RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar standards għal aspetti ta' sigurta u bijometrika f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri
12.12.2008 - (COM(2007)0619 – C6‑0359/2007 – 2007/0216(COD)) - ***I
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar standards għal aspetti ta' sigurta u bijometrika f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri
(COM(2007)0619 – C6‑0359/2007 – 2007/0216(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0619),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 62(2)(a) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0359/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6‑0500/2008),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Japprova l-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża magħha;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
EMENDI TAL-PARLAMENT[1]*
għall-proposta tal-Kummissjoni għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ║,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[2],
Billi:
(1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika kkonferma li jinħtieġ approċċ koerenti fl-UE rigward l-identifikaturi bijometriċi jew id-data bijometrika għad-dokumenti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-passaporti taċ-ċittadini tal-UE u għas-sistemi ta’ informazzjoni (il-VIS u s-SIS II).
(2) F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri[3] bħala pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda, li jagħmlu d-dokumenti tal-ivvjaġġar iktar sikuri u li jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport bħala kontribuzzjoni importanti biex jiġi żgurat li huwa protett kontra użu falz.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 jipprovdi għal obbligu ġenerali li jingħataw il-marki tas-swaba’ li jiddaħħlu f’ċippa tat-tip ta’ bla kuntatt fil-passaport. Madankollu, l-esperjenza mit-testijiet uriet li hemm bżonn ta’ eċċezzjonijiet. Matul proġetti pilota ta’ xi Stati Membri deher li l-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin ma kinux ta' kwalità suffiċjenti għal verifika personali tal-identità. Barra minn hekk, huma suġġett għal tibdil importanti li jagħmilha diffiċli li jiġu verifikati matul il-perjodu kollu ta’ validità tal-passaport.
(4) L-armonizzazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għar-rekwiżit tal-marki tas-swaba’ hija essenzjali sabiex jinżammu standards komuni ta’ sigurtà u biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli fil-fruntieri. Kemm minħabba raġunijiet legali u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà m'għandux jitħalla f’idejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet mill-obbligu li jkunu pprovduti l-marki tas-swaba’ għall-passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.
(4a) Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 jirrikjedi li d-data bijometrika tinġabar u tinħażen fil-mezz ta' ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Dan huwa mingħajr ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta' din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-Regolament ma jipprovdix bażi legali biex ikunu stabbiliti bażijiet tad-data jew biex dawn jibqgħu jinżammu għall-ħżin ta' din id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi strettament kwistjoni tal-liġi nazzjonali.
(5) Barra minn hekk, bħala miżura supplimentari ta’ sigurtà u sabiex ikun provdut ħarsien addizzjonali għat-tfal, għandu jiġi introdott il-prinċipju ta’ “persuna waħda - passaport wieħed”. Huwa wkoll rakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u dan jiżgura li l-passaport u l-karatteristiċi bijometriċi huma marbuta biss mad-detentur tal-passaport. Huwa iktar sikur jekk kull persuna jkollha l-passaport tagħha.
(5a) Filwaqt li jitqies li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li joħorġu passaporti individwali lil minorenni u li jista' jkun hemm differenzi sinifikanti bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri rigward it-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa għal miżuri sabiex jiġi żgurat li jkun hemm strateġija komuni rigward ir-regoli għall-ħarsien tat-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.
(6) Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta l-miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hemm bżonn sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(7) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta miegħu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. ▌Billi dan ir-Regolament ▌fuq l-acquis ta' Schengen skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jekk timplimentahx fil-liġi nazzjonali tagħha.
(8) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen[4]; Għalhekk ir-Renju Unit mhux qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u la hu marbut bih u lanqas soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.
(9) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen[5]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(10) Għal dak li għandu x'jaqsam mal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[6], li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[7].
(11) Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE[8] u 2008/149/JHA[9].
(11a) Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[10], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[11].
(12) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 għandu jiġi emendat f'dan is-sens,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
▌Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 huwa emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 1(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:
"1. Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.
