropej mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

B.  billi l-Kroazja bħalissa tinsab għaddejja bin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kisbet stejtus ta’ kandidat fl-2005,

C. billi l-konċessjonijiet kummerċjali tal-UE u l-għajnuna finanzjarja tal-UE kellhom rwol ċentrali fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Balkani tal-Punent,

D. billi l-Kroazja tinsab riesqa sew lejn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, bi prospetti li tikkonkludi n-negozjati fl-2009, kompliet tissodisfa l-kriterji politiċi u ekonomiċi ta’ Kopenħagen u ġiet rikonoxxuta li għandha ekonomija tas-suq li tiffunzjona, li tista’ sservi bħala eżempju pożittiv għal pajjiżi oħra fir-reġjun,

E. billi fis-17 ta’ Frar 2008 l-Assemblea tal-Kosovo adottat riżoluzzjoni li tiddikjara lill-Kosovo indipendenti; billi l-Kunsill laħaq qbil fit-18 ta’ Frar li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, skont il-prattika nazzjonali u d-dritt internazzjonali, dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kosovo; billi l-għajnuna globali tal-UE lill-Kosovo hija stmata li tammonta aktar minn EUR 1 000 000 000 għall-perjodu 2007-2010 u din tkopri l-appoġġ għall-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-Kosovo u l-finanzjament tal-kontribut tal-UE għall-preżenza internazzjonali fil-Kosovo,

F.  billi l-prosperità ekonomika u l-integrazzjoni sħiħa fis-suq intern tal-UE u fis-sistema dinjija tal-kummerċ huma essenzjali għall-istabiltà għall-futur imbiegħed u għat-tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent,

G. billi l-ftuħ f’fażijiet b’mod sensittiv tas-suq fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inkluż approċċ ta’ pajjiż pajjiż li jrawwem prinċipalment l-istabbiliment ta’ suq reġjonali, mistenni li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika u ekonomika fir-reġjun,

H. billi koperazzjoni ekonomika akbar fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent toffri prospetti pożittivi wkoll għat-tkabbir fl-ekonomiji tal-Istati Membri tal-Ewropa tax-Xlokk u trawwem integrazzjoni aktar profonda tagħhom fis-suq waħdieni,

I.   billi l-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA) ikkonsolidat 32 ftehima bilaterali dwar il-kummerċ ħieles fir-Reġjun tal-Ewropa tan-Nofsinhar fi ftehima reġjonali komprensiva waħda ta’ kummerċ ħieles li ssaħħaħ il-livell eżistenti ta’ liberalizzazzjoni fir-reġjun permezz ta’ netwerk wieħed ta’ regoli ekwi, trasparenti u prevedibbli,

J. billi t-tkabbir ekonomiku fil-Balkani tal-Punent ivarja b’mod sinifikanti, b’medda fl-2006 minn 3% f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal 10,3% fil-Montenegro; billi r-rati tal-qgħad ivarjaw, fl-2007 b’medda minn rati għolja ta’ qgħad bħal fil-Kosovo (40%) għal rati aktar baxxi bħal fil-Montenegro (11,9%),

K. billi l-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent jiddependu ħafna fuq il-kummerċ barrani u billi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet totali jammontaw għal sehem sostanzjali tal-PDG tagħhom; billi 61% tal-flussi kummerċjali tar-reġjun huma lejn l-Unjoni Ewropea, minkejja li dawn jammontaw biss għal 2% tal-kummerċ barrani tal-UE,

L.  billi l-infrastruttura u l-faċilitazzjoni tat-trasport huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, għall-koeżjoni soċjali u għall-integrazzjoni,

M. billi jenħtieġ appoġġ aktar b’saħħtu għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġu garantiti tkabbir ekonomiku , ħolqien ta’ impjiegi u esportazzjonijiet sostenibbli,

N. billi s-settur tas-servizzi, speċjalment it-turiżmu, qiegħed ikollu rwol importanti fl-ekonomiji tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

O. billi swieq żgħar bħal dawk li jeżistu f’xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma partikolarment suxxettibbli għal kartels, għal prattiki restrittivi jew għall-abbuż ta’ pożizzjoni ta’ poter fis-suq li jista’ jkollhom impatt qawwi fuq it-tkabbir ekonomiku reġjonali, ir-rata ta’ qgħad u l-iżvilupp soċjali,

P. billi l-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent huma eteroġeni ħafna u għandhom karatteristiċi differenti, pereżempju l-Albanija, il-Kroazja u l-Montenegro huma differenti mill-ekonomiji l-oħra tal-Balkani tal-Punent minħabba li s-settur turistiku huwa kruċjali għalihom,

Q. billi l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent laħqu Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAAs) mal-UE,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa’ l-progress li sar fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, b’mod partikulari, l-iffirmar riċenti tal-SAAs mal-Bożnja-Ħerżegovina u mas-Serbja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-proċess ta’ ratifika għall-SAAs kollha mill-aktar fis possibbli; jilqa’ l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Temporanji u jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom f’dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni multilaterali tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-ħsieb li terġa’ tibda b’mod sħiħ il-koperazzjoni reġjonali fl-oqsma kollha;

2. Itenni “il-perspettiva Ewropea” tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li kienet ifformulata b’mod ċar waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika; jirrimarka, madankollu, li l-adeżjoni futura tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea tiddependi b’mod strett fuq il-fatt li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, inklużi l-kriterji ta’ sħubija ta’ Kopenħagen, u li jitwettaq b’suċċess il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, li jinkludi l-koperazzjoni reġjonali, relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien u koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet ir-Repubblika tal-Jugoslavja;

3.  Jisħaq li prospett serju għal sħubija mal-UE għall-Istati tal-Balkani tal-Punent jista’ jaġixxi ta’ katalista li tħeġġeġ lill-popolazzjoni u lill-gvernijiet tagħhom lil hinn minn nazzjonaliżmu rigressiv, vjolenza settorjali u lejn futur ta’ integrazzjoni mal-bqija tal-Ewropa; barra minn hekk, dan itejjeb id-dehra relattivament dgħajfa tal-Balkani tal-Punent fi ħdan l-Unjoni Ewropea minħabba l-gwerer riċenti u l-kontroversji politiċi tal-aħħar deċennji, titjib li mbagħad jistimula l-kumpaniji tal-UE sabiex ikabbru l-kummerċ tagħhom fir-reġjun;

