RAPPORT dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol, għat-taħriġ u promozzjoni vokazzjonali, u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol

9.12.2008 - (2008/2039 (INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Teresa Riera Madurell

Proċedura : 2008/2039(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0491/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol, għat-taħriġ u promozzjoni vokazzjonali, u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol

(2008/2039 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru tal-2003 dwar Leġiżlazzjoni Aħjar[1] konkluża bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru tal-2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol, għat-taħriġ u l-promozzjoni vokazzjonali, u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol[2],

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (A6-0491/2008),

A. billi permezz tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, li huma miġburin fit-Trattat KE, huwa xieraq illi l-leġiżlatur jissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li jkun addotta,

B.  billi x-xogħol tal-Parlament bħala ko-leġiżlatur fejn għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE huwa kkumplikat minħabba li l-Kummissjoni ftit tipprovdi informazzjoni; minħabba f'hekk, intbagħtu xi ittri lill-kumitati kompetenti tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-korpi nazzjonali li jieħdu ħsieb l-ugwaljanza fejn intalab tagħrif, u 27 assemblea parlamentari nazzjonali u 16-il korp tal-ugwaljanza rrispondew,

C. billi d-Direttiva 2002/73/KE hija ġrajja importanti fil-proċess tal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u biex tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fis-soċjetà kollha kemm hi,

D. billi d-definizzjoni ta' "fastidju sesswali" ngħatat għall-ewwel darba f'livell tal-UE fid-Direttiva 2002/73/KE, u dik id-Direttiva ddefiniet ukoll id-diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni u l-fastidju indiretti, ipprojbiet id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fuq il-bażi ta' tqala jew liv tal-maternità u pprovdiet għall-jedd li jinżamm l-istess impjieg jew pożizzjoni ekwivalenti wara l-liv tal-maternità, jew wara l-liv tal-paternità jew tal-addozzjoni, fejn jeddijiet bħal dawn huma rikonoxxuti mill-Istati Membri,

E.  billi l-Istati Membri ntrabtu b'għadd ta' obbligazzjonijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE sal-5 ta' Ottubru tal-2005, bħalma huma:

Ø il-ħatra ta' korp jew korpi li l-kompetenza tagħhom tinkludi l-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa,

Ø il-promozzjoni tad-djalogu soċjali bejn is-sieħba soċjali bl-iskop li jitrawwem it-trattament ugwali, inkluż bil-monitoraġġ tal-prattiki fuq il-post tax-xogħol, ftehimiet kollettivi, etc.,

Ø l-inkoraġġiment tad-djalogu mal-NGOs xierqa bl-iskop li jiġi promoss il-prinċipju tat-trattament ugwali,

Ø il-promozzjoni tat-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol b'mod ippjanifikat u sistematiku, bħal, ngħidu aħna, permezz tar-rapporti dwar l-ugwaljanza fil-kumpaniji b'tagħrif regolari dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa,

Ø miżuri effettivi biex jiġi żgurat li jkun hemm sanzjonijiet reali għal kull każ ta' ksur tad-Direttiva, fejn il-kumpens għall-vittmi ma jkunx ristrett bl-iffissar minn qabel tal-ogħla limitu, ħlief f'każijiet limitati ħafna,

Ø illi l-persuni li jkunu qed jgħinu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni sesswali u tal-fastidju sesswali għandhom igawdu mill-istess ħarsien kontra trattament li joħloq żvantaġġ,

Ø illi jħejju rapport darba kull erba' snin lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġu pprovduti vantaġġi speċifiċi lis-sess li jkun rappreżentat l-anqas f'attivitajiet professjonali, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' miżuri bħal dawn,

Ø illi jiżguraw li klawżoli ta' kuntratti jew ftehimiet li jkunu bi ksur tad-Direttiva jiġu emendati jew iddikjarati nulli u mingħajr effett,

F.  billi l-implimentazzjoni bil-mod jew ta' kwalità baxxa tad-Direttiva 2002/73/KE tissogra li tipperikola l-attwazzjoni tal-istrateġija ta' Liżbona u l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-kapaċità soċjali u ekonomika tal-UE,

G. billi ħafna Stati Membri sabu diffikultà fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE, b’mod speċjali biex jintroduċu fil-leġiżlazzjoni tagħhom miżuri speċifiċi u xierqa biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi u titnaqqas id-diskriminazzjoni fejn għandu x’jaqsam mal-kisba ta’ impjieg, ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ promozzjoni u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol,

H. billi indikaturi juru li ma kien hemm l-ebda effetti li jixraq li jissemmew dwar il-kapaċità tan-nisa biex isibu xogħol u promozzjoni fis-snin ta’ wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ġdida u mtejba dwar it-trattament ugwali,

I.   billi, f’ħafna Stati Membri, l-integrazzjoni tas-sessi (“gender mainstreaming”) fid-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi hija impossibbli minħabba nuqqas ta’ tagħrif u għarfien dwar dan il-metodu,

J.   billi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi f’aspetti soċjali u politiċi oħra tkompli tiħżien minħabba d-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi, b'mod speċjali bejn l-hekk imsejħa setturi ekonomiċi femminili u maskili,

K.  billi l-indipendenza ekonomika tan-nisa hija fundamentali għall-emanċipazzjoni tagħhom, u għalhekk l-impjieg bid-drittijiet huwa garanzija għall-iżvilupp personali tagħhom u għall-inklużjoni soċjali;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b'reqqa tissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE kif ukoll fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni li tiġi minn din it-traspożizzjoni, u li tissokta teżerċita l-pressjoni fuq l-Istati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu disponibbli r-riżorsi xierqa biex jinkisbu dawn l-obbjettivi;

2.  Ifakkar fil-Punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar Leġiżlazzjoni Aħjar, u b'mod partikolari dwar l-impenn li ħa l-Kunsill li jħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju u jippubblikaw tabelli li jillustraw il-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni; jikkunsidra illi d-disponibbiltà tat-tabelli ta' korrelazzjoni għandhom iħaffu x-xogħol tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE;

3.  Jinnota illi l-koperazzjoni mill-qrib bejn il-kumitati kompetenti tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-ugwaljanza tas-sessi għandha twassal għal ugwaljanza bejn is-sessi li tkun eqreb għal min ifassal il-politiki u għaċ-ċittadini;

4.  Japprezza l-għadd kbir ta' risposti dettaljati li waslu fi żmien qasir mill-parlamenti nazzjonali u l-korpi tal-ugwaljanza dwar il-qagħda tal-implimentazzjoni u l-problemi marbutin magħha;

5.  Jiddispjaċih illi r-rapport tal-Kummissjoni mogħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu jkun imsejjes fuq it-tagħrif ikkomunikat mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2005, għadu ma huwiex disponibbli;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-leġiżlazzjoni f'ħafna Stati Membri ma jagħtux definizzjoni b'mod biżżejjed ċar u espliċitu tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta, tal-fastidju u tal-fastidju sesswali;

7.  Jinsab imħasseb illi f'bosta Stati Membri l-ambitu tat-tipi ta' diskriminazzjonijiet ipprojbiti m'hijiex wiesgħa biżżejjed biex tikkonforma mad-Direttiva 2002/73/KE; ifakkar li t-tipi ta' diskriminazzjoni pprojbiti jaffettwaw is-settur privat kif ukoll dak pubbliku;

8.  Jiddispjaċih mill-fatt illi xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali tmur kontra l-prinċipju tas-sanzjonijiet effettivi, proporzjonati, u dissważivi billi jistabilixxu limiti għall-ħlas ta' kumpens jew rimedju lill-vittmi tad-diskriminazzjoni;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt illi t-trattament anqas favorevoli għal mara marbut mat-tqala jew mal-liv tal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni; jiddeplora l-fatt illi xi Stati Membri ma rrikonoxxewx b'mod espliċitu l-jedd li jżommu l-istess impjieg jew pożizzjoni ekwivalenti wara l-liv tal-maternità;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw illi l-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2002/73/KE jkunu trasposti kompletament, korrettament, u b'mod effettiv u li jiġu implimentati kif xieraq;

11. Jirreferi għall-fat li t-trattament indaqs ma japplikax għas-sistemi kollha tas-sikurezza soċjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li, b'mod partikulari, l-iskemi tal-pensjoni tax-xogħol ma jagħmlux diskriminazzjoni kontra n-nisa u li ma jinfurzawx it-tendenzi eżistenti li diġà jpoġġu n-nisa fi żvantaġġ f'termini ta' benefiċċji u kontributi;

12. Jilqa' l-isforzi magħmula minn dawk l-Istati Membri illi estendew jew saħħu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/73/KE, speċjalment dawk l-inizjattivi li daħħlu l-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni f'oqsma ġodda tas-soċjetà;

13. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu passi biex iħeġġu lil min iħaddem biex irawwem kondizzjonijiet tax-xogħol illi jevitaw il-fastidju sesswali u l-fastidju abbażi tas-sess u li jistitwixxu proċeduri speċifiċi li jipprevjenu mġiba bħal din;

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kapaċitajiet u jiżguraw riżorsi adegwati għall-korpi li jippromwovu t-trattament indaqs u l-opportunitajiet bejn is-sessi hekk kif tipprovdi d-Direttiva 2002/73/KE, u jfakkar fir-rekwiżit tad-Direttiva li tiġi żgurata l-indipendenza ta' dawn il-korpi;

15. Jinnota l-approċċi differenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8a tad-Direttiva 2002/73/KE, li jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri; jemmen illi kemm in-Netwerk tal-Kummissjoni għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll l-Equinet huma għodod importanti fit-titjib ta' koperazzjoni bħal din u fil-promozzjoni ta' implimentazzjoni uniformi tal-Liġi Komunitarja fil-qasam tat-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel;

16.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni illi tmexxi studju dwar l-organizzazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza matul l-2009; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu l-kejl tal-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar is-servizzi offruti mill-korpi dwar l-ugwaljanza, u li jniedu kampanji ta' tagħrif biex dawn il-korpi jsiru aktar magħrufin;

17. Jiġbed l-attenzjoni għal-livell fqir ta' kuxjenza fost in-nisa tal-jeddijiet skont it-termini tad-Direttiva 2002/73/KE, kif jidher mill-għadd żgħir ta' proċedimenti u ilmenti mdaħħlin dwar l-ugwaljanza tas-sessi; jistieden lill-Istati Membri, lit-trejdunjons, lil min iħaddem u l-NGOs biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom ħalli jinfurmaw lin-nisa dwar il-possibiltajiet li hemm għall-vittmi tad-diskriminazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali illi ilha fis-seħħ sa mill-2005;

18. Jinnota l-fiduċja limitata li għandhom il-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-ħarsien ġudizzjarju; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-assistenza li tingħata tkun indipendenti u mingħajr ħlas, isaħħu l-garanziji lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u jipprovdu ħarsien ġudizzjarju lill-persuni li jiddefendu jew jixhdu favur xi ħadd imħares bid-Direttiva 2002/73/KE;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-Istati Membri humiex jiżguraw li l-vittmi u l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu fil-konformità mad-Direttiva 2002/73/KE humiex imxekkla minn ostakoli legali jew ostakli oħrajn, pereżempju bi skadenzi eċċessivament qosra, milli jibdew proċeduri legali fir-rispett ta’ ksur ta’ regoli ta’ ħarsien mid-diskriminazzjoni u ta’ drittijiet ugwali, jew, fil-każ tal-vittmi, milli jitolbu d-drittijiet kollha tagħhom skont id-Direttiva 2002/73/KE fi proċeduri amministrattivi oħra;

