RAPPORT dwar in-nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

9.12.2008 - (2008/2118(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Anna Záborská

Proċedura : 2008/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0492/2008
Testi mressqa :
A6-0492/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

(2008/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport dinji dwar l-iżvilupp uman 1995 dedikat għar-"Rivoluzzjoni fl-ugwaljanza bejn is-sessi"[1], tal-programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp (UNDP),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għall-Politika tal-Impjiegi u dik Soċjali, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000, dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f'dik familjari,

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - Tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali"[2],

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2002 dwar ir-risposta tal-Ewropa għall-fatt li l-popolazzjoni tad-dinja qed tixjieħ - Il-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali f'dinja li qed tixjiħ - Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għat-Tieni Assemblea Dinjija dwar ix-Xjuħija (COM(2002)0143),

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004 dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjari u privata[3],

–    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ adottat mill-Kunsill Ewropew li ltaqa' fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2005 bit-titlu "Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2005)0094),

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar sfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet[4],

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 bit-titolu "Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità" (COM(2006)0571),

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar qafas regolatorju għall-miżuri ta' konċiljazzjoni tal-ħajja familjari u tal-perjodu ta' studju għan-nisa żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea[5],

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titolu ''Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet'' (COM(2007)0244),

–    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet"[6],

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2007[7],

–    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni Demografiku tal-Ewropa: fatti u ċifri (SEC(2007)0638),

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa[8],

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2008[9],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0492/2008),

Osservazzjonijiet prinċipali tal-ħajja ta' kuljum

A. billi l-Istrateġija ta' Liżbona għandha l-għan li tiżgura li 60% tan-nisa kapaċi li jaħdmu jkollhom impjieg; billi l-isforzi relatati mal-isfida demografika għandhom l-għan li jippromwovu rati ogħla ta' twelid sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti futuri; billi opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata għadhom jikkostitwixxu suġġett ewlieni fid-dibattitu dwar il-bidla demografika, li jirrikonoxxi d-diversità fil-mudelli ta' familji tal-21 seklu; billi dawn iż-żewġ politiki pubbliċi huma mmirati lejn l-istess grupp fundamentali tal-popolazzjoni ta' nisa bejn it-18 u d-49 sena, li huma meqjusa kemm bħala ħaddiema potenzjali kif ukoll bħala persuni li jieħdu ħsieb lill-oħrjan, jiġifieri bħala ommijiet li jagħtu l-ħajja, li jġibu lit-tfal fid-dinja u jrabbuhom, prinċipalment ma' missirijithom, iżda wkoll bħala wlied li jista' jkun jeħtieġ li jieħdu ħsieb lill-anzjani, jew lil persuni dipendenti jew b'diżabilità; billi d-diversi politiki issa għandhom jissejsu mhux biss fuq il-prestazzjoni professjonali tal-ħaddiema iżda wkoll fuq l-irwol tagħhom fis-soċjetà u fuq posthom fl-unità familjari;

B.  billi l-objettivi kwantitattivi u kwalitattivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u għax-Xogħol il-ġodda – f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mal-impjieg tan-nisa u tal-adulti – huma determinati mill-għarfien kemm tal-fatt li mhux sostenibbli li jibqgħu jinħlew dawn ir-riżorsi u l-potenzjal li jirrapreżentaw, kif ukoll tar-riskji relatati maż-żamma tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali,

C. billi għad fadal distakki konsiderevoli bejn in-nisa u l-irġiel fl-aspetti l-oħrajn kollha tal-kwalità tax-xogħol, ngħidu aħna, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata, u billi r-rata tal-impjieg għan-nisa bi tfal dipendenti hija ta' 62.4% biss, meta mqabbla mar-rata ta’ 91.4% għall-irġiel; billi 76.5% tal-ħaddiema fuq bażi ‘part-time’ huma nisa,

D. billi n-nisa u l-irġiel huma ugwali f’termini tad-dinjità tal-bniedem u ta’ drittijiet u obbligi,

E.  billi, skont id-dejta, ipprovduta fl-istess komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006, fil-pajjiżi u fir-reġjuni b’rata għolja ta’ nisa impjegati u li għandhom sistemi tas-sigurtà soċjali, ir-rata tat-twelid hija ogħla,

F.  billi l-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, diretta jew indiretta, abbażi tas-sess, wisq anqas abbażi tal-maternità, tal-fatt li dak li jkun jerfa’ responsabilitajiet familjari jew tal-istat ċivili,

G. billi x-xogħol ta’ kura, li minn dejjem sar min-nisa, wisq ta’ sikwit għadu jiġi kkunsidrat bħala ‘mhux xogħol’ u għadu ma kisibx la status lanqas definizzjoni li huma rikonoxxuti b’mod ġenerali,

H. billi t-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji li fuqu msawra s-sistema legali u, għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat u rispettat kull meta jiġu interpretati u implimentati l-liġijiet,

I.   billi t-tliet sfidi prinċipali tal-Unjoni – il-bidliet demografiċi, il-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima – jimponu solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ibbażata fuq ftehim ta' ambitu wiesa’ mhux bejn il-ġenerazzjonijiet biss, iżda anke bejn sessi u popli differenti, f’perspettiva ta’ fiduċja rinnovata fil-futur,

J.   billi dan il-ftehim huwa fih innifsu ftehim kollettiv, hu fuq skala kbira u huwa bbażat fuq il-libertà tal-għażla tal-persuni, b’mod partikolari tan-nisa, li lilhom għandu jiġi rikonoxxut id-dritt li jkollhom l-ammont ta’ tfal li jkunu jixtiequ u fl-istess ħin li jwettqu, fil-fażijiet differenti tal-ħajja, l-attività li jkunu jixtiequ jwettqu, bil-possibilità li jbiddlu l-għażla u mingħajr ma jbatu minn diskriminazzjoni, billi dan jagħmel parti integrali mid-drittijiet ċiviċi,

K. billi bħala bażi tal-ftehim bejn sessi, ġenerazzjonijiet u popli, għandu jkun hemm il-possibilità li wieħed ikun jista’ jorganizza l-ħajja professjonali jew dik privata tiegħu stess, li jkun jista’ jilħaq kompromess bejn l-esiġenzi ekonomiċi u produttivi tax-xogħol professjonali u l-possibilità tal-għażla tal-ħinijiet u tal-impenji, fi ħdan qafas ta’ drittijiet u ta’ responsabilitajiet definiti permezz ta’ strumenti leġiżlattivi u kuntrattwali,

L.  billi r-responsabilità bejn il-ġenerazzjonijiet tirrikjedi approċċ attiv tal-awtoritajiet pubbliċi u sehem ewlieni min-naħa tal-imsieħba soċjali kollha, sabiex ikunu garantiti servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità u sistemi adegwati u suffiċjenti ta’ għajnuna u sigurtà soċjali,