4.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tkompli turi b’mod kontinwu l-impenn tagħha fil-Balkani tal-Punent speċjalment f’dan il-perjodu politikament delikat; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirrealizzaw li mhu fl-interess la tal-Unjoni Ewropea u lanqas tal-Balkani tal-Punent li joħolqu ‘vojt kbir’ fil-Kosovo; jitlob, għalhekk, lill-Istituzzjonijiet tal-UE sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv sabiex jiġu evitati tensjonijiet;

5.  Iqis li huwa essenzjali għall-approċċ globali adottat fir-rigward tal-Balkani tal-Punent li jitqiesu d-differenzi bejn il-pajjiżi tar-reġjun f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli rispettivi tagħhom ta’ żvilupp ekonomiku u mal-konformità mal-acquis tal-UE u mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jisħaq, għalhekk, dwar l-importanza li l-mixja lejn l-adeżjoni mal-UE tkun waħda individwali għal kull wieħed mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, ibbażata fost affarijiet oħrajn fuq kemm dawn ikunu ssodisfaw b’mod individwali kemm il-kriterji ta’ Kopenħagen, kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti mill-Unjoni Ewropea;

6.  Jilqa’ l-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u dħul mill-ġdid li daħlu fis-seħħ f’Jannar 2008 u d-djalogu dwar pjanijiet direzzjonali għal-liberalizzazzjoni gradwali tas-sistemi tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; iqis li hemm bżonn urġenti li jittejbu u jkunu stabbiliti sistemi tad-dwana li jiffunzjonaw sewwa biex jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ u tkun żgurata koperazzjoni ekonomika, xjentifika, teknoloġika u kummerċjali aktar mill-qrib; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toffri għadd dejjem akbar ta’ boroż ta’ studju lil studenti mill-Balkani tal-Punent permezz tal-programm Erasmus Mundus;

WTO u CEFTA

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jimplimentaw kull miżura xierqa biex titħeġġeġ integrazzjoni aktar profonda tal-Balkani tal-Punent fis-sistema kummerċjali u ekonomika dinjija, b’mod partikulari billi l-pajjiżi fir-reġjun li għadhom mhumiex membri jissieħbu mad-WTO; jinnota bi pjaċir li l-Albanija, il-Kroazja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja diġà huma membri tad-WTO; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha timxi id f’id mat-tnaqqis tal-faqar u r-rati tal-qgħad, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u r-rispett tal-ambjent;

8.  Jenfasizza l-istimolu tal-koperazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet tajbin fost il-pajjiżi ġirien fil-konfront tat-tkabbir ekonomiku f’din iz-zona u l-irwol essenzjali li s-CEFTA għandha f’dan il-proċess; jisħaq li s-CEFTA jista’ wkoll ikollha rwol importanti biex ir-reġjun jintegra ruħu aktar fl-UE billi ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent; iqis, għalhekk, li s-CEFTA tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-preparazzjoni lejn l-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea;

9.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent sabiex jesploraw aktar il-possibiltà ta’ miżuri ta’ aktar kummerċ ħieles f’oqsma li s’issa kienu eżentati u sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi li jikkumbattu b’mod sistematiku kull ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-proprjetà intellettwali u industrijali; jistieden ukoll lil dawn il-gvernijiet biex jallinjaw ruħhom mal-acquis Komunitarju u biex jaġixxu ħalli jtemmu kull prattika u miżura li joħolqu ostakli mhux tariffali għall-kummerċ;

Għajnuna Ewropea u l-pussess min-naħa tal-Balkani tal-Punent tal-proċess ta’ riforma

10. Jappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għar-riforma u l-koperazzjoni reġjonali permezz tal-IPA tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma l-uniċi “sidien” tal-proċess ta’ riforma tagħhom; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jieħdu r-responsabiltà sabiex jifformulaw għadd suffiċjenti ta’ proġetti ambizzjużi sabiex ikunu jistgħu jużaw il-fondi Ewropej disponibbli mingħajr ma jkunu wisq passivi u dipendenti fuq inizjattivi Ewropej;

11. Jenfasizza l-irwol tar-reġjuni fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali u konsegwentement, l-importanza tal-IPA billi jassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, tat-trasformazzjoni ekonomika u soċjali u tal-konformità mal-istandards Ewropej u billi jqarreb lil dawn il-pajjiżi lejn l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jallokaw għall-IPA ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa għall-iżvilupp ta’ proġetti mfassla skont il-bżonnijiet reali u biex jipprovdu għajnuna effettiva u mmirata fil-livell lokali u reġjonali; jenfasizza l-importanza ta’ proġetti bejn persuni, li jistgħu jkunu partikolarment effettivi sabiex il-poplu lokali jsir konxju tal-valur miżjud dovut għall-Unjoni Ewropea;

13. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li waħda mill-prijoritajiet tal-IPA hija l-kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fil-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ mill-ġdid dan il-qasam ta’ attività sabiex tistimula l-iżvilupp tal-governanza u sabiex tipprepara lil dawn il-pajjiżi u reġjuni biex jassorbu kif xieraq il-fondi strutturali u sabiex tippromwovi l-adattament tagħhom għall-istandards tal-UE fid-dawl tal-adeżjoni futura possibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi livell għoli ta’ trasparenza b’rabta mal-iżvilupp tal-istituzzjonijiet u tieħu miżuri adegwati biex tiġi evitata l-korruzzjoni;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu lill-Istati fir-reġjun għajnuna ekonomika, amministrattiva u teknika minn persuni kkwalifikati kif xieraq, f’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali li jittrattaw il-kwistjonijiet ekonomiċi fil-Balkani tal-Punent, sabiex jissaħħu l-istrutturi pubbliċi lokali, tkun stabbilita bażi ekonomika aktar effiċjenti u diversifikata u tittejjeb il-penetrazzjoni tal-prodotti lokali fis-swieq barranin, u b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea;

15. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri joffru lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent l-hekk imsejħa programmi bejn gvern u ieħor (government-to-government) li jagħtu lil dawn il-pajjiżi għajnuna, taħriġ u kowċing speċifiċi fid-dipartimenti nazzjonali tagħhom f’oqsma li l-awtoritajiet tal-Istati tal-Balkani tal-Punent jitolbu espliċitament; jenfasizza li dawn il-programmi jista’ jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fir-reġjun filwaqt li joffru lill-Istati tal-Balkani tal-Punent il-possibiltà li jispeċifikaw b’mod preċiż il-forom ta’ għajnuna li jenħtieġu;

16. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta kif suppost fi żmien xieraq, għall-approvazzjoni tal-Parlament, kwalunkwe proposta ġdida li timmira li tipprovdi għajnuna baġitarja eċċezzjonali lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jisħaq li l-għoti ta’ aktar għajnuna finanzjarja lill-Balkani tal-Punent (speċjalment lill-Kosovo) għandu jkun bil-kundizzjoni li jkun stabbilit pjan ta’ żvilupp ekonomiku għall-futur imbiegħed li jkun komprensiv u realistiku, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

17. Iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol determinanti fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fit-tisħiħ mill-ġdid tas-soċjetà ċivili billi jikkonkretizzaw il-prijoritajiet nazzjonali u Komunitarji permezz ta’ proġetti li joħolqu sħubiji mal-atturi fil-qasam pubbliku u f’dak privat;

18. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni transkonfinali u internazzjonali għall-iżvilupp ta’ proġetti konġunti u biex ikunu stabbiliti rabtiet dewwiema kemm bejn ir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u r-reġjuni tal-Istati Membri; jenfasizza wkoll li l-benefiċċji ta’ koperazzjoni bħal din mhumiex biss ekonomiċi, iżda għandhom ukoll dimensjoni politika u umana, li tippermetti relazzjoni iktar mill-qrib bejn il-popli u bejn il-gvernijiet u li tiggarantixxi stabiltà u prosperità għall-futur imbiegħed f’dan ir-reġjun;

19. Jinkoraġġixxi lir-reġjuni tal-UE biex jieħdu l-inizjattiva li jimplimentaw proġetti transkonfinali mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent bl-għan li jistabbilixxu koperazzjoni mill-qrib u għall-futur imbiegħed fil-livell reġjonali, u li jippromwovu l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattika tajba fil-qafas tan-netwerks Ewropej ta’ koperazzjoni reġjonali; iqis li t-tisħiħ tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni Reġjonali jista’ jippermetti t-trawwim tal-koperazzjoni fir-reġjun;

Politiki ekonomiċi, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent

20. Iħeġġeġ lill-pajjiżi fir-reġjun, li jaġixxu f’koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti oħrajn, sabiex iżommu u jespandu s-suċċessi miksuba minnhom stess fl-istabiltà makroekonomika, li hija kundizzjoni bil-quddiem għat-tkabbir ekonomiku fit-tul, permezz ta’ politiki fiskali u monetarji sodi; iħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi sabiex jaċċeleraw il-pass tar-riformi strutturali, speċjalment fl-oqsma tal-politika tat-taxxa u tad-dwana u l-amministrazzjoni, billi jippromwovu l-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabiltà u billi jappoġġjaw l-immaniġġjar sod fis-settur pubbliku;

21. Jisħaq li jeħtieġ jingħata aktar appoġġ lill-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment fl-infrastruttura tar-reġjun permezz, fost affarijiet oħra, ta’ koperazzjoni intensifikata mal-Bank Ewropew tal-Investiment u wkoll mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali oħra;

22. Iqis li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li tinħoloq klima favorevoli għall-investiment, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati tal-Balkani tal-Punent biex jaħdmu favur l-intensifikazzjoni tar-riformi ekonomiċi billi jiżviluppaw pjanijiet strateġiċi għall-iżvilupp biex jimplimentaw proġetti ta’ investiment ta’ siwi għar-reġjun kollu;

23. Ifaħħar lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent għall-progress li s’issa għamlu fil-qasam ekonomiku, filwaqt li żammew l-istabiltà makroekonomika; jilqa’ b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni mill-gvernijiet ta’ politiki tat-tassazzjoni u tad-dixxiplina fiskali li wasslu għal żieda fid-dħul baġitarju tal-Istat;

24. Jisħaq dwar l-importanza li jitwettaq l-iżvilupp ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-enerġija fir-reġjun, l-aktar fl-iżvilupp ta’ riżorsi rinnovabbli tal-enerġija, li jkunu stabbiliti swieq miftuħa, affidabbli u kompetittivi u li jittejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun, inklużi l-kapaċitajiet imsaħħa ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri ġirien tal-UE u l-pajjiżi sħab; jenfasizza l-importanza tal-irwol żvolt mill-Komunità tal-Enerġija biex jintlaħaq dan l-għan;

25. Iqis li l-iżvilupp tal-Port ta’ Rijeka fil-Kroazja huwa proġett tal-akbar importanza għall-Unjoni Ewropea; jemmen li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li dan l-iżvilupp jimxi ’l quddiem mill-aktar fis possibbli;

26. Jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent huwa element importanti ta’ żvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; iqis bħala importanti ħafna li l-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent jippromwovu politiki ambjentali sodi u strateġiji konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

27. Iqis li huwa importanti li l-Istati tal-Balkani tal-Punent japplikaw il-prinċipji u l-linji gwida tal-politika marittima Ewropea komuni, u jisħaq dwar il-ħtieġa tal-użu tax-Xmara Danubju b’mod effiċjenti u li jibża’ għall-ambjent, konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħala kuritur importanti tat-trasport u għajn ta’ riżorsi siewja; jappoġġja f’dan ir-rigward l-inizjattivi reġjonali li qegħdin jittieħdu u lill-organizzazzjonijiet (b’mod partikulari l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Danubju – ICPDR) li qegħdin jaħdmu għall-ħarsien tal-ambjent, għal użu aħjar tal-kapaċità tat-trasport mill-passaġġi tal-ilmijiet interni u għal livell ogħla ta’ prevenzjoni ta’ diżastri għax-Xmara Danubju;

28. Ifakkar li jeħtieġ li jiżdied il-kummerċ agrikolu mal-Kroazja wkoll, biex meta l-Kroazja taderixxi, tkun tista’ tallinja ruħha kemm jista’ jkun bla problemi ta’ xejn mal-politika agrikola komuni;

29. Jirrikonoxxi l-ġeografija speċifika tar-reġjun u s-sitwazzjoni strateġika tiegħu, li jagħmlu miz-zona punt naturali għat-tranżitu tal-kummerċ tal-merkanzija, speċjalment prodotti tal-enerġija primarja (żejt mhux raffinat u gass naturali), bejn l-Ewropa u l-Asja; jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ proġetti ewlenin tat-trasport sottoreġjonali bħall-“Fus bejn in-Nofsinhar u l-Lvant” li għandhom jiffaċilitaw l-inklużjoni f’termini reali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fin-netwerk usa’ tal-linja tal-enerġija li jgħaqqad lill-UE mat-Turkija u l-pajjiżi tal-Kawkasu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-immodernizzar tal-infrastruttura, b’referenza partikulari għas-settur tal-loġistika, u sabiex iwettqu r-riformi meħtieġa sabiex is-settur isir aktar kompetittiv u dinamiku;