20. Jagħraf l-effetti pożittivi fuq il-prevenzjoni u l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta' prattiki diskiminatorji li jistgħu jinkisbu permezz ta' koperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi tal-ugwaljanza u l-ispetturi tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jinsistu dwar it-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol fir-dawl tar-responsabbiltajiet il-ġodda miksubin bħala riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/EC, kif ukoll dwar il-għodod ġodda li għadhom kif inħolqu, bħalma huwa l-qlib tal-piż tal-prova;

21. Jenfasizza l-irwol kritiku tal-NGOs li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni; jappella sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jindikaw dawk ir-riżorsi meħtieġa għall-proġetti ta' medjazzjoni u assistenza, li huma aktar kumplessi biex jitwettqu milli huma kampanji ta' tixrid ta' tagħrif;

22. Jenfasizza r-rilevanza ta' indikaturi affidabbli, paragunabbli u disponibbli tal-kwantità u l-kwalità, kif ukoll statistika msejsa fuq is-sessi, billi jiżguraw l-implimentazzjoni u s-segwitu tad-Direttiva; iħeġġeġ lill-korpi għall-ugwaljanza biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex imexxu stħarriġ indipendenti, jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kull kwestjoni marbuta mad-diskriminazzjoni; ifakkar fl-irwol tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi, li ngħata l-inkarigu li jiġbor u janalizza t-tagħrif li jirrigwarda l-ugwaljanza tas-sessi, li jqanqal kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE għal dak li għandu x'jaqsam mal-ugwaljanza tas-sessi u li jiżviluppa għodod metodoloġiċi bħala appoġġ għall-integrazzjoni tas-sessi;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitrawwem djalogu soċjali bejn is-sieħba soċjali biex il-prinċipju tat-trattament ugwali jiġi applikat permezz tal-monitoraġġ tal-prattiki fil-postijiet tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi, il-kodiċijiet ta' mġiba, ir-riċerka u l-iskambju ta' esperjenzi u l-prattika tajba;

24. Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ir-rekwiżit li l-intrapriżi jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet annwali dwar l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb membri tal-familja u jiżguraw rappreżentanza sesswali ekwilibrata fil-bordijiet tagħhom;

25. Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-min iħaddem biex jipprovdu lir-rappreżentanti tagħhom regolarment b'informazzjoni dwar ir-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu lil min iħaddem biex jipprovdi lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom regolarment b'tagħrif dwar il-kwistjonijiet ta' ġens u dwar dritt għal-liv;

27. Jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppat mekkaniżmi nazzjonali bil-għan li tkun sorveljata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' paga indaqs u t-tkomplija tal-istess xogħol wara l-liv marbut mat-tqala, il-liv għal missirijiet jew il-liv għall-kura ta' membri tal-familja;

28. Jinnota li d-differenza fil-pagi tippersisti, bin-nisa jaqilgħu pagi li huma bħala medja 15% inqas minn dawk għall-irġiel, li din id-differenza kienet tnaqqset b’1% biss bejn l-2000 u l-2006, u li l-persentaġġ tan-nisa fl-impjiegi b’pożizzjoni maniġerjali għadu ferm aktar baxx mill-persentaġġ fl-irġiel; jisħaq dwar il-ħtieġa li jkunu żviluppati mekkaniżmi nazzjonali li jkollhom l-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' paga indaqs u jappella lill-Kummissjoni biex iġġedded l-ippjanifikar tal-miżuri ta' appoġġ għal dan il-għan, bir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarità;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu inizjattivi li jikkontribwixxu fit-twaqqif u l-implimentazzjoni, fil-kumpaniji, ta' politiki dwar ir-riżorsi umani u miżuri pożittivi li jippromwovu l-ugwaljanza tal-ġens, u jistieden lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jinkorporaw ir-rekwiżit għall-kumpaniji li jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet annwali tal-kumpanija u jiżguraw li jkun hemm rappreżentazzjoni bbilanċjata skont il-ġens fil-boardijiet tal-kumpanija;

30. Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-importanza li jimplimentaw attivament l-integrazzjoni tas-sessi u jfittxu li jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol meta jiżviluppaw u jimplimentaw il-liġijiet;

31. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-ostakoli speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet u l-ġenituri tat-tfal b’diżabilitajiet fir-rigward ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jiġu adattati miżuri biex il-kwalità tal-ġeneru tiġi inkorporata fil-politiki kollha kif ukoll fil-ħtiġijiet partikulari ta’ dawn il-gruppi;

32. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun żgurata flessibilità akbar fir-rigward tal-liv tal-ġenituri, b’mod partikulari għall-ġenituri tat-tfal b’diżabilità;

33. Jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għat-taħrig, mit-taħriġ għall-ħajja professjonali, permezz ta’ miżuri mmirati kif ukoll meta jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol wara li jkunu ħadu l-liv biex jieħdu ħsieb ta’ tfal jew ta’ qraba; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ servizzi pubbliċi tal-għoti ta’ kura għat-tfal u tal-infermieri, u tal-kura għall-anzjani; jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri lejn l-impenji li huma ħadu rigward dawn il-kwistjonijiet fis-Samit ta' Barċellona tal-2002.

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn l-Istati Membri jkunu approfittaw mill-possibilitajiet ta’ miżuri speċifiċi u pożittivi meta l-iżvantaġġi li jiltaqgħu magħhom in-nisa fil-karrieri professjonali tagħhom huma b’mod partikulari serji u evidenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar dan;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza.

  • [1]  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
  • [2]  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.