M. billi l-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol professjonali hija marbuta ma’ bidliet kulturali u ma’ riformi mmirati lejn l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u personali u politiki ta’ tqassim mill-ġdid tal-irwoli; billi dawn il-politiki jikkonċernaw aspetti differenti iżda li huma relatati mill-qrib li jkopru firxa ta' miżuri li jvarjaw mit-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol, permezz tan-netwerking tas-servizzi mogħtija lil persuni, u li jinkludu l-bdil ta' kuntratti ta’ xogħol 'full time' f’kuntratti ‘part-time’, sal-użu tal-lif (tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri, tal-familja),

N. billi s-servizzi ta’ għajnuna mogħtija lil persuni - immirati kemm għat-tfal kif ukoll għall-anzjani u għall-persuni li mhumiex awtosuffiċjenti u għall-morda – min-naħa tagħhom jistgħu jkunu kollettivi (pubbliċi, privati, imħalltin) u individwali (kollaboratriċi familjari, persuna li tieħu ħsieb it-tfal fl-assenza temporanja tal-ġenituri, professjonisti li jieħdu ħsieb l-anzjani, eċċ.),

O. billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt notevoli fuq il-ħajja personali u dik professjonali tal-persuni; billi l-iskarsezza tas-servizzi, il-livelli insuffiċjenti ta’ ħlas, id-dħul bil-mod fis-suq tax-xogħol professjonali, is-serje twila ta’ kuntratti bi skadenza fissa, l-inċentivi insuffiċjenti għal koppji żgħażagħ, huma xi wħud mir-raġunijiet li jwasslu liż-żgħażagħ sabiex jipposponu l-ħolqien ta' familja u l-prokreazzjoni; billi r-riġidità tal-organizzazzjoni tax-xogħol, id-diffikultà ta’ dħul mill-ġdid ta’ xi ħadd fis-suq tax-xogħol wara li jkun qatta’ perjodu jagħmel xogħol ta’ kura, irendu diffiċli l-għażla libera ta’ konċiljazzjoni bħal dik tal-alternanza bejn ix-xogħol professjonali u x-xogħol familjari,

P. billi d-diversi forom li tista' tieħu s-solidarjetà fil-familja, li l-ispejjeż tagħhom ma jistgħux jiġu kalkolati u li huma relatati mar-responsabilitajiet familjari, u l-ostakoli ta’ kull xorta li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom f’dan il-qasam, partikolarment l-obbligu li wieħed jagħżel bejn żewġ fergħat ta' alternattiva waħda li mhumiex rikonoxxuti bħala ekwivalenti fuq il-pjan ekonomiku, ifixklu l-implimentazzjoni ta' politika reali, li għandha titfassal bejn il-persuni li joffru servizzi ta' għajnuna professjonali, ixekklu l-implimentazzjoni ta' politika reali, li għandha tibni relazzjonijiet bejn persuni li jagħtu kura professjonalment, persuni li jagħmlu xogħol volontarju u familji,

Q. billi n-nuqqas ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, prima facie u b'mod ġenerali, tikkonċerna mhux biss in-nisa/l-ommijiet iżda wkoll l-irġiel/il-missirijiet; billi l-azzjoni politika f'dan il-qasam m'għandhiex tiffoka aktar fuq in-nisa biss, u billi l-politiki Ewropej u nazzjonali minn issa 'l quddiem għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-abilitajiet tal-irġiel/missirijiet f'dan il-qasam,

R.  billi jeħtieġ li ssir riflessjoni dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni b’rabta max-xogħol ta’ kura, f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatt li dak li jkun jibbenefika mil-lif tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja, sabiex ikun verifikat jekk dawn id-diskriminazzjonijiet humiex forom ta’ diskriminazzjoni marbutin mas-sess; billi jeħtieġ li jkun definit, f’livell Ewropew, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni multipla,

S.  billi l-kunċett ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet mhuwiex biss limitat għall-kura tat-tfal iżda huwa wkoll estiż għar-responsabilità għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, billi jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kapaċitajiet umani taċ-ċittadini kif ukoll għar-rispett tad-dinjità umana u għall-promozzjoni ta' din id-dinjità ma' ġenerazzjonijiet futuri

T.  billi teżisti ġenerazzjoni magħmula minn nisa ta’ età medja fil-popolazzjoni Ewropea, li spiss jikkombinaw l-irwol ta' omm mal-istejtus ta' bint li tieħu ħsieb persuni anzjani u dipendenti, u mal-irwol ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol professjonali,

U. billi x-xogħol tal-ekonomisti u tal-operaturi demografiċi juża mudelli ekonomiċi u matematiċi biex jenfasizza l-valur ekonomiku tal-produzzjoni domestika li jagħtu prevalentement in-nisa, partikolarment f'termini ta' xogħol tad-dar, l-edukazzjoni ta' wliedhom, il-kura ta' persuni dipendenti tkun xi tkun l-età tagħhom jew ikun xi jkun l-istat ta' dipendenza tagħhom, jew inkella li jkunu attivi f'netwerks ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet,

V. billi l-kontribut li jagħtu n-nisa lill-GDP (Prodott Domestiku Gross) ikun saħansitra ogħla li kieku kellu jiġi kkalkulat ix-xogħol li jagħmlu mingħajr ħlas, abbażi ta’ riċerki li ilhom li saru mill-ekonomisti u mill-operaturi demografiċi,

W. billi x-xjenza ekonomika attwalment dejjem qed tagħti aktar importanza lill-ħolqien ta' patrimonju nazzjonali bis-saħħa tal-ekonomija domestika,

X. billi persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn fid-djar tagħhom jibqgħu jiġu diskriminati minħabba li ma jkunux ikkalkulati s-snin tax-xogħol li jkunu għamlu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pensjonijiet u benefiċċji oħrajn,

Y. billi l-faqar m’għandux ikun fattur ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u anke l-ifqar familji jżommu rabtiet u huma attivi fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet,

Z.  billi d-diskriminazzjoni multipla kontra n-nisa/l-ommijiet u l-irġiel/il-missirijiet fir-rikonoxximent uffiċjali tax-xogħol informali tagħhom hija marbuta ma' numru ta' fatturi legali, soċjali u ekonomiċi, li jmorru lilhinn mill-prinċipju sempliċi ta' "paga ndaqs għall-istess xogħol" u hija kkawżata b'mod partikolari mill-fatt li n-nisa/l-ommijiet u l-irġiel/il-missirijiet huma obbligati jagħżlu xogħol formali sempliċement minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximent tax-xogħol tad-dar, anki jekk ix-xogħol formali hu espost għad-distakk bejn is-salarji u jfixkel l-ekwilibriju bejn ir-realizzazzjoni tal-proġett tal-familja u l-ambizzjonijiet professjonali,