Dawn għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar ir-rekwiżiti għat-tfal li jkunu qegħdin jivvjaġġaw weħidhom jew li jkunu akkumpanjati, u li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri sa mhux aktar tard minn ...[12]* u tipproponi, fejn jinħtieġ, inizjattivi xierqa sabiex tiġi żgurata strateġija komuni rigward ir-regoli fuq il-ħarsien tat-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri."
(1a) L-Artikolu 1(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:
"2. Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih xbieha tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba' meħuda ċatti f'format interoperabbli. Id-dejta għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-dejta."
(2) Fl-Artikolu 1, għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a ▌:
"2a. Dawn il-persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’:
(a) Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena.
Il-limitu tal-età ta’ 12-il sena huwa wieħed proviżorju. Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 5a għandu jkun fih evalwazzjoni tal-limitu tal-età, u jekk ikun meħtieġ, għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex ikun emendat il-limitu tal-età.
Mingħajr ħsara għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a, l-Istati Membri li fil-liġi nazzjonali tagħhom, adottata qabel ...[13]*, jipprovdu għal limitu tal-età ta' anqas minn tnax-il sena jistgħu japplikaw dak il-limitu waqt perjodu ta' tranżizzjoni sa erba' snin wara ... **. Madankollu, il-limitu tal-età fil-perjodu tranżitorju ma jistax ikun ta' anqas minn 6 snin;
(b) persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’."
(2a) Fl-Artikolu 1, għandu jiddaħħal il-paragrafu 2b:
"2b. Fejn it-teħid tal-marki tas-swaba' indikati ma jkunx jista' jsir għal xi żmien, l-Istati Membri għandhom jippermettu li jittieħdu l-marki tas-swaba' l-oħra. Fejn għal xi żmien ma jkunux jistgħu jittieħdu wkoll il-marki tas-swaba' l-oħra kollha, jistgħu joħorġu passaport temporanju li jkollu perjodu ta' validità ta' 12-il xahar jew anqas."
(2b) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a:
"Artikolu 1a
1. L-identifikaturi bijometriċi għandhom jittieħdu minn persunal ikkwalifikat u awtorizzat kif jixraq tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħruġ tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
2. L-Istati Membri għandhom jiġbru l-identifikaturi bijometriċi mingħand l-applikant filwaqt li josservaw id-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri xierqa li jiggarantixxu d-dinjità tal-persuna kkonċernata jkunu disponibbli fil-każ li jkun hemm xi diffikultà fir-reġistrazzjoni."
(2c) L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:
"L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali f'konformità mal-istandards internazzjonali, fosthom b'mod partikulari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, għall-passaporti u għad-dokumenti tal-ivvjġġar, relatati ma' dan li ġej, għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2):
(a) karatteristiċi u ħtiġiet addizzjonali ta' sigurtà inklużi standards imsaħħa ta' protezzjoni kontra l-ikkupjar, il-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni;
(b) speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta' ħażna tal-karatteristiċi bijometriċi u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat;
(c) rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba'."
(2d) L-Artikolu 4(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:
"3. Id-dejta bijometrika għandha tinġabar u tinħażen fil-mezz ta' ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jintużaw biss biex ikunu vverifikati:
(a) l-awtentiċità tad-dokument;
(b) l-identità tad-detentur permezz ta' karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-passaport jew dokumenti tal-ivvjaġġar oħra huma meħtieġa li jintwerew bil-liġi.
L-iċċekkjar tal-karatteristiċi ta' sigurtà addizzjonali għandu jsir bla ħsara għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen). In-nuqqas ta' taqbil fih innifsu m'għandux jeffettwa l-validità tal-passaport għall-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni."