NOTA SPJEGATTIVA

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija jedd fundamentali li jgawdi status privileġġjat fil-Liġi Komunitarja, imma kif jidher mid-differenza ta' 28.4% fir-rata ta' impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel - li tikkorrispondi għas-sena 2007 għall-UE27[1], in-nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol għadha problema strutturali li jeħtieġ li tkun indirizzata. U li dan isir huwa ta' importanza kbira mhux biss minħabba fir-raġuni ovvja li l-ugwaljanza hija jedd fundamentali, imma wkoll minħabba li l-Kunsill Ewropew ta' Liżbona ta' Marzu 2000 assenja lill-Unjoni Ewropea l-objettiv li tgħolli r-rata tal-impjiegi tan-nisa għal aktar minn 60% sal-2010.

BaraBarra minn hekk, kif juru ċ-ċifri dwar il-qabża fil-pagi, il-qabża fl-ugwaljanza bejn is-sessi jeħtieġ li tispiċċa mhux biss f'termini ta' rata ta' qgħad, imma wkoll f'termini tal-kwalità tax-xogħol. Ir-rapport tal-2008 tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions dwar il-Qabża fil-Pagi bejn is-Sessi Fuq Skala Dinjija, sab illi l-edukazzjoni ogħla tan-nisa mhux bilfors twassal għal qabża iżgħar fil-pagi, u li f'ċerti każijiet il-qabża fil-fatt tikber mal-livell tal-edukazzjoni.

Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ipprovdew lill-Istati Membri UE għodda effettiva biex itejbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol.

Madankollu, l-implimentazzjoni bil-mod jew ta' kwalità baxxa ta' din id-Direttiva tissogra li tipperikola t-twettiq tal-istrateġija ta' Liżbona u l-possibilità li jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-kapaċità soċjali u ekonomika tal-UE.

Konformità - State of art

Proċedimenti għan-nuqqs ta' komunikazzjoni:

Fl-iskadenza tat-terminu mogħti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (5 ta' Ottubru 2005), disa' Stati Membri ma kinux taw notifika tal-miżuri li ttieħdu biex tiġi ttrasportata d-Direttiva. Konsegwentement, il-Kummissjoni nidiet proċediment ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri kollha illi rriżultaw f'żewġ proċeduri ta' non-komunikazzjoni kontra l-Belġju u l-Lussemburgu.

Proċeduri għan-non-konformità:

Minħabba fil-kumplessità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u peress ukoll illi għadhom ġodda, il-Kummissjoni sabet għadd kbir ta' problemi fit-traspożizzjoni. Għalhekk intbagħtu ittri ta' avviż formali lil 22 Stat Membru matul l-ewwel nofs tal-2007. Fost it-23 leġiżlazzjoni mmonitorjata għall-konformità, instab li Spanja hija l-uniku Stat Membru li ma rċeviex ittra ta' avviż formali.

Madanakollu, dan ma jfissirx illi t-22 Stat Membru kollha kemm huma għandhom problemi serji ta' non-konformità. L-esperjenza tgħallem illi ħafna mill-oġġezzjonijiet imqanqlin mill-Kummissjoni matul il-proċediment ta' ksur jiġu riżolti wara li tintbagħat ittra ta' avviż formali u, b'mod partikolari, wara opinjoni raġunata.

Skont ma qiegħda tgħid il-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha rrispondew għall-ittri ta' avviż formali u l-Kummissjoni bħalissa għaddejja bil-finalizzazzjoni tal-analiżi tar-risposti. Il-Kumitat FEMM ġie mgħarraf illi l-Estonja u l-Finlandja ġa rċevew opinjoni raġunata u huwa mistenni li sal-aħħar tal-2008 il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar is-segwitu għall-bqija tal-proċedimenti bil-miftuħ, jiġifieri n-notifika tal-opinjonijiet raġunati jew l-għeluq tal-każi.

Każijiet fil-Qorti

Riċentement il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex li l-Belġju u l-Lussemburgu kisru l-obbligazzjoni tal-komunikazzjoni, għad illi l-Lussemburgu għamel it-traspożizzjoni tad-Direttiva minn dak iż-żmien 'l hawn.

Nhar is-27 ta' Mejju tal-2008, il-laqgħa tal-Kumitat FEMM kellha skambju ta' veduti dwar dan il-fajl u l-Kummissjoni għarrfet illi l-ewwel rapport fuq it-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva se jinħareġ fl-ewwel nofs tal-2009, ladarba r-riżultat tal-proċedimenti ta' ksur ikun ġie analizzat.

Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet ġew, b'xi mod jew ieħor, trasposti b'mod mhux korrett fi 15-il Stat Membru.

Bosta Stati Membri għażlu definizzjoni ġenerika tad-diskriminazzjoni mingħajr ma semmew id-diskriminazzjoni abbażi ta' sess; l-użu ta' termini ġeneriċi jista' jwassal għal effetti kollaterali li jmorru kontra l-ispirtu tad-direttiva bħal ma huma n-nuqqas ta' riferimenti għat-tqala jew ta' talba għal statistika ġudizzjarja differenzjata dwar it-talbiet imsemmijin fid-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess.

Il-problema l-oħra li l-aktar tidher fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva hija n-nuqqas ta' riferiment għad-definizzjoni ta' "fastidju sesswali" jew it-twaħħid ta' dan it-terminu mad-definizzjoni ġenerika ta' fastidju, li jagħmilha diffiċli li jitħarsu l-vittmi tal-fastidju sesswali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-provi.

In-nuqqas ta' definizzjoni ta' diskriminazzjoni indiretta wkoll huwa problema komuni minkejja l-fatt li l-lum il-ġurnata din hija x'aktarx il-forma l-aktar insidjuża ta' diskriminazzjoni. Bħalma ntqal aktar ’il fuq, il-prevalenza tal-paga skont is-sess turi kif in-nisa u l-irġiel jitqiegħdu f'kategoriji differenti tax-xogħol minkejja li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol, jew kif is-setturi b'rata għolja ta' ħaddiema nisa huma konsistentement fost dawk bil-pagi l-aktar baxxi.

