Rapport - A6-0493/2008Rapport
A6-0493/2008

RAPPORT dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità, f'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

10.12.2008 - (COM(2008)0833 – C6‑0466/2008 – 2008/2321(ACI))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Reimer Böge

Proċedura : 2008/2321(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0493/2008
Testi mressqa :
A6-0493/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità, f'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2008)0833 – C6‑0466/2008 – 2008/2321(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0833 – C6‑0466/2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] (IIA), u b'mod partikulari l-punt 27 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tat-trijalogu tal-4 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6‑0493/2008),

A. billi l-Parlament Ewropew jappoġġja bil-qawwa l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinħoloq faċilità ġdida għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (il-"Faċilità tal-Ikel"), li ġiet approvata wkoll mill-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008,

B.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, qablu fuq l-ammont totali ta' EUR 1 biljun mifrux fuq tliet snin għall-finanzjament tal-"Faċilità tal-Ikel",

C. billi l-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni kienet taħseb għall-finanzjament tal-"Faċilità tal-Ikel" mill-marġni tal-intestatura 2 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF), imma din l-istrateġija ġiet miċħuda kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill,

D. billi l-Parlament Ewropew qies li l-aktar soluzzjoni xierqa kellha tkun ir-reviżjoni tal-limitu massimu tal-intestatura 4 tal-MFF, iżda l-Kunsill ċaħad din l-għażla,

E.  billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fl-aħħar qablu li jiffinanzjaw il-"Faċilità tal-Ikel" bl-aħjar mod bil-kombinazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità, ir-Riserva tal-Għajnuna għall-Emerġenza u l-allokazzjoni mill-ġdid fl-intestatura 4 mill-Istrument għall-Istabilità,

F.  billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li l-Istrument tal-Flessibilità għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-"Faċilità tal-Ikel" permezz tal-mobilizzazzjoni tal-ammont ta' EUR 420 miljun għall-baġit tal-2009, mis-EUR 730 miljun disponibbli skont dan l-istrument,

G. billi din hija t-tieni sena wara l-oħra li dan l-istrument intuża fit-tliet snin tal-eżistenza legali tat-IIA,

H. billi dan juri kemm kienet fondata tajjeb l-insistenza tal-Parlament Ewropew għal tip ta' strument bħat-IIA b'karatteristiċi bħal dawn, l-aktar il-possibilità li l-fondi mhux utilizzati jkunu jistgħu jiġu "trasferiti", minkejja r-reżistenza ta' ħafna Stati Membri,

I.   billi dan juri wkoll, kif turi l-ħtieġa rikorrenti li jiġu utilizzati mekkaniżmi eċċezzjonali oħrajn biex jilqgħu għal sitwazzjonijiet imprevisti urġenti, li hemm problema persistenti li l-fondi disponibbli fil-limiti ta' ċerti intestaturi fl-MFF mhumiex suffiċjenti, l-aktar fl-intestatura 4,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima milħuqa waqt il-konċiljazzjoni dwar l-użu tal-Istrument tal-Flessibilità favur il-"Faċilità tal-Ikel" għal ammont totali ta' EUR 420 miljun għall-baġit tal-2009;

2.   Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Itenni, madankollu, li hu mħasseb dwar il-fatt li l-intestatura 4 ilha taħt pressjoni permanenti minħabba l-marġni limitat disponibbli, li jwassal għall-mobilizzazzjoni ripetuta tal-mekkaniżmi tal-flessibilità taħt din l-intestatura sabiex ikun hemm rispons għal sitwazzjonijiet imprevisti urġenti; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa li jiżdiedu l-ammonti disponibbli taħt din l-intestatura sabiex ikun jista' jseħħ l-iżvilupp bla diffikultà ta' attivitajiet programmabbli fit-tul f'dan il-qasam u b'hekk tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni li tagħti s-sehem sħiħ tagħha bħala protagonista globali fix-xena internazzjonali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.06.2006, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Diċembru 2008

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità f'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-ħames paragrafu tal-punt 27 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li jimmobilizzaw l-Istrument tal-Flessibilità sabiex jikkomplementaw il-finanzjament tal-baġit 2009, lil hinn mil-limiti massimi tal-intestatura 4, ta' EUR 420 miljun għall-finanzjament tal-faċilità għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, l-Istrument tal-Flessibilità għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 420 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji.

Dan l-ammont għandu jintuża sabiex jikkomplementa l-finanzjament tal-faċilità għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-intestatura 4.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, ... Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.06.2006, p. 1.

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Richard James Ashworth, Reimer Böge, Janusz Lewandowski, Mario Mauro, Margaritis Schinas, László Surján, Glenn Bedingfield, Costas Botopoulos, Brigitte Douay, Göran Färm, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Ralf Walter, Anne E. Jensen, Kyösti Virrankoski, Helga Trüpel, Wiesław Stefan Kuc, Paul Rübig, Peter Šťastný

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali