Proċedura : 2008/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0505/2008

Testi mressqa :

A6-0505/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2009 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0006

RAPPORT     
PDF 251kWORD 273k
15.12.2008
PE 414.317v02-00 A6-0505/2008

dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel

(2008/2153(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Mairead McGuinness

Rapporteur għal opinjoni(*):

Manolis Mavrommatis, Kumitat għall-Iżvilupp

(*) Kumitat Assoċjat - Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (*)
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 ANNESS

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel

(2008/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf u tal-ikel(1), kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – Proposta għall-Iżvilupp Agrikolu u s-Sigurtà tal-Ikel fl-Afrika(3),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)0450),

-    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel -Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE(COM(2008)0321),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-Ikel 1996 u l-objettiv li sal-2015 jonqos bin-nofs l-għadd ta’ persuni li jbatu l-ġuħ,

–   wara li kkunsidra t-Tbassir Agrikolu 2008-2017 maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD),

-    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Dinji tal-Agrikoltura (Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp - IAASTD),

–   wara li kkunsidra r-riżultat tal-“Verifika tas-Saħħa” tal-Politika Agrikola Komuni,

–   wara li kkunsidra n-negozjati tad-WTO dwar iċ-Ċiklu ta’ Doha dwar l-Iżvilupp,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-effikaċità tal-għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, (A6-0505/2008),

A. billi, għall-ewwel darba mis-snin sebgħin, id-dinja qed tiffaċċja kriżi akuta tal-ikel, ikkawżata kemm minn fatturi strutturali, dawk fit-tul, u kemm minn fatturi determinanti oħra, bil-prezz tal-qamħirrum jitrippla minn dak li kien fl-2006 u l-prezz dinji tal-qamħ jiżdied b’aktar minn 180% fuq medda ta’ sentejn, u żieda globali ġenerali fil-prezzijiet tal-ikel ta’ madwar 83%,

Β.  billi ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet ma kinetx prevista u seħħet fi żmien relattivament qasir bejn Settembru 2006 u Frar 2008; billi, barra minn hekk, il-prezzijiet dinjija ta’ prodotti tal-ikel oħra rduppjaw fl-aħħar sentejn u huma mistennija li jibqgħu għoljin, minkejja l-waqgħa fil-prezzijiet ta’ xi ċereali kif juri s-suq tal-futures,

C. billi ż-żieda fil-prezz tal-għalf tal-annimali huwa ta’ piż fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni, li jista’ jwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ trobbija, li t-talba tagħhom qiegħda u għandha tiżdied, b’mod partikolari fl-ekonomiji emerġenti,

D.  billi l-FAO u l-OECD prevedew li, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti jistagħu jaqgħu mil-livelli ogħla tas-sena li għaddiet, huma mhumiex mistennija li jaqgħu lura għal-livelli ta’ qabel l-2006; billi, madanakollu, iċ-ċaqliq drammatiku tal-prezzijiet tal-kommoditajiet jista’ jkun fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi l-prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jiġu tradotti fi dħul ogħla għall-bdiewa speċjalment minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-irziezet u minħabba ż-żieda fid-diverġenza li qed tiżviluppa bejn il-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur,

E. billi l-istokkijiet dinjija tal-ikel naqsu għal livelli kritiċi baxxi, minn stokk ta’ provvista ta’ ikel għal sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal stokk ta’ 57 ġurnata fl-2007 għal 40 ġurnata biss fl-2008,

F. billi, dawn u fatturi oħra kellhom konsegwenzi immedjati u serji għal għadd sostanzjali ta’ persuni; billi, globalment, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel għaddset miljuni ta’ nies aktar ’l isfel fil-faqar u l-ġuħ, billi dawn l-iżviluppi taw bidu għal irvellijiet u tqanqil mad-dinja kollha, u ddestabbiliżżaw pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja; billi anke fl- UE l-istokkijiet naqsu tant li bħalissa l-programm tal-emerġenza tal-ikel m’għandux aktar ikel xi jqassam,

G. billi, skont l-estimi attwali mill-organizzazzjonijiet li qed jikkumbattu l-ġuħ fid-dinja, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw persuna waħda minn ħamsa bħalissa m’għandhiex ikel biżżejjed u qed tbati l-ġuħ kroniku u kuljum 30,000 tifel u tifla fid-dinja jmutu bil-ġuħ u minħabba l-faqar,

H. billi l-agrikoltura tipprovdi impjieg u għixien għal iktar minn 70% tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal iktar minn 80% f’ħafna pajjiżi Afrikani u b’konsegwenza t’hekk, il-politiki għall-iżvilupp rurali huma essenzjali biex ikunu miġġielda l-faqar u l-ġuħ b’mod effettiv;

I.  billi n-nisa jipproduċu bejn 60% u 80% tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u huma responsabbli għal nofs il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja; billi n-nisa għandhom irwol estremament importanti fil-kura tal-familji tagħhom; u billi n-nisa għandhom ħafna inqas aċċess għall-art u għall-mezzi ta’ produzzjoni milli għandhom l-irġiel u għalhekk għandhom jingħataw għajnuna u appoġġ xieraq,

J.  billi l-kriżi attwali tolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-proporzjon tad-dħul tal-familji li jintefaq fuq l-ikel jirrappreżenta bejn 60 u 80% tad-dħul totali, imqabbel mal-medja tal-UE ta’ anqas minn 20%,

K. billi l-Parlament u l-Kunsill ripetutament talbu li jkun hemm reazzjoni qawwija għall-problema globali, li tipprovdi, b’mod partikolari, il-finanzjament meħtieġ għall-inputs agrikoli u l-għajnuna għall-użi ta’ strumenti ta’ ġestjoni bbażati fuq is-suq,

L.  billi l-UE tibqa’ produttur ewlieni tal-ikel, bi produzzjoni ta’ 17% tal-qamħ dinji, 25% tal-produzzjoni dinjija tal-ħalib, 20% tal-produzzjoni dinjija tal-majjal u 30% mill-produzzjoni dinjija taċ-ċanga; billi l-UE hija wkoll importatur kbir ta’ prodotti tal-agrikoltura, li għandha livell ta’ provvista ħafna aktar baxx mil-limitu ta’ awtosuffiċjenza f’bosta kommoditajiet agrikoli,

M. billi l-UE hija fuq quddiem nett fl-iffissar ta’ standards tal-produzzjoni tal-ikel fl-ogħla livell, u tikkonċentra fuq sistema ta’ traċċabilità mir-razzett sal-furketta u tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel prodott fl-UE,

N. billi l-UE tinsab ukoll fuq quddiem nett fl-inizjattivi għall-ħarsien ambjentali, li jservu biex iħarsu r-riżorsi naturali, iżda li jwasslu wkoll għal piżijiet ta’ spejjeż addizzjonali għall-bdiewa tal-UE,

O. billi l-UE hija d-donatur ewlieni globali fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda fuq livell internazzjonali, il-parti tal-għajnuna ddedikata għall-agrikoltura kompliet tonqos b’mod kostanti mis-snin tmenin, u b’mod partikolari, l-għajnuna li ġejja mill-Unjoni,

P. billi l-UE tradizzjonalment tiffinanzja madwar 10% tal-koperazzjoni dinjija fl-iżvilupp, minbarra l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; billi dan huwa kkonfermat bil-kontribut attwali permezz tal-istrumenti tal-KE (madwar EUR 1.8 biljun: EUR biljun permezz tal-faċilità l-ġdida għar-reazzjoni rapida għall-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumplament permezz tal-istrumenti disponibbli attwalment għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja),

Q. billi, fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 u l-produzzjoni globali tal-ikel se jkollha tkompli tiżdied,

R.  billi, skont il-FAO, hemm bżonn li jiġu investiti EUR 30 biljun kull sena biex tkun assiguratà s-sigurtà tal-ikel għal popolazzjoni li ser tilħaq 9 biljun ruħ fl-2050,

S.  billi l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali attwali wrew li ma kinux biżżejjed biex jinnormalizzaw il-provvista tas-suq u l-kummerċ; billi ż-żieda qawwija riċenti fil-prezzijiet tal-ikel għandha tiftaħ għajnejn il-gvernijiet kollha madwar id-dinja li l-produzzjoni agrikola m’għandhiex titqies bħala fatt ovvju,

1.  Jafferma li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-UE u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u kontinwa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; iqis li huwa importanti li jiġu valorizzati l-agrikolturi kollha u l-kultivazzjonijiet tal-ikel tad-dinja; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, filwaqt li jkun żgurat livell ta' għixien ġust għall-bdiewa;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħala l-mezz li jiżgura l-produzzjoni tal-ikel fl-UE; jemmen li l-PAK ipprovdiet liċ-ċittadini tal-UE bi provvista sigura tal-ikel mit-twaqqif tagħha fl-1962, minbarra l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent rurali u l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE li huma l-ogħla fid-dinja; jenfasizza li l-agrikoltura Komunitarja għandu jibqa’ jkollha dan l-irwol fil-futur;

3. Jinnota, madankollu, li tul l-aħħar 25 sena r-riżultat ta’ ħafna riformi tal-PAK kien tnaqqis fil-produzzjoni agrikola fl-UE, b’bidla fl-enfasi fuq il-kwantità għal dik fuq produzzjoni ta’ kwalità, ggwidata mis-suq; jemmen li din il-bidla fil-politika rriżultat f’telfien ta’ opportunitajiet potenzjali tas-suq għall-produtturi tal-UE u wasslet għal żieda fid-dipendenza fuq l-ikel impurtat minn barra l-UE, prodott bi standards ta' produzzjoni differenti ħafna, u dan poġġa l-prodotti agrikoli fl-UE f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali;

Sitwazzjoni u kawżi

4. Jiġbed l-attenzjoni li, qabel l-aktar ġirja riċenti fil-prezzijiet tal-ikel, 'il fuq minn 860 miljun ruħ madwar id-dinja sofrew ġuħ kontinwu; jinnota li l-Bank Dinji jbassar li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel tista’ titfa’ 100 miljun persuna f'faqar akbar;

5. Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-FAO li l-pajjiżi li huma importaturi netti tal-ikel huma dawk l-aktar milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u li ħafna minn dawn il-pajjiżi huma l-anqas żviluppati fid-dinja; Jerġa jaffirma l-fatt li l-povertà u d-dipendenza fuq ikel impurtat huma kawżi ewlenin għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel; huwa konxju mill-fatt li persentaġġ żgħir tal-produzzjoni globali tal-ikel attwalment hija dejjem iktar kummerċjalizzata fis-swieq internazzjonali minn numru żgħir ta’ pajjiżi esportaturi;

6.  Jinnota li l-ħsad taċ-ċereali bażiċi għall-2007 u l-2008 kien tajjeb; jiġbed l-attenzjoni li l-problema immedjata tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel fl-2007 kienet minħabba l-waqgħa fil-provvista u ż-żieda fil-prezzijiet tal-kommoditajiet bażiċi; jinsab mħasseb ħafna dwar il-livelli baxxi ta’ stokkijiet dinjija tal-ikel, li bħalissa, jipprovdu biss biżżejjed qamħ għad-dinja kollha għal anqas minn 40 ġurnata;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-isforzi biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-popli, b’mod partikolari rigward l-ikel u l-ilma, ħafna drabi jista’ jkun sors ta’ kunflitt; jinnota li t-tkabbir tal-popolazzjoni dinjija, li hija mistennija li tiżdied bi 3 biljuni sal-2050 se tipprovoka tensjonijiet bħal dawn fir-reġjuni kollha tad-dinja; jitlob, għalhekk, li jitqies dan il-fattur ġeostrateġiku fil-formulazzjoni futura tal-politika agrikola;