Min-naħa l-oħra, ċerti Stati Membri wessgħu jew irrinforzaw id-definizzjonijiet billi inkludew, ngħidu aħna, riferiment espliċitu għal "identità jew espressjoni skont is-sess" jew billi ddeskrivew id-diskriminazzjoni kontra l-ġenituri bħala forma ta' diskriminazzjoni sesswali.

L-ambitu

L-ambitu tad-Direttiva ma ġiex implimentat kif jixraq fi 18-il Stat Membru. L-aktar problema komuni hija n-nuqqas ta' kopertura tal-attivatijiet ta' min jaħdem għal rasu u l-affiljazzjoni u l-involviment tal-għaqdiet tal-ħaddiema jew ta' min iħaddem.

Madanakollu, f'ċerti Stati Membri, l-ambitu twessa' aktar mir-rekwiżiti tad-Direttiva sabiex ikopri wkoll:

- is-sigurtà soċjali u l-assistenza, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-merkanzija u s-servizzi;

- mhux biss individwi, imma wkoll grupp ta' persuni, entitajiet u organizzazzjonijiet legali;

- mhux biss il-pagi, imma wkoll kull benefiċċju ieħor ipprovdut minn min iħaddem skont id-definizzjoni ta' rimunerazzjoni;

- impjegati illi jaħdmu f'organizzazzjonijiet nazzjonali barra mill-Istat Membru.

Fl-Ungerija il-ħarsien mogħti lil nisa tqal ingħata wkoll lil dawk li jieħdu sehem fi programmi ta' inseminazzjoni artifiċjali.

Il-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza

L-Artikolu 8a tad-Direttiva jirrikjedi l-ħatra ta' korp tal-ugwaljanza u kull risposta, għajr tnejn, li rċieva l-kumitat FEMM mill-korpi tal-ugwaljanza u mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri kkonfermaw l-eżistenza ta' korpi bħal dawn.

Madankollu, il-Kummissjoni nnutat illi 16-il Stat Membru ma implimentawx sew il-provvedimenti billi l-korpi tal-ugwaljanza eżistenti ma kellhomx is-setgħat kollha kif tipprovdi d-Direttiva jew billi l-Kummissjoni kellha d-dubji dwar il-kapaċità tagħha illi twettaq ix-xogħol tagħha b'mod indipendenti.

L-esperjenza komparata turi illi hemm differenzi importanti fil-mod kif joperaw dawn il-korpi tal-ugwaljanza, skont liema kriterji, taħt is-superviżjoni ta' min, ir-riżorsi umani u finanzjarji, etc, għalkemm ħafna mir-risposti juru illi hemm tendenza lejn korpi tal-ugwaljanza orizzontali, fdati bl-inkarigu tal-ġlieda kontra kull xorta ta' diskriminazzjoni.

Fir-rigward tar-riżorsi umani u finanzjarji, hemm ukoll differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Qed jingħataw hawnhekk żewġ risposti jixtiebħu ħafna mibgħuta mill-korpi tal-ugwaljanza lill-kumitat FEMM, bħala illustrazzjoni tal-problema: minħabba fin-nuqqas ta' riżorsi, il-kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni ma jistgħux jiġu ttrattati b'ħeffa biżżejjed billi sar diffiċli ħafna tmexxi l-investigazzjonijiet kif jixraq; lanqas ma huwa dejjem possibbli illi tingħata l-assistenza fil-qrati lill-persuni li jiddikjaraw illi kienu vittmi tad-diskriminazzjoni, minkejja li l-liġi tiddetta li jkun hemm assistenza bħal din; barrabarra minn hekk, in-nuqqas ta' riżorsi jwassal ukoll biex il-monitoraġġ tal-ippjanifikar tal-ugwaljanza jsir diffiċli u li jista' jsir biss stħarriġ fuq skala ridotta fuq inizjattiva tal-korp ta' ugwaljanza.

Strutturi u kompetenzi organizzattivi

Filwaqt illi xi Stati Membri stabilixxew korpi tal-ugwaljanza għalkollox ġodda, ħafna minnhom wessgħu u ppreċiżaw is-setgħat ta' dawk ġa eżistenti.

Essenzjalment hemm tliet mudelli ta' organizzazzjoni: Stati Membri b'sistemi ġuridiċi tal-Common Law, Stati Membri b'sistema ta' Ombudsman, u Stati Membri bi tradizzjoni ġuridika Rumana.

Fis-sistemi ġuridiċi tal-Common Law, il-korpi tal-ugwaljanza għandhom is-setgħat li jikkonduċu l-investigazzjonijiet u li jkollhom rwol fir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwimiet, filwaqt li l-Ombudsman, li għandu l-irwol li jiġġieled id-diskriminazzjoni, jista' jipparteċipa fil-proċedimenti ġudizzjarji. Fis-sistemi ġuridiċi Rumani il-leġittimità tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti ċivili, soċjali u amministrattivi taqa' ġeneralment fuq il-persuni fisiċi jew ġuridiċi u x-xogħol tal-investigazzjoni huwa fil-kompetenzi tal-ispetturi tax-xogħol.

Il-grad tal-kompetenzi mogħtija lill-korpi tal-ugwaljanza jvarja bil-bosta bejn l-Istati Membri u jinkludu biss l-assistenza extra-ġudizzjarja, is-setgħa tal-medjazzjoni, il-jedd tal-investigazzjoni ex-officio u s-setgħa ta' intervent f'kwistjonijiet ġudizzjarji.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet illi joħorġu ma jkunux legalment vinkolanti, għad illi ħafna mill-korpi tal-ugwaljanza jammettu illi jwettquhom b'obbligu morali qawwi u li ġeneralment jiġu segwiti mill-qorti u/jew minn min iħaddem. L-Ombudsman f'Ċipru huwa l-uniku korp li jittratta kwistjonijiet ta' ugwaljanza u diskriminazzjoni u li għandu s-setgħa jimponi s-sanzjonijiet u li joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti.