30. Jenfasizza li, fil-kummerċ bl-imnut, għandhom jitneħħew l-ostakli amministrattivi li ma jippermettux l-iżvilupp ta’ kummerċjanti tal-ikel aktar kompetittivi, billi n-nuqqas ta’ effikaċja fil-kummerċ tal-ikel ifixkel it-tentattivi ta’ produtturi Ewropej milli jidħlu fis-suq;

31. Jisħaq dwar il-ħtieġa li jingħata aktar appoġġ lill-iżvilupp tal-SMEs fuq il-bażi tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, li ġiet approvata mill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-SMEs ikollhom aċċess għall-Fondi Strutturali tal-UE u sabiex jipprovdu ffinanzjar aħjar għall-proġetti relatati mal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi qafas istituzzjonali għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-Komunità u s-settur privat fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jiżgura l-użu xieraq ta’ fondi Komunitarji;

32. Jisħaq dwar il-ħtieġa li jitwessa’ l-ambitu tal-koperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u x-xjenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li se joħloq il-kundizzjonijiet għal żvilupp u tkabbir ekonomiku stabbli fir-reġjun, biex b’hekk titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fiz-zona ekonomika komuni, fiz-zona komuni għar-riċerka u l-edukazzjoni, u wkoll il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol skont ir-regoli u r-rekwiżiti tal-UE;

33. Meta wieħed iqis li l-kriżi finanzjarja internazzjonali waslet sal-Ewropa u li jista’ jkollha effett indirett fuq il-kummerċ u l-investiment barrani fil-Balkani tal-Punent, jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-iżviluppi u, jekk ikun hemm bżonn, biex tadotta miżuri xierqa sabiex tiggarantixxi l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li huwa fattur importanti għall-istabiltà fir-reġjun u li huwa fl-aħjar interess tal-UE nnifisha;

Servizzi finanzjarji, id-dwana, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

34. Iqis essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi fir-reġjun li dawn jirriformaw b’mod sostanzjali s-sistemi tal-banek u tal-assigurazzjoni tagħhom, jistabbilixxu sistema effiċjenti ta’ mikrokreditu u jtejbu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-banek, u b’dan il-mod, iwittu t-triq għall-ftuħ gradwali tas-swieq finanzjarji tagħhom;

35. Jistieden lill-Istati fir-reġjun li jbatu minn korruzzjoni fis-servizz ċivili biex jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġġilduha u biex jiżguraw li s-servizzi doganali tagħhom joperaw aħjar u b’mod aktar trasparenti, b’konformità mal-istandards stabbiliti mill-UE u mill-Organizzazzjoni Doganali Dinjija;  

36. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-kontrolli doganali u jsiru aktar stretti, sabiex jikkumbattu l-kuntrabandu, l-iffalsifikar u l-piraterija ta’ prodotti; dawn il-prattiki, apparti li jwasslu għal telf ta’ flus, huma wkoll ta’ periklu konsiderevoli għas-saħħa tal-abitanti kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

37. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fil-klima kummerċjali u l-miżuri biex jitnaqqas ix-xkiel legali u amministrattiv għal negozji li jkunu għadhom kif bdew joperaw; jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar l-eżistenza ta’ kartels u l-abbuż ta’ pożizzjoni ta’ poter fis-suq mill-hekk imsejħa “tycoons” f’xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u minn impriżi b’pożizzjoni dominanti fis-suq; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni u jiżviluppaw politika xierqa dwar il-kompetizzjoni li għandha tħaddan ukoll impriżi tal-Istat;

38. Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiżviluppaw politiki dwar l-impjiegi u fiskali biex jindirizzaw il-problemi tal-qgħad, ta’ pagi relattivament għoljin u tal-kobor tal-ekonomija informali;

39. Jisħaq li kompetizzjoni transkonfinali reġjonali ġusta u trasparenti għall-akkwist pubbliku hija element importanti fil-bini ta’ suq reġjonali verament integrat; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jeżaminaw il-potenzjal tal-akkwist pubbliku għall-istabbilizzazzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli u biex jimmultiplikaw l-isforzi tagħhom lejn sistema reġjonali ta’ kuntratti pubbliċi aktar integrata u li tiffunzjona aħjar permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn fornituri domestiċi u reġjonali;

o

o o

40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi konċernati.

(1)

     ĠU L 312, 29.11.2005, p. 1.

(2)

     ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(3)

     ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 207.

(4)

     ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 141.

(5)

     Testi adottati, P6_TA(2008)0172.

(6)

     Testi adottati, P6_TA(2008)0120.

(7)

     ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 224.

(8)

     ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 626.

(9)

     ĠU C 305 E, 14.12.2006, p.141.

(10)

   Testi adottati, P6_TA(2007)0617.

(11)

   ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 402.

(12)

   ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 480.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Qabel il-gwerer tad-disgħinijiet, ħafna kienu jaraw il-Jugoslavja bħala kandidat possibbli għall-adeżjoni mal-Komunità Ewropea. Issa, għaxar snin wara l-gwerer tal-Jugoslavja, il-punt ta’ referenza Ewropew għadda minn tibdiliet fundamentali. Is-Slovenja biss, l-aktar repubblika sinjura u żviluppata, kienet kapaċi tieħu vantaġġ mit-tkabbir u ssir Stat Membru tal-UE fl-2004 u membru taz-Zona Ewro fl-2007. Għar-repubbliki l-oħrajn li qabel kienu repubbliki Jugoslavi, il-gwerer mhux biss ġabu magħhom telf kbir ta’ ħajjiet, iżda wkoll reċessjoni serja f’termini ta’ ekonomija u infrastruttura, li kienet marbuta kemm mal-attivitajiet tal-gwerra kif ukoll ma’ nuqqas serju ta’ investiment u manutenzjoni tal-infrastruttura.

Is-sitwazzjoni fl-Albanija hija komparabbli mill-aspett ekonomiku, meta wieħed iqis li l-istat sottożviluppat tal-pajjiż flimkien mal-għażliet ekonomiċi diżastrużi li ttieħdu mill-gvern komunista wasslu għal sitwazzjoni fejn, fit-tmiem tar-reġim ta’ Enver Hoxha, l-Albanija kienet pajjiż bi ħtieġa ta’ rikostruzzjoni sħiħa.