AA.     billi jeħtieġ li tiġi trasmessa immaġni realistika tal-anzjani bħala membri attivi tas-soċjetà sabiex jingħelbu sterjotipi negattivi,

AB.     billi n-nisa jirrappreżentaw maġġoranza kbira tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u d-distakk fis-salarji abbażi tas-sess matul il-ħajja attiva tagħhom huwa rifless fil-konsegwenzi negattivi b’rabta mal-pensjonijiet tagħhom,

Rikonoxximent tax-xogħol imwettaq barra s-suq tax-xogħol formalizzat

AC.     billi l-persuni li jiddedikaw il-ħin u l-kapaċitajiet tagħhom biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-edukazzjoni tagħhom, jew biex jieħdu ħsieb l-anzjani, għandu jkollhom rikonoxximent soċjali u dan jista' jsir billi dawn il-persuni jingħataw drittijiet individwali, partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet,

AD.    billi l-irwol edukattiv tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal u tal-ulied fir-rigward tal-anzjani u tal-persuni dipendenti u l-irwol tan-nisa u tal-irġiel bħala persuni li joffru kura lill-anzjani u lill-persuni dipendenti huma essenzjali biex iseħħ progress għall-ġid komuni u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-politiki trasversali, inklużi politiki għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu għażla libera illi jiddedikaw ħinhom kollu jew parti minnu għal din l-attività;

Rwol partikolari għal persuni li jirtiraw kmieni

AE.     billi hemm nuqqas ta' rikonoxximent tal-ħiliet professjonali ta' persuni ta' ħamsin sena u fuqhom, kif tixhed b'mod partikolari r-rata ogħla ta' qgħad fost din il-parti tal-popolazzjoni,

AF.     billi f’ħafna Stati Membri kienu implimentati politiki ta’ rtirar kmieni li wasslu għall-ħolqien ta’ kategorija ta’ “persuni li jirtiraw kmieni” li, minkejja l-pożizzjoni tagħhom fil-marġini tas-suq tax-xogħol formali, spiss ħafna jippossjedu l-għerf, il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għall-progress tas-soċjetà u dawn, għalhekk, għandhom ikunu involuti kemm jista’ jkun permezz ta' politiki speċifiċi mmirati lejn dan il-grupp,

AG.     ifakkar li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandha qabel kollox isservi ta’ għaqda soċjali għall-ġid ta’ kulħadd, u dan għaliex il-ġenerazzjonijiet kollha għandhom xi ħaġa jew oħra x’joffru lil xulxin,

AH.     billi l-maternità u l-użu tal-lif min-naħa tal-persuni li jaħdmu sfortunatament għadhom sors rikorrenti u mxerred ta' diskriminazzjonijiet inaċċettabbli,

AI. billi, minn Ottubru 2003, il-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar is-suġġett ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali, konsultazzjoni li waslet fit-tieni fażi u li hija bbażata fuq l-importanza li jinstabu l-politiki u l-istrumenti li jippermettu li jinstab kompromess bejn xogħol ta’ kwalità u r-responsabilitajiet ta’ nisa u rġiel li jwettqu xogħol ta’ kura,

AJ. billi kważi dejjem il-politiki u l-istrumenti ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali – kemm f’termini ta’ xogħol fuq bażi ‘part-time’ kif ukoll f’termini ta’ lif jew servizzi – jiġu perċepiti bħala mmirati b’mod esklussiv lejn in-nisa pjuttost milli lejn id-distribuzzjoni ekwilibrata tar-responsabilitajiet,

AK.    wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-lif tal-maternità u tal-protezzjoni tal-maternità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol awtonomu,

AL.     billi, filwaqt li jqis iż-żieda fit-tul tal-ħajja u sabiex jippermetti li l-persuni li jirtiraw kmieni li jekk iridu ma jitilfux l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u l-indipendenza ekonomika fil-konfront tal-familja tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu politiki li jippermettu lill-persuni li jirtiraw kmieni, iżommu x-xogħol tagħhom jew jirritornaw fis-suq tax-xogħol, speċjalment permezz ta’ miżuri li jikkombinaw ix-xogħol u l-irtirar,

Responsabilità partikolari fir-rigward tal-irġiel/missirijiet

AM.    billi l-irġiel għandhom irwol importanti sabiex tkun tista’ tinkiseb ugwaljanza ġenwina,

AN.    billi jikkonsidra l-importanza li trid tingħata lill-irwol tal-missier biex tingħata immaġni pożittiva tal-mara/l-omm,

AO.    waqt li jħaddan il-konklużjonijiet tal-ewwel konferenza Ewropea għall-missirijiet, organizzata mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill fi Vjenna, fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2004,

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-għażla libera li twassal għal bilanċ bejn proġett ta' familja u ambizzjonijiet professjonali

AP.     wara li kkunsidra l-prinċipji ta’ flessigurtà li japplikaw għan-nisa, hekk kif definiti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Novembru 2007, u billi l-arranġamenti għall-ħinijiet tax-xogħol fil-parti l-kbira tal-Ewropa ma jidhrux li jipprovdu wisq appoġġ għall-persuni bit-tfal, u billi l-impjegati bit-tfal għandhom anqas possibilità li jaħdmu f'xogħol b'arranġamenti flessibbli ta' ħinijiet minn dawk mingħajr tfal[10],

AQ.    billi l-ekwilibriju ġust bejn pjanijiet familjari, ħajja privata u ambizzjonijiet professjonali jista' jintlaħaq biss jekk il-persuni kkonċernati jkollhom għażla ġenwinament ħielsa, f'termini ekonomiċi u soċjali, u jkunu appoġġjati permezz ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, mingħajr ma jiġu penalizzati, u jekk tkun teżisti l-infrastruttura meħtieġa;

AR.     billi jeżisti riskju ta' xogħol 'part-time' "sfurzat", b'mod partikulari għan-nisa/ommijiet, għażla li ta' spiss tkun imposta minħabba n-nuqqas ta' strutturi aċċessibbli għall-kura tat-tfal, hekk kif jeżisti r-riskju li ma jitħallewx jibdlu xogħol fuq bażi ‘full-time’ għal wieħed fuq bażi ‘part-time’, fatt li jrendi diffiċli jew impossibbli l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali,

Sabiex il-ħolqien tal-ġid nazzjonali inviżibbli jsir viżibbli

1.  Jistieden l-istituti ta' statistika tal-Istati Membri sabiex jevalwaw il-possibilità li jintegraw fi ħdan is-Sistema ta' Kontabilità Nazzjonali, il-valur, elaborat skont is-sessi, tax-xogħol inviżibbli fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u l-kontribut tiegħu għall-GDP nazzjonali;