8.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-prezzijiet tal-inputs tal-irziezet (żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, żrieragħ eċċ.) li rriżultat f’żieda fl-ispejjeż li ma ġietx ikkumpensata bl-istess mod għall-bdiewa kollha (b’mod partikolari fis-settur tat-trobbija) u li naqqret b’mod sinifikanti kwalunkwe żieda potenzjali fid-dħul tal-irziezet li seħħet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-kommoditajiet u tal-ikel, u b’hekk tnaqqas l-istimulu għaż-żieda fil-produzzjoni; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-inputs jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, li jista’ biss jagħmel il-kriżi tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja agħar;

9.  Jinnota li s-swieq tal-kommoditajiet qed juru tnaqqis nett tal-prezzijiet f’dan l-istaġun, u dan inissel tħassib fost il-produtturi u tnaqqis tal-fiduċja fost il-bdiewa;

10. Jenfasizza l-importanza ta’ analiżi komprensiva tal-prezzijiet jogħlew tal-ikel, b’kunsiderazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi, għall-fatturi klimatiċi aktar qawwija u għaż-żieda fid-domanda għall-enerġija minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga iktar ir-rabta possibbli bejn il-prezzijiet għoljin tal-ikel u l-prezzijiet li qed jiżdiedu tal-enerġija b’mod partikolari l-prezz tal-fjuwil; jenfasizza iktar li għandhom jittieħdu miżuri biex tonqos id-dipendenza tal-agrikoltura fuq is-sorsi ta’ enerġija fossili, permezz ta’ valorizzazzjoni tal-enerġija aktar effikaċi u żvilupp ta’ sistemi ta’ produzzjoni agrikoli li ma jaħlux enerġija;

11. Jitlob li jkun hemm strumenti politiċi mmirati biex jevitaw ċaqliq drammatiku bħal dan li jagħmel ħsara lill-prezzijiet, u li jkunu konxji mill-ħtieġa li jiġi pprovdut livell ta' għixien ġust għall-produtturi; jemmen li s-sistema ta’ Ħlas Uniku għal Kull Razzett, tipprovdi l-opportunità għall-bdiewa li jaqilbu minn produzzjoni għal oħra skont il-ħtiġijiet tas-suq, iżda din is-sistema tista’ ma tkunx biżżejjed biex tlaħħaq maċ-ċaqliq drammantiku fil-prezzijiet tas-suq;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali fuq medda itwal taż-żmien involuti fiż-żieda riċenti fil-prezzijiet ta' kommoditajiet agrikoli, inkluża ż-żieda regolari fid-domanda globali u t-tnaqqis kontinwu fl-investiment fl-agrikoltura produttiva; jinnota li, fost dawn il-fatturi, iż-żieda fil-prezz tal-enerġija, u b’mod partikolari fil-prezz taż-żejt kellha impatt maġġuri fuq il-produzzjoni agrikola dinjia (billi żiedet l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-irziezet u dawk tat-tqassim tal-ikel) u fuq is-sitwazzjoni ta’ kriżijiet tal-ikel fil-pajjiżi foqra (minħabba l-prezz tat-trasport tal-ikel ġewwa l-Istati);

13. Jinnota li fl-2007, 2% tal-produzzjoni taċ-ċereali fl-UE marret f’bijofjuwils, imqabbla ma’ 25% tal-produzzjoni tal-qamħirrum fl-Istati Uniti, li marret għall-produzzjoni tal-etanol f’dik is-sena; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni globali ta’ din it-tendenza u l-impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel u koordinazzjoni tal-politika fil-livell globali biex ikun żgurat li l-provvista tal-ikel ma titqiegħedx fil-periklu minħabba l-ispinta mogħtija lill-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded; jitlob ukoll li l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali jkollhom xi obbligi li bihom l-għajnuniet allokati għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils ma jkunux jistgħu jpoġġu f’periklu s-sigurtà tal-ikel tad-dinja u jkollhom jirrispettaw ir-regoli sabiex ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-imsieħba kummerċjali; jitlob, madankollu, l-impenn sħiħ tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-promozzjoni tal-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ għal dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-bijofjuwils u ta’ bijoenerġiji, min-naħa l-waħda u mal-istokkijiet tal-provvisti tal-ikel meħtieġa fuq livell globali, min-naħa l-oħra; jirrikonoxxi l-fatt li ż-żieda fil-produzzjoni ta’ bijofjuwils u ta’ bijoenerġiji jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-settur agroalimentari, li, bħalissa, qed iġarrab l-effett tal-prezzijiet għoljin tal-materja prima li hija meħtieġa għall-industrija tal-ipproċessar, bħal m’huma l-fertilizzanti, iż-żejt tad-dijżil, eċċ. Għalhekk, l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu jirrappreżenta alternattiva ekonomika u soċjali vijabbli ta’ żvilupp għall-medda rurali u, b’mod parallel, approċċ sostenibbli għall-ħarsien tal-ambjent, u dan aktar u aktar jekk wieħed jikkunsidra l-objettivi tal-UE rigward l-enerġiji li jistgħu jiġġeddu minn issa sal-2020. Fl-istess ħin, madanakollu għandhom ukoll jittieħdu xi miżuri li jwaqqfu l-effetti negattivi li ż-żieda fil-produzzjoni ta’ kultivazzjonijiet ta’ enerġija jista’ jkollha fuq il-bijodiversità, il-prezzijiet tal-ikel u l-metodi tal-isfruttar tal-artijiet;

15. Jinnota li l-Unjoni Ewropea għamlet kontribut konsiderevoli biex tiżdied il-provvista tal-kommoditajiet agrikoli billi neħħiet l-iskema tagħha tal-art imwarrba;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-użanzi tal-ikel tal-konsumatur li qed jinbidlu b’pass mgħaġġel, speċjalment f’pajjiżi emerġenti b’bidla lejn konsum ta’ aktar laħam u proteini li jirrikjedu aktar qmuħ; jinnota wkoll u japprezza ż-żieda fid-dħul reali f'pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, li se jkomplu jgħollu d-domanda għall-prodotti agrikoli u l-ikel ipproċessat;

17. Jemmen li ż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel jeħtieġ li jkun immonitorjat sabiex ma jinħolqux sitwazzjonijiet ta’ monopolju, għax l-attivitajiet tal-bejjiegħa l-kbar jistgħu ma jkunux dejjem fl-aħjar interessi tal-produtturi, ta’ dawk li jipproċessaw jew tal-konsumaturi;

18. Jitlob li jkun hemm l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi li jaġġustaw il-bilanċ favur bdiewa żgħar, li jsibu ruħhom f'diffikulta biex jinnegozjaw ma’ bejjiegħa kbar. Minkejja l-eżistenza fuq livell tal-UE ta’ qafas leġiżlattiv kontra l-monopolji biex ikun evitat li produtturi kbar jabbużaw minn pożizzjonijiet dominanti fis-suq tal-UE, għad ma hemm l-ebda regolamenti speċifiċi biex ikunu miġġielda prattiki monopolistiċi mwettqa mis-supermarkets u l-hypermarkets;

Reazzjonijiet tal-UE

19. Jemmen li l-PAK għandha tibqa' l-punt ċentrali tal-politika tas-sigurtà tal-ikel tal-UE issa u wara l-2013; huwa tal-opinjoni li sistema ekoloġika li taħdem, artijiet fertili, riżorsi tal-ilma stabbli u ekonomija rurali polivalenti huma indispensabbli għas-sigurtà tal-ikel fit-tul; iqis ukoll li huwa ta’ importanza fundamentali li l-PAK, flimkien ma’ politiki Komunitarji oħra, jipparteċipaw aktar fil-bilanċ dinji tal-ikel;

20. Jemmen, madankollu, bil-qawwi li l-PAK għandha tkompli tiġi addattata biex tilqa’ għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel; huwa ddiżappuntat li bil-proposti tagħha dwar il-Verifika tas-Saħħa ta’ Mejju 2008, peress li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma ffaċċatx l-isfida b’mod sħiħ; jopponi aktar irtirar ta’ miżuri tal-ġestjoni tas-suq u tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ appoġġ lill-bdiewa;

21. Jitlob, fid-dawl tar-Reviżjoni tal-Baġit 2008-2009, li jkun hemm livell stabbli u kostanti ta’ nefqa mill-UE u mill-Istati Membri fuq il-PAK biex ikun garantit dħul ġust għall-bdiewa; ifakkar li l-bdiewa jeħtieġu politika ta’ ambjent stabbli li tippermetilhom jippjanaw għall-futur; jenfasizza li politika bħal din għandha qabel kollox tkun ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ xibka ta’ sigurtà kontra l-perikli u l-kriżijiet dovuti jew minn fenomeni naturali serji jew minn distorsjoni tas-suq u minn tnaqqis tal-prezzijiet b’ammont u tul ta’ żmien mhux normali; jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-agrikoltura tipprovdi valur miżjud sinifikanti fl-ekonomiji nazzjonali u Ewropej;

22. Jiġbed l-attenzjoni li s-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi s-sigurtà tad-dħul li l-produtturi jeħtieġu biex ikomplu bil-biedja, minħabba l-ispiża għolja biex jikkonformaw mal-istandards tal-EU dwar il-produzzjoni, is-sigurtà, l-ambjent u l-benessri tal-annimali; madankollu, jilqa’ l-orjentazzjoni akbar tal-PAK lejn is-suq; min-naħa l-oħra, jiddispjaċieh li l-għanijiet tar-riformi tal-2003 biex ikunu provduti prezzijiet ogħla tas-suq u biex ikun hemm inqas burokrazija għall-bdiewa, ma ntlaħqux b’mod sħiħ;

23. Jemmen li diversi regoli ta’ transkonformità huma ta’ diżinċentiv għall-produtturi u li fejn ikun possibbli, dawn ir-regoli għandhom isiru inqas kumplessi; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni;

24. Jinsab allarmat li l-leġiżlazzjoni tal-UE proposta (pereżempju, dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti), jista’ jkollha impatt drammatiku billi jitnaqqsu l-għodod għad-dispożizzjoni tal-bdiewa biex jimmassimizzaw il-produzzjoni u jistgħu, fil-fatt, iwasslu għal tnaqqis drammatiku fil-produzzjoni tal-irziezet fl-UE; jitlob li jkun hemm studju dettaljat tal-impatt – partikolarment dwar l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tal-ikel – tal-miżuri kollha proposti;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-impatt tal-inizjattivi li jtaffu l-effetti tal-bidla tal-klima fuq is-settur agrikolu; iqis li l-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isforzi tat-tibdil fil-klima, iżda madankollu għandha wkoll tingħata r-riżorsi biex tkun tista’ tittratta l-impatti tat-tibdil fil-klima bħala wieħed mis-setturi ekonomiċi li huwa l-aktar sensittiv għall-klima, sabiex dawn l-inizjattivi ma jnaqqsux il-produzzjoni tal-irziezet tal-UE u tispiċċa ssostitwita minn produzzjoni impurtata;