L-UE kellha rwol ta’ pijuniera fil-proċess tal-irkupru politiku u ekonomiku tal-pajjiżi ta’ dik li qabel kienet ir-Repubblika tal-Jugoslavja. Fil-belt Griega ta’ Tessalonika fl-2003, il-Kunsill ifformula b’mod ċar il-viżjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-Kroazja u l-FYROM huma kandidati uffiċjali għall-adeżjoni mal-UE, u l-istejtus tal-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent bħala kandidati potenzjali huwa rikonoxxut.

L-UE refgħet responsabiltà kbira fil-konfront tal-Balkani tal-Punent u fil-fatt, il-kompitu li għandha quddiemha huwa wieħed iebes. U dan, terġa’, huwa aktar ikkumplikat minħabba l-fatt li r-reġjun għadu mhux f’bilanċ komplet. Għad hemm punti ta’ tensjoni u konflitt moħbi li jistgħu, jekk ma tinstab ebda soluzzjoni tajba, jagħmlu ħsara lill-proċess ta’ paċi fil-pajjiżi tal-Balkani u jagħmlu ħsara, idewmu jew anki jxejnu għalissa ċ-ċans tagħhom ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport ifittex li jagħti ħarsa ġenerali tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jipprova jara kif, permezz tal-użu tal-istrumenti ekonomiċi u finanzjarji li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jistgħu jiġu promossi l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun, żvilupp imtejjeb għall-pajjiżi tiegħu u livell ta’ ħajja aħjar għall-popolazzjonijiet tagħhom, fid-dawl tal-adeżjoni tagħhom mal-UE.

Il-kompitu tal-UE

L-UE għandha rwol essenzjali xi twettaq fl-irkupru tal-Balkani tal-Punent. Il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għadu l-isfond politiku li fil-kuntest tiegħu jiżvolġu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. F’dan il-kuntest, il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, il-preferenzi kummerċjali u l-appoġġ tekniku u finanzjarju għadhom it-tliet pilastri li fuqhom iserrħu t-tamiet tal-UE li r-reġjun jistabbilizza ruħu u li l-pajjiżi tal-Balkani jintrabtu aktar mill-qrib mas-sistema legali u ekonomika tagħha stess.

Il-livell ta’ żvilupp u l-limitu sa fejn l-acquis communautaire ġie adottat mhumiex l-istess fil-pajjiżi kollha tar-reġjun, tant li, aktar milli strateġija waħda, hemm bżonn ta’ approċċi speċifiċi mfasslin skont il-ħtieġa.

Fl-aħħar, ta’ min wieħed jinnota li l-progress ta’ negozjati għall-adeżjoni (jew il-ftuħ tagħhom fil-każ ta’ pajjiżi potenzjalment kandidati) mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu dipendenti fuq il-konformità sħiħa mal-kriterji ta’ Kopenħagen u fuq rispett bla kundizzjoni lejn il-prinċipji tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem.

Sħubija fid-WTO

Kundizzjoni bil-quddiem li hija essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija s-sħubija tagħhom fid-WTO. Il-Kroazja, l-Albanija u l-FYROM diġà huma membri tad-WTO, filwaqt li l-Bożnja-Ħerżegovina, is-Serbja u l-Montenegro kisbu stejtus ta’ osservaturi u bdew in-negozjati għas-sħubija.

Sħubija fid-WTO hija neċessarja sabiex dawn il-pajjiżi jiġu integrati fis-sistema dinjija tal-kummerċ u sabiex jitqiegħdu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li l-globalizzazzjoni toffri f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u investiment dirett barrani.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi fin-negozjati mad-WTO u toffrilhom għajnuna teknika u appoġġ diplomatiku xierqa.

Il-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA)

Is-CEFTA, li l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jiffurmaw parti minnha, għaddiet minn tiġdid u hija pass importanti fit-triq lejn il-ħolqien ta’ suq intern reġjonali.

Minkejja li l-UE saret is-sieħba ewlenija fil-kummerċ mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, il-koperazzjoni reġjonali estensiva għadha prijorità essenzjali f’termini ekonomiċi u kummerċjali, kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak politiku.

B’rabta ma dan, ir-rapporteur, li jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ estern tal-UE għall-istabbiliment tas-CEFTA, iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni teżerċita pressjoni għall-ħolqien ta’ komunità ekonomika reġjonali ġenwina li tiffunzjona sew u li taqa’, kemm jista’ jkun, taħt il-liġi Komunitarja.

Il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni

Il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, kif diġà ġie rrimarkat, huma l-pedamenti tar-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-aktar ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni riċenti ġew iffirmati fl-2007 mal-Montenegro u fil-bidu tal-2008 mas-Serbja u mal-Bożnja-Ħerżegovina. Mhux il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni kollha daħlu fis-seħħ, iżda l-Kummissjoni użat ftehimiet interim sabiex tiżgura dħul fis-seħħ aktar mgħaġġel tad-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-ftehimiet imsemmija hawnfuq.

Dawn il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni jiffurmaw parti essenzjali mit-triq tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn l-Unjoni Ewropea. Ir-rapporteur jisħaq, madankollu, li jista’ jkun li mhux kollha jirriżultaw f’‘qabża ’l quddiem’ bla kundizzjoni bbażata fuq il-kriterji ta’ Kopenħagen imsemmija hawnfuq.

L-irwol strateġiku l-ġdid tal-Balkani tal-Punent

Għal żmien twil, il-Balkani kienu fil-periferija tal-Ewropa, sitwazzjoni li wasslet għal distakk serju fl-iżvilupp u għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ loġistika, enerġija u trasport li ma tissodisfax il-ħtiġijiet tar-reġjun u li qiegħda tagħmel ħsara lill-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu, u anke forsi tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

B’rabta ma’ dan, ir-rapporteur huwa tal-fehma li, filwaqt li jirrikonoxxi l-progress konsiderevoli li sar fl-immodernizzar tal-infrastruttura tar-reġjun, għandha ssir enfasi akbar fuq l-integrazzjoni sħiħa tal-Balkani tal-Punent fis-sistema ekonomika tal-UE, flimkien ma’ konformità sħiħa mar-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni.