2.  Jevalwa b’mod pożittiv il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 u l-konklużjonijiet tagħha mmirati lejn it-titjib tal-kwalità ta' ħajja għal kulħadd, fi ħdan kuntest iktar favorevoli għar-realizzazzjoni libera tal-proġetti familjari, filwaqt li jenfasizza l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fl-ambitu tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona;

3.  Jikkunsidra bħala fundamentali l-kontribut tal-familji lejn is-soċjetà u, bħala konsegwenza, il-ħtieġa tal-appoġġ tagħhom, filwaqt li jkun evitat li l-piż tal-isfidi u tal-bidliet li qegħdin iseħħu jaqa’ fuq il-familja, b’konsegwenza li tali piż jagħmel mill-familja l-element soċjali prinċipali disponibbli biex jittaffa l-impatt tal-qgħad, tal-mard, tad-diżabilità, u lok ta’ vjolenza;

4.  Jenfasizza li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet adegwati, fuq perjodu medju ta’ żmien u għall-futur imbiegħed, sabiex ikun evitat li ż-żgħażagħ u n-nisa jkollhom jaffrontaw sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ pensjonijiet, sitwazzjoni li jkollha l-konsegwenza ta' riskju akbar ta’ faqar;

5.  Josserva li, fil-pajjiżi varji tal-Unjoni, l-għadd ta’ familji qiegħed jiżdied b’mod progressiv filwaqt li qiegħed jonqos l-għadd ta’ membri familjari (familji b’ġenitur wieħed), li dejjem aktar tfal qed jgħixu f’familji rikomposti, li qegħdin jiżdiedu l-adozzjonijiet ta’ tfal mhux Ewropej u li l-immigrazzjoni ġġib magħha kulturi familjari ġodda u differenti;

6.  Jitlob li jsiru studji bir-reqqa tas-sejbiet li jissuġġerixxu li jsir bdil minn kuntratt ta’ xogħol għal wieħed ta' attività, b'tali mod li jiġu kkunsidrati l-mobilità, l-alternazzjoni, iċ-ċikli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ kontinwità bejn ix-xogħol professjonali, awtonomu u subordinat, it-taħriġ, u x-xogħol ta’ kura;

7.  Jitlob lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet ta’ riċerka sabiex jinvestu iktar u b’mod aħjar fl-aspetti ta’ titjib ekoloġiku tal-prodotti mmirati lejn it-tfal u lejn persuni mhux awtosuffiċjenti u, b’mod komplessiv, lejn l-użu domestiku;

8.  Jitlob sabiex jinstabu mezzi li jimpedixxu li jkun hemm effetti negattivi fuq l-impjieg tan-nisa fis-suq tax-xogħol professjonali kkawżati minn interventi ta’ appoġġ, valorizzazzjoni u evalwazzjoni tax-xogħol ta’ kura, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi li diġà jippreżentaw rata għolja ta’ xogħol informali, ta’ ekonomija illegali u ta’ xogħol illegali; għaldaqstant, jitlob li jkun evalwat l-impatt, fuq is-soċjetà u fuq l-impjieg tan-nisa, tal-miżuri ta’ rikonoxximent tax-xogħol ta’ kura, anke fil-forom ta’ kalkolu figurattiv għall-fini tal-pensjonijiet;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Eurostat sabiex jevalwa l-possibilità li jiżviluppa miżuri li jkunu kapaċi jeżaltaw il-valur tax-xogħol inviżibbli fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-kontribut tiegħu għall-GDP tal-Unjoni, u biex jikkollabora mill-qrib għal dan il-għan mal-Bank Dinji, mal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq inizzjattivi konkreti biex tirrikonoxxi l-kompetenzi akkwiżiti fit-twettiq tad-dmirijiet edukattivi, tas-servizzi mogħtija lill-persuni dipendenti u tal-ġestjoni tad-dar b'mod li l-kompetenzi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati meta ssir integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; ifakkar kif l-evalwazzjoni tal-kompetenzi trasversali tagħmel parti fundamentali mill-hekk imsejjaħ ‘bilanċ tal-kompetenzi’, skont l-aħjar tradizzjonijiet tal-isperimentazzjonijiet nazzjonali li saru fuq sistemi ta’ tlaqqigħ tat-talba u tal-provvista ta’ xogħol;

11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kampanja għall-fini ta’ qawmien ta' kuxjenza u sabiex tintroduċi proġetti pilota biex tkun faċilitata l-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f’dik familjari;

12.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ħinijiet flessibbli tax-xogħol għall-ġenituri (bħala riżultat ta’ għażla libera) u ħinijiet flessibbli għal istituzzjonijiet ta’ kura għat-tfal, sabiex tingħata għajnuna kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel biex isibu kompromess b’iktar suċċess bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari;

13. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jimmiraw lejn ir-rikonoxximent tax-xogħol informali inviżibbli fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, imwettaq min-nisa/ommijiet u mill-irġiel/missirijiet u mill-persuni li joffru kura fil-livell ta' leġiżlazzjoni, soċjali u ekonomiku (partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali, tas-sitwazzjoni professjonali, tal-qligħ u tal-opportunitajiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa);

14. Jistieden lill-esperti fix-xjenzi soċjali, ix-xjenza ekonomika u l-liġi, flimkien ma' dawk fil-filosofija, l-antropoloġija, in-newroxjenza, ix-xjenza tal-iżvilupp tat-tfal u l-ġerjatrija u l-ġerontoloġija, biex ifasslu definizzjoni aktar ċara tat-termini differenti biex ikunu jinftehmu aħjar u biex tonqos il-possibilità ta' użu abbużiv; jitlob għal investigazzjoni komprensiva pan-Ewropea tan-natura, tal-livell u tal-mekkaniżmi interni tal-involviment f'xogħol informali mingħajr ħlas, li għadu mhux rikonoxxut uffiċjalment, tan-netwerks bejn il-ġenerazzjonijiet u tal-forniment ta' finanzi għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jużaw ir-riżultati biex ifasslu politiki aħjar f’dan ir-rigward;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi fl-Istati Membri, u dan bl-iskop ta' skambju ta' prattika tajba, il-mudell ta’ "chèque emploi service universel"(universal service employment cheque) maħsub biex jiffaċilita s-servizzi ta’ għajnuna lill-persuni, u dan huwa fil-fatt wieħed mill-aħjar eżempji ta’ prattika tajba li għandha tinxtered u tkun imħeġġa fl-Istati Membri kollha;