26. Jemmen li jeħtieġ li jkunu riveduti s-sistemi ta’ monitoraġġ tas-suq u tal-produzzjoni tal-UE u oħrajn internazzjonali biex ikun provdut mekkaniżmu ta’ twissija aktar rapidu biex ikunu determinati x-xejriet tal-produzzjoni; jemmen fil-ħtieġa ta’ skema ta’ inventarju globali tal-ikel u ta' sistema globali ta’ stokkijiet tal-ikel, u li l-UE għandha tieħu t-tmexxija fit-tfassil ta' sistema bħal din; iħeġġeġ lill-Kummisjoni Ewropea biex taġixxi mal-imsieħba globali u biex tressaq proposta f'dan ir-rigward;

27. Jitlob li jkun hemm politiki tal-assigurazzjoni effettivi li għandhom isiru disponibbli, li jipproteġu kontra flutwazzjonijiet massivi tal-prezzijiet u tad-dħul kif ukoll kontra impatti relatati mat-temp fuq il-produzzjoni;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal sistema effettiva ta’ monitoraġġ tas-suq tal-UE lit kun kapaċi tirrekordja l-bidliet u t-tendenzi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u l-ispiża tal-inputs; jenfasizza l-fatt li sistema bħal din għandha tiżgura trasparenza u għandha tiffaċilita tqabbil transkonfinali ta’ prodotti simili;

29. Iqis li għandu jitwaqqaf osservatorju internazzjonali fil-FAO biex ikun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-prodotti agrikolu, tal-inputs u tal-ikel fuq livell internazzjonali;

30. Jinnota li, permezz ta’ riformi suċċessivi tal-PAK, l-elementi ta' tgħawwiġ fil-kummerċ tal-politika agrikola tal-Unjoni li jħallu impatt negattiv fuq il-bdiewa fid-dinja li qed tiżviluppa, ikunu ġew indirizzati, iżda r-relazzjonijiet kummerċjali għadhom mhux ugwali u għad iridu jsiru sforzi biex tiġi stabbilita sistema aktar ġusta;

31. Jinnota, madankollu, li r-riformi tal-politika tal-UE biex jintlaħqu r-rekwiżiti tad-WTO wasslu għar-riorjentament tal-għajnuniet tal-PAK lil hinn minn pagamenti marbuta mal-produzzjoni, tneħħija ta' miżuri tal-ġestjoni tas-suq u ftuħ tas-swieq, li ħallew lill-konsumaturi u l-produtturi esposti dejjem aktar għall-instabilità fis-suq dinji; jitlob li l-politiki tal-PAK jinkludu xi dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel u li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu, għall-imsieħba, xi obbligi identiċi ta’ regolamentazzjoni tas-suq li ma jpoġġux fil-periklu s-sigurtà tal-ikel tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tan-negozjati tal-WTO, biex tinvolvi ruħha favur aċċess ikkwalifikat għas-suq li jiggarantixxi li l-istandards ambjentali għoljin tal-agrikoltura tal-Unjoni u d-dritt ta’ kull Stat għas-sigurtà tal-ikel ma jitilfux mill-importanza tagħhom minħabba importazzjonijiet irħas;

32. Jinnota li l-UE għadha għaddejja bl-impenji tagħha biex sal-2013 tneħħi r-rifużjonijiet kollha fuq l-esportazzjoni u li permezz tal-Verifika tas-Saħħa tal-PAK qed jiġu segwiti aktar riformi tal-istrumenti ta' appoġġ għas-suq, skont il-ftehimiet tad-WTO;

33. Iqis li l-faċilità ta’ finanzjament għal reazzjoni rapida għal prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa l-ewwel pass meħtieġ biex jiġu trattati l-ħtiġijiet immedjati ta’ dawk l-aktar milquta mill-kriżi tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li din il-faċilità hija miżura ta’ darba, imfassla biex tidderieġi fondi mill-Intestatura 4 tal-baġit tal-UE lejn l-agrikoltura fuq skala żgħira fil-pajjiżi l-aktar milquta li se jkollhom bżonn jissaħħu permezz ta' investiment ulterjuri; iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel verifika ta' kif qed jintefqu l-flus u tassigura li dawn il-flus jintużaw b’mod sostenibbli fl-oqsma fejn hemm l-aktar bżonn tagħhom, u li għandu jkun hemm rappurtar regolari lill-Parlament; jitlob, barra minn hekk, li l-Parlament ikollu sorveljanza regolari tal-implimentazzjoni, permezz tal-‘proċedura regolatorja bi skrutinju’;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi attwali tagħha mfassla biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u madwar id-dinja; jitlob għat-tisħiħ tal-Programm Tematiku dwar is-Sigurtà tal-Ikel (2007-2010), li attwalment igawdi minn EUR 925 miljun għall-perjodu kollu tal-ipprogrammar; jilqa’ l-proposta għal żieda fl-allokazzjoni baġitarja għall-Programm ta' Tqassim tal-Ikel għall-Aktar Persuni fil-Bżonn fil-Komunità (MDP) ippreżentat mill-Kummissjoni fis-17 ta' Settembru 2008; jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija komprensiva fuq il-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel li ġġib koerenza bejn il-politiki Komunitarji kollha tal-Unjoni;

35.  Jinsab allarmat dwar il-kriżi finanzjarja globali attwali li tista’ tirriżulta fi tnaqqis tal-finanzjament disponibbli għall-biedja; jistieden lill-Kummmissjoni Ewropea biex tanalizza l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur agrikolu u biex tikkunsidra proposti biex tiġi żgurata l-istabilità tas-settur, anke f’termini ta' aċċess għas-self u l-garanziji tal-kreditu;

36. Jirreferi għal riċerka li turi li fil-parti l-kbira tagħhom il-konsumaturi mhumiex konxji tal-benefiċċji vitali pprovduti permezz tal-PAK bħala sigurtà tal-ikel u ikel bi prezzijiet raġonevoli(4); jitlob li jkun hemm politika ta' informazzjoni liċ-ċittadini u li jkun imġedded l-impenn lejn is-simplifikazzjoni, li jirriżultaw f’għarfien aħjar tal-istrumenti u l-benefiċċji tal-PAK; jipproponi li l-konsegwenzi li ma jkunx hemm politika agrikola komuni għandhom ikunu spiegati lill-pubbliku

37. Jemmen li l-PAK għandha tilgħab irwol sinifikanti fil-politiki għall-affarijiet barranin u għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea b’attenzjoni speċjali għall-politika esterna dwar is-sigurtà tal-ikel; jemmen li, minbarra s-sigurtà tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni Ewropea, il-PAK tista’ tikkontribwixxi biex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda globali għall-ikel;

38. Jiġbed l-attenzjoni li l-kunflitti armati jħallu impatt negattiv ħafna fuq il-produzzjoni ta’ u l-aċċess għall-ikel; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi serji tas-suġġezzjoni għall-kunflitt rigward is-sigurtà tal-ikel, pereżempju permezz tal-migrazzjonijiet tal-massa, tal-paraliżi tal-produzzjoni agrikola, tal-impatt detrimentali fuq infrastruttura vitali;

39. Jemmen li huwa kruċjali li tkun evitata taqtigħa kompetittiva vjolenti għar-riżorsi tal-ikel skarsi; jitlob, għalhekk, li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-UE ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, mal-FAO u ma’ aġenziji internazzjonali oħra fuq livell tekniku u man-NU fuq livell politiku biex ikun promoss aċċess ġust għar-riżorsi tal-ikel globali u biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ewlenin filwaqt li konsistentement ikunu kkunsidrati l-bijodiversità u l-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli;

40. Iħeġġeġ lill-UE biex tgħin lill-pajjiżi li jinsabu f’riskju ta’ kunflitt biex jiżviluppaw politiki agrikoli qawwija tagħhom ibbażati fuq aċċess faċli għall-materja prima, għall-edukazzjoni ta' kwalità u għall-fondi adegwati kif ukoll fuq infrastruttura affidabbli; jemmen li l-għajnuna tal-UE għandha tkun immirata lejn it-titjib tal-awtosuffiċjenza rigward l-ikel għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw riċevituri, li għandha ttejjeb is-sigurtà tal-ikel fuq bażi reġjonali u l-aċċess għall-ikel għall-ifqar taqsimiet tas-soċjetà;

41. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li xi ekonomiji li qed jikbru jistgħu jkunu qed jippjanaw li jwellu art vasta f’partijiet ifqar tal-Afrika u l-Ażja għall-iskopijiet ta’ tkabbir tal-prodotti agrikoli u jibgħatuhom lura fis-swieq tagħhom biex itejbu is-sigurtà tal-ikel tagħhom stess; jemmen li, flimkien mal-FAO, l-Unjoni Ewropea għandha titratta dan il-fenomenu bis-serjetà bħala theddida serja għas-sigurtà tal-ikel u għal politika agrikola effettiva f'pajjiżi ospiti;

Agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa

42.      Jenfasizza l-fatt li l-isfidi attwali tal-ikel jitolbu li produzzjoni tal-ikel tiżdied sabiex jinżamm il-pass maż-żieda fid-domanda filwaqt li titjieb il-kwalità, jonqsu l-ispejjeż u tkun żgurata iktar sostenibilità; iqis li, sabiex dan jinkiseb, il-politiki pubbliċi jeħtieġu jkunu eżaminati bir-reqqa bil-għan li titjieb il-produzzjoni u l-metodi tal-immaniġġjar tal-istokk, kif ukoll il-kontroll tas-suq dinji;

43. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni fuq perjodu ta’ żmien medju u twil biex tiġi żviluppata l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fl-Afrika, billi jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti (Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp - IAASTD); huwa tal-opinjoni li l-iżvilupp agrikolu jista’ jservi bħala bidu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiż;

44. Jemmen li l-Fond Ewropew tal-Iżvilupp għandu jkun iffukat aktar fuq l-agrikoltura, b’mod partikolari fuq l-irziezet iż-żgħar u fuq l-ipproċessar tal-prodotti fil-post peress li l-maġġoranza tal-fqar fid-dinja jgħixu f’zoni rurali li jiddependu bil-kbir mill-produzzjoni agrikola; minn barra dan, iqis li għandhom isiru sforzi sabiex jiġu stabbiliti r-regoli għall-kummerċ agrikolu, li jiggarantixxu l-provvisti tal-ikel fil-pajjiżi kollha; jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jingħataw vantaġġi kummerċjali li jappoġġaw it-tisħiħ tal-produzzjoni nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-premessi hawn fuq fil-qafas tan-negozjati tal-WTO u tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs) mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

45. Iqis li wieħed mill-ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiviluppaw huwa n-nuqqas ta’ aċċess mill-bdiewa żgħar għas-self u l-mikrokrediti biex jinvestu fi żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta’ irrigazzjoni aħjar; jenfasizza, barra minn dan, il-kwistjoni tal-garanziji tas-self li f’ħafna każi mhumiex disponibbli; isejjaħ lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jara kif jista' jipprovdi programmi għall-produtturi lokali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’garanziji tas-self li jappoġġaw l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu;

46. Itenni t-twemmin tiegħu fil-ħtieġa ta' swieq agrikoli integrati reġjonalment; isejjaħ lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali; ifakkar lill-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fis-suċċess tal-integrazzjoni agrikola fl-Ewropa u l-istabilità li ġabet magħha għal aktar minn 50 sena; għalhekk iħeġġeġ lill-komunitajiet ekonomiċi reġjonali ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku biex iżidu l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-agrikoltura u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ ta' bejniethom;