(2e) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a:
"Artikolu 5a
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn ...[14]* tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun ibbażat fuq studju fuq skala kbira u fil-fond li jkun sar minn awtorità indipendenti u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, li jeżamina l-affidabilità u l-fattibilità teknika, inkluż permezz ta' evalwazzjoni tal-preċiżjoni tas-sistemi użati, tal-użu tal-marki tas-swaba' tat-tfal taħt l-14-il sena għall-iskopijiet ta' identifikazzjoni u verifika, fosthom it-tqabbil tar-rati ta' rifjut falz f'kull Stat Membru u - ibbażata fuq ir-riżultati ta' dak l-istudju - analiżi tal-ħtieġa ta' regoli komuni rigward il-proċess tat-tqabbil. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu miegħu proposti biex dan ir-Regolament jiġi adattat."
(2f) Fl-Artikolu 6, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:
"L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament:
(a) fir-rigward tax-xbieha tal-wiċċ: sa mhux aktar tard minn 18 xahar
(b) fir-rigward tal-marki tas-swaba': sa mhux aktar tard minn 36 xahar
wara l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, il-validità tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkunu diġà nħarġu m'għandhiex tiġi effettwata.
Fir-rigward tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1), għandha tkun implimentata sa mhux aktar tard minn ...*. Madankollu, il-validità inizjali għad-detentur m'għandhiex tkunu affettwata."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha b'mod konformi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill dwar il-ħtieġa li tiżdied is-sigurtà tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar billi jintużaw dokumenti ta' identità sikuri.
Bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenfasizzaw li l-għan li titjieb is-sigurtà tal-passaporti jista' jiddgħajjef jekk il-passaporti jinħarġu fuq il-bażi ta' "dokumenti ta' identità" li ma jkunux affidabbli.
Il-passaport fih innifsu huwa ħolqa waħda biss minn katina ta' sigurtà li tibda mill-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' identità, tgħaddi mir-reġistrazzjoni tad-data bijometrika u tispiċċa bit-tqabbil fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntieri. Din il-katina ma tkunx aktar sikura mill-iktar ħolqa dgħajfa tagħha.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw li hemm diversità kbira ta' sitwazzjonijiet u proċeduri fl-Istati Membri rigward liema "dokumenti ta' identità" għandhom ikunu ppreżentati sabiex jintalab il-ħruġ ta' passaport u li normalment dawn id-dokumenti jkollhom anqas karatteristiċi ta' sigurtà mill-passaport stess, u aktar jistgħu jiġu kontrafatti u falsifikati.
Il-Kunsill għandu għalhekk iħejji kwestjonarju għall-Istati Membri sabiex ikun jista' jqabbel il-proċeduri u liema dokumenti huma meħtieġa f'kull Stat Membru biex jinħareġ passaport jew dokument tal-ivvjaġġar. Din l-analiżi għandha tevalwa l-ħtieġa possibbli għall-ħolqien ta' prinċipji jew linji ta' gwida komuni dwar l-aħjar prattika f'dan il-qasam.
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward l-istudju msemmi fl-Artikolu 5a
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw li l-Kummissjoni se twettaq studju wieħed waħdu għall-finijiet tal-Artikolu 5a ta' dan ir-Regolament u tal-Artikolu 2 ta' [l-abbozz ta'] ir-Regolament li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni.
- [1] * Emendi politiċi: test ġdid jew ta' sostituzzjoni huwa mmarkat b'tipa qawwija u korsiva u t-tħassir huwa indikat bis-simbolu . Korrezzjonijiet tekniċi u adattamenti magħmula mis-servizzi: test ġdid jew ta' sostituzzjoni huwa mmarkat b'tipa korsiva u t-tħassir huwa indikat bis-simbolu ║.
- [2] ĠU C , , p. .
- [3] ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.
- [4] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
- [5] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
- [6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
- [7] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
- [8] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
- [9] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.
- [10] Dokument tal-Kunsill 1646/06 li jinsab fuq http://register.consilium.europa.eu
- [11] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.
- [12] * Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
- [13] ** Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
- [14] * Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond
Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri fit-13 ta’ Diċembru 2004.