16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-prattiki tajbin tal-Istati Membri b’rabta ma’ persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn u sabiex tikkomunika dawn l-aħjar prattiki lill-Istati Membri kollha, sabiex turi li l-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn għandhom irwol ċentrali fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u sabiex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ strateġija fl-Istati Membri għall-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn;

17. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-potenzjal qawwi tal-persuni li joħorġu kmieni bil-pensjoni, kemm mil-lenti soċjali kif ukoll minn dik ekonomika, u jħeġġiġhom biex jiffavorixxu l-politiki kollha relatati mas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għall-volontarjat, bl-integrazzjoni tal-persuni li joħorġu kmieni bil-pensjoni fi strutturi assoċjattivi jew f' NGOs;

Il-promozzjoni ta' bilanċ bejn il-proġetti familjari u l-ambizzjonijiet professjonali

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu l-programmi operattivi li nediet il-Kummissjoni f'isem l-Alleanza Ewropea għall-Familji; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-iżvilupp ta' għodda għall-iskambju sistematiku tal-aħjar prattika u tar-riċerka f'dan il-qasam;

19. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ommijiet u l-missirijiet li jaħdmu jkun jista’ jkollhom l-appoġġ tal-politiki ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali u jkun jista’ jkollhom aċċess għall-istrumenti relatati;

20. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw politiki li jippromwovu attivitajiet li jinvolvu ħafna ġenerazzjonijiet, bħal ċentri li jservu ta’ “pont bejn il-ġenerazzjonijiet” fejn l-anzjani jitħallsu sabiex jieħdu ħsieb it-tfal;

21. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità lis-sistemi ta' lif (lif tal-ġenituri, lif tal-adozzjoni, lif ta' solidarjetà) applikabbli għall-persuni li jixtiequ jinterrompu l-attività professjonali tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb persuna dipendenti;

22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-politika nazzjonali tagħhom, jipprevedu li jistabbilixxu lif ta’ maternità ta’ sena, li jippermetti lil dawk fost l-ommijiet li jkunu jixtiequ jagħtu importanza lir-rabta fondamentali tagħhom ma’ wliedhom;

23. Iqis li jeħtieġ li jsir intervent sabiex jittejjeb l-użu mhux biss tal-lif tal-maternità iżda wkoll tal-lif tal-paternità u tal-lif tal-ġenituri, b’referenza għal-lif li jibbenefikaw minnu missirijiet li jaħdmu, billi fl-Istati Membri kollha persentaġġ żgħir ta’ rġiel jużaw il-lif mogħti lilhom;

24. Jinsisti fuq il-fatt li persuni li jixtiequ jinterrompu jew inaqqsu l-attività professjonali formali biex jinvestu fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħinijiet tax-xogħol flessibbli; jitlob għalhekk lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jikkoperaw aktar volontarjament, u lill-entitatjiet eżekuttivi pubbliċi għal flessibilità finanzjarja akbar fil-previżjonijiet baġitarji tagħhom ta' għajnuna Statali;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, biex tibda tirrevedi l-politiki ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali billi:

- tiżgura li l-ispejjeż tal-maternità ma jkunux biss ir-responsabilità tal-kumpanija iżda wkoll tal-awtoritajiet, u dan biex tispiċċa l-imġiba diskriminatorja fi ħdan il-kumpaniji, u biex tappoġġja t-tiġdid demografiku,

- ittejjeb l-aċċessibilità għas-servizzi li jieħdu ħsieb u jipprovdu għajnuna lil persuni li ma jkunux awtosuffiċjenti (tfal, persuni b’diżabilità u anzjani) u l-flessibilità ta’ dawn is-servizzi billi tistabbilixxi numru minimu ta’ strutturi li jkunu miftuħin bil-lejl ukoll, biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tax-xogħol filwaqt li titħares il-ħajja privata;

26. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jkun dedikat artikolu ad hoc għall-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, familjari u personali fid-Direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u jindika l-ħtieġa li tali artikolu jiġi kkunsidrat meta jiġu regolati l-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u x-xogħol ta’ għassa;

27. Jitlob lill-Istati Membri biex jaraw li dawk il-persuni li jkunu ssospendew temporanjament l-attività professjonali tagħhom biex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal jew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani jew dipendenti, ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jibqgħu jgawdu d-dritt li jerġgħu jieħdu posthom fejn kienu qabel kif ukoll id-dritt ta' promozzjoni professjonali;

28. Jenfasizza li d-dħul finanzjarju tan-nisa jibqa’ l-fattur ewlieni li jwassal għall-awtonomija ekonomika tagħhom u għal iktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà kollha kemm hi;

29. Jinsisti fuq il-fatt li s-solidarjetà fil-konfront tal-anzjani fis-soċjetà trid tissaħħaħ, iżda trid tkun ukoll reċiprokata fil-konfront tat-tfal u ż-żgħażagħ; filwaqt li l-anzjani jittrasmettu l-għerf, il-kapaċitajiet u l-esperjenzi tagħhom, il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, min-naħa tagħhom, jittrasmettu l-enerġija, id-dinamiżmu, l-entużjażmu tagħhom lejn il-ħajja u t-tamiet tagħhom,

30. Jikkunsidra li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandha tiġi promossa permezz ta’ politiki fiskali prudenti (fil-forma ta’ trasferimenti u tnaqqis), interventi għal persuni ta’ età attiva, politiki ta’ taħriġ, netwerks integrati ta’ servizzi għat-tfal, il-persuni anzjani, il-persuni b'diżabilità u mhux awtosuffiċjenti, filwaqt li jkun evalwat l-impatt tagħha fuq l-appoġġ u fuq il-penalizzazzjoni tal-għażliet u fuq il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali;

31. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li hemm bżonn li jiġu adottati miżuri pożittivi favur l-irġiel u n-nisa, speċjalment li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fix-xogħol wara żmien li jkunu ddedikaw għall-familja (edukazzjoni tat-tfal u/jew biex jieħdu ħsieb qarib marid jew b’diżabilità), billi jiffavorixxu politiki ta’ integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol biex jippermettulhom li jiksbu mill-ġdid l-indipendenza ekonomika tagħhom;

32. Jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri għadhom jikkonċedu lil ħafna nisa drittijiet derivati biss ibbażati fuq ir-rekord tal-impjieg tal-irġiel tagħhom, bil-konsegwenza li l-maġġoranza tan-nies iktar imdaħħlin fl-età li jgħixu fil-faqar huma nisa;

33. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-fatturi strutturali li jikkontribwixxu għall-inugwaljanza b’rabta mal-iskemi tal-pensjonijiet, inkluża l-organizzazzjoni tal-kura u l-ilħuq ta' kompromess bejn il-ħajja familjari u dik tax-xogħol, l-inugwaljanzi b’rabta mas-suq tax-xogħol, id-distakk fis-salarji abbażi tas-sess u d-diskriminazzjoni diretta fejn jidħlu skemi tal-pensjonijiet tat-tieni u tat-tielet tip;

34. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu politika fiskali li tikkunsidra l-obbligi finanzjarji tal-immaniġġjar ta' dar, u partikolarment l-ispejjeż biex jiġu indukrati t-tfal u biex persuni jieħdu ħsieb l-anzjani u l-persuni dipendenti permezz ta' sistema fiskali jew ta' eżenzjonijiet fiskali;

35. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrivedu s-sistemi tagħhom tat-taxxa u sabiex jistabbilixxu rati tat-taxxa bbażati fuq drittijiet individwali u, konsegwentement, jitlob l-individwalizzazzjoni kemm tad-drittijiet tal-pensjonijiet kif ukoll tad-drittijiet tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

36. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sabiex jieħdu miżuri speċifiċi favur in-nisa biex jinstab rimedju għal każi evidenti ta’ inugwaljanza de facto tan-nisa fil-konfront tal-irġiel; iżid jgħid li miżuri ta’ dan it-tip, li għandhom japplikaw sakemm jibqgħu jeżistu tali sitwazzjonijiet, għandhom ikunu raġonevoli u, f’kull każ, għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv li qiegħed jiġi segwit;

37. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jiżviluppaw programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ li jinkorporaw id-dimensjoni interġenerazzjonali, sabiex il-ġenerazzjoni l-iktar żagħżugħa tifhem li l-livelli attwali ta’ prosperità u ta’ benesseri huma dovuti għall-isforzi u għat-tbatija tal-ġenerazzjonijiet preċedenti;

38. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-awtoritajiet pubbliċi kollha sabiex jikkunsidraw b’mod attiv il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel meta jkunu qegħdin jadottaw u jimplimentaw dispożizzjonijiet ġuridiċi, ikunu qegħdin ifasslu politiki pubbliċi u jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod ġenerali;

39. Jitlob lill-midja sabiex tagħti attenzjoni pożittiva u konsistenti lir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, permezz ta’ rappurtar ta’ kwistjonijiet interġenerazzjonali, diskussjonijiet fost gruppi ta’ etajiet differenti u, b’mod iktar ġenerali, riflessjoni pożittiva fir-rigward tal-kontribut mogħti minn ġenerazzjonijiet iktar imdaħħlin fl-età lis-soċjetà;

40. Jinsisti dwar il-fatt li l-prinċipju ta’ trattament u opportunitajiet ugwali jrid jiġi kkunsidrat fil-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali kollha, billi dan il-fattur jgħin kemm sabiex tkun evitata segregazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll sabiex ikunu eliminati distakki fis-salarji, u wkoll sabiex tingħata spinta ’l quddiem lit-tkabbir tal-intraprenditorija tan-nisa u sabiex jissaħħaħ il-valur tax-xogħol li jagħmlu n-nisa, inkluż ix-xogħol tad-dar;

41. Iqis li, fid-dawl tal-bidliet li seħħew fil-mudell familjari u tal-integrazzjoni gradwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol, huwa essenzjali li ssir riforma fl-arranġamenti tradizzjonali ta’ kura għal persuni dipendenti; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwessgħu u jikkumpletaw l-azzjonijiet ta' protezzjoni mmexxija mis-servizzi soċjali tagħhom sabiex jiżguraw li d-dritt għall-promozzjoni u għall-awtonomija personali jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod ugwali u li fil-fatt tingħata kura lill-persuni dipendenti;

0

0   0

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, kif ukoll lil parlamenti u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri, lill-ILO, lill-OECD u lill-UNDP.

NOTA SPJEGATTIVA

(1) Il-kunċett tax-"xogħol" mhuwiex definit b'mod adegwat fl-Istrateġija ta' Liżbona u jimmira esklużivament għax-xogħol formali b'remunerazzjoni. Għaldaqstant, parti sostanzjali tal-ħolqien tal-valuri soċjali u ekonomiċi fl-Istati Membri mhijiex rikonoxxuta.

L-interpretazzjonijiet varji tal-kunċett tax-"xogħol" għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet ġodda tal-politika Ewropea tal-impjiegi. Jekk attività tiġix ikkunsidrata bħala "xogħol formali b'remunerazzjoni" jiddependi mill-kundizzjonijiet soċjali li fihom tiġi eżerċitata l-attività, .

Ir-rapport ta' inizzjattiva tal-Parlament Ewropew għandu bħala għan ir-rikonoxximent ġust soċjali u ekonomiku tal-attivitajiet imwettqa kemm mill-irġiel u min-nisa, u li mhumiex rikonoxxuti bħala "xogħol formali b'remunerazzjoni".

Ir-rapporteur qed tinsisti favur ir-rikonoxximent mhux biss tal-forom tradizzjonali ta' xogħol b'remunerazzjoni, iżda wkoll it-tipi varji ta' xogħol mingħajr remunerazzjoni li jwettqu n-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-ħidma volontarja, ix-xogħol fid-dar u mal-familja, u għall-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-kontijiet nazzjonali tal-Istati Membri (SNA).

(2) Ir-rikonoxximent ta' xogħol informali mhux remunerat hija kwisjoni ta' ġustizzja

"Min ikabbar il-ħnieżer huwa membru produttiv tas-soċjetà, min ikabbar il-bnedmin, huwa membru tas-soċjetà mhux produttiv". ("Wer Schweine erzieht, ist ein produktives, wer Menschen erzieht, ein unproduktives Mitglied der Gesellschaft"), L-ekonomista Ġermaniż Friedrich List għamel din ir-rimarka 150 sena ilu. Fil-bidu tas-seklu 21, kull attività mhux remunerata mwettqa min-nisa jew mill-irġiel, bħall-edukazzjoni tal-ulied, il-fatt li jieħdu ħsieb l-anzjani li jgħixu d-dar, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u x-xogħol volontarju, għandha mhijiex meqjusa bħala attività ekonomika.