Eżempju ieħor huwa l-Kummissjoni tal-Olanda dwar it-Trattament Indaqs li huwa korp kważi-ġudizzjarju (b'investigazzjonijiet, smigħ, u teħid ta' deċiżjonijiet kollha indipendenti) li jaġixxi separatament mill-ġudikatura. Madankollu, l-infurzar legali ta' deċizjoni tal-Kummissjoni u talba għal danni huma possibbli biss permezz ta' qorti.

Bosta korpi tal-ugwaljanza jaħdmu f'koperazzjoni mill-qrib mal-ispetturi tax-xogħol. Pereżempju, l-Aġenzija Portuġiża tal-Ugwaljanza żżur il-postijiet tax-xogħol jew titlob lill-Ispettorat Ġenerali tax-Xogħol jassessja l-eżistenza ta' prattiki diskriminatorji.

L-irwol ta' min iħaddem

Id-Direttiva tħeġġeġ lil min iħaddem jippromwovi t-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fil-post tax-xogħol b'mod ippjanifikat u sistematiku. Fl-Olanda hemm l-obbligu li jsiru pjani ta' ugwaljanza fil-kumpaniji li jħaddmu aktar minn 30 impjegat u fi Spanja, dan it-tip ta' pjani huwa obbligatorju għal kumpaniji li jħaddmu aktar minn 250 impjegat jew jekk ikun imniżżel fil-ftehimiet kollettivi. Min-naħa l-oħra, fl-Att dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi tal-Estonja min iħaddem huwa espliċitament mitlub illi jiġbor data ta' statistika differenzjata bejn is-sessi fir-rigward tax-xogħol.

L-irwol tas-soċjetà ċivili

Ir-risposti juru li n-nisa jiddejqu jitolbu jeddijiethom u l-korpi tal-ugwaljanza jaqblu illi n-nuqqas ta' ilmenti jfisser fiduċja limitata fil-mekkaniżmu tal-ħarsien. Bħalma jirrikonoxxi l-Ombudsman Grieg, in-nuqqas ta' kuntatt bejn il-mekkaniżmu istituzzjonali u l-vittimi individwali tad-diskriminazzjoni jista' jiġi rimedjat biss minn dawk l-organizzazzjonijiet illi huma attivi f'dan is-settur.

Huwa importanti li jittieħdu l-inizjattivi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-aktar f'livelli reġjonali u lokali, lil hinn mill-kampanji ta' tagħrif ġeneriku u tqanqil ta' kuxjenza, li normalment jassorbu ħafna mill-fondi li l-NGOs jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. L-Għaqdiet għandhom jingħataw il-mezzi biex jipprovdu l-assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u għandhom jitqiegħdu fil-qagħda li jirrikorru fil-Qorti, kif ikkontemplat fl-artikolu 6.3 tad-Direttiva.

Fil-fatt, hemm bosta siti tal-internet imħaddma mill-NGOs li jipprovdu l-pariri dwar id-diskriminazzjoni u f'xi ftit Stati Membri l-vittmi tad-diskriminazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati mill-NGOs.

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jikkontribwixxux wisq għall-aspetti aktar ġeneriċi tal-promozzjoni tat-trattament ugwali bħalma huma l-miżuri ta' prevenzjoni jew l-istrateġiji sistematiċi kontra d-diskriminazzjoni.

Ir-rapporti dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fuq bażi regolari tal-Kummissjoni jtennu sena wara l-oħra l-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tas-sessi, u l-Ministeru għall-Ugwaljanza li twaqqaf dan l-aħħar fi Spanja jirrifletti l-isforz tal-integrazzjoni ta' dan il-kunċett, imma ftit li xejn ittieħdu impenji politiċi u istituzzjonali fl-Istati Membri biex jitpoġġew fis-seħħ strateġiji għall-integrazzjoni tas-sessi.

L-artikolu 8 b (1) u (2) tad-Direttiva jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-djalogu soċjali bejn is-sieħba soċjali u, waqt illi bosta Stati Membri ġibdu l-attenzjoni lejn l-irwol tat-trejdunjins fl-elaborazzjoni ta' mudell ta' kuntratt ta' union li jkun fih paragrafi dwar l-ugwaljanza tas-sessi, xi mseħbin soċjali ġibdu l-attenzjoni lejn nuqqas ġenerali ta' tagħrif li jaffettwa, ngħidu aħna, l-inkorporazzjoni ta' klawsoli fuq id-diskriminazzjoni indiretta. L-Istati Membri kkonfermaw ukoll il-koperazzjoni mill-qrib tal-gvern mas-sieħba soċjali fl-abbozzar tal-atti tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

  • [1]  http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/pdf/2008compendium_en.pdf

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (26.6.2008)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ vokazzjonali u promozzjonijiet u l-kundizzjonijiet fuq ix-xogħol
(2008/2039(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ilda Figueiredo

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi ħafna Stati Membri sabu diffikultà li jittrasponu d-Direttiva 2002/73/KE, b’mod speċjali biex jintroduċu fil-leġiżlazzjoni tagħhom miżuri speċifiċi u xierqa biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi u titnaqqas id-diskriminazzjoni fejn għandu x’jaqsam mal-kisba ta’ impjieg, ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ promozzjoni u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol,

B.  billi indikaturi juru li ma kien hemm l-ebda effetti ta' min isemmihom dwar l-abilità??? tan-nisa biex isibu xogħol u promozzjoni fis-snin ta’ wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ġdida u mtejba dwar it-trattament ugwali,

C. billi, f’ħafna Stati Membri, l-integrazzjoni tas-sessi (“gender mainstreaming”) fid-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi hija impossibbli minħabba nuqqas ta’ tagħrif u kuxjenza ta’ dan il-metodu,