47. Jenfasizza iktar il-fatt li l-bżonnijiet agrikoli jkunu trasformati minn sistema ta’ biedja fuq skala żgħira ħafna għal ekonomija rurali li toħloq ħafna impjiegi; iqis, barra minn hekk, li sabiex ikunu żviluppati setturi agrikoli robusti, għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq miżuri li jappoġġjaw bdiewa żgħażagħ fid-dinja li qed tiżviluppa; jemmen li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha ta’ koperazzjoni u ta’ appoġġ biex timmodernizza l-ktajjen tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dawn isisri aktar effiċjenti; iqis, barra minn hekk, li l-UE għandha tappoġġa l-inizjattivi, bħall-programm komuni ta’ żrigħ, imniedi mill-Unjoni Afrikana u l-imsieħba nazzjonali u reġjonali tagħha;

48. Iqis li, jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jsegwu politika għall-iżvilupp effettiva, huma għandhom jadottaw strateġija nazzjonali jew reġjonali komuni għall-iżvilupp agrikolu b’miżuri ta’ appoġġ ċari għall-produtturi u l-prodotti; iqis, f’dan il-kuntest, li l-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti l-UE mhux sejra jkollha natura frammentarja, iżda tkun parti mill-istrateġija nazzjonali jew reġjonali komuni kofinanzjata għall-iżvilupp agrikolu;

49. Jitlob li jinħoloq fond permanenti għas-sigurtà tal-ikel bħala appoġġ għall-ifqar fid-dinja, taħt l-Intestatura 4 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex jikkumplimenta miżuri oħra ta' żvilupp iffinanzjati mill-UE;

50. Jilqa’ inizjattivi globali bħat-Task Force ta’ Livell Għoli tan-NU dwar il-Kriżi Dinjija tal-Prezzijiet tal-Ikel u jqis li l-UE għandha tikkordina l-isforzi tagħha mat-Task Force; jenfasizza l-importanza tal-Linjigwida Voluntarji dwar id-dritt għal ikel adegwat adottati mill-Istati Membri tal-FAO ; jipproponi, barra minn dan, li sabiex tiġi żgurata d-disponibilità tal-ikel, għandu jinħoloq programm dinji ta' obbligu dwar l-istokkijiet, kif ukoll sistema bażika aħjar ta' ħżin tal-inputs ewlenin tal-produzzjoni (proteini, fertilizzanti, żrieragħ, pestiċidi), billi jibbaża ruħu preferibbilment fuq l-atturi tas-settur privat, inklużi l-kooperattivi tal-bdiewa;

51. Huwa konxju mill-impenji Ewropej lejn id-dinja li qed tiżviluppa u l-obbligi attwali u futuri tagħna lejn id-WTO; jitlob li l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE għandhom jappoġġaw l-għanijiet imsemmija fid-Dikjarazzjoni ta' Maputo tal-2002 tal- gvernijiet Afrikani; jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom lejn il-kisba tal-Miri tal-Iżvilupp tal-Millenju tan-NU, b'mod partikoli l-allokazzjoni ta’ 0.7% tal-Prodott Gross Nazzjonali għall-għajnuna għall-iżvilupp; madankollu huwa tal-opinjoni, li l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp hija aktar importanti mill-ammonti li jiġu ddedikati għaliha;

52. Jiddispjaċih li t-tnaqqis fl-ammont ta’ għajnuna għall-iżvilupp ddedikat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, kien 17% fl-1980 u 3% biss fl-2006; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tidderieġi u timmonitorja l-kontribut tal-appoġġ finanzjarju Ewropew b'mod li jintlaħaq tkabbir immexxi mill-agrikoltura u biex tagħmel minn kollox biex il-gvernijiet jonfqu l-ammont ta’ 10% mill-baġit nazzjonali fuq is-settur agrikolu, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu (billi tistabbilixxi pereżempju xi objettivi fil-mira għall-politiki agrikoli nazzjonali);

53.     Jafferma mill-ġdid li għall-pajjiżi li huma parti mill-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, is-settur agrikolu huwa aktar kapaċi minn oħrajn biex jiġġenera tkabbir għall-poplu rurali fqir, u b’hekk jagħmlu kontribuzzjoni tanġibbli għall-kisba tal-ewwel Għan tal-Millenju għall-Iżvilupp dwar il-qerda tal-faqar estrem u l-ġuħ u jenfasizza kif għalhekk huwa kruċjali li wieħed jieħu azzjoni immedjata u jkun promos investiment ikbar fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

54.     Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp rurali għandu jkun primarjament ibbażat fuq id-dritt għall-ikel u d-dritt għall-produzzjoni tal-ikel, dritt li jippermetti lil kull individwu li jkollu dritt għal ikel kulturalment xieraq, sustanzjuż u sigur prodott permezz ta’ metodi sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara għall-ambjent fi struttura agrikola awtonoma;

55. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sovranità tal-ikel u biex tappoġġja dan permezz ta’ miżuri mmirati li primarjament jużaw u jiżviluppaw l-istrutturi u r-riżorsi disponibbli - bħaż-żrieragħ, id-demel, u l-mezzi ta' produzzjoni - kif ukoll permezz tat-trawwim ta' integrazzjoni reġjonali;

56.     Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex terġa’ tpoġġi l-agrikoltura fiċ-ċentru tal-aġenda għall-iżvilupp tagħha, billi tagħti prijorità speċifika lill-programmi għall-iżvilupp rurali inklużi miri ċari għat-tnaqqis tal-faqar u objettivi fattibbli, b’mod partikolari miżuri li jippromwovu agrikoltura fuq skala żgħira u l-produzzjoni tal-ikel għas-swieq lokali permezz tal-użu tal-bijodiversità, b’mod partikolari fokus fuq il-bini tal-kapaċità għall-bdiewa żgħar u għan-nisa;

57. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tingħaqad mal-Istati Membri, mal-Gvernijiet tal-Pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-banek għall-iżvilupp reġjonali u ma’ fondazzjonijiet private, ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-awtoritajiet lokali biex tinkorpora proġetti ġodda u programme ta’ intervenzjoni għall-prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fi programme reġjonali b’mod aħjar;

58. Jitlob li jkun hemm miżuri li jtejbu t-taħriġ li jippermettu liż-żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni għolja fl-agrikoltura, inkluż taħriġ dwar kif jintlaħqu l-istandards sanitarji u phytosanitary tal-UE, kif ukoll li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg għall-dawk iggradwati fl-agrikoltura bl-iskop tat-tnaqqis tal-faqar u l-migrazzjoni miz-zoni ruralu u urbani u bl-iskop li jkun evitat “it-telf tal-aħjar imħuħ” (brain drain) - migrazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal pajjiżi żviluppati;

59. Ifakkar fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Prevenzjoni u l-Immaniġġjar tal-Kriżi tal-ikel tal-2008 tan-Netwerk għall-Prevenzjoni ta' Kriżijiet tal-ikel u jitlob lid an il-kodiċi jkun implimentat u osservat fil-Politika Agrikola Komuni; jappoġġja, barra minn hekk, u jħeġġeġ l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-interessi tan-nisa, tal-koperattivi tal-biedja fuq skala żgħira u ta’ gruppi ta’ produtturi sabiex tkun żgurata s-sigurtà u l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

60. Jinsab imħasseb ħafna mill-fatt li, ħafna drabi, il-baġits militari u tad-difiża huma akbar mill-baġits tal-agrikoltura u l-ikel;

61. Jemmen li l-bdiewa ż-żgħar huma s-sisien tal-iżvilupp agrikolu; jenfasizza uħud mill-problemi l-aktar severi li qed jiffaċċaw il-bdiewa ż-żgħar fid-dinja li qed tiżviluppa, bħall-aċċess għas-swieq, l-artijiet, l-għarfien, il-finanzjament, l-inputs u t-teknoloġija; itenni l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura u l-investiment fl-irziezet iż-żgħar u f'metodi tradizzjonali adattati għall-kundizzjonijiet lokali u ta’ inputs tal-produzzjoni baxxi;

62. Billi fattur sinifikanti fil-produzzjoni globali tal-ikel huwa n-nuqqas ta’ kummerċ fil-prodotti tal-ikel, jiġbed l-attenzjoni li skont l-Organizzazzjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, il-produzzjoni globali tar-ross żdiedet fl-2007 filwaqt li l-kummerċ tar-ross f’dik l-istess sena naqas;

63. Jemmen li liberalizzazzjoni ulterjuri mhux ikkontrollata tal-kummerċ agrikolu se twassal għal żieda ulterjuri fil-prezzijiet tal-ikel u volatilità ogħla tal-prezzijiet; jenfasizza l-fatt li dawk li se jintlaqtu l-agħar se jkunu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma importaturi tal-ikel u li huma l-iktar vulnerabbli; jenfasizza, barra minn hekk, li r-regoli tal-kummerċ dinji ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jostakolaw id-dritt ta’ pajjiżi u reġjuni li jappoġġjaw is-setturi tal-biedja tagħhom bil-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel għall-popolazzjoni tagħhom;

64. Jemmen li politiki dwar il-ftuħ tas-suq għall-prodotti agrikoli fil-qafas tad-WTO u ta’ ftehimiet bilaterali dwar kummerċ ħieles ikkontribbwew b’mod sinifikanti għat-telf tas-sigurtà tal-ikel f’ħafna pajjiż li qed jiżviluppaw u fil-kuntest tal-kriżi globali attwali tal-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tevalwa l-approċċ tagħha dwar is-suq ħieles fil-kummerċ agrikolu skont il-każ;

65. Jistieden lill-pajjiżi l-kbar esportaturi tal-ikel (il-Brażil, l-Arġentina, it-Tajlandja, eċċ) biex ikunu fornituri affidabbli tal-ikel bażiku u biex jevitaw restrizzjonijiet tal-esportazzjoni li jista’ jkollhom konsegwenzi diżastru, speċjalment fuq pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw importaturi tal-ikel;

66. Jinsab allarmat dwar il-kriżi finanzjarja dinjija attwali li tista’ twassal għal tnaqqis fil-fondi disponibbli għal għajnuna għall-iżvilupp pubblika; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tal-għajnuna għall-iżvilupp u biex tkompli tfassal proposti bl-għan li tkun appoġġjata l-agrikoltura fl-ifqar pajjiżi tad-dinja;

67. Jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi globali tal-ikel hija fost l-ikbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja; Jilqa’ b’sodisfazzjoni f’dak ir-rigward l-isforzi riċenti tal-Kummissjoni biex tinvestiga modi kif tiġi trattata l-kwistjoni tas-sigurtà global ital-ikel; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn fuq livell nazzjonali u lokali;

Riċerka u Żvilupp

68. Itenni l-impenn tiegħu lejn l-investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-produzzjoni tal-irziezet;

69. Jenfasizza l-importanza ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi li sservi biex tkun promossa s-sigurtà tal-ikel iktar milli tiffoka biss fuq interessi industrijali; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f’teknoloġiji ġodda individwali iżda wkoll f’sistemi ta’ biedja komprensivi li se jservu l-għan ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu ta’ żmien twil; Jenfasizza f’dan ir-rigward l-irwol ta’ pijunier li jista’ jilgħab dan il-qasam, pereżempju, permezz ta’ pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;

70. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka iżda wkoll tat-trasferiment tal-għarfien miksub mir-riċerka għal-livell tal-irziezet permezz ta’ servizz estiż effikaċi għall-irziezet, b'mod partikolari fid-dinja li qed tiżviluppa; jitlob li tissaħħaħ ir-riċerka agrikola u l-ħolqien tal-għarfien;

71. Jinsab imħasseb li l-enfasi magħmula fl-UE dwar il-transkonformità tista’ tkun ta' ħsara għar-riċerka u l-pariri dwar il-produzzjoni fl-irziezet; jenfasizza l-bżonn tat-tnejn;