Min-naħa l-oħra mbagħad, jiġu diskriminati dawk in-nisa u l-irġiel li jagħżlu liberament l-iżvilupp personali tagħhom billi jinvestu fit-taħriġ tal-kapaċitajiet umani tal-ġenerazzjonijiet tal-futur, fl-akkoljenza ta’ persuni dipendenti (indipendentement mill-età jew mill-istat ta’ dipendenza tagħhom) jew inkella fl-organizzazzjoni ta’ netwerks ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet[1]. Dan l-impenn ma jidħol fl-ebda statistika tal-kontijiet ekonomiċi nazzjonali minkejja l-fatt li mhuwiex insinifikanti. L-esperti tal-istatistika jibqgħu jinjorawh fid-deskrizzjoni tal-element tax-xogħol. Mingħajr ma jitqies fi statistika, ix-xogħol informali mwettaq min-nisa mhuwiex rikonoxxut, anki jekk l-osservaturi kollha jaqblu bejniethom li jikkonfermaw l-eżistenza ġenwina tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Ir-rapport dinji dwar l-iżvilupp uman tas-sena 1995, iddedikat għall-istudju tar-"Rivoluzzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi"[2] jiftaħ fuq ir-rapport uffiċjali li ġej: "It-twettiq tax-xogħol li jagħmlu n-nisa lil hinn mis-suq f’valur monetarju jirrappreżenta l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ ġustizzja (...). Jekk wieħed iqis, l-ewwel u qabel kollox, l-attivitajiet umani bħala tranżazzjonijiet li jiddeterminaw is-suq, stmati skont is-salarji attwali, wieħed jasal għal stimi monetarji ġganteski.[3]

(3) L-approċċ tax-xjenza ekonomika tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Gary Becker

Il-prodott li joħroġ mill-immaniġġjar tad-dar huwa parti importanti mir-riżultati ekonomiċi tal-pajjiżi kollha. Madankollu, meta jiġu kkalkolati l-ġid u s-servizzi li jifformaw il-GDP, ix-xogħol tad-dar ma jiġix rikonoxxut. Dan iwassal għal sottovalutazzjoni tan-nisa peress li n-nisa huma responsabbli għal parti kbira mill-produzzjoni fl-immaniġġjar tad-dar. Il-familji u n-nuklei familjari l-oħra qishom kumpaniji żgħar li anki fil-pajjżi l-aktar avvanzati jipproduċu ġid u servizzi prezzjużi. Huma jkabbru t-tfal, jippreparaw l-ikel u jipprovdu l-wens. Jieħdu ħsieb il-membri tal-familja li jkunu morda; jikkuraw lill-anzjani u jgħinu lill-persuni ta' età avvanzata, u jwettqu ħafna xogħol ieħor utli. In-nisa jissagrifikaw aktar minn 70% tal-ħin kollu tagħhom għal dawn l-attivitajiet - saħansitra fil-pajjiżi egalitarji bħall-Iżvezja. ... Numru ta' femministi huma konvinti li jekk ix-xogħol domestiku jiġi kkunsidrat għall-GDP, il-"kuxjenza" tan-nisa tikber, partikolarment fil-pajjiżi anqas żviluppati. ... ... sadattant, femministi oħra mhumiex favorevoli għal-kalkolu espliċitu tal-produzzjoni tan-nisa tad-dar għaliex dan ifixkel l-għan tagħhom li n-nisa jħallu d-dar u joħorġu jaħdmu. ... Wasal iż-żmien li jiġi rikonoxxut li x-xogħol domestiku jagħmel parti mill-ġid u mis-servizzi li jiffurmaw il-GDP. Il-ġurnata twila tax-xogħol fid-dar twassal għall-konklużjoni li l-produzzjoni li ssir fid-djar tirrappreżenta perċentwali kunsiderevoli tal-produzzjoni totali ta' pajjiż. Wara kollox dan ix-xogħol jiġi espress fil-kalkolu tal-GDP meta familja ddaħħal lil persuna biex tieħu ħsieb it-tfal, biex tieħu ħsieb id-dar u ssajjar. Dan mhuwiex il-każ meta wieħed mill-ġenituri jagħmel dan ix-xogħol. Jeżistu diversi modi kif ix-xogħol tad-dar jista' jiġi kkwantifikat u mkejjel. ... Il-valur tax-xogħol domestiku jista' jiġi vvalutat ukoll permezz tal-ispejjeż li jsiru meta wieħed jirrikorri għall-għajnuna minn barra d-dar biex tissostitwixxi l-ħidma li jwettqu l-ġenituri. ... Il-kunsiderazzjoni tax-xogħol domestiku fil-kalkolu tal-GDP iżżid l-istima li għandhom tagħhom stess in-nisa u l-irġiel li jibqgħu id-dar biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-anzjani u biex iwettqu x-xogħol tad-dar. Hija tippermetti wkoll li tingħata stampa aktar preċiża tal-GDP u tat-tkabbir ekonomiku, u tista' twassal ukoll għal interpretazzjoni aktar differenzjata tal-politika pubblika, li għandha impatt fuq l-allokazzjoni bejn ix-xogħol tad-dar u x-xogħol formali b'remunerazzjoni[4].

(4) Il-modernizzazzjoni tal-istatistika u l-adattament tal-GDP: adattament tal-kunċett tax-xogħol għall-ġejjieni u r-rikonoxximent tax-xogħol informali mingħajr remunerazzjoni li jwettqu n-nisa u l-irġiel favur is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

Fil-kuntest tal-GDP huwa meħtieġ li ssir definizzjoni ġdida tax-xogħol, sabiex minn issa ’l quddiem jiġi kkunsidrat ukoll ix-xogħol informali mhux remunerat. Il-validità tal-istatistiċi tista’ tissaħħaħ billi wieħed jifhem aħjar l-attivitajiet tan-nisa u tal-imġiba tagħhom fis-suq tax-xogħol. Paragun preċiż kemm jista' jkun, billi wieħed jibda mill-kwistjonijiet politikament newtrali dwar l-attitudnijiet rigward ix-xogħol tan-nisa u dak tal-irġiel, jitfa' dawl fuq il-punti b'saħħithom u fuq dawk debboli tal-istatistiċi u jagħti indikazzjonijiet fuq l-elementi li hemm bżonn li jitjiebu u kif dan jista' jseħħ.

Inizzjattiva bħal din tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġunijiet oħra. Minn naħa, l-utenti tal-istatistiċi, bħalma huma l-analisti tas-suq u l-awtorijtajiet politiċi responsabbli, ikollhom informazzjoni ħafna iżjed kompleta, fatt li huwa importanti minħabba li l-irġiel ta' spiss ikollhom xogħlijiet differenti ħafna minn dawk tan-nisa, bil-konsegwenza li l-varjazzjonijiet fis-suq tax-xogħol ma jolqtuhomx bl-istess mod. Min-naħa l-oħra, l-utenti jkollhom il-possibilità li jifhmu u janalizzaw il-pożizzjoni partikolari tan-nisa li jaħdmu, kif ukoll ir-restrizzjonijiet marbuta mas-sitwazzjoni tagħhom b'kuntrast ma' dik tal-irġiel. Dan iwassal għal argumenti iżjed sodi favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt, sistematikament hemm distorsjoni fil-kontribut tan-nisa li huwa wkoll sottovalutat, fatt li jwassal sabiex tingħata stampa żbaljata tal-ekonomija ta' pajjiż u tar-riżorsi umani tiegħu, u għalhekk iċ-ċirku vizzjuż tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkompli, filwaqt li jsir agħar permezz ta' politiki u programmi mhux adegwati. Għalhekk huwa importanti ħafna li wieħed jiddetermina liema elementi għandhom jikkaratterizzaw l-istatistiċi tax-xogħol sabiex wieħed ikun konxju mill-affarijiet komuni u mid-differenzi li jeżistu bejn is-sitwazzjoni tal-irġiel u dik tan-nisa fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li n-nisa tingħatalhom l-opportunità li jkollhom għażla ġenwinament ħielsa minn kull diskriminazzjoni, skont l-etajiet u ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u biex tingħatalhom il-possibilità tal-aħjar żvilupp għalihom, li jkun ta' benefiċċju għall-benesseri tas-soċjetà fil-livelli kollha.