Dak iż-żmien, il-Parlament kien ippreżenta l-opinjoni tiegħu[1] (li kienet tinkludi diversi emendi, li ħafna minnhom ma ġewx inkorporati) ta’ appoġġ għall-idea ta’ l-armonizzazzjoni ta’ dawn l-istandards ta’ sigurtà u li fl-istess ħin jiġu introdotti elementi ta’ identifikazzjoni bijometrika (l-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba). Din l-armonizzazzjoni ġiet imfassla biex tagħmilha possibbli li l-passaporti jkunu aktar sikuri u tistabbilixxi rabta aktar affidabbli bejn id-dokument u d-detentur, u b’hekk tagħmilha possibbli li tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tad-dokumenti u trendi aktar effettiva l-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u l-immigrazzjoni klandestina.
Madankollu, il-Parlament kien ukoll wissa li l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda kien għadu ma ġiex ippruvat jew ittestjat, u argumenta li qabel il-ħruġ ta’ passaporti bijometriċi, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jikkorrispondu kellhom ikunu operattivi u li l-Istati Membri kellhom jissodisfaw diversi rekwiżiti relatati mal-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini.
Ir-rapporteur tagħkom jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kumitat tal-Artiklu 29 irrikonoxxa li, b'mod ġenerali, l-implimentazzjoni tar-Regolament tirrispetta r-regoli relevanti b'mod sħiħ u hi konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni sussegwentement.
Madankollu, il-proġetti pilota mwettqa minn uħud mill-Istati Membri wrew li l-marki tas-swaba’ ta’ tfal taħt l-età ta’ sitt snin ma’ kinux tajbin biżżejjed għall-identifikazzjoni wieħed b’wieħed ta’ l-identità.
Għaldaqsant il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta proposta ġdida sabiex temenda r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 u tintroduċi:
- żewġ derogi mill-obbligu tal-provvista tal-marki tas-swaba’, biex jiġu eżentati t-tfal ta’ inqas minn sitt snin kif ukoll dawk il-persuni li għal diversi raġunijiet ma jistgħux fiżikament jittieħdulhom il-marki ta’ swaba’;
- il-prinċipju ta’ ‘persuna waħda – passaport wieħed’
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur hu tal-fehma li b’mod ġenerali, il-miżuri proposti mill-Kummissjoni huma pożittivi u meħtieġa iżda jixtieq jieħu din l-opportunità biex jintroduċi xi titjib.
1. L-użu tal-passaporti tat-tfal bħala mezz biex jiġu miġġielda l-ħtif u t-traffikar tat-tfal
Ir-rapporteur iqis li r-Regolament fih nuqqas għax ma jagħmel ebda referenza għall-każ speċifiku tat-tfal, u m’hemm ebda limitu ta’ l-età għall-kisba tal-marki tas-swaba’ tat-tfal. L-istess ħaġa tapplika fil-każ ta’ persuni li ma jistgħux fiżikament jipprovdu marki tas-swaba’ u li jeħtieġu trattament speċjali fil-forma ta' proċeduri alternattivi.
Ir-Regolament iħalli fid-diskrezzjoni tal-leġiżlaturi d-deċiżjoni dwar id-definizzjoni ta’ eżenzjonijiet possibbli mill-obbligu li jiġu pprovduti marki tas-swaba’ għall-passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.
L-armonizzazzjoni f’dan il-qasam hija vitali, u minħabba li fil-pajjiż tar-rapporteur (il-Portugall) it-tfal kollha li jibdew l-iskola primarja mill-età ta’ sitt snin irid ikollhom karta tal-identità li tinkludi l-marki tas-swaba, ir-rapporteur ma jsib ebda diffikultà kbira biex jaċċetta dan il-limitu ta’ l-età bi prinċipju.
Jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li l-ħruġ ta’ passaporti għat-tfal mhuwiex obbligatorju bl-istess mod bħall-ħruġ tal-karti ta’ identità. Il-passaport bħala dokument ta’ l-ivvjaġġar hu meħtieġ biss meta n-nies ikollhom ħsieb li jivvjaġġaw barra mit-territorju taz-zona Schengen. Konsegwentement, ma jidhirx li joħloq ġiż eċċessiv fuq il-ġenituri, li ċertament jixtiequ li jkun hemm l-aħkar mekkaniżmi xierqa possibbli għall-ħarsien tat-tfal tagħhom.
Il-pożizzjoni tal-Parlament kienet li jaċċetta l-età minima ta’ 12-il sena għat-tfal biex jipprovdu l-marki tas-swaba, għal skopijiet ta’ identifikazzjoni (maħżuna f'bażi tad-data Ewropea), filwaqt li din l-età minima tkun suġġetta għal klawżola ta’ reviżjoni wara tliet snin.
Is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) semma’ fl-opinjoni tiegħu li jekk dawn id-data bijometriċi jintużaw biss għal skopijiet ta’ verifika, (one-to-one comparison), is-sogru li jsir żball hu ħafna iżgħar, u l-limitu ta’ l-età jista’ jkun aktar baxx.
Għaldaqstant ir-rapporteur iqis li l-età minima ta’ sitt snin għal skopijiet esklussivi ta’ verifika hi aċċettabbli u ppropona diversi emendi bl-għan li dan l-objettiv jintlaħaq b’mod inekwivoku. Hu qed jipproponi wkoll miżuri partikulari bħall-introduzzjoni ta’ “field” speċifika fil-passaport bl-isem jew ismijiet tal-persuna/i li jkollhom ir-responsibilità tal- ġenituri għat-tifel jew tifla.
Minħabba li s’issa ma nkisbitx biżżejjed esperjenza fl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda, ir-rapporteur iqis li hu importanti li jkun hemm data speċifika u affidabbli biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet tajba. Għaldaqstant qed jipproponi l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ reviżjoni wara tliet snin sabiex b'hekk ikunu ħarġu r-riżultati ta’ l-istudju profond u fuq skala kbira (li kien diġà mitlub fir-Rapport dwar il-Bijometrika fl-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni[2] u ssuġġerit mill-Kumitat ta’ l-Artikolu 29 u mis-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data) sabiex ikun determinat jekk il-marki tas-swaba’ tat-tfal u ta’ l-anzjani humiex affidabbli u siewja. Minħabba li fil-preżent għandna biss ir-riżultati ta’ ċerti proġetti pilota mwettqa f’uħud mill-Istati Membri (li jikkonfermaw li hu possibbli li jintużaw il-marki tas-swaba’ tat-tfal mill-età ta’ sitt snin għal skopijiet ta’ verifika), nistgħu nieħdu biss deċiżjoni proviżorja sakemm dan l-istudju indipendenti jkun komplut u jiipprovdilna d-data meħtieġa sabiex id-deċiżjoni tittieħed fuq bażi aktar soda.
2. L-introduzzjoni tal-prinċipju ‘Persuna waħda – passaport wieħed’
Ir-rapporteur jappoġġa din il-proposta mill-Kummissjoni bl-għan li timplimenta r-rakkomandazzjoni magħmula mill-ICAO (International Civil Aviation Organisation), li diġà hija implimentata fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, u li tagħmel possibbli li jintemmu s-sitwazzjoni fejn jinħareġ passaport li jkun jinkludi lit-tfal tad-detentur, u li jindika isimhom iżda li jkun fih data bijometrika tal-ġenitur u d-detentur tal-passaport biss. Dawn is-sitazzjonijiet jiffaċilitaw it-traffikar tat-tfal, għax ikun diffiċli li jsiru verifiki affidabbli fuq l-identità tat-tfal. Kull persuna għandu jkollha l-passaport tagħha li tinkludi d-data bijometrika tagħhom.