72. Jitlob li jkun hemm programm aċċellerat ta’ riċerka u żvilupp dwar l-agrikoltura sostenibbli u li ma taħlix enerġija addattata lokalment; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw ir-riċerka mmirata lejn iż-żieda fil-produttività fir-rigward ta' applikazzjonijiet fl-agrikoltura; huwa konxju mit-tħassib tal-konsumaturi tal-UE;

Agrikoltura dinjija sostenibbli

73. Jinsab imħasseb dwar il-bidliet fix-xejriet tat-temp li jirriżultaw mill-bidla fil-klima, li kif inhu mbassar, se jikkawżaw aktar perjodi ta’ nixfa u għargħar, b’impatti negattivi fuq il-ħsad u l-prevedibbiltà tal-produzzjoni agrikola globali;

74. Jinsab imħasseb li l-implimentazzjoni fl-UE ta’ proposti biex ikomplu jnaqqsu l-gassijiet serra jistgħu jaffettwaw ħażin il-prodozzjoni tal-ikel Ewropea, partikolarment it-tkabbir tal-annimali;

75. Jirrikonoxxi li effiċjenza enerġetika imtejba hija meħtieġa fis-settur agrikolu minħabba li tiġġenera sehem sinifikanti mill-emissjonijiet totali CO2;

76. Iqis li l-espansjoni tal-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijoenerġija jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-settur tal-ipproċessar tal-ikel u tal-agrikoltura, settur li qed isofri minn prezzijiet ogħla tal-inputs bħall-fertilizzanti, pestiċidi u dijżil, kif ukoll l-ispejjeż għat-trasport u għall-ipproċessar;

77. Jirrikonoxxi li s-settur tal-agrikoltura jappoġġja l-għixien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk jinkoraġġixxi lil dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw mekkaniżmu ta’ politiki agrikoli stabbli u trasparenti li se jiżguraw pjanar fuq medda twila ta' żmien u żvilupp sostenibbli;

78. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-effetti taż-żieda fil-produzzjoni tal-bijoenerġija fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi rigward bidliet fl-użu tal-art, fil-prezzijiet tal-kommoditajiet tal-ikel u l-aċċess għall-prodotti tal-ikel;

79. Jerġa' jtenni li inċentivi għall-kultivazzjoni sostenibbli ta’ prodotti agrikoli użati għall-enerġija ma jostakolawx il-produzzjoni tal-ikel;

80. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp biex jevitaw u jadattaw għal-bidla fil-klima, inkluża, fost affarijiet oħra, riċerka fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ bijofjuwils, b’mod partikolari l-użu ta’ prodotti agrikoli li jipproduċu ħafna enerġija, fertilizzanti li ma jagħmlux ħsara għall-ambjent l jkunu kemm jista’ jkun effettivi, teknoloġiji ġodda b’effetti negattivi minimi fuq l-użu tal-art, l-iżvilupp ta’ tipi ta’ pjanti ġodda li huma reżistenti għall-bidla fil-klima u għawġ ieħor relatat u riċerka fil-modi kif jintuża l-iskart fl-agrikoltura;

81. Jemmen li hemm bżonn ta’ riċerka agrikola ulterjuri sabiex tiżdied il-produttività sostenibbli tal-irziezet u jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw b’mod sħiħ l-opportunitajiet offruti f’dan ir-rigward mis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u biex jadottaw miżuri li se jtejbu l-produzzjoni agrikola b’mod sostenibbli u b'effiċjenza enerġetika.

82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 263E, 16.10.2008, p.621.

(2)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0229.

(3)

Testi Adottati, P6_TA(2007)0577.

(4)

Agri Aware TNS/Mrbi riċerka mwettqa fl-Irlanda f’Awwissu 2008, Hats off to the CAP


NOTA SPJEGATTIVA

Is-sigurtà tal-ikel – l-aċċess għal provvista suffiċjenti, sikura u nutrittiva - issa hija prijorità ewlenija kemm fil-livell tal-UE u kemm dak globali.

Madankollu, anke qabel il-problemi attwali imposti mill-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, 'il fuq minn 860 miljun persuna mad-dinja kollha sofrew minn ġuħ kroniku u malnutrizzjoni. Is-sitwazzjoni ggravat biż-żieda qawwija bla preċedenti u mhux prevista fil-prezzijiet tal-ikel tal-kommoditajiet fl-2006, li tefgħet 100 miljun persuna oħra f'ġuħ kroniku u faqar.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel ġiet wara għexieren ta’ snin ta’ prezzijiet tal-ikel niżlin f’termini reali. Waqt li l-prezzijiet globali tal-kommoditajiet ċedew xi ftit, l-esperti jbassru li l-prezzijiet tal-ikel se jibqgħu f’livell relattivament ogħla milli kienu fil-passat u li hija meħtieġa azzjoni għall-futur qarib, għall-perjodu medju u fit-tul sabiex tiġi żgurata l-produzzjoni globali tal-ikel u biex tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tas-sigurtà tal-ikel tagħhom.

Bejn Settembru 2006 u Frar 2008, il-prezzijiet tal-kommoditajiet agrikoli dinjija żdiedu b’70% f’termini ta’ dollari.

Globalment l-istokkijiet tal-ikel ukoll huma f’livell kritiku baxx. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kien hemm sena ta’ provvista tal-ikel fl-istokk; sal-2003 din kienet niżlet għal provvista ta’ 133 ġurnata u għal 40 ġurnata fl-2008.

Waqt li l-esperti jbassru li x-xejra tal-passat ta' tnaqqis fil-prezzijiet agrikoli fis-suq dinji - ’l hekk imsejħa mutur agrikolu - spiċċat, u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet agrikoli fis-suq dinji x’aktarx ikun akbar. Dan iċ-ċaqliq fil-prezzijiet iwassal għal tibdil drammatiku fil-prezzijiet tal-ikel u d-dħul agrikolu, u jtellef bil-kbir l-isforzi biex ikun hemm provvista stabbli ta’ ikel bi prezzijiet raġonevoli.

Sfida ewlenija għal dawk li jfasslu l-politika, hija li jippjanaw politiki agrikoli u tal-ikel li jilħqu l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni dinjija dejjem tikber u li hija mistennija tiżdied b'40% sal-2050, flimkien mad-domanda globali għall-ikel, li sa dak iż-żmien mistennija tirdoppja.

L-attenzjoni l-aktar immedjata għandha tingħata lil kif għandhom jittaffew l-agħar effetti tal-prezzijiet tal-ikel dejjem telgħin fuq l-ifqar nies fid-dinja. Il-fond ta’ biljun ewro propost mill-Kummissjoni tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw jixtru żrieragħ u fertilizzanti huwa parti minn dik ir-reazzjoni fuq medda ta’ żmien qasir. Madankollu, aktar reazzjonijiet fuq il-medda medja u fit-tul huma meħtieġa biex jittrattaw is-sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari fid-dinja li qed tiżviluppa. Dan ikun jirrikjedi enfasi ġdida fuq l-iżvilupp agrikolu, fuq ir-riċerka agrikola u fuq is-servizzi estiżi għall-agrikoltura f’dawn il-pajjiżi, billi jitqiesu modi ta’ kif tista’ tiġi stimulata l-produzzjoni agrikola fir-reġjuni li jistgħu jipproduċu.

Hemm ħtieġa politika kbira li tittieħed azzjoni, peress li f’ħafna pajjiżi li qed jiżvilupaw, prezzijiet ogħla tal-ikel wasslu għal irvellijiet u ferment politiku.

In-NU bassret li x-xejra tal-prezzijiet tal-ikel se titfa' lura b'diversi snin il-kisba tal-miri tal-iżvilupp tal-millenju li l-għadd ta' nies li jbatu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni jitnaqqas bin-nofs sal-2015.

Barra minn dan, hemm periklu li l-kriżi finanzjarja u bankarja globali tista' twassal li pajjiżi żviluppati jmorru lura mill-impenji tagħhom ta' għajnuna lid-dinja li qed tiżviluppa. Ir-Rapporteur tiegħek jemmen li dan ikun ta’ dispjaċir.

Il-baġits ta’ għajnuna għall-ikel ġew sfidati bil-kbir mill-prezzijiet ogħla tal-ikel, bil-ħtieġa ta’ żieda fil-finanzjament biex jinxtraw provvisti ta’ emerġenza tal-ikel .

L-impatt tal-prezzijiet ogħla tal-kommoditajiet kompla tqawwa bl-azzjonijiet meħuda mill-pajjiżi esportaturi tal-ikel li imponew taxxi tal-esportazzjoni u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ikel biex jippruvaw jiffaċċaw it-tħassib dwar is-sigurtà interna tal-ikel.

Ta’ min jinnota wkoll li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhux se jirnexxilhom jiżguraw il-provvista tal-ikel għall-popolazzjoni tagħhom li qed tiżdied b’pass mgħaġġel permezz tal-produzzjoni domestika, b’hekk iż-żieda fil-ħtiġijiet tal-importazzjoni tal-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jiġu sodisfatti biss jekk il-pajjiżi industrijalizzati jipproduċu u jesportaw aktar ikel.

Dan jeħtieġ titjib fil-produttività fl-agrikoltura, li se jkun diffiċli biex jinkiseb. Mir-Rivoluzzjoni Favur l-Ambjent tas-sittinijiet u s-sebgħinjiet, it-tkabbir tal-produttività agrikola kompla jonqos.

L-entità taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel u l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-ikel li kkaġunatha ma kinetx prevista. Dan juri li hemm bżonn ta’ sistemi ta’ informazzjoni fil-livell globali biex jimmoniterjaw il-produzzjoni, il-konsum u l-livelli tal-istokkijiet u biex jipprovdu twissijiet xierqa bil-quddiem dwar tibdil drammatiku fil-livelli tal-istokkijiet tal-ikel.

L-UE hija l-akbar donatur tal-għajnuna dinji billi tikkontribwixxi 60 fil-mija tal-għajnuna globali għall-iżvilupp. Hija f’pożizzjoni unika li teżerċita l-influwenza tagħha fuq il-kriżi attwali permezz ta’ aktar koerenza fil-politiki tagħha tal-kummerċ, l-agrikoltura u l-iżvilupp u biex tkun il-mexxejja fil-livell globali biex jiġu indirizzati l-kawżi wara l-krizi tas-sigurtà fl-ikel. Fis-snin tmenin, madwar 17% tal-għajnuna għall-iżvilupp kienu diretti lejn l-agrikoltura, iżda fl-2006 dan niżel għal 3% biss.

Il-politika tas-sigurtà tal-ikel hija indirizzata fl-Artikolu 33 (39) tat-Trattat ta’ Ruma, li tistabbilixxi l-għanijiet interni tal-Politika Agrikola Komuni, jiġifieri:

●         li tkabbar il-produzzjoni agrikola bil-promozzjoni tal-progress tekniku u billi jiġi żgurat l-aħjar użu possibbli tal-fatturi tal-produzzjoni, speċjalment ix-xogħol;

●         li tiżgura livell ġust ta’ għixien għall-bdiewa;

●         li tistabbilizza s-swieq;

●         li tiżgura id-disponibilità tal-provvisti;

●         li tiżgura prezzijiet raġonevoli għall-konsumatur.

Ir-Rapporteur tiegħek qed jipprova jindirizza l-irwol tal-politika agrikola biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini, speċifikament kif il-Politika Agrikola Komuni (PAK) qed tissodisfa l-ħtiġijiet tal-UE tas-sigurtà tal-ikel u kif qed taffettwa l-politiki globali dwar is-sigurtà tal-ikel.