L-iżvilupp tas-sistemi reġjonali tat-trasport fil-Balkani tal-Punent mhux biss jipprovdi kundizzjonijiet aħjar għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali, iżda wkoll jagħmilha possibbli li l-Ewropa tax-Xlokk u t-Turkija jintrabtu b’mod aktar effettiv u rħis mas-swieq tal-Ewropa Ċentrali u dik tal-Punent.

L-iżvilupp tar-reġjun tal-Balkani, madankollu, ma jistax jitqies bħala xi ħaġa ċerta jekk, flimkien mal-konnessjonijiet ewlenin tat-trasport bħall-awtostradi, il-ferroviji, il-portijiet u l-ajruportijiet ma tiġix żviluppata sistema ta’ konnessjonijiet effettivi b’toroq sekondarji li jinżammu tajjeb.

L-enerġija hija kwistjoni importanti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi, wara kollox, m’għandu riżervi kbar ta’ enerġija, u għalhekk huma dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-forniment tal-enerġija. L-aħjar soluzzjoni għall-kwistjonijiet tal-enerġija tal-Balkani tal-Punent hija li dawn jitqiegħdu fil-kuntest tal-politika Ewropea dwar l-enerġija li qiegħda tiżviluppa. Dan ifisser li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma jimpurtawx iż-żejt u l-gass tagħhom biss mir-Russja, iżda li dawn għandhom rwol ukoll b’rabta mal-mira Ewropea li tinkiseb diversità akbar ta’ fornituri billi l-enerġija tiġi impurtata mill-Kawkasu u mill-Asja Ċentrali.

Riforma ekonomika u governattiva fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

Waħda mill-problemi serji li għadha qiegħda toħloq ħafna ħsara fil-Balkani hija l-pożizzjoni relattivament dgħajfa tal-gvernijiet. Għalkemm il-gvernijiet nazzjonali u l-UE qegħdin jagħmlu sforzi kbar, għad hemm ħafna x’jenħtieġ isir sabiex ikunu implimentati sistemi effiċjenti u moderni ta’ ggvernar. B’rabta ma’ dan, ir-rapporteur jissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ programmi bejn gvern u ieħor (government-to-government) mill-Istati Membri tal-UE, sabiex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jirċievu appoġġ u għajnuna li jkunu msawra skont il-ħtiġijiet tagħhom fuq livell dipartimentali.

L-ewwel u qabel kollox, jenħtieġ li tiġi riformata s-sistema tat-taxxi, li jissaħħu d-dipartimenti tad-dwana tal-pajjiżi individwali tal-Balkani tal-Punent u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tkun effettiva b’mod ġenerali. Ir-rapporteur jinsab konvint li inkella t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Balkani u l-formazzjoni tagħhom ta’ rabtiet aktar mill-qrib mal-UE jsofru dewmien serju minħabba dawn in-nuqqasijiet. Hemm ħtieġa wkoll li jiġu riformati s-sistemi tal-banek u tal-assigurazzjoni, biex b’hekk jiġu żgurati mmaniġġjar aħjar tal-ekonomija, aċċess aktar faċli għall-kreditu għall-kummerċ lokali u ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus.

Il-politika dwar l-industrija, il-biedja u s-servizzi

It-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħalissa huwa pjuttost b’saħħtu u joffri tama għall-futur. Fil-livell makroekonomiku, madankollu, għad hemm ħafna problemi li jenħtieġu soluzzjoni. Id-defiċit kummerċjali serju (pereżempju mal-UE), industrija mhux adegwata u li għadda żmienha, il-frammentazzjoni eċċessiva tal-ekonomija, li fiha jiddominaw l-SMEs u, ta’ spiss, il-mikrointrapriżi, u livell ta’ qgħad li f’xi każi jlaħħaq madwar 50% tat-total tal-ħaddiema, huma kollha fatturi li jistgħu jdgħajfu t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tar-reġjun u b’konsegwenza l-iżvilupp tagħhom lejn l-adeżjoni mal-UE.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma, madankollu, li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u l-leġiżlazzjoni soċjali Komunitarja u internazzjonali li tħares ix-xogħol, u, fl-istess waqt, b’garanzija ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u edukazzjoni ogħla għall-minoranzi etniċi kollha.

Xi rimarki tal-aħħar

L-integrazzjoni politika tal-Balkani tal-Punent fl-UE tista’ sseħħ biss b’riżultat ta’ koperazzjoni ekonomika reġjonali u internazzjonali aktar intensiva. L-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent isseħħ aktar malajr jekk il-pajjiżi tar-reġjun ikollhom il-ħila juru li għandhom sistema effiċjenti ta’ ggvernar u ekonomija soda u dinamika. F’dan il-proċess, l-Unjoni għandha turi impenn ġenwin lejn il-Balkani tal-Punent. Parti mill-problemi ekonomiċi taz-zona, wara kollox, hija relatata mad-dehra ħażina tar-reġjun. Din id-dehra tittejjeb b’mod sinifikanti jekk l-Unjoni tindika l-intenzjoni ġenwina tagħha li tissodisfa l-wegħda tagħha li tgħin lil dawn il-pajjiżi sabiex jissieħbu mal-UE skont l-iskeda.

L-UE warrbet kważi EUR 8 biljun bħala appoġġ għall-perjodu 2007-2010, iżda mingħajr il-koperazzjoni xierqa u mingħajr ma jinħoloq sens li kulħadd qiegħed jaħdem għall-istess għan, mhux se jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Għalhekk ikun tajjeb li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iħossuhom responsabbli mill-proċess ta’ riforma tagħhom stess. Din ir-responsabiltà għandha tissarraf fil-formulazzjoni ta’ proġetti tajbin biżżejjed li jippermettu li jintużaw bl-aħjar mod il-fondi disponibbli mill-UE. L-EU u partijiet reġjonali oħrajn għandhom huma wkoll jagħmlu l-isforz tagħhom sabiex isibu soluzzjoni definittiva għat-tilwim li għadu qiegħed jiffaċċja r-reġjun, u waqt dan il-proċess għandhom jiġu garantiti trattament u possibiltajiet ta’ żvilupp ugwali għall-gruppi kollha li jippopolaw il-Balkani tal-Punent.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN  (6.11.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent

(2008/2149(INI))

Rapporteur: Kristian Vigenin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-progress li sar fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, b'mod partikulari, l-iffirmar riċenti tal-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Bożnja u l-Ħerżegovina u mas-Serbja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-proċess ta' ratifikazzjoni għall-SAAs kollha mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Temporanji u jappella sabiex il-Balkani tal-Punent ikomplu bl-isforzi tagħhom f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni multilaterali tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-ħsieb li terġa' tibda l-koperazzjoni reġjonali fl-oqsma kollha;

2.  Ifakkar fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Thessaloniki tad-19-20 ta' Ġunju 2003 li fihom ġie mwiegħed lill-Istati tal-Balkani tal-Punent li kienu se jissieħbu mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tal-UE u l-Istati tal-Balkani tal-Punent f'Saliżburgu fil-11 ta' Marzu 2006 li reġgħet saħqet fuq l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien u l-bżonn li tinżamm il-paċi u jissaħħu l-istabilità u s-sigurtà fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' aċċess faċli fl-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent, li għandu jkun iffaċilitat b'sistema ta' viża xierqa; f'dan il-kuntest, jilqa' l-ftehimiet ta' ffaċilitar u ammissjoni mill-ġdid tal-viża li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008; madankollu jenfasizza li ċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi għadhom qed jiffaċċjaw problemi biex jiksbu viża għall-pajjiżi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kull sforz biex tkompli d-djalogu mal-pajjiżi f'dak ir-reġjun u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali bil-għan li jiġi stabbilit sistema ħielsa mill-viża hekk kif dawk il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' integrazzjoni reġjonali akbar u koperazzjoni intrareġjonali msaħħa b'mod speċjali fl-oqsma tar-riżorsi umani, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati tal-Balkani tal-Punent biex jintensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom fil-kummerċ u fl-ekonomija bil-ħsieb li jiġi stabbilit suq tax-xogħol reġjonali; jenfasizza l-irwol vitali tal-organizzazzjonijiet reġjonali, u b'mod partikulari tal-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali, u tal-inizjattivi għall-koperazzjoni, b'mod partikulari l-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA) fl-iffaċilitar tal-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tappoġġja l-attivitajiet tagħhom; jenfasizza l-bżonn tat-tisħiħ ta' koperazzjoni bilaterali u reġjonali fir-reġjun sabiex jiġi żgurat progress li jsostni lilu nnifsu; huwa tal-fehma li l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-swieq reġjonali jistgħu jgħinu biex jippreparaw aħjar lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent billi jservu ta' kontrapiż għall-effetti tal-ftuħ tas-swieq tagħhom għas-suq Ewropew;

5.  Jenfasizza n-nuqqasijiet fl-infrastruttura attwali u fis-sikurezza tat-toroq u l-bżonn urġenti biex jittejbu r-rotot kummerċjali fir-reġjun;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar appoġġ istituzzjonali lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u l-faċilità tal-esportazzjoni, filwaqt li jistieden għal darb'oħra lill-Istati tal-Balkani tal-Punent biex itejbu l-kapaċitajiet istituzzjonali tagħhom;

7.  Jappella lill-awtoritajiet fi ħdan ir-reġjun biex ikomplu jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jinħoloq ambjent li jirrispetta l-kummerċ li jżid it-trasparenza fl-amministrazzjoni tal-kummerċ u fil-liġi fiskali filwaqt li jiġu osservati r-regoli kollha mmirati biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, u biex b'mod partikolari tingħata importanza biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-settur privat, jissaħħu l-impriżi żgħar u ta' daqs medju u biex tiżdied il-kapaċità innovattiva billi jitwaqqfu rabtiet bejn l-edukazzjoni kummerċjali u terzjarja; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq il-livelli kollha u li jittejjeb l-istat tad-dritt;

8.  Jinsab imħasseb dwar id-differenza fil-ħiliet u l-koeżjoni soċjali skarsa fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza l-fatt li l-istabilità u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli jridu jintlaħqu biss billi jindirizzaw ir-riformi ekonomiċi u soċjali kif ukoll billi jistabbilixxu standards għoljin għall-protezzjoni ambjentali;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tad-dimensjoni ambjentali fil-ħajja ekonomika tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza l-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni ambjentali għandhom bżonn ikunu appoġġjati b'miżuri prattiċi u bi strutturi effikaċi; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex jiżviluppaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, biex itejbu l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-immaniġġjar tal-iskart u biex ikomplu jżidu t-turiżmu li jkun sostenibbli għall-ambjent sabiex jinżamm dan il-wirt naturali u arkitettoniku mill-isbaħ;

10. Jinnota li r-reġjun kellu żieda fl-investiment min-naħa tal-parteċipanti internazzjonali, b'mod partikulari fl-oqsma tal-enerġija, tat-turiżmu u tar-riżorsi naturali; jenfasizza l-influwenza ta' benefiċċju tal-investiment barrani, u b'mod partikulari l-investiment dirett barrani, fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi f'dak ir-reġjun; madankollu jenfasizza li investiment bħal dan għandu jkun kompletament trasparenti, bl-istess regoli għall-investituri kollha, u m'għandux ikun marbut ma' xi pressjoni politika min-naħa tal-gvernijiet tal-entitajiet li qed jinvestu;

11. Meta wieħed iqis li l-kriżi finanzjarja internazzjonali waslet sal-Ewropa u li jista' jkollha effett indirett fuq l-investiment kummerċjali u barrani fil-Balkani tal-Punent, jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi l-iżviluppi u jekk hemm bżonn biex tadotta miżuri meħtieġa sabiex tiggarantixxi l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li huwa fattur importanti għall-istabilità fir-reġjun u li huwa fl-aħjar interess tal-UE nnifisha;

12. Jilqa' l-inklużjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-programmi Erasmus Mundus u Tempus; jistieden lil dawk il-pajjiżi biex iwaqqfu l-aġenziji nazzjonali meħtieġa sabiex jieħdu sehem fil-Programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (LLL), b'mod partikulari l-Comenius, l-Erasmus u l-Leonardo da Vinci; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi IPA sabiex teżenta lill-Istati tal-Balkani tal-Punent mill-ħlas sħiħ għall-parteċipazzjoni fil-Programmi LLL, bħal ma hu fil-każ tal-Erasmus Mundus u tat-Tempus; jitlob għal aktar koperazzjoni u possibilitajiet aħjar għall-iskambju transkonfinali ta' studenti, għalliema u riċerkaturi mill-Istati tal-Balkani tal-Punent u mill-UE sabiex jgħinu lin-nies u lill-istituzzjonijiet tal-Istati tal-Balkani tal-Punent biex isiru jafu aktar dwar l-aġenda tal-UE u biex isaħħu l-ħiliet edukattivi; madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm rata kbira ta' telf tal-aħjar imħuħ fost iż-żgħażagħ fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jenfasizza l-bżonn li l-migranti jiġu mħeġġa jerġgħu lura;

13. Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiżviluppaw politiki dwar l-impjiegi u politiki fiskali biex jindirizzaw il-problemi tal-qgħad, ta' pagi relattivament għoljin u tal-kobor tal-ekonomija informali;

14. Jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi individwali tal-Balkani tal-Punent; għalhekk, fid-dawl tal-esperjenza li nkisbet s'issa bil-proċess tat-tkabbir, jitlob li jsiru l-konklużjonijiet neċessarji u biex il-komponenti varji tal-istrument tal-IPA isiru aktar flessibbli, li jkunu mfassla skont il-ħtiġijiet attwali uli jiffokaw b'mod aktar speċifiku fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni konċernati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Agnoletto, Roberta Alma Anastase, André Brie, Philip Claeys, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Georgios Georgiou, Jana Hybášková, Jelko Kacin, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Baroness Nicholson of Winterbourne, Janusz Onyszkiewicz, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, João de Deus Pinheiro, Hubert Pirker, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Libor Rouček, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, Jacek Saryusz-Wolski, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Marcello Vernola, Kristian Vigenin, Andrzej Wielowieyski, Jan Marinus Wiersma, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Árpád Duka-Zólyomi, Kinga Gál, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin, Tunne Kelam, Miloš Koterec, Nickolay Mladenov, Inger Segelström, Jean Spautz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon, Rosa Miguélez Ramos


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI  (6.11.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent

(2008/2149(INI))

Rapporteur: Ramona Nicole Mănescu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza l-irwol tar-reġjuni fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali u konsegwentement, l-importanza tal-istrument ta' għajnuna għal qabel l-isħubija (IPA - Att għall-Promozzjoni tal-Investiment) biex jakkumpanja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess tad-demokratizzazzjoni u tal-konformità fir-rigward tal-istandards Ewropej, tat-trasformazzjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll biex iqarreb lil dawn il-pajjiżi lejn l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea;

2. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-differenzi huma konsiderevoli bejn ir-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li hemm ma' kull wieħed mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jitlob għalhekk, fid-dawl tal-esperjenza miksuba s'issa bil-proċess tat-tkabbir, sabiex wieħed jilħaq il-konklużjonijiet rilevanti u biex id-diversi komponenti tal-IPA jkunu bbażati fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni b'mod iktar flessibbli, iktar adattat u ffukat iktar speċifikament fuq il-bżonnijiet;

3. Jitlob minnufih biex tingħata prijorità lill-appoġġ tal-pjanijiet għall-iżvilupp nazzjonali li jqisu l-iżvilupp ekonomiku kemm taċ-ċentri urbani kif ukoll taz-zoni rurali; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza partikolari tal-promozzjoni tal-programmi ta' taħriġ, ta' edukazzjoni u ta' perfezzjonament korrispondenti;

4. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jallokaw għall-IPA l-mezzi finanzjarji addizzjonali meħtieġa għall-iżvilupp ta' proġetti bbażati fuq il-bżonnijiet u li jipprovdu għajnuna effikaċi u armonizzata fil-livelli lokali u reġjonali; jenfasizza l-importanza ta' proġetti bejn l-istaff, li huma partikolarment adegwati sabiex il-poplu lokali jkun konxju tal-valur miżjud dovut għall-Unjoni Ewropea;

5. Iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom irwol determinanti fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili billi jikkonkretizzaw il-prijoritajiet nazzjonali u Komunitarji permezz ta' proġetti li jistabbilixxu sħubiji mal-protagonisti prinċipali fil-qasam pubbliku u f'dak privat;

6. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li waħda mill-prijoritajiet tal-IPA hija l-kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fil-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex issaħħaħ dan il-qasam ta' attività sabiex tagħti stimolu lill-iżvilupp tal-governanza u biex tipprepara lil dawn il-pajjiżi u reġjuni biex jassorbu l-fondi strutturali u tiffavorixxi l-adattament tagħhom għall-istandards Ewropej fid-dawl tal-isħubija futura tagħhom; jistieden minnufih lill-Kummissjoni biex, matul it-twaqqif tal-istituzzjonijiet, tiggarantixxi trasparenza kbira u tieħu l-miżuri adegwati biex tiġi evitata l-korruzzjoni;

7. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali għall-iżvilupp ta' dawn il-proġetti komuni u biex ikunu stabbiliti rabtiet dewwiema kemm bejn ir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u r-reġjuni tal-Istati Membri; jenfasizza wkoll li l-benefiċċji ta' koperazzjoni bħal din mhumiex biss ekonomiċi, iżda għandhom ukoll dimensjoni politika u umana, li tippermetti li l-popli u l-gvernijiet jersqu qrib xulxin u li, fuq medda twila ta' żmien, tiżgura stabilità u prosperità f'dan ir-reġjun ;

8. Jinkoraġġixxi lir-reġjuni tal-Unjoni biex jieħdu l-inizjattiva li jimplimentaw proġetti transkonfinali mar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent bl-għan li jistabbilixxu koperazzjoni mill-qrib u għal perjodu ta' żmien twil fil-livell reġjonali, kif ukoll fl-ambitu tal-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki fil-qafas tan-netwerks Ewropej ta' koperazzjoni reġjonali; iqis li t-tisħiħ tal-Kunsill ta' Koperazzjoni Reġjonali għandu jippermetti li sseħħ il-promozzjoni tal-koperazzjoni fir-reġjun;

9. Jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali fiz-zona speċifika tad-Danubju, sabiex dan jikkontribwixxi għat-titjib tal-potenzjal ta' din iz-zona, li tikkostitwixxi punt fejn jingħaqdu l-Unjoni u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Rolf Berend, Victor Boştinaru, Wolfgang Bulfon, Antonio De Blasio, Bairbre de Brún, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Monica Giuntini, Ambroise Guellec, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Florencio Luque Aguilar, Jamila Madeira, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Jan Olbrycht, Maria Petre, Pierre Pribetich, Giovanni Robusti, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Domenico Antonio Basile, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Eleonora Lo Curto, Ramona Nicole Mănescu, Flaviu Călin Rus, Iuliu Winkler


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Glyn Ford, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Syed Kamall, Caroline Lucas, Helmuth Markov, Cristiana Muscardini, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Rovana Plumb, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Armando França, Glenis Willmott

Avviż legali - Politika tal-privatezza