Skond studju riċenti minn Childfocus, l-akbar sogru ta’ traffikar u htif jeżisti meta t-tfal jivvjaġġaw weħidhom. Skond ir-regoli tal-IATA, it-tfal huma permessi jivvjaġġaw weħidhom minn meta jkollhom sitt snin. Il-fatt li t-tfal ta’ din l-età jkollhom i-ddokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom bid-data bijometrika li tikkorrispondi bla dubju jipprovdi aktar ħarsien fil-ġlieda kontra t-tfaffikar tat-tfal (kif jirrikonoxxi s-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-opinjoni tiegħu).
Ir-rapporteur ma jixtieqx ipoġġi f’dubju l-leġiżlazzjoni attwali, b’mod partikulari l-Kodiċi tal-Fruntieri mfassal biex jipproteġi lill-minorenni, kemm jekk jivvjaġġaw akkumpanjati jew le, u jsostni li l-minorenni għandhom ikunu suġġetti għall-istess verifiki bħall-adulti meta jaqsmu fruntieri esterni. Għaldaqstant, jekk wieħed mill-kontrolli li jsir fuq l-adult huwa bbażat fuq il-passaport tagħhom, dan għandu japplika wkoll għat-tfal, li għandhom ukoll ikollhom il-passaport tagħhom. Fil-każ ta’ minorenni li ma jkunux akkumpanjati, minħabba li l-għassiesa tal-fruntieri jridu jiċċekkjaw li l-persuni li jakkumpanjaw lill-minorenni jkollhom responsabilità ta’ ġenituri lejhom, ikun ta’ għajnuna kbir għall-ħidma ta’ l-għassa tal-fruntieri jekk il-minorenni jkollhom passaport bid-data personali tagħhom u b’indikazzjoni ta’ l-isem tal-persuna jew persuni, normalment il-ġenituri, li jkollhom ir-responsabilità ta’ ġenituri għalihom.
3. Il-ħtieġa ta’ livell għoli ta’ fiduċja fil-proċess tal-ġbir tad-data bijometrika
Biex il-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ikunu sikuri, jeħtieġ ikun hemm livell għoli ta’ fiduċja fil-proċess tal-ġbir tad-data bijometrika li tkun se tiddaħħal fid-dokumenti, u jkun mixtieq li jkun hemm standards minimi komuni għall-ġbir ta’ din id-data sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-affidabilità tagħha.
L-ipproċessar tad-data bijometrika jinvolvi sogri ġenwini għan-nies li tkun qed tinġabar id-data tagħhom, għax f’każ ta’ ġbir inkorrett, id-data tista’ tintilef jew tintuża għal skopijiet differenti minn dawk li tkun ingabret ghalihom.
Għaldaqstant, l-emendi li ġew proposti għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri għall-ġbir tad-data u l-ħolqien ta’ proċeduri ta’ kontinġenza fejn ikun hemm diffikultà biex jinġabru l-marki tas-swaba.
4. Il-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data
B’risposta għall-ittra mibgħuta mis-Sur Cavada lill-Kumitat ta’ l-Artikolu 29 dwar l-azzjoni li ttieħdet għall-implimentazzjoni tar-Regolament f’kull wieħed mill-Istati Membri, irċevejna ittra fl-10 ta’ Diċembru 2007 li ssemmi li (għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjoni li kif għamel il-Parlament f’dak iż-żmien) l-awtorijiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data mhex dejjem kienu involuti fil-proċess ta’ implimentazzjoni.
Ir-rapporteur jesprimi wkoll appoġġ lejn is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wettqitx l-obbligu legali li tikkonsulta miegħu skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) 45/2001 meta fasslet il-proposta leġiżlattiva.
Għaldaqstant ir-rapportuer qed jippreżenta numru ta’ proposti bl-għan li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data f’dan il-proċess.
5. Il-possibilità li tiġi introdotta sistema Ewropea għall-proċess tat-tqabbil tal-marki tas-swaba
Il-mod ta’ kif jitqabblu l-marki tas-swaba’ (‘on-site matching’ – l-identifikaturi bijometriċi tad-detentur tal-passaport jiġu ċċekkjati billi jitqabblu mad-data maħżuna fiċ-ċipp tal-passaport fuq il-post) hu differenti bejn Stat Membru u ieħor, u dan jista’ jagħti lok għal żbalji fil-verifika ta’ l-identità. Hu importanti li jiġu analizzati d-difetti possibbli tas-sistemi ta’ identifikazzjoni u r-rati ta’ żbalji rreġistrati fid-diversi Stati Membri biex ikun evalwat jekk hemmx differenzi sinjifikanti bejn l-Istati Membri u tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tiġi introdotta sistema Ewropea tat-tqabbil. Tkun xi tkun is-sistema użata, jeħtieġ li tkun sikura u li jkollha rata baxxa ħafna ta’ identifikazzjoni falza, minħabba li dan it-tip ta' sitwazzjonijiet jista' jkollhom konsegwenzi serji fuq id-detenturi leġittimi tad-dokumenti.
Għaldaqstant hi proposta l-introduzzjoni ta' klawżola ta' reviżjoni wara tliet snin, sabiex ikunu nistgħu nistennew ir-riżultati ta' studju li jqabbel ir-rati tal-iżbalji f'kull Stat Membru sabiex tiġi analizzata l-ħtieġa għal regoli komuni dwar dan il-proċess ta’ tqabbil.
6. Il-possibilità li jinħolqu regoli komuni dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati għall-passaporti li jkunu se jinħarġu – id-dokumenti magħrufa bħala 'breeder documents'
Jeżistu wkoll differenzi kbar fost l-Istati Membri rigward id-dokumenti li jeħtieġ jiġu ppreżentati (bħal ċertifikati tat-twelid, liċenzji tas-sewqan, karti bir-rekords personali, awtorizzazzjoni tal-ġenituri, eċċ) u l-mod li fih jinħarġu dawn id-dokumenti. Minħabba li bħala regola, il-livell ta’ sigurtà użat għal dan it-tip ta' dokumenti huwa aktar baxx minn dak li jintuża għall-ħruġ tal-passaporti b’data bijometrika protetti b’sistemi aktar rigorużi (sistemi PKI), jeżisti sogru li jkunu jistgħu jiġu falsifikati b’aktar faċilità.
Għaldaqstant hu propost li fil-kuntest tar-rapport li se jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fi żmien tliet snin, issir ukoll analiżi tal-ħtieġa għal regoli komuni u, jekk din il-ħtieġa tkun teżisti, li jiġu ppreżentati l-proposti leġiżlattivi meħtieġa lill-Parlament.
Finalment, ta’ min insemmu li s-sigurtà tal-passaporti ma tiddependix biss mill-passaport. Is-sekwenza kollha hi importanti, mill-preżentazzjoni tad-dokumenti meħtieġa għall-kisba ta’ passaport, il-ġbir tad-data bijometrika sal-verifika u l-‘matching’ fil-punti ta’ kontroll fil-fruntieri. Ma jkunx siewi li wieħed iżid il-livell ta’ sigurtà fir-rigward tal-passaporti mingħajr ma jiġu indirizzati l-“punti debboli” fl-elementi l-oħra tal-proċess.
PROĊEDURA
Titolu |
Karatteristiċi ta’ sigurtà u l-bijometrika f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar |
|||||||
Referenzi |
COM(2007)0619 – C6-0359/2007 – 2007/0216(COD) |
|||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
18.10.2007 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 25.10.2007 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Carlos Coelho 31.1.2008 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
27.2.2008 |
26.3.2008 |
28.5.2008 |
14.7.2008 |
||||
|
2.12.2008 |
8.12.2008 |
|
|
||||
Data tal-adozzjoni |
8.12.2008 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Maddalena Calia, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Claude Moraes, Rareş-Lucian Niculescu, Inger Segelström |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Simon Busuttil, Elisabetta Gardini, Genowefa Grabowska, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Antonio Masip Hidalgo, Bill Newton Dunn, Eva-Britt Svensson |
|||||||
Data tat-tressiq |
12.12.2008 |
|||||||