Ir-rapport iħares lejn kif ir-riformi suċċessivi tal-PAK ċaqilqu l-enfasi tal-agrikoltura tal-UE lil hinn minn produzzjoni bil-kwantità lejn produzzjoni ta’ kwalità u kif din tiffittja mat-tħassib globali l-ġdid dwar is-sigurtà tal-ikel.

Il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK tirrikonoxxi s-sitwazzjoni l-ġdida billi tabolixxi l-art imwarrba u terġa' ġġibha lura għall-produzzjoni. Iżda l-isforzi biex jittaffew ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-ħalib fit-tħejjija għat-tneħħija r-reġim tal-kwoti huma anqas ambizzjużi. Ir-realtà l-ġdida tas-sigurtà tal-ikel mhjiex indirizzata biżżejjed fil-Verifika tas-Saħħa u din ir-realtà politika ġdida għandha tinżamm strettament fl-attenzjoni f’kull tibdil futur fil-PAK wara l-2013. L-enfasi għandha tkun fuq l-iżgurar ta’ bażi tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE u fuq l-issodisfar tad-domanda globali għall-ikel li żdiedet.

L-isfida ppreżentata mill-bidla fil-klima hija indirizzata, u d-domanda mill-agrikoltura għandha l-irwol tagħha fil-miżuri korrettivi. Ironikament, azzjonijiet biex tiżdied il-bażi globali tal-art għall-produzzjoni agrikola li jirriżultaw f’deforestazzjoni iżidu sostanzjalment il-problemi tal-bidla fil-klima. Barra minn dan, il-produzzjoni dinjia tal-ikel se tkun affettwata ħażin bħala riżultat tal-bidla fil-klima fil-medda t-twila taż-żmien.

Ir-rapport jesplora wkoll il-kwistjoni kontenzjuża tal-użu tal-art u l-kwistjoni ta’ objettivi ta’ politika konfilġġenti. Tista’ d-dinja tissodisfa l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ riżorsi rinnovabbli tal-enerġija mingħajr ma taffettwa l-prezzijiet globali tal-ikel? Hemm bilanċ li jista’ jintlaħaq bejn l-ikel, l-għalf u l-produzzjoni tal-fjuwil? Il-mutur ewlieni taż-żieda fid-domanda tal-UE għall-qmuħ u ż-żrieragħ taż-żjut hija l-bijoenerġija.

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, kemm attwali u kemm ippjanata għandha impatt fuq il-produzzjoni tal-irziezet u r-Rapporteur tiegħek isejjaħ għal evalwazzjonijiet dwar il-proposti leġiżlattivi l-ġodda kollha dwar is-sigurtà tal-ikel.

Sabiex jintaqgħu l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel għandna bżonn enfasi mġedda dwar ir-riċerka agrikola u l-iżvilupp. B’mod partikolari, ir-riċerka jeħtieġ li tindirizza l-kwistjonijiet kumplessi tar-riżorsi naturali skarsi li jinkludu l-ilma u l-art, il-pressjonijiet ambjentali, il-bidla fil-klima u l-eżawriment tal-provvisti tal-fjuwils fossili li fuqhom tiddependi ħafna l-agrikoltura.

Fuq kollox, ir-rapport jipprova jenfasizza t-telqa tal-agrikoltura fi programmi suċċessivi baġitarji dwar għajnuna għall-iżvilupp u jsejjaħ biex terġa’ ssir enfasi fuq il-politika agrikola u l-programmi xierqa għall-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Iżda fi ħdan l-UE, huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-investiment fir-riċerka fl-agrikoltura u l-iżvilupp jinżamm u jitjieb biex jippemetti lis-settur jissodisfa sfidi ġodda u jtejjeb il-produttività.

Il-kwistjoni ewlenija għal dawk li jfasslu l-politika hija li jitfasslu politiki li jiżguraw li l-bdiewa – kemm fid-dinja li qed tiżviluppa u anke f'dik żviluppata – jaqilgħu dħul diċenti mill-produzzjoni tal-ikel.

Din hija importanti biex tiżgura l-produzzjoni tal-ikel u jekk is-suq ma jistax jagħmel dan, jeħtieġ li jsir permezz tal-politiki.

Waqt li l-prezzijiet ogħla tal-kommoditajiet huma stimulu għall-produzzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-kommoditajiet fiż-żminijiet riċenti kienet akkumpanjata minn żidiet sostanzjali fl-inputs tal-biedja.

Fil-futur, il-PAK għandha terġa' tiġi rriformata wara l-2013. Il-moviment lejn pagamenti separati se jkompli. Barra minn dan, ir-reviżjoni baġitarja tal-UE fl-2009 se teżamina l-infiq u d-dħul kollu tal-UE. Ftit hemm dubju li l-baġit tal-PAK se jiġi skrutinizzat bir-reqqa. Din l-analiżi trid tqis il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel u l-bżonn li jiġu żviluppati politiki li jtejbu s-sigurtà tal-ikel.

Ta’ min isemmi wkoll li t-taħditiet tad-WTO li fallew, f’xi ħin se jerġgħu jinfetħu. Meta dan iseħħ, il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel trid tiġi indirizzata kif jixraq, peress li t-taħdidiet fallew minħabba t-tħassib tal-Indja u ċ-Ċina dwar l-impatt taż-żieda qawwija fl-importazzjoni fuq il-popolazzjonijiet rurali tagħhom.

Ftehim fid-WTO li jistabbilixxi regoli ta’ kummerċ ġust, waqt li jirrikonoxxi t-tħassib ta’ kull pajjiż dwar is-sigurtà tal-ikel, ukoll għandu rwol x’jiżvolġi.

It-tqegħid tas-sigurtà tal-ikel fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe ftehim tad-WTO jista’ jgħin biex jipprovdi l-impetu biex jintlaħaq ftehim.

Ġeneralment, l-impatt ta’ prezzijiet għoljin ħafna tal-ikel kien serju ħafna għal kważi biljun persuna fid-dinja li jbatu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni. Madankollu, jista’ jkun li hu pprovda wkoll l-istimulu neċessarju biex tittaffa l-problema, billi beda b’enfasi aktar ċara fuq il-produzzjoni u l-produttività agrikola.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (*) (6.11.2008)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà tal-Ikel Globali

(2008/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Manolis Mavrommatis

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont l-istimi attwali ġejjin minn organizzazzjonijiet li qed jiġġieldu l-ġuħ dinji, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw persuna waħda minn kull ħamsa preżentement m’hijiex mitmugħa biżżejjed u qed tbati minn ġuħ kroniku u kull jum 'il fuq minn 30 000 tifel u tifla fid-dinja jmutu bil-ġuħ u bil-faqar,

B.   billi l-agrikultura tipprovdi l-impjieg u l-għajxien għal aktar minn 70% tan-nies li qed jaħdmu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal aktar minn 80% f’ħafna pajjiżi Afrikani, u, b’konsegwenza ta’ dan, il-politiki tal-iżvilupp rurali huma essenzjali sabiex il-faqar u l-ġuħ jiġu affrontati b’mod effettiv,

C.  billi n-nisa jipproduċu bejn 60% u 80% tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u huma responsabbli għal nofs il-produzzjoni tal-ikel tad-dinja kollha, billi n-nisa jwettqu rwol bil-wisq importanti billi jieħdu ħsieb il-familja tagħhom u billi n-nisa għandhom wisq inqas aċċess għall-art u l-mezzi ta’ produzzjoni milli għandhom l-irġiel u għalhekk għandhom jingħataw għajnuna u appoġġ xierqa,

1.   Jaffferma mill-ġdid li għall-pajjiżi li jappartienu lill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karribej u tal-Paċifiku (AKP), l-agrikultura hija settur li huwa aktar kapaċi minn oħrajn li jiġġenera t-tkabbir għan-nies rurali foqra, u b’hekk tagħmel kontribut tanġibbli biex jintlaħaq l-ewwel Għan tal-Millennju għall-Iżvilupp dwar l-eradikazzjoni tal-faqar estrem u l-ġuħ, u jenfasizza kif għalhekk hija ħaġa kruċjali li tittieħed azzjoni immedjatament u li jkun promoss investiment akbar fl-agrikultura u fl-iżvilupp rurali;

2.   Jenfasizza li l-iżvilupp agrikolu għandu jkun ibbażat primarjament fuq id-dritt għall-ikel u fuq id-dritt għall-produzzjoni tal-ikel, sabiex in-nies kollha jkunu jistgħu jkollhom id-dritt għal ikel li jkun sikur, sustanzjuż u kulturalment adattat li jkun prodott permezz ta’ metodi li jkunu jirrispettaw għal kollox l-ambjent u li jkunu sostenibbli fi struttura tal-biedja li tkun waħda awtonoma;

3..  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sovranità tal-ikel u biex tappoġġja dan b’miżuri selettivi, filwaqt li primarjament jintużaw u jkunu żviluppati l-istrutturi u r-riżorsi eżistenti – bħal m'huma ż-żrieragħ, id-demel u l-mezzi ta’ produzzjoni – kif ukoll titrawwem l-integrazzjoni reġjonali;

4.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex terġa’ tqiegħed l-agrikultura lura fiċ-ċentru tal-aġenda tagħha tal-iżvilupp, filwaqt li tagħti prijorità speċifika lil programmi għall-iżvilupp agrikolu li jkunu jinkludu miri ċari għat-tnaqqis tal-faqar u objettivi fattibbli, partikolarment miżuri li jippromwovu l-agrikultura fuq skala żgħira u l-produzzjoni tal-ikel għas-swieq lokali permezz tal-użu tal-bijodiversità, b'konċentrament partikulari fuq il-bini tal-kapaċità għall-bdiewa b'azjendi żgħar u fuq in-nisa;

5.   Jistieden ukoll lill-Gvernijiet tal-AKP biex jinkludu s-settur agrikolu fost il-prijoritajiet politiċi tagħhom sabiex jilħqu l-impenn li sar fid-Dikjarazzjoni ta’ Maputo tal-2003 li jkunu allokati għall-agrikultura tal-inqas 10% tan-nefqa pubblika; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġiġhom biex jagħmlu dan, b'mod partikulari fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-għaxar EDF;

6.   Jitlob, b’mod partikulari, li jsir finanzjament addizzjonali immedjat għall-għajnuna f’ikel u għall-għajnuna umanitarja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom l-aktar dħul baxxi u l-akbar ħtieġa fuq tul ta' żmien qasir; għalhekk jilqa' l-inizjattiva pożittiva ta' faċilità ta' biljun Euro bħala reazzjoni rapida għaż-żieda f'daqqa fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ madankollu li din il-faċilità tal-ikel u l-għajnuna f'ikel għal żmien qasir ikunu jagħmlu parti minn politika usa' u li tieħu fit-tul ta' investiment fl-agrikultura;

7.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tgħaqqad il-forzi tagħha ma’ dawk tal-Istati Membri, tal-Gvernijiet tal-AKP, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, banek ta’ żvilupp reġjonali u fondazzjonijiet privati, organizzazzjonijiet mhux governattivi u awtoritajiet lokali, biex proġetti ġodda u interventi ta’ programmi għall-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew ħafna f’daqqa jkunu inkorporati fil-programmi reġjonali b’mod aħjar;