D. billi, f’kull Stat Membru, twaqqaf mill-inqas qasam wieħed bir-responsabilità li jippromwovi, janalizza, jimmonitorja u jrawwem l-ugwaljanza bejn is-sessi,

E.  billi d-diskriminazzjoni bejn is-sesi f’aspetti soċjali u politiċi oħra hija magħmula agħar minħabba d-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi, b'mod speċjali bejn l-hekk imsejħa setturi ekonomiċi femminili u maskili,

1.  Jiddeplora l-fatt li, għalkemm kien hemm xi progress fir-rigward ta’ l-aċċess għall-impjiegi u għas-suq tax-xogħol u fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, in-nisa għadhom qed jiġu ddiskriminati, u jieħu l-opinjoni li, għalhekk, it-traspożizzjoni sħiħa fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2002/73/KE fil-liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika safejn tikkonċerna d-diskriminazzjoni indiretta hija indispensabbli; jiġbed l-attenzjoni wkoll li l-implimentazzjoni ma għandiex tkun akkumpanjata minn tnaqqis fil-livell eżistenti tal-ħarsien tan-nisa;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-ostakoli speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet u l-ġenituri tat-tfal b’diżabilitajiet fir-rigward ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jiġu adattati miżuri biex id-dimensjoni tal-ġeneru jiġi inkorporat fil-politiki kollha kif ukoll fil-ħtiġijiet partikulari ta’ dawn il-gruppi;

3.  Isib inkwetanti li s-sitwazzjoni ta’ l-impjieg fin-nisa qed tkompli turi rati ogħla ta’ qagħad, tipi ta’ xogħol aktar prekarji, pagi aktar baxxi, riskju akbar ta’ faqar u ta’ inċidenti industrijali, diffikultajiet akbar f’termini ta’ l-avvanzi fil-karriera u pensjonijiet baxxi ħafna, li jsiru agħar fil-każ tan-nisa b’diżabilità u/jew li jkunu migranti;

4.  Jenfazizza li, għalkemm id-differenza fir-rati ta' l-impjieg bejn in-nisa u l-irġiel tnaqqset ftit, din id-differenza baqgħet aktar minn 14% fl-2006 u li s-sitwazzjoni ta’ l-impjieg fost in-nisa hija aktar prekarja, b’numri li kull ma jmur qed jikbru ta’ nisa li jaħdmu part-time u fuq kuntratti temporanji;

5.  Jinnota li d-differenza fil-pagi tippersisti, bin-nisa jaqilgħu pagi li huma bħala medja 15% inqas minn dawk għall-irġiel, li din id-differenza kienet tnaqqset b’1% biss bejn l-2000 u l-2006, u li l-persentaġġ tan-nisa fl-impjiegi b’pożizzjoni maniġerjali għadu ferm aktar baxx mill-persentaġġ fl-irġiel;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jiġġieldu d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikulari fir-rigward tal-paga u ta' l-integrazzjoni jew integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol bħala kwistjoni ta’ prijorità l-aktar għolja, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex iġġedded l-ippjanar ta’ miżuri ta’ appoġġ għal dan l-għan, filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

7.  Jisħaq li l-indipendenza ekonomika tan-nisa hija fundamentali għall-emanċipazzjoni tagħhom, u għalhekk l-impjieg bid-drittijiet huwa garanzija għall-iżvilupp personali tagħhom u għall-inklużjoni soċjali;

8.  Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri sabiex jevalwaw l-attivitajiet ta’ korpi nazzjonali għall-ugwaljanza u biex jipproponu miżuri biex isaħħu l-irwol tagħhom u jtejbu l-effettività tagħhom fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

9.  Iħeġġeġ lill-entitajiet li jippromwovu t-trattament ugwali previst fid-Direttiva 2002/73/KE sabiex jassiguraw l-indipendenza ta’ l-għajnuna mogħtija lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u ta’ l-attivitajiet tagħhom ta’ appoġġ u ta’ l-investigazzjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jassiguraw il-finanzjament ġust ta' strutturi u ta' l-attivitajiet tagħhom;

10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina jekk in-nisa humiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet tagħhom skond id-Direttiva 2002/73/KE, jekk għandhomx aċċess faċli u bla xkiel għal uffiċċju ta’ l-ombudsman li jappoġġjahom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jekk l-Istati Membri, lilhinn mit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni, jieħdux miżuri oħra biex jappoġġjaw il-ħarsien mid-diskriminazzjoni tan-nisa fl-impjieg u t-taħriġ u jiżviluppaw aktar dan il-ħarsien permezz ta’ miżuri preventivi mmirati;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-awtoritajiet ta’ l-ombudsman għall-ħarsien tal-vittmi fl-Istati Membri humiex iffinanzjati u mgħammra bil-persunal b’mod suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom skond l-Artikolu 8a tad-Direttiva 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, kif emendat mid-Direttiva 2002/73/KE;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-Istati Membri humiex jiżguraw li l-vittmi u l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu fil-konformità mad-Direttiva 2002/73/KE humiex imxekkla minn ostakoli legali jew oħrajn, pereżempju bi skadenzi eċċessivament qosra, minn l-inizzjalizzazzjoni ta’ proċeduri legali fir-rispett ta’ ksur ta’ regoli ta’ ħarsien mid-diskriminazzjoni u ta’ drittijiet ugwali, jew, fil-każ tal-vittmi, li jitolbu d-drittijiet kollha tagħhom skond id-Direttiva 2002/73/KE fi proċeduri amministrattivi oħra;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, lill-min iħaddem u lill-atturi governattivi u mhux governattivi biex iżidu l-attivitajiet komuni tagħhom immirati biex iqajmu kuxjenza tal-garanziji legali eżistenti u l-applikazzjoni korretta u effettiva tal-liġi fuq trattament ugwali u biex itejbu l-informazzjoni li joffru għall-possibilitajiet ta’ rikors fil-każ ta’ diskriminazzjoni;