(5) Il-promozzjoni tal-ġustizzja fir-rendiment u l-libertà tal-għażla

Id-diskriminazzjoni multipla fit-twettiq ta' xogħol informali mingħajr remunerazzjoni ġejja mill-kontradizzjoni bejn il-loġika tas-suq u l-loġika tan-natura umana. Skont il-loġika ekonomika tas-suq, kull ċittadin li jkun laħaq l-età ta' prokreazzjoni għandu jiġi integrat fis-suq tax-xogħol. Il-loġika tan-natura umana tgħallimna, madankollu, li tarbija tat-twelid għandha sempliċiment bżonn ommha u missierha biex tiżviluppa l-kapaċitajiet umani tagħha[5]. Il-politiki Ewropej għadhom ma adattawx ruħhom għal kollox għal dawn l-eżiġenzi prattiċi umani. Għalhekk il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja tibqa' ma sseħx, u ż-żewġ dinjiet u ż-żewġ mudelli tal-ħin marbuta magħhom ma jitqisux flimkien u globalment. In-nisa u l-irġiel ingħataw il-possibilità li jsegwu attività professjonali formalizzata, mingħajr ma ġew adattati b'mod korrispondneti s-sistemi ta' funzjonament tal-intrapriżi.

Madankollu, l-alternattivi differenti li madwarhom hija msejsa l-għażla bejn ix-xogħol formali u dak informali mhux remunerat ma jipproduċux l-istess effetti fil-konsegwenzi tagħhom. Hekk kif in-nisa jkunu jridu jagħżlu bejn xogħol formali, magħruf aħjar bħala "karriera professjonali", u xogħol informali mingħajr remunerazzjoni, magħruf aħjar bħala "promozzjoni tal-kapaċitajiet umani u tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet", id-diskriminazzjoni multipla iżda sottili tikkonsisti fl-obbligu tal-għażla bejn żewġ alternattivi li ma jitqisux bħala ekwivalenti fuq il-livell ekonomiku[6].

Konsegwentement, is-soċjetà għandha tiġi mħeġġa biex tiggarantixxi li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jagħżlu bejn iż-żewġ possibilitajiet, li kull waħda minnhom għandha r-raison d'être tagħha f’viżjoni li tisfida l-limiti tas-suq. Din l-isfida tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li tiġi affrontata l-loġika ekonomika komda ta' suq ħieles minn kwalunkwe kostrizzjoni u minfloku jiġu promossi l-ġid komuni u l-ġejjieni tas-soċjetà indirizzata lejn l-iżvilupp tal-persuna umana. Il-SNA u l-GDP tal-Istati Membri ma fihom l-ebda indiċi li jkejjel il-kuntentizza u l-benesseri tal-persuni fir-relazzjonijiet soċjali differenti tagħhom. Iż-żieda tad-dħul nazzjonali mhux neċessarjament twassal għaż-żieda fil-ġid kollettiv. Mhux b’kumbinazzjoni għalhekk li l-komunitajiet xjentifiċi fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u ekonomiċi reċentement bdew jaħdmu fuq indiċi li tabilħaqq jirrefletti l-benesseri tal-persuni skont il-pajjiż[7].

.

  • [1]  ARN, Christoph, Hausarbeitsethik: Strukturelle Probleme und Handlungsmöglichkeiten rund um die Haus- und Familienarbeit in sozialethischer Perspektive, Verlag Ruegger, Chur/Zürich, 2000; KREBS, Angelika, Arbeit und Liebe. Die philosophischen Grundlagen sozialer Gerechtigkeit, Frankfurt/Main: Suhrkamp, 2002;
  • [2]  http://hdr.undp.org/en/reports/global/hdr1995/chapters/french/ ; b'mod partikolari l-Kapitlu 4
  • [3]  http://hdr.undp.org/en/media/hdr_1995_fr_ensemble.pdf , p. 6
  • [4]  Becker, Gary : Hausarbeit - Das fehlende Stück am ökonomischen Kuchen (veröffentlicht am16.10.1995), in : Die Ökonomik des Alltags. Tübingen: Mohr Siebeck, 1998. (Original: The economics of life. From baseball to affirmative action to immigration law, how real-world issues affect our everyday life, New York :McGraw-Hill, 1997; Einheitssacht. : The economics of life.
  • [5]  Qed issir referenza għax-xogħol ta' Donald W. Winnicott. Ara DAVIS, Madeleine and WALLBRIDGE, David: Boundary and Space. An introduction to the work of D.W. Winnicott, Brunner/Mazel (New York) and H. Karnac (London), 1981; Traduzzjoni bil-Franċiż: Winnicott, Introduction à son oeuvre, Paris: PUF, 1992; Eine zeitgenössische Betrachtung: LIMINSKI, Jürgen und LIMINSKI Martine, Abenteuer Familie: Erfolgreich erziehen: Liebe und was sonst noch nötig ist, Augsburg: Sankt Ulrich, 2002; LIMINSKI, Jürgen, Die verratene Familie. Politik ohne Zukunft, Augsburg: Sankt Ulrich, 2007;
  • [6]  NUSSBAUM, Martha, Women and Human development, The capabilities approach, Cambridge University Press, 2000; traduzzjoni bil-Franċiż: Femmes et développement humain: L'approche des capabilités, Paris: Des femmes - Antoinette Fouque, 2008.
  • [7] Ara x-xogħlijiet reċenti tal-esperti tal-istatistika tal-organizzazzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u tal-Bank Dinji. Fl-internet teżisti websajt li hija magħmula b'mod li tinftiehem sew u li tispjega l-prinċipju tal-istatistika:   http://swz.salary.com/momsalarywizard/htmls/mswl_momcenter.html

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Claire Gibault, Lissy Gröner, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Anne Van Lancker, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Andrés Naranjo Escobar