8.   Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-AKP biex jippromwovu koordinament aħjar u involviment akbar min-naħa tal-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali u kemm il-parlamenti nazzjonali u kemm dawk reġjonali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-politika agrikola u mas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll biex jiffaċilitaw parteċipazzjoni aktar estensiva mis-soċjetà ċivili u mill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa;

9.   Jitlob li jsiru miżuri biex jittejjeb it-taħriġ ħalli ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsegwu l-edukazzjoni ogħla fl-agrikultura, inkluż it-taħrig fuq kif jintlaħqu l-istandards sanitarji u fitosanitarji tal-UE, kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol għal dawk iggradwati fl-agrikultura bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u l-migrazzjoni miz-zoni rurali għal dawk urbani, u bil-għan li jkun evitat ''it-telf tal-aħjar imħuħ" bil-migrazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-pajjiżi żviluppati;

10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-AKP, jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-impatt li għandhom fuq il-pajjiżi tal-AKP is-sussidji tal-UE fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli tal-UE u biex jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu reazzjonijiet speċifiċi u sostenibbli bil-għan li jkun evitat id-dumping, f'konformità mal-impenji li saru f'dan il-qasam;

11. Ifakkar fil-"Kodiċi ta' Mġiba Tajba fil-Prevenzjonu u l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Ikel" tal-2008 tan-Netwerk għall-Prevenzjoni tal-Kriżijiet tal-Ikel (FCPN) u jitlob li jkun implimentat u osservat fil-Politika Agrikola Komuni; barra minn hekk jappoġġja u jħeġġeġ l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-interessi tan-nisa, tal-koperattivi tal-biedja fuq skala żgħira u tal-gruppi tal-produtturi biex ikunu żgurati s-sigurtà tal-ikel u l-awtosuffiċjenza f'dak li hu ikel;

12. Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li l-agrofjuwils ma jirrappreżentawx ħlief element parzjali u temporanju tar-reazzjoni għall-impatt tat-trasport fuq it-tisħin tal-klima u fuq is-sorsi taż-żejt li qegħdin jonqsu, u jitlobhom biex minn issa 'l quddiem jiżguraw li ma jawtorizzawx il-produzzjoni tal-agrofjuwils fil-livell Ewropew ħlief fejn dawn jirrispettaw il-kriterji stretti ta' sostenibilità u fejn ma jikkompetux ma' prodotti tal-ikel;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Corina Creţu, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Toomas Savi, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Anna Záborská, Jan Zahradil, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Csaba Őry, Renate Weber, Gabriele Zimmer


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (2.12.2008)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-sigurtà globali tal-ikel

(2008/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bastiaan Belder

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

wara li qies il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (10972/2007 - COM(2007)0325),

–   wara li qies l-Artikolu 80(2), l-Artikolu 133(4), l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 300(4) tat-Trattat tal-KE,

–   wara li qies l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat tal-KE, li skont it-termini tiegħu l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C6-0275/2008),

–   wara li qies l-Artikoli 51, 83(7) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li qies ir-rapport tal-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu (A6‑0468/2008),

1.  Japprova l-konklużjonijiet ta' din il-ftehima;

2.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Istati Uniti tal-Amerika.

DIKJARAZZJONI SPJEGATTIVA

Il-Kunsill ta, nhar id-9 ta' Marzu 2004, l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tmexxi n-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbin taċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili u fil-kompatibilità ambjentali. L-awtorizzazzjoni kkontemplat ftehima li tiffoka maġġorment fuq żewġ aspetti:

· il-prodotti disinnjati, manifatturati, modifikati, jew imsewwijin taħt il-kontroll regolatorju tal-parti l-waħda għandhom jingħata l-approvazzjonijiet neċessarji faċilment biex ikunu rreġistrati jew joperaw taħt il-kontrol regolatorja tal-parti l-oħra;

· mezzi tal-ajru rreġistrati jew operanti taħt il-kontroll regolatorju tal-parti l-waħda għandha ssirilhom manutenzjoni minn organizzazzjoni li jaqgħu taħt il-kontroll regolatorju tal-parti l-oħra.

L-objettivi primarji tal-mandat għan-negozjati kienu li jiġi ffaċilitat il-kummerċ fi ħwejjeġ u servizzi li jaqgħu fl-ambitu tal-ftehima, li tkun illimitata kemm jista' jkun id-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, tat-testijiet u tal-kontrolli għad-differenzi regolatorji sinifikattivi u biex ikun hemm serħan fuq is-sistema ta' ċertifikazzjoni ta' waħda jew l-oħra mill-partijiet biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-parti l-oħra.

Il-Ftehima nnegozjati tirrifletti tista' tgħid l-istruttura tal-ftehima "klassika" fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni; hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka fis-sistema tal-parti l-oħra u fuq il-paragun bejn id-differenzi regolatorji. Tħaddan l-obbligi u l-metoda ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità tal-esportazzjoni u dik tal-importazzjoni. B'danakollu, il-mezzi ta' kif dan isir, jiġifieri, ta' kif tikkoopera u taċċetta reċiprokament is-sejbien taċ-ċertifikazzjoni tal-parti l-oħra fil-qasam tal-ajrunavigabilità u l-manutenzjoni, jinsabu fl-Annessi għall-Ftehima, bil-kontra tal-"ftehimiet klassiċi", fejn dan it-tip ta' miżuri solitament jitqiegħdu fi ftehimiet separati li ma jorbtux f'livell ta' awtorità tal-avjazzjoni ċivili. L-Annessi jirrifletti, b'mod wiesa', il-kontenut tar-Regoli ta' Implimentazzjoni Komunitarji dwar l-ajrunavigabilità (Regolament tal-Kummissjoni Nru 1702/2003) u l-manutenzjoni (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2042/2003) li jiġu modifikati mill-Partijiet permezz ta' deċiżjoni tal-Bord Bilaterali ta' Superviżjoni.

Il-Ftehima tistipula li kull parti għandha taċċetta s-sejbiet ta' ottemperanza tal-parti l-oħra. Biex jiġi żgurat li tinżamm il-kunfidenza reċiproka, tissawwar sistema ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni kontinwi permezz ta' kooperazzjoni mtejba fil-qafas tal-verifika tal-kontijiet, l-ispezzjonijiet, in-notifiki fil-ħin u l-konsultazzjoni fuq il-materji kollha li jidħlu fl-ambitu tal-Ftehima.

Il-Ftehima hija maħsuba biex taħdem mingħajr xkiel fuq bażi ta' kuljum sabiex issolvi l-kwistjonijiet tekniċi li jitqanqlu mill-implimentazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr. Għal dak il-għan inħolqu kumitat konġunt u bosta sottokumitati. It-test jippermetti lill-partijiet il-flessibilità neċessarja biex jirreaġixxu immedjatament għal problemi ta' sigurtà u biex iwaqqfu livell ogħla ta' protezzjoni skont ma jqisu li huwa xierqa għas-sigurtà. Sabiex jiġi permess għaż-żewġ li jittrattaw tali sitwazzjonijiet mingħajr ma jqiegħdu fil-periklu l-validità tal-ftehima, ġew ikkontemplaw proċeduri speċifiċi. B'danakollu, jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jsibu rimedju sodisfaċenti għal xi sitwazzjoni speċifika, il-Ftehima tipprova l-ewwel għall-possibilità tas-sospensjoni tal-aċċettazzjoni tas-sejbiet tal-Awtorità Kompetenti kkontestata u t-tieni għall-mezzi u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għat-terminazzjoni ta' taqsima mill-Ftehima jew għall-Ftehima fis-sħuħija tagħha.

Il-Ftehima nnegozjata mill-Kummissjoni ġiet iffirmata u għandha tiġi applikata provviżorjament. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill kif proposta tagħti s-setgħa lill-President tal-Kunsill jaħtar persuna li jkollha s-setgħa tinnotifika lill-Istati Uniti tal-Amerika li l-proċeduri interni neċessarji għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehima ġew ikkompletati.

Il-Parlament huwa intitolat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-Ftehim skont il-proċedura ta' konsultazzjoni, skont it-termini tal-Artikolu 83 "Ftehmiet Internazzjonali," paragrafu 7 li jgħid hekk:

"Il-Parlament għandu jagħti l-opinjoni tiegħu, jew l-approvazzjoni tiegħu, dwar il-konklużjoni, rinnovament jew emendar ta' ftehima internazzjonali jew ta' protokoll finanzjarju konkluż mill-Komunità Ewropea b'votazzjoni waħda permezz ta' maġġoranza tal-voti mitfugħa mingħajr ma jkunu ammissibbli l-emendi fit-test tal-ftehima jew tal-protokoll."

Fuq il-bażi tas-suespost, ir-rapporteur jissuġġerixxi li l-kumitat TRAN għandu jagħti opinjoni favorevoli għall-konklużjoni ta' din il-Ftehima.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Christopher Beazley, Angelika Beer, Bastiaan Belder, Monika Beňová, André Brie, Marco Cappato, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Flaviu Călin Rus, István Szent-Iványi, Charles Tannock

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Tunne Kelam


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (13.11.2008)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel

(2008/2153(INI))

Rapporteur: Béla Glattfelder

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jikkunsidra li s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja kull ma tmur qed tkun aktar mhedda mill-volatilità għolja tal-prezzijiet tal-ikel, ħaġa li dan l-aħħar dehret f'żieda sinifikanti fil-prezzijiet, wara 30 sena ta' tnaqqis fil-prezzijiet f'termini reali; jenfasizza li huma l-popolazzjonijiet l-ifqar, kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fil-pajjiżi żviluppati, li huma l-aktar milquta;

2.  Jikkalkula li ż-żieda esaġerata u f'daqqa ta' dan l-aħħar fil-prezzijiet primarjament tista' tkun spjegata miż-żieda strutturali fid-domanda dinjija għall-prodotti agrikoli, b'riżultat taż-żieda fil-popolazzjoni, ta’ tibdil fl-użanzi tal-ikel u tal-intensifikar fil-produzzjoni tal-agrofjuwils, kif ukoll minn żviluppi li mhumiex favorevoli bħal uċuħ tar-raba’ ħżiena u l-ispekulazzjoni fis-swieq tad-dinja, li qiegħda toħloq problemi sinifikanti lill-ifqar sezzjoni tal-popolazzjoni kemm fl-Ewropa u wisq aktar fil-pajjiżi fqar fid-dinja; jenfasizza għalhekk li din il-kriżi mhijiex waħda li se tgħaddi malajr u li tinħtieġ reazzjoni globali għal tul ta' żmien;

3.  Jenfasizza li l-isforzi biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tan-nies, b'mod partikulari rigward l-ikel u l-ilma ħafna drabi jistgħu jkunu sors ta' konflitti; jinnota li ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija li mistennija tikber bi 3 biljuni sal-2050 se tkabbar dawn it-tensjonijiet fir-reġjunijiet kollha tad-dinja; jitlob għalhekk, li dan il-fattur ġeostrateġiku jitqies fit-tfassil tal-politika agrikola ġejjiena;

4.  Jenfasizza li l-isfidi attwali tal-ikel jeħtieġu żieda fil-produzzjoni tal-ikel biex tiġi livell maż-żieda fid-domanda, filwaqt li titjieb il-kwalità, jitnaqqsu l-ispejjeż u tiġi żgurata aktar sostenibilità; iqis li biex jintlaħaq dan, jeħtieġ li l-politiki pubbliċi jerġgħu jiġu riveduti bil-ħsieb li jitjiebu l-produzzjoni u l-metodi tal-immaniġġjar tal-ħażniet u r-regolamenti tas-suq dinji;