14. Isossni li jeħtieġ li jittieħdu passi immedjati sabiex jingħata effett sħiħ u produttiv għad-Direttiva 2002/73/KE bl-iskop li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħtu importanza akbar lin-negozjar kollettiv, kull wieħed skond it-tradizzjonijiet tiegħu, jagħtu d-dinjità lil min jaħdem, japplikaw superviżjoni akbar fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza, u jeqirdu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi;

15. Jiġbed l-attenzjoni li t-trattattiva u n-negozjar kollettiv għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, l-aktar fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet fuq ix-xogħol, l-avvanz tal-karriera u taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li l-kuntratti mingħajr terminu fiss jibqgħu n-norma;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' politiki u objettivi speċifiċi sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (pagi ndaqs, liv tal-ġenituri, aċċess għal impjiegi ta' kwalità għolja bi drittijiet, aċċess ugwali għat-tagħlim matul il-ħajja, rappreżentazzjoni ugwali fit-teħid tad-deċiżjoni u l-eliminazzjoni ta' vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol) u l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin tax-xogħol f’modi li jipprovdu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u l-ħajja tax-xogħol għan-nisa u għall-irġiel;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun żgurata flessibilità akbar fir-rigward tal-liv tal-ġenituri, b’mod partikulari għall-ġenituri tat-tfal b’diżabilità;

18. Jinnota l-ħtieġa ta' faċilitajiet edukattivi u soċjali ġodda u aħjar, kemm għat-tfal u ż-żagħżagħ kif ukoll għal adulti akbar fl-età, inklużi opportunitajiet ta' tagħlim aktar (u aħjar); jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għat-taħrig, mit-taħriġ għall-ħajja professjonali, permezz ta’ miżuri mmirati kif ukoll meta jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol wara li jkunu ħadu l-liv biex jieħdu ħsieb ta’ tfal jew ta’ qraba; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ servizzi pubbliċi ta’ l-għoti ta’ kura għat-tfal u ta’ l-infermieri, u tal-kura għall-anzjani; jiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri għall-impenji li huma assumew rigward dawn il-kwistjonijiet fis-Samit ta' Barċellona ta' l-2002.

19. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu garantiti drittijiet sħaħ, inkluż id-drittijiet marbutin mal-maternità u dawk ta’ sigurtà soċjali, għan-nisa kollha li jaħdmu, inkluż dawk in-nisa li jaħdmu għal rashom jew li jaħdmu fuq farms tal-familja;

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn l-Istati Membri jkunu approfittaw mill-possibilitajiet ta’ miżuri speċifiċi u pożittivi meta l-iżvantaġġi li jiltaqgħu magħhom in-nisa fil-karrieri professjonali tagħhom huma b’mod partikulari serji u evidenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar dan;

21. Iqis li hu importanti li tkun eżaminata l-kwistjoni li tinħoloq metodoloġija biex ikun analizzat eżattament x’jinvolvu l-impjiegi biex ikun żgurat id-dritt għal paga ugwali għan-nisa u għall-irġiel, jingħata rikonoxximent xieraq lill-individwi u lill-impjiegi u, fl-istess ħin, tingħata d-dinjità xierqa lix-xogħol bħala fattur ta’ struttura, sabiex tiżdied il-produttività, il-kompetittività u l-kwalità ta’ intrapriżi u titjieb il-ħajja tal-ħaddiema, kemm irġiel kif ukoll nisa; iqis li l-analiżi xjentifiċi f’dan il-qasam hija essenzjali għall-modifikazzjoni tal-metodi attwali ta’ kejl tal-valur soċjali tax-xogħol, ibbażata fuq l-ideat tradizzjonali u diskriminatorji skond is-sess dwar l-importanza ta’ l-attivitajiet differenti, bil-konsegwenza li jibqgħu d-differenzi fl-istrutturi tal-ħlas bejn is-setturi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu indikaturi ta’ trattament ugwali li jkunu ċari, dettaljati u jistgħu jitqiesu sabiex ikunu evalwati r-relazzjonijiet bejn is-sessi u r-rispett għad-drittijiet tan-nisa fl-intrapriżi; jemmen li huwa neċessarju li jkunu promossi eżempji pożittivi u li kriterju wieħed li ma jingħatawx kuntratti pubbliċi lill-intrapriżi jista’ jkun il-ksur ta’ liġijiet b’rabta mat-trattament ugwali;

23. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toffri l-kompetenza tagħha lill-Istati Membri, fejn dan ikun meħtieġ, u biex jittieħdu miżuri qawwija biex ikun appoġġjat l-iskambju ta’ l-aħjar prattiki dwar it-trattament ugwali tan-nisa u ta’ l-irġiel fis-suq tax-xogħol;

24. Jenfasizza l-ħtiega li jkunu inkoraġġati inizzjattivi li jagħtu fil-kumpaniji kontribut għall-ħolqien u għall-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ riżorsi umani u ta’ miżuri pożittivi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jinkoraġixxu miżuri ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ li jagħmluha possibbli biex ikunu promossi, trasferiti u inkorporati prattiki li kellhom suċċess fl-organizzazzjonijiet u fil-kumpaniji;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja bir-reqqa t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni li tirriżulta minn din it-traspożizzjoni u li tkompli tpoġġi pressjoni fuq l-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

25.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Proinsias De Rossa, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Elisabeth Schroedter, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Marie Beaupuy, Petru Filip, Donata Gottardi, Marian Harkin, Rumiana Jeleva, Sepp Kusstatscher, Roberto Musacchio, Csaba Sógor, Patrizia Toia, Glenis Willmott

.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Anni Podimata, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi, Marusya Ivanova Lyubcheva