5.  Billi fattur importanti fil-produzzjoni globali tal-ikel huwa n-nuqqas ta' kummerċ fi prodotti tal-ikel, jinnota li skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, il-produzzjoni dinjija tar-ross żdiedet fl-2007 filwaqt li l-kummerċ tar-ross fl-istess sena naqas;

6.  Huwa tal-fehma li liberalizzazzjoni akbar u mhux regolata tal-kummerċ agrikolu se twassal għal żieda akbar fil-prezzijiet tal-ikel u volatilità wisq akbar fil-prezzijiet; jenfasizza li l-aktar li se jkunu milquta huma l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli u dipendenti mill-importazzjoni tal-prodotti tal-ikel; ikompli jenfasizza li r-regoli tal-kummerċ dinji m’għandhom fl-ebda każ imorru kontra d-dritt tal-pajjiżi jew tar-reġjuni li jappoġġjaw is-setturi agrikoli tagħhom biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel għall-popolazzjoni tagħhom;

7.  Jemmen li politiki li jiftħu s-swieq għall-prodotti agrikoli fil-qafas tad-WTO u tal-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-telf tas-sigurtà tal-ikel f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-kuntest tal-kriżi dinjija attwali fil-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' teżamina b'mod xieraq is-sistema tagħha ta' suq ħieles fil-kummerċ agrikolu;

8.  Jistieden lill-pajjiżi l-kbar li jesportaw l-ikel (il-Brażil, l-Arġentina, it-Tajlandja, eċċ.) biex jaġixxu bħala fornituri affidabbli ta' ikel bażiku u biex jevitaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jista' jkollhom konsegwenzi diżastrużi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma foqra u li jimportaw l-ikel;

9.  Jinsisti li l-UE għandha tipparteċipa fil-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-ikel fid-dinja kollha u li kull forma ta' agrikoltura hija meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan; iqis ukoll li l-UE għandha tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel tagħha billi żżomm il-prinċipji fundamentali u l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP): prezzijiet raġonevoli, l-iżgurar tad-disponibilità tal-provvisti, l-istabilità tas-swieq, biex ikun żgurat standard ta’ għajxien ġust u żieda fil-produttività permezz tal-progress teknoloġiku u wċuħ tar-raba' aħjar, u billi jinħolqu xbieki ta’ sikurezza għal rispons għal kriżijiet bħal dawk li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum;

10. Jiddispjaċih li l-miżuri l-ġodda proposti mill-Kummissjoni bħala parti mill-Health Check tal-CAP ma jqisux biżżejjed it-tagħlimiet mill-kriżi attwali tal-ikel;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex torjenta l-produzzjoni tal-agrofjuwils lejn dawk tat-tieni ġenerazzjoni, sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-provvista tal-ikel u sabiex jiġu riveduti u adattati l-miri stabbiliti tal-produzzjoni tal-agrofjuwils skont kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikati b’mod ċar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Caroline Lucas, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Ole Christensen, Albert Deß, Eugenijus Maldeikis, Javier Moreno Sánchez, Zbigniew Zaleski

Sostituti (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sepp Kusstatscher, Michel Teychenné


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (3.12.2008)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel

(2008/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Silvia-Adriana Ţicău

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq l-importanza ta' analiżi komprensiva tal-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew, filwaqt li jitqiesu l-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew għall-konsumatur aħħari, fenomeni tat-temp aktar qawwija u żieda fid-domanda għall-enerġija minħabba ż-żieda tal-popolazzjoni dinjija, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga aktar dwar ir-rabta li jista' jkun hemm bejn il-prezzijiet tal-ikel għoljin u l-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, b'mod partikulari tal-fjuwil;

2.  Jinnota li l-kriżi globali tal-ikel hija fost l-akbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja; f'dak ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi riċenti tal-Kummissjoni biex tinvestiga mezzi kif tittratta l-kwistjoni tas-sigurtà globali tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw inizjattivi bħal din f'livell nazzjonali u lokali;

3.  Jagħraf li jeħtieġ li s-settur agrikolu, li jiġġenera parti sinifikanti mit-total tal-emissjonijiet ta' CO2, jitjieb fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija;

4.  Jikkunsidra li l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijoenerġija jista' jkollu impatt pożittiv fuq is-settur tal-agrikoltura u tal-ipproċessar tal-ikel li qed ibati minħabba prezzijiet ogħla ta' inputs bħal ma huma l-fertilizzanti, il-pestiċidi, u d-diżil, kif ukoll minħabba spejjeż ogħla għat-trasport u l-ipproċessar;

5.  Jagħraf li s-settur agrikolu jsostni l-għajxien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għalhekk iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw mekkaniżmu ta' politiki agrikoli stabbli u trasparenti li jiżguraw ippjanar għall-futur imbiegħed u żvilupp sostenibbli;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-effetti taż-żieda tal-produzzjoni tal-bijoenerġija fl-UE u f'pajjiżi terzi fir-rigward tal-bidliet fl-użu tal-art, il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u l-aċċess għall-prodotti tal-ikel;

7.   Itenni li l-inċentivi għall-kultivazzjoni sostenibbli tal-uċuħ tar-raba' użati għall-enerġija m'għandhomx jipperikolaw il-produzzjoni tal-ikel;

8.  Jenfasizza li jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ, fir-rigward tal-kriterju tas-sostenibilità għall-bijofjuwils, li minn naħa waħda, jippermetti li jiġu evitati kwalunkwe effetti negattivi taż-żieda fil-produzzjoni tal-bijoenerġija fuq il-bijodiversità, il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u kif tintuża l-art u li, min-naħa l-oħra, ma jdgħajjifx l-prospetti li jintlaħqu l-miri għall-enerġija li tiġġedded għall-2020;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp biex jipprevjenu l-bidla fil-klima u jadattaw għaliha, anke, fost affarijiet oħra, ir-riċerka dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta' bijofjuwils, b'mod partikolari l-użu tal-uċuħ tar-raba' li jrendu ħafna enerġija, fertilizzanti li jħarsu l-ambjent li jkunu kemm jista' jkun effettivi, teknoloġiji agrikoli ġodda bl-anqas effetti negattivi fuq l-użu tal-art, l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' pjanti li jkunu reżistenti għall-bidliet fil-klima u għal mard marbut ma' dawn il-bidliet u riċerka dwar modi kif l-iskart jista' jintuża fl-agrikoltura;

10. Jemmen li hemm bżonn ta' aktar riċerka agrikola, biex tiżdied il-produttività agrikola sostenibbli, u jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw għalkollox l-opportunitajiet mogħtija f'dan ir-rigward mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u biex jadottaw miżuri li jtejbu l-produzzjoni agrikola b'mod sostenibbli u li jkun effiċjenti f'sens ta' enerġija.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, David Hammerstein, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Ján Hudacký, Werner Langen, Anne Laperrouze, Pia Elda Locatelli, Eluned Morgan, Antonio Mussa, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Alexander Alvaro, Pierre Pribetich, John Purvis, Silvia-Adriana Ţicău, Vladimir Urutchev


ANNESS

D(2008) 64227

                                                                             Is-Sur Neil Parish

Chairman

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Suġġett:           AGRI Abbozz ta’ Rapport dwar il-Plitika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Global ital-Ikel INI 2008/2153 (rapporteur Mairead McGuiness)

Għażiż Chairperson,

Ir-rapport li jidher hawn fuq qajjem interess kbir fil-Kumitat għall-Baġits. Ħafna mill-aspetti baġitarji kienu indirizzati fil-qafas tar-rapport riċenti tal-Kumitat għall-Iżvilupp li sar minn Gay Mitchell dwar “faċilità għal reazzjoni rapida għall-prezzijiet tal-ikel dejjem jiżdieu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw” filwaqt li l-Konċiljazzjoni tal-Baġit riċenti tal-21 ta’ Novembru wassal għal żviluppi dwar il-Faċilità tal-Ikel. Għalhekk, minflok opinjoni formali, qed inressqu l-kummenti tagħha permezz ta’ ittra.

Aħna nappoġġjaw b’mod sħiħ ħafna mir-riżultati tal-abbozz ta’ rapport tas-Sna McGuiness, b’mod partikolari t-tneħħija tar-rifużjonijiet kollha tal-esportazzjoni sal-2013 u s-segwitu ta’ aktar riforma skont il-ftehimiet mad-WTO. Nixtieq nerġa’ nfakkar f’xi aspetti baġitarji ewlenin relatati:

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftehmu li jiffinanzjaw “reazzjoni rapida għall-prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw” (Faċilità tal-Ikel) fuq perjodu ta’ 3 snin taħt l-Intestatura 4 (“ L-Unjoni Ewropea bħala sieħba globali) tal-qafas finanzjarju plurijennali, b’ammont ta’ biljun EUR, li se jkun maqsum fuq in-numru ta’ snin kif ġej: EUR 262 miljun fl-2008, EUR 568 miljun fl-2009 u EUR 170 miljun fl-2010 li se jittieħdu mir-riallokazzjoni ta' fondi tal-Istrument għall-Istabilità, tal-Istrument għall-Flessibilità u tar-Riżerva tal-Għajnuna f’Emerġenza. Għal dan l-għan, fl-2008 se jkun entrat l-ammont addizzjonali ta’ EUR 240 miljun f’impenji għar-Riżerva tal-Għajnuna f’Emerġenza u se tiddaħħal il-linja baġitarja għall-Faċilità tal-Ikel. Fl-2009, l-ammont ta’ EUR 490 miljun f’impenji u EUR 450 miljun fi ħlasijiet se jiddaħħlu fil-baġit għall-Faċilità tal-Ikel.

L-iskeda tal-ħlas għall-Faċilità tal-Ikel hija mistennija lit kun EUR 450 miljun fl-2009, EUR 350 miljun fl-2010 u EUR 200 miljun fl-2011 u s-snin sussegwenti, skont l-awtorizzazzjoni tal-awtorità baġitarja f’kull proċedura baġitarja annwali.

2. Fl-istess okkazzjoni il-Kummissjoni intalbet tiżgura konsistenza u kumplimentarjetà tal-Faċilità tal-Ikel mal-Fond Ewropew għall-Iżvilup (EDF).

3. Il-konsistenza għandha tkun segwita wkoll rigward il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-Programm Dinji tal-Ikel u programme oħra tan-NU favur l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel. Id-dikjarazzjoni konġunta waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni enfasizzat l-importanza tat-titjib tal-viżibilità tal-assistenza Komunitarja b’mod ġenerali.

4. Rigward paragrafu 28 tar-Rapport McGuiness, niftakar li fl-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits lill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-24 ta' Settembru 2008, kienet ġiet ivvutata emenda dwar l-importanza ta’ faċilità ta’ mikrikrediti għall-produtturi agrikoli żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw affettwati mill-kriżi. Din il-faċilità ta’ mikrikreditu għandha tkun żviluppata b’mod parallel mal-istrumenti eżistenti (L-Istrument Finanzjarju għall-Koperazzjoni tal-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-iżvilupp (EDF))u għandu jkollha l-għan li tistimola l-produzzjoni.

Dejjem tiegħek,

R. Böge

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luis Manuel Capoulas Santos, Joseph Daul, Carmen Fraga Estévez, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Stéphane Le Foll, Véronique Mathieu, Rosa Miguélez Ramos, Neil Parish, Agnes Schierhuber, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Milan Horáček, Astrid Lulling, Jan Mulder, Maria Petre, Kyösti Virrankoski

Avviż legali - Politika tal-